EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2180

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2180 tas-16 ta’ Diċembru 2019 li jispeċifika l-arranġamenti u l-kontenut dettaljati għar-rapporti tal-kwalità skont ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/8837

OJ L 330, 20.12.2019, p. 8–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2180/oj

20.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 330/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2180

tas-16 ta’ Diċembru 2019

li jispeċifika l-arranġamenti u l-kontenut dettaljati għar-rapporti tal-kwalità skont ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma’ persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta’ data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tispeċifika l-arranġamenti dettaljati u l-kontenut tar-rapporti tal-kwalità, fosthom indikazzjonijiet tal-metodu għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-preċiżjoni, b’rabta mad-data li trid tiġi trażmessa mill-Istati Membri lill-Eurostat.

(2)

Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema tal-Istatistika Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati tar-rapporti tal-kwalità u l-kontenut meħtieġ tagħhom, fosthom deskrizzjoni tal-metodi għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-preċiżjoni, fuq id-data li l-Istati Membri jeħtieġ jittrażmettu lill-Kummissjoni (il-Eurostat) skont ir-Regolament (UE) 2019/1700.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“intervista bi prokura” tfisser intervista ma’ persuna li mhix l-istess persuna li mingħandha qed tintalab l-informazzjoni skont regoli speċifiċi stabbiliti minn kull stħarriġ li jispeċifika f’liema każijiet jistgħu jiġu aċċettati intervisti bi prokura;

(2)

“nonrispons” tfisser li stħarriġ ma rnexxilux jiġbor data għall-punti kollha tad-data fil-kwestjonarju tal-istħarriġ jew mill-unitajiet kollha tal-popolazzjoni deżinjata għall-ġbir tad-data, jew it-tnejn li huma, speċifikament:

(a)

“nonrispons ta’ unità” hu tip ta’ nuqqas ta’ rispons meta ma tinġabar l-ebda data dwar unità tal-popolazzjoni deżinjata għall-ġbir tad-data;

(b)

“nonrispons ta’ punt” hu tip ta’ nuqqas ta’ rispons meta ma tinġabar l-ebda data dwar varjabbli tal-istħarriġ b’rabta ma’ unità tal-popolazzjoni deżinjata;

(3)

“errur tal-kampjunar” tfisser parti mid-differenza bejn valur tal-popolazzjoni u stima ta’ dak il-valur derivat minn kampjun aleatorju, li tirriżulta mill-fatt li subsett biss tal-popolazzjoni hu enumerat;

(4)

“errur mhux tal-kampjunar” tfisser errur fl-istimi tal-istħarriġ li mhux attribwibbli għal flutwazzjonijiet tal-kampjunar;

(5)

“sostituzzjoni” fir-rigward tar-rispondenti tfisser is-sostituzzjoni ta’ unità li oriġinarjament ġiet ikkampjunata minn unità oħra, inkluż sostituzzjoni bejn jew fost unitajiet domestiċi;

(6)

“unitajiet eliġibbli” tfisser is-sett ta’ unitajiet tal-popolazzjoni magħżula mill-qafas tal-kampjunar li huma parti mill-popolazzjoni fil-mira;

(7)

“unitajiet ineliġibbli” tfisser unitajiet fil-kampjun li mhumiex parti mill-popolazzjoni fil-mira;

(8)

“kampjun nett”, imsejħa wkoll “kampjun miksub”, tfisser is-sett ta’ unitajiet tal-popolazzjoni (inkluż l-unitajiet tas-sostituzzjoni) magħżula mill-qafas tal-kampjunar, li minnhom inkisbet informazzjoni biżżejjed biex tinkludi l-unità fl-istimi tal-istħarriġ;

(9)

“kampjun gross”, imsejħa wkoll “kampjun inizjali”, tfisser is-sett ta’ unitajiet tal-popolazzjoni li ntgħażlu inizjalment mill-qafas tal-kampjunar. Il-kampjun gross jinkludi l-unitajiet eliġibbli (il-kampjun nett u l-unitajiet tan-nuqqas ta’ rispons) kif ukoll l-unitajiet ineliġibbli;

(10)

“imputazzjoni” tfisser proċedura għad-dħul ta’ valur għal punt speċifiku tad-data, fejn l-ebda rispons ma jkun disponibbli.

Artikolu 3

Rapporti tal-kwalità

Ir-rapporti tal-kwalità għandu jkun fihom data u metadata relatati mal-kwalità f’konformità mal-kriterji tal-kwalità u l-kunċetti statistiċi stabbiliti fl-Anness. Dawn ir-rapporti għandhom jirreferu wkoll għall-każijiet meta ma nkisbitx konformità mal-kriterji xierqa tal-kwalità jew meta ma ġewx applikati sew il-kunċetti statistiċi, jew it-tnejn li huma.

Artikolu 4

Deskrizzjoni tal-metodi għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-preċiżjoni

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tivvaluta sa fejn id-data trażmessa mill-Istati Membri skont l-Anness II għar-Regolament (UE) 2019/1700 tissodisfa r-rekwiżiti tal-preċiżjoni. Meta l-Kummissjoni (il-Eurostat) tidentifika nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-preċiżjoni, din għandha tiġi vvalutata skont:

l-importanza u l-frekwenza tiegħu u l-impatt li dan iħalli fuq il-kwalità tal-indikaturi ewlenin, speċjalment il-komparabbiltà tagħhom;

jekk dan jistax jiġi rettifikat minnufih u jekk l-Istati Membri jagħmlux il-korrezzjonijiet meħtieġa b’mod effettiv;

jekk in-nuqqas ta’ konformità jistax jittaffa indirettament, b’mod partikolari b’tekniki ta’ stima, u jekk l-Istati Membri humiex qed jieħdu miżuri xierqa ta’ mitigazzjoni;

sa fejn l-Istati Membri jeżerċitaw kontroll fuq in-nuqqas ta’ konformità, li jista’ jirriżulta għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħhom;

l-estent sa fejn in-nuqqas ta’ konformità jippersisti tul is-sessjonijiet suċċessivi tal-ġbir tad-data;

jekk hemmx pjan ta’ azzjoni korrettiva approvat mill-Kummissjoni (il-Eurostat) u jekk hux implimentat b’mod effettiv; il-valutazzjoni ta’ pjan bħal dan se tqis it-tul taż-żmien meħtieġ biex jiġu rettifikati l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, b’mod partikolari fil-każ tal-ġbir tad-data lonġitudinali.

Artikolu 5

Standards tekniċi għat-trażmissjoni tar-rapporti tal-kwalità

1.   B’appoġġ għall-ġestjoni tal-kwalità u d-dokumentazzjoni tal-proċess, ir-rapporti tal-kwalità għandhom jiġu trażmessi skont l-istandards tekniċi stabbiliti mill-Kummissjoni (il-Eurostat).

2.   Biex id-data tkun tista’ tiġi rkuprata b’mod elettroniku, ir-rapporti tal-kwalità għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni (il-Eurostat) permezz tal-punt uniku ta’ dħul.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 261I, 14.10.2019, p. 1.


ANNESS

Kriterji tal-kwalità u kunċetti statistiċi

Ir-rapport tal-kwalità għandu jkun fih data u metadata relatati mal-kwalità f’konformità mal-kriterji tal-kwalità u l-kunċetti statistiċi li ġejjin.

Jekk kunċett statistiku partikolari ma jkunx rilevanti għal operazzjoni statistika, dak il-kunċett jenħtieġ jibqa’ fir-rapport tal-kwalità, akkumpanjat mill-kliem “Mhux applikabbli”.

1.   KUNTATTI

Punti tal-kuntatt individwali jew organizzazzjonali għal data jew metadata, inkluż dettalji tal-kuntatt.

2.   PREŻENTAZZJONI STATISTIKA

Deskrizzjoni tad-data disseminata, li tista’ tintwera lill-utenti bħala tabelli, graffs jew mapep.

2.1.   Deskrizzjoni tad-data

Deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tas-sett tad-data.

2.2.   Sistemi tal-klassifikazzjoni

Meta applikabbli, il-lista tal-klassifikazzjonijiet u tat-tqassimiet użati għad-data, u kull devjazzjoni mill-istandards Ewropej tal-istatistika jew l-istandards internazzjonali.

2.3.   Kopertura tas-settur

Deskrizzjoni tat-temi ewlenin koperti mis-sett tad-data.

2.4.   Kunċetti statistiċi u definizzjonijiet, inkluż il-perjodu ta’ referenza

Il-lista tal-varjabbli kollha li jiddevjaw mid-definizzjoni standard, li ssemmi l-kunċetti nazzjonali użati u kull differenza bejn il-kunċetti nazzjonali u l-ġabriet tad-data rispettivi.

2.5.   Unitajiet statistiċi

Deskrizzjoni tal-unitajiet tal-osservazzjoni.

2.6.   Popolazzjoni statistika

Deskrizzjoni tal-popolazzjoni jew tal-popolazzjonijiet statistiċi fil-mira li għalihom jirreferi s-sett tad-data, jiġifieri l-popolazzjoni li dwarha trid tinġabar l-informazzjoni.

2.6.1.   Popolazzjoni(jiet) mhux koperta

Informazzjoni dwar kull sottopopolazzjoni mhux koperta mill-ġbir tad-data (eż. il-persuni mingħajr saqaf fuq rashom jew il-persuni li jgħixu fl-istituzzjonijiet), inkluż deskrizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-popolazzjonijiet u l-aħjar stima kwantitattiva tagħha.

2.7.   Żona ta’ referenza

Deskrizzjoni taż-żona ġeografika li magħha jkun relatat il-fenomenu statistiku mkejjel: iż-żona ġeografika koperta u lista tar-reġjuni esklużi.

2.8.   Kopertura taż-żmien

Il-perjodi jew il-punti fiż-żmien li tirreferi għalihom l-osservazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TAL-ISTATISTIKA

L-operazzjonijiet imwettqa fuq id-data biex tinkiseb informazzjoni ġdida dwar sett partikolari ta’ regoli.

3.1.    Data tas-sors

Deskrizzjoni tas-sors tad-data statistika mhux ipproċessata (eż. intervisti, data amministrattiva, kwalunkwe sors ieħor). Jekk jintużaw reġistri amministrattivi, dawn jenħtieġ jiġu deskritti b’mod ċar (is-sors, l-iskop primarju, nuqqasijiet possibbli, eċċ.)

3.1.1.   Qafas tal-kampjunar

Deskrizzjoni tal-metodi użati għall-kisba jew il-ħolqien tal-qafas tal-kampjunar.

3.1.2.   Disinn tal-kampjun

Deskrizzjoni tal-aspetti li ġejjin:

Tip ta’ disinn tal-kampjun (stratifikat, b’multistadji, raggruppat, bi stadju wieħed, b’żewġ stadji)

Kriterji tal-istratifikazzjoni u tas-substratifikazzjoni

Daqs tal-kampjun

3.2.   Frekwenza tal-ġbir tad-data

Informazzjoni dwar il-frekwenza tal-ġbir tad-data.

3.3.   Ġbir tad-data

Deskrizzjoni tal-metodi użati għall-ġbir tad-data (CAPI, CAWI, CATI, eċċ.). Jenħtieġ jinhemeż il-kwestjonarju nazzjonali użat għall-ġbir tad-data, flimkien ma’ traduzzjoni tiegħu bl-Ingliż.

3.4.   Validazzjoni tad-data

Deskrizzjoni tal-proċeduri użati għall-kontroll u l-validazzjoni tad-data tas-sors u tal-output, inkluż l-ispjegazzjoni ta’ kif ir-riżultati ta’ dawn il-validazzjonijiet huma monitorjati u użati.

3.5.   Kompilazzjoni tad-data

Deskrizzjoni tal-proċess tal-kompilazzjoni tad-data (eż. l-editjar tad-data, l-imputazzjoni, il-ponderazzjoni, l-aġġustament għan-nuqqas ta’ rispons, il-kalibrazzjoni, il-mudell użat, eċċ). Jenħtieġ li kull pass tal-ponderazzjoni jiġi deskritt separatament: il-kalkolu tal-ponderazzjonijiet tad-disinn; l-aġġustament tan-nuqqas ta’ rispons (kif tiġi kkoreġuta l-ponderazzjoni tad-disinn, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fir-rati tar-rispons); il-kalibrazzjoni (il-livell u l-varjabbli użati fl-aġġustament, il-metodu applikat); il-kalkolu tal-ponderazzjonijiet tad-disinn.

4.   ĠESTJONI TAL-KWALITÀ

Is-sistemi u l-oqfsa fis-seħħ fi ħdan organizzazzjoni biex tkun ġestita l-kwalità tal-prodotti u l-proċessi statistiċi.

4.1.   Aċċertament tal-kwalità

Deskrizzjoni tal-qafas tal-aċċertament tal-kwalità u/jew tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità (eż. EFQM, ISO 9000) użati fl-organizzazzjoni.

4.2.   Valutazzjoni tal-kwalità

Deskrizzjoni tal-kwalità ġenerali tal-outputs statistiċi, li jiġbru fil-qosor il-punti b’saħħithom ewlenin u kull nuqqas ta’ kwalità fil-kriterji standard tal-kwalità: ir-rilevanza, l-akkuratezza, l-affidabbiltà, it-tempestività, il-puntwalità, il-komparabbiltà u l-koerenza. Kwalunkwe kompromess bejn l-aspetti tal-kwalità u kwalunkwe titjib fil-kwalità previst jista’ jissemma.

5.   RILEVANZA

5.1.   Ħtiġijiet tal-utenti

Informazzjoni (jekk disponibbli) fuq (kwalunkwe) ħtiġijiet tal-utenti fir-rigward tad-data miġbura.

5.2.   Sodisfazzjon tal-utenti

Informazzjoni (jekk disponibbli) fuq il-livell ta’ sodisfazzjon tal-utenti tad-data fir-rigward tad-data miġbura u disponibbli.

5.3.   Kompletezza

Deskrizzjoni ta’ kull nuqqas ta’ konformità f’termini ta’ varjabbli li ma jiġux trażmessi.

6.   AKKURATEZZA U AFFIDABBILTÀ

6.1.   Akkuratezza ġenerali

Sommarju tad-diversi komponenti ta’ valutazzjoni tal-akkuratezza, marbuta ma’ sett tad-data jew dominju partikolari:

Deskrizzjoni tas-sorsi ewlenin ta’ erruri aleatorji u sistematiċi fl-outputs statistiċi, b’valutazzjoni fil-qosor tal-erruri kollha u b’enfasi partikolari fuq l-impatt fuq stimi ewlenin.

Jekk rilevanti, aspetti ta’ reviżjoni tad-data.

6.2.   Errur tal-kampjunar

Deskrizzjoni tal-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-istimi tal-preċiżjoni.

Il-miżuri tal-preċiżjoni tal-istimi skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tas-settijiet tad-data individwali.

L-erruri standard fil-livell nazzjonali u, meta meħtieġ, fil-livell reġjonali (NUTS 2) għall-indikaturi ewlenin kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1700.

6.3.   Errur mhux tal-kampjunar

6.3.1.   Errur tal-kopertura

Deskrizzjoni tad-diverġenza bejn il-popolazzjoni tal-qafas u l-popolazzjoni fil-mira.

Il-frekwenza u ż-żmien tal-aġġornamenti tal-qafas.

Erruri minħabba diskrepanzi bejn il-qafas tal-kampjunar u l-popolazzjoni u s-subpopolazzjonijiet fil-mira (kopertura żejda, kopertura nieqsa, klassifikazzjonijiet ħżiena).

6.3.2.   Errur fil-kejl

Deskrizzjoni tal-erruri li jseħħu waqt il-ġbir tad-data, u li jwasslu biex il-valuri rreġistrati tal-varjabbli jvarjaw mill-valuri reali.

Deskrizzjoni tal-isforzi magħmula fid-disinn u fl-ittestjar tal-kwestjonarju (inkluż l-indirizzar tal-erruri li jirriżultaw minn ġbir tad-data b’diversi modi u/jew b’diversi sorsi).

Deskrizzjoni tat-taħriġ tal-intervistatur.

Rati tal-intervisti bi prokura.

6.3.3.   Erruri minħabba nuqqas ta’ rispons

Deskrizzjoni ta’:

Il-karatteristiċi disponibbli tan-nonrispondenti

Ir-rati tan-nonrispons għall-unitajiet u għall-punti.

Ir-rati tas-sostituzzjoni.

Id-daqs gross tal-kampjun (id-daqs inizjali tal-kampjun), l-għadd ta’ unitajiet eliġibbli u d-daqs tal-kampjun nett, inkluż l-unitajiet tas-sostituzzjoni (id-daqs tal-kampjun miksub)

6.3.4.   Erruri tal-ipproċessar

Deskrizzjoni ta’ kull errur fl-ipproċessar u l-impatt tiegħu fuq ir-riżultati tal-ġbir tad-data finali, li jirriżultaw minn implimentazzjoni żbaljata ta’ metodi tal-implimentazzjoni li jkunu ppjanati b’mod korrett.

Deskrizzjoni tal-verifiki tal-kwalità u tal-proċess tal-editjar tad-data.

Deskrizzjoni tal-proċeduri tal-imputazzjoni.

Rati tal-imputazzjoni.

6.3.5.   Errur fil-preżunzjoni tal-mudell

Meta applikabbli: deskrizzjoni tal-errur li jirriżulta minn mudelli speċifiċi għad-dominju li huma meħtieġa biex tiġi definita l-mira tal-istima.

6.4.   Aġġustament staġunali (fejn applikabbli)

Deskrizzjoni tat-tekniki statistiċi użati biex jitneħħew l-effetti staġunali li jinfluwenzaw serje tad-data.

6.5.   Reviżjoni tad-data — politika

Deskrizzjoni tal-politika mmirata biex tiżgura t-trasparenza tad-data disseminata, bid-data preliminari tiġi riveduta wara l-kompilazzjoni.

6.6.   Reviżjoni tad-data — prattiki

Informazzjoni dwar il-prattiki tar-reviżjoni tad-data.

7.   TEMPESTIVITÀ U PUNTWALITÀ

Informazzjoni dwar:

Id-data tad-disseminazzjoni tar-riżultati nazzjonali.

L-għadd ta’ ġranet bejn tmiem il-ħidma fuq il-post u l-ewwel trażmissjoni validata għalkollox tad-data lill-Kummissjoni (il-Eurostat).

Id-data tal-ewwel trażmissjoni sħiħa tad-data lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Jekk it-trażmissjoni tad-data ma tissodisfax l-iskadenza stabbilita fir-Regolament (UE) 2019/1700, jenħtieġ tingħata raġuni għad-dewmien.

8.   KOERENZA U KOMPARABBILTÀ

Deskrizzjoni ta’ kif ġew issodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fid-dominju speċifiku, inkluż, meta rilevanti, l-impatt ta’ kwalunkwe devjazzjoni mill-kwestjonarju u d-definizzjonijiet.

8.1.   Komparabbiltà — ġeografika

Deskrizzjoni ta’ kull problema ta’ komparabilità bejn ir-reġjuni differenti tal-pajjiż.

8.2.   Komparabilità — tul iż-żmien

Informazzjoni dwar it-tul tas-serje taż-żmien komparabbli, inkluż is-snin meta kien hemm xi intervalli fis-serje, u r-raġunijiet għalihom.

8.3.   Koerenza — trażversali bejn id-dominji

Tqabbil ma’ sorsi esterni għall-varjabbli rilevanti kollha, meta l-Istati Membri kkonċernati jidhrilhom li din id-data esterna tkun affidabbli biżżejjed.

8.4.   Koerenza — statistika subannwali u annwali

Jekk applikabbli.

8.5.   Koerenza — Kontijiet nazzjonali

Jekk applikabbli.

8.6.   Koerenza — interna

Informazzjoni dwar kwalunkwe nuqqas ta’ koerenza fl-output tal-proċess statistiku.

9.   AĊĊESSIBBILTÀ U ĊAREZZA:

Informazzjoni dwar:

Il-formati tad-disseminazzjoni.

Id-dokumentazzjoni dwar il-metodoloġija u l-kwalità.

10.   KOST U PIŻ

Il-piż fuq ir-rispondenti u, jekk disponibbli, il-kost assoċjat mal-ġbir u l-produzzjoni tal-prodott statistiku. Jenħtieġ jiġi ddikjarat it-tul taż-żmien medju tal-intervisti tal-unitajiet domestiċi. Jekk possibbli u rilevanti, it-tul taż-żmien ta’ intervista tal-unità domestika jenħtieġ jiġi rrappurtat skont il-metodu tal-ġbir tad-data.

11.   KUNFIDENZJALITÀ

Informazzjoni dwar is-sjieda tad-data li tindika sa fejn l-iżvelar mhux awtorizzat tagħha jista’ jkun preġudizzjali jew dannuż għall-interess tas-sors jew ta’ xi parti rilevanti oħra.

Politika ta’ kunfidenzjalità — deskrizzjoni ta’ xi dispożizzjoni flimkien mal-leġiżlazzjoni Ewropea li huma rilevanti għall-kunfidenzjalità statistika applikata għad-data.

Kunfidenzjalità — trattament tad-data: deskrizzjoni ġenerali tar-regoli applikati għat-trattament tal-mikrodata u tal-makrodata (inkluż id-data tabulari) fir-rigward tal-kunfidenzjalità statistika.

12.   KUMMENT

Test deskrittiv supplimentari li jista’ jiġi inkluż fir-rapport tal-kwalità.


Top