EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2075

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2075 tad-29 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 1, 8, 34, 37 u 38, tal-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju 2, 3 u 6, l-Interpretazzjonijiet 12, 19, 20 u 22 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju u l-Interpretazzjoni 32 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/8649

OJ L 316, 6.12.2019, p. 10–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2075/oj

6.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2075

tad-29 ta’ Novembru 2019

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità 1, 8, 34, 37 u 38, tal-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju 2, 3 u 6, l-Interpretazzjonijiet 12, 19, 20 u 22 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju u l-Interpretazzjoni 32 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards u interpretazzjonijiet internazzjonali li kienu fis-seħħ fil-15 ta’ Ottubru 2008.

(2)

Fid-29 ta’ Marzu 2018, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà ħareġ emendi fil-qafas kunċettwali tal-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtaġġ Finanzjarju. L-objettiv tal-emendi huwa l-aġġornament tar-referenzi eżistenti fi-diversi standards u interpretazzjonijiet għall-oqfsa preċedenti bir-referenzi għall-qafas kunċettwali rivedut.

(3)

Il-konsultazzjonijiet mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtaġġ Finanzjarju ikkonfermaw li l-emendi għall-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 1 Preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji, IAS 8 Politiki kontabilistiċi, bidliet fl-istimi kontabilistiċi u żbalji, IAS 34 Rappurtaġġ finanzjarju interim, IAS 37 Provvedimenti, obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti u IAS 38 Assi intanġibbli, u l-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2 Pagament ibbażat fuq l-ishma, IFRS 3 Kombinamenti ta’ operazzjonijiet u IFRS 6 Esplorazzjoni għal riżorsi minerali u l-evalwazzjoni tagħhom, u Interpretazzjoni 12 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC) Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz, IFRIC 19 Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta’ Strumenti Azzjonarji, IFRIC 20 Spejjeż għat-Tneħħija tal-Iskart fil-Fażi tal-Produzzjoni ta’ Minjiera tal-Wiċċ u IFRIC 22 Tranżazzjonijiet f’Munita Barranija u Korrispettiv bil-Quddiem, u Interpretazzjoni 32 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (SIC) Assi intanġibbli — spejjeż tas-siti fuq l-Internet jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat kif xieraq.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

L-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS) 1 Preżentazzjoni tar-rapporti finanzjarji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(b)

IAS 8 Politiki kontabilistiċi, bidliet fl-istimi kontabilistiċi u żbalji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(c)

IAS 34 Rappurtaġġ finanzjarju interim huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(d)

L-IAS 37 Provvedimenti, obbligazzjonijiet kontinġenti u assi kontinġenti huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(e)

L-IAS 38 Assi intanġibbli huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(f)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS) 2 Pagament ibbażat fuq l-ishma huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(g)

IFRS 3 Kombinamenti ta’ Operazzjonijiet huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(h)

IFRS 6 Esplorazzjoni għal riżorsi minerali u l-evalwazzjoni tagħhom huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(i)

Interpretazzjoni 12 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRIC 12) Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz qed tiġi emendata kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(j)

IFRIC 19 Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta’ Strumenti Azzjonarji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(k)

IFRIC 20 Spejjeż għat-Tneħħija tal-Iskart fil-Fażi tal-Produzzjoni ta’ Minjiera tal-Wiċċ huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(l)

IFRIC 22 Tranżazzjonijiet f’Munita Barranija u Korrispettiv bil-Quddiem huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament;

(m)

Interpretazzjoni 32 tal-Kumitat Permanenti tal-Interpretazzjoni (SIC-32) Assi intanġibbli — spejjeż tas-siti fuq l-Internet huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1, sa mhux aktar tard mid-data ta’ bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta’ Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS

Emendi fl-Istandards tal-IFRS

Emendi fl-IFRS 2 Pagament ibbażat fuq l-Ishma

Jiżdied il-paragrafu 63E.

DATA EFFETTIVA

...

63E

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, emendaw in-nota f’qiegħ il-paġna tad-definizzjoni ta’ strument ta’ ekwità f’Appendiċi A. Entità A għandha tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi fl-IFRS 2 restrospettivament, suġġett għad-dispożizzjonijiet tranżitorji fil-paragrafi 53–59 ta’ dan l-Istandard, b’konformità mal-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva tkun imprattikabbli jew tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda fl-IFRS 2 b’referenza għall-paragrafi 23–28, 50–53 u 54F tal-IAS 8.

Fl-Appendiċi A, in-nota f’qiegħ il-paġna għad-definizzjoni ta’ strument ta’ ekwità hija emendata.

*

Il-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju maħruġ fl-2018 jiddefinixxi obbligazzjoni bħala obbligu preżenti tal-entità li titrasferixxi riżorsa ekonomika bħala riżultat ta’ avvenimenti fil-passat

Emenda fl-IFRS 3 Kombinamenti ta’ Negozji

Fil-paragrafu 11, in-nota f’qiegħ il-paġna “Qafas” titħassar u tiżdied nota f’qiegħ il-paġna “Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarj i”. Il-paragrafu 11 ma ġiex emendat mod ieħor iżda huwa inkluż għall-ħeffa ta’ referenza.

Kundizzjonijiet tar-rikonoxximent

11.

Biex jikkwalifikaw għar-rikonoxximent bħala parti mill-applikazzjoni tal-metodu tal-akkwiżizzjoni, l-assi identifikabbli akkwistati u l-obbligazzjonijiet merfugħa jridu jissodisfaw id-definizzjonijiet ta’ assi u obbligazzjonijiet fil-Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji fid-data tal-akkwiżizzjoni. Pereżempju, kosti li l-akkwirent jistenna iżda mhuwiex obbligat li jġarrab fil-futur biex jaffettwa l-pjan tiegħu biex joħroġ minn attività tal-akkwiżit jew biex jittermina l-impjieg jew jagħmel rilokazzjoni tal-impjegati tal-akkwiżit mhumiex obbligazzjonijiet fid-data tal-akkwiżizzjoni. Għalhekk, l-akkwirent ma jirrikonoxxix dawk il-kosti bħala parti mill-applikazzjoni tal-metodu tal-akkwiżizzjoni. Minflok, l-akkwirent jirrikonoxxi dawk il-kosti fir-rapporti finanzjarji ta’ wara l-kombinament skont IFRSs oħrajn.

Għal dan l-Istandard, l-akkwirenti huma meħtieġa li japplikaw id-definizzjonijiet ta’ ass u ta’ obbligazzjoni u gwida ta’ appoġġ fil-Qafas tal-IASC għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji adottati mill-IASB fl-2001 minflok il-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju maħruġ fl-2018.

Emendi fl-IFRS 6 Esplorazzjoni għal Riżorsi Minerali u l-Evalwazzjoni Tagħhom

Il-paragrafu 10 huwa emendat, titħassar in-nota f’qiegħ il-paġna “Qafa s” fil-paragrafu 10 u jiżdied il-paragrafu 26 A.

Elementi tal-kost tal-assi tal-esplorazzjoni u tal-evalwazzjoni

...

10.

Infiq relatat mal-iżvilupp ta’ riżorsi minerali ma għandhux ikun rikonoxxut bħala assi ta’ esplorazzjoni u evalwazzjoni. Il-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtarġġ Finanzjarju u l-IAS 38 Assi Intanġibbli jipprovdu gwida dwar ir-rikonoxximent tal-assi li jirriżultaw mill-iżvilupp.

...

DATA EFFETTIVA

...

26 A

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, paragrafu 10 emendat. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi fl-IFRS 6 restrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva tkun imprattikabbli jew tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda fl-IFRS 6 b’referenza għall-paragrafi 23–28, 50–53 u 54F tal-IAS 8.

Emendi tal-IAS 1 Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarji

Il-paragrafi 7, 15, 19–20, 23–24, 28 u 89 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 139S. Erba’ noti f’qiegħ il-paġna jitħassru—in-noti f’qiegħ il-paġna “paragrafu 25” fil-paragrafu 7, għat-tieni sentenza fil-paragrafu 15, għall-paragrafu 28 u għall- Qafa s” fil-paragrafu 89.

DEFINIZZJONIJIET

7.

It-termini li ġejjin jintużaw f’dan l-Istandard bit-tifsiriet speċifikati:

...

Ommissjonijiet materjali jew dikjarazzjonijiet żbaljati ta’ xi entrati huma materjali jekk ikunu jistgħu, individwalment jew kollettivament, jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ekonomiċi li l-utenti jieħdu fuq il-bażi tar-rapporti finanzjarji. Il-materjalità tiddependi fuq id-daqs u n-natura tal-ommissjoni jew tad-dikjarazzjoni żbaljata kif meqjusa fiċ-ċirkustanzi li jkunu marbuta magħhom. Id-daqs jew in-natura tal-entrata, jew it-tnejn li huma flimkien, jistgħu jkunu l-fattur determinanti.

L-evalwazzjoni ta’ jekk omissjoni jew dikjarazzjoni żbaljata tistax tinfluwenza d-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti, u għalhekk tkunx materjali, jeħtieġ tikkunsidra l-karatteristiċi ta’ dawk l-utenti. L-utenti huma meqjusa li jkollhom għarfien raġonevoli tal-attivitajiet ekonomiċi u tan-negozju u tal-kontabbiltà u r-rieda li jistudjaw l-informazzjoni b’diliġenza raġonevoli.” Għaldaqstant, l-evalwazzjoni jenħtieġ li tikkunsidra kif l-utenti b’dawn il-karatteristiċi jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jiġu influwenzati fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi.

...

Preżentazzjoni ġusta u konformità mal-IFRSs

15.

Ir-rapporti finanzjarji għandhom jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, ir-riżultati finanzjarji u l-flussi ta’ flus tal-entità. Preżentazzjoni ġusta teħtieġ rappreżentazzjoni leali tal-effetti tat-tranżazzjonijiet, avvenimenti u kundizzjonijiet oħra skont id-definizzjonijiet u l-kriterji tar-rikonoxximent għall-assi, l-obbligazzjonijiet, id-dħul u l-ispejjeż imniżżla fil-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (Qafas Kunċettwali). L-applikazzjoni tal-IFRSs, b’informazzjoni addizzjonali żvelata fejn meħtieġ, għandha tirriżulta f’rapporti finanzjarji li jagħtu preżentazzjoni ġusta.

...

19.

Fiċ-ċirkustanzi estremament rari fejn il-maniġment jikkonkludi li l-konformità ma’ rekwiżit ta’ IFRS tista’ tkun tant ta’ diżgwid li tkun tmur kontra l-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif imniżżel fil-Qafas Kunċettwali, l-entità għandha tidderoga minn tali rekwiżit bil-mod kif stipulat fil-paragrafu 20 jekk il-qafas regolatorju rilevanti jitlob, jew jekk b’xi mod ieħor li ma jipprojbixxix, tali deroga.

20.

Meta entità ma tissodisfax rekwiżit tal-IFRS skont il-paragrafu 19, għandha tiżvela:

(a)

li l-maniġment ikun ikkonkluda li r-rapporti finanzjarji jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja, ir-riżultati finanzjarji u l-flussi tal-flus tal-entità;

(b)

li l-entità kienet konformi mal-IFRSs applikabbli, ħlief li dderogat minn rekwiżit partikolari biex tagħti preżentazzjoni ġusta;

(c)

it-titolu tal-IFRS li minnu l-entità tkun idderogat, in-natura tad-deroga, inkluż it-trattament li l-IFRS ikun jeħtieġ, ir-raġuni għaliex it-trattament jista’ jkun tant ta’ diżgwid fiċ-ċirkustanzi li jkun konfliġġenti mal-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif imniżżel fil-Qafas Kunċettwali, u t-trattament adottat; kif ukoll

(d)

għal kull perjodu ppreżentat, l-effett finanzjarju ta’ dik id-deroga fuq kull entrata fir-rapporti finanzjarji li kieku ġiet irrapportata b’mod konformi mar-rekwiżit.

...

23.

F’ċirkustanzi estremament rari fejn il-maniġment jikkonkludi li l-konformità ma’ rekwiżit ta’ IFRS tista’ tkun tant ta’ diżgwid li tmur kontra l-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif imniżżel fil-Qafas Kunċettwali, iżda l-qafas regolatorju rilevanti ma jkunx jippermetti deroga mir-rekwiżit, l-entità għandha, sal-massimu possibbli, tnaqqas l-aspetti tal-konformità li huma meqjusa ta’ diżgwid billi tiżvela:

(a)

it-titlu tal-IFRS rilevanti, in-natura tar-rekwiżit, u r-raġuni għaliex il-maniġment ikkonkluda li l-konformità ma’ dak ir-rekwiżit tista’ tkun tant ta’ diżgwid fiċ-ċirkustanzi li tkun konfliġġenti mal-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif stipulati fil-Qafas Kunċettwali; kif ukoll

(b)

għal kull perjodu ppreżentat, l-aġġustamenti f’kull entrata fir-rapporti finanzjarji li l-maniġment ikkonkluda li jkunu meħtieġa biex tinkiseb preżentazzjoni ġusta.

24.

Għall-fini tal-paragrafi 19-23, entrata ta’ informazzjoni tkun konfliġġenti mal-objettiv tar-rapporti finanzjarji meta din ma tirrappreżentax lealment it-tranżazzjonijiet, avvenimenti u kundizzjonijiet oħra li tgħid li tirrappreżenta, jew li jkun raġonevolment ikun mistenni li tirrappreżenta, u konsegwentement, x’aktarx li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet ekonomiċi meħuda minn dawk li jużaw ir-rapporti finanzjarji. Meta jevalwa jekk il-konformità ma’ rekwiżit speċifiku ta’ IFRS tistax tkun tant ta’ diżgwid li tkun konfliġġenti mal-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif stipulat fil-Qafas Kunċettwali, il-maniġment għandu jikkunsidra:

(a)

għaliex l-objettiv tar-rapporti finanzjarji ma jinkisibx fiċ-ċirkustanzi partikolari; kif ukoll

(b)

kif iċ-ċirkustanzi tal-entità ikunu differenti minn dawk ta’ entitajiet oħrajn li jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit. Jekk entitajiet oħrajn f’ċirkustanzi simili jikkonformaw ma’ dak ir-rekwiżit, ikun hemm preżunzjoni konfutabbli li l-konformità tal-entità ma’ dak ir-rekwiżit ma tkunx tant ta’ diżgwid li tkun konfliġġenti mal-objettiv tar-rapporti finanzjarji kif stipulat fil-Qafas Kunċettwali.

...

Kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti

...

28.

Meta tintuża l-kontabbiltà fuq il-bażi tad-dovuti, entità tirrikonoxxi l-entrati bħala assi, obbligazzjonijiet, ekwità, dħul u spejjeż (l-elementi tar-rapporti finanzjarji) meta dawn jissodisfaw id-definizzjonijiet u l-kriterji tar-rikonoxximent għal dawk l-elementi li hemm fil-Qafas Kunċettwali.

...

Profitt jew telf matul il-perjodu

...

89.

Ċerti IFRSs jispeċifikaw ċirkustanzi meta entità tirrikonoxxi entrati partikulari ’l barra mill-profitt jew telf fil-perjodu kurrenti. L-IAS 8 jispeċifika żewġ ċirkustanzi ta’ dan it-tip: il-korrezzjoni ta’ żbalji u l-effett tat-tibdil fil-politika kontabilistika. IFRSs oħrajn jirrikjedu jew jippermettu komponenti ta’ dħul kumplessiv ieħor, li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ dħul jew spiża li hemm fil-Qafas Kunċettwali li jkunu esklużi mill-profitt jew telf (ara l-paragrafu 7).

...

TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

...

139S

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, paragrafi 7, 15, 19–20, 23–24, 28 u 89 emendati. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi għall-IFRS 1 restrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva ma tkunx prattikabbli jew tkun tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda tal-IAS 1 b’referenza għall-paragrafi 23–28, 50–53 u 54F tal-IAS 8.

Emendi tal-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji

Il-paragrafi 6 u 11(b) ġew emendati. In-noti f’qiegħ il-paġna tal- “paragrafu 25” fil-paragrafu 6 u fil-paragrafu 11 (b) jitħassru u tiżdied nota f’qiegħ il-paġna ġdida għall-paragrafu 11 (b). L-intestatura qabel il-paragrafu 54 hija emendata u jiżdiedu l-paragrafi 54F-54G.

DEFINIZZJONIJIET

...

6.

L-evalwazzjoni ta’ jekk omissjoni jew dikjarazzjoni żbaljata tistax tinfluwenza d-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-utenti, u għalhekk tkunx materjali, jeħtieġ tikkunsidra l-karatteristiċi ta’ dawk l-utenti. L-utenti huma meqjusa li jkollhom għarfien raġonevoli tal-attivitajiet ekonomiċi u tan-negozju u tal-kontabbiltà u r-rieda li jistudjaw l-informazzjoni b’diliġenza raġonevoli. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni jenħtieġ li tikkunsidra kif l-utenti b’dawn il-karatteristiċi jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jiġu influwenzati fit-teħid tad-deċiżjonijiet ekonomiċi.

...

Għażla u applikazzjoni tal-politiki kontabilistiċi

...

11.

Biex isir il-ġudizzju għaqli deskritt fil-paragrafu 10, il-maniġment għandu jirreferi għall-applikabilità tal-għejun li ġej f’ordni dekrexxenti u jikkunsidrahom:

(a)

ir-rekwiżiti tal-IFRSs li jittrattaw kwistjonijiet simili u relatati; kif ukoll

(b)

id-definizzjonijiet, il-kriterji ta’ rikonoxximent u l-kunċetti ta’ kejl għall-assi, l-obbligazzjonijiet, l-introjtu u l-ispejjeż fil-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (Qafas Kunċettwali).

Il-paragrafu 54G jispjega kif dan ir-rekwiżit huwa emendat għall-bilanċi tal-kontijiet regolatorji.

...

DATA U TRANŻIZZJONI EFFETTIVI

...

54F

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, paragrafi emendati 6 u 11(b). Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi għall-paragrafi 6 u 11 (b) b’mod retrospettiv skont dan l-Istandard. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva ma tkunx prattikabbli jew tkun tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda għall-paragrafi 6 u 11(b) b’referenza għall-paragrafi 23-28 ta’ dan l-Istandard. Jekk l-applikazzjoni retrospettiva ta’ kwalunkwe emenda fl-Emendi tar-Riferenzi għall-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS tinvolvi spiża jew sforz bla bżonn, entità għandha, fl-applikazzjoni tal-paragrafi 23–28 ta’ dan l-Istandard, taqra kwalunkwe referenza ħlief fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 27 għal “mhux prattikabbli” bħala “tinvolvi spiża jew sforz mhux dovut” u kull referenza għal “prattikabbli” bħala “prattikabbli mingħajr spiża jew sforz mhux dovut”.

54G

Jekk entità ma tapplikax l-IFRS 14 Differiment Regolatorju tal-Kontabbiltà, l-entità għandha, meta tapplika l-paragrafu 11 (b) għal bilanċi ta’ kontijiet regolatorji, tkompli tirreferi u tqis l-applikabbiltà tad-definizzjonijiet, il-kriterji ta’ rikonoxximent, u l-kunċetti ta’ kejl fil-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji* minflok dawk fil-Qafas Kunċettwali. Bilanċ ta’ kont regolatorju huwa l-bilanċ tal-kont ta’ kwalunkwe spiża (jew dħul) li mhuwiex rikonoxxut bħala assi jew obbligazzjoni skont Standards applikabbli oħra tal-IFRS iżda li huwa inkluż, jew huwa mistenni li jiġi inkluż, mir-regolatur tar-rata fl-istabbiliment tar-rata/i li tista’/jistgħu tiġi/jiġu imposta/i lill-klijenti. Regolatur tar-rata huwa korp awtorizzat li għandu s-setgħa permezz ta’ statut jew regolament li jistabbilixxi r-rata jew firxa ta’ rati li jorbtu entità. Ir-regolatur tar-rata jista’ jkun parti terza jew parti relatata tal-entità, inkluż il-bord ta’ tmexxija tal-entità stess, jekk dak il-korp ikun meħtieġ minn statut jew regolament biex jistabbilixxi rati kemm fl-interess tal-klijenti kif ukoll biex jiżgura l-vijabbiltà finanzjarja globali tal-entità.

*

Ir-referenza hija għall-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji tal-IASC adottat mill-Bord fl-2001.

Emendi tal-IAS 34 Rappurtaġġ Finanzjarju Interim

Il-paragrafi 31 u 33 huma emendati u jiżdied il-paragrafu 58. Titħassar in-nota f’qiegħ il-paġna “(il-Qafas),” fil-paragrafu 31.

L-istess politiki kontabilistiċi bħal dawk annwali

...

31.

Skont il-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju (Qafas Kunċettwali), ir-rikonoxximent huwa l-proċess ta’ qbid, għall-inklużjoni fid-dikjarazzjoni tal-pożizzjoni finanzjarja jew tar-rapport (i) tal-prestazzjoni finanzjarja, entrata li tissodisfa d-definizzjoni ta’ wieħed mill-elementi tar-rapporti finanzjarji. Id-definizzjonijiet ta’ assi, obbligazzjonijiet, introjtu, u spejjeż huma fundamentali għar-rikonoxximent, kemm fi tmiem ir-rappurtaġġ finanzjarju annwali kif ukoll f’dak interim.

...

33.

Karatteristika essenzjali ta’ introjtu (dħul) u spejjeż hija li d-dħul u l-ħruġ ta’ assi u obbligazzjonijiet ikunu diġà seħħew. Jekk dawk id-dħul u l-ħruġ diġà jkunu seħħu, id-dħul u l-ispejjeż relatati jiġu rikonoxxuti; inkella ma’ jiġux rikonoxxuti. Il-Qafas Kunċettwali ma jippermettix ir-rikonoxximent ta’ entrati fir-rapport tal-pożizzjoni finanzjarja li ma jissodisfawx id-definizzjoni ta’ assi jew obbligazzjonijiet.

...

DATA EFFETTIVA

...

58.

Emendi għar-Referenzi għall-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, paragrafi emendati 31 u 33. Entità għandha tapplika dawk l-emendi għall-perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi għall-IFRS 34 retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva ma tkunx prattikabbli jew tkun tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda tal-IAS 34 b’referenza għall-paragrafi 43–45 ta’ dan l-Istandard u l-paragrafi 23–28, 50–53 u 54F tal-IAS 8.

Emenda tal-IAS 37 Proveddimenti, Obbligazzjonijiet Kontinġenti u Assi Kontinġenti

Tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mad-definizzjoni ta’ obbligazzjoni fil-paragrafu 10.

*

Id-definizzjoni ta’ obbligazzjoni f’dan l-Istandard ma ġietx riveduta wara r-reviżjoni tad-definizzjoni ta’ obbligazzjoni fil-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju maħruġ fl-2018.

Emenda tal-IAS 38 Assi Intanġibbli

Tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mad-definizzjoni ta’ assi fil-paragrafu 8.

*

Id-definizzjoni ta’ obbligazzjoni f’dan l-Istandard ma ġietx riveduta wara r-reviżjoni tad-definizzjoni ta’ obbligazzjoni fil-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju maħruġ fl-2018.

Emenda tal-IFRIC 12 Arranġamenti għall-Konċessjoni ta’ Servizz

In-nota f’qiegħ il-paġna “Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarj i” fit-taqsima Referenzi hija emendata.

*

Ir-referenza hija għall-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji tal-IASC, adottat mill-Bord fl-2001 u li kien fis-seħħ meta ġiet żviluppata l-Interpretazzjoni.

Emenda tal-IFRIC 19 Estinzjoni tal-Obbligazzjonijiet Finanzjarji permezz ta’ Strumenti Azzjonarji

In-nota f’qiegħ il-paġna “Qafas għat-Tħejjija u l-Preżentazzjoni ta’ Rapporti Finanzjarj i” fit-taqsima Referenzi hija emendata.

*

Ir-referenza hija għall-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji tal-IASC, adottat mill-Bord fl-2001 u li kien fis-seħħ meta ġiet żviluppata l-Interpretazzjoni.

Emenda tal-IFRIC 20 Spejjeż għat-Tneħħija tal-Iskart fil-Fażi tal-Produzzjoni ta’ Minjiera tal-Wiċċ

Tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mal-“Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarj u” fit-taqsima Referenzi.

*

Ir-referenza hija għall-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji adottat fl-2010 u li kien fis-seħħ meta ġiet żviluppata l-Interpretazzjoni.

Emenda tal-IFRIC 22 Tranżazzjonijiet f’Munita Barranija u Korrispettiv bil-Quddiem

Tiżdied nota f’qiegħ il-paġna mal-“Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarj u” fit-taqsima Referenzi.

*

Ir-referenza hija għall-Qafas għall-Preparazzjoni u l-Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji adottat fl-2010 u li kien fis-seħħ meta ġiet żviluppata l-Interpretazzjoni.

Emendi tal-IS-SIC-32 Assi Intanġibbli—Spejjeż tas-Siti fuq l-Internet

Il-paragrafu 5 huwa emendat, titħassar in-nota f’qiegħ il-paġna “Qafa s” fil-paragrafu 5. Jiddaħħal paragrafu ġdid fl-aħħar tat-taqsima taħt l-intestatura “Data effettiva”.

KWISTJONI

...

5.

Din l-Interpretazzjoni ma tapplikax għall-ispiża fuq ix-xiri, l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ ħardwer (eż. servers tal-web, staging servers, servers ta’ produzzjoni u konnessjonijiet mal-Internet) ta’ sit web. Din l-ispiża hija kkomputata skont l-IAS 16. Barra minn dan, meta entità ġġarrab spiża fuq fornitur tas-servizz tal-Internet li jkun qed jospita s-sit tal-entità fuq l-Internet, l-ispiża tkun rikonoxxuta bħala spiża taħt l-IAS 1.88. u l-Qafas Kunċettwali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju meta s-servizzi jkunu rċevuti.”

...

DATA EFFETTIVA

...

Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS, maħruġa fl-2018, paragrafu 5 emendat. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2020 jew wara. L-applikazzjoni bikrija hija permessa jekk fl-istess waqt entità tapplika wkoll l-emendi l-oħra li saru mill-Emendi għar-Referenzi tal-Qafas Kunċettwali fl-Istandards tal-IFRS. Entità għandha tapplika l-emendi fl-SIC-32 retrospettivament skont l-IAS 8 Politiki Kontabilistiċi, Bidliet fl-Istimi Kontabilistiċi u Żbalji. Madankollu, jekk entità tiddetermina li applikazzjoni retrospettiva ma tkunx prattikabbli jew tkun tinvolvi kosti jew sforzi indebiti, għandha tapplika l-emenda tal-SIC-32 b’referenza għall-paragrafi 23–28, 50–53 u 54F tal-IAS 8.


Top