EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1882

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1882 tat-8 ta’ Novembru 2019 li jiftaħ proċeduri tal-offerti għall-ammont ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa

C/2019/8005

OJ L 290, 11.11.2019, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1882/oj

11.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 290/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1882

tat-8 ta’ Novembru 2019

li jiftaħ proċeduri tal-offerti għall-ammont ta’ għajnuna għall-ħażna privata taż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 18(2) u l-punti (m) u (o) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prezzijiet għaż-żjut taż-żebbuġa verġni fis-swieq Spanjoli, Griegi u Portugiżi baqgħu konsistentement baxxi u qrib il-limiti ta’ referenza stabbiliti fl-Artikolu 1a(1)(g) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 (2) għal diversi xhur.

(2)

Il-prospettiva ta’ ħsad tajjeb konsekuttiv fl-Unjoni, l-akkumulazzjoni ta’ stokkijiet u l-inċertezzi attwali fil-kummerċ estern joħolqu żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda, li min-naħa tiegħu jeżerċita pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet taż-żjut taż-żebbuġa verġni u jikkawża tfixkil serju għal partijiet kbar tas-suq tal-Unjoni.

(3)

Spanja hija l-iktar produttur importanti taż-żejt taż-żebbuġa fl-Unjoni u hija price leader. L-istokkijiet eċċezzjonalment għoljin fi Spanja għalhekk jirriskjaw li jtawlu u jaggravaw it-tfixkil serju tas-suq tal-Unjoni għaż-żjut taż-żebbuġa verġni.

(4)

Sabiex jitnaqqas l-iżbilanċ attwali bejn il-provvista u d-domanda u sabiex jittaffew dawk il-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq, jixraq li tingħata għajnuna għall-ħażna privata għaż-żjut taż-żebbuġa verġni.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 (3) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 (4), li jistabbilixxu regoli komuni għall-implimentazzjoni ta’ skema ta’ ħżin privat, jenħtieġ li japplikaw għall-għajnuna għall-ħżin privat taż-żjut taż-żebbuġa verġni.

(6)

L-ammont ta’ għajnuna jenħtieġ li jiġi ffissat permezz ta’ proċedura tal-offerti b’mod li jippermetti sistema operattiva flessibbli. Għal dan il-għan, jixraq li jiġu previsti diversi subperjodi għat-tressiq tal-offerti.

(7)

Sabiex l-operaturi differenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-miżura, kull operatur jenħtieġ li għal kull subperjodu iressaq massimu ta’ offerta waħda skont il-kategorija taż-żjut taż-żebbuġa verġni.

(8)

Sabiex l-għajnuna għall-ħażna privata tkun effettiva u jkollha impatt reali fuq is-suq, l-għajnuna jenħtieġ li tingħata għaż-żjut taż-żebbuġa verġni bl-ingrossa. Billi huwa normali fis-settur taż-żebbuġ li l-prodott jinħażen, l-offerti jenħtieġ li jiġu aċċettati wkoll għaż-żjut taż-żebbuġa verġni li jkunu diġà maħżuna.

(9)

Sabiex ikollhom effett reali fuq il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tas-sena kurrenti, jenħtieġ li l-kwantitajiet taż-żjut taż-żebbuġa verġni li jibbenefikaw minn għajnuna għall-ħażna privata ma jiġux ikkummerċjalizzati matul perjodu minimu ta’ ħżin. Il-perjodu minimu ta’ ħżin jenħtieġ li jiġi ffissat għal 180 jum.

(10)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u ta’ simplifikazzjoni amministrattivi, jenħtieġ li l-offerti jkunu eliġibbli biss għal kwantitajiet ta’ mhux anqas minn 50 tunnellata.

(11)

Sabiex ma jitħalliex jaqa’ l-prezz, biex ikun hemm reazzjoni malajr għall-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq u sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effiċjenti ta’ din il-miżura, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Il-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għandha tinfetaħ proċedura tal-offerti separata għall-għajnuna għall-ħażna privata ta’ kull waħda mill-kategoriji taż-żjut taż-żebbuġa verġni li ġejjin kif definit fil-punt (1) tal-Parti VIII tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 skont il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament:

(a)

żejt taż-żebbuġa extra verġni;

(b)

żejt taż-żebbuġa verġni;

(c)

żejt taż-żebbuġa lampante.

2.   Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1238 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1240 għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   L-offerti għandhom jitressqu matul is-subperjodi li ġejjin, b’kull waħda li tintemm f’12.00 (ħin ta’ Brussell):

(a)

mill-21 ta’ Novembru 2019 sas-26 ta’ Novembru 2019;

(b)

mit-12 ta’ Diċembru 2019 sas-17 ta’ Diċembru 2019;

(c)

mit-22 ta’ Jannar 2020 sas-27 ta’ Jannar 2020;

(d)

mill-20 ta’ Frar 2020 sal-25 ta’ Frar 2020.

Jekk l-aħħar jum tas-subperjodu jaħbat festa pubblika, il-limitu ta’ żmien għandu jkun 12.00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum tax-xogħol ta’ qabel.

2.   Għal kull subperjodu, l-operaturi għandhom iressqu mhux aktar minn offerta waħda għal kull wieħed mill-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1).

3.   Il-kwantità minima għal kull offerta għandha tkun ta’ 50 tunnellata.

4.   L-ammont ta’ garanzija msemmija fl-Artikolu 40(b) tar-Regolament (UE) 2016/1240 għandu jkun ta’ EUR 50 għal kull tunnellata.

5.   L-għajnuna għandha tingħata għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 1(1) bl-ingrossa.

6.   L-offerti jistgħu jitressqu għall-prodotti li jkunu diġà maħżuna.

7.   L-offerti jistgħu jitressqu biss fil-Greċja, fi Spanja, fi Franza, fil-Kroazja, fl-Italja, f’Ċipru, f’Malta, fil-Portugall u fis-Slovenja.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-offerti ammissibbli kollha sa mhux aktar tard min-12:00 (ħin ta’ Brussell) tal-jum ta’ wara l-aħħar jum ta’ kull subperjodu għat-tressiq imsemmi fl-Artikolu 2(1).

Artikolu 4

Il-kuntratti ta’ għajnuna għall-ħażna privata għandhom ikopru perjodu ta’ ħażna ta’ 180 jum.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta’ ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1238 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 15).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1240 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent pubbliku u ta’ għajnuna għall-ħżin privat (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 71).


Top