EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0980

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/980 tas-6 ta’ Lulju 2020 li tawtorizza lill-Ġermanja biex tidderoga minn rekwiżiti tekniċi tal-Annessi II u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bastimenti tal-passiġġieri Innogy u Alsterwasser (notifikata bid-dokument C(2020) 4435) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

C/2020/4435

OJ L 220, 9.7.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/10/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/980/oj

9.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/980

tas-6 ta’ Lulju 2020

li tawtorizza lill-Ġermanja biex tidderoga minn rekwiżiti tekniċi tal-Annessi II u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-bastimenti tal-passiġġieri Innogy u Alsterwasser

(notifikata bid-dokument C(2020) 4435)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(1)(b) tagħha,

Wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/672/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-boatmasters nazzjonali għat-trasportazzjoni ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri permezz ta’ passaġġi interni fuq l-ilma (2),

Billi:

(1)

Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tidderoga minn ċerti rekwiżiti tekniċi tal-Annessi II u V tad-Direttiva (UE) 2016/1629 għall-bastimenti tal-passiġġieri Innogy u Alsterwasser

(2)

Id-deroga proposta tikkonċerna l-użu tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil bil-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passiġġieri “Innogy” u “Alsterwasser”.

(3)

Iċ-ċelloli tal-fjuwil huma teknoloġija promettenti fil-kuntest tas-sostenibbiltà tal-enerġija nadifa u tal-fjuwils alternattivi għall-bastimenti.

(4)

Fl-ambitu tat-trasport marittimu, attwalment jeżistu diversi żviluppi speċifiċi fir-rigward taċ-ċelloli tal-fjuwil; dan bis-saħħa ta’ proġetti ta’ riċerka u proġetti pilota li żvelaw potenzjal qawwi għal implimentazzjoni ulterjuri fuq skala akbar (FCShip, Felicitas, METHAPU u MC-WAP).

(5)

Id-deroga proposta tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u l-użu ta’ teknoloġija ġdida fin-navigazzjoni interna permezz tal-implimentazzjoni pilota tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil f’bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

(6)

Dawn it-testijiet huma parti mill-implimentazzjoni tat-teknoloġija, li hija l-uniku mod biex tinbeda l-fażi ta’ produzzjoni possibbli.

(7)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni huma pprovduti fl-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna (l-istandard ES-TRIN) (3), li ġie stabbilit mis-CESNI. L-istandard ES-TRIN 2017/1, applikabbli attwalment, ma fih l-ebda regola dwar l-użu tal-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni.

(8)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet regolatorji għall-użu tal-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, jeħtieġ li jiġi żgurat livell adegwat ta’ sikurezza għall-użu propost tal-metanol bħala fjuwil.

(9)

L-awtoritajiet Ġermaniżi spjegaw li bil-mezzi definiti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jista’ jinkiseb livell adegwat ta’ sikurezza.

(10)

Dawn il-mezzi ġew żviluppati filwaqt li tqiesu d-dispożizzjonijiet attwali tal-Kapitolu 30 tal-ES-TRIN (Dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-inġenji mgħammra b’sistemi ta’ propulsjoni jew b’sistemi awżiljarji li jaħdmu bi fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà ta’ 55 °C jew inqas) u tal-Anness 8 tal-ES-TRIN (Dispożizzjonijiet supplimentari applikabbli għall-inġenji mgħammra b’sistemi ta’ propulsjoni jew b’sistemi awżiljarji li jaħdmu bi fjuwils b’punt ta’ fjammabbiltà ta’ 55 °C jew inqas).

(11)

Il-Kummissjoni vvalutat l-użu tat-teknoloġija taċ-ċelloli tal-fjuwil bil-metanol bħala fjuwil għall-bastimenti tal-passiġġieri kif ukoll il-livell adegwat ta’ sikurezza tad-deroga proposta, abbażi tal-eżami tekniku mwettaq mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tal-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ Standards fin-Navigazzjoni Interna (CESNI). Ir-riżultati ta’ dak l-eżami tekniku huma stabbiliti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet Nru 3/2017 u Nru 4/2017 tas-CESNI, tat-28 ta’ Settembru 2019.

(12)

Il-valutazzjoni tar-riskju annessa mal-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet tidentifika u tivvaluta l-perikli possibbli li jirriżultaw mill-użu tal-metanol bħala fjuwil u mit-tħaddim ta’ sistema ta’ ċelloli tal-fjuwil abbord il-bastiment tal-passiġġieri, fejn tqiesu l-miżuri ta’ protezzjoni eżistenti. Il-konklużjoni tal-valutazzjoni tar-riskju hija li t-tħaddim, il-bunkering u l-manutenzjoni tas-sistema jistgħu jitwettqu b’mod sikur, fejn jitqiesu l-miżuri u l-proċeduri ppjanati definiti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet.

(13)

Abbażi tar-riżultati tal-eżami tekniku mwettaq mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tas-CESNI, il-Kummissjoni hija sodisfatta li jkun żgurat livell adegwat ta’ sikurezza, diment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-rekwiżiti tekniċi tas-CESNI. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(14)

Id-deroga tikkonċerna l-ħruġ ta’ ċertifikat tal-Unjoni għan-navigazzjoni interna għal skopijiet ta’ prova li jinkorpora speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Anness 8 tal-istandard ES-TRIN 2017/1, u dan jingħata għal perjodu limitat sal-1 ta’ Ottubru 2022,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja tista’ tidderoga mir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness 8 tal-istandard ES-TRIN 2017/1 f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness (4) ta’ din id-Deċiżjoni, għall-bastimenti tal-passiġġieri li ġejjin:

Innogy, bin-Numru Uniku Ewropew ta’ Identifikazzjoni tal-Bastiment 04804940,

Alsterwasser, bin-Numru Uniku Ewropew ta’ Identifikazzjoni tal-Bastiment 04807190.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-1 ta’ Ottubru 2022.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118.

(2)  ĠU L 373, 31.12.1991, p. 29.

(3)  L-Istandard Ewropew li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna http://cesni.eu/en/documents/es-trin-2017/

(4)  It-test awtentiku tad-Deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha, jinstab fuq: https://ec.europa.eu/transport/modes/inland/vessels_en


Top