EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0901

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/901 tad-29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

ST/6651/2020/INIT

OJ L 207, 30.6.2020, p. 15–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/901/oj

30.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/901

tad-29 ta’ Ġunju 2020

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (“l-Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari billi jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b’appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħas-Segretarjat Tekniku Proviżorju tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO, Comprehensive Nuclear-Test-Ban Treaty Organization).

(3)

Fis-17 ta’ Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK (1) dwar l-universalizzazzjoni u t-tisħiħ ta’ ftehimiet multilaterali fil-qasam tan-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ twassil tagħhom. Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBT, Comprehensive Nuclear-Test-Ban Treaty).

(4)

L-Istati Firmatarji għas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, mogħtija kapaċità ġuridika u li jkollha prestiġju bħala organizzazzjoni internazzjonali, biex twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sa meta tiġi stabbilita s-CTBTO.

(5)

Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. F’dak il-kuntest, il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea komplew jenfasizzaw l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-ħtieġa li s-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tas-CTBT tinżamm u tissaħħaħ.

(6)

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti stqarr f’“Securing Our Common Future: An Agenda for Disarmamen t” (Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna: Aġenda għad-Diżarm) li bir-restrizzjoni tal-iżvilupp ta’ tipi ġodda u avvanzati ta’ armi nukleari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari rażżan it-tellieqa tal-armi u li huwa jservi wkoll ta’ ostaklu normattiv b’saħħtu kontra l-Istati potenzjali li jistgħu jfittxu li jiżviluppaw, jimmanifatturaw u sussegwentement jakkwistaw armi nukleari bi ksur tal-impenji tagħhom ta’ nonproliferazzjoni.

(7)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti u erba’ Deċiżjonijiet dwar l-appoġġ għal attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, jiġifieri l-Azzjonijiet Konġunti 2006/243/PESK (2), 2007/468/PESK (3) u 2008/588/PESK (4), u d-Deċiżjonijiet 2010/461/PESK (5), 2012/699/PESK (6), (PESK) 2015/1837 (7) u (PESK) 2018/298 (8).

(8)

Dak l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jitkompla.

(9)

L-implimentazzjoni teknika ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO li, abbażi tal-għarfien espert u l-kapaċitajiet uniċi tagħha bis-saħħa tan-network tas-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali (IMS, International Monitoring System), li tinkludi aktar minn 337 faċilità madwar id-dinja, u taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC, International Data Centre), hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità u l-leġittimità li timplimenta din id-Deċiżjoni. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta’ kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li titkompla l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tas-CTBTO, li għandhom l-għan li:

(a)

jsaħħu l-kapaċitajiet tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ verifika tas-CTBT, inkluż ir-rilevament radjunuklidu;

(b)

jsaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji għas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ verifika taħt is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni tagħhom fir-reġim tas-CTBT.

2.   Il-proġetti li ser jiġu ffinanzjati mill-Unjoni għandhom jappoġġaw:

(a)

il-manutenzjoni ta’ stazzjonijiet sismiċi awżiljarji ċertifikati, li jagħmlu parti mill-IMS tas-CTBTO;

(b)

l-involviment mal-Istati Firmatarji, inklużi l-validazzjoni u l-ittestjar ta’ sistemi tekniċi bl-użu tat-teknoloġija tal-Cloud għat-tielet fażi tal-inġinerija mill-ġdid taċ-Ċentru tal-IDC;

(c)

l-iżvilupp tal-mudell ta’ Trasport Atmosferiku ta’ Riżoluzzjoni Għolja Msaħħaħ;

(d)

studju dwar titjib possibbli fil-prestazzjoni ta’ simulazzjonijiet FLEXPART permezz tal-aċċellerazzjoni tal-Unità tal-Ipproċessar ta’ Grafika;

(e)

l-iżvilupp ta’ strument ta’ valutazzjoni tal-isfond biex jikkwantifika kontribuzzjonijiet radjukseno għar-rilevament fi stazzjonijiet tal-IMS;

(f)

l-iżvilupp ta’ strument ta’ valutazzjoni ta’ terminu tas-sors;

(g)

l-għoti ta’ appoġġ minn servizz ta’ għajnuna u ta’ appoġġ ta’ aġġornament lill-pjattaforma taċ-ċentru virtwali għall-użu tad-data;

(h)

it-tkomplija tal-kampanji ta’ kejl mobbli tar-radjuksenon f’reġjuni differenti tad-dinja;

(i)

l-għoti ta’ assistenza teknika inklużi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni integrati bħat-titjib tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar awtomatiku fil-qasam sismiku, idroakustiku u tal-infrasound (SHI) fl-NDC-in-a-Box u prodotti tal-IDC simplifikati u konformi mal-istandards u aċċess għas-servizzi għaċ-Ċentri tad-Data Nazzjonali (NDCs, National Data Centres);

(j)

l-appoġġ għal taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u segwitu għall-NDCs emerġenti f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp madwar id-dinja, u l-akkwist u l-manutenzjoni ta’ sistemi tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-NDCs;

(k)

l-appoġġ tal-evoluzzjoni u l-omoġenizzazzjoni tas-sistema interattiva tal-ipproċessar ta’ teknoloġija multi-waveform;

(l)

l-organizzazzjoni ta’ korsijiet introduttorji reġjonali abbażi ta’ sorsi miftuħa dwar impatti sismiċi għal żewġ reġjuni ġeografiċi tas-CTBT;

(m)

attività ta’ sensibilizzazzjoni ta’ pajjiżi li mhumiex firmatarji u pajjiżi li ma rratifikawx it-Trattat, inklużi Stati li l-firma u r-ratifika tagħhom huma meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tas-CTBT, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal żgħażagħ, membri parlamentari, ġurnalisti u xjentisti f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jew f’pajjiżi emerġenti.

3.   Fl-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jiġu żgurati kemm il-viżibbiltà tal-Unjoni kif ukoll il-ġestjoni xierqa tal-programm fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   Il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Firmatarji kollha għas-CTBT.

5.   Il-komponenti kollha tal-proġett għandhom ikunu appoġġati minn attivitajiet proattivi u innovattivi ta’ sensibilizzazzjoni pubblika, u jiġu allokati riżorsi skont dawn.

6.   Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tinsab deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 6 288 892,37.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-ammont ta’ referenza finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ma jkun ġie konkluż ebda ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ġunju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

A. METELKO-ZGOMBIĆ


(1)  Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/805/PESK tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-universalizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi għad-distruzzjoni tal-massa u l-mezzi ta’ twassil tagħhom (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34).

(2)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/243/PESK tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar sostenn għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta’ kapaċitajiet għall-verifika u fil-qafas tal-implementazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Distruzzjoni Massiva (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68).

(3)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/468/PESK tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifikazzjoni tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda tal-Massa. (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31).

(4)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/588/PESK tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/461/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali tal-Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7).

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/699/PESK tat-13 ta’ Novembru 2012 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 27).

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1837 tat-12 ta’ Ottubru 2015 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 266, 13.10.2015, p. 83)

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/298 tas-26 ta’ Frar 2018 dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja għall-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta’ Provi Nukleari (CTBTO) sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ verifika u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 56, 28.2.2018, p. 34).


ANNESS

Intestatura 1: Appoġġ għat-Teknoloġiji ta’ Verifika u s-Sistema ta’ Monitoraġġ

Komponent 1: Proġett 1: Sosteniment Kontinwu mis-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali (IMS, International Monitoring System) tal-Istazzjonijiet Sismiċi awżiljarji ċertifikati tal-IMS

Proġett 1: Sosteniment Kontinwu tal-Istazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji Ċertifikati tal-IMS

Kuntest

L-enfasi ewlenija ta’ dan il-proġett ser tkun fuq li jkomplu jiġu indirizzati l-istazzjonijiet awżiljarji li qed ifallu, li jeħtieġu azzjoni urġenti ta’ manutenzjoni, li preferibbilment ikunu jinsabu f’pajjiżi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet finanzjarji, filwaqt li fl-istess ħin tkompli ssir manutenzjoni preventiva. Din issir billi jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ tagħmir li ma għadux jintuża u l-aġġornamenti b’konsegwenza ta’ dan, kif ukoll permezz tat-titjib tal-livelli tar-rikambju tat-tagħmir.

Objettivi u Riżultati

L-objettiv prinċipali huwa li l-istazzjonijiet fil-mira jilħqu livell tekniku kompatibbli mar-rekwiżiti tal-IMS b’mod sostenibbli. Il-manutenzjoni preventiva adegwata u r-rikambju tat-tagħmir assoċjat jgħinu biex jinkiseb dan l-objettiv. B’mod simili, l-appoġġ għall-istazzjonijiet u l-operatur(i) tagħhom f’każ ta’ manutenzjoni korrettiva urġenti, inkluż żjarat fuq il-post tal-istazzjon, fejn meħtieġ, ser inaqqas kemm jista’ jkun il-ħin ta’ waqfien u jgħin biex jiġi sostnut l-istazzjon(ijiet). Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li dan jinkiseb flimkien ma’ kompiti oħrajn bħal taħriġ u workshops għall-operaturi tal-istazzjonijiet sabiex tiżdied kemm jista’ jkun is-sostenibbiltà. Bħal fi proġetti preċedenti taħt finanzjament preċedenti mill-Unjoni, ser jiġi impjegat persunal temporanju full-time biex jippjana u jwettaq proġetti ta’ ħidma fl-istazzjonijiet rilevanti.

Disponibbiltà akbar ta’ data u kwalità ogħla ta’ data tan-network ta’ Stazzjonijiet Awżiljarji minħabba struttura ta’ sosteniment imsaħħa li twassal għal viżibbiltà akbar għall-UE.

Komponent 2: Proġetti 2-8

Proġett 2: L-involviment mal-Istati Firmatarji, inkluż il-validazzjoni u l-ittestjar ta’ sistemi tekniċi bl-użu tat-teknoloġija tal-Cloud għall-Fażi 3 tat-Tfassil mill-Ġdid taċ-Ċentru tad-Data Internazzjonali (IDC)

Kuntest

L-IDC beda l-Fażi 3 tal-Proġett ta’ Tfassil mill-Ġdid (RP3) tal-IDC li għandu l-għan li tiġi żviluppata sistema komprensiva ta’ software għall-ipproċessar SHI (sismiku, idroakustiku u tal-infrasound) matul l-għaxar snin li ġejjin.

Il-proġett ser iwassal għal titjib notevoli fis-sistema SHI eżistenti, bħal:

titjib fil-flessibbiltà tal-interfaċċa tal-utent għall-għodod tal-analisti, titjib fil-fluss ta’ ħidma tar-rieżami tal-analisti, fil-ġestjoni tal-avvenimenti, fil-korrelazzjoni trasversali u t-tqabbil tal-avvenimenti, fl-integrazzjoni tal-għodod tal-mapep u tal-mapep, fil-viżwalizzazzjoni u l-editjar ta’ maskri tal-kontroll tal-kwalità tal-forma tal-mewġa, fil-wiri tal-frekwenza-numru (FK) tal-mewġa u fl-appoġġ għat-taħriġ tal-analisti;

ġbir komprensiv tal-oriġini tad-data sabiex wieħed jifhem kif inkisbu r-riżultati tal-ipproċessar, u investigazzjoni tal-evoluzzjoni tar-riżultati hekk kif tinbidel l-informazzjoni disponibbli;

l-estensibbiltà bħala karatteristika ewlenija inkorporata fil-komponenti kollha;

konfigurazzjoni integrata u flessibbli tal-pipeline SHI appoġġata minn għodod grafiċi;

faċilitazzjoni ta’ mudell ġdid għall-iżvilupp ta’ software kollaborattiv billi jiġu segwiti l-aħjar prattiki fl-iżvilupp ta’ software b’sors miftuħ;

titjib fil-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ u ttestjar – Riproduzzjoni tas-Sett tad-Data ta’ Ttestjar.

It-Tieni Proġett ta’ Tfassil mill-Ġdid (RP2) twettaq permezz ta’ Kontribuzzjoni In Natura mill-Istati Uniti kif ukoll tal-finanzjament taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2015/1837. Il-finanzjament intuża, b’mod partikolari, biex jiġu sostnuti l-laqgħat tekniċi mal-esperti mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat sehem wiesa’ fl-RP2. Dawk il-fondi appoġġaw ukoll attivitajiet ta’ ħolqien ta’ prototipi, biex jintwera kif is-software mogħti miċ-Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) jista’ jiġi integrat fl-arkitettura mfassla mill-ġdid.

Bi tħejjija għal RP3, il-fondi taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2018/298 intużaw biex jgħollu l-livell ta’ tħejjija tat-teknoloġija għal diversi algoritmi, li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni fis-software mfassal mill-ġdid, speċifikament biex jiġu pprovduti modi aħjar biex jiġu proċessati s-sekwenzi ta’ repliki sismiċi b’mod awtomatiku jew semiawtomatiku.

Objettivi

Appoġġ għall-evoluzzjoni tas-sistema mfassla mill-ġdid biex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-NDC mill-bidu, billi jiġu appoġġati t-talbiet tal-NDC għal software u aġġornamenti relatati, u funzjonalitajiet għat-twettiq ta’ attivitajiet tal-NDC.

Offerta ta’ aċċess b’livell baxx ta’ ostakli biex l-Istati Firmatarji jappoġġaw, jivvalutaw u jivvalidaw il-progress tal-proġett ta’ tfassil mill-ġdid tal-IDC.

It-tisħiħ tal-impenn tal-komunità tal-NDC fil-Fażi 3 tal-proġett ta’ Tfassil mill-Ġdid tal-IDC

Evalwazzjoni tal-fattibbiltà ta’ offerta futura ta’ “NDC bħala servizz”, bl-użu tat-teknoloġija tal-cloud.

Riżultati

Pjattaforma għall-evalwazzjoni u l-ittestjar msejsa fuq il-cloud għall-NDCs, biex tiġi eżaminata l-funzjonalità kif ukoll ir-rekwiżiti mhux funzjonali tas-sistema SHI mfassla mill-ġdid.

Istanzi ospitati multipli tal-pjattaforma biex tkun possibbli n-noninterferenza ta’ NDCs differenti.

Sistema prototip “NDC bħala servizz”, ospitata fil-cloud.

Eżitu

Il-benefiċċju ewlieni tal-proġett huwa li jippermetti aċċess b’livell baxx ta’ ostakli għal Firmatarji tal-Istat u l-NDCs għall-istat attwali tas-sistema mfassla mill-ġdid, speċjalment għall-NDCs mingħajr kapaċità ta’ informatika u għarfien dwar l-appoġġ tas-sistema estensivi. Fuq il-bażi ta’ din il-ħidma, ser jiġu pprovduti l-fattibbiltà kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ spejjeż ta’ offerta potenzjali futura ta’ “NDC bħala servizz”.

Proġett 3: Mudell ta’ Trasport Atmosferiku ta’ Riżoluzzjoni Għolja Msaħħaħ

Kuntest

Għall-fini ta’ mmudellar ta’ trasport fuq distanza twila, is-CTBTO tuża sistema avvanzata ta’ Mmudellar ta’ Trasport Atmosferiku (ATM, Atmospheric Transport Modelling) imsejsa fuq il-Mudell Langrangjan ta’ Dispersjoni ta’ Partikoli FLEXPART. Din is-sistema tippermetti l-immudellar fuq skala globali. Madankollu, għal avvenimenti speċjali, hemm ukoll il-ħtieġa li jitwettqu simulazzjonijiet fuq skala lokali (riżoluzzjoni għolja). Ġiet żviluppata l-verżjoni bażika tal-Mudell ta’ Trasport Atmosferiku ta’ Riżoluzzjoni Għolja (HRATM, High Resolution Atmospheric Transport Model) imsejsa fuq FLEXPART-WRF, iffinanzjata mill-Unjoni taħt Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill. It-testijiet inizjali wrew liema karatteristiċi jridu jittejbu jew jiġu implimentati b’mod differenti sabiex ikun hemm sistema għalkollox affidabbli.

Objettivi

Tisħiħ ta’ mudell ta’ trasport atmosferiku ta’ riżoluzzjoni għolja (EHRAT, existing high-resolution atmospheric transport model) eżistenti u żvilupp ta’ interfaċċa għat-tnedija tiegħu.

Familjarizzazzjoni mal-verżjoni attwali tal-HRATM installat fis-CTBTO u l-lista ta’ titjib issuġġerit.

Familjarizzazzjoni mal-pipeline tal-ATM, b’mod speċifiku mal-format tad-data meteoroloġika.

Jiġu proposti, żviluppati u ttestjati soluzzjonijiet biex jiġi indirizzat dan it-titjib.

Fid-dawl tal-fatt li l-verżjoni attwali taħdem biss bid-data taċ-Ċentri Nazzjonali għat-Tbassir Ambjentali (NCEP), jiġu proposti u implimentati bidliet li jippermettu t-tħaddim tal-HRATM bid-data taċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (ECMWF).

Jiġu ttestjati każijiet differenti.

L-iżvilupp ta’ interfaċċa għat-tnedija ta’ EHRAT fil-pipeline eżistenti tal-ATM; jekk jintlaħaq qbil dwarha, din tista’ tkun parti mill-interfaċċa attwali ta’ tnedija użata biex isiru simulazzjonijiet ta’ ATM għal analiżi esperta fis-CTBTO.

Eżitu

L-EHRAT ser isir waħda mill-għodod ta’ ATM użati mill-esperti tal-ATM u mill-NDCs biex jittestjaw u jivvalidaw l-ipoteżijiet relatati, pereżempju, mal-istima ta’ fejn jinsab it-terminu sors (source-term).

Proġett 4: Studju fl-aċċellerazzjoni tal-Unità ta’ Pproċessar tal-Grafika (GPU, Graphics Processing Unit) ta’ FLEXPART (FLEX-GPU)

Kuntest

Għall-fini ta’ mmudellar ta’ trasport fuq distanza twila, is-CTBTO tuża sistema avvanzata ta’ Mmudellar ta’ Trasport Atmosferiku (ATM) imsejsa fuq il-Mudell Langrangjan ta’ Dispersjoni ta’ Partikoli FLEXPART.

Filwaqt li jitqies li, fil-ġejjieni, l-immudellar fuq il-bażi ta’ algoritmi multipli (ensemble modelling) jista’ wkoll isir parti mill-provi operazzjonali mwettqa mill-pipeline tal-ATM, qed jiġi esplorat mod ġdid biex jiġu aċċellerati s-simulazzjonijiet.

Is-CTBTO akkwistat STAZZJON NVIDIA DGX b’erba’ GPUs Tesla V100 li jagħtu 500 TFLOPS (preċiżjoni mħallta). Hija topera Linux u hija akkumpanjata minn kompilatur FORTRAN minn PGI, li fuqu jista’ jitħaddem OpenACC, li jintuża sabiex jiġu pparallelizzati algoritmi xierqa bħalma huma ċirkwiti, u kalkolazzjonijiet ta’ matriċi mfassla għal sistemi ta’ GPUs.

Objettivi

Studju biex jiġi aċċertat x’titjib possibbli tal-prestazzjoni fis-simulazzjonijiet FLEXPART jista’ jsir permezz ta’ aċċellerazzjoni tal-GPU u biex jiġi pprovdut pakkett ta’ kodiċijiet FLEXPART li jkun lest u ddokumentat u li fuqu jkun jista’ jitħaddem OpenACC.

Familjarizzazzjoni mal-verżjoni attwali ta’ FLEXPART (9.3.2.) installata fis-CTBTO u evalwazzjoni ta’ jekk huwiex possibbli li tiġi kkompilata bil-kompilatur Fortran ta’ PGI; evalwazzjoni tal-vantaġġ li jintuża FLEXPART 10 minflok FLEXPART 9.3.2.

Ħolqien ta’ profil tat-tħaddim ta’ FLEXPART biex jinstab liema algoritmi/ċirkwiti huma l-aktar xierqa għal tentattiv inizjali ta’ parallelizzazzjoni u għall-użu tal-GPUs.

Evalwazzjoni tat-titjib tal-prestazzjoni.

Kisba ta’ pakkett ta’ kodiċijiet FLEXPART li jkun lest u ddokumentat u li fuqu jkun jista’ jitħaddem OpenACC, li għandu jkun faċli li jiġi integrat mal-pipeline tal-ATM.

Eżitu

Jekk ir-riżultat ta’ dan l-istudju jkun pożittiv, il-FLEXPART modifikat jista’ jipprovdi mod ġdid biex jiġu aċċellerati s-simulazzjonijiet tal-ATM. Fil-pass li jmiss, dan jista’ jiġi integrat mal-pipeline tal-ATM u r-riżultati jistgħu jsiru disponibbli għall-NDCs.

Proġett 5: Għodda ta’ Stima tal-Isfond ta’ Ksenon (XeBET, Xenon Background Estimator Tool)

Kuntest

Il-preżenza ta’ sfond ta’ gass nobbli f’evoluzzjoni kostanti fl-atmosfera tagħmel aktar diffiċli l-identifikazzjoni pożittiva ta’ kampjun assoċjat ma’ test nukleari. Ser tiġi ġġenerata mill-Għodda ta’ Stima tal-Isfond ta’ Ksenon stima tal-kontribuzzjoni ta’ radjuksenon minn sorsi magħrufin għal kull kampjun miġbur minn sistemi ta’ gass nobbli fi stazzjonijiet tal-IMS. Din l-istima ser tgħin biex jiġi deċiż jekk ir-rilevament jistax jiġi spjegat minn sorsi magħrufin.

Objettivi

L-iżvilupp ta’ għodda ta’ stima tal-isfond (BET, background estimator tool) biex tikkwantifika l-kontribuzzjoni ta’ radjuksenon minn sorsi magħrufin għar-rilevamenti fi stazzjonijiet tal-IMS. Din l-għodda ser tkun ibbażata fuq ir-rilevamenti tal-IMS, għarfien ta’ sorsi magħrufin u s-Sensittività Sors-Riċettur (SRS) tas-CTBTO. L-għodda l-ġdida trid tkun affidabbli, ottimizzata, f’waqtha u għandu jkun faċli li tiġi ttestjata, li ssirilha manutenzjoni u li tittejjeb. Għall-ewwel ser tkun qed titħaddem fuq in-network ta’ żona lokali Development-LAN.

Twettiq ta’ analiżi tal-letteratura biex jiġi identifikat l-aħjar approċċ biex jiġu kkategorizzati u kkwantifikati r-rilevamenti tal-ksenon fid-dimensjoni ċivili fl-istazzjonijiet ta’ IMS u biex jitħejja pjan ta’ proġett għall-iżvilupp ta’ prototipi.

Ġbir ta’ informazzjoni minn sorsi magħrufin u din issir disponibbli permezz ta’ SWP.

L-elaborazzjoni ta’ bażi ta’ data online għall-ġbir ta’ informazzjoni minn sorsi magħrufin.

Żvilupp u ttestjar ta’ prototip fuq subsett ta’ stazzjonijiet tal-IMS. Il-prototip irid jiġi żviluppat biex jiġi trasferit b’mod faċli fuq id-Development-LAN tal-IDC tas-CTBTO u jrid isir disponibbli għall-NDCs.

Il-prototip jitħaddem fuq rilevamenti magħżulin li jippreżentaw sfida (eż. testijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea jew każijiet oħra) u jiġu proposti għażliet ta’ viżwalizzazzjoni.

Aġġustament u tħaddim tal-BET fuq numru kbir ta’ stazzjonijiet tal-IMS.

Kontribuzzjoni għat-trasferiment tal-IT għas-CTBTO.

Id-dokumentazzjoni ser tiddeskrivi s-suppożizzjonijiet kollha li saru biex tiġi żviluppata u titħaddem l-għodda.

Eżitu

Il-BET ser tipprovdi informazzjoni oġġettiva biex kull kampjun ta’ gass nobbli tal-IMS jgħin biex jiġi deċiż sa liema punt rilevament speċifiku jkun aktar probabbli li jkun assoċjat ma’ test nukleari jew ma’ sorsi magħrufin. Din l-informazzjoni mbagħad ser tintuża bħala kontribut għal għodda għar-rikostruzzjoni tat-terminu sors. Ir-riżultati u l-konklużjonijiet tal-istudji mwettqa jistgħu jkunu bbażati jew jiġu kondiviżi mal-komunità tal-WOSMIP (Workshop dwar il-Firem ta’ Produzzjoni ta’ Iżotopi li ssir mill-Bniedem).

Proġett 6: Għodda ta’ Stima tat-Terminu Sors

Kuntest

F’dawn l-aħħar snin, tfaċċaw diversi approċċi promettenti biex jiġu stmati l-parametri għat-terminu sors (il-post, il-profil temporali tar-rilaxx u l-ammont totali ta’ radjuattività rilaxxata) minn rilevamenti. Din l-informazzjoni dwar il-parametri ta’ materjal perikoluż merħi wara inċident hija importanti ħafna għas-CTBTO fil-każ ta’ avveniment rilevanti għat-Trattat. Il-propożizzjoni hija li wieħed minn dawk l-approċċi jiġi adattat għall-ħtiġijiet tas-CTBTO. L-għodda l-ġdida trid tkun affidabbli, ottimizzata, f’waqtha u għandu jkun faċli li tiġi ttestjata, li ssirilha manutenzjoni u li tiġi aġġornata. Għall-ewwel ser tkun qed titħaddem fuq in-network ta’ żona lokali Development-LAN tal-IDC.

Objettivi

L-Għodda ta’ Stima tat-Terminu Sors (STE) ser tiġġenera l-ewwel stima awtomatika tal-parametri tat-terminu sors bl-użu ta’ rilevamenti u nonrilevamenti minn stazzjonijiet tal-IMS. Ser tiġi żviluppata interfaċċa li permezz tagħha l-esperti tal-IDC u tal-NDCs ikunu jistgħu jittestjaw b’mod interattiv settijiet differenti ta’ ipoteżi.

Riżultati

Twettiq ta’ analiżi tal-letteratura biex jiġi identifikat l-aħjar approċċ għal-lokalizzazzjoni u l-kwantifikazzjoni tat-terminu sors, u jitħejja pjan ta’ proġett għall-iżvilupp u l-ittestjar tal-STE.

L-iżvilupp u l-ittestjar ta’ prototip fuq każijiet differenti, proposti u żvilupp ta’ għażliet ta’ viżwalizzazzjoni u ta’ interfaċċa. Il-prototip irid jiġi żviluppat biex jiġi trasferit b’mod faċli għall-għodod tal-IDC tas-CTBTO u jsir disponibbli għall-NDCs.

Kontribuzzjoni għat-trasferiment tal-IT lejn is-CTBTO.

Id-dokumentazzjoni ser tiddeskrivi s-suppożizzjonijiet kollha li saru biex l-għodda tiġi żviluppata u titħaddem.

Eżitu

L-STE ser tipprovdi informazzjoni oġġettiva biex tgħin biex jinstab post fejn ikun possibbli li jsir test u biex tiġi stmata s-saħħa tiegħu. Għodda bħal din għandha l-potenzjal li tindika żona aktar limitata li jista’ jkun fiha s-sors, u tista’ tgħin biex tiġi stmata l-probabbiltà li jiġu identifikati radjonuklidi maż-żmien, li huwa vantaġġ sinifikanti jekk tkun meħtieġa Spezzjoni fuq il-Post (OSI, On-site Inspection).

Proġett 7: Appoġġ minn servizz ta’ għajnuna għal Ċentru Virtwali għall-Użu tad-Data (vDEC, Virtual Exploitation Data Centre)

Kuntest

Il-pjattaforma vDEC tippermetti aċċess għal data arkivjata tas-CTBTO għall-istituzzjonijiet akkademiċi u ta’ riċerka li jaħdmu fuq proġetti xjentifiċi. L-aċċess huwa ristrett għad-data meħtieġa speċifikament għall-għan tal-proġett u qafas kuntrattwali jiddefinixxi l-ftehim reċiproku bejn is-CTBTO u l-utent tal-vDEC. B’mod partikolari, hija permessa l-pubblikazzjoni ta’ xogħol xjentifiku, dment li s-CTBTO tiġi rikonoxxuta bħala s-sors tad-data fil-pubblikazzjoni.

Il-pjattaforma ilha teżisti għal tmien snin, u l-utenti tal-vDEC ippubblikaw bosta dokumenti evalwati bejn il-pari f’ġurnali xjentifiċi b’reputazzjoni tajba.

Filwaqt li ħafna mill-aspetti tekniċi ta’ appoġġ għall-pjattaforma vDEC ġew assorbiti fl-attivitajiet ta’ appoġġ ġenerali tal-persunal tal-IDC, hemm bżonn ta’ appoġġ addizzjonali u aktar speċifiku. Dan jinkludi funzjoni ta’ servizz ta’ għajnuna li tkopri mhux biss l-aċċess għall-pjattaforma tal-kompjuter li fuqha jkun installat l-arkivju u l-aċċess għall-bażi ta’ data li jkun fiha d-data, iżda wkoll l-aspetti aktar speċifiċi għall-qasam, pereżempju, għajnuna fil-fehim tal-mudell tad-data, l-ispeċifikazzjonijiet tal-istazzjonijiet, il-kalibrazzjoni tal-istazzjonijiet, u affarijiet relatati. L-appoġġ jinkludi wkoll it-titjib tal-konfigurazzjoni tal-pjattaforma vDEC u tas-software installat fuq il-pjattaforma.

Peress li l-utenti jistennew li l-pjattaforma tevolvi maż-żmien, u d-data arkivjata qed tikber fid-daqs, hija meħtieġa wkoll funzjoni ta’ ppjanar li tiżviluppa viżjoni għall-evoluzzjoni fil-futur qarib tal-pjattaforma. Fl-aħħar nett, l-appoġġ ser jipprovdi l-manutenzjoni tal-bażi ta’ data pubblika ta’ pubblikazzjonijiet ibbażata fuq data tas-CTBTO miksuba permezz ta’ aċċess għall-vDEC.

Objettivi

Appoġġ għall-attivitajiet ta’ kuljum tal-utenti tal-vDEC permezz ta’ funzjoni ta’ servizz ta’ għajnuna.

Pjan għal titjib u funzjonalitajiet ġodda li għandhom jiġu installati.

Tinżamm bażi ta’ data pubblika ta’ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq data tas-CTBTO miksuba permezz ta’ aċċess għall-vDEC.

Riżultati

Rapport ta’ kull tliet xhur dwar l-attivitajiet ta’ appoġġ.

Pjan għal titjib u tisħiħ.

Bażi ta’ data pubblika ta’ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq data tas-CTBTO miksuba permezz ta’ aċċess għall-vDEC.

Eżitu

Appoġġ imsaħħaħ għall-utenti tal-vDEC, li jżid is-sodisfazzjon tagħhom.

Pjattaforma vDEC imsaħħa.

Dokumentazzjoni tal-eżitu xjentifiku tal-vDEC.

Proġett 8: It-tkomplija tal-kampanji ta’ kejl mobbli tar-radjuksenon f’reġjuni differenti tad-dinja

Kuntest

Il-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO qed twettaq kejl tar-radjuksenon b’sistemi sensittivi ħafna. Bil-kontribuzzjoni li waslet mill-Unjoni fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, il-Kummissjoni żviluppat u xtrat żewġ sistemi trasportabbli: SAUNA TXL-2 u SPALAX-DR għall-kejl ta’ 133Xe, 135Xe, 133mXe u 131mXe. Fil-qafas tad-Deċiżjonijiet 2012/699/PESK, (PESK) 2015/1837 u (PESK) 2018/298, twettqu diversi kampanji ta’ kejl mobbli tar-radjuksenon mad-dinja kollha.

Bil-kontribuzzjoni li waslet mill-Gvern tal-Ġappun fl-2017, il-Kummissjoni xtrat it-tielet sistema trasportabbli. Din is-sistema bħalissa hi skjerata f’Horonobe, il-Ġappun. Il-perijodu ta’ sentejn ta’ operazzjoni taħt il-finanzjament tal-Ġappun jispiċċa f’Jannar 2020.

Fil-qafas tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/298, qed issir kampanja ta’ kejl waħda f’Mutsu, il-Ġappun. It-tieni sistema ġiet rinnovata u ser tiġi skjerata f’Fukuoka, il-Ġappun.

Objettivi

Bit-tielet sistema mobbli skjerata f’Fukuoka, hija kompleta l-konfigurazzjoni ta’ densità għolja madwar is-sistema ta’ gass nobbli JPX38 tal-IMS f’Takasaki. Is-CTBTO qed tippjana li tkompli tħaddem is-sistemi fil-post attwali tagħhom, bi qbil mal-ospitant lokali, sakemm is-sett ta’ data miġbur jitqies li jkun ta’ vantaġġ xjentifiku u statistiku għal studji futuri, mill-komunità ta’ esperti u l-NDCs. It-tliet sistemi mobbli fil-Ġappun għandhom jitħaddmu f’din il-konfigurazzjoni għal mill-inqas sena. Imbagħad jiġu rilokati s-sistemi mobbli, skont strateġija ċara ta’ skjerament. Ser jiġi kkunsidrat post ġdid possibbli għal kull waħda minn dawn it-tliet sistemi abbażi ta’ liema riżultat xjentifiku jkun mistenni li huwa meħtieġ għall-kalibrazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistemi ta’ gass nobbli tal-IMS kif deskritti fis-CTBT.

Kwalunkwe titjib jew rinnovament ser jitwettaq fl-aħħar tal-kampanja kif meħtieġ. Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi ospitanti futuri qed jiġu diskussi.

Biex ikomplu għaddejjin dawn il-kampanji ta’ kejl, huma meħtieġa fondi għall-kunsinni bil-baħar tas-sistemi mobbli ta’ gass nobbli għal postijiet ġodda, u għat-tħaddim u l-manutenzjoni tat-tliet sistemi għal sentejn. Ser ikunu disponibbli wkoll fondi għall-organizzazzjoni ta’ laqgħat tal-esperti għall-analiżi tar-riżultati. Ser isir sforz speċjali biex dawn il-laqgħat tal-esperti jintużaw bħala opportunità għall-bini ta’ kapaċitajiet u biex jiġu diskussi studji futuri bbażati fuq data mill-kampanji ta’ kejl. Fuq talba tal-pajjiż ospitanti, il-proġett ser jappoġġa wkoll il-bini ta’ kapaċitajiet b’rabta mal-monitoraġġ ta’ gass nobbli inkluż użi ċivili u xjentifiċi relatati.

Eżitu

Il-benefiċċji ewlenin tal-kampanji ta’ kejl temporanju b’sistemi mobbli ta’ radjuksenon huma li jiżviluppaw u javvanzaw metodi xjentifiċi ffokati fuq il-kalibrazzjoni u l-prestazzjoni tas-sistema ta’ verifika kif deskritti fis-CTBT u, fejn xieraq, il-bini ta’ kapaċitajiet b’rabta ma’ dan.

Intestatura 2: Assistenza teknika inklużi l-bini tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni integrati

Għall-proġetti kollha taħt din l-intestatura, il-PTS huwa mħeġġeġ biex jagħti prijorità lill-esperti mill-Istati Membri tas-CTBTO li tal-inqas jonoraw parzjalment il-kontribuzzjonijiet ivvalutati tagħhom.

PARTI 1: Assistenza teknika u bini tal-kapaċitajiet

Proġett 1: It-titjib tal-kapaċitajiet ta’ pproċessar awtomatiku SHI f’NDC-in-a-Box [komponenti SeisComp3 SEEDLink u NET-VISA] u aċċess, għall-NDCs, għal prodotti u servizzi IDC simplifikati u konformi mal-istandards

Kuntest

L-IDC introduċa kapaċitajiet ta’ pproċessar awtomatiku fl-SHI NDC-in-a-Box SeisComp3 abbażi tal-assoċjatur NET-VISA. Din il-kapaċità ġdida, li bħalissa qed tiġi ttestjata mill-NDCs, tippermetti lill-utenti jirriproduċu r-riżultati tal-bullettin VSEL miksuba fl-IDC. Abbażi ta’ din il-kisba, l-IDC jipproponi li jtejjeb il-komponent NET-VISA SeisCompar3 biex jappoġġa wkoll l-użu ta’ stazzjonijiet lokali u networks reġjonali speċifiċi tal-NDC.

Barra minn hekk, l-IDC qed jibni kapaċità ġdida biex itejjeb l-appoġġ għal pakketti ta’ analiżi siżmiċi b’sors miftuħ, bħal SEISAN, billi joffri trasmissjoni tad-data fil-forma ta’ mewġa f’ħin reali lill-NDCs bl-użu tal-protokoll standard tas-SEEDLink. Dan is-servizz ser ikun disponibbli biss għall-NDCs konnessi permezz tan-network tal-Infrastruttura tal-Komunikazzjonijiet Dinjija. Din il-limitazzjoni hija imposta minħabba nuqqasijiet tekniċi fil-komponent tas-server SEEDLink tas-SEISComp3. L-IDC jipproponi li jtejjeb is-server SEEDLink tas-SesiComp3 billi jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ awtentikazzjoni u ta’ kriptaġġ robusti sabiex is-servizz ikun jista’ jiġi offrut ukoll lill-utenti awtorizzati permezz ta’ konnessjoni tal-Internet sigura.

Biex itejjeb l-appoġġ fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi tal-IDC, l-IDC jipproponi li jimplimenta servizzi web konformi mal-istandards tal-Federazzjoni ta’ Networks Sismografi Diġitali (FDSN, Federation of Digital Seismograph Networks). Dan il-metodu ġdid ta’ aċċess għad-data konformi mal-istandards ser jagħmilha possibbli li bosta utenti ta’ pakketti ta’ analiżi sismika b’sors miftuħ, bħal SEISAN, jiksbu faċilment prodotti u data mill-IDC minn applikazzjonijiet li jappoġġaw dan l-istandard. Il-metodu ser iżid mas-Sistema ta’ Messaġġerija ta’ Data ta’ Verifika (VDMS, Verification Data Messaging System), iżda ma jissostitwihiex, peress li bosta messaġġi tal-VDMS mhumiex definiti fl-istandard tas-servizzi web tal-FDSN (eż. talbiet ewlenin). Għandhom jiġu implimentati s-servizzi web kollha definiti mill-istandard tal-FDSN (fdsnws-station, fdsnws-dataselect, fdsnws-event u fdsnws-availability).

Objettivi

Forniment ta’ materjal online għall-NDCs bil-għan li d-data tal-IMS tiġi integrata ma’ pakketti ta’ analiżi sismika b’sors miftuħ użati lokalment bħal SEISAN

Titjib tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar awtomatiku tal-NDC-in-a-Box tal-SHI permezz tal-appoġġ ta’ stazzjonijiet lokali u ta’ networks reġjonali speċifiċi għall-NDC f’NET-VISA.

Simplifikazzjoni u modernizzazzjoni tal-aċċess għal data f’forma ta’ mewġa tal-IMS f’ħin reali għall-utenti awtorizzati.

Riżultati

Ir-riżultati kollha għal dan il-proġett jikkonsistu f’titjib għall-moduli tas-software li huma parti mill-NDC-in-a-Box (inkluż moduli ta’ software ġodda għal verżjonijiet futuri tal-NDC-in-a-Box).

Eżitu

Kontinwazzjoni tal-isforzi għal software NDC-in-a-Box mibdija taħt id-Deċiżjoni 2012/699/PESK u li tkomplew taħt id-Deċiżjonijiet (PESK) 2015/1837 u (PESK) 2018/298 biex l-NDCs jitħallew jipproċessaw id-data disponibbli kemm mill-IMS u minn stazzjonijiet lokali, kif ukoll min-networks reġjonali.

Kollaborazzjoni mal-NDCs għas-simplifikazzjoni ta’ aċċess awtorizzat u sigur għal data fil-forma ta’ mewġa tal-IMS f’ħin reali.

Proġett 2: Taħriġ, workshops u segwitu għall-NDCs emerġenti (pajjiżi li qed jiżviluppaw madwar id-dinja), akkwist u manutenzjoni ta’ Sistemi tal-Bini tal-Kapaċitajiet (CBS) għall-NDCs

Kuntest

Il-bini tal-kapaċitajiet wera li huwa fundamentali għat-tisħiħ tar-reġim ta’ verifika tas-CTBT.

Il-Kummissjoni rnexxielha tkompli bl-appoġġ tal-Istati Firmatarji biex jipprovdu mezzi għall-iżvilupp ta’ kapaċitajiet biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-verifika tas-CTBT. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn kontinenti differenti bdew jiggwadanjaw mill-forniment ta’ data u prodotti miċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data, peress li dawn huma utli mhux biss għal finijiet ta’ verifika iżda anki għal applikazzjonijiet ċivili, xjentifiċi u industrijali.

L-istrateġija tal-bini tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni ġiet rikonoxxuta mill-Grupp ta’ Ħidma B (WGB). Matul l-eżistenza tal-finanzjament mill-Unjoni, (mijiet ta’) membri tal-persunal xjentifiku u tekniku ngħataw taħriġ speċjalizzat dwar l-użu tal-pakkett tas-software NDC-in-a-box, kif ukoll għarfien relatat mas-CTBT li jippremja direttament lill-awtoritajiet nazzjonali potenzjali f’kull Stat.

L-istituzzjonijiet ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw li jospitaw Ċentri Nazzjonali ta’ Data (NDCs) kienu wkoll qed jibbenefikaw mill-forniment ta’ tagħmir bażiku biex jibdew jew biex ikomplu jiżviluppaw il-laboratorji tagħhom għall-ipproċessar tad-data.

Objettivi

L-objettivi tal-attivitajiet tal-Kummissjoni ta’ bini tal-kapaċitajiet huma:

żvilupp tas-software u tal-infrastruttura;

workshops tekniċi;

taħriġ għal NDCs emerġenti dwar l-aċċess għad-data tal-IMS u dwar l-għodod tal-IMS u tal-IDC,

taħriġ ta’ esperti minn NDCs emerġenti permezz ta’ żjarat fl-NDCs tal-UE

taħriġ sistematiku għas-software “extended NDC-in-a-Box” (eNIAB);

appoġġ għall-integrazzjoni tal-ipproċessar tad-data tal-IMS man-networks sismiċi nazzjonali u reġjonali;

appoġġ għall-NDCs biex jintegraw id-data tal-IMS ma’ pakketti ta’ analiżi sismika b’sors miftuħ użati lokalment bħal SEISAN;

għoti ta’ assistenza teknika ta’ rimedju fil-forma ta’ tagħmir tas-CBS u tal-manutenzjoni jew is-sostituzzjoni relatata.

Eżitu

Ser jittejbu l-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji, b’mod partikolari f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jieħdu sehem fir-reġim ta’ verifika tas-CTBT.

Proġett 3: Evoluzzjoni u omoġenizzazzjoni tas-sistemi ta’ pproċessar bit-tekonoloġija bl-użu ta’ forom ta’ mewġ multipli u b’sistemi interattivi

Kuntest

L-IDC fassal mill-ġdid is-sistema awtomatika tal-infrasound u żviluppa proġetti ta’ “extended NDC-in-a-box” b’rilaxx inizjali tas-software fl-2016 u aġġornamenti maġġuri fl-2018 u fl-2019. L-isforzi tas-sistema ta’ pproċessar tal-infrasound kienu jinvolvu l-iżvilupp ta’ sistema ta’ stazzjonijiet komposti għall-ipproċessar awtomatiku u s-software ta’ rieżami interattiv. L-għodod żviluppati ġew integrati fl-NDC-in-a-Box (inkluż l-aħħar verżjoni tar-rilaxx 5.0 fl-2019) u fl-ambjent tal-ipproċessar tal-IDC. Barra minn hekk, is-sistema ta’ pproċessar idroakustiku għandha potenzjal li tibbenifika ħafna mill-isforzi li saru fl-iżvilupp tat-teknoloġija tal-infrasound, peress li bosta komponenti bejn dawn iż-żewġ teknoloġiji huma kompatibbli fuq skala kbira. Madankollu, hemm bżonn li jsiru sforzi biex il-komponenti u l-proċessi tas-software jiġu omoġenizzati filwaqt li jittieħed kont ta’ għadd ta’ ħtiġijiet tat-teknoloġija indipendenti u speċifiċi.

Bis-saħħa tal-NDC-in-a-Box u t-taħriġ infrasound dedikat ipprovdut bl-użu ta’ finanzjament preċedenti mill-Unjoni, l-NDCs kisbu kapaċitajiet għal teknoloġiji tal-infrasound u qed jużaw b’mod intensiv l-għodod tal-NDC-in-a-Box. L-IDC jirċievi kontinwament talbiet għal taħriġ ta’ teknoloġija speċifika fil-forma ta’ mewġa, inkluż teknoloġiji tal-infrasound u idroakustiċi, u jitlob għal software speċjalizzat ġdid jew imtejjeb.

L-IDC jipproponi li jitkomplew l-isforzi biex jitlestew is-sistemi tal-infrasound u tal-ipproċessar idroakustiku b’appoġġ għall-ħtiġijiet tal-IDC u tal-IMS u biex jiġu indirizzati t-talbiet tal-NDCs għal software mill-aktar avvanzat. L-għan tal-proġett huwa li s-sistema ta’ pproċessar idroakustika titqiegħed fuq l-istess livell mas-sistema mfassla mill-ġdid tal-ipproċessar tal-infrasound u li jiġu omoġenizzati l-komponenti tas-software komuni u jiġu rfinati d-dipendenzi speċifiċi individwali tat-teknoloġija, filwaqt li jkompli jiġi avvanzat l-ipproċessar biex jinżamm aġġornat mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Dan il-proġett għandu jippermetti wkoll lill-IDC biex jippjana integrazzjoni bla xkiel ta’ għodod speċifiċi tal-IDC fis-sistema ta’ riinġinerija tal-IDC li qed tiġi żviluppata bħalissa.

Objettivi

Appoġġ għall-evoluzzjoni tas-sistema ta’ pproċessar tal-istazzjon biex jintlaħqu b’mod kontinwu l-ħtiġijiet tas-sostenn tal-operazzjonijiet tal-IMS u l-IDC.

Appoġġ għat-talbiet tal-NDC għal software, aġġornament tas-software u funzjonalitajiet biex jitwettqu attivitajiet tal-NDC.

Tkomplija tal-implimentazzjoni tal-funzjonalitajiet l-aktar avvanzati biex titjieb l-analiżi u l-interpretazzjoni tas-sinjali infrasound u idroakustiċi għall-identifikazzjoni tas-sors, sabiex tinżamm il-kredibbiltà xjentifika tat-teknoloġiji idroakustiċi u tal-infrasound fis-CTBTO.

Isiru sforzi biex jiġu inklużi mudelli ta’ propagazzjoni tal-mewġ bi kwantifikazzjoni tal-inċertezza, b’mod partikolari għat-teknoloġija tal-infrasound billi jitqiesu l-ispeċifikazzjonijiet atmosferiċi b’riżoluzzjoni għolja għall-ipproċessar tan-networks u l-analiżi dettaljata tal-avvenimenti biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija fuq Terminu Medju.

Riżultati

Ir-riżultati kollha għal dan il-proġett jikkonsistu minn titjib għall-moduli tas-software li huma parti mis-sistema tal-ipproċessar tal-IDC u tal-NDC-in-a-Box (inkluż moduli ta’ software ġodda għal verżjonijiet futuri tal-NDC-in-a-Box).

Eżitu

Tkomplija tal-bini tal-kredibbiltà teknika u xjentifika tas-sistemi tal-infrasound u dawk idroakustiċi tal-IDC u l-iżgurar tas-sosteniment tal-operazzjonijiet tal-IDC u tal-IMS kif deskritti fl-ewwel għan strateġiku tal-Istrateġija fuq Terminu Medju 2018-2021

Tkomplija tal-bini fuq l-isforzi għal software tal-NCD-in-a-Box li nbdew u li ġew żviluppati minn finanzjament preċedenti mill-Unjoni, biex l-NDCs ikunu jistgħu jipproċessaw id-data disponibbli mill-IMS kemm għal finijiet ta’ monitoraġġ tas-CTBT kif ukoll għal finijiet nazzjonali. Dawn l-isforzi ħolqu bażi b’saħħitha ta’ utenti tal-NDC u l-proġett propost iżid il-fiduċja tal-NDC fil-kredibbiltà tas-sistema ta’ verifika. Dan jipprovdi wkoll lill-NDCs b’kapaċitajiet addizzjonali biex jipproċessaw b’mod awtomatiku d-data tal-IDC, fejn iħalltu data minn stazzjonijiet tal-IMS u minn dawk mhux tal-IMS fl-NDC-in-a-Box u jirriproduċu riżultati tal-IDC f’ipproċessar awtomatiku tal-NDC-in-a-Box.

Kollaborazzjoni mal-NDCs biex jinbnew sistemi tal-infrasound u idroakustiċi tal-ogħla livell bħala parti mill-isforzi ta’ riinġenerija tal-IDC.

PARTI 2: Proġett 1 Bini ta’ kapaċità għat-teknoloġiji tal-OSI

Proġett: Korsijiet Introduttorji Reġjonali tal-OSI għal żewġ Reġjuni Ġeografiċi tas-CTBT

Kuntest

Il-Korsijiet Introduttorji Reġjonali (RIC, Regional Introductory Courses) tal-OSI urew li huma fundamentali fit-tisħiħ tar-reġim ta’ verifika tas-CTBT, b’mod speċifiku fl-iżvilupp ta’ Programm ta’ Taħriġ tal-Ispettorat tal-OSI u fin-nomina mill-Istati Firmatarji ta’ kandidati trainees għal spetturi ta’ sostituzzjoni għal dak il-programm.

Il-Kummissjoni tinsab fl-istadji finali tat-Tielet Ċiklu ta’ Taħriġ għal Spetturi ta’ Sostituzzjoni tal-OSI. Id-distribuzzjoni ġeografika u tas-sessi ta’ dan iċ-ċiklu ta’ taħriġ attwali hija statistikament l-aktar popolazzjoni diversifikata ta’ trainees meta mqabbla mal-ewwel u t-tieni Ċikli ta’ taħriġ.

Ir-rekords juru korrelazzjoni bejn l-għadd akbar ta’ nominati minn reġjun ġeografiku wara t-twettiq ta’ RIC. L-aktar żewġ RICs reċenti (imwettqa fl-Arġentina fl-2019 u fl-Afrika t’Isfel fl-2016) urew żieda sostanzjali f’nominati esperti mir-reġjun tal-Amerika Latina u tal-Karibbew (ALK) u mill-Afrika rispettivament, li t-tnejn li huma qabel kienu reġjuni sottorappreżentati fl-attivitajiet ta’ taħriġ tal-OSI. Madankollu, il-perċentwal ta’ rappreżentazzjoni post-RIC għar-reġjun tal-ALK ma kienx daqs dak tal-Afrika, sempliċiment minħabba li l-RIC fl-Afrika twettaq minnufih qabel il-bidu tat-Tielet Ċiklu ta’ Taħriġ, filwaqt li l-RIC fl-Arġentina twettaq sentejn wara matul nofs iċ-ċiklu ta’ taħriġ.

Filwaqt li l-RICs twettqu darba kull sentejn fil-passat, dan il-proġett jipproponi li jitwettqu żewġ RICS f’żewġ reġjuni ġeografiċi differenti tas-CTBT fi żmien 12-il xahar minn xulxin, sabiex ikun hemm grupp ta’ trainees bl-akbar firxa ġeografika u f’termini ta’ ġeneru qabel il-bidu tar-Raba’ Programm ta’ Taħriġ għall-Ispetturi ta’ Sostituzzjoni tal-OSI.

Objettivi

Il-Korsijiet Introduttorji Reġjonali tal-OSI għandhom żewġ objettivi:

li l-esperti tekniċi nazzjonali u l-persunal mill-Istati Firmatarji tar-reġjun jiffamiljarizzaw ruħhom mar-reġim tal-OSI;

li jitwessa’ l-grupp ta’ esperti mill-Istati Firmatarji tar-reġjun li jkunu disponibbli biex jieħdu sehem fl-attivitajiet relatati mal-OSI u biex jiġu identifikati kandidati potenzjali għar-roster tas-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) ta’ spetturi ta’ sostituzzjoni.

Eżitu

Il-forniment ta’ għarfien fundamentali tas-CTBT u d-dispożizzjonijiet tiegħu relatati mal-OSI kif ukoll ħarsa ġenerali tal-attivitajiet u t-tagħmir tal-OSI, bl-użu ta’ taħriġ prattiku għall-esperti minn Stati Firmatarji, b’mod partikolari l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jirriżulta f’żieda fin-nomini u l-parteċipazzjoni fi programmi ta’ taħriġ tal-OIS futuri.

PARTI 3: Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni ma’ pajjiżi mhux firmatarji u ma’ pajjiżi li ma rratifikawx inklużi l-Istati tal-Anness 2 u bini tal-kapaċitajiet ta’ Żgħażagħ, Membri Parlamentari, ġurnalisti u xjentisti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jew f’pajjiżi emerġenti

Proġett 1: Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni ma’ xjentisti, akkademiċi, is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali u dawk mhux governattivi, membri parlamentari u persuni oħra li jfasslu l-politika, lejn id-dħul fis-seħħ tas-CTBT

Kuntest

L-interazzjoni fil-livell tal-esperti mal-Kummissjoni Preparatorja hija mezz indispensabbli biex jinżammu kemm l-appoġġ politiku għall-aspetti kollha tas-CTBT kif ukoll l-aqwa għarfien espert tekniku u prospettiva teknika relatati magħha.

Matul dawn l-aħħar ftit snin, serje ta’ konferenzi u avvenimenti akkademiċi, diplomatiċi u xjentifiċi ta’ sensibilizzazzjoni (pereżempju, Konferenza biennali tas-CTBT dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija, Workshops u Konferenzi Reġjonali dwar is-CTBT, Simpożji) kienu strumentali biex tinbena, tinżamm u tiġi estiża l-fiduċja fir-reġim ta’ verifika tas-CTBTO. Dawn tejbu wkoll is-sensibilità tal-pubbliku fir-rigward tar-rwol tas-CTBTO u enfasizzaw l-importanza tas-CTBT bħala l-pedament tar-reġim globali ta’ nonproliferazzjoni u ta’ diżarm.

Il-proġett ta’ hawn taħt jikkapitalizza fuq attivitajiet preċedenti, li kienu ffinanzjati mill-Unjoni taħt Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill u Azzjonijiet Konġunti preċedenti u jkompli jsaħħaħ l-aċċess tal-PTS għall-għarfien u l-kompetenzi strateġiċi.

Il-proġett ser jagħmel użu minn sinerġiji u rabtiet transorganizzattivi mal-istrateġija usa’ ta’ sensibilizzazzjoni tal-PTS.

Objettivi

Punt (i)

It-tisħiħ tal-proċess tas-SnT permezz ta’ involviment ma’ ċentri xjentifiċi u teknoloġiċi ewlenin madwar id-dinja

L-aċċess kontinwu għal għarfien xjentifiku u teknoloġiku huwa vitali biex il-PTS iżomm vantaġġ tekniku u jkun imħejji b’mod preċiż għal kwalunkwe sfida teknoloġika emerġenti. Barra minn hekk, it-trawwim ta’ kooperazzjoni ma’ ċentri xjentifiċi ewlenin jippermetti li s-CTBTO tqajjem kuxjenza dwar is-CTBT u dwar ir-rwol tagħha fost ġenerazzjoni transnazzjonali li qed tiżdied ta’ xjenzati u esperti tekniċi ġodda.

Riżultati

Dan il-proġett jipproponi li jitwettqu sa erba’ korsijiet u programmi ta’ taħriġ ta’ daqsijiet differenti dwar kwistjonijiet tas-CTBT, b’mod partikolari dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tas-CTBT.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-Istati tal-Anness 2 ser ikunu fil-mira b’mod speċifiku, f’konformità mad-dħul fis-seħħ u l-istrateġiji ta’ universalizzazzjoni tal-PTS. B’segwitu għas-Simpożju dwar ix-Xjenza u d-Diplomazija ppjanat għall-2020, li għandu jiġi ffinanzjat taħt id-Deċiżjoni (PESK) 2018/298, il-proġett ser jipprovdi finanzjament inizjali għas-serje ta’ Simpożji li jmiss u għall-Konferenza dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-2021, b’enfasi partikolari fuq kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni tan-nisa u għal parteċipanti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll fuq l-Istati li ma rratifikawx l-Anness 2, inkluż membri żgħażagħ tal-Grupp taż-Żgħażagħ tas-CTBTO u l-Grupp ta’ Persuni Eminenti.

Punt (ii)

Universalizzazzjoni tat-Trattat permezz ta’ Workshops Reġjonali u Subreġjonali:

Il-kisba ta’ dinja ħielsa minn ittestjar nukleari permezz ta’ reġim legalment vinkolanti u infurzabbli hija responsabbiltà tal-komunità internazzjonali kollha.

Biex jintlaħaq dan l-għan, trid tittieħed strateġija proattiva għas-sensibilizzazzjoni, il-bini tal-fiduċja u l-kooperazzjoni reġjonali.

Pereżempju l-Workshop Reġjonali tal-Istati tal-Gżejjer tal-Paċifiku li sar fl-2018, u l-Workshop Reġjonali tal-Asja tax-Xlokk ospitat fl-2014, ħallew dividendi f’termini ta’ żgurar ta’ firem u ratifikazzjonijiet addizzjonali tat-Trattat bħat-Tajlandja u Tuvalu.

Riżultati

Dan is-segment speċifiku tal-proġett ser jiffoka fuq it-tlaqqigħ ta’ mill-inqas erba’ konferenzi subreġjonali. Tnejn minnhom ser isiru fil-kontinent Afrikan bil-għan li l-pajjiżi Afrikani li fadal jiġu mħeġġa jirratifikaw is-CTBT. Workshop minnhom ser isir fost in-nazzjonijiet Afrikani li jitkellmu l-Ingliż. It-tieni wieħed ser jiffoka fuq is-sħubija Frankofona.

Iż-żewġ workshops l-oħra minflok ser jinvolvu xjenzati żgħażagħ u ser jippruvaw imexxu djalogu xjentifiku reġjonali fl-Asja u fl-Ewropa rispettivament.

Punt (iii)

Il-Qawmien mill-Ġdid tal-Interess Akkademiku fis-CTBT:

Matul is-snin 80 u 90, kiber bil-bosta d-dibattitu fid-dinja akkademika dwar kif għandu jitwaqqaf l-ittestjar nukleari globali. L-impetu intellettwali kien ispirat u fil-biċċa l-kbira sostnut ukoll minn movimenti soċjali ta’ ambjentalisti żgħażagħ interessati li jiksbu kooperazzjoni globali aktar b’saħħitha lejn stil ta’ ħajja aktar sostenibbli. Illum il-ġurnata, il-ħidma akkademika fuq is-CTBT u n-norma kontra l-ittestjar nukleari hija fqira. Bħala riżultat, il-kurrikuli edukattivi rarament jiddiskutu r-rwol tas-CTBT u l-funzjoni importanti tagħha. Dan il-proġett jista’ jirrimedja din is-sitwazzjoni billi jipprovdi finanzjament inizjali żgħir biex ikopri:

Riżultati

It-tlaqqigħ ta’ tliet workshops akkademiċi: f’Londra, Pariġi, Moska, Washington, Berlin jew Alġeri.

L-ikkummissjonar ta’ mill-inqas ħames dokumenti li jiddiskutu kif is-CTBT hija kritika fil-bini ta’ fiduċja u kunfidenza strateġiċi kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak globali.

Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni ma’ tal-inqas għaxar universitajiet li jgħallmu kwistjonijiet relatati mal-kontroll tal-armi u n-nonproliferazzjoni biex jiġu mħeġġa jinkludu s-CTBT fil-kurrikulu edukattiv tagħhom kemm fil-livell universitajru kif ukoll qabel.

Punt (iv)

Stabbiliment ta’ pubblikazzjoni tas-CTBT għall-akkademiċi żgħażagħ

Mit-twaqqif tal-Grupp taż-Żgħażagħ tagħha fl-2016, is-CTBTO wettqet sforzi mmirati biex tiżgura preżenza konsistenti taż-żgħażagħ fil-workshops u l-avvenimenti kollha tagħha. Barra minn hekk, waqt il-Konferenza dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija tal-2017 u l-2019, inħarġet rivista msejħa “Newsroom Project” biex jiġu enfasizzati l-perspettivi tal-akkademiċi żgħażagħ dwar kif tiddaħħal fis-seħħ is-CTBT.

Riżultati

Minħabba r-reazzjonijiet pożittivi li waslu, dan il-proġett jiżgura ħruġ konsistenti u perjodiku (idealment darbtejn fis-sena) tar-rivista u l-aktar fattur importanti huwa li l-finanzjament ta’ dan il-proġett itejjeb il-kwalità tal-pubblikazzjoni u jittrasformaha f’post għal djalogu u skambju ta’ ideat fost l-akkademiċi żgħażagħ dwar is-CTBT.

Eżitu

Minbarra sigurtà globali aħjar, l-appoġġ mill-Unjoni għal dan il-proġett ser isaħħaħ l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-universalizzazzjoni u r-rinfurzar ta’ ftehimiet multilaterali, fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta’ armi ta’ qerda massiva u l-mezzi ta’ kunsinna. Il-proġetti ser jinvolvu komunità wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet relatati mas-CTBT; ser jippromwovu sinerġiji intraorganizzattivi, effiċjenza u effettività, fi ħdan il-PTS; u ser jintensifikaw ulterjorment il-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati li għad iridu jiffirmaw u/jew jirratifikaw is-CTBT, inklużi l-Istati tal-Anness II, sabiex jinkisbu d-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT.

Proġett 2: Proġett għall-parteċipazzjoni ta’ esperti tekniċi minn Pajjiżi li qed Jiżviluppaw f’laqgħat tekniċi uffiċjali tal-Kummissjoni Preparatorja (referenza informali “Proġett Pilota”)

Parteċipazzjoni akbar ta’ esperti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u emerġenti f’laqgħat tekniċi uffiċjali tal-Kummissjoni u f’laqgħat xjentifiċi u tekniċi li saru mill-PTS. L-esperti jingħataw l-opportunità li jtejbu l-għarfien xjentifiku u tekniku u l-ħiliet esperti tagħhom fir-rigward tat-teknoloġiji ta’ verifika (sismiċi, idroakustiċi, infrasound u radjunuklide).

Kuntest

Bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw u oħrajn emerġenti m’għandhomx ir-riżorsi finanzjarji biex jippermettu lill-esperti tagħhom jieħdu sehem fil-ħidma xjentifika u teknika li qed issir f’laqgħat tekniċi uffiċjali tal-Kummissjoni Preparatorja. Dan ifisser li hemm defiċit ċar fl-involviment ta’ rappreżentanti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rakkomandazzjonijiet magħmula u d-deċiżjonijiet meħuda, dwar kwistjonijiet tekniċi ewlenin rilevanti għar-reġim ta’ verifika tas-CTBT. Dan id-defiċit huwa problematiku peress li bosta stazzjonijiet tas-Sistema ta’ Monitoraġġ Internazzjonali tas-CTBT jinsabu, jew ser ikunu jinsabu, fit-territorju ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u emerġenti u huma ġestiti mill-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Barra minn hekk, bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw huma fil-proċess li jistabbilixxu u jtejbu ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Data tagħhom biex ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ mid-data u l-prodotti ġġenerati mis-sistema ta’ verifika.

Dan in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni jfisser ukoll li bosta pajjiżi huma esklużi minn mezzi importanti biex itejbu l-kapaċità, l-għarfien u l-ħiliet esperti tagħhom relatati mat-teknoloġiji ta’ verifika tas-CTBT. Dawn it-teknoloġiji huma rilevanti mhux biss għall-objettivi ta’ diżarm u nonproliferazzjoni tas-CTBT, iżda anki għal applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi importanti ta’ benefiċċju usa’ għall-komunitajiet f’dawn il-pajjiżi, bħal twissija ta’ diżastru għal tsunamis, terremoti u eruzzjonijiet ta’ vulkani.

Għalhekk, matul il-Parti II tas-Sebgħa u Għoxrin Sessjoni tagħha (13-17 ta’ Novembru 2006), il-Kummissjoni qablet li tistabbilixxi proġett pilota bil-għan li jindirizza din l-isfida. Fil-Wieħed u Ħamsin Sessjoni tagħha (7-9 ta’ Novembru 2018), il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli bil-proġett għal tliet snin oħra, mill-2019 sal-2021.

S’issa kien possibbli li jingħata finanzjament għal massimu ta’ 12-il espert. B’dan il-finanzjament addizzjonali jistgħu jintgħażlu aktar esperti minn grupp ġeneralment akbar ta’ nomini ta’ kandidati.

Objettivi

It-tisħiħ tal-karattru universali tal-Kummissjoni Preparatorja għas-CTBTO u l-bini tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u f’dawk emerġenti permezz ta’ involviment akbar ta’ dawk l-esperti tal-pajjiżi fil-proċessi tat-tfassil tal-politika relatata mas-CTBTO u l-kapaċità mtejba tagħhom fir-rigward tat-teknoloġiji ta’ verifika tas-CTBTO u l-applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi usa’ tagħhom.

Eżitu

Parteċipazzjoni akbar ta’ esperti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw u minn dawk emerġenti f’laqgħat tekniċi uffiċjali tal-Kummissjoni u f’laqgħat xjentifiċi u tekniċi li jsiru mill-PTS. L-esperti jingħataw l-opportunità li jtejbu l-għarfien xjentifiku u tekniku u l-ħiliet esperti tagħhom fir-rigward tat-teknoloġiji ta’ verifika (sismiċi, idroakustiċi, infrasound u radjunuklide).


Top