Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0659

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/659 tal-15 ta’ Mejju 2020 dwar l-istandard armonizzat għad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku mfassal b’appoġġ għad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2020/3213

ĠU L 155, 18.5.2020, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 155, 18.5.2020, p. 52–55 (PT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/659/oj

18.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/659

tal-15 ta’ Mejju 2020

dwar l-istandard armonizzat għad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku mfassal b’appoġġ għad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku li fuqhom saru testijiet u kejl li juru l-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, jew li ġew ivvalutati, skont l-istandards armonizzati, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jitqiesu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva koperta minn dawk l-istandards.

(2)

Bl-ittra M/499 tal-21 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għal reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti u, jekk meħtieġ, għal tħejjija ta’ standards ġodda relatati mad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku għall-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2011/65/UE.

(3)

Abbażi tat-talba M/499 tal-21 ta’ Ottubru 2011, is-CENELEC irreveda l-istandard armonizzat eżistenti EN 50581:2012, li wassal għall-adozzjoni tal-istandard IEC 63000:2018 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku fir-rigward tar-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi. Dak l-istandard ġdid EN IEC 63000:2018 hu bbażat fuq l-istandard internazzjonali eżistenti IEC 63000:2016 li hu stess hu bbażat fuq l-istandard armonizzat EN 50581:2012.

(4)

Il-Kummissjoni flimkien mas-CEN u s-CENELEC ivvalutaw jekk l-istandard EN IEC 63000:2018 abbozzat mis-CENELEC hux konformi mat-talba M/499 tal-21 ta’ Ottubru 2011.

(5)

L-istandard EN IEC 63000:2018 abbozzat mis-CENELEC jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2011/65/UE. Għalhekk jixraq li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

L-istandard EN IEC 63000:2018 jissostitwixxi l-istandard EN 50581:2012 u għalhekk jenħtieġ li r-referenza tal-istandard EN 50581:2012 minn tiġi rtirata Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). Biex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-istandard il-ġdid, jenħtieġ tiġi rtirata r-referenza tal-istandard armonizzat EN 50581:2012.

(7)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenza tal-istandard armonizzat għad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku mfassal b’appoġġ għad-Direttiva 2011/65/UE kif elenkat fl-Anness I hija b’dan ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-referenza tal-istandard armonizzat għad-dokumentazzjoni teknika meħtieġa għall-valutazzjoni tal-materjali, il-komponenti u t-tagħmir elettriku u elettroniku abbozzat b’appoġġ għad-Direttiva 2011/65/UE kif elenkat fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, hija b’dan irtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mid-data stipulata f’dak l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

(3)   ĠU C 363, 23.11.2012, p. 6.


ANNESS I

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN IEC 63000:2018

Dokumentazzjoni teknika għall-valutazzjoni tal-prodotti elettriċi u elettroniċi fir-rigward tar-restrizzjoni tas-sustanzi perikolużi (IEC 63000:2016)


ANNESS II

Nru

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

1.

EN 50581:2012

Dokumentazzjoni teknika għall-valutazzjoni tal-prodotti elettriċi u elettroniċi fir-rigward tar-restrizzjoni tas-sustanzi perikolużi

tat-18 ta' Novembru 2021


Top