EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2126

Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2126 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli għal kontrolli uffiċjali speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, miżuri li għandhom jittieħdu wara t-twettiq ta’ tali kontrolli, u ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/7007

OJ L 321, 12.12.2019, p. 104–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/2126/oj

12.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/104


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2126

tal-10 ta’ Ottubru 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli għal kontrolli uffiċjali speċifiċi għal ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti, miżuri li għandhom jittieħdu wara t-twettiq ta’ tali kontrolli, u ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 48(h) u l-Artikolu 77(1)(a), (b) u (k) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 77(1)(a), (b) u (k) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi għal ċertu kategoriji ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni, u dwar miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ nonkonformità.

(2)

Fl-interess li jiġu żgurati kontrolli uffiċjali effiċjenti fuq kunsinni ta’ selvaġġina bil-fer, mhux imqaxxra, introdotti fl-Unjoni, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi ta’ kontroll fejn il-kontrolli fiżiċi jiġu ffinalizzati fl-istabbiliment ta’ destinazzjoni peress li ma jistgħux isiru kontrolli fiżiċi u kampjunar f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

(3)

Fl-interess li jiġu żgurati kontrolli uffiċjali effiċjenti tal-prodotti tas-sajd friski li jinħattu l-art direttament fil-portijiet tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun permess li jsiru kontrolli uffiċjali fil-portijiet deżinjati mill-Istati Membri skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2).

(4)

L-Artikolu 77(1)(k) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi għall-annimali u l-prodotti msemmija fl-Artikolu 48(h) ta’ dak ir-Regolament li jippreżentaw riskju baxx jew l-ebda riskju speċifiku u eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata.

(5)

Fejn il-kontrolli uffiċjali ma jitwettqux f’postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, jenħtieġ jiġu stabbiliti kundizzjonijiet, bħal arranġamenti adegwati ta’ kontroll, biex jiġi żgurat li ma jiġġarbux riskji inaċċettabbli għas-saħħa pubblika, tal-annimali u tal-pjanti fejn tali annimali u oġġetti jidħlu fl-Unjoni.

(6)

Fil-każ ta’ tonn iffriżat li huwa ta’ riskju baxx jew l-ebda riskju speċifiku skont l-Artikolu 48(h) tar-Regolament (UE) 2017/625, jistgħu jitwettqu kontrolli uffiċjali fl-istabbiliment tal-ipproċessar ta’ destinazzjoni, li jiġi approvat mill-awtoritajiet doganali għall-ħżin temporanju ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(7)

Fil-każ ta’ prodotti tas-sajd li huma ta’ riskju baxx jew l-ebda riskju speċifiku skont l-Artikolu 48(h) tar-Regolament (UE) 2017/625 li jinqabdu minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru u li jiddaħħlu fl-Unjoni wara li jinħattu f’pajjiżi terzi, kif imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 (4), jenħtieġ jittieħdu miżuri f’każ ta’ suspett ta’ nonkonformità.

(8)

L-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni tramite ċerti gżejjer Griegi u tramite ċerti territorji Franċiżi jippreżentaw riskju baxx minħabba li tali annimali u oġġetti ma jitqegħdux fis-suq barra minn dawn il-gżejjer jew territorji. Jenħtieġ jiġu stabbiliti rekwiżiti u miżuri adegwati ta’ kontroll uffiċjali biex jiġi żgurat li tali annimali u oġġetti ma jitqegħdux fis-suq barra minn dawn il-gżejjer jew territorji.

(9)

Sabiex l-applikazzjoni tal-qafas leġislattiv tiġi razzjonalizzata u simplifikata, ir-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali skont l-Artikolu 77(1)(k) u l-Artikolu 48(h) tar-Regolament (UE) 2017/625 jenħtieġ li jiġu adottati flimkien mar-regoli dwar il-kontrolli uffiċjali fuq kategoriji oħra ta’ oġġetti elenkati fl-Artikolu 77(1)(a) u (b) tal-istess Regolament.

(10)

Dawn ir-regoli huma minsuġa sustanzjalment u bosta minnhom huma maħsuba biex jiġu applikati flimkien. Fl-interess tas-sempliċità u t-trasparenza, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u jiġi evitat il-multiplikazzjoni ta’ regoli, għandhom għalhekk jiġu stipulati f’att waħdieni u mhux f’għadd ta’ atti separati b’bosta kontroreferenzi u bir-riskju ta’ dupplikazzjoni.

(11)

Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli koperti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/641/KE (5) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/44/UE (6), jenħtieġ li dawk l-atti legali jitħassru.

(12)

Billi r-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika wkoll minn dik id-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali speċifiċi fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti u miżuri li jeħtieġ jittieħdu f’każ ta’ nonkonformità. Jistabbilixxi regoli għal każijiet fejn u kundizzjonijiet li taħthom ċerti kategoriji ta’ annimali u oġġetti jkunu eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, u fejn dawn l-eżenzjonijiet ikunu ġustifikati.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(2)

“prodotti tas-sajd friski” tfisser prodotti tas-sajd friski kif definit fil-punt 3.5 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(3)

“tonn friżat” tfisser tonn miżmum f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (2) tal-Kapitolu VII tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.

Artikolu 3

Selvaġġina bil-fer, mhux imqaxxra

1.   L-awtorità kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni tista' tippermetti d-dispaċċ ta’ kunsinni ta’ selvaġġina bil-fer, mhux imqaxxra għall-istabbiliment fil-lokal ta’ destinazzjoni mingħajr ma’ tiffinalizza l-verifiki fiżiċi jekk il-kunsinni jkunu dispaċċjati f’vetturi jew kontejners skont l-Artikolu 2 u 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni [20190628-026] (8).

2.   L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment fil-lokal tad-destinazzjoni dwar il-ħtieġa li jiġu ffinalizzati l-verifiki fiżiċi, b’mod partikolari l-verifiki tas-saħħa u t-testijiet tal-laboratorju.

3.   L-awtorità kompetenti tal-istabbiliment fil-lokal tad-destinazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 bir-riżultati tal-verifiki fiżiċi msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Prodotti tas-sajd friski li jinħattu l-art direttament f’portijiet tal-Unjoni deżinjati mill-Istati Membri minn bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ pajjiż terz

Prodotti friski tas-sajd li jinħattu l-art direttament minn bastiment tas-sajd li jkun qed itajjar bandiera ta’ pajjiż terz huma eżentati minn kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera sakemm dawn jitwettqu minn awtoritajiet kompetenti f’portijiet tal-Unjoni deżinjati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

Artikolu 5

Tonn friżat li jinħatt l-art direttament f’portijiet tal-Unjoni deżinjati mill-Istati Membri minn bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ pajjiż terz

L-Istati Membri jistgħu jwettqu, fl-istabbiliment tal-ipproċessar ta’ destinazzjoni approvat skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, kontrolli uffiċjali ta’ tonn friżat sħiħ bir-ras u mhux imnaddaf minn ġewwa u li jkun inħatt direttament fil-portijiet tal-Unjoni deżinjati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 minn bastiment tas-sajd li jtajjar bandiera ta’ pajjiż terz, soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kontrolli uffiċjali jitwettqu mill-awtorità kompetenti tal-eqreb post ta’ kontroll fuq il-fruntiera;

(b)

l-istabbiliment tal-ipproċessar tad-destinazzjoni jkun approvat mill-awtoritajiet doganali għall-ħażna temporanja tal-merkanzija mhux tal-Unjoni skont l-Artikolu 147(1) u l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(c)

it-tonn friżat jiġi dispaċċjat mill-bastiment lejn l-istabbiliment tal-ipproċessar ta’ destinazzjoni f’vetturi ssiġillati jew f’kontejners tat-trasport, taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq il-kontrolli uffiċjali u skont il-proċedura doganali rilevanti f’konformità mal-Artikoli 134, 135, 140, 141 u l-Artikolu 148(5) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(d)

qabel il-wasla tal-kunsinna f’portijiet tal-Unjoni deżinjati, l-operatur responsabbli għall-kunsinna jkun innotifika lill-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu bil-wasla tal-kunsinna billi jissottometti fl-IMSOC Dokument Sanitarju Komuni tad-Dħul (CHED) komplut kif imsemmi fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 6

Prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, li jinħattu f’pajjiżi terzi

1.   Kunsinni ta’ prodotti tas-sajd maħsuba għall-konsum mill-bniedem maqbuda minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, imħotta, bi ħżin jew mingħajru, f’pajjiżi terzi qabel ma jidħlu fl-Unjoni b’mezz differenti ta’ trasport kif imsemmi fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/627 għandhom jgħaddu minn verifiki tad-dokumenti mill-awtorità kompetenti tal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni.

2.   Il-kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu eżentati minn verifiki tal-identità u fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera sakemm jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2019/627.

3.   Meta tiġi identifikata jew suspettata nonkonformità mar-regoli msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni, barra l-verifiki tad-dokumenti, għandha twettaq verifiki tal-identità u fiżiċi fuq il-kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Konsinni li jidħlu fl-Unjoni tramite ċerti gżejjer Griegi u ċeri territorji Franċiżi

1.   Prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi tramite l-punti tad-dħul awtorizzati fil-gżejjer Griegi ta’ Rodi, Mitilini u Iraklio (Kreta) għal użu lokali fil-gżira Griega tal-punt tad-dħul huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

2.   Annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi tramite l-punti tad-dħul awtorizzati fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u Mayotte għal użu lokali fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew tal-punt tad-dħul huma eżentati mill-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera.

Artikolu 8

Kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq konsinni li jidħlu fl-Unjoni tramite ċerti gżejjer Griegi u ċerti territorji Franċiżi

1.   Il-kunsinni msemmija fl-Artikolu 7 għandhom ikunu soġġetti, għal kull punt tad-dħul awtorizzat, għal verifiki skont l-Anness I.

2.   Kull punt tad-dħul awtorizzat għandu jkun taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha:

(a)

veterinarji uffiċjali responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-konsenji skont il-punt (a) tal-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, u

(b)

fejn jitqies neċessarju mill-awtorità kompetenti, il-persunal imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 49(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, imħarreġ skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1081 (9).

3.   L-awtorità kompetenti tal-punti tad-dħul awtorizzati fil-gżejjer Griegi msemmija fl-Artikolu 7(1) għandha tiżgura li għal kull punt tad-dħul awtorizzat, ikun hemm disponibbli persunal u riżorsi biex jitwettqu kontrolli uffiċjali fuq kunsinni ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(1) li għalihom ikun awtorizzat il-punt tad-dħul.

4.   Kull punt tad-dħul awtorizzat fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, imsemmi fl-Artikolu 7(2) għandu jkollu l-faċilitajiet, it-tagħmir u l-persunal kollu meħtieġ biex iwettaq kontrolli uffiċjali fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti msemmija fl-Artikolu 7(2) li għalihom ikun awtorizzat il-punt tad-dħul.

Artikolu 9

Responsabbiltajiet tal-operaturi rigward konsinni li jidħlu fl-Unjoni tramite ċerti gżejjer Griegi u ċerti territorji Franċiżi

L-operatur responsabbli għall-kunsinni msemmija fl-Artikolu 7 għandu:

(a)

jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-punt tad-dħul awtorizzat bil-wasla tal-kunsinna billi jissottometti CHED komplut fl-IMSOC qabel il-wasla tal-kunsinna fil-punt tad-dħul awtorizzat;

(b)

iżomm reġistru approvat mill-awtorità kompetenti tal-punt tad-dħul awtorizzat li fejn applikabbli juri l-kwantitajiet ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti għat-tqegħid fis-suq u l-ismijiet u l-indirizzi tax-xerrej(ja);

(c)

jinforma lix-xerrej(ja) li:

(i)

il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u l-prodotti komposti għat-tqegħid fis-suq ikunu għall-konsum lokali u li fl-ebda ċirkostanza dawn il-prodotti ma jiġu ridispaċċjati lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni;

(ii)

fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid, ix-xerrej(ja) meħtieġa jinformaw lix-xerrej(ja) l-ġdid, jekk dan tal-aħħar ikun operatur kummerċjali, dwar ir-restrizzjonijiet skont il-punt (c)(i);

(d)

fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u Mayotte, jinforma x-xerrej(ja) li:

(i)

l-annimali maħsuba għat-tqegħid fis-suq ikunu għal tnissil u produzzjoni lokali biss, u li fl-ebda ċirkostanza dawn l-annimali u prodotti dderivati minn dawk l-annimali ma jiġu ridispaċċjati lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni;

(ii)

fil-każ ta’ bejgħ mill-ġdid, ix-xerrej(ja) meħtieġa jinformaw lix-xerrej(ja) l-ġdid, jekk dan tal-aħħar ikun operatur kummerċjali, dwar ir-restrizzjonijiet skont il-punt (d)(i).

Artikolu 10

Tħassir

1.   Id-Deċiżjoni 94/641/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/44/UE huma mħassra b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.

2.   Ir-referenzi għall-atti mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u jinqraw skont it-tabelli ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/627 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti mill-annimali maħsuba għall-konsum mill-bniedem skont ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2074/2005 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali (ĠU L 131, 17.5.2019, p. 51).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/641/KE tat-8 ta’ Settembru 1994 li tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji fuq prodotti importati għal ċerti gżejjer Griegi minn pajjiżi terzi (ĠU L 248, 23.9.1994, p. 26).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/44/UE tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar ir-regoli applikabbli għall-kontrolli veterinarji li jridu jitwettqu fuq annimali ħajjin u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jidħlu f’ċerti Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej minn pajjiżi terzi (ĠU L 24, 27.1.2012, p. 14).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1666 tal-24 ta’ Ġunju 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-monitoraġġ tat-trasportazzjoni u l-wasla ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti mill-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-wasla sal-istabbiliment fil-post ta’ destinazzjoni fl-Unjoni (ĠU L 255, 4.10.2019, p. 1).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1081 tat-8 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi r-regoli dwar ir-rekwiżiti speċifiċi għat-taħriġ tal-persunal biex iwettaq ċerti kontrolli fiżiċi fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera (ĠU L 171, 26.6.2019, p. 1).


ANNESS I

Kontroll uffiċjali speċifiċi fuq oġġetti li jidħlu fl-Unjoni permezz tal-punti tad-dħul awtorizzati ta’ ċerti gżejjer Griegi u ta’ ċerti territorji Franċiżi

1.   

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-data kollha ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti komposti, u, fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u Mayotte, id-data kollha tal-annimali wkoll, ippreżentata għat-tqegħid fis-suq tiddaħħal fl-IMSOC.

2.   

L-awtorità kompetenti għandha tiċċekkja:

(a)

id-dokument u ċ-ċertifikati ta’ akkumpanjament;

(b)

l-identità tal-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti, u, fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u l-Mayotte, l-identità tal-annimali wkoll;

(c)

l-imballaġġ u l-immarkar;

(d)

il-kwalità u l-istat tal-preservazzjoni tal-oġġetti;

(e)

il-kundizzjonijiet tat-trasport u, fil-każ ta’ ġarr b’mezzi ta’ trasport refriġerati, it-temperatura tal-mezz tat-trasport u t-temperatura interna tal-oġġetti;

(f)

kwalunkwe ħsara fuq l-oġġetti.

3.   

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li wara li jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi, iċ-CHED akkumpanjanti jindika li l-prodotti ta’ oriġini mill-annimali u prodotti komposti maħsuba għat-tqegħid fis-suq huma għall-konsum lokali biss u li fl-ebda ċirkostanza dawn il-prodotti ma jiġu ridispaċċjati għal partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

4.   

Fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u Mayotte, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li wara li jitlestew il-kontrolli uffiċjali speċifiċi, iċ-CHED akkumpanjanti jindika li l-annimali, maħsuba għat-tqegħid fis-suq huma għal tnissil u produzzjoni lokali biss u li fl-ebda ċirkostanza dawn l-annimali u l-prodotti dderivati minn dawn l-annimali ma jiġu ridispaċċjati għal partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

5.   

L-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet regolari tal-lokal ta’ alloġġ/ħażna tal-kunsinni għat-tqegħid fis-suq biex tivverifika li r-rekwiżiti ta’ saħħa pubblika jiġu osservati u li dawn il-kunsinni ma jiġux ridispaċċjati lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.

6.   

Fil-każ tad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej tal-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique u Mayotte, l-awtorità kompetenti għandha twettaq spezzjonijiet regolari tal-lokal ta’ alloġġ/ħażna tal-annimali għat-tqegħid fis-suq biex tivverifika li r-rekwiżiti ta’ saħħa tal-annimali jiġu osservati u li dawn l-annimali u l-prodotti dderivati minn dawn l-annimali ma jiġux ridispaċċjati lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Unjoni.


ANNESS II

Tabelli ta’ korrelazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2)

1.   Id-Deċiżjoni 94/641/KE

Id-Deċiżjoni 94/641/KE

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2

L-Artikolu 3, l-ewwel inċiż

L-Artikolu 3, it-tieni inċiż

L-Artikolu 3, it-tielet inċiż

L-Artikolu 3, ir-raba’ inċiż

L-Artikolu 4

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Anness I

Il-Punt (1) tal-Anness II

Il-Punt (2) tal-Anness II

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8(2)(a)

L-Artikolu 9(a)

L-Artikolu 9(b)

L-Artikolu 9(c)

L-Artikolu 9(e)

L-Artikolu 8(1)

__

__

__

L-Artikolu 7

Il-Punt (2) tal-Anness I

Il-Punt (5) tal-Anness I

2.   Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/44/UE

Id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni 2012/44/UE

Dan ir-Regolament

L-Artikolu 1

L-Artikolu 2(1)

L-Artikolu 2(2)

L-Artikolu 3(1)

L-Artikolu 3(2)

L-Artikolu 3(3)

L-Artikolu 3(4)

L-Artikolu 3(5)

L-Artikolu 4(1)

L-Artikolu 4(2)

L-Artikolu 4(3)

L-Artikolu 4(4)

L-Artikolu 4(5)

L-Artikolu 5

L-Artikolu 6

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8

L-Anness

L-Artikolu 7

L-Artikolu 8(2)

L-Artikolu 8(4)

L-Artikolu 9(a)

__

L-Artikolu 9(b)

L-Artikolu 9(c) u (d)

L-Artikolu 9(e) u (f)

L-Artikolu 8(1)

L-Artikolu 8(1)

Il-Punt (1) tal-Anness I

Il-Punti (3) u (4) tal-Anness I

Il-Punti (5) u (6) tal-Anness I

__

__

__

__

L-Artikolu 7


Top