EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0306(01)

Il-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta' Sistemi ta' Sigurtà Soċjali Id-Deċiżjoni Nru E7 tas-27 ta’ Ġunju 2019 li tikkonċerna l-arranġamenti prattiċi għall-koperazzjoni u l-iskambju tad-data sakemm l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) jiġi implimentat bis-sħiħ fl-Istati Membri (Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim bejn il-KE u l-Iżvizzera) 2020/C 73/04

PUB/2020/200

OJ C 73, 6.3.2020, p. 5–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

6.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 73/5


IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TA' SISTEMI TA' SIGURTÀ SOĊJALI

ID-DEĊIŻJONI Nru E7

tas-27 ta’ Ġunju 2019

li tikkonċerna l-arranġamenti prattiċi għall-koperazzjoni u l-iskambju tad-data sakemm l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) jiġi implimentat bis-sħiħ fl-Istati Membri

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim bejn il-KE u l-Iżvizzera)

(2020/C 73/04)

IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), li skontu hija responsabbiltà tal-Kummissjoni Amministrattiva li tittratta l-kwistjonijiet amministrattivi kollha jew il-kwistjonijiet kollha ta’ interpretazzjoni li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (2).

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 72(d) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li skontu l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tinkoraġġixxi sa fejn ikun possibbli l-użu ta’ teknoloġiji ġodda,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 76(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, li skontu l-istituzzjonijiet għandu jkollhom l-obbligu li jikkoperaw u jikkomunikaw ma’ xulxin għall-għanijiet tar-Regolamenti,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, li skontu t-trasmissjoni ta’ data bejn l-istituzzjonijiet jew il-korpi ta’ kollegament għandha ssir b’mezzi elettroniċi u l-Kummissjoni Amministrattiva għandha tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju ta’ dokumenti u ta’ dokumenti elettroniċi strutturati,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni E4 tat-13 ta’ Marzu 2014 estendiet il-perjodi transitorji, imsemmija fl-Artikolu 95(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għall-iskambju sħiħ ta’ data permezz ta’ mezzi elettroniċi mill-Istati Membri, b’sentejn mid-data meta s-sistema ċentrali tal-EESSI tiġi żviluppata, ittestjata u titressaq għall-produzzjoni, u tkun lesta biex l-Istati Membri jibdew l-integrazzjoni fis-sistema ċentrali;

(2)

Id-Deċiżjoni E5 tas-16 ta’ Marzu 2017 stabbiliet l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu transitorju għall-iskambju ta’ data permezz tal-mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009;

(3)

Fit-351 laqgħa li saret bejn is-27 u t-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni Amministrattiva approvat li s-sistema ċentrali tal-EESSI hija adattata għall-iskop tagħha biex jibdew l-iskambji tal-EESSI, u li l-perjodu ta’ sentejn iddikjarat fid-Deċiżjoni E4 beda fit-3 ta’ Lulju 2017;

(4)

Fit-358 laqgħa li saret bejn is-27 u t-28 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni Amministrattiva qablet li, f’konformità mal-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 u mad-Deċiżjoni E4 tat-13 ta’ Marzu 2014, il-perjodu transitorju tal-EESSI jintemm fit-2 ta’ Lulju 2019;

(5)

Wara li titqies il-ħtieġa li jiġu żgurati u preservati d-drittijiet taċ-ċittadini skont ir-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali;

(6)

Wara li jitqiesu l-kumplessità u l-istatus tal-proġett tal-EESSI fi żmien l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata t-tnedija tal-produzzjoni ordnata u effettiva tagħha u l-impenn konġunt tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri biex ikomplu jtejbu l-istabbiltà u s-sigurtà tal-proġett tal-EESSI;

(7)

Wara li jitqiesu l-attivitajiet nazzjonali intensivi meħtieġa tal-Istati Membri u d-dewmien li kien hemm fil-proġett tal-EESSI, u li mhux l-istituzzjonijiet kollha se jkunu kompletament lesti biex fit-3 ta’ Lulju 2019 jiskambjaw il-messaġġi kollha fl-EESSI, jeħtieġ li abbażi tal-prinċipju ta’ koperazzjoni tajba bejn l-istituzzjonijiet, jiġu stabbiliti arranġamenti prattiċi temporanji dwar l-iskambju tad-data sakemm l-EESSI jkun implimentat bis-sħiħ fl-Istati Membri kollha u fis-sistema ċentrali tal-EESSI;

(8)

Wara li jitqies li jeħtieġ li tiġi provduta soluzzjoni alternattiva f’każ li s-sistema ċentrali tal-EESSI tfalli;

(9)

Wara li jitqies li jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi applikata mit-3 ta’ Lulju 2019 sabiex tilħaq l-iskopijiet tagħha li tiżgura ċ-ċertezza tad-dritt għall-istituzzjonijiet u li tissalvagwardja d-drittijiet tal-persuni koperti mir-Regolamenti,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

1.

Mit-3 ta’ Lulju 2019, it-trasmissjoni tad-data bejn l-istituzzjonijiet għandha ssir b’mezzi elettroniċi permezz tas-sistema tal-EESSI u abbażi tal-iskambju tad-Dokumenti Elettroniċi Strutturati (SEDs) fil-Każijiet tal-Użu Kummerċjali (BUCs) rilevanti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe skambju li jista’ jkun meħtieġ li jsir f’format stampat, kif previst fir-Regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, bħall-evidenza ta’ sostenn.

2.

Minkejja l-paragrafu 1, biex tiġi permessa l-kontinwità tal-operat u għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni koperti mir-Regolamenti, l-Istati Membri li mhumiex lesti jagħmlu skambji elettroniċi għal BUC, jistgħu jkomplu jiskambjaw data dwar il-BUC rispettiv ma’ kwalunkwe dokument, anke jekk ikun ibbażat fuq format, kontenut jew struttura antikwati, fejn ikun meħtieġ, sakemm l-għadd ta’ Stati Membri li huma “lesti għall-EESSI” għal dak il-BUC partikolari jilħaq il-livell limitu ta’ 80 %.

3.

F’każ li jintuża format differenti minn dak tal-SEDs, li ma jinkludix l-informazzjoni obbligatorja kollha li tinsab fl-SEDs, l-Istat Membru li jkun jeħtieġ din l-informazzjoni għandu jitlobha mill-Istat Membru li ħareġ id-dokument f’format antikwat. F’każ ta’ dubji dwar id-drittijiet taċ-ċittadin ikkonċernat, l-istituzzjoni riċeventi għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni emittenti fl-ispirtu ta’ koperazzjoni tajba.

4.

Sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun intlaħaq il-livell limitu previst fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jużaw l-EESSI biss fl-iskambji tagħhom ma’ Stati Membri oħra u mhux se jibqgħu jkunu jistgħu jwettqu skambji barra mis-sistema tal-EESSI. L-Istati Membri li mhumiex “lesti għall-EESSI” għal xi BUCs, għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa fil-livell nazzjonali biex ikunu jistgħu jibagħtu u jirċievu d-data kollha għal dawk il-BUCs partikolari lejn Stati Membri oħra permezz tas-sistema tal-EESSI.

5.

Minkejja l-paragrafu 1, żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jaqblu li l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġ għat-trattament ta’ volumi kbar ta’ messaġġi bħat-talbiet relatati mar-rimborż għall-kura tas-saħħa, l-aċċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali jew il-benefiċċji tal-qgħad, jista’ jibqa’ jsir fi kwalunkwe format għajr dak tal-EESSI (jiġifieri l-proġetti Build) sakemm l-Istati Membri li huma parti tal-iskambju bilaterali jkunu lesti għall-EESSI.

6.

L-Istati Membri li mhumiex lesti jissodisfaw bis-sħiħ l-obbligi fil-paragrafu 1 għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni Amministrattiva sa Ottubru 2019, l-impenji tagħhom għall-pjanijiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali u l-istadji importanti ewlenin biex isiru “lesti għall-EESSI” għall-BUCs kollha mingħajr aktar dewmien; sussegwentement, kull tliet xhur dawn għandhom jipprovdu rapport tal-istatus lill-Kummissjoni Amministrattiva sakemm isiru “lesti għall-EESSI” għall-BUCs kollha.

7.

Stat Membru jkun “lest għall-EESSI” għal BUC partikolari meta jkun jista’ kemm jibgħat kif ukoll jirċievi l-messaġġi kollha f’dak il-BUC, jew, fejn rilevanti, f’dak is-sottodominju tal-BUC, lil Stati Membri oħra. F’każ ta’ BUCs li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, “lest għall-EESSI” jista’ jirreferi biss għall-wasla tal-messaġġi f’dak il-BUC.

8.

Hekk kif żewġ Stati Membri jkunu “lesti għall-EESSI” għal BUC, l-iskambju ta’ informazzjoni bejniethom għandu jsir fil-qafas tal-EESSI għall-iskambji kollha koperti minn dak il-BUC. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u oġġettivament ġustifikati bħall-iżgurar tal-kontinwità tal-operat f’każ ta’ kommutazzjoni awtomatika tas-sistema teknika jew kwalunkwe arranġament bilaterali li jista’ jikkonċerna, pereżempju, l-ittestjar, il-proġetti pilota u t-taħriġ konġunti jew raġunijiet analogi.

9.

F’każ ta’ BUC multilaterali, jiġifieri BUC fejn aktar minn żewġ Stati Membri jipparteċipaw fl-iskambju, l-iskambji fil-qafas tal-EESSI għandhom jibdew biss ladarba jiġi stabbilit li dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fl-iskambju jkunu ddikjaraw li huma “lesti għall-EESSI” għal dak il-BUC partikolari. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri previsti fil-paragrafu 4. Il-prinċipji msemmija fil-paragrafu 7 għandhom japplikaw anke f’każijiet fejn aktar minn żewġ Stati Membri jipparteċipaw f’BUC.

10.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Amministrattiva mill-inqas 30 jum qabel ma jsiru “lesti għall-EESSI” għal BUC speċifiku.

11.

L-informazzjoni dwar liema Stat Membru huwa “lest għall-EESSI” fir-rigward ta’ liema BUC għandha tkun aċċessibbli għall-istituzzjonijiet nazzjonali b’mod regolari (mill-inqas darba fix-xahar) u għandha tkun riflessa fir-Repożitorju Istituzzjonali tal-EESSI.

12.

Fil-laqgħat ta’ kull tliet xhur tagħhom, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha timmonitorja l-progress imwettaq mill-Istati Membri, sakemm l-Istati Membri kollha jkunu “lesti għall-EESSI” għall-BUCs kollha. Mill-inqas kull sitt xhur għandu jsir eżami mill-ġdid tal-istatus u tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’dan il-qafas u l-konklużjonijiet jenħtieġ li jiġu ppubblikati.

13.

L-iskambji ta’ informazzjoni li bdew barra l-EESSI qabel id-data stabbilita fil-paragrafu 1 jew skont il-paragrafu 2 tad-Deċiżjoni attwali jistgħu jiġu konklużi barra l-EESSI. Jistgħu jsiru arranġamenti alternattivi bilateralment bejn l-Istati Membri jew, jekk dan ikun meħtieġ, bil-qbil tal-Kummissjoni Amministrattiva.

14.

Fi żmien sitt xhur wara l-pubblikazzjoni, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tevalwa l-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni u tivvaluta jekk hemmx bżonn modifiki.

15.

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika mit-3 ta’ Lulju 2019.

Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva

Adriana STOINEA


(1)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.


Top