EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0188

Deċiżjoni (UE) 2020/188 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Frar 2020 dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (BĊE/2020/9)

OJ L 39, 12.2.2020, p. 12–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/188/oj

12.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 39/12


DEĊIŻJONI (UE) 2020/188 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta’ Frar 2020

dwar programm ta’ xiri ta’ assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (BĊE/2020/9)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (1) ġiet emendata sostanzjalment bosta drabi (2). Billi jridu jsiru emendi ulterjuri, dik id-Deċiżjoni għandha tkun riformulata fl-interessi taċ-ċarezza legali.

(2)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) stabbilixxiet programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku minn swieq sekondarji (PSPP). Flimkien mat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti, il-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi u l-programm ta' xiri mis-settur korporattiv, il-PSPP huwa parti mill-programm ta' xiri ta' assi estiż (APP) tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). L-għan tal-APP huwa li jkompli jtejjeb it-trażmissjoni tal-politika monetarja, jiffaċilita l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffef il-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u ditti, u jappoġġa l-konverġenza sostnuta tar-rati tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, iżda qrib għal, 2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-għan ewlieni tal-Bank Ċentrali Ewropew li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(3)

Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li ċerti parametri tal-APP għandhom jiġu aġġustati sa mill-1 ta’ Jannar 2019 sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-APP. B’mod aktar speċifiku, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jwaqqaf ix-xiri ta’ assi netti taħt l-APP fil-31 ta’ Diċembru 2018. Il-Kunsill Governattiv ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qegħdin jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għandhom ikomplu jiġu investiti mill-ġdid bis-sħiħ għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax prinċipali tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ għaż-żmien meħtieġ sabiex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad ampju ta’ akkomodazzjoni monetarja.

(4)

Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li l-allokazzjoni ta’ xirjiet netti kumulattivi ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti taħt il-PSPP bejn ġurisdizzjonijiet eliġibbli għandha tkompli tkun iggwidata, fuq bażi stokk, mis-sottoskrizzjoni rispettiva ta’ banek ċentrali nazzjonali għall-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.

(5)

Fit-12 ta’ Settembru 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jerġa’ jibda x-xirijiet netti taħt l-APP sa mill-1 ta’ Novembru 2019 u jistenna li dawn jitwettqu sakemm dan ikun meħtieġ biex jissaħħaħ l-impatt akkomodattiv tar-rati ta’ politika u biex jintemmu ftit qabel il-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv iddeċieda wkoll li jkompli jinvesti mill-ġdid b’mod sħiħ il-pagamenti prinċipali minn titoli li jkunu qegħdin jimmaturaw mixtrija taħt l-APP għal perijodu estiż ta’ żmien wara d-data meta l-Kunsill Governattiv jibda jgħolli r-rati tal-imgħax prinċipali tal-BĊE, u fi kwalunkwe każ għaż-żmien meħtieġ sabiex jinżammu kundizzjonijiet ta’ likwidità favorevoli u grad ampju ta’ akkomodazzjoni monetarja. Fid-dawl ta’ tnaqqis imġebbed fl-ekonomija taż-żona tal-euro, riskji negattivi persistenti għall-prospett ta’ tkabbir u prospettiva ta’ inflazzjoni li tibqa’ tonqos milli tilħaq l-għan tagħha ta’ inflazzjoni fuq żmien medju, il-Kunsill Governattiv ikkonkluda li risposta politika komprensiva kienet iġġustifikata sabiex jingħata appoġġ biex l-inflazzjoni terġa’ tinġieb lura għat-triq ta’ konverġenza sostnuta lejn l-għan ta’ inflazzjoni fuq żmien medju tal-Kunsill Governattiv. Li jerġgħu jinbdew ix-xirjiet ta’ assi netti hija miżura proporzjonata peress li għandha impatt akbar fuq ir-rati fuq żmien itwal milli politika tar-rati tal-imgħax u tiffaċilita l-ispejjeż ta’ finanzjament relevanti tad-ditti u tal-unitajiet domestiċi.

(6)

Il-PSPP, bħala parti mill-programmi ta’ xiri ta’ assi li jikkostitwixxu l-APP, huwa miżura proporzjonata għall-mitigazzjoni tar-riskji għall-prospettiva fl-iżviluppi tal-prezzijiet, hekk kif dawn il-programmi ikomplu jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, inklużi dawk li huma rilevanti għall-kundizzjonijiet ta’ teħid ta’ self ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji u unitajiet domestiċi fiż-żona tal-euro, b’hekk jappoġġja l-konsum aggregat u l-infiq fuq l-investiment fiż-żona tal-euro u finalment jikkontribwixxi għar-ritorn tar-rati tal-inflazzjoni għal livelli li huma taħt, iżda qrib, it-2 % fuq żmien medju. F’ambjent fejn ir-rati tal-imgħax prinċipali tal-BĊE jinsabu viċin il-medda l-aktar baxxa tagħhom, huwa meħtieġ li l-programmi ta’ xiri tal-assi jiġu inklużi fil-miżuri tal-politika monetarja tal-Eurosistema bħala strumenti li għandhom potenzjal għoli ta’ trażmissjoni lejn l-ekonomija reali.

(7)

Il-PSPP fih numru ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li x-xirjiet previsti jkunu proporzjonati mal-għanijiet tiegħu, u li r-riskji finanzjarji relatati jkunu ġew ikkunsidrati debitament fid-disinn tiegħu u jkunu ikkontenuti permezz tal-ġestjoni tar-riskju. Biex ikun hemm operazzjoni bla xkiel tas-swieq f’titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli, u biex ma jkunx hemm xkiel fir-ristrutturazzjonijiet ordnati ta’ dejn, se japplikaw limiti għal xiri ta' dawk it-titoli mill-banek ċentrali tal-Eurosistema.

(8)

Il-PSPP jikkonforma bi sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema skont it-Trattati, inkluża l-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju, u ma jfixkilx l-operat tal-Eurosistema skont il-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-PSPP, l-Eurosistema b’dan qiegħda tiċċara li hija taċċetta l-istess trattament (pari passu) bħal investituri privati fir-rigward tat-titoli ta’ dejn negozjabbli li l-Eurosistema tista’ tixtri taħt il-PSPP, skont it-termini ta’ dawn l-istrumenti.

(10)

Il-PSPP huwa implimentat b’mod diċentralizzat, filwaqt li jitqiesu debitament kunsiderazzjonijiet ta’ formazzjoni tal-prezz tas-suq u tal-funzonament tas-suq, u huwa kkoordinat mill-BĊE, biex b'hekk hija ssalvagwardjata l-uniċità tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(11)

Fis-26 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jkompli jarmonizza l-kunċetti ta’ aġenzija attwalment użati fil-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema u biex jallinja l-kriterji użati biex jiġu ddefiniti aġenziji rikonoxxuti fil-qafas kollaterali u l-aġenziji eliġibbli għall-PSPP,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tal-PSPP

L-Eurosistema bil-preżenti qiegħda tistabblixxi l-PSPP li bis-saħħa tiegħu l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 3, fi swieq sekondarji, minn kontropartijiet eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 7, taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar ’il quddiem il-“BĊNi”);

(2)

“aġenzija rikonoxxuta” tfisser entità li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali;

(3)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser entità fit-tifsira tal-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali għall-finijiet tal-PSPP;

(4)

"bank ta' żvilupp multilaterali" tfisser entità fit-tifsira tal-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali għall-finijiet tal-PSPP;

(5)

“eżitu pożittiv ta’ rieżami” tfisser dik li tiġi l-aktar tard miż-żewġ deċiżjonijiet li ġejjin: id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà u, fil-każ li l-Fond Monetarju Internazzjonali jikkofinanzja l-programm ta’ assistenza finanzjarja, il-Bord Eżekuttiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jiġi approvat il-ħlas li jmiss taħt dak il-programm, waqt li jkun mifhum li ż-żewġ deċiżjonijiet ikunu meħtieġa biex jitkompla x-xiri taħt il-PSPP;

(6)

“stokk” tfisser is-somma tal-valur kontabilistiku, fil-ħin tax-xiri, tax-xirjiet kollha ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli, filwaqt li jitqiesu l-fidjiet ta’ kontijiet ta’ kapital li jimmatura li jkunu seħħu;

(7)

‘xirjiet netti’ tfisser xirjiet ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli f’xahar partikolari, netti mill-ammonti ta’ fidi minn titoli li jkunu qegħdin jimmaturaw mixtrijja taħt l-APP f’dak ix-xahar;

(8)

‘xirjiet netti kumulattivi’ tfisser is-somma ta’ xirjiet netti mill-bidu tal-programm ta’ xiri rispettiv.

Listi tal-entitajiet msemmijin fil-punti (2) sa (4) huma ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE.

Artikolu 3

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal titoli ta’ dejn negozjabbli

1.   Bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu, titoli ta’ dejn negozjabbli ddenominati f’euro maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, aġenziji rikonoxxuti li jinsabu fiż-żona tal-euro, organizzazzjonijiet internazzjonali li jinsabu fiż-żona tal-euro u banek multilaterali tal-iżvilupp li jinsabu fiż-żona tal-euro għandhom ikunu eliġibbli għal xirjiet mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-PSPP.

2.   Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta’ dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta’ kreditu tal-Eurosistema skont ir-Raba’ Parti tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (4), bla ħsara għar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-emittent jew il-garanti tat-titoli ta’ dejn negozjabbli għandu jkollu valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-inqas tal-Livell 3 ta’ Kwalità ta’ Kreditu fl-iskala ta’ klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema espressa fil-forma ta’ mill-inqas klassifikazzjoni waħda ta’ kreditu pubbliku mogħtija minn istituzzjoni esterna ta’ valutazzjoni tal-kreditu (ECAI) aċċettata fi ħdan il-qafas ta’ valutazzjoni ta’ kreditu tal-Eurosistema;

(b)

jekk ikun hemm disponibbli diversi klassifikazzjonijiet tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjonijiet tal-garanti minn ECAI, għandha tapplika r-regola tal-ewwel l-aħjar, jiġifieri għandha tapplika l-aħjar klassifikazzjoni tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI disponibbli. Jekk l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-kwalità ta’ kreditu jiġu stabbiliti abbażi ta' klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI, il-garanzija għandha tissodisfa l-karatteristiċi ta’ garanzija aċċettabbli kif stipulat fl-Artikolu 87 u l-Artikoli 113 sa 115 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(c)

fin-nuqqas ta' klassifikazzjoni ta' emittent minn ECAI u klassifikazzjoni ta' garanti minn ECAI, titolu ta' dejn negozjabbli għandu jkollu ta' mill-inqas klassifikazzjoni ta' ħruġ waħda minn ECAI ta' mill-inqas tal-Livell 3 ta' Kwalità tal-Kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema;

(d)

jekk il-valutazzjoni ta’ kreditu pprovduta minn ECAI aċċettat għall-emittent, il-garanti jew il-ħruġ ma tikkonformax ma’ tal-inqas il-Livell 3 ta’ Kwalità tal-Kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, it-titoli ta’ dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jinħarġu jew ikunu ggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta’ assistenza finanzjarja u li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni tal-limitu tal-kwalità tal-kreditu tal-Eurosistema jiġi sospiż mill-Kunsill Governattiv bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 (5);

(e)

fil-każ ta’ reviżjoni ta’ programm ta’ assistenza finanzjarja li jkun għaddej, l-eliġibbiltà għal xiri PSPP għandha tiġi sospiża u għandha tkompli biss fil-każ li jkun hemm eżitu pożittiv tar-reviżjoni.

3.   Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta’ dejn, fit-tifsira tal-paragrafi 1 sa 2, għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta’ sena u maturità rimanenti massima ta’ 30 sena meta jinxtraw mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti. Sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel, strumenti ta’ dejn negozjabbli b’maturità rimanenti ta’ 30 sena u 364 jum għandhom ikunu eliġibbli taħt il-PSPP. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu iwettqu wkoll xirjiet sostituti ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp jekk l-ammonti previsti li għandhom jinxtraw f’titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali u aġenziji rikonoxxuti ma jkunux jistgħu jintlaħqu.

4.   Huma permessi xirjiet ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) ekwivalenti għal jew ’il fuq mir-rata tal-faċilità ta’ depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta’ strumenti ta’ dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta’ depożitu.

Artikolu 4

Limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta’ xirjiet

1.   Biex tiġi permessa l-formazzjoni ta’ prezz tas-suq għal titoli eliġibbli, ma għandux jiġi permess xiri f’titolu maħruġ ġdid jew titolu sfruttat u l-istrumenti ta’ dejn negozjabbli b’maturità rimanenti li huma qrib fiż-żmien, qabel jew wara, il-maturità tal-istrumenti ta’ dejn negozjabbli li għandhom jinħarġu, matul perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill Governattiv (“perijodu ta’ black-out”). Għal sindikazzjonijiet, il-perijodu ta’ black-out in kwistjoni għandu jiġi rrispettat fuq il-bażi tal-aħjar sforz malli ssir disponibbli informazzjoni pubblika rigward it-termini tal-ħruġ.

2.   Għal titoli ta’ dejn maħruġin jew iggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta’ assistenza finanzjarja, il-perijodu ta’ xiri taħt il-PSPP wara eżitu pożittiv ta’ kull reviżjoni ta’ programm għandu, bħala regola, ikun limitat għal xahrejn, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw sospensjoni ta’ xiri qabel jew kontinwazzjoni ta’ xiri wara dan il-perijodu u sakemm tibda r-reviżjoni li tmiss.

Artikolu 5

Limiti tax-xiri

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, limitu ta’ ħruġ ta’ ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta’ titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt il-PSPP għal titoli ta’ dejn negozjabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu ta’ ħruġ ta' ishma għandu jkun skont kif ġej:

(a)

50% għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali ta' żvilupp;

(b)

33% għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli oħra, bl-eċċezzjoni ta' 25% għal kull ISIN għal dawk it-titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli li jkun fihom klawsola ta' azzjoni kollettiva (KAK) (collective action clause - CAC) li tvarja mill-mudell KAK għaż-żona tal-euro elaborat mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u implimentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, iżda ser jiżdied għal 33%, soġġett għal verifika fuq il-bażi ta' każ b'każ li parteċipazzjoni ta' 33% għal kull ISIN ta’ dawk it-titoli mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw proċeduri ta' ristrutturar ordnat ta' dejn.

2.   Kull titolu ta' dejn negozjabbli eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP u li jkollu l-maturitajiet rimanenti speċifikati fl-Artikolu 3 għandu jkun soġġett għal limitu aggregat, wara l-konsolidazzjoni ta' parteċipazzjonijiet fil-portafolji kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema, ta':

(a)

50 % tat-titoli pendenti ta' emittent li jkun organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp; jew

(b)

33 % tat-titoli pendenti ta' emittent minbarra organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp.

3.   Fir-rigward tat-titoli ta’ dejn imsemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2), japplikaw limiti ta' ishma differenti għall-emittenti u l-ħruġ. Dawn il-limiti għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv waqt li jqis kif meħtieġ kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju u tal-funzjonament tas-suq.

Artikolu 6

Allokazzjoni tal-portafolli

1.   Il-valur kontabilistiku tax-xirjiet netti matul is-sena kalendarja għandu jiġi allokat skont kif ġej:

a)

10% f’titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek ta’ żvilupp multilaterali;

b)

90% f'titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti.

2.   Il-valur kontabilistiku tax-xirjiet netti ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli matul is-sena kalendarja għandu jiġi allokat bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema skont kif ġej:

a)

10% lill-BĊE;

b)

90% lill-BĊNi.

3.   Pagamenti prinċipali minn titoli ta’ dejn negozjabbli li jkunu qegħdin jimmaturaw ta’ gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali u aġenziji rikonoxxuti għandhom jiġu investiti mill-ġdid bix-xiri ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali u aġenziji rikonoxxuti. L-investiment mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali għandu jitqassam tul is-sena sabiex ikun hemm preżenza fis-suq regolari u bbilanċjata. Pagamenti prinċipali minn titoli ta’ dejn negozjabbli li jkunu qegħdin jimmaturaw maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek ta’ żvilupp multilaterali għandhom jiġu investiti mill-ġdid billi jinxtraw titoli ta’ dejn negozjabbli eliġibbli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek ta’ żvilupp multilaterali.

4.   L-allokazzjoni ta’ xirjiet netti kumulattivi ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli maħruġa minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti fost ġurisdizzjonijiet eliġibbli għandhom ikomplu jiġu ggwidati, fuq bażi stokk, mis-sottoskrizzjoni tal-BĊNi rispettivi lill-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.

5.   Banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom japplikaw skema ta’ speċjalizzazzjoni għall-allokazzjoni ta’ titoli ta’ dejn negozjabbli li għandhom jinxtraw taħt il-PSPP. Il-Kunsill Governattiv għandu jippermetti għal devjazzjonijiet ad hoc mill-iskema ta’ speċjalizzazzjoni jekk kunsiderazzjonijiet oġġettivi jostakolaw li din l-iskema tintlaħaq jew altrimenti dawk id-devjazzjonijiet isiru rakkomandabbli fl-interess li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika monetarja inġenerali tal-PSPP. B’mod partikolari, kull BĊN għandu jixtri titoli eliġibbli ta’ emittenti tal-ġurisdizzjoni tiegħu stess. Xiri ta’ titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp eliġibbli jista’ jsir mill-BĊNi kollha. Il-BĊE għandu jixtri titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali u aġenziji rikonoxxuti tal-ġurisdizzjonijiet kollha.

6.   Xiri ta’ titoli ta’ dejn maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u gvernijiet reġjonali u lokali eliġibbli għandhom isiru biss mill-BĊNi.

Artikolu 7

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontropartijiet eliġibbli għall-PSPP:

(a)

entitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60); u

(b)

kwalunkwe kontropartijiet oħra li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta’ investiment tagħhom iddenominati f’euro.

Artikolu 8

Trasparenza

1.   L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta’ kull ġimgħa l-valur kontabilistiku aggregat tat-titoli miżmuma taħt il-PSPP fil-kummentarju tar-rendikont finanzjarju ta’ kull ġimgħa kkonsolidat tagħha.

2.   L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta’ kull xahar (i) ix-xirjiet netti ta’ kull xahar u x-xirjiet netti kumulattivi, u (ii) il-maturità reżidwa medja ppeżata skont ir-residenza tal-emittent, billi jiġu sseparati l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-banek multilaterali tal-iżvilupp minn emittenti oħrajn, tal-investimenti PSPP tagħha.

3.   Il-valur kontabilistiku ta’ titoli miżmuma taħt il-PSPP għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fit-taqsima dwar l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ fuq bażi ta’ kull ġimgħa.

Artikolu 9

Self ta’ titoli

L-Eurosistema għandha tagħmel disponibbli għas-self titoli mixtrijin taħt il-PSPP, inklużi repos, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-PSPP.

Artikolu 10

Revoka

1.   Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 (BĊE/2015/10) hija b'dan imħassra.

2.   Referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 11

Dispożizzjoni finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fir-raba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10)(ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).

(2)  Ara l-Anness.

(3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(5)  Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).


ANNESS

Deċiżjoni Mħassra

b’lista tal-emendi suċċessivi tagħha

Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10)(ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).

Deċiżjoni (UE) 2015/2101 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/33) (ĠU L 303, 20.11.2015, p. 106)

Deċiżjoni (UE) 2015/2464 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/48) (ĠU L 344, 30.12.2015, p. 1).

Deċiżjoni (UE) 2016/702 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' April 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2016/8) (ĠU L 121, 11.5.2016, p. 24).

Deċiżjoni (UE) 2017/100 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-11 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/774 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji missettur pubbliku (BĊE/2017/1) (ĠU L 16, 20.1.2017, p. 51).


Top