Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1784

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1784 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għat-tagħmir tal-iwweldjar skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2019/6843

    ĠU L 272, 25.10.2019, p. 121–135 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1784/oj

    25.10.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 272/121


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1784

    tal-1 ta’ Ottubru 2019

    li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għat-tagħmir tal-iwweldjar skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati-mal-enerġija (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Direttiva 2009/125/KE, il-Kummissjoni mistennija tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u ta’ kummerċ fl-Unjoni u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għal titjib permezz tad-disinn f’termini tal-impatt ambjentali tagħhom, mingħajr ma jinvolvu kostijiet eċċessivi.

    (2)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2016)773 final (2) (pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn) stabbilita mill-Kummissjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2009/125/KE tistipula l-prijoritajiet ta’ ħidma skont il-qafas dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-perjodu 2016-2019. Il-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn jidentifika l-gruppi ta’ prodotti relatati mal-enerġija li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet għat-twettiq ta’ studji preparatorji u għall-adozzjoni eventwali tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, kif ukoll għar-rieżami tar-Regolamenti attwali.

    (3)

    Il-miżuri tal-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn għandhom potenzjal stmat li jwasslu għal total ta’ aktar minn 260 TWh ta’ ffrankar annwali finali tal-enerġija fl-2030, li hu ekwivalenti għal tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ madwar 100 miljun tunnellata fis-sena fl-2030.

    (4)

    Il-Kummissjoni għamlet studju preparatorju biex tanalizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tat-tagħmir tal-iwweldjar u tal-prodotti tal-għodod mekkanizzati għal skopijiet industrijali (3). It-tagħmir tal-iwweldjar soġġett għall-istudju jinkludi tagħmir tal-iwweldjar tal-metall bl-ark u bil-plażma, imfassal u tipikament maħsub għal użu industrijali u professjonali (4). Tqies li t-tagħmir tal-iwweldjar alimentat esklussivament mill-magni jew mill-batteriji m’għandux jiġi regolat.

    (5)

    L-istudju preparatorju twettaq f’kooperazzjoni msaħħa mal-partijiet ikkonċernati u mal-partijiet interessati fl-UE u lil hinn minnha. Ir-riżultati ġew ippubblikati u ppreżentati lill-Forum Konsultattiv imwaqqaf skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (6)

    L-aspetti ambjentali tat-tagħmir tal-iwweldjar li ġew identifikati bħala sinifikanti għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huma:

    (a)

    il-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu, inkluż meta l-prodotti jkunu fil-modalità “idle”;

    (b)

    aspetti tal-effiċjenza fir-riżorsi.

    (7)

    Il-konsum finali annwali tal-enerġija relatat b’mod dirett mat-tagħmir tal-iwweldjar hu mistenni jaqbeż is-6 TWh fl-2030, li jikkorrispondu għal 2,4 miljun tunnellata ekwivalenti ta’ CO2, eskluża l-enerġija użata għall-manifattura tal-prodotti konsumabbli assoċjati (bħall-gassijiet tal-ilqugħ, wajer tal-iwweldjar.). L-istudju preparatorju wera li l-konsum tal-enerġija fil-fażi tal-użu u d-diversi modalitajiet idle jew standby jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti.

    (8)

    Sal-2030, hu stmat li r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn f’dan ir-Regolament se jirriżultaw fl-iffrankar annwali tal-enerġija ta’ 1,09 TWh, li jikkorrispondi għall-iffrankar annwali totali ta’ madwar 0,27 Mt ekwivalenti ta’ CO2.

    (9)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni COM(2015)0614 final (5) (pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari) u l-pjan ta’ ħidma dwar l-ekodisinn jisħqu fuq l-importanza li jintuża l-qafas dwar l-ekodisinn biex tiġi sostnuta tranżizzjoni lejn ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari. Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tirreferi għad-Direttiva 2009/125/KE u tindika li r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn mistennija jiffaċilitaw l-użu mill-ġdid, iż-żarmar u l-irkupru ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) billi jindirizzaw il-kwistjonijiet upstream. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar aspetti mhux relatati-mal-enerġija, inklużi:

    (a)

    iż-żarmar;

    (b)

    il-possibbiltà ta’ tiswija;

    (c)

    materja prima kritika.

    (10)

    Barra minn hekk, dan jeħtieġ li t-tagħmir tal-iwweldjar ikun akkumpanjat minn informazzjoni dwar l-użu tal-gassijiet tal-ilqugħ matul l-iwweldjar u l-kwantitajiet tal-wajer tal-iwweldjar jew tal-materjal tal-mili użat.

    (11)

    L-enerġija u l-kompożizzjoni tar-riżorsi tat-tagħmir tal-iwweldjar jistgħu jitnaqqsu billi jiġu applikati tekniki nonproprjetarji eżistenti mingħajr ma jiżdiedu l-kostijiet ikkombinati tax-xiri u tat-tħaddim.

    (12)

    L-istudju preparatorju kkonkluda li r-rekwiżiti proposti dwar l-ekodisinn ma jaffettwawx il-funzjonalità jew l-affordabilità tat-tagħmir tal-iwweldjar mill-perspettiva tal-utent-finali u ma jaffettwawx b’mod negattiv is-saħħa, is-sikurezza jew l-ambjent.

    (13)

    It-twaqqit għall-introduzzjoni tar-rekwiżiti dwar l-ekodisinn jippermetti biex il-manifatturi jerġgħu jiddisinjaw il-prodotti koperti minn dan ir-Regolament. Iqis l-impatt fuq il-kostijiet għall-manifatturi, b’mod partikolari s-sehem kbir ta’ intrapriżi żgħar u medji fis-settur tal-manifattura tat-tagħmir tal-iwweldjar fl-UE, filwaqt li jiżgura l-ksib f’waqtu tal-objettivi tar-Regolament.

    (14)

    Il-parametri tal-prodotti jenħtieġ li jitkejlu u jiġu kkalkolati bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli li jqisu t-tekniki ta’ kejl u ta’ kalkolu tal-għola livell ta’ żvilupp tekniku rikonoxxut, inklużi, fejn disponibbli, standards armonizzati adottati mill-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni wara talba mill-Kummissjoni, skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (15)

    Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika liema proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità japplikaw.

    (16)

    Biex jiffaċilitaw il-kontrolli tal-konformità, il-manifatturi huma mistennija jipprovdu l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V għad-Direttiva 2009/125/KE fejn dik l-informazzjoni tkun relatata mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    (17)

    Minbarra r-rekwiżiti legalment li jorbtu legalment stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu identifikati parametri referenzjarji għall-aqwa tekniki disponibbli biex l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti soġġetti għal dan ir-Regolament tkun disponibbli b’mod mifrux u faċilment aċċessibbli, skont il-parti 3(2) tal-Anness I tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (18)

    Biex jittejbu l-effikaċja u l-kredibilità ta’ dan ir-Regolament u biex jiġu protetti l-konsumaturi, prodotti li jalteraw il-prestazzjoni tagħhom b’mod awtomatiku fil-kundizzjonijiet tat-test biex itejbu l-parametri ddikjarati jenħtieġ li jkunu pprojbiti.

    (19)

    Rieżami ta’ dan ir-Regolament huwa mistenni jivvaluta l-adgewatezza u l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet tiegħu fil-kisba tal-għanijiet tiegħu. Jenħtieġ li t-twaqqit tar-rieżami jippermetti li d-dispożizzjonijiet kollha jiġu implimentati u juru effett fuq is-suq.

    (20)

    Biex jittejbu l-operazzjoni tas-suq intern u l-prestazzjoni ambjentali tat-tagħmir tal-iwweldjar fi ħdan l-Unjoni kollha, jenħtieġ li r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn jarmonizzaw ir-rekwiżiti rilevanti dwar il-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi. Jenħtieġ li r-rekwiżiti jiġu riveduti mhux aktar tard mill-2024 fid-dawl tal-evoluzzjoni teknoloġika, biex jiġu sfruttati l-possibbiltajiet ulterjuri ta’ titjib fil-prestazzjoni tat-tagħmir u tal-operazzjoni tas-suq intern.

    (21)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ġew diskussi mill-Forum Konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/125/KE.

    (22)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2009/125/KE,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għat-tqegħid fis-suq jew għad-dħul fis-servizz ta’ tagħmir tal-iwweldjar li jaħdem bil-mejns tal-elettriku.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tagħmir tal-iwweldjar li juża wieħed mill-proċessi tal-iwweldjar u l-proċessi simili li ġejjin:

    (a)

    iwweldjar manwali bl-ark tal-metall;

    (b)

    iwweldjar bl-ilqugħ bl-ark tal-metall;

    (c)

    iwweldjar bi flux-core bi lqugħ minnu nnifsu;

    (d)

    iwweldjar bl-ark bi flux core;

    (e)

    iwweldjar tal-metall b’gass attiv u b’gass inerti;

    (f)

    iwweldjar bit-tungstenu b’gass inerti;

    (g)

    qtugħ bl-ark tal-plażma.

    3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tagħmir tal-iwweldjar li juża -proċessi tal-iwweldjar u l-proċessi simili li ġejjin:

    (a)

    iwweldjar bl-ark mgħaddas;

    (b)

    iwweldjar bl-ark għal xogħol-limitat;

    (c)

    iwweldjar bir-reżistenza;

    (d)

    l-iwweldjar tal-istuds.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “tagħmir tal-iwweldjar” tfisser prodotti li jintużaw għall-iwweldjar, għall-ibbrejżjar, għall-istanjar jew għall-qtugħ (jew kollha kemm huma) permezz ta’ proċessi ta’ wweldjar bl-ark u oħrajn simili, u li jkunu stazzjonarji jew trasportabbli, u jikkonsistu f’partijiet jew f’komponenti mqabbdin ma’ xulxin, li tal-anqas waħda/wieħed minnhom jiċċaqilqu u li jingħaqdu flimkien biex jipproduċu koalexxenza ta’ metalli billi jissaħħnu bit-temperatura tal-iwweldjar (bl-applikazzjoni ta’ pressjoni jew mingħajr) jew bl-applikazzjoni ta’ pressjoni waħedha, bl-użu ta’ metall tal-mili jew mingħajr, u bl-użu ta’ gass(ijiet) tal-ilqugħ jew mingħajr, bl-użu ta’ għodod u ta’ tekniki xierqa, li jirriżultaw fi prodotti b’ġeometrija definita;

    2.

    “iwweldjar manwali bl-ark tal-metall” tfisser proċess ta’ wweldjar bl-ark b’elettrodu miksi li fih id l-operatur tikkontrolla l-veloċità tal-progress tal-operazzjoni ta’ wweldjar u r-rata li biha l-elettrodu jiġi fornit fl-ark elettriku;

    3.

    “iwweldjar bl-ilqugħ bl-ark tal-metall” tfisser proċess ta’ wweldjar bl-ark li fih il-koalexxenza tiġi prodotta bit-tisħin b’ark elettriku bejn elettrodu tal-metall kopert u l-biċċa li qed tinħadem u l-erja tax-xogħol. L-ilqugħ jinkiseb mid-dekompożizzjoni tal-kopertura tal-elettrodu. Ma tintużax pressjoni u l-metall tal-mili jinkiseb mill-elettrodu;

    4.

    “iwweldjar bi flux-core bi lqugħ minnu nnifsu” tfisser proċess ta’ wweldjar tal-wajer li fih elettrodu kontinwu ta’ wajer-vojt jiġi fornit permezz tal-gun tal-iwweldjar fil-ġonta tal-iwweldjar mingħajr il-bżonn li jintuża gass estern tal-ilqugħ biex it-tidwiba tal-weldjatura tiġi protetta mill-kontaminazzjoni. Minflok gass estern tal-ilqugħ, kompost tal-flux ġewwa l-wajer vojt jirreaġixxi mal-ark tal-iwweldjar biex jifforma gass li jipproteġi t-tidwiba tal-weldjatura;

    5.

    “iwweldjar bl-ark bi flux core” tfisser iwweldjar li juża elettrodi tubulari komposti tal-metall tal-mili li jikkonsistu f’kisja tal-metall u qalba ta’ diversi materjali mitħunin, li jipproduċu kisja estensiva ta’ slag fuq il-wiċċ ta’ xoffa tal-iwweldjar. L-użu ta’ gass(ijiet) estern(i) tal-ilqugħ jista’ jkun jew ma jkunx meħtieġ;

    6.

    “iwweldjar tal-metall b’gass inerti” tfisser iwweldjar bl-ark tal-metall bil-gass li fih il-koalexxenza tiġi prodotta bit-tisħin b’ark bejn elettrodu (konsumabbli) tal-metall tal-mili kontinwu u l-parti li qed tinħadem. L-ilqugħ jinkiseb kollu kemm hu minn gass fornit esternament, jew minn taħlita ta’ gassijiet, li jkunu inerti;

    7.

    “iwweldjar tal-metall b’gass attiv” tfisser iwweldjar bl-ark tal-metall bil-gass li fih il-koalexxenza tiġi prodotta bit-tisħin b’ark bejn elettrodu (konsumabbli) tal-metall tal-mili kontinwu u l-parti li qed tinħadem. L-ilqugħ jinkiseb kollu kemm hu minn gass fornit esternament, jew minn taħlita ta’ gassijiet, li jkunu attivi;

    8.

    “iwweldjar bit-tungstenu b’gass inerti” tfisser proċess ta’ wweldjar bl-ark li fih il-koalexxenza tiġi prodotta bit-tisħin b’ark bejn elettrodu (mhux konsumabbli) wieħed tat-tungstenu u l-parti li qed tinħadem. L-ilqugħ jinkiseb minn gass jew minn taħlita ta’ gassijiet. Jista’ jkun li tintuża jew ma tintużax il-pressjoni u jista’ jkun li jintuża jew ma jintużax metall tal-mili;

    9.

    “qtugħ bl-ark tal-plażma” tfisser proċess ta’ qtugħ bl-ark li juża ark ristrett u jneħħi l-metall imdewweb f’ġett b’veloċità għolja ta’ gass jonizzat (gass tal-plażma) li joħroġ mit-toqba tar-restrizzjoni. Il-qtugħ bl-ark tal-plażma hu proċess-b’elettrodu-negattiv bil-kurrent dirett;

    10.

    “gass tal-plażma” (imsejjaħ ukoll “gass mill-fetħa” jew “gass tal-qtugħ”) tfisser gass dirett fit-torċa biex idur mal-elettrodu, li jsir jonizzat bl-ark biex jifforma plażma u joħroġ miż-żennuna tat-torċa bħala l-ġett tal-plażma;

    11.

    “gass tal-ilqugħ” (imsejjaħ ukoll “gass sekondarju”) tfisser gass li ma jgħaddix mit-toqba taż-żennuna, iżda minflok jgħaddi madwar iż-żennuna u jifforma lqugħ madwar l-ark elettriku;

    12.

    “iwweldjar bl-ark mgħaddas” tfisser proċess ta’ wweldjar bl-ark li juża ark jew arki li jaqbżu s-600 ampere bejn elettrodu jew elettrodi tal-metall mikxuf u t-tidwiba tal-iwweldjar. L-ark u l-metall imdewweb ikunu protetti minn kisja ta’ fluss granulari fuq il-partijiet li qed jinħadmu. Ma tiġi applikata ebda pressjoni u l-proċess juża metall tal-mili mill-elettrodu u kultant minn sors supplimentari bħal virga tal-iwweldjar, fluss jew granuli tal-metall;

    13.

    “iwweldjar b’ark għal xogħol-limitat” tfisser iwweldjar tal-ark u proċessi simili li mhumiex għal applikazzjonijiet industrijali u professjonali u li:

    (a)

    jużaw input-monofażi b’vultaġġ-baxx pubbliku;

    (b)

    jekk jaħdmu b’magna, ma jaqbżux potenza tal-output ta’ 7,5 kVA;

    (c)

    ma jeħtiġux apparat li joħloq u li jistabbilizza-l-ark, sistemi ta’ tberrid b’likwidu jew consoles tal-gass għat-tħaddim;

    14.

    “iwweldjar bir-reżistenza” tfisser proċess termoelettriku li fih is-sħana tiġi ġġenerata fl-interfaċċa tal-partijiet li jkunu se jiġu mġannta billi jingħadda kurrent elettriku mill-partijiet għal ħin ikkontrollat preċiżament u taħt pressjoni kkontrollata. Ma hu meħtieġ l-ebda prodott konsumabbli bħal vireg tal-iwweldjar jew gassijiet tal-ilqugħ;

    15.

    “iwweldjar tal-istuds” tfisser proċess ta’ wweldjar li fih stud tal-metall jew part simili tiġi wweldjata (manwalment, b’mod awtomatizzat inkella b’mod semiawtomatizzat), ma’ parti li tkun qed tinħadem permezz ta’ ark tal-elettriku biex jissaħħnu ż-żewġ partijiet;

    16.

    “mudell ekwivalenti” tfisser mudell bl-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li trid tingħata, iżda li jitqiegħed fis-suq jew fis-servizz mill-istess fornitur jew rappreżentant awtorizzat jew importatur bħal mudell ieħor b’identifikatur differenti tal-mudell;

    17.

    “identifikatur tal-mudell” tfisser il-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ prodott minn mudelli oħrajn bl-istess trademark jew bl-istess isem tal-manifattur, jew tar-rappreżentant awtorizzat jew tal-importatur.

    Artikolu 3

    Rekwiżiti dwar l-ekodisinn

    Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw mid-dati indikati fih.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità

    1.   Il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE għandha tkun is-sistema ta’ kontroll intern tad-disinn stabbilita fl-Anness IV, jew is-sistema ta’ ġestjoni stabbilita fl-Anness V, ta’ dik id-Direttiva.

    2.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/125/KE, il-fajl ta’ dokumentazzjoni teknika għandu jinkludi kopja tat-tagħrif dwar il-prodott provdut skont il-punti 2 u 3 tal-Anness II, u d-dettalji u r-riżultati tal-kalkoli stipulati fl-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

    3.   Meta l-informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari tkun inkisbet:

    (a)

    minn mudell li jkollu l-istess karatteristiċi tekniċi rilevanti għall-informazzjoni teknika li għandha tiġi pprovduta, iżda li jkun ġie prodott minn manifattur differenti;

    (b)

    permezz ta’ kalkolu abbażi ta’ disinn jew ta’ estrapolazzjoni minn mudell ieħor tal-istess manifattur jew ta’ manifattur differenti, jew it-tnejn,

    id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali kalkolu, il-valutazzjoni mwettqa mill-manifattur biex tiġi verifikata l-eżattezza tal-kalkolu u, fejn xieraq, id-dikjarazzjoni tal-identità bejn il-mudelli ta’ manifatturi differenti.

    Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi lista tal-mudelli ekwivalenti kollha, inkluż l-identifikaturi tal-mudell.

    Artikolu 5

    Il-proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness IV meta jwettqu l-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/125/KE.

    Artikolu 6

    Ċirkomvenzjoni u aġġornamenti tas-software

    Il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat jew l-importatur ma għandux iqiegħed prodotti fis-suq li jkunu ġew iddisinjati biex ikunu kapaċi jindunaw li qed jiġu ttestjati (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxu b’mod speċifiku billi jbiddlu awtomatikament il-prestazzjoni tagħhom matul it-test bl-għan li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kwalunkwe wieħed mill-parametri ddikjarati mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat fid-dokumentazzjoni teknika jew inklużi fi kwalunkwe dokumentazzjoni pprovduta.

    Il-konsum tal-enerġija tal-prodott u kwalunkwe parametru ieħor iddikjarat m’għandux jiddeterjora wara aġġornament ta’ software jew firmware meta mkejjel bl-istess standard tat-test użat oriġinarjament għad-dikjarazzjoni tal-konformità, ħlief bil-kunsens espliċitu tal-utent aħħari qabel l-aġġornament. Ma għandha ssir l-ebda bidla fil-prestazzjoni minħabba rifjut ta’ aġġornament.

    Aġġornament ta’ softwer qatt ma għandu jħalli l-effett li jbiddel il-prestazzjoni tal-prodott b’mod li ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-ekodisinn applikabbli għad-dikjarazzjoni tal-konformità.

    Artikolu 7

    Parametri referenzjarji

    Il-parametri referenzjarji indikattivi għall-prodotti bl-aħjar prestazzjoni u għall-aqwa tekniki disponibbli fis-suq fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament huma stabbiliti fl-Anness V.

    Artikolu 8

    Rieżami

    Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku li jkun sar u għandha tippreżenta r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni, inkluż, jekk xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni, lill-Forum ta’ Konsultazzjoni sa mhux aktar tard minn 14 ta' Novembru 2024.

    Ir-rieżami għandu jivvaluta, b’mod partikolari, jekk ikunx xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi dwar l-ekodisinn fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

    (a)

    limiti aktar stretti għall-effiċjenza tas-sors tal-enerġija u għall-istandby fi stat idle;

    (b)

    l-emissjonijiet fl-arja assoċjati mal-użu tat-tagħmir tal-iwweldjar;

    (c)

    rekwiżiti addizzjonali għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi għal prodotti f’konformità mal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari;

    (d)

    prodotti li jużaw il-proċessi tal-iwweldjar bl-ark mgħaddas, tal-iwweldjar b’ark għal użu limitat, tal-iwweldjar ta’ reżistenza u tal-iwweldjar tal-istuds.

    Barra minn hekk, għandu jivvaluta wkoll jekk ikunx xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jitwessa’ biex jinkludi wkoll għodod mekkanizzati professjonali, u b’mod partikolari tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi dwar l-ekodisinn għall-għodod mekkanizzati fir-rigward tal-valuri minimi tal-effiċjenza għall-modalitajiet ta’ nonproċessar, ta’ standby u għal modalitajiet oħra b’użu baxx tal-enerġija.

    Artikolu 9

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

    (2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni. Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn 2016-2019 (COM(2016)773 final, Brussell, 30.11.2016).

    (3)  L-għodod mekkanizzati għall-ewwel kienu koperti fil-ħidma preparatorja, iżda dawn ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minħabba d-diffikultà fid-determinazzjoni tar-rekwiżiti minimi dwar l-effiċjenza fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa. Il-ġbir ta’ data addizzjonali, speċjalment dwar l-għażliet tekniċi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija fi stati mhux ta’ proċessar bħal modalitajiet standby u modalitajiet oħra b’użu baxx tal-enerġija, tista’ tirriżulta fi proposti dwar miżuri relatati mal-ekodisinni għall-għodod mekkanizzati fil-futur.

    (4)  Kif definiti fl-IEC 60 974-1: Tagħmir tal-iwweldjar bl-ark — Parti 1: Sorsi tal-enerġija tal-iwweldjar. Speċifikament eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hemm it-tagħmir tal-iwweldjar u tal-qtugħ bl-ark għal xogħol limitat mill-pubbliku skont l-IEC 60 974-6: Tagħmir tal-iwweldjar bl-ark — Parti 6: Tagħmir għal xogħol limitat.

    (5)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari (COM(2015)0614 final, Brussell, 2.12.2015).

    (6)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


    ANNESS I

    Definizzjonijiet applikabbli għall-Annessi

    Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “effiċjenza tas-sors tal-enerġija” tfisser il-proporzjon, espress f’perċentwal, tal-potenza tal-output f’kundizzjonijiet konvenzjonali tal-iwweldjar u f’vultaġġi konvenzjonali tat-tagħbija tal-iwweldjar, sal-ogħla konsum tal-enerġija tas-sors tal-provvista;

    (2)

    “stat idle” tfisser l-istat operazzjonali li fih l-enerġija tinxtegħel u ċ-ċirkwit tal-iwweldjar ma jkunx enerġizzat;

    (3)

    “konsum tal-enerġija fi stat idle” tfisser id-domanda għall-enerġija, f’watts, fi stat idle;

    (4)

    “sors tal-enerġija” tfisser apparat li juża kurrent alternat (AC) biex jalimenta output tal-enerġija AC wieħed jew aktar, jew li jikkonverti l-enerġija tal-input AC f’output tal-enerġija DC wieħed jew aktar, għall-fini ta’ enerġizzazzjoni tat-tagħmir tal-iwweldjar;

    (5)

    “panel ta’ kontroll” tfisser interfaċċa ġenerali tat-tħaddim, li jkun fiha kontrolli u indikaturi, bejn l-utent u t-tagħmir tal-iwweldjar;

    (6)

    “qafas ta’ barra tat-tagħmir” tfisser casing maħsuba biex tipproteġi l-prodott mill-ambjent, inklużi l-umdità ambjentali u daqqiet possibbli;

    (7)

    “batterija” tfisser apparat kif definit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (1), skont it-tifsira wkoll ta’ “pakkett ta’ batteriji” jew ta’ “batterija jew akkumulatur industrijali” fl-istess Artikolu;

    (8)

    “torċa tal-iwweldjar” tfisser apparat li jwassal il-kurrent tal-iwweldjar fl-elettrodu, li jista’ jinkludi t-trasferiment tal-kurrent f’elettrodu konsumabbli, meta jintuża, u li jwassal ukoll il-gass tal-ilqugħ, meta jintuża fl-erja tal-ark elettriku;

    (9)

    “pajp tal-provvista tal-gass” tfisser pajp tal-provvista mfassal apposta għall-provvista tal-gassijiet tal-fjuwil (bħall-aċetilena), ta’ arja kkumpressata u ta’ gassijiet tal-ilqugħ użati fl-iwweldjar, li normalment jikkonsistu f’tubu u f’għatu protettiv, spiss speċifiku għat-tip ta’ gass użat, u kultant għall-kundizzjonijiet operazzjonali;

    (10)

    “regolatur tal-provvista tal-gass” tfisser apparat li jnaqqas l-ogħla pressjoni tal-gassijiet kumpressati forniti għall-pressjoni inferjuri li tista’ tintuża b’mod sikur fit-tagħmir tal-iwweldjar, spiss mgħammar b’valv tal-kejl jew bi flussimetru biex jitkejjel u/jew jiġi kkontrollat il-fluss tal-gass;

    (11)

    “drive tal-wajer tal-iwweldjar” tfisser apparat, użat biexi forni wajer tal-iwweldjar jew materjal tal-mili, li jista’ jkun tat-tip ta’ mbottar, ġbid jew taħlita ta’ mbottar-ġbid;

    (12)

    “fann” tfisser magna b’pali rotatorji użata biex iżżomm fluss kontinwu ta’ gass, tipikament arja, li jgħaddi minn ġo fiha u jaġixxi pereżempju bħala s-sistema tat-tberrid interna għas-sors tal-enerġija;

    (13)

    “kejbil tal-provvista tal-elettriku” tfisser kejbil tal-provvista tal-enerġija elettrika li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni u ta’ sikurezza tal-istandards tal-kejbils rikonoxxuti internazzjonalment;

    (14)

    “sewwej professjonali” tfisser operatur jew impriża li tipprovdi servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni professjonali tat-tagħmir tal-iwweldjar;

    (15)

    “spare part” tfisser parti separata li tista’ tissostitwixxi parti bl-istess funzjoni jew funzjoni simili fit-tagħmir tal-iwweldjar.


    (1)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).


    ANNESS II

    Rekwiżiti dwar l-ekodisinn

    1.   Rekwiżiti dwar l-effiċjenza enerġetika

    Mill-1 ta’ Jannar 2023, l-effiċjenza tas-sors tal-enerġija tat-tagħmir tal-iwweldjar, f ma għandhiex tkun anqas mill-valuri stabbiliti fit-Tabella 1, u l-konsum tal-enerġija fi stat idle m’għandux jaqbeż il-valuri stabbiliti fit-Tabella 1.

    Tabella 1

    Effiċjenza tas-sors tal-enerġija u konsum tal-enerġija fi stat idle

     

    Effiċjenza minima tas-sors tal-enerġija

    Konsum massimu tal-enerġija fl-istat idle

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija trifażi b’output ta’ kurrent dirett (DC)

    85 %

    50 W

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija monofażi b’output ta’ kurrent dirett (DC)

    80 %

    50 W

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija monofażi u trifażi b’output ta’ kurrent alternat (AC)

    80 %

    50 W

    Il-konformità mar-rekwiżiti tal-ekodisinn dwar l-effiċjenza tas-sors tal-enerġija u l-konsum tal-enerġija fl-istat idle għandha tiġi vvalutata, imkejla u kkalkulata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness III.

    2.   Rekwiżiti tal-effiċjenza tar-riżorsi

    Mill-1 ta’ Jannar 2021, it-tagħmir tal-iwweldjar għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    Id-disponibbiltà tal-ispare parts

    (1)

    Il-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati jew l-importaturi tat-tagħmir tal-iwweldjar għandhom jagħmlu disponibbli għas-sewwejja professjonali mill-anqas l-ispare parts li ġejjin, għal perjodu minimu ta’ 10 snin wara l-introduzzjoni fis-suq tal-aħħar unità ta’ mudell ta’ tagħmir tal-iwweldjar:

    (a)

    panel tal-kontroll;

    (b)

    sors(i) tal-enerġija;

    (c)

    għata tat-tagħmir;

    (d)

    batterija/i;

    (e)

    torċa tal-iwweldjar;

    (f)

    pajp(ijiet) tal-provvista tal-gass;

    (g)

    regolatur(i) tal-provvista tal-gass;

    (h)

    wajer tal-iwweldjar jew drive tal-materjal tal-mili;

    (i)

    fann(ijiet);

    (j)

    kejbil tal-provvista tal-elettriku;

    (k)

    software u firmware, inkluż software għar-risettjar.

    (2)

    Il-manifatturi għandhom jiżguraw li dawn l-ispare parts ikunu jistgħu jinbidlu bl-użu ta’ għodod faċilment disponibbli, u mingħajr ma ssir ħsara permanenti lit-tagħmir u lill-part.

    (3)

    Il-lista ta’ dawn l-ispare parts u l-proċedura biex dawn jiġu ordnati għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web b’aċċess liberu tal-manifattur, tar-rappreżentant jew tal-importatur, minn tal-anqas sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell u sa tmiem il-perjodu ta’ disponibbiltà ta’ dawn l-ispare parts.

    (b)

    L-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni

    Sa mhux aktar tard minn sentejn wara t-tqegħid fis-suq tal-ewwel unità ta’ mudell, u sa tmiem il-perjodu msemmi fil-punt a.1, il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tat-tagħmir tal-iwweldjar lis-sewwejja professjonali fil-kundizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    is-sit web tal-manifattur, tar-rappreżentant awtorizzat jew tal-importatur għandu jindika l-proċess li jridu segwu s-sewwejja professjonali biex jirreġistraw għall-aċċess għall-informazzjoni; biex jaċċettaw tali talba, il-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati jew l-importaturi jistgħu jitolbu lis-sewwej professjonali juri li:

    (i)

    is-sewwej professjonali għandu l-għarfien tekniku biex isewwi u jmantni t-tagħmir tal-iwweldjar u li dan huwa konformi mar-regolamenti applikabbli għas-sewwejja tat-tagħmir elettriku fl-Istati Membri fejn jopera. Referenza għal sistema ta’ reġistrazzjoni uffiċjali bħala sewwej professjonali, fejn sistema bħal din tkun teżisti fl-Istati Membri kkonċernati, għandha tiġi aċċettata bħala prova ta’ konformità ma’ dan il-punt;

    (ii)

    is-sewwej professjonali huwa kopert minn assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attività tiegħu, irrispettivament minn jekk dan huwiex meħtieġ jew le mill-Istat Membru.

    2.

    il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat jew l-importatur għandu jaċċetta jew jirrifjuta r-reġistrazzjoni fi żmien 5 ijiem tax-xogħol mid-data tat-talba tas-sewwej professjonali.

    Ladarba jiġi rreġistrat, sewwej professjonali għandu jkollu aċċess, fi żmien jum wieħed tax-xogħol wara li jkun talabha, għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni. L-informazzjoni tista’ tiġi pprovduta għal mudell jew għal mudell ekwivalenti tal-istess familja, jekk rilevanti. L-informazzjoni disponibbli dwar it-tiswija u l-manutenzjoni għandha tinkludi:

    l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni mhux ekwivoka tat-tagħmir tal-iwweldjar;

    mappa taż-żarmar jew dijagramma kompożittiva;

    lista tat-tagħmir meħtieġ għat-tiswija u l-ittestjar;

    l-informazzjoni dwar il-komponenti u informazzjoni dijanjostika (bħal valuri teoretiċi minimi u massimi tal-kejl);

    dijagramma deskrittiva tas-sistema tal-wajers u tas-sistema ta’ konnessjoni;

    kodiċijiet dijanjostiċi tal-ħsara u tal-errur (inklużi kodiċijiet speċifiċi tal-manifattur, fejn applikabbli);

    rekords tad-data ta’ inċidenti rrappurtati ta’ ħsara maħżuna fit-tagħmir tal-iwweldjar (fejn applikabbli); kif ukoll

    struzzjonijiet għall-installazzjoni tas-software u tal-firmware rilevanti, inkluż is-software għar-risettjar.

    Il-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati jew l-importaturi jistgħu jitolbu ħlas raġonevoli u proporzjonat għall-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew biex jibgħatu aġġornamenti regolari. Ħlas jitqies raġonevoli jekk ma jiskoraġġixxix l-aċċess billi jonqos milli jqis il-punt safejn is-sewwej professjonali jagħmel użu mill-informazzjoni.

    (c)

    Żmien massimu għall-konsenja tal-ispare parts

    Matul il-perjodu msemmi fil-punt a.1, il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat għandu jiżgura li l-ispare parts jaslu fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta tidħol l-ordni.

    Din id-disponibbiltà tista’ tkun limitata għal impriżi tat-tiswija professjonali rreġistrati skont il-punt (b).

    (d)

    Informazzjoni dwar id-displays tat-tagħmir tal-iwweldjar

    Meta tkun ipprovduta display għat-tagħmir tal-iwweldjar, din għandha tagħti indikazzjoni dwar l-użu tal-wajer tal-iwweldjar jew tal-materjal tal-mili fi grammi fil-minuta jew f’unità standardizzata ekwivalenti tal-kejl.

    (e)

    Rekwiżiti għaż-żarmar għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-materjali filwaqt li jiġi evitat it-tniġġis

    Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tal-iwweldjar ikun iddisinjat b’tali mod li l-materjali u l-komponenti msemmija fl-Anness VII tad-Direttiva 2012/19/UE jkunu jistgħu jiġu żarmati bl-użu ta’ għodod faċilment disponibbli.

    Ml-manifatturi għandhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-Punt 1 tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2012/19/UE.

    3.   Rekwiżiti ta’ informazzjoni

    Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-manifatturi, ir-rappreżentanti awtorizzati jew l-importaturi għandhom jiżguraw li l-informazzjoni segwenti tiġi pprovduta fil-manwali tal-istruzzjonijiet għall-installaturi u għall-utenti finali, u għal tal-anqas 10-il sena wara li l-ewwel unità ta’ mudell tat-tagħmir tal-iwweldjar jitqiegħed fis-suq, fuq is-siti web b’aċċess liberu tal-manifatturi, tar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom jew tal-importaturi:

    (a)

    it-tip ta’ prodott;

    (b)

    isem il-manifattur, l-isem kummerċjali rreġistrat u l-indirizz irreġistrat li fih jista’ jiġi kkuntattjat;

    (c)

    l-identifikatur tal-mudell tal-prodott;

    (d)

    l-effiċjenza minima tas-sors tal-enerġija (f’%);

    (e)

    il-konsum tal-enerġija fl-istat idle (f’watts);

    (f)

    lista tal-mudelli ekwivalenti;

    (g)

    informazzjoni rilevanti għar-riċiklaġġ u għar-rimi fit-tmiem tal-ħajja;

    (h)

    lista ta’ materja prima kritika li tkun preżenti f’ammonti indikattivi ogħla minn 1 gramma f’livell ta’ komponent, jekk ikun hemm, u indikazzjoni tal-komponent(i) li fih(om) dawn il-materji primi kritiċi jkunu preżenti;

    (i)

    l-użu tal-gass ta’ lqugħ indikattiv għall-iskedi u l-programmi rappreżentattivi tal-iwweldjar;

    (j)

    l-użu mistenni tal-wajer tal-iwweldjar jew tal-materjal tal-mili għall-iskedi u għall-programmi rappreżentattivi tal-iwweldjar.

    L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi pprovduta fuq il-pjanċa ta’ klassifikazzjoni tat-tagħmir tal-iwweldjar:

    (a)

    is-sena tal-manifattura


    ANNESS III

    Metodi ta’ kejl u ta’ kalkolu

    Għall-finijiet tal-konformità u tal-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-kejliet u l-kalkoli għandhom isiru bl-użu ta’ standards armonizzati, li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dan l-għan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew bl-użu ta’ metodi affidabbli, preċiżi u riproduċibbli oħra li jqisu l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku ġeneralment rikonoxxut, u jipproduċu riżultati meqjusa li jkunu ta’ inċertezza baxxa.


    ANNESS IV

    Il-proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

    It-tolleranzi tal-verifika stabbiliti f’dan l-Anness huma marbutin biss mal-verifika tal-parametri mkejla mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u ma għandhomx jintużaw mill-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat bħala tolleranza permessa biex jiġu stabbiliti l-valuri inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew għall-interpretazzjoni ta’ dawn il-valuri bl-għan li tinkiseb il-konformità jew biex tiġi kkomunikata prestazzjoni aħjar bi kwalunkwe mezz.

    Meta mudell ikun ġie ddisinjat biex ikun kapaċi jinduna li qed jiġi ttestjat (eż. billi jirrikonoxxi l-kundizzjonijiet tat-test jew iċ-ċiklu tat-test), u biex jirreaġixxi b’mod speċifiku billi jbiddel awtomatikament il-prestazzjoni tiegħu matul it-test bl-objettiv li jintlaħaq livell aktar favorevoli għal kull wieħed mill-parametri speċifikati f’dan ir-Regolament jew inklużi fid-dokumentazzjoni teknika jew f’xi dokumentazzjoni pprovduta, il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi.

    Meta tkun qed tiġi vverifikata l-konformità ta’ mudell tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/125/KE, għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw din il-proċedura li ġejja:

    1.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jivverifikaw unità waħda tal-mudell.

    2.

    Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-valuri mogħtija fid-dokumentazzjoni teknika skont il-punt (2) tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/125/KE (il-valuri dikjarati) u, meta applikabbli, il-valuri użati għall-kalkolu ta’ dawn il-valuri, ma jkunux aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat milli jkunu r-riżultati tal-kejl korrispondenti mwettaq skont il-paragrafu (g) tiegħu; kif ukoll

    (b)

    il-valuri dikjarati jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u kull informazzjoni meħtieġa dwar il-prodott li jippubblikaw il-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ma jkunx fiha valuri aktar favorevoli għall-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat mill-valuri dikjarati; kif ukoll

    (c)

    meta l-awtoritajiet tal-Istat Membru jiċċekkjaw l-unità tal-mudell, huma jsibu li l-manifattur, l-importatur jew ir-rappreżentant awtorizzat ikun implimenta sistema li tikkonforma mar-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6; kif ukoll

    (d)

    meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-unità tal-mudell, dan jikkonforma mar-rekwiżit fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 6, ir-rekwiżiti tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-punt 2 tal-Anness II u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni fil-punt 3 tal-Anness II; kif ukoll

    (e)

    meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jittestjaw l-unità tal-mudell, il-valuri ddeterminati (il-valuri tal-parametri rilevanti kif imkejla waqt it-testijiet u l-valuri kkalkolati minn dan il-kejl) ikunu konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 2.

    3.

    Fejn ir-riżultati msemmija fil-punti 2(a), 2(b), 2(c) jew 2(d), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi mar-Regolament.

    4.

    Fejn ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt 2(e), l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħżlu tliet unitajiet oħra tal-istess mudell biex jiġu ttestjati. Bħala alternattiva, it-tliet unitajiet l-oħra magħżula jistgħu jkunu ta’ xi wieħed jew aktar mill-mudelli ekwivalenti.

    5.

    Il-mudell jew il-konfigurazzjoni tal-mudell għandhom jitqiesu konformi mar-rekwiżiti applikabbli jekk, għal dawn it-tliet unitajiet, il-medja aritmetika taċ-ċifri stabbiliti tkun konformi mat-tolleranzi tal-verifika rispettivi mogħtija fit-Tabella 2.

    6.

    Fejn ma jinkisibx ir-riżultat imsemmi fil-punt (5), il-mudell u l-mudelli ekwivalenti kollha għandhom jitqiesu li mhumiex konformi mar-Regolament.

    7.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni minnufih wara li tittieħed deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-mudell skont il-punti 3 u 6.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw il-metodi tal-kejl u tal-kalkolu mogħtija fl-Anness III.

    L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw biss it-tolleranzi tal-verifika stabbiliti fit-Tabella 2 u għandhom jużaw biss il-proċedura deskritta fil-punti 1 sa 7 għar-rekwiżiti msemmija f’dan l-Anness. Għall-parametri fit-Tabella 2, ma għandha tiġi applikata l-ebda tolleranza oħra ta’ verifika, lanqas dawk stabbiliti fi standards armonizzati jew fi kwalunkwe metodu ieħor ta’ kejl.

    Tabella 2

    It-tolleranzi tal-verifika

    Parametri

    Tolleranzi tal-verifika

    Effiċjenza tas-sors tal-enerġija (%)

    Il-valur determinat (*1) m’għandux ikun inqas mill-valur dikjarat b’aktar minn 2 %.

    Il-konsum tal-enerġija fl-istat idle (watt)

    Il-valur determinat (*1) ma għandux ikun iżjed mill-valur dikjarat b’aktar minn 10 %.


    (*1)  fil-każ ta’ tliet unitajiet addizzjonali ttestjati kif preskritt fil-punt 4, il-valur iddeterminat tfisser il-medja aritmetika tal-valuri ddeterminati għal dawn it-tliet unitajiet addizzjonali.


    ANNESS V

    Parametri referenzjarji

    Il-parametri referenzjarji li ġejjin huma identifikati għall-fini tal-Parti 3, punt 2 tal-Anness I għad-Direttiva 2009/125/KE.

    Hawn taħt hi indikata l-aqwa teknoloġija disponibbli fis-suq, fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għall-aspetti ambjentali li tqiesu bħala sinifikanti u li jkunu kwantifikabbli.

    Tabella 3

    Paramteri referenzjarji għall-effiċjenza tas-sors tal-enerġija u konsum tal-enerġija fi stat idle

    Tip ta’ prodott

    Effiċjenza tas-sors tal-enerġija

    Konsum massimu tal-enerġija fl-istat idle

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija trifażi b’output ta’ kurrent dirett (DC)

    92 %

    10 W

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija monofażi b’output ta’ kurrent dirett (DC)

    90 %

    10 W

    Tagħmir tal-iwweldjar alimentat minn sorsi tal-enerġija monofażi u trifażi b’output ta’ kurrent alternat (AC)

    83 %

    10 W


    Top