EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1688

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1688 tat-8 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka

C/2019/7146

OJ L 258, 9.10.2019, p. 21–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/1688/oj

9.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/21


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1688

tat-8 ta’ Ottubru 2019

li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fit-13 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni Ewropea bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (“il-pajjiżi kkonċernati”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament bażiku”). In-Notifika ta’ Bidu (“NoI,” Notice of Initiation) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2018 minn Fertilizers Europe (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju (“UAN”). L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali riżultanti, u dan kien biżżejjed biex il-bidu tal-investigazzjoni jkun iġġustifikat.

1.2.   Reġistrazzjoni

(3)

Matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni minn qabel, u skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/455 (3). Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet waqfet bid-dħul fis-seħħ tal-miżuri proviżorji msemmija fil-premessa li jmiss.

1.3.   Miżuri proviżorji

(4)

Fit-12 ta’ April 2019, il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ UAN li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago (“TT), u fl-Istati Uniti tal-Amerka (“US”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/576 (4) (“ir-Regolament proviżorju”).

(5)

Kif iddikjarat fil-premessa (26) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni” jew “PI”) u l-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni (“il-perjodu meqjus”).

1.4.   Proċedura sussegwenti

(6)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju antidumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), l-ilmentaturi, il-produttur tal-Unjoni OCI Nitrogen B.V. (“OCI Nitrogen”), diversi assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-utenti u operaturi ekonomiċi oħra, l-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (“GOR”, Government of the Russian Federation) ippreżentaw bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji.

(7)

Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Is-seduti ta’ smigħ saru bl-ilmentatur akkumpanjat mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun AB Achema u Grupa Azoty Zaklady Azotowe Pulawy SA, il-produttur tal-Unjoni fil-kampjun OCI Nitrogen, diversi assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-utenti u operaturi ekonomiċi oħra u wħud mill-membri tagħhom, u l-erba’ produtturi esportaturi li kkooperaw. Barra minn hekk, minbarra t-talba ta’ wieħed mill-produtturi esportaturi Russi Eurochem, saret seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti kummerċjali. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tas-Smigħ li saru matul dik is-seduta ta’ smigħ huma riflessi f’dan ir-Regolament. Fis-27 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni bagħtet lill-produtturi esportaturi Russi divulgazzjoni addizzjonali li tinkludi l-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ rispettivi tagħhom.

(8)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li ħasset li kienet meħtieġa għas-sejbiet finali tagħha. Fil-każ ta’ xi produtturi esportaturi, fejn ġew aċċettati ċerti pretensjonijiet għal aġġustamenti għall-kalkoli tal-marġni tad-dumping jew fejn kienu meħtieġa kjarifiki speċifiċi tal-kumpanija addizzjonali, ġew ipprovduti divulgazzjonijiet individwali addizzjonali bil-miktub lill-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u indirizzathom, fejn kien xieraq, fid-divulgazzjonijiet speċifiċi tal-kumpanija.

(9)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju kien jistipula li kummenti bil-miktub dwar ir-Regolament proviżorju kellhom jiġu ppreżentati fi żmien 15-il jum kalendarju mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Fl-24 ta’ Ġunju 2019, Eurochem bagħat kummenti addizzjonali bil-miktub fir-rigward tal-punti li ġejjin: (i) il-kalkolu tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SGA” selling, general and administrative) ta’ waħda mill-kumpaniji produtturi, (ii) il-bażi legali u l-kalkoli tal-aġġustament tal-gass, (iii) l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku u (iv) id-divulgazzjoni addizzjonali msemmija fil-premessa (7). Fil-21 ta’ Ġunju 2019 u fit-28 ta’ Ġunju 2019, Acron bagħat kummenti addizzjonali bil-miktub fir-rigward tad-divulgazzjoni addizzjonali tas-27 ta’ Mejju 2019 u l-preċiżjoni tal-kalkoli tal-marġni tal-antidumping proviżorju. Il-kummenti inklużi f’dawk is-sottomissjonijiet ġew analizzati biss għad-divulgazzjoni definittiva jekk kienu relatati mad-divulgazzjoni addizzjonali pprovduta lill-kumpaniji fis-27 ta’ Mejju 2019 f’konformità mat-tieni inċiż tal-Punt 7 tan-Notifika li tat bidu għall-investigazzjoni attwali. Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka ppreżenta kummenti bil-miktub dwar id-divulgazzjoni proviżorja. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jippreżentaw mill-ġdid kwalunkwe wieħed mill-kummenti li sar barra mill-perjodi ta’ żmien previsti mir-regolament proviżorju, in-Notifika ta’ bidu jew kwalunkwe skambju ulterjuri mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, jekk il-partijiet interessati jqisu li dan huwa xieraq skont id-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni kkunsidrat is-sottomissjonijiet li saru mill-partijiet interessati kollha ppreżentati fi żmien xieraq, bħall-kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, inklużi kummenti li segwew id-divulgazzjoni definittiva addizzjonali għall-produtturi esportaturi Russi fis-6 ta’ Awwissu 2019.

(10)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Il-kummenti waslu mingħand il-produtturi esportaturi li kkooperaw kollha, mingħand Fertilizers Europe, Grupa Azoty Zaklady Azotowe Pulawy S. A. (“Grupa Azoty”), mingħand l-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB flimkien ma’ IFA, il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-GOR. Eurochem, Acron, u l-GOR kellhom seduta ta’ smigħ mas-servizzi tal-Kummissjoni u barra minn hekk, Eurochem u MHTL talbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ fil-proċedimenti tal-kummerċ. Fit-23 ta’ Lulju 2019, iż-żewġ partijiet kellhom seduta fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Smigħ.

(11)

Il-kummenti, ppreżentati mill-partijiet interessati, inklużi s-sottomissjonijiet għad-divulgazzjoni proviżorja kif stipulat fil-premessa (9), ġew ikkunsidrati u tqiesu fejn xieraq f’dan ir-regolament.

1.5.   Kampjunar

(12)

Wara d-divulgazzjoni proviżorja, diversi partijiet għamlu kummenti marbuta mal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Dawn il-kummenti ma rriżultawx f’bidla tal-kampjun. Minħabba n-natura ta’ dawn il-kummenti, dawn huma ttrattati fit-Taqsimiet 4 u 5 ta’ hawn taħt.

(13)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra rigward il-kampjunar, il-premessi minn (9) sa (19) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

1.6.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu meqjus

(14)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu meqjus, il-premessa (26) tar-Regolament proviżorju kienet ikkonfermata.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Pretensjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott

(15)

Wara t-talba li saret mill-produtturi tal-Unjoni Grupa Azoty u Agropolychim, il-Kummissjoni ċċarat li l-pretensjoni msemmija fil-premessa (33) tar-Regolament proviżorju saret mit-tnejn li huma. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-investigazzjoni jinkludi taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju f’soluzzjoni milwiema jew ammonjakali li jista’ jkollhom addittivi, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 80 00.

(16)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fertilizers Europe, Grupa Azoty u Agropolychim esprimew it-tħassib tagħhom li minħabba li semma l-kodiċi NM 3102 80 00, il-Kummissjoni tista’, b’mod mhux intenzjonat, tippermetti li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jiġu importati taħt il-kodiċijiet NM 3102 90 u 3105 51 biex jiġu evitati d-dazji. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li d-definizzjoni tal-prodott, kif ipprovduta mill-ilmentaturi, tirrifletti eżatt id-deskrizzjoni tal-prodotti tal-kodiċi NM 3102 80 00 u li għalhekk l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jkunu kklassifikati biss taħt dik in-NM għall-finijiet ta’ dwana. Id-dikjarazzjoni taħt kwalunkwe kodiċi oħra tan-NM tkun tikkostitwixxi frodi.

2.2.   Konklużjoni

(17)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (27) sa (34) tar-Regolament proviżorju, kif iċċarat fil-premessa (15) ta’ hawn fuq.

3.   DUMPING

3.1.   Ir-Russja

3.1.1.   Produtturi esportaturi

(18)

Fin-nuqqas ta’ kummenti rigward id-deskrizzjoni tal-produtturi esportaturi Russi u l-mezzi ta’ distribuzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (35) sa (37) tar-Regolament proviżorju.

3.1.2.   Valur normali

(19)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi minn (38) sa (61) tar-Regolament proviżorju.

(20)

Waslu xi kummenti fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali għand il-GOR u ż-żewġ produtturi esportaturi Russi. Għall-finijiet ta’ ċarezza aħjar, il-pretensjonijiet rigward il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-valur normali kif stabbilit fil-premessi minn (38) sa (41), minn (43) sa (48) u minn (50) sa (51) tar-Regolament proviżorju u l-kwistjoni ta’ aġġustament tal-ispiża tal-gass naturali kif stabbilit fil-premessi minn (52) sa (60) tar-Regolament proviżorju huma ttrattati separatament.

(21)

Fir-rigward tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-valur normali, iż-żewġ produtturi Russi talbu aġġustamenti addizzjonali għall-bejgħ imwassal permezz ta’ negozjanti domestiċi relatati fit-tiswir tal-prezz mill-fabbrika domestiku. Eurochem tenna l-pretensjoni tiegħu li l-ispejjeż SGA tan-negozjant domestiku kellhom jitnaqqsu. Barra minn hekk, wara divulgazzjoni proviżorja huwa sostna li anki l-profitt ta’ negozjant domestiku kellu jitnaqqas. Acron iddikjara tnaqqis fl-ispejjeż tat-trasport u tal-immaniġġar għall-mezz ta’ distribuzzjoni billi l-oġġetti jiġi ttrasportati fiżikament lejn il-maħżen tan-negozjant domestiku relatat.

(22)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-prezz domestiku mill-fabbrika, u f’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset il-produtturi domestiċi u n-negozjanti domestiċi bħala entitajiet ekonomiċi uniċi. Għalhekk, il-prezz mhux aġġustat għall-ispejjeż SGA u l-profitt tan-negozjant. Lanqas ma huwa aġġustat għall-ispejjeż li saru bejn is-sit tal-produzzjoni u l-maħżen tal-kumpanija, anki jekk dan huwa maħżen ta’ negozjant relatat – billi hija deċiżjoni tal-kumpanija jekk l-oġġetti jintbagħtux direttament lill-klijenti jew inkella jintbagħtux l-ewwel lejn il-maħżen tan-negozjant relatat. Għalhekk, il-pretensjonijiet għall-aġġustamenti għall-prezzijiet domestiċi ta’ hawn fuq ġew miċħuda.

(23)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Acron tenna l-pretensjoni tiegħu rigward it-tnaqqis tat-trasport u l-immaniġġar tal-merkanzija marbuta mal-moviment tal-prodotti bejn il-lokalità ta’ produzzjoni u l-maħżen tan-negozjant domestiku relatat. Il-kumpanija żiedet pretenzjoni addizzjonali dwar it-tnaqqis ta’ SGA u l-profitt tan-negozjant domestiku relatat. Madankollu, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza jew argument ġdid li jbiddlu l-konklużjoni tal-Kummissjoni tal-premessa (22) għall-entitajiet ekonomiċi individwali fis-suq domestiku.

(24)

Barra minn hekk, rigward l-ispejjeż marbuta mal-moviment tal-prodotti bejn is-sit ta’ produzzjoni u l-maħżen tan-negozjant domestiku relatat, Acron ġibed ukoll l-attenzjoni lejn il-fatt li, billi l-ispejjeż ma tnaqqsux mill-prezz domestiku, dawn suppost lanqas ma tnaqqsu mill-SGA użati għall-kalkolu tal-valur normali.

(25)

Din il-pretensjoni tal-kumpanija ġiet aċċettata. Il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid il-valur normali għal Acron, filwaqt li żiedet l-ispejjeż SGA tal-kumpanija kif mitlub. Madankollu, minkejja ż-żieda tal-ispejjeż SGA, it-tranżazzjonijiet lokali kollha ta’ Acron baqgħu profitabbli u għalhekk il-marġni tad-dumping ma nbidilx. Il-korrezzjoni tal-kalkolu inkwistjoni ġiet divulgata lil Acron bħala parti mid-divulgazzjoni definittiva addizzjonali.

(26)

Barra minn hekk, iż-żewġ produtturi esportaturi Russi saħqu li l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ma sarx fl-istess livell tal-kummerċ billi n-negozjanti lokali relatati huma ttrattati bħala entitajiet uniċi, għalhekk l-ispejjeż SGA u l-profitt tagħhom ma jitnaqqsux mill-prezz domestiku, filwaqt li n-negozjanti relatati f’pajjiżi terzi jew fl-UE mhumiex ittrattati bħala entitajiet ekonomiċi uniċi u għalhekk l-aġġustamenti tal-prezzijiet inkwistjoni huma affettwati.

(27)

Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel u qabel kollox li l-pretensjoni mhijiex marbuta ma’ livell ta’ aġġustament ta’ kummerċ. Iż-żewġ kumpaniji, pjuttost, huma ta’ sfida għad-determinazzjoni tal-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni tinnota li, biex tirrifletti kif xieraq il-prezz imħallas jew pagabbli fis-suq lokali għall-istabbiliment tal-valur normali, l-ispejjeż SG&A u l-profitti tan-negozjanti domestiċi relatati ma jiġux imnaqqsa. Bl-istess mod, biex jiġi stabbilit prezz tal-esportazzjoni affidabbli fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni fejn hemm negozjanti intermedjarji relatati mal-produtturi esportaturi, irid jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni fuq il-bażi tal-prezz li fih il-prodotti importanti l-ewwel ikunu mibjugħin mill-ġdid lil xerrej independenti skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li jistipula wkoll li l-aġġustamenti għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inklużi l-SG&A u l-profitt tan-negozjanti relatati, jridu jitnaqqsu.

(28)

Eurochem għamel pretensjoni addizzjonali fir-rigward tal-livell tal-ispejjeż SGA ta’ wieħed mill-produtturi tiegħu li ntuża fil-kalkolu tal-valur normali.

(29)

Fir-rigward ta’ dan il-produttur, fil-kalkolu proviżorju tagħha, il-Kummissjoni użat il-livell oriġinali tal-ispejjeż SGA domestiċi kif previst mill-produttur fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju. Waqt il-verifika fil-post, tqieset allokazzjoni differenti ta’ ċerti spejjeż ġenerali u nġabret verżjoni alternattiva tal-allokazzjoni tal-ispiża SGA għal aktar kunsiderazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet proviżorjament li t-tweġiba oriġinali tal-kumpanija u l-allokazzjoni tal-ispejjeż SGA bejn il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni kienet qiegħda tirrifletti b’mod aktar preċiż id-distribuzzjoni tal-ispejjeż.

(30)

Fil-kummenti tiegħu għad-divulgazzjoni proviżorja u finali, Eurochem ipprovda evidenza ulterjuri li l-ispejjeż SGA jenħtieġ li jkunu allokati mhux biss għall-bejgħ domestiku, iżda wkoll għall-bejgħ għall-esportazzjoni. Billi din l-evidenza wriet li dawn l-ispejjeż tabilħaqq ma kinux biss marbuta mal-bejgħ domestiku, il-Kummissjoni aċċettat din il-pretensjoni u aġġustat il-marġni tad-dumping skont dan. Il-korrezzjoni tal-kalkolu inkwistjoni ġiet divulgata lil Eurochem bħala parti mid-divulgazzjoni definittiva addizzjonali.

(31)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, Acron qajjem pretensjoni addizzjonali rigward il-kalkolu tal-valur normali. Il-kumpanija ddikjarat li fil-każ tagħha, il-prezzijiet domestiċi ma għandhomx jintużaw fil-kalkolu tal-valur normali billi ma sarux fil-perkors normali tan-negozju.

(32)

L-ewwel u qabel kollox, il-premessa tal-pretensjoni ta’ Acron tidher li tistrieħ fuq nuqqas ta’ ftehim fir-rigward ta’ dak kollu li għamlet il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma bbażatx il-kalkolu tal-valur normali fuq il-bejgħ domestiku tal-kumpanija inkwistjoni, iżda bniet valur normali skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, billi l-bejgħ domestiku ma kienx rappreżentattiv f’termini ta’ volum. Madankollu, wara d-deċiżjoni tal-bord tad-WTO (5) f’dan ir-rigward, l-ispejjeż SGA u l-profitt tat-tranżazzjonijiet domestiċi li saru fil-perkors normali tan-negozju, intużaw fil-kostruzzjoni tal-valur normali. Il-bejgħ domestiku, kuntrarju għad-dikjarazzjoni tal-kumpanija, tqies li sar fil-perkors normali tan-negozju billi kien bi profitt. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(33)

Fir-rigward tal-aġġustament tal-ispiża tal-gass naturali, il-GOR u ż-żewġ produtturi esportaturi Russi tennew il-kummenti u l-pretensjonijiet preċedenti tagħhom dwar:

(a)

l-inkompatibbiltà tad-WTO tal-aġġustament tal-ispiża magħmul;

(b)

l-ebda eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-prezz tal-gass naturali fir-Russja. Skont il-partijiet interessati, il-prezz tal-gass naturali fir-Russja jirrifletti l-kundizzjonijiet normali tas-suq;

(c)

metodoloġija żbaljata fl-aġġustament, bħal fil-fehma tal-partijiet interessati l-aġġustament, jekk ikun hemm, jenħtieġ li jiġi applikat biss għall-prezz tal-gass mingħajr l-ispejjeż tat-trasportazzjoni relatati tiegħu u b’kalkolu differenti taż-żieda fil-prezz għal spejjeż addizzjonali;

(d)

l-applikazzjoni tal-aġġustament anki għal xiri minn fornituri domestiċi indipendenti minn Gazprom;

(e)

l-adegwatezza tal-prezz Waidhaus bħala l-punt ta’ riferiment użat għall-aġġustament.

(34)

B’risposta għall-ewwel pretensjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-bord tad-WTO fit-tilwima bejn ir-Russja u l-Ukrajna (6), invokata mill-partijiet interessati, irrifjuta l-aġġustament tal-gass magħmul mill-Ukrajna. Il-bord sab li l-awtoritajiet Ukreni ma pprovdewx bażi adegwata biex jiġġustifikaw id-deċiżjoni li jirrifjutaw il-prezz domestiku tal-gass fir-Russja u ma għamlux biżżejjed aġġustamenti biex jiżguraw li l-prezz tal-gass sostitut kien jirrifletti l-ispejjeż fir-Russja. Għalhekk, il-ksur prinċipali li l-bord sab ma kienx sostantiv, iżda pjuttost proċedurali. Fi kliem ieħor, il-bord ma rrifjutax il-possibbiltà li japplika aġġustament għall-ispiża tal-gass, iżda qies li dan ir-rifjut ma kienx iġġustifikat biżżejjed mill-Ukrajna fil-każ inkwistjoni. Għalhekk, l-allegazzjonijiet marbuta mal-każ tad-WTO jidhru li huma irrelevanti għall-investigazzjoni preżenti.

(35)

Il-partijiet interessati rreferew ukoll għad-deċiżjoni tal-Korp tal-Appell fl-Unjoni Ewropea – Miżuri Antidumping dwar il-Bijodiżil mill-Arġentina (DS473). Din ir-referenza mhijiex rilevanti. L-ewwel, il-Kummissjoni nnotat li ċ-ċirkostanzi fattwali li wasslu għat-tilwima f’DS473 huma differenti miċ-ċirkostanzi fattwali inkwistjoni. Tabilħaqq, fil-Bijodiżil mill-Arġentina, il-Kummissjoni aġġustat l-ispejjeż tal-materja prima domestika fuq bażi ta’ taxxi differenzjali fuq l-esportazzjoni applikabbli għall-materja prima u l-bijodiżil. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ispiża tal-gass kienet soġġetta għal distorsjoni mill-Istat għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa (36) hawn taħt (essenzjalment, l-involviment tal-Istat fl-iffissar tal-prezz tal-gass fir-Russja mhuwiex limitat għall-eżistenza ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni, iżda huwa aktar predominanti). Il-Kummissjoni nnotat li l-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-aġġustament imwettaq mill-Kummissjoni fil-każ tal-Bijodiżil kien illegali u ħoloq kuntrast maċ-ċirkostanzi tal-Bijodiżil minn dawk prevalenti fir-Russja għas-suq tal-gass li għalih huwa sab li aġġustament għall-prezz tal-gass kien iġġustifikat. Għaldaqstant, f’T-111/14, Unitec Bio vs Il-Kunsill, fil-paragrafi 49 u 50 il-Qorti Ġenerali nnotat li: “(49) F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jitfakkar li, fil-paragrafu 44 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il-Kunsill (T-235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), il-Qorti sostniet li, minħabba li l-gass naturali kien fornut neċessarjament bi prezz baxx ħafna lill-produtturi esportaturi kkonċernati minħabba l-liġi Russa, il-prezz tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-każ li jagħti lok għal din is-sentenza ġie affettwat minn distorsjoni tas-suq Russu domestiku fir-rigward tal-prezz tal-gass, billi dak il-prezz ma kienx ir-riżultat tal-forzi tas-suq. Għalhekk il-Qorti qieset li l-istituzzjonijiet kienu intitolati bis-sħiħ biex jikkonkludu li wieħed mill-oġġetti fir-reġistri tal-applikanti f’dak il-każ ma setax jitqies bħala raġonevoli u li, konsegwentement, dak l-oġġett kellu jiġi aġġustat billi jkollu rikors għal sorsi oħra mis-swieq li l-istituzzjonijiet qiesu bħala aktar rappreżentattivi. (50) Madankollu, kif isostni l-applikant b’mod korrett, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-każ li ta lok għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il-Kunsill (T-235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), mill-fajl ma jidhirx li l-prezzijiet tal-materja prima ewlenija kienu rregolati direttament fl-Arġentina. Is-sistema DET imsemmija mill-istituzzjonijiet ipprevediet biss it-taxxi fuq l-esportazzjoni b’rati differenti fuq il-materja prima ewlenija u l-bijodiżil .”

(36)

Irrispettivament mill-argumenti addizzjonali pprovduti mill-partijiet interessati, hemm ċerti fatti indubitabbli li huma l-bażi għall-Kummissjoni biex tikkonkludi li s-suq tal-gass naturali fir-Russja huwa soġġett għal distorsjoni (ara l-premessa (53) tar-Regolament proviżorju). Dawn huma prinċipalment (i) il-fatt li l-prezz domestiku massimu tal-gass naturali huwa rregolat mill-Istat Russu għal Gazprom, li bla dubju hija l-akbar produttur u bejjiegħ tal-gass naturali fir-Russja u s-sid tal-pajpijiet tal-gass, (ii) l-eżistenza ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % fuq il-gass, (iii) il-fatt li l-Gvern Russu jirregola t-tariffi tat-trasportazzjoni u l-prezzijiet tas-servizzi ta’ appoġġ loġistiku u t-tariffa tal-provvista u tas-servizzi u (iv) il-fatt li l-prezzijiet tal-gass naturali fir-Russja huma rregolati mill-Istat mhux biss permezz ta’ liġijiet federali iżda wkoll fuq il-bażi tal-objettivi politiċi.

(37)

Fir-rigward tal-punt (iv) ta’ hawn fuq, kif spjegat fil-premessa (215) tar-Regolament proviżorju, il-prezz domestiku huwa stabbilit bl-użu ta’ formula għall-prezz tal-gass jew huwa ddeterminat bl-indiċjar, bl-indiċi li jintuża jiġi ppubblikat regolarment fi previżjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku Russu. L-istess dokument jiddikjara (7) li sabiex jiġi limitat it-tkabbir tal-prezz tal-gass huwa propost li jiġi ottimizzat il-programm ta’ investiment ta’ Gazprom, filwaqt li sabiex jiġi stimolat it-tkabbir tal-konsum tal-gass fir-Russja, se jiġi żviluppat u implimentat mekkaniżmu għal espansjoni obbligatorja tal-kapaċità ta’ UGSS, li jobbliga lil Gazprom tipprovdi investimenti xierqa bħala kwistjoni ta’ prijorità. Il-previżjoni ssemmi wkoll il-ħtieġa li jiġi implimentat metodu differenti ta’ allokazzjoni tal-ispiża tat-trasport bejn il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni fid-determinazzjoni tat-tariffi tat-trasport.

(38)

Barra minn hekk, il-pretensjoni li l-prezz domestiku rregolat mill-Istat Russu jkopri l-ispejjeż ta’ Gazprom ma setgħetx tiġi vverifikata minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GOR f’din il-proċedura. L-argumenti pprovduti mill-produtturi esportaturi Russi (fl-hekk imsejjaħ “Rapport Brattle”) huma bbażati fuq stimi tal-ispejjeż kollha ta’ Gazprom, u mhux fuq ċifri attwali. Huma sostnew ukoll li produttur Russu ieħor b’bejgħ domestiku biss u livell simili ta’ prezzijiet domestiċi bħal Gazprom huwa profittabbli, li jinjora l-fatt li l-kumpaniji jista’ jkollhom livell u struttura tal-ispejjeż kompletament differenti.

(39)

B’risposta għat-tielet pretensjoni, għandu jiġi nnotat li l-ispiża tal-materja prima biss huwa ssostitwit bil-punt ta’ riferiment. Fil-metodoloġija attwali, il-Kummissjoni bbażat l-ispejjeż tat-trasport mill-fruntiera tal-Unjoni lura lejn il-fornitur tal-gass Russu fuq stimi. L-ispejjeż tat-trasport fir-Russja mill-fornitur tal-gass lill-produtturi esportaturi u kwalunkwe spiża addizzjonali oħra huma bbażati, fejn possibbli, fuq iċ-ċifri attwali kif previst mill-produtturi esportaturi. Kif iddikjarat fil-premessa (36), il-Gvern Russu rregola dawn l-ispejjeż; madankollu, b’differenza mill-każ tal-prezzijiet tal-gass, ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex tiġi appoġġata sejba li dawk l-ispejjeż ġew distorti wkoll minħabba r-regolamentazzjoni tal-gvern. Il-Kummissjoni vverifikat li ċ-ċifri previsti mill-produtturi esportaturi kellhom l-istess sors bħaċ-ċifri użati fl-ilment (rati tas-Servizz tat-Tariffi Federali). Billi ċ-ċifri pprovduti mill-produtturi esportaturi tqiesu bħala dawk ipprovduti l-aktar reċentement minn kwalunkwe wieħed mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni aċċettathom.

(40)

B’risposta għar-raba’ pretensjoni, kif diġà ġie spjegat taħt il-punt (c) fil-premessa (55) tar-Regolament proviżorju, l-aġġustament tal-gass huwa applikat għax-xiri kollu tal-gass Russu domestiku, irrispettivament minn jekk Gazprom hix il-fornitur. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li Gazprom hija entità li tistabbilixxi l-prezzijiet fis-suq Russu mhix appoġġata biss mill-pożizzjoni dominanti ta’ din il-kumpanija iżda hija kkonfermata wkoll b’mod ċar mill-kontijiet awditjati tal-kompetitur privat (f’termini tas-sehem mis-suq) ewlieni ta’ Gazprom fis-suq domestiku – Novatek (8). Għalhekk, il-bejgħ tal-gass naturali bi prezz soġġett għal distorsjoni ta’ Gazprom jaffettwa l-livell tal-prezzijiet ta’ fornituri oħra tal-gass naturali fir-Russja, li xi drabi qed ibigħu saħansitra bi prezzijiet kemxejn aktar baxxi minn dawk ta’ Gazprom.

(41)

Finalment, fir-rigward tal-punt ta’ riferiment użat għall-aġġustament tal-gass, il-kummenti dwar id-divulgazzjoni proviżorja ma biddlux il-fehma tal-Kummissjoni li tibqa’ tqis l-hekk imsejjaħ “prezz Waidhaus” bħala punt ta’ riferiment xieraq. Kif spjegat fil-premessi (55)(d) u (58) tar-Regolament proviżorju, dan il-prezz kien viċin ta’ kwotazzjonijiet importanti oħra tal-prezzijiet fl-Ewropa u l-użu tiegħu bħala punt ta’ riferiment ġie kkonfermat mis-sentenzi rispettivi tal-Qorti tal-Ġustizzja (9). Il-fatt li l-gass naturali esportat lejn Waidhaus u l-gass naturali kkonsmat fir-Russja għandhom valur kalorifiku differenti ma jagħmilhomx prodotti differenti u ġie indirizzat permezz ta’ aġġustament separat.

(42)

Fid-dawl tal-premessi minn (34) sa (41), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-aġġustament tal-ispiża tal-gass naturali applikat fl-istadju proviżorju kif ukoll il-metodoloġija użata huma wkoll konformi mar-regoli tad-WTO minħabba s-sitwazzjoni speċifika tas-suq tal-gass Russu.

(43)

Wara divulgazzjoni definittiva, iż-żewġ produtturi esportaturi Russi tennew uħud mill-istqarrijiet tagħhom rigward il-kompatibilità tad-WTO tal-aġġustament inkwistjoni u l-pożizzjoni dominati ta’ Gazprom fis-suq tal-gass naturali domestiku Russu. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza jew argument addizzjonali li biddlu l-konklużjoni tal-Kummissjoni tal-premessa (42).

(44)

Il-partijiet interessati sostnew ukoll li r-rata tal-konverżjoni bejn l-unitajiet tal-kejl, l-aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasport u żieda fil-prezz tad-distributuri, u t-taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % inkluża fil-gass aġġustat ma kinux korretti.

(45)

Wara divulgazzjoni definittiva, Eurochem addizzjonalment sostniet li ntużat rata tal-kambju żbaljata fil-kalkolu tal-aġġustament tal-ispiża tat-trasport. Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li jenħtieġ li jsir aġġustament addizzjonali għat-tariffi tan-network Ġermaniż.

(46)

B’risposta għar-rimarki ta’ hawn fuq saru l-korrezzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-unità tal-kejl tal-volum tal-gass naturali użata fl-ipprezzar ta’ Waidhaus hija miljun Unità Termali Brittanika (mmBtu). Wara kummenti dwar id-divulgazzjoni proviżorja r-rata tal-konverżjoni nbidlet għal 1 mmBtu = 31,899 metru kubu;

(b)

l-aġġustament tal-ispiża tat-trasport inbidel, filwaqt li tqiesu l-ispejjeż tat-trasport attwali mħallsa mill-produtturi Russi fir-Russja. Madankollu, għall-aġġustament tal-ispejjeż tat-trasport minn Waidhaus (10) lura lejn il-fruntiera Russa, il-Kummissjoni użat iċ-ċifri pprovduti fl-ilment; iċ-ċifri fir-Rapport Brattle ma tqisux li kienu aktar preċiżi minħabba li rreferew għal sorsi li użaw data miġbura qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni. L-ispejjeż tat-trasport mill-fruntiera Russa sal-impjanti tal-gass fejn il-produtturi esportaturi jiksbu l-gass naturali tagħhom huma msejsa fuq it-tariffa regolata (11);

(c)

iż-żieda tad-distribuzzjoni ta’ 15 % użata fil-kalkoli proviżorji ġiet riveduta ’l isfel, u tvarja minn 1 % sa 5 %. L-ispejjeż kollha għajr l-ispiża tal-gass u l-ispejjeż tat-trasport (inkluża t-trażmissjoni) tqiesu għall-kalkolu taż-żieda. L-ispejjeż addizzjonali attwali tax-xiri tal-gass waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni ntużaw kemm jista’ jkun u, fejn kien hemm data nieqsa, intużat stima raġonevoli, kif spjegat fid-divulgazzjonijiet speċifiċi tal-kumpanija. Il-Kummissjoni ma laqgħetx il-pretensjoni ta’ Eurochem li ebda żieda domestika fil-prezz ma għandha tapplika billi l-ebda żieda ma titqies fuq il-prezz tal-esportazzjoni tal-gass Russu, minħabba li l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni rregolat ma jippermettix tali spejjeż (12) u l-ebda evidenza ulterjuri għall-eżistenza ta’ żieda fil-prezz bħal din ma hi pprovduta;

(d)

it-talba li titnaqqas it-taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % mill-prezz ta’ riferiment ma ntlaqgħetx – din it-taxxa hija waħda mill-miżuri li ħolqot distorsjoni tas-suq tal-gass naturali fir-Russja, għalhekk huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-prezz domestiku tal-gass ikun mill-inqas 30 % ogħla ħlief għat-taxxa fuq l-esportazzjoni. Billi din tagħmel parti mill-ispiża tal-gass ta’ oriġini Russa fis-suq tal-Unjoni, bħala tali hija tagħmel parti mill-prezz ta’ riferiment bażiku;

(e)

il-pretensjoni li tikkonċerna r-rata tal-kambju użata fil-kalkolu tal-aġġustament tat-trasport ġiet aċċettata u l-kalkoli ġew emendati skont dan;

(f)

it-talba għall-aġġustament għat-tariffi tan-network Ġermaniż instabet li ma kinitx rilevanti billi l-prezz Waidhaus huwa fil-livell taċ-CIF fil-fruntiera tal-Ġermanja (u għalhekk tali prezz ma jqisx l-ebda tariffa tan-network Ġermaniż).

(47)

Il-kalkolu rivedut tal-aġġustament tal-gass ġie pprovdut lill-produtturi esportaturi Russi f’divulgazzjoni speċifika kemm fl-istadju tad-divulgazzjoni definittiva kif ukoll wara li saru reviżjonijiet sussegwentement għal kummenti deskritti fil-premessa (45) u (46) fil-punti b), c) u e) permezz ta’ divulgazzjoni definittiva addizzjonali. L-aġġustament ma affettwax il-valur normali ta’ Acron minħabba li, kif spjegat fil-premessa (61) tar-Regolament proviżorju, żieda biss fl-ispiża aġġustata tal-manifattura għal livell li jagħmel uħud mit-tranżazzjonijiet domestiċi ta’ Acron fil-PI mhux profittabbli tirriżulta f’marġni tad-dumping mibdul. Wara li l-valur normali ta’ Eurochem ġie kkoreġut, wara l-kummenti dwar id-divulgazzjoni definittiva, l-aġġustament tal-gass rivedut ma bidilx il-valur normali ta’ Eurochem u għalhekk ma kellux impatt fuq il-kalkolu tal-marġni tad-dumping.

(48)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-valur normali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (38) sa (61) tar-Regolament proviżorju, kif iċċarat fil-premessi minn (17) sa (38) hawn fuq.

3.1.3.   Prezz tal-esportazzjoni

(49)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fil-premessi minn (62) sa (65) tar-Regolament proviżorju.

(50)

Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-Kummissjoni qablet mal-pretensjoni ta’ Eurochem li jiġu kkalkulati marġnijiet tad-dumping separati għaż-żewġ produtturi esportaturi fil-grupp, billi d-data pprovduta mill-kumpanija ppermettiet li jiġi analizzat il-bejgħ mill-produttur. Tali analiżi setgħet issir minkejja li kienu involuti diversi kumpaniji kummerċjali u l-ispejjeż taż-żewġ produtturi kienu jvarjaw, inklużi l-ispejjeż tal-bejgħ għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Wara dan, marġnijiet tad-dumping separati ġew ikkombinati f’marġni medju peżat għall-grupp Eurochem fuq il-bażi tal-volum tal-bejgħ lejn l-Unjoni. Eurochem irċieva divulgazzjoni speċifika bil-kalkolu l-ġdid tal-marġni tad-dumping għal kull produttur. Fil-kalkolu l-ġdid, il-Kummissjoni qieset ir-rimarki tal-kalkolu tekniċi tal-kumpanija fejn applikabbli.

(51)

It-tieni produttur esportatur Russu sostna li, fl-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni tiegħu, il-profitt attwali tal-esportatur relatat tiegħu fl-Iżvizzera u l-importatur relatat fi Franza jenħtieġ li jitnaqqas minflok profitt raġonevoli stmat. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-profitt attwali tal-kumpaniji inkwistjoni huwa bbażat fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(52)

Il-kumpanija sostniet ukoll li l-Kummissjoni kkalkulat ħażin l-ispejjeż tal-dilwizzjoni, billi l-konverżjoni applikata għall-volumi ta’ tranżazzjonijiet biex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni għall-prodott dilwit jenħtieġ li tiġi applikata wkoll għall-valuri tat-tranżazzjoni tal-prodott dilwit. Madankollu, jenħtieġ li jiġi nnotat li d-differenza fil-prezzijiet bejn il-prodott esportat u l-prodott dilwit diġà hija riflessa fil-konverżjoni tal-volumi ta’ tranżazzjonijiet, billi din il-konverżjoni żżid il-prezz ta’ unità għall-prodott dilwit daqslikieku ma kienx dilwit. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(53)

Wara divulgazzjoni definittiva, Acron sostniet li l-ispejjeż tad-dilwizzjoni tal-importatur relatat tagħhom fi Franza ngħaddew darbtejn mill-Kummissjoni billi dawn l-ispejjeż tnaqqsu allegatament mill-prezz tal-bejgħ u fl-istess ħin ma tnaqqsux mill-ispejjeż SG&A tal-kumpanija. Madankollu, kuntrarju għal dak li l-kumpanija sostniet, l-ispejjeż tad-dilwizzjoni kienu tnaqqsu mill-ispejjeż SG&A (13).

(54)

Barra minn hekk, il-kumpanija sostniet li l-importatur relatat tagħha Franċiż kien stabbilit eżatt qabel il-PI u beda l-bejgħ biss fl-aħħar kwart tal-PI. Għalhekk, skont il-kumpanija, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni għal biss kwart tal-ispejjeż SG&A.

(55)

Il-kumpanija kellha spejjeż ġenerali u amministrattivi matul il-PI. Anki jekk dawn l-ispejjeż saru qabel l-ewwel bejgħ, billi l-kumpanija kienet involuta biss fix-xiri, id-dilwizzjoni u l-bejgħ mill-ġdid ta’ UAN, l-ispejjeż SG&A kienu marbuta mal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(56)

Barra minn hekk, wara d-divulgazzjoni definittiva addizzjonali, produttur esportatur wieħed Russu sostna li l-Kummissjoni ma għandhiex tnaqqas il-marġni ta’ profitt ta’ importatur mhux relatat ta’ 4 % mill-prezz tal-bejgħ tan-negozjant Ġermaniż relatat tiegħu lil klijenti mhux relatati fl-UE. Il-produttur sostna li l-entità Ġermaniża ma aġixxietx bħala importatur mhux relatat għall-bejgħ lill-klijenti mhux relatati fl-UE, billi ma wettqitx il-formalitajiet relatati mal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-UE.

(57)

Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li n-negozjant Ġermaniż relatat tqies bħala importatur relatat billi wettaq il-funzjonijiet kollha ta’ importatur. Għalhekk, il-prezz tal-bejgħ mill-ġdid jenħtieġ li normalment ikopri l-ispejjeż SG&A tal-importatur kif ukoll il-profitt, li huwa preċiżament l-aġġustament inkwistjoni. B’dan l-aġġustament, il-Kummissjoni ma għamlitx analiżi dettaljata għal kull tranżazzjoni jew għal kull klijent li l-azzjonijiet tagħha/tiegħu twettqu mill-kumpanija fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet speċifiċi ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ mill-ġdid. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(58)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment addizzjonali dwar il-prezz tal-esportazzjoni għajr dawk diġà koperti mill-premessi minn (41) sa (44) ta’ hawn fuq, il-premessi minn (62) sa (65) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.1.4.   Paragun

(59)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment addizzjonali dwar il-paragun tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni għajr dawk diġà koperti mill-punti 3.1.2 u 3.1.3 ta’ hawn fuq, il-premessi (66) u (67) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.1.5.   Marġnijiet tad-dumping

(60)

Kif iddettaljat fil-premessi minn (17) sa (47), il-Kummissjoni qieset il-kummenti tal-partijiet interessati u kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping għar-Russja.

(61)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Grupp Acron

31,9 %

Grupp Eurochem

20,0 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,9 %

(62)

Il-kalkoli tal-marġnijiet tad-dumping individwali li segwew il-korrezzjonijiet u l-aġġustamenti wara l-kummenti tal-produtturi esportaturi Russi meta saret id-divulgazzjoni definittiva, ġew iddivulgati mill-ġdid lill-kumpaniji inkwistjoni.

3.2.   Trinidad u Tobago

3.2.1.   Valur normali

(63)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-valur normali huma stabbiliti fil-premessi minn (74) sa (79) tar-Regolament proviżorju.

(64)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Methanol Holdings (Trinidad) Limited (“MHTL”) tenniet diversi pretensjonijiet tekniċi speċifiċi għall-kumpanija dwar it-tiswir tal-valur normali, b’mod partikolari dwar l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-SGA u l-profitt li għandu jintuża fil-kalkolu.

(65)

Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-pretensjonijiet. Waħda mill-pretensjonijiet kienet relatata mal-kwistjoni indirizzata fil-premessa (78) tar-Regolament proviżorju (jiġifieri, pretensjoni aċċettata mill-Kummissjoni). Billi l-argumenti l-ġodda ta’ MHTL ikkontradixxew il-pretensjoni oriġinali tagħha mingħajr ma ssostanzjaw dik il-bidla, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li waħda mill-pretensjonijiet l-oħra kienet iġġustifikata. Konsegwentement, il-Kummissjoni adattat il-kalkolu tal-valur normali kif xieraq. Billi l-kummenti kienu jikkonċernaw data speċifika għall-kumpanija użata għall-kalkoli u ġew ittrattati bħala kunfidenzjali minħabba li huma relatati mal-ispejjeż tal-produzzjoni u l-SGA, ir-raġunijiet għar-rifjut jew l-aċċettazzjoni tagħhom ġew spjegati lill-parti interessata fid-divulgazzjoni speċifika.

3.2.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(66)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni huma stabbiliti fil-premessi minn (80) sa (82) tar-Regolament proviżorju.

(67)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, MHTL ippreżentat diversi pretensjonijiet tekniċi speċifiċi għall-kumpanija dwar il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tad-data għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni u l-aġġustamenti għall-prezz li saru għall-ispejjeż imġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid.

(68)

Il-Kummissjoni eżaminat dawn il-pretensjonijiet u sabet li uħud minnhom kienu ġġustifikati. Konsegwentement, il-Kummissjoni adattat il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni. Billi l-kummenti kienu jikkonċernaw data speċifika għall-kumpanija użata għall-kalkoli u ġew ittrattati bħala kunfidenzjali minħabba li huma relatati mal-prezzijiet ta’ trasferiment u spejjeż oħra, ir-raġunijiet għar-rifjut jew l-aċċettazzjoni tagħhom ġew spjegati lill-parti interessata fid-divulgazzjoni speċifika.

3.2.3.   Paragun

(69)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment dwar il-paragun, il-premessi (83) u (84) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.2.4.   Marġnijiet tad-dumping

(70)

Kif iddettaljat fil-premessi minn (50) sa (57) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset il-kummenti minn MHTL u kkalkulat mill-ġdid il-marġnijiet tad-dumping għat-TT.

(71)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

Methanol Holdings (Trinidad) Limited

55.8 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

55,8 %

(72)

L-ebda kumment fir-rigward tal-kalkoli tad-dumping ta’ MHTL ma ġew riċevuti wara d-divulgazzjoni definittiva.

3.3.   L-Istati Uniti tal-Amerka

3.3.1.   Valur normali

(73)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-valur normali huma stabbiliti fil-premessi minn (90) sa (98) tar-Regolament proviżorju.

(74)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni proviżorja, CF Industries Holdings (“CFI”) sostna li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha b’mod inkorrett u proviżorju biex tistabbilixxi l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ kull impjant tal-produzzjoni separatament meta kkonkludiet li d-determinazzjoni tal-profittabbiltà skont it-test tal-perkors normali tal-kummerċ jitwettaq fil-livell ta’ entità legali.

(75)

F’dan ir-rigward, CFI ssottometta li tali raġunament ma kellux ġustifikazzjoni legali billi l-Qorti tal-Ġustizzja f’Alumina (14) stqarret li l-Artikolu 2 tar-Regolament AD bażiku ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-metodi u b’hekk jagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat jekk il-prezzijiet iġġarrbux fil-perkors normali tal-kummerċ, u li fit-test tal-perkors normali tal-kummerċ jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-profittabbiltà tal-prodott mibjugħ fuq l-ispiża tal-produzzjoni ta’ dak il-prodott partikolari.

(76)

Barra minn hekk, CFI rrefera għall-approċċ tal-Kummissjoni fl-investigazzjonijiet tal-imgħoddi (15) fejn il-Kummissjoni kienet qiegħda tuża b’mod regolari spejjeż tal-produzzjoni speċifiċi għall-impjanti biex tiddetermina l-profittabbiltà tal-bejgħ domestiku.

(77)

Finalment, CFI argumenta li huwa pprovda data li tippermetti li t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ jiġu ntraċċati lura għall-impjant fejn ikunu ġew prodotti.

(78)

Il-Kummissjoni eżaminat il-pretensjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (74) sa (77) u sabet li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Alumnia sempliċement iddikjarat li l-Artikolu 2 tar-Regolament AD bażiku ma jipprovdix lista eżawrjenti tal-metodi biex jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ domestiku sarx fil-perkors normali tal-kummerċ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, ma obbligatx lill-Kummissjoni biex twettaq l-eżami għal partijiet ta’ kumpanija li ma jikkostitwixxux entità legali separata.

(79)

Barra minn hekk, fl-investigazzjonijiet imsemmija mis-CFI, il-Kummissjoni eżaminat impjanti tal-produzzjoni individwali billi dawk il-kumpaniji, għalkemm membri tal-istess grupp, kienu entitajiet legali separati.

(80)

Wara s-sejbiet tal-Kummissjoni kif spjegat fil-premessi (78) u (79), ma kienx meħtieġ li jiġi eżaminat jekk id-data pprovduta mis-CFI tippermettix li tiġi stabbilita rabta ċara bejn it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku individwali u l-impjanti tal-produzzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(81)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni definittiva, CFI tenna l-pretensjoni tiegħu dwar il-profitabbiltà tal-bejgħ domestiku. Il-kumpanija ssottomettiet li l-Kummissjoni kien messha qieset mhux biss jekk l-impjanti ta’ produzzjoni kinux entitajiet legali separati iżda wkoll jekk l-istruttura tal-grupp kinitx tippermetti l-identifikazzjoni tal-produttur fil-grupp fir-rigward tal-bejgħ u l-produzzjoni, filwaqt li rreferiet b’mod repetut għas-sejbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni dwar pajpijiet mingħajr saldaturi (ara l-premessa (76)).

(82)

Rigward il-pretensjoni ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni fakkret li l-investigazzjoni msemmija minn CFI kellha l-karatteristiċi partikolari tagħha. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward il-pajpijiet mingħajr saldaturi li l-marġnijiet tad-dumping individwali jistgħu jiġu kkalkolati billi kien possibbli li l-produttur jiġi identifikat fir-rigward tal-bejgħ u l-produzzjoni, kienet rilevanti biss wara li twettqet l-ewwel kundizzjoni bażika - jiġifieri, li l-kumpaniji kkonċernati f’din l-investigazzjoni kienu entitajiet legali separati, li mhuwiex il-każ għal CFI.

(83)

Barra minn hekk, anki jekk il-Kummissjoni qieset li tivvaluta l-profitabbiltà tal-bejgħ domestiku skont l-impjant, mhux dejjem ikun possibbli li jiġi identifikat il-produttur. Il-kumpanija tbigħ fis-suq domestiku tagħha jew direttament minn impjant ta’ produzzjoni jew permezz ta’ numru sostanzjali ta’ tankijiet ta’ distribuzzjoni. Il-Kummissjoni sabet li l-impjanti ta’ produzzjoni kienu jfornu aktar minn tank ta’ distribuzzjoni wieħed u l-parti l-kbira tat-tankijiet ta’ distribuzzjoni kienu fornuti minn aktar minn impjant ta’ produzzjoni wieħed. Dan jagħmilha impossibbli li ssir rabta ċara bejn tranżazzjoni ta’ bejgħ u l-impjant fejn dak il-prodott partikolari ġie prodott.

(84)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

3.3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

(85)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment rigward il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi minn (99) sa (100) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

3.3.3.   Paragun

(86)

Il-premessi (101) u (102) tar-Regolament proviżorju jispjegaw kif sar il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

(87)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni proviżorja, CFI sostna li sabiex ikun jista’ jsir paragun ġust, il-Kummissjoni kellha tapplika żewġ aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament AD bażiku: aġġustament tal-kwantità u aġġustament tal-ispiża.

(88)

Fir-rigward tal-aġġustament tal-kwantità, CFI sostna li għandu jsir aġġustament għall-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku għall-impatt fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ kwantitajiet differenti fornuti fis-suq domestiku meta mqabbel mas-suq tal-Unjoni billi l-kwantità tat-tranżazzjonijiet individwali normalment hija żgħira fis-suq domestiku iżda kbira meta tiġi esportata lejn l-Unjoni.

(89)

F’dan ir-rigward, CFI pprovda wkoll kalkolu li wera differenza fil-prezz tal-bejgħ domestiku medju peżat għal kwantitajiet ta’ bejgħ differenti. Filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ differenza fil-prezz, din ma setgħetx teskludi li din id-differenza fil-prezz ġiet ikkawżata minn fatturi oħra, bħall-karattru staġonali tal-prodott ikkonċernat, il-mument li fih ġie ffirmat il-kuntratt sottostanti, u l-volum tal-kuntratt sottostanti (minflok il-konsenja individwali).

(90)

Barra minn hekk, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza li qieset il-kwantità tal-bejgħ meta kienet qiegħda tinnegozja l-prezz tal-bejgħ (politika tal-prezzijiet, skambji ta’ emails eċċ.). Finalment, il-Kummissjoni sabet li kwalunkwe spiża addizzjonali assoċjat mal-immaniġġar u t-trasport ta’ kwantitajiet żgħar meta mqabbla ma’ kwantitajiet kbar tqies bħala kwota. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(91)

Fir-rigward tal-aġġustament tal-ispiża, CFI sostna li l-Kummissjoni kellha taġġusta l-prezz tal-bejgħ domestiku għad-differenza fl-ispejjeż tal-produzzjoni tal-impjanti tal-produzzjoni individwali. CFI pprovda għadd ta’ argumenti speċifiċi għall-kumpanija li jappoġġaw din il-pretensjoni.

(92)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk l-argumenti, sabet li l-pretensjoni ma kinitx iġġustifikata u sussegwentement ċaħditha. Billi l-argumenti ġew ittrattati bħala kunfidenzjali, ir-raġunijiet għar-rifjut tagħhom ġew spjegati lill-parti interessata fid-divulgazzjoni speċifika.

(93)

Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni definittiva, CFI tenna l-pretensjoni tiegħu dwar l-aġġustament tal-ispiża. Il-kumpanija, madankollu, ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida li tappoġġa l-pretensjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li l-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(94)

Barra minn hekk, CFI ripetutament sostna li l-Kummissjoni kellha tapplika aġġustament għad-differenza fil-kwantitajiet tipikament mibjugħa fis-suq domestiku u esportati lejn l-Unjoni. CFI argumenta li d-differenzi fil-prezzijiet ma kinux koperti mill-kwota ddikjarata fuq l-ispejjeż tat-trasport minħabba li l-eżerċizzju tal-paragun tal-prezzijiet użat biex jevalwa l-aġġustament tal-kwantità sar nett mill-ispejjeż tat-trasport. CFI sostna wkoll li hemm ekonomiji ta’ skala sinifikanti (b’mod partikolari fl-amministrazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-ispejjeż tal-bejgħ iżda wkoll fl-ippjanar tal-produzzjoni, eċċ.) li jippermettu lill-kumpanija timponi tariffi aktar baxxi mill-prezzijiet tal-fabbrika.

(95)

Il-Kummissjoni sabet li, għalkemm il-paragun fil-livell tal-prezzijiet sar għall-prezzijiet netti mill-kwoti kollha, kwalunkwe ekonomija ta’ skala li tikkonċerna t-trasport u t-trattament ta’ konsenji kbar meta mqabbla ma’ konsenji żgħar diġà kienet tqieset f’dawn il-kwoti. Fir-rigward tal-ekonomiji ta’ skala li jikkonċernaw l-ispejjeż tal-amministrazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ, CFI ma pprovda l-ebda evidenza li tappoġġa din il-pretensjoni. Barra minn hekk, l-SĠA attwalment imġarrba ġew riflessi fil-prezz tal-bejgħ domestiku tat-tranżazzjonijiet profittabbli użati għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat li din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx.

(96)

Billi ż-żewġ pretensjonijiet tas-CFI ma ntlaqgħux, il-Kummissjoni kkonfermat il-premessi (101) u (102) tar-Regolament proviżorju.

3.3.4.   Marġnijiet tad-dumping

(97)

Kif iddettaljat fil-premessi minn (60) sa (77) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjonijiet kollha fir-rigward tal-kalkolu tad-dumping ta’ CFI u għaldaqstant ikkonfermat il-marġnijiet tad-dumping proviżorji għall-Istati Uniti.

(98)

Il-marġnijiet tad-dumping definittivi, mogħtija bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv

CF Industries Holdings, Inc.

37,3 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

37,3 %

4.   DANNU

4.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(99)

Il-produtturi esportaturi Acron u CFI kkummentaw li żewġ produtturi tal-Unjoni, li jammontaw għal madwar 30 % tal-produzzjoni tal-Unjoni, opponew l-ilment. CFI nnota wkoll li diversi produtturi oħra ma kinux magħrufa, ma kinux se jiġu affettwati mill-importazzjonijiet li kienu qed jiġu investigati u qajmu dubji dwar l-affidabbiltà tal-indikaturi ta’ dannu.

(100)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kampjun fih tlieta mill-akbar erba’ produtturi tal-Unjoni li flimkien jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-Unjoni. Għalhekk, il-kampjun huwa evidentement rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (134) tar-Regolament proviżorju, ħafna indikaturi ta’ dannu ġew stabbiliti fuq livell makro u għalhekk kienu bbażati fuq il-produtturi kollha tal-Unjoni.

(101)

Barra minn hekk, il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-produzzjoni tal-Unjoni appoġġaw il-bidu tal-investigazzjoni u, għalhekk, ir-rekwiżiti legali relatati mal-locus standi ġew issodisfati.

(102)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward ta’ din it-taqsima, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (108) sa (109) tar-Regolament proviżorju.

4.2.   Konsum tal-Unjoni

(103)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (110) sa (112) tar-Regolament proviżorju.

4.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(104)

Il-produttur esportatur Acron issottometta li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kumulati ma żdidux wara l-2016 u li kwalunkwe żieda aktar tard kienet dovuta għat-tnaqqis fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Il-kumpanija ddikjarat li żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet ta’ fertilizzant likwidu bħall-UAN ma kinitx possibbli minħabba li l-kapaċitajiet tal-loġistika u tal-istokkijiet jirrestrinġu tali żieda. Bl-istess mod, il-produttur esportatur CFI u l-assoċjazzjoni tal-utenti AGPB sostnew li, fil-valutazzjoni taż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu meqjus, il-Kummissjoni ma qisitx li parti minn din iż-żieda fil-volum kienet biex jiġu ssostitwiti jew l-importazzjonijiet mill-Eġittu, li naqsu drastikament, jew volumi li preċedentement ġew fornuti minn produttur tal-Unjoni, li sadanittant waqaf jipproduċi l-UAN. Għalhekk, il-volum addizzjonali tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati matul il-perjodu meqjus li seta’ jaffettwa l-industrija tal-Unjoni jammonta għal inqas minn nofs is-672 000 tunnellata rrapportati fit-Tabella 2 tar-Regolament proviżorju. F’dan ir-rigward, madankollu, il-Kummissjoni osservat li kif jidher mit-Tabella 2 fir-Regolament proviżorju, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu mill-2016 għall-perjodu ta’ investigazzjoni f’kull waħda mis-snin kemm f’termini assoluti kif ukoll b’rabta mad-daqs tas-suq. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet ġew miċħuda.

(105)

L-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA sostnew li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Dwar din il-kwistjoni, l-ewwel nett, il-Kummissjoni normalment teżamina x-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu, inklużi importazzjonijiet, fuq il-bażi tal-perjodu ta’ referenza pluriennali partikolari li huwa l-istess għad-data rilevanti kollha u li jintemm immedjatament qabel il-bidu ta’ investigazzjoni. L-avvenimenti li allegatament seħħew wara fil-prinċipju ma għandhomx jitqiesu billi jaqgħu barra dan il-perjodu ta’ referenza. It-tieni, huwa probabbli li l-iżvilupp tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni mill-perjodu ta’ investigazzjoni huwa influwenzat u soġġett għal distorsjoni bil-bidu tal-investigazzjoni stess. It-tielet, għall-kalkolu ta’ sehem mis-suq tal-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni jkun indispensabbli għall-Kummissjoni li tkun kisbet u vverifikat aktar data reċenti fir-rigward tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, li mhuwiex il-każ. Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet kollha, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(106)

Il-produtturi esportaturi Acron, CFI u Eurochem ikkontestaw il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz li saru mill-Kummissjoni. L-ewwel nett, huma ma qablux mal-fatt li l-Kummissjoni użat il-prezz mogħti lill-portijiet bħal Rouen (Franza) u Ghent (il-Belġju) għal parti mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, kif debitament spjegat fil-premessi (128) u (129) tar-Regolament proviżorju. Dwar din il-kwistjoni wkoll, Eurochem issottometta li r-Regolament proviżorju ma spjegax b’mod ċar l-ammont ta’ bejgħ li għalih dan kien il-każ.

(107)

Il-Kummissjoni ċċarat li, għall-finijiet tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, hija kienet stabbiliet prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni wieħed tat-tip ta’ prodott uniku esportat mill-pajjiżi kkonċernati (UAN ta’ 32 % ta’ nitroġenu). Dan il-prezz huwa l-prezz tal-bejgħ ivverifikat ta’ dak it-tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Madwar 40 % ta’ dan il-bejgħ sar lill-portijiet bħal Rouen jew Ghent u dawk il-prezzijiet tal-bejgħ ġew aġġustati għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (128) tar-Regolament proviżorju. Għas-60 % tal-bejgħ tal-Unjoni li jifdal li sar mill-partijiet fil-kampjun, intuża l-prezz tal-bejgħ mill-fabbrika, billi dak il-bejgħ ma kienx jeħtieġ ġarr tal-merkanzija bil-baħar biex jieħu l-prodott lejn il-punt ewlieni ta’ paragun (tipikament Rouen jew Ghent). Għaldaqstant, il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni medju ponderat wasal għal dak li ntuża għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz. Għaldaqstant, is-suġġeriment fil-premessa (130) tar-Regolament proviżorju li tipi differenti ta’ prodotti ntużaw għall-paragun huwa żbaljat, billi l-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati kienu tal-istess tip ta’ prodott, jiġifieri UAN ta’ 32 % ta’ nitroġenu – u dak it-tip ta’ prodott biss intuża wkoll fin-naħa tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk ir-referenza fil-premessa (127) u (129) tar-Regolament proviżorju għal “terz” li tirreferi għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li jenħtieġ trasport bil-baħar għall-konsenja f’portijiet Ewropej tal-Punent u r-referenza għal “żewġ terzi” li tirreferi għall-bejgħ l-ieħor tal-industrija tal-Unjoni mhix preċiża għalkollox u minflok kellha taqra “40 %” u “60 %” rispettivament.

(108)

Il-produttur tal-Unjoni OCI Nitrogen sostna li l-ebda waħda mir-raġunijiet invokati fil-premessa (128) tar-Regolament proviżorju mill-Kummissjoni ma tiġġustifika devjazzjoni mill-prattika normali tiegħu li jqabbel il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni tal-produtturi esportaturi mal-prezz mill-fabbrika tal-produtturi tal-Unjoni. Huwa sostna li r-raġunijiet invokati kienu jew komuni ħafna f’bosta investigazzjonijiet antidumping, jew jimmiraw b’mod inġust biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kompetittivi mġarrba mill-produtturi minħabba l-post tagħhom, jew ikunu applikabbli bl-istess mod għall-produtturi esportaturi. Wara d-divulgazzjoni finali, Eurochem għamlet kummenti simili. Il-Kummissjoni tiċħad din l-allegazzjoni, billi tqis li, mit-test fil-premessa msemmija, jidher ċar li s-sitwazzjoni f’dan il-każ partikolari hija tant eċċezzjonali li tabilħaqq titlob l-approċċ magħżul. Il-partijiet ikkonċernati naqsu milli juru raġunijiet oġġettivi kontra l-approċċ tal-Kummissjoni. Huma qajmu wkoll dubji dwar li dan l-approċċ ġie applikat aktar kmieni mill-Kummissjoni f’ċirkostanzi eċċezzjonali simili. Għalkemm il-fatt jekk il-Kummissjoni applikatx dan l-approċċ qabel fih innifsu huwa irrilevanti, il-Kummissjoni xi kultant kienet teħtieġ tabilħaqq li tirrikorri għal din il-metodoloġija fl-investigazzjonijiet preċedenti meta kienu jseħħu sitwazzjonijiet kumplessi simili, bħal fl-investigazzjoni reċenti dwar żbarri u vireg tal-azzar b’reżistenza għolja għar-reħi għall-infurzar tal-konkrit (16). Anki jekk ir-raġunijiet għalfejn ma jkunx hemm devjazzjoni minn prezz mill-fabbrika setgħu kienu differenti f’dik l-investigazzjoni, kif iddikjarat minn Eurochem, dan juri li l-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li tiddevja mill-approċċ standard tagħha jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan.

(109)

Fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, il-maġġoranza vasta tal-bejgħ ġie kkonsenjat f’portijiet fl-Ewropa tal-Punent bħal Rouen jew Ghent. Il-prezz tal-esportazzjoni użat fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz kien jinkludi t-trasport għall-konsenja lejn il-port CIF f’dawn il-lokalitajiet. Għall-kwantità żgħira ta’ bejgħ iddikjarat band’oħra fl-Unjoni l-prezz tal-esportazzjoni kien jinkludi wkoll it-trasport sal-livell CIF fil-fruntiera tal-Unjoni. Għalhekk, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz jipprovdi simetrija bejn l-Unjoni u n-naħat tal-esportazzjoni.

(110)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni baqgħet tal-fehma li l-aġġustament ta’ ċertu bejgħ tal-industrija tal-Unjoni sal-livell CIF f’din l-investigazzjoni kien xieraq għar-raġunijiet mogħtija fil-premessi minn (126) sa (131) tar-Regolament proviżorju. Evidentement, il-fatti ta’ dan is-suq kif deskritti fir-Regolament Proviżorju jikkombinaw biex joħolqu sitwazzjoni eċċezzjonali. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(111)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eurochem ikkuntesta s-simetrija bejn in-naħa tal-industrija tal-Unjoni u n-naħa tal-esportazzjoni, u ddikjara, fuq il-bażi ta’ estrazzjoni tal-Eurostat, li 35 % tal-importazzjonijiet mir-Russja ma jkunux lejn Franza u l-Belġju u, għalhekk, mhux permezz ta’ portijiet bħal Rouen jew Ghent. Il-kumpanija sostniet li għal dawn il-35 % tal-bejgħ Russu lejn l-Unjoni, il-prezz tal-industrija tal-Unjoni jkun fih aġġustament għat-trasport għal Rouen jew Ghent filwaqt li l-importazzjonijiet Russi ma kinux f’dak il-livell. It-talba ma ntlaqgħetx, u fil-każ tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li ntuża fit-tqabbil, il-prezzijiet CIF minflok il-prezzijiet mill-fabbrika intużaw biss fejn xieraq fil-każ ta’ bejgħ (tipikament għall-bejgħ magħmul minn Rouen jew Ghent), u mhux għall-bejgħ l-ieħor kollu.

(112)

Diversi partijiet interessati argumentaw li l-metodoloġija applikata għall-kalkolu ta’ twaqqigħ tal-prezz kienet żbaljata u inkompatibbli mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2019, jiġifieri ġurnata qabel ma ġew imposti l-miżuri proviżorji, fil-Kawża T-301/16 Jindal Saw Ltd u Jindal Saw Italia SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea (“Jindal Saw”) (17). B’mod partikolari, ġie sottomess li l-prezz tal-industrija tal-Unjoni użat għal dawn il-kalkoli u l-prezzijiet tal-esportazzjoni ma kinux fl-istess livell ta’ kummerċ. Huma ddikjaraw li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati biex jirriflettu l-prezzijiet fil-post tal-konsenja lill-utent finali, filwaqt li l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi ttieħdu fil-valur CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, irrispettivament minn fejn ġew ikkonsenjati lill-utent finali. Bl-istess mod ġie argumentat li Jindal Saw tirrikjedi li l-Kummissjoni tqabbel il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni għall-ewwel xerrejja indipendenti mal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ kumpaniji relatati tal-produtturi esportaturi għall-ewwel xerrejja indipendenti. Il-Kummissjoni ma għamlitx dan, filwaqt li fir-rigward tal-produtturi esportaturi hija naqqset il-prezzijiet tal-bejgħ tal-Unjoni tagħha bl-ammont ta’ SG&A u ta’ profitt tal-kumpaniji kummerċjali relatati tagħha fl-Unjoni, filwaqt li l-Kummissjoni ma għamlet l-ebda tnaqqis bħal dan għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni permezz ta’ negozjanti relatati. Parti waħda sostniet ukoll li l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma tispjegax il-fatt li mhux il-bejgħ kollu tagħha kien eventwalment maħsub għas-swieq Belġjani u Franċiżi u l-prezzijiet użati ma fihomx l-SG&A u l-profitt imġarrba min-negozjanti relatati tagħha għall-konsenja lill-klijenti tagħha.

(113)

Fir-rigward ta’ Jindal Saw, il-Qorti Ġenerali sabet żball billi l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż tal-bejgħ tal-importaturi relatati ta’ Jindal fl-Unjoni mill-bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti, filwaqt li l-ispejjeż tal-bejgħ tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-industrija tal-Unjoni ma tnaqqsux mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għall-ewwel klijent indipendenti. Għalhekk, il-Qorti qieset li ż-żewġ prezzijiet ma tqabblux simmetrikament fl-istess livell ta’ kummerċ.

(114)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissupplimenta l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz imwettqa fl-istadju proviżorju fid-dawl ta’ din is-sentenza tal-Qorti reċenti u l-kummenti rċevuti dwar dan mill-partijiet interessati. Il-Kummissjoni nnotat li Jindal Saw tittratta essenzjalment kwistjonijiet ta’ paragun ġust bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u dawk tal-industrija tal-Unjoni u l-livell ta’ kummerċ. Sa fejn jiġi stabbilit il-prezz tal-bejgħ medju tal-industrija tal-Unjoni, it-tranżazzjonijiet tal-bejgħ permezz tal-partijiet relatati kienu ta’ madwar 40 % biss tal-bejgħ tal-kampjun tal-industrija tal-Unjoni użat għall-paragun. L-SG&A u l-profitt imġarrba min-negozjanti relatati kienu baxxi u, billi ħafna mill-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ma sarx minn negozjanti relatati, is-sejba ta’ twaqqigħ tal-prezz għall-importazzjonijiet kumulati ma tkunx imminata anki jekk il-kalkoli jiġu aġġustati għal tali oġġetti. Tabilħaqq, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lill-partijiet relatati tagħha sar bi prezzijiet tas-suq u ma kien hemm l-ebda differenza rilevanti bejn il-prezzijiet tal-bejgħ lill-partijiet relatati u dawk lill-klijenti mhux relatati. It-tnaqqis tal-SG&A u tal-profitt tal-entitajiet ta’ bejgħ relatati tal-Unjoni xorta waħda se juru twaqqigħ tal-prezz għall-produtturi esportaturi kollha (ħlief għal wieħed), u fi kwalunkwe każ se jkun hemm twaqqigħ tal-prezz għal kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li l-metodoloġija għall-istabbiliment tat-twaqqigħ tal-prezz fl-istadju proviżorju ma kinitx manifestament mhux xierqa, kif allegaw diversi partijiet interessati.

(115)

Fi kwalunkwe każ, l-adegwatezza tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz proviżorju ġiet ikkorroborata aktar permezz ta’ kalkolu addizzjonali li kien jeskludi l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni permezz tal-partijiet relatati. Il-porzjon tal-bejgħ użat f’dan il-kalkolu kien għadu jammonta għal volum kbir u rappreżentattiv tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, li huwa ta’ madwar 60 % tal-UAN ta’ 32 % nitroġenu mibjugħ fl-Unjoni mill-partijiet fil-kampjun. Dak il-volum kien simili għall-volum tal-importazzjonijiet mir-Russja u l-Istati Uniti u kien evidentement ogħla mill-importazzjonijiet mit-TT. Proporzjon żgħir tal-bejgħ lill-utenti finali ġie eskluż ukoll minn dan il-kalkolu addizzjonali. Għalhekk, tali bejgħ kien fl-istess livell ta’ kummerċ bħaċ-ċifri għall-importazzjonijiet kollha. Dan it-tieni kalkolu wera twaqqigħ tal-prezz f’livelli kemxejn ogħla minn meta tiġi applikata l-metodoloġija kif ġie stabbilit b’mod proviżorju. Il-marġnijiet ta’ dak il-kalkolu kienu f’firxa ta’ bejn 3,7 % sa 11,2 %. Wara d-divulgazzjoni finali, Eurochem sostniet li dan il-kalkolu ma kienx se jirriżulta f’paragun ġust, billi qabblet biss il-bejgħ lil klijenti mhux relatati tal-industrija tal-Unjoni, fuq naħa, mal-bejgħ tal-kumpanija lil partijiet relatati, fuq in-naħa l-oħra. Madankollu, dik l-osservazzjoni hija żbaljata, minħabba li l-bejgħ ta’ Eurochem użat fit-tqabbil huwa l-bejgħ tagħha lil konsumaturi mhux relatati, aġġustat sew għal-livell CIF. Eurochem issuġġerixxa wkoll l-użu ta’ għażla ta’ rati tat-trasport (ipprovduti f’Tabella fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni definittiva) sabiex jiġi kkalkulat il-prezz CIF tal-produtturi tal-Unjoni. Madankollu, jidher li dawn ir-rati huma rati ta’ Eurochem u huma relatati ma’ punti ta’ tluq mhux użati mill-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx minħabba li din tagħmel il-kalkolu inqas preċiż.

(116)

Il-Kummissjoni tinnota li dawn il-kalkoli addizzjonali juru b’mod aktar ċar li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni irrispettivament mill-metodoloġija użata. Għalhekk, il-pretensjonijiet li saru mill-partijiet f’dan ir-rigward ma ntlaqgħux.

(117)

Minbarra t-twaqqigħ tal-prezz stabbilit, l-investigazzjoni wriet ukoll li fi kwalunkwe każ, l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kien li jikkawża soppressjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Ir-Regolament proviżorju diġà kien iffokat fuq l-eżistenza tas-soppressjoni tal-prezzijiet b’mod partikolari fil-premessi (149), (166) u (167). Dan ġie kkorroborat aktar bid-data b’risposta għall-argument ta’ parti interessata waħda hawn taħt fil-premessa (131). Tabilħaqq, kif elaborat aktar fil-premessi (125) u (131), fir-Regolament proviżorju s-soppressjoni tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġiet enfasizzata b’mod ċar, billi l-prezzijiet tal-bejgħ ma setgħux jogħlew biex ikopru żidiet sostanzjali fl-ispejjeż kif muri tajjeb ħafna fit-Tabella 7. L-inabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-prezzijiet tal-bejgħ ġiet ikkawżata mill-impatt li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping f’volumi dejjem jiżdiedu kellhom fuq is-suq tal-Unjoni. Din id-data kollha turi li minbarra t-twaqqigħ tal-prezz eventwali, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ikkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament AD bażiku.

(118)

Il-produttur esportatur MHTL argumenta wkoll li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz ma jikkonformax mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża T-107/08 Transnational Company “Kazchrome" AO u ENRC Marketing AG vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea (“Kazchrome”) (18). Din is-sentenza tordna li l-prezz finali lill-klijent jenħtieġ li jintuża għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz (u ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’), u mhux bħala “prezz teoretiku maħdum mill-Kummissjoni”. Madankollu, din is-sentenza tirrikjedi li l-punt ta’ paragun ikun il-punt reali fejn il-prezzijiet jitqabblu mill-klijenti fis-suq tal-Unjoni. Minħabba li l-punt ta’ paragun ewlieni għall-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni huwa l-prezz imħallas tad-dazju CIF u li l-prezzijiet CIF fil-fruntiera tqiesu, inkluż meta l-importazzjonijiet ġew ikklerjati fl-Ewropa tal-Punent f’Rouen u Ghent, il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-kalkolu jikkonforma bis-sħiħ ma’ Kazchrome.

(119)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-każ Kazchrome kien marbut ma’ sitwazzjoni speċjali li tinvolvi prodotti li l-ewwel daħlu fis-suq tal-Unjoni mil-Litwanja (fi tranżitu) u mbagħad marru Rotterdam fejn ġew ikklerjati mid-dwana. F’dak il-każ, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tikkalkola t-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ fuq il-bażi tal-prezz fil-punt ta’ tranżitu u mhux tal-prezz wara l-ikklerjar doganali. Dan mhuwiex il-każ fl-investigazzjoni attwali fejn mhux qed jiġi kkontestat li l-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ u l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz kienu bbażati fuq il-prezz CIF wara l-ikklerjar doganali.

(120)

Il-Kummissjoni hija sodisfatta li l-prezzijiet kif stabbiliti mill-Kummissjoni u l-prezzijiet mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni aġġustati għal-livell CIF jekk xieraq, kienu jipprovdu l-bażi ta’ paragun ġust u raġonevoli. Jenħtieġ li jitfakkar li paragun perfett ikun ifisser li għandhom jitqiesu biss offerti għall-istess kuntratt għaliex huwa biss wara dan li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ ikunu identiċi. Billi hawnhekk paragun perfett mhux possibbli, il-Kummissjoni hija sodisfatta li metodoloġija li tuża l-prezzijiet medji mħallsa għal prodotti simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ sena hija ġusta. Din il-metodoloġija kienet ġiet ikkomunikata b’mod ċar matul id-divulgazzjoni.

(121)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-metodu ta’ twaqqigħ tal-prezz irrakkomandat mill-partijiet interessati jwassal għal trattament mhux ugwali fil-kalkolu tal-marġnijiet tagħhom u ta’ dawk ta’ produtturi esportaturi oħra fil-kampjun li jbigħu lil importaturi indipendenti. Il-metodoloġija użata għal produtturi esportaturi oħra kienet ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell CIF li ovvjament teskludi l-SGA tal-Unjoni u l-profitt għal bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni wara l-ikklerjar doganali. Il-metodoloġija segwita mill-Kummissjoni żgurat li ż-żewġ ċirkostanzi (jiġifieri, meta l-esportazzjonijiet saru lil operaturi relatati jew indipendenti fl-Unjoni) irċevew trattament ugwali. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(122)

Il-produttur esportatur Acron issottometta li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kellu jiddistingwi bejn UAN ta’ 32 % ta’ nitroġenu u UAN ta’ 30 % ta’ nitroġenu minħabba l-volumi kbar li kien biegħ fis-suq tal-Unjoni. Din il-pretensjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni finali. Madankollu, f’konformità mal-metodoloġija użata għall-kalkoli tad-dumping ta’ dan il-produttur esportatur, il-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti dilwiti ġie kkonvertit f’UAN ta’ 32 % ta’ nitroġenu billi dan il-prodott ġie importat mill-parti relatata. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(123)

Il-produttur esportatur CFI ssottometta li l-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni ma kienx rappreżentattiv billi l-produtturi li jinsabu fil-parti tal-Lvant tal-Unjoni jkunu rrappreżentati żżejjed meta mqabbla mal-produtturi fil-partijiet l-oħra. Li kieku l-Kummissjoni bidlet il-kampjun wara l-kummenti li kienet ippreżentat fil-parti bikrija tal-investigazzjoni (ara wkoll il-premessa (12) hawn fuq), il-bejgħ mil-Lvant tal-Ewropa bi spejjeż għolja tat-trasport kien ikun ħafna inqas preżenti fiċ-ċifri tal-kampjun. Konsegwentement, hija argumentat li l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni użat għat-twaqqigħ tal-prezz u r-rata tat-twaqqigħ tal-prezz kienu jkunu ħafna inqas. Barra minn hekk, il-produttur esportatur assuma li l-bejgħ tal-produttur fil-kampjun OCI Nitrogen ma ntużax fil-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz (u ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’), billi din il-kumpanija ma tbigħx it-tip ta’ prodott esportat lejn l-Unjoni minn dan il-produttur esportatur.

(124)

Il-Kummissjoni diġà kkonfermat ir-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni fil-premessa (13) tar-Regolament proviżorju. Il-kampjun jinkludi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u l-volumi tal-bejgħ u huwa bbażat fuq l-akbar kwantità tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta’ produtturi li kkooperaw, inklużi l-akbar tliet produtturi li kooperaw. Fir-rigward tal-allegata rappreżentazzjoni żejda ta’ produtturi tal-Ewropa tal-Lvant ma ġiex ikkunsidrat xieraq li jiġu esklużi l-akbar żewġ produtturi. Għalhekk, il-kampjun ġie stabbilit skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku u ġie stabbilit b’mod oġġettiv. Wara d-divulgazzjoni finali, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA esprimew dubji wkoll dwar ir-rappreżentattività tal-kampjun u b’mod partikolari rreferew għal rapport tal-istampa maħruġ minn Yara sabiex jintwera li l-produtturi tal-Unjoni b’mod ġenerali ma kinux qed isofru dannu. Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li Yara Sluiskil B.V. kien inizjalment magħżul biex ikun parti mill-kampjun iżda li rrifjuta li jikkoopera. Barra minn hekk, rapport għall-istampa li jkopri produttur tal-Unjoni wieħed ma jikkontestax ir-rappreżentattività tal-kampjun magħżul. Wara d-divulgazzjoni finali, il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka sostna li l-Kummissjoni ma kellhiex tapplika l-kampjunar iżda kien messha tinvestiga l-produtturi kollha tal-Unjoni. Diġà qabel il-bidu, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi kkonċernati tal-Unjoni u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-għadd tal-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun. Dan huwa kompletament f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. L-istess parti kkritikat ukoll il-kampjun billi qieset li kienet għażla preġudikata ta’ produtturi li lmentaw u ma tatx każ tal-produtturi li ma lmentawx. Ta’ min ifakkar li l-kampjun intgħażel fuq il-bażi tal-produzzjoni u l-volumi tal-bejgħ tal-produtturi kollha magħrufa, mhux biss tal-kumpaniji li għamlu l-ilment, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, inizjalment, intgħażel produttur oppost tal-Unjoni, iżda dik il-parti rrifjutat li tikkoopera. Ġiet sostitwita minn produttur ieħor li qed jopponi. Il-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerka finalment staqsa jekk il-partijiet inklużi fil-kampjun kinux jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-Unjoni ta’ UAN kif meħtieġ mill-Artikolu 4.1 tad-WTO ADA. L-ewwel nett, l-Artikolu 4.1 tad-WTO ADA jirreferi għad-definizzjoni tal-industrija domestika u mhux għat-teħid ta’ kampjuni (u għalhekk ma hemm l-ebda rekwiżit li l-kampjun magħżul jammonta għal proporzjon kbir tal-produzzjoni tal-Unjoni). L-Artikolu 6 tad-WTO ADA u l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jirreferu għat-teħid ta’ kampjuni u, kif imsemmi hawn fuq, il-kampjun magħżul kien kompletament f’konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet. Għalhekk dawn il-kummenti ġew rifjutati.

(125)

Fir-rigward tad-data tiegħu dwar il-bejgħ għat-twaqqigħ tal-prezz il-Kummissjoni enfasizzat li l-investigazzjoni wriet (premessi (149) u (165) tar-Regolament proviżorju) li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tnaqqsu serjament mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u li dan kien partikolarment minnu għall-kwantità kbira ta’ bejgħ li jsir f’lokalitajiet ewlenin ta’ importazzjoni bħal Rouen u Ghent. It-Tabella 10 fir-Regolament proviżorju turi li l-impatt ta’ dan l-iżvilupp kien li l-industrija tal-Unjoni sofriet telf fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, mhuwiex korrett li wieħed jassumi li l-industrija tal-Unjoni setgħet tirkupra l-ispejjeż kollha tagħha (inklużi l-ispejjeż tat-trasport). Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni tnaqqsu mill-2016 sal-perjodu ta’ investigazzjoni. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar il-fajl li l-prezzijiet ta’ produtturi tal-Unjoni mhux fil-kampjun se jkunu sostanzjalment differenti mill-prezzijiet tal-produtturi fil-kampjun. Għaldaqstant, l-għażla ta’ produtturi differenti tal-Unjoni fil-kampjun x’aktarx mhix se jkollha impatt fuq it-twaqqigħ tal-prezz u s-soppressjoni tal-prezzijiet identifikati. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Fir-rigward tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni użat għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz imwettqa, il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet ta’ 32 % UAN tqabblu biss mal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni tal-istess tip.

(126)

Minbarra l-każistika msemmija tal-Qrati Ewropej, il-produttur esportatur MHTL invoka wkoll raġunijiet oħra biex jikkonkludi li l-metodoloġija tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi t-twaqqigħ tal-prezz kienet inġusta. Il-parti sostniet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, li jipprovdi għat-tiswir tal-prezz tal-esportazzjoni fil-każ ta’ bejgħ permezz ta’ parti relatata fl-Unjoni, b’analoġija għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ qiegħda tikser l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, billi din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-kalkolu tad-dumping u ma setgħetx tintuża fil-kuntest tal-analiżi tad-danni. Finalment, il-metodoloġija applikata tikser ukoll il-liġi tad-WTO billi ma tirrappreżentax paragun ġust.

(127)

Il-Kummissjoni fakkret li, sa fejn id-determinazzjoni tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz huwa kkonċernat, u wkoll safejn hija stabbilita l-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezz għall-pajjiż ikkonċernat, ir-Regolament bażiku ma jippreskrivix metodoloġija speċifika. Għalhekk, il-Kummissjoni tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fil-valutazzjoni ta’ dan il-fattur. Din id-diskrezzjoni hija limitata mill-ħtieġa li l-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq evidenza pożittiva u eżami oġġettiv, kif mitlub mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi speċifikament li l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz sinifikanti trid tiġi eżaminata fil-livell tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, u mhux fil-livell ta’ kwalunkwe prezz ta’ bejgħ mill-ġdid sussegwenti fis-suq tal-Unjoni.

(128)

Fuq din il-bażi, rigward l-elementi kkunsidrati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (b’mod partikolari l-prezz tal-esportazzjoni), il-Kummissjoni trid tidentifika l-ewwel punt li fih isseħħ (jew tista’ sseħħ) il-kompetizzjoni ma’ produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan il-punt huwa fil-fatt il-prezz tax-xiri tal-ewwel importatur mhux relatat għaliex il-kumpanija fil-prinċipju għandha l-għażla li tagħmel l-akkwist tagħha jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn fornituri barranin. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tkun ibbażata fuq il-prezz tal-esportazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni, li huwa meqjus bħala livell komparabbli mal-prezz tal-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Fil-każ tal-bejgħ għall-esportazzjoni permezz ta’ importaturi relatati, il-punt ta’ paragun jenħtieġ li jkun eżatt wara li l-prodott jaqsam il-fruntiera tal-Unjoni, u mhux fi stadju aktar tard fil-katina tad-distribuzzjoni, pereżempju meta jinbiegħ lil utent finali tal-prodott. Għalhekk, b’analoġija mal-approċċ segwit għall-kalkoli tal-marġni ta’ dumping, il-prezz tal-esportazzjoni jinħadem fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti aġġustat kif xieraq skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Billi dan l-Artikolu huwa l-unika dispożizzjoni fir-Regolament bażiku li tagħti gwida dwar it-tiswir tal-prezz tal-esportazzjoni, l-applikazzjoni tiegħu b’analoġija hija ġġustifikata. Fir-rigward tal-kalkoli ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’, il-Kummissjoni nnutat li l-użu tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma wassal għall-ebda paragun asimmetriku (għall-kuntrarju tal-każ ta’ Jindal) minħabba li għall-paragun ta’ bejgħ bi prezz imwaqqa’, il-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni kien mibni u kien jinkludi l-ispejjeż tal-manifattura, l-SG&A u l-profitt fil-mira tal-entità li tipproduċi biss, u għalhekk, huwa komparabbli mal-prezz tal-esportazzjoni maħdum. Fi kliem ieħor, l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni relatati ma tqisux fit-tqabbil tal-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni mal-prezz tal-esportazzjoni maħdum.

(129)

Il-produttur esportatur Eurochem sostna wkoll li l-Kummissjoni għamlet għadd ta’ żbalji klerikali fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz b’mod partikolari fir-rigward tal-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni fil-livell CIF u wara li kkoreġiet dawn l-iżbalji, waslet għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet tagħha fl-Unjoni ma waqqgħux il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni analizzat dawn il-pretensjonijiet u, fejn xieraq, ikkalkulat mill-ġdid il-prezz tal-esportazzjoni kif meħtieġ. Il-Kummissjoni xorta waħda kkonkludiet li l-importazzjonijiet ta’ dan il-produttur esportatur waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(130)

L-istess produttur esportatur sostna li l-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi analiżi tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz skont it-termini tal-konsenja tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qieset il-provvista ta’ tali analiżi mhux meħtieġa fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet iddettaljati pprovduti fir-rigward tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(131)

Fertilizers Europe qajmet il-punt li d-depressjoni u s-soppressjoni tal-prezzijiet kienu ċari fil-perjodu ta’ investigazzjoni u li dawn jistgħu jkunu saħansitra aktar dannużi mit-twaqqigħ tal-prezz. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li fil-premessi (166) u (167) tar-Regolament proviżorju hija kienet diġà kkonkludiet li l-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni tnaqqsu fl-2017 u li, fil-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni kienu mrażżna billi aktar żidiet fl-ispejjeż tal-gass ma rriżultawx f’żidiet fil-prezzijiet tal-bejgħ minħabba l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping f’volumi dejjem jiżdiedu. Dan kien evidentement possibbli minħabba l-konċentrazzjoni ta’ importazzjonijiet fil-portijiet bħal Ghent u Rouen, minħabba t-trasparenza tas-suq u minħabba li UAN huwa prodott omoġenju ħafna, li jinxtara kważi biss fuq il-bażi tal-prezz. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni kienet imġiegħla tbigħ f’marġnijiet li qed jonqsu b’rata mgħaġġla, li jakkumulaw f’telf ta’ 3,5 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(132)

Sabiex tinvestiga aktar il-pretensjoni ta’ xi wħud mill-partijiet interessati li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz ma twettqux fl-istess livell ta’ kummerċ, il-Kummissjoni eżaminat it-tipi ta’ klijenti involuti. Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati saru lil importaturi u distributuri f’volumi kbar. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun biegħu lin-negozjanti, lid-distributuri, lill-bejjiegħa bl-imnut tal-prodotti agrikoli u lill-kooperattivi kbar. Dawn il-klijenti kollha xtraw bl-ingrossa u kkonsenjaw kwantitajiet kbar lill-klijenti tagħhom. Proporzjon żgħir biss tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fil-kampjun sar lill-utenti finali u dan ma ntużax fil-kalkolu msemmi fil-premessa (115). Għalhekk, ġie konkluż li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz saru fl-istess livell ta’ kummerċ.

(133)

Il-produttur esportatur CFI sostna li l-Kummissjoni kien messha ħasbet għall-istaġonalità tal-prezzijiet meta wettqet il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz tagħha. Billi l-UAN ma jiġix applikat ugwalment matul is-sena, il-prezzijiet ivarjaw b’mod sinifikanti skont iż-żmien tax-xiri. Barra minn hekk, ix-xiri ta’ barra l-istaġun, u b’hekk bi prezz ħafna aktar baxx, jinvolvi wkoll spiża tal-ħżin ħafna ogħla minn dik li l-Kummissjoni użat bħala ammont għall-aġġustament tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet għall-ħżin fil-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezz (u l-bejgħ bil-prezz imwaqqa’).

(134)

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni pprovduta mill-produtturi esportaturi fil-kampjun skont id-data tal-fattura biex tara jekk il-prezzijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni varjawx billi wrew varjazzjoni staġjonali u biex tistabbilixxi liema partijiet kienu qed ibigħu fl-istaġun ta’ ħafna xogħol/ta’ ftit xogħol. Il-Kummissjoni sabet li, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet kienu fl-ogħla livell fil-perjodu ta’ Jannar-Marzu 2018. L-analiżi stabbilixxiet ukoll li l-industrija tal-Unjoni biegħet relattivament kwantitajiet ugwali matul is-sena. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati kienu wkoll relattivament mifruxa tajjeb matul is-sena. Għalhekk, mid-data disponibbli ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ xi impatt staġjonali importanti u konsistenti fuq il-kalkolu. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(135)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi Acron u Eurochem sostnew li l-Kummissjoni kienet għamlet diversi żbalji klerikali fil-kalkolu tagħha tat-twaqqigħ tal-prezz. B’mod partikolari, wieħed minnhom ikkontesta l-kalkolu tal-valuri CIF dwar il-konverżjoni tal-prodott dilwit għall-prodott esportat wara li tiġi applikata konverżjoni għall-kwantitajiet. Kif stabbilit fil-premessa (52), din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(136)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Gvern tal-Istati Uniti ssottometta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-analiżi tagħha tal-effetti tal-prezzijiet, inkluż it-twaqqigħ tal-prezzijiet, fuq id-data li tkopri l-perjodu kollu kkunsidrat, u mhux biss fuq il-bażi tal-prezzijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. Is-sejbiet fil-premessi minn (164) sa (166) tar-Regolament proviżorju dwar l-effetti tal-prezzijiet huma bbażati fuq analiżi li tinkludi l-perjodu sħiħ ikkunsidrat. Tabilħaqq, il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi kkonċernati naqsu b’bejn 30 % u 34 % skont il-pajjiż matul il-perjodu kkunsidrat. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ kien partikolarment evidenti fl-2016 (tnaqqis ta’ 23 % sa 27 %, skont il-pajjiż, meta mqabbel mal-2015), li kienet ukoll is-sena li rreġistrat l-akbar żieda minn sena għal sena, jiġifieri 50 %, fil-volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. L-2016 kienet ukoll is-sena li fiha l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni rreġistraw l-akbar tnaqqis (tnaqqis ta’ 26 %) u meta l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni bdiet tonqos. Ix-xejriet tal-prezzijiet kemm tal-importazzjonijiet kif ukoll tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni juru t-trażżin/is-soppressjoni fil-prezz ikkawżat mill-importazzjonijiet ikkonċernati matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (152) hawn taħt, it-twaqqigħ tal-prezz huwa biss fattur wieħed f’analiżi ferm usa’ tal-effett tal-prezzijiet li fih it-trażżin tal-prezzijiet/is-soppressjoni huwa argument ewlieni dwar il-kawżalità.

(137)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fil-premessi minn (113) sa (131) tar-Regolament proviżorju.

4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.4.1.   Kummenti ġenerali

(138)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (132) sa (136) tar-Regolament proviżorju.

4.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

(139)

Ċerti partijiet interessati talbu kjarifika dwar il-metodoloġija u sors tal-indikaturi makroekonomiċi pprovduti fir-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni tikkonferma, kif imsemmi fil-premessa (134) u t-tabelli rilevanti fir-Regolament proviżorju, li s-sors tad-data għall-indikaturi makroekonomiċi kien Fertilizers Europe. Madankollu, iċ-ċifri pprovduti minn Fertilizers Europe ma kinux dejjem aċċettati kif ġie rrappurtat. Tabilħaqq, għal ċerti indikaturi, b’mod partikolari l-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità u l-volum totali tal-bejgħ, il-Kummissjoni kienet tissostitwixxi ċerta data speċifika tal-kumpanija pprovduta minn Fertilizers Europe meta din kienet tkun differenti mid-data vverifikata ta’ waħda mill-kumpaniji fil-kampjun. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb analiżi affidabbli tad-data dwar il-bejgħ bejn il-partijiet relatati u dawk mhux relatati u l-bejgħ u l-esportazzjonijiet tal-Unjoni, id-data fil-kampjun ivverifikata ntużat bħala kjavi ta’ kontribuzzjoni. Finalment, tqieset id-data ta’ Fertilizers Europe għall-istokk tal-għeluq u l-impjieg iżda ġie deċiż li għandha tintuża l-estrapolizzjoni bbażata fuq id-data mill-kampjuni vverifikata billi din tqieset bħala aktar affidabbli. Il-partijiet interessati rċevew dawn il-kjarifiki matul is-seduti ta’ smigħ wara d-divulgazzjoni proviżorja.

(140)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Acron ikkonkluda li l-ispjegazzjoni ta’ hawn fuq turi li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-indikaturi makroekonomiċi kienet għalhekk ibbażata fuq data mhux verifikata u mhux preċiża. Din it-talba ma ntlaqgħetx. Il-proċess ta’ hawn fuq jiddeskrivi eżattament l-oppost ta’ kif sostniet Acron, jiġifieri verifika dettaljata u bir-reqqa tad-data ppreżentata mill-industrija u l-konsiderazzjonijiet dwar kif din id-data għandha tintuża bl-aħjar mod.

(141)

Fis-sottomissjoni tiegħu bil-miktub wara seduta ta’ smigħ u wkoll wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur Acron sostna li ċ-ċifri tal-użu tal-kapaċità rrapportati fir-Regolament proviżorju kienu esaġerati minħabba “switch factories” (fabbriki ta’ bidla) mill-produzzjoni ta’ UAN għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti oħra b’valur miżjud ogħla. Il-produttur esportatur CFI għamel kummenti dwar il-kapaċità tal-produzzjoni u ċ-ċifri tal-użu tal-kapaċità rrapportati fir-Regolament proviżorju. Huwa sostna li probabbilment iċ-ċifri tal-kapaċità kienu għoljin wisq minħabba li jinkludu kapaċità mhux użata.

(142)

L-ewwel nett, huwa minnu li ċ-ċifri murija fir-Regolament proviżorju kienu jinkludu element ta’ kapaċità mhux użata. Li kieku l-kapaċità mhux użata kienet eskluża, f’dak il-każ il-kapaċità tal-produzzjoni totali fil-perjodu ta’ investigazzjoni tkun ta’ madwar 7 000 000 tunnellata (minflok 8 385 000 tunnellata) u l-użu tal-kapaċità jkun ta’ 56 % (minflok ta’ 46 %). Anki bl-esklużjoni tal-kapaċità mhux użata, it-tendenza matul il-perjodu ta’ analiżi xorta waħda tibqa’ tonqos u hija simili ħafna għad-data użata fir-Regolament proviżorju.

(143)

It-tieni, meta tindirizza l-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, kif iddikjarat fir-Regolament proviżorju, fl-analiżi tagħha l-Kummissjoni qieset li l-produtturi huma kapaċi (sa ċertu punt) jaqilbu l-produzzjoni bejn prodotti differenti bbażati fuq in-nitroġenu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma qisitx il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità bħala fatturi li kellhom impatt importanti fuq l-istampa tad-danni f’din l-investigazzjoni partikolari.

(144)

Il-produttur esportatur Acron sostna li r-rata ta’ użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni kienet ta’ 100 % u li l-kapaċità mhux użata rrapportata kollha ntużat minflok għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti oħra. Madankollu, huwa ma pprovda l-ebda evidenza biex jappoġġa din il-pretensjoni u ċ-ċifri tal-kapaċità u tar-rata ta’ użu tal-kapaċità fir-Regolament proviżorju ġew ivverifikati kif xieraq. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(145)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (137) sa (147) tar-Regolament proviżorju.

4.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(146)

Il-produttur esportatur Eurochem sostna li, fid-dawl ta’ diversi referenzi fir-Regolament proviżorju għall-flutwazzjoni fil-prezzijiet tal-gass, il-produtturi tal-Unjoni kien messhom ipprovdew sommarju mhux kunfidenzjali li juri x-xejra fil-prezzijiet tax-xiri tal-gass tagħhom. Madankollu, il-prezzijiet tax-xiri tal-gass mill-produtturi fil-kampjun bħala tali ma kinux meħtieġa fil-kwestjonarju u, għalhekk, ma ġewx ipprovduti fir-risposta għalih. Dawn il-prezzijiet inkisbu u ġew ivverifikati waqt iż-żjarat ta’ verifika u l-annessi meħuda matul il-verifika fuq il-post ġew ittrattati bħala kunfidenzjali minħabba li jiżvelaw l-ispejjeż interni tal-produtturi tal-Unjoni. F’format aggregat u mhux kunfidenzjali huma żviluppaw kif ġej:

Il-prezzijiet tax-xiri tal-gass tal-produtturi fil-kampjun (indiċizzati)

2015

2016

2017

PI

100

72

83

89

(147)

Il-produttur esportatur CFI kkummenta dwar il-premessa (158) tar-Regolament proviżorju dwar l-abbiltà li jinġabar il-kapital. Il-parti ssottomettiet li, b’mod ġenerali, l-abbiltà ta’ kumpanija li tiġbor il-kapital mhix marbuta direttament mal-fluss tal-flus iżda pjuttost mas-saħħa finanzjarja ġenerali tal-kumpanija. Madankollu, f’din l-investigazzjoni produttur tal-Unjoni wera li huwa normalment jiffinanzja investimenti minn surpluses tal-fluss tal-flus. Barra minn hekk, l-investigazzjoni sabet li s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali għall-industrija tal-Unjoni evidentement marret għall-agħar matul il-perjodu meqjus. Għalhekk, il-punt li tqajjem ma biddilx is-sejbiet fil-premessa (158) tar-Regolament proviżorju.

(148)

CFI sostna wkoll li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni jkun differenti jekk jiġi analizzat separatament għal kull produttur tal-Unjoni. Dan kien minħabba kwistjonijiet bħall-ispejjeż tal-forniment tal-gass tagħhom jew il-lokalità ġeografiku tagħhom.

(149)

L-analiżi tad-danni saret fuq il-bażi tal-industrija tal-Unjoni kollha u mhux għal kull produttur individwali. Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-kumpaniji/gruppi individwali mhix rilevanti għall-valutazzjoni ġenerali. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ partikolari, l-investigazzjoni wriet li x-xejriet għat-tliet produtturi kollha tal-Unjoni fil-kampjun (meqjusa bħala rappreżentattivi tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni) kienu simili u negattivi. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(150)

Il-produttur esportatur Acron u l-GOR sfidaw il-konklużjoni dwar id-dannu billi kkummentaw dwar ċerti fatturi ta’ dannu li skont kif stqarru wrew żvilupp pożittiv f’xi stadju fil-perjodu ta’ analiżi jew saħansitra qabel. Madankollu, kwalunkwe valutazzjoni sinifikanti trid tqis il-fatturi kollha elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, kif għamlet il-Kummissjoni f’dan il-każ. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn il-pretensjonijiet.

(151)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-indikaturi mikroekonomiċi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (148) sa (158) tar-Regolament proviżorju.

4.4.4.   Konklużjoni dwar id-dannu

(152)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-konklużjoni dwar id-dannu, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (159) sa (161) tar-Regolament proviżorju.

5.   KAWŻALITÀ

5.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(153)

Il-produttur esportatur MHTL sostna li l-valutazzjoni tal-kawżalità kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezz. Minħabba li qies il-metodoloġija għall-istabbiliment tat-twaqqigħ tal-prezz bħala difettuża, l-analiżi tal-kawżalità kollha tkun difettuża wkoll u tkun qiegħda tikser l-Artikolu 3(2), 3(3), 3(5), 3(6), 3(7) u 3(8) tar-Regolament bażiku.

(154)

Minbarra l-analiżi tal-kummenti rċevuti wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni kkonfermat li l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati naqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, l-analiżi tal-kawżalità qieset ħafna fatturi oħra minbarra s-sejba tat-twaqqigħ tal-prezz. Tabilħaqq, fil-premessi (166) u (167) tar-Regolament proviżorju, it-trażżin fil-prezzijiet kif ukoll is-soppressjoni tal-prezzijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kkawżati mill-importazzjonijiet ikkonċernati hija argument ewlieni dwar il-kawżalità. It-Tabella 7 f’dan ir-Regolament turi wkoll li matul il-perjodu meqjus il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu ħafna aktar mill-ispejjeż tagħha. Bl-istess mod, mill-2016 sal-perjodu ta’ investigazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ naqsu filwaqt li l-kost tal-unità tal-produzzjoni tagħha żdied b’mod sostanzjali. Iż-żewġ xejriet wrew s-soppressjoni tal-prezz ikkawżata mill-importazzjonijiet ikkonċernati. Din is-sejba kienet ikkonfermata fl-analiżi finali u l-pretensjoni tal-produttur esportatur kienet għalhekk rifjutata.

(155)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-attribuzzjoni tad-dannu li nsab li ġie kkawżat lill-importazzjonijiet fil-mira, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi minn (163) sa (167) tar-Regolament proviżorju.

5.2.   Effetti ta’ fatturi oħra

(156)

Diversi partijiet interessati ma qablux mar-rwol li l-Kummissjoni attribwixxiet għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fil-premessi minn (163) sa (167) tar-Regolament proviżorju, billi skonthom id-dannu ġie kkawżat minn fatturi oħra. Dawn il-pretensjonijiet huma indirizzati hawn taħt.

5.2.1.   Il-prezz (dinji) tal-urea

(157)

Diversi partijiet interessati tennew il-pretensjoni li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-UAN huma korelatati fil-parti l-kbira tas-swieq mal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-urea. Huma ma qablux mal-analiżi tal-Kummissjoni ta’ din il-pretensjoni fil-premessi (176) u (177) tar-Regolament proviżorju, billi ma tiddeskrivix b’mod preċiż l-argument li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-urea, u mhux tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, jkun responsabbli għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(158)

Il-produttur esportatur CFI kkummenta wkoll li l-osservazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (149) tar-Regolament proviżorju li l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu fl-2016 minħabba żieda fl-importazzjonijiet u li dawk il-prezzijiet sussegwentement baqgħu mnaqqsa ma kinitx sostnuta mill-fatti. L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni jkun kompletament attribwibbli għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-urea. L-istess pretensjoni kienet imtennija wara d-divulgazzjoni finali u saret ukoll minn Eurochem.

(159)

Il-Kummissjoni taqbel li x-xejriet tal-prezzijiet tal-urea u tal-UAN huma korelatati b’mod ġenerali. Tabilħaqq, fuq il-bażi tal-informazzjoni minn diversi sorsi statistiċi, hemm xi korrelazzjoni bejn l-iżvilupp tal-prezzijiet taż-żewġ fertilizzanti. Xi drabi l-korrelazzjoni hija b’saħħitha u xi drabi, bħal fil-perjodu meqjus, ix-xejra tal-UAN u tal-urea tevolvi b’mod differenti fl-Unjoni. Pereżempju fis-sottomissjoni tiegħu tas-26 ta’ April 2019 l-ilmentatur żamm rendikont tad-differenzi sinifikanti fil-prezzijiet irrapportati fil-pubblikazzjonijiet tal-kummerċ bejn il-prezzijiet tal-urea u tal-UAN għal kull unità ta’ nitroġenu fl-Unjoni f’mumenti differenti tal-perjodu meqjus.

(160)

Il-produttur tal-Unjoni OCI Nitrogen issottometta li żieda fl-importazzjonijiet tal-UAN għandha tikkawża differenza akbar bejn il-prezz tal-UAN u tal-urea “nett tan-nitroġenu” sabiex tiġi ġġustifikata s-sejba tal-kawżalità fir-rigward tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. L-analiżi tiegħu ma tindikax żieda sinifikanti differenti fix-xhur fejn żdiedu l-volumi tal-importazzjoni u għalhekk il-parti kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ikkonċernati u d-dannu mġarrab mill-produtturi tal-Unjoni.

(161)

Madankollu, anki jekk jista’ jkun hemm korrelazzjoni, dan ma jfissirx li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Fir-rigward tal-impatt tal-importazzjonijiet inkwistjoni fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni fakkret li, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, l-akbar tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet (- 30 %) u l-aktar żieda għolja fil-volumi tal-importazzjonijiet (+ 50 %) kienet fl-2016. Matul l-istess sena, l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq (-14 %), il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha naqsu (- 26 %) u, eventwalment, il-profittabbiltà tagħha bdiet it-tnaqqis drammatiku tagħha f’telf sinifikanti fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Dwar dawn il-fatti, ma jistax jiġi kkontestat li hemm rabta kawżali ċara bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu.

(162)

L-analiżi li saret mill-produttur tal-Unjoni kkonċernat naqset milli tara din ir-rabta fuq il-bażi ta’ analiżi ta’ xahar b’xahar tal-volum tal-importazzjoni u d-differenza fil-prezz ta’ tali importazzjonijiet fix-xahar “nett tal-urea”. Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-analiżi. L-ewwel nett, kemm l-urea kif ukoll il-UAN fihom in-nitroġenu u huma applikati mill-istess industrija tal-utent (jiġifieri l-bdiewa). Għalhekk, xi tip ta’ korrelazzjoni mhix sorprendenti. It-tieni, il-fatt li d-differenza fil-prezz “aġġustat” titqabbel mal-volumi tal-importazzjonijiet fuq bażi ta’ xahar b’xahar jinjora l-fatt li ta’ spiss jintlaħaq ftehim dwar il-prezzijiet xhur qabel jidħlu fl-Unjoni effettivament u li dawn ivarjaw skont l-istaġun li fih jiġu stabbiliti. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li ma hemm l-ebda bażi (i) biex jiġu “aġġustati” l-prezzijiet, kif sar mill-parti kkonċernata fil-pretensjoni tagħha, u (ii) biex jiġi attribwit ħafna valur għall-analiżi sussegwenti tagħha xahar b’xahar. Fuq din il-bażi, kwalunkwe korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tal-urea u tal-UAN ma tistax iddgħajjef ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu.

(163)

Il-produttur esportatur CFI ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-prezzijiet spot għall-urea f’diversi punti madwar id-dinja juru varjazzjonijiet fil-prezzijiet, skont is-suq, matul il-perjodu meqjus. Huwa ssottometta li l-informazzjoni msemmija mill-Kummissjoni fil-fatt uriet li l-prezzijiet tal-urea globali huma korrelatati. Barra minn hekk, huwa kkritika l-erba’ swieq imsemmija fil-materjal imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 tar-Regolament proviżorju, billi tnejn minnhom kienu fiċ-Ċina, li l-Kummissjoni tqis bħala soġġetta għal distorsjoni fir-rigward tal-urea, u sostna li l-prezzijiet tas-suq ta’ riferiment tal-barkun FOB tal-Golf tal-Istati Uniti jew tal-FOB granulari tal-Lvant Nofsani, li allegatament kienu ferm aktar importanti, kienu nieqsa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni li dwar il-kwalità tal-materjal, billi ebda parti interessata ma ppreżentat graffs mingħajr drittijiet tal-awtur fuq il-prezzijiet tal-fertilizzanti fil-ħin, il-Kummissjoni użat xi informazzjoni mingħajr drittijiet tal-awtur disponibbli li fi kwalunkwe każ turi li fil-passat reċenti l-ipprezzar tal-urea segwa mudelli differenti f’partijiet differenti tad-dinja.

(164)

Wara d-divulgazzjoni finali, Eurochem qieset ukoll il-fatt li l-prezzijiet Ċiniżi kienu użati proviżorjament mill-Kummissjoni biex juru n-nuqqas ta’ korrelazzjoni u li ma kinitx użat rappreżentazzjonijiet ippreżentati tard. Madankollu, il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza kollha disponibbli f’dan ir-rigward u waslet għall-konklużjoni li l-prezz dinji tal-urea ma kellux impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni. Din il-fehma kompliet tiġi kkonfermata għar-raġunijiet fil-premessa li jmiss.

(165)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fertilizers Europe pprovdiet aktar evidenza li l-korrelazzjoni bejn il-prezzijiet tal-urea u tal-UAN inkisret matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u saħansitra aktar minn hekk sussegwentement. L-informazzjoni bażikament ikkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-korrelazzjoni mhijiex strutturalment b’saħħitha, għall-kuntrarju ta’ talbiet minn diversi partijiet.

(166)

OCI Nitrogen ma qabilx ukoll mal-fatt li fil-premessa (176) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kienet għamlet użu mill-informazzjoni li kienet pubblikament disponibbli fuq l-Internet, filwaqt li dik l-informazzjoni ma kinitx inkluża fil-fajl tal-każ miftuħ. Skont il-parti, l-Artikolu 2(6a)(c) u 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku jobbliga lill-Kummissjoni biex tuża biss l-informazzjoni li tinsab fil-fajl tal-investigazzjoni u li tista’ tiġi vverifikata kif xieraq mill-Kummissjoni, b’din tal-aħħar tkun impossibbli f’dan il-każ billi l-parti li minnha oriġinat l-informazzjoni naqset milli tikkoopera fl-investigazzjoni.

(167)

Il-Kummissjoni rrifjutat din l-allegazzjoni u nnotat li l-Artikolu 2(6a)(c) u 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku huma irrilevanti f’dan il-każ billi huma relatati mal-kalkoli tad-dumping fil-każ ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’pajjiż tal-esportazzjoni. Barra minn hekk, billi taġixxi b’mod diliġenti, il-Kummissjoni suppost għandha twettaq kontroverifika tal-informazzjoni li fuqha l-partijiet interessati jibbażaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra sorsi oħra rilevanti ta’ informazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet kontroverifika ta’ ċerta data fuq il-prezzijiet tal-urea pprovduti minn Nitrogen OCI permezz ta’ preżentazzjoni tal-2018 li saret disponibbli minn produttur tal-Unjoni ieħor fil-proċediment fuq is-sit web tiegħu. Il-preżentazzjoni inkwistjoni fiha graff fuq il-prezzijiet tal-urea minn Jannar 2015 f’partijiet differenti tad-dinja kif ikkwotat mill-fornituri tal-intelliġenza dwar is-suq.

(168)

Għalhekk, kif iddikjarat fil-premessa (177) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz (dinji) tal-urea ma setax ikollu impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u s-sitwazzjoni dannuża tiegħu

5.2.2.   Fatturi oħra

(169)

Il-produttur esportatur Eurochem ma qabilx mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (155) tar-Regolament proviżorju li l-importazzjonijiet kienu responsabbli għas-soppressjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, filwaqt li nnota li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tnaqqsu biż-żieda fl-ispejjeż tal-gass naturali mill-2017. Wara d-divulgazzjoni finali, din il-pretensjoni kienet imtennija. Il-GOR sostna wkoll li ż-żieda fl-ispejjeż tal-gass naturali affettwat il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni. Din il-kwistjoni kienet diġà ġiet indirizzata fil-premessi minn (178) sa (180) tar-Regolament proviżorju. Filwaqt li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-gass setgħet kienet kawża għaż-żieda fl-ispiża, la l-gass u lanqas żidiet oħra fl-ispejjeż ma kienu l-kawża tal-inkapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-prezzijiet tagħha (soppressi bl-importazzjonijiet fil-mira) sabiex jiġi evitat it-telf li nstab matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Waħda mill-partijiet sostniet li l-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ġarrbet tnaqqis qawwi u b’saħħtu fl-2017 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni billi ddeċidew “li jaġixxu kontra s-suq” u jżommu l-prezzijiet fil-livell relattivament baxx tal-2016, minkejja żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-gass naturali u, b’hekk, fl-ispejjeż. Il-parti ssuġġerixxiet li l-industrija tal-Unjoni kellha għażliet oħra, li mhumiex appoġġati mill-fatti dwar il-fajl li juru li anki b’dawn il-prezzijiet l-industrija tal-Unjoni tilfet sehem mis-suq ta’ 3,5 % fl-Unjoni bejn l-2016 u l-perjodu ta’ investigazzjoni (it-Tabella 5 tar-Regolament proviżorju). It-2,1 punti perċentwali tas-sehem mis-suq tal-Unjoni mitlufa mill-industrija tal-Unjoni mill-2016 huma f’kuntrast maż-żieda fis-sehem mis-suq tal-Unjoni bi 3,7 punti perċentwali tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq l-istess perjodu (it-Tabella 2 tar-Regolament proviżorju). Fl-istess perjodu, mill-2016 sal-perjodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet medji mill-pajjiżi kkonċernati baqgħu jonqsu b’aktar minn 7 % (it-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju). L-industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha f’konformità maż-żieda fl-ispejjeż sabiex tillimita t-telf tas-sehem mis-suq, b’riżultat ta’ soppressjoni qawwija tal-prezz u tnaqqis drammatiku fil-profittabbiltà. Fi kliem ieħor, kienet is-soppressjoni tal-prezz ikkawżata minn volumi dejjem jiżdiedu ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li wasslet għat-tnaqqis fil-profittabbiltà billi, f’tali xenarju, l-Industrija tal-Unjoni ma setgħetx iżżid il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha biex tirrifletti din iż-żieda fl-ispiża. F’dan is-sens, l-evoluzzjoni tal-prezz tal-gass ma tispjegax it-tnaqqis fil-profitti f’dan il-każ u ma tistax titqies bħala fattur li jikkontribwixxi għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni.

(170)

Diversi partijiet interessati ssottomettew li l-analiżi tal-kawżalità kienet influwenzata mill-għażla tal-kampjun, li qiesu li ma kienx rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni, billi AB Achema u Grupa Azoty kienu se jiffaċċjaw kwistjonijiet diffiċli speċifiċi għall-kumpanija li l-produtturi l-oħra kollha tal-Unjoni ma kinux se jiffaċċjaw. B’mod partikolari, huma tennew li AB Achema u Grupa Azoty kienu soġġetti għal prezzijiet tal-gass regolati u għolja u li kienu soġġetti għal spejjeż eċċessivament għolja tat-trasport għall-bejgħ tagħhom lejn l-Ewropa tal-Punent, fejn kienet se tinbiegħ il-maġġoranza tal-UAN. Dawn il-pretensjonijiet kienu mtennija wara d-divulgazzjoni finali.

(171)

Dwar din il-pretensjoni l-ewwel għandu jiġi nnotat li l-indikaturi makroekonomiċi fil-valutazzjoni tad-dannu jittieħdu mill-produtturi kollha tal-Unjoni, kif spjegat fil-premessi minn (134) sa (136) tar-Regolament proviżorju. L-indikaturi makroekonomiċi biss huma vvalutati fil-livell tal-produtturi fil-kampjun. Għalhekk, ix-xejra negattiva tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi makroekonomiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-volumi tal-produzzjoni, tal-volumi tal-bejgħ u tas-sehem mis-suq, mhix affettwata mill-kompożizzjoni tal-kampjun. It-tieni, kif diġà msemmi fil-premessa (124) ta’ hawn fuq, il-kampjun ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u jirrappreżenta aktar minn 50 % tal-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-Unjoni. Għalhekk, dan huwa meqjus rappreżentattiv u konformi bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(172)

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-prezzijiet tal-gass kif imġarrba minn AB Achema u Grupa Azoty, il-Kummissjoni eżaminat, fit-tliet produtturi kollha tal-Unjoni fil-kampjun, kif inkiseb il-gass u b’liema spiża nkiseb. Għalkemm il-prezzijiet tal-gass u spejjeż oħra tal-akkwist tal-gass ivarjaw b’mod ċar minn Stat Membru wieħed għall-ieħor, deher ċar li x-xejra tal-prezz tal-gass kienet simili għat-tliet produtturi kollha. L-ispejjeż tal-gass naqsu fl-2016 u żdiedu fl-2017 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni (ara wkoll it-tabella taħt il-premessa (146) ta’ hawn fuq). It-tliet produtturi kollha raw tnaqqis kostanti fil-profittabbiltà matul il-perjodu ta’ analiżi hekk kif spejjeż ogħla (bl-akbar u l-aktar spiża li tvarja jkun il-gass) ma qablux mal-prezzijiet ogħla tal-bejgħ fl-2017 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Fi kliem ieħor, anki jekk iċ-ċifri assoluti għal xi wħud minn dawn l-indikaturi setgħu varjaw minn produttur għall-ieħor (kif iddikjarat mill-Eurochem wara d-divulgazzjoni finali), id-dannu deher fuq it-tliet produtturi u ma hemm l-ebda indikazzjoni jew evidenza fil-fajl li kampjun differenti kien ibiddel is-sejbiet tad-dannu.

(173)

Fir-rigward tal-kwistjoni li l-lokalità ġeografika tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun ikkawżat dannu minħabba l-ispejjeż tat-trasport involuti biex il-prodott ikkonċernat jinġieb fis-suq, fil-perjodu ta’ investigazzjoni kien hemm 20 produttur magħruf tal-prodott ikkonċernat b’faċilitajiet tal-produzzjoni fil-partijiet kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-kampjun, għalkemm parti mill-volum tal-bejgħ ġie ttrasportat permezz ta’ ġarr tal-merkanzija bil-baħar lejn partijiet oħra tal-Unjoni, ħafna mill-bejgħ inbiegħ fuq livell aktar lokali (19). It-tielet, huwa komuni li l-produtturi jkollhom klijenti f’tali distanza fejn l-ispejjeż tat-trasport ikunu sinifikanti. Madankollu, għall-investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-aktar ħaġa importanti hi li l-prezzijiet f’tali swieq jitnaqqsu minħabba l-impatt tal-importazzjonijiet bi prezzijiet inġusti. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tagħmel profitti raġonevoli fl-ewwel sentejn tal-perjodu ta’ analiżi minkejja l-pożizzjoni ġeografika tagħha.

(174)

Għall-bejgħ lejn Rouen jew Ghent, kif imsemmi fil-premessa (107) ta’ hawn fuq, l-ispejjeż tat-trasport sal-punt CIF kienu ta’ madwar 15 jew 20 % tal-prezz CIF. Madankollu, tali spejjeż kellhom jiġġarrbu sena b’sena u fl-2015 u l-2016 l-industrija kollha kemm hi, inklużi l-produtturi b’tali spejjeż CIF, kienu lkoll profittabbli. Kif iddikjarat hawn fuq, ix-xejriet f’dan il-każ juru li d-dannu kien evidenti għat-tliet produtturi kollha fil-kampjun u mhux biss għal dawk li jinsabu fil-Polonja u l-Litwanja. Għalhekk ġie konkluż li l-ispejjeż tat-trasport assoċjati mat-teħid tal-prodott fis-suq ma jdgħajjifx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(175)

OCI Nitrogen ikkummenta li l-Kummissjoni kienet injorat l-argument li l-integrazzjoni hija ewlenija fl-industrija tal-fertilizzanti. Huwa argumenta li n-nuqqas ta’ integrazzjoni tal-linja tal-produzzjoni tal-UAN mal-linji tal-produzzjoni ta’ fertilizzanti oħra jagħmel lil produttur vulnerabbli għall-flutwazzjonijiet fis-suq u huwa eżempju ta’ dannu kkawżat minnu stess. Madankollu, it-tliet kumpaniji kollha fil-kampjun ipproduċew UAN u prodotti fertilizzanti oħra fuq is-siti integrati. Il-fatt li xi produtturi kienu jiddependu aktar fuq UAN meta mqabbla ma’ produtturi oħra ma jfissirx li d-dannu kien ikkawżat minnhom stess. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(176)

Il-produttur esportatur CFI ssottometta li l-produttività naqset b’1 % filwaqt li l-ispejjeż lavorattivi żdiedu b’10 %, u li tali spiża żejda li mhux relatata mal-importazzjonijiet, kellha titqies fl-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità.

(177)

Il-Kummissjoni irrifjutat din il-pretensjoni billi ż-żieda fl-ispiża tax-xogħol medji għal kull impjegat ma kinitx riflessa f’bidla simili fl-ispiża tal-unità tal-produzzjoni li, għall-kuntrarju u kif turi t-Tabella 7 tar-Regolament proviżorju, naqas bi 11 % matul il-perjodu meqjus. Barra minn hekk, it-tnaqqis fil-produttività jista’ jiġi attribwit għat-tnaqqis ġenerali tal-produzzjoni tal-UAN mill-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu meqjus, li huwa marbut ukoll mal-pressjoni tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni tal-UAN.

(178)

Il-produttur tal-Unjoni OCI Nitrogen u l-produtturi esportaturi CFI u Acron sostnew ukoll li l-Kummissjoni żbaljat meta rrifjutat l-impatt tal-istaġjonalità fil-prezzijiet fil-premessa (186) tar-Regolament proviżorju. B’mod partikolari huma sostnew li l-Kummissjoni ma tistax issostni li l-medja annwali se tnaqqas l-importanza tal-istaġjonalità tal-prezz. Huma ssottomettew li AB Achema rrapporta li bejn Ġunju u Ottubru 2016 naqqas l-operazzjonijiet u l-output b’50 % u li abitwalment jissospendi parti mill-produzzjoni tiegħu kull sena, normalment fis-sajf meta s-swieq joffru l-orħos prezzijiet tal-fertilizzanti minħabba d-domanda baxxa. Fir-rigward tas-sospensjoni tal-produzzjoni ta’ AB Achema, l-investigazzjoni wriet li mhux biss AB Achema iżda wkoll produtturi oħra tal-UAN inaqqsu jew iwaqqfu temporanjament il-produzzjoni minħabba manutenzjoni jew tiswijiet. Huwa loġiku li, fejn possibbli, tali operazzjonijiet jiġu skedati matul staġun aktar baxx. Barra minn hekk, il-premessa (166) tar-Regolament proviżorju tgħaqqad xi waqfiet tal-produzzjoni fl-Unjoni mal-kuntest tas-suq batut. Fi kwalunkwe każ, kif diġà ġie konkluż wara l-analiżi dwar il-firxa u l-prezzijiet tal-bejgħ fil-premessa minn (133) sa (134) ta’ hawn fuq, ma hemm l-ebda evidenza ta’ xi impatt staġjonali importanti u konsistenti fuq l-analiżi tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni tqis li l-medja annwali tal-prezzijiet hija ġusta billi fin-negozju tal-UAN hija prattika komuni li jiġu żgurati xi volumi u prezzijiet fit-tieni nofs tas-sena għall-konsenji li jsiru fl-ewwel nofs tas-sena ta’ wara. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma li din il-pretensjoni għandha tiġi rifjutata.

(179)

Il-produtturi esportaturi CFI u Eurochem sostnew li l-industrija tal-Unjoni tat spinta lill-bejgħ tal-esportazzjonijiet tagħha għad-detriment tal-bejgħ tal-Unjoni, u dan, b’kuntrast maż-żieda tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, huwa dak li rriżulta fit-tnaqqis tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Eurochem sostna wkoll li l-industrija tal-Unjoni ddeċidiet li tiffoka fuq prodotti bbażati fuq in-nitroġenu aktar profittabbli bħan-nitrat tal-ammonju, għad-detriment tas-suq tal-UAN fl-Unjoni, pretensjoni li ġiet imtennija wara d-divulgazzjoni finali. Wara d-divulgazzjoni finali kien ukoll imtenni li kienu jkunu meħtieġa importazzjonijiet biex timtela d-diskrepanza minħabba li l-industrija tal-Unjoni tkun tilfet l-interess li tipproduċi UAN għall-klijenti tagħha fl-Unjoni. Kif diġà ġie spjegat fil-punt 5.2.2 tar-Regolament proviżorju, iż-żieda fil-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-swieq tal-esportazzjoni tagħha (b’madwar 280 000 tunnellata) ikkumpensat biss parti żgħira tat-telf ta’ madwar 700 000 tunnellata fis-suq tal-Unjoni. Anki jekk wieħed iqis it-tnaqqis fil-konsum matul l-istess perjodu, ma jistax jitqies li dawn iż-żidiet fil-bejgħ tal-esportazzjoni illimitaw l-industrija tal-Unjoni biex isservi l-bażi tal-klijenti tagħha fl-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis il-bidla tal-produzzjoni minn ċerti produtturi tal-Unjoni (kif rikonoxxut fil-premessa (139) tar-Regolament proviżorju) bħala miżura loġika stabbilita mill-produtturi tal-Unjoni li qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-profittabbiltà u tnaqqis fil-prezzijiet tal-UAN fl-Unjoni minħabba importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Barra minn hekk, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, fokus akbar fuq is-swieq tal-esportazzjoni ma setax ikkontribwixxa għad-dannu tal-industrija tal-Unjoni, iżda għall-kuntrarju seta’ taffa d-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping sa ċertu punt. Huwa mfakkar li r-rata ta’ użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni naqset matul il-perjodu meqjus b’7 punti perċentwali għal 46 %. Għalhekk, iż-żieda fil-bejgħ għall-esportazzjoni ma affettwatx il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni b’mod negattiv biex isservi lis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(180)

Il-GOR sostna li l-fatt li l-paġna 57 tal-ilment irreferiet għal żieda fl-użu tal-kapaċità mill-produtturi tal-Unjoni b’21 % fl-2013-2017 wasslet għan-nuqqas ta’ rabta bejn id-dumping allegat mir-Russja u d-dannu materjali tal-industrija tal-Unjoni. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. It-Tabella 4 tar-Regolament proviżorju wriet tnaqqis fl-użu tal-kapaċità matul il-perjodu meqjus.

(181)

Wara d-divulgazzjoni finali l-Eurochem affermat li d-dinamika tas-suq kienet ikkawżat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni aktar milli l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati. Id-dinamiċi tas-suq imsemmija kienu tnaqqis fil-prezzijiet tal-urea u l-iżvilupp tal-ispejjeż tal-gass. Madankollu, din id-dikjarazzjoni dehret li kienet riformulazzjoni tal-pretensjonijiet preċedenti tagħha u tal-pretensjonijiet magħmula minn partijiet oħra li qabel kienu ġew ikkunsidrati u rrifjutati. Madankollu, biex tiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-Kummissjoni, l-industrija tal-Unjoni wriet li fl-2015 u fl-2016 setgħet tagħmel profitt kemm meta l-prezzijiet tal-gass kienu għoljin kif ukoll meta kienu baxxi. Madankollu, kien il-fatt tal-volumi dejjem akbar ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezzijiet baxxi li naqqsu l-prezzijiet fl-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni ma ppermettiex lill-industrija tal-Unjoni tgħolli l-prezzijiet biex tkopri l-ispejjeż tagħha. Il-pretensjoni li d-dinamiċi tas-suq aktar milli l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu kkawżaw il-ħsara mġarrba kienet għalhekk rifjutata.

(182)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CFI u l-IFA ddikjaraw li taxxi addizzjonali li l-produttur tal-Unjoni fil-kampjun AB Achema kellhom iħallsu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kellhom impatt fuq il-profittabbiltà tal-kumpanija u tal-partijiet inklużi fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni kien messha kkunsidrat dan il-fattur bħala wieħed li seta’ kkawża d-dannu. Madankollu jenħtieġ li jiġi nnutat li l-ispejjeż tax-xiri tal-gass (inklużi t-tariffi, it-taxxi u t-trasport) naqsu matul il-perjodu ta’ analiżi għat-tliet produtturi kollha. L-ispejjeż tax-xiri tal-gass tat-tliet produtturi segwew xejra simili. Ma kien hemm l-ebda evidenza li taxxi addizzjonali ta’ produttur wieħed tal-Unjoni kellhom xi impatt sinifikanti fuq il-profittabbiltà tal-industrija fil-kampjun. Għall-kuntrarju, it-tnaqqis fil-profitt tal-industrija tal-Unjoni kien dovut għan-nuqqas ta’ kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li żżid il-prezzijiet tagħha skont iż-żidiet ġenerali fl-ispejjeż. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

5.2.3.   Konklużjoni

(183)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-fatturi l-oħra eżaminati fl-istadju proviżorju kif ukoll fl-istadju definittiv ma seta’ jkollu xi impatt rilevanti fuq is-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-ebda fattur, analizzat individwalment jew kollettivament, ma jnaqqas ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni fis-sens li tali rabta ma tkunx aktar ġenwina u sostanzjali, li tikkonferma l-konklużjoni fil-premessa (190) tar-Regolament proviżorju.

6.   LIVELL TAL-MIŻURI

(184)

Il-produtturi esportaturi Russi argumentaw li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-importazzjonijiet Russi biss ikun jirriżulta biss fil-ġbir tad-dazji antidumping b’mod diskriminatorju, kuntrarju għall-Artikolu 9.2 tal-Ftehim dwar l-AntiDumping tad-WTO.

(185)

Il-Kummissjoni tinnota mill-bidu li l-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri mhix regola obbligatorja skont il-Ftehim dwar l-AntiDumping tad-WTO, billi l-Artikolu 9.1 jiddikjara li l-applikazzjoni tagħha “hija mixtieqa”. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni addizzjonali li tispjega l-modalitajiet sostantivi ta’ applikazzjoni tagħha meta l-pajjiżi membri tad-WTO jiddeċiedu li japplikaw din ir-regola. Għalhekk, l-UE tgawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dazju inferjuri.

(186)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, għall-kuntrarju tal-fehim ta’ dawn il-produtturi esportaturi, ir-regola tad-dazju inferjuri għadha applikabbli skont ir-Regolament AD bażiku kif l-aħħar emendat fit-30 ta’ Mejju 2018. Dak li nbidel wara din l-emenda huwa l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha, billi fil-każijiet fejn hemm distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) il-marġni tad-dumping jitqies bħala li jirrifletti d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, kif spjegat ukoll fil-premessi minn (221) sa (237) tar-Regolament proviżorju.

(187)

Sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni tista’ tirriżulta biss meta żewġ sitwazzjonijiet li huma simili jiġu ttrattati b’mod differenti, jew meta żewġ sitwazzjonijiet li huma differenti jiġu ttrattati bl-istess mod. Din hija wkoll il-loġika sottostanti għad-dispożizzjoni tan-nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 9.2 tal-Ftehim dwar l-AntiDumping tad-WTO, irrispettivament minn jekk dan japplikax ukoll għall-modalitajiet tal-applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri, li mhix obbligatorja skont il-Ftehim.

(188)

F’dan il-każ speċifiku, il-Kummissjoni sabet l-eżistenza ta’ distorsjonijiet fil-materja prima skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku fir-rigward tar-Russja biss u mhux fir-rigward tal-pajjiżi l-oħra tal-esportazzjoni soġġetti għall-investigazzjoni, kif spjegat aktar fil-premessa (217). Għalhekk, is-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-Russja, fejn hemm distorsjonijiet fil-materja prima, mhix komparabbli ma’ dik tal-produtturi esportaturi fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka, fejn ma hemmx distorsjonijiet bħal dawn. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

6.1.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni għal Trinidad u Tobago u għall-Istati Uniti tal-Amerka

(189)

Diversi partijiet sostnew li Jindal Saw se taffettwa wkoll il-kalkolu tal-marġnijiet tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’. Jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ li ntuża f’din l-investigazzjoni bħala l-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu ġie stabblit billi ntuża l-ispiża tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni. L-ebda spiża ma ġiet miżjuda mal-ispejjeż tal-fabbrika biex tkopri l-ispejjeż tal-kumpaniji tal-bejgħ relatati tal-industrija tal-Unjoni, jekk ikun hemm. Għalhekk, in-nuqqas ta’ simetrija li sabet il-Qorti Ġenerali li affettwa l-kalkoli ta’ bejgħ bil-prezz imwaqqa’ f’Jindal mhuwiex preżenti f’dan il-każ u għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(190)

Huwa mfakkar li fl-istadju proviżorju l-marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ ġie kkalkulat bl-użu ta’ prezz indikattiv maħdum fil-livell CIF għal madwar 40 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. L-ispejjeż minn EXW għal CIF irrappreżentaw minn 15 sa 20 % tal-prezz CIF. Dawn l-ispejjeż ġew riveduti ftit ’il fuq fl-istadju definittiv biex jiġi kkoreġut żball ta’ kalkolu minuri fir-rigward ta’ xi prezzijiet CIF ta’ wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, li b’riżultat tiegħu dawn il-prezzijiet kienu kemxejn sottovalutati. Iċ-ċifri attwali involuti huma kunfidenzjali u ġew iddivulgati lill-partijiet ikkonċernati.

(191)

Il-produttur esportatur CFI sostna li l-Kummissjoni ma kellhiex tikkalkula profitt fil-mira fuq il-bażi tal-profitt miksub fl-2013-2015, billi l-perjodu bejn l-2006 u l-2015 kien jirrappreżenta redditi straordinarji għall-industrija tal-Unjoni minħabba prezzijiet tal-urea globali eċċessivament għolja. Bl-istess mod, il-produttur esportatur MHTL sostna li l-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-prezz indikattiv tal-industrija tal-Unjoni ġie stabbilit f’livell għoli b’mod mhux raġonevoli. Huwa argumenta li dan il-profitt fil-mira ta’ 10 % ma kienx konformi mal-profitt fil-mira ta’ 8 % u l-profitt fil-mira ta’ 5 % stabbiliti f’għadd ta’ investigazzjonijiet oħra dwar il-fertilizzanti fis-snin 2000 u 2001. Il-Kummissjoni ma kinitx tipprovdi elementi li jindikaw bidla fiċ-ċirkostanzi li twassal għal tali profitt fil-mira ogħla. Għalhekk, jenħtieġ li dan jiġi stabbilit għal 6 %, li huwa l-livell minimu f’konformità mal-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku.

(192)

Jenħtieġ li jiġi nnotat f’dan ir-rigward li billi stabbiliet il-metodoloġija għall-istabbiliment tal-profitt fil-mira f’din l-investigazzjoni u billi identifikat il-perjodu xieraq, il-Kummissjoni qieset li r-rati ta’ profitt jistgħu jvarjaw. Kif irrapportat fil-premessa (154) tar-Regolament proviżorju, fl-2015 inkisbet rata ta’ profitt ta’ 14 %, fejn il-penetrazzjoni tal-importazzjoni kienet għadha baxxa. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx il-pretensjoni li l-10 % li użat kien għoli jew eċċezzjonali b’mod mhux raġonevoli.

(193)

Il-produttur esportatur CFI sostna li billi kawżi oħra għajr l-importazzjonijiet kienu wkoll sors ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni jew mill-inqas kienu jikkostitwixxu fattur aggravanti, aġġustament ’l isfel tal-profitt fil-mira jkun xieraq biex jirrifletti l-impatt ta’ dawn il-kawżi l-oħra. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(194)

Kif instab fil-premessa (183) il-Kummissjoni kkonkludiet li fatturi oħra ma kkontribwixxewx għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi (198) u (199) tar-Regolament proviżorju, il-profitt fil-mira ġie stabbilit f’konformità mar-regoli l-ġodda stabbiliti fl-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 7(2c) jirreferi għal varjetà ta’ fatturi mingħajr ma jispeċifika l-ebda ġerarkija fosthom. Il-Kummissjoni qieset il-livell ta’ profittabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi li qed jiġu investigati, il-livell ta’ profittabbiltà meħtieġ sabiex ikopru l-ispejjeż u l-investimenti kollha, ir-riċerka u żvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, u l-livell ta’ profittabbiltà li wieħed għandu jistenna f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Skont l-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-profitt medju ponderat miksub mill-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu 2013-2015, jiġifieri, eżatt qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet u tnaqqis parallel fil-profittabbiltà min-naħa tal-industrija tal-Unjoni. Dan jiżgura li l-profitt fil-mira jirrifletti l-kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni fis-suq billi s-sehem mis-suq ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kien għadu baxx. Iż-żieda fl-importazzjonijiet u t-tnaqqis fil-profittabbiltà fil-bidu tal-2016 huma ċari u l-ebda fattur ieħor, meqjus individwalment jew kollettivament, ma dgħajjef ir-rabta kawżali, kif spjegat fil-premessa (190) tar-Regolament proviżorju.

(195)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-Kummissjoni rrevediet kemxejn il-kalkolu tagħha tal-ispejjeż ta’ konformità futuri skont l-Artikolu 7(2d). Hija aġġornat l-ispejjeż mistennija tal-EUA (ara l-premessa (202) tar-Regolament proviżorju), li issa qed jużaw il-prezzijiet proġettati kif irrapportat f’Bloomberg New Energy Finance bid-data tat-30 ta’ Mejju 2019. Dan il-prezz medju għall-EUA huwa stabbilit b’mod definittiv għal EUR 25,81/tunnellata ta’ CO2 prodott, meta mqabbel ma’ EUR 24,14/tunnellata ta’ CO2 prodott fl-istadju proviżorju. Barra minn hekk, elementi oħra tal-kalkolu ġew riveduti kemxejn jekk instabu xierqa. Fuq din il-bażi, ġie stabbilit spiża addizzjonali ta’ 3,8 % (minflok ta’ 3,7 % fl-istadju proviżorju) u din l-ispiża ġiet miżjuda mal-prezz mhux dannuż. Nota addizzjonali għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati tispjega d-dettalji ta’ dawn ir-reviżjonijiet. L-ebda kumment, għajr dawk li ġew indirizzati fil-premessa (197), ma sar mill-partijiet interessati.

(196)

CFI u Acron sostnew ukoll li l-Kummissjoni ma kellha twettaq l-ebda aġġustament għall-ispejjeż ta’ konformità futuri skont l-Artikolu 7(2d) billi s-sejba tal-Kummissjoni ma kinitx se tikkonferma li hemm evidenza pożittiva u grad suffiċjenti ta’ ċertezza li l-ispejjeż futuri kienu se jiġġarrbu mill-industrija tal-Unjoni. Huma osservaw ukoll li l-kalkolu ta’ prezz fil-mira bbażat fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-passat u l-profitti tal-passat kien inkonsistenti u mhux preċiż filwaqt li fl-istess ħin jirrifletti elementi tal-ispiża futuri. Din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx billi r-Regolament proviżorju jispjega bis-sħiħ il-bażi legali għall-aġġustament tal-ispejjeż ta’ konformità futuri, u l-metodu użat biex jiġu kkalkulati tali spejjeż huwa bbażat fuq evidenza pożittiva li tirrappreżenta l-aqwa data disponibbli.

(197)

Wara d-divulgazzjoni finali, Fertilizers Europe ddikjarat li sadanittant il-prezz medju għall-EUA kien ikompli jiżdied, filwaqt li pprovda data minn sors differenti minn dik użata fl-istadju proviżorju u definittiv (jiġifieri Bloomberg New Energy Finance). Għalhekk, Fertilizers Europe sostniet li l-Kummissjoni jenħtieġ li terġa’ tivvaluta din il-kwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li huwa tal-akbar importanza li jkun hemm ċarezza dwar is-sors u ż-żmien (kemm għad-determinazzjoni proviżorja kif ukoll għad-determinazzjoni definittiva) tal-parametru referenzjarju użat biex jiġu stabbiliti l-ispejjeż mistennija ta’ EUA. Għalhekk, in-numri msemmija fil-premessa (195) huma kkonfermati.

(198)

Il-produttur esportatur MHTL sostna li l-Kummissjoni kkalkulat ħażin il-marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ fuq il-bażi ta’ prezz tal-esportazzjoni CIF maħdum għar-raġunijiet imsemmija wkoll fil-premessa (126) hawn fuq. Il-Kummissjoni sostniet li, kif spjegat fil-premessi minn (108) sa (110) huwa xieraq li ċertu bejgħ jistabbilixxi l-ispiża tal-produzzjoni fil-livell CIF sabiex jiġi stabbilit il-marġni ta’ dannu f’livell preċiż u sinifikanti sabiex ikun jista’ jsir paragun ġust.

(199)

L-istess produttur esportatur sostna wkoll li l-Kummissjoni kellha tuża prezz CIF differenti bħala denominatur għall-kalkoli ta’ dannu tagħha li jirrifletti l-ispeċifiċitajiet kuntrattwali tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, hija l-prattika stabbilita tal-Kummissjoni li tuża l-prezz attwali ddikjarat għad-dwana tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi d-denominatur għad-dumping u l-kalkoli tad-dannu. Dan il-metodu huwa mezz ġust biex jiġu stabbiliti marġnijiet u jiżgura li kemm id-dumping kif ukoll il-marġnijiet tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ jiġu stabbiliti bħala perċentwal tal-istess prezz. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(200)

Ir-riżultat tal-kalkoli definittivi jidher fit-tabella ta’ hawn taħt.

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ (%)

Trinidad u Tobago

Methanol Holdings (Trinidad) Limited

55,8

16,2

Trinidad u Tobago

Il-kumpaniji l-oħra kollha

55,8

16,2

L-Istati Uniti tal-Amerka

CF Industries Holdings, Inc.

37,3

23,9

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-kumpaniji l-oħra kollha

37,3

23,9

6.2.   Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni għar-Russja

(201)

Il-paragun bejn il-prezz tal-importazzjoni medju ponderat definittiv tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fir-Russja mal-prezz indikattiv definittiv tal-industrija tal-Unjoni, biex jiġi vvalutat b’rabta mar-Russja jekk il-marġni tad-dumping stabbilit b’mod proviżorju jkunx ogħla mill-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni, ta r-riżultat li ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ (%)

Ir-Russja

PJSC Acron

31,9

13,7

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Azot”

20,0

16,3

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Nevinnomyssky Azot”

20,0

16,3

Ir-Russja

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,9

16,3

(202)

Għaldaqstant, ġie kkonfermat li l-marġni tal-bejgħ bil-prezz imwaqqa’ kien aktar baxx mill-marġni tad-dumping u li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq l-eżami mitlub skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(203)

Wara d-divulgazzjoni finali l-Eurochem iddikjarat li l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni użat għal bejgħ bil-prezz imwaqqa’ jenħtieġ li jitnaqqas b’EUR 7/tunnellata, sabiex titqies id-differenza fl-ispiża tal-produzzjoni għal kull tunnellata ta’ UAN bejn l-2017 u l-perjodu ta’ investigazzjoni billi din iż-żieda fl-ispiża kienet tiġi kkawżata miż-żieda fl-ispiża tal-gass u li għalhekk ma għandhiex tiġi assoċjata mal-importazzjonijiet ikkonċernati. L-istess parti ddikjarat li l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għandu jitnaqqas aktar bi 15 % -20 % minħabba l-post imbiegħed tagħhom bħala kawża oħra ta’ dannu.

(204)

Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (169), (173) u (174) hawn fuq, la l-evoluzzjoni tal-prezz tal-gass u lanqas l-ispejjeż tat-trasport jew il-lokalità tal-produtturi fil-kampjun ma jistgħu jitqiesu bħala fatturi li jikkontribwixxu għas-sitwazzjoni dannuża tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif ikkonfermat fil-premessa (124) hawn fuq, il-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni huwa rappreżentattiv għall-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi u ma jfixkilx iċ-ċifri minħabba l-pożizzjoni tal-partijiet ikkonċernati.

(205)

Fir-rigward tal-profitt fil-mira użat għall-kalkolu tal-prezz fil-mira tal-industrija tal-Unjoni (ara l-premessi (198)-(200) tar-Regolament proviżorju u l-premessi (191) - (194) hawn fuq), wara d-divulgazzjoni finali, Acron affermat li l-Kummissjoni għandha jew tiżvela l-profitt medju ponderat tal-industrija tal-Unjoni miksub fl-2013 u fl-2014, flimkien mal-profitt tal-2015, għall-kalkolu tal-profitt fil-mira medju ponderat għall-2013-2015 użat, jew tapplika l-profitt fil-mira ta’ 8 % użat f’investigazzjoni riveduta konkluża reċentement dwar ir-rieżami tan-nitrat tal-ammonja. Il-Kummissjoni ma qablitx mar-raġunament sottostanti għall-pretensjoni. Madankollu, fir-rigward tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fl-2013 u fl-2014, billi l-profitt tal-2015 tal-partijiet inklużi fil-kampjun kien ta’ 14 % u l-marġni ta’ profitt medju ponderat milħuq kien ta’ 10 %, huwa ċar li l-profitti miksuba mill-industrija tal-Unjoni kienu sostanzjalment inqas fl-2013 u fl-2014 meta mqabbla mal-2015. Ir-rati tal-profitt medji ponderati eżatti tal-produtturi fil-kampjun għall-2013 u l-2014 użati fil-kalkolu ma jistgħux jiġu pprovduti, billi wieħed mill-produtturi inklużi fil-kampjun, OCI Nitrogen, ma setax jipprovdi lill-Kummissjoni bil-profittabbiltà tagħha matul is-snin qabel l-2015 u għalhekk il-kalkolu għal dawk is-snin kien ibbażat fuq il-profittabilità ta’ żewġ produtturi biss. Għalhekk, l-iżvelar ta’ dawn iċ-ċifri ma kienx possibbli minħabba n-natura kunfidenzjali tad-data dwar il-profittabbiltà. Madankollu, il-profittabbiltà medja ponderata tal-industrija tal-Unjoni għal kull waħda minn dawk is-snin użata fil-kalkolu ta’ 10 % varjat bejn 5 % u 9 %.

(206)

Acron sostniet ukoll li aġġustament għall-ispejjeż ta’ konformità futuri skont l-Artikolu 7(2d) mhuwiex iġġustifikat, fin-nuqqas ta’ prova definittiva li dawn l-ispejjeż se jiġġarrbu mill-industrija tal-Unjoni. Din il-pretensjoni hija indirizzata fil-premessa (196) hawn fuq. Il-Kummissjoni żammet il-fehma tagħha li tali spejjeż ta’ konformità futuri miżjuda ġew ikkalkulati b’mod preċiż f’konformità mal-informazzjoni pożittiva fil-fajl. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

6.3.   Id-distorsjonijiet fil-materja prima

(207)

L-eżami tad-distorsjonijiet fil-materja prima u r-raġunijiet biex jiġi applikat l-Artikolu 7(2a) fir-rigward tar-Russja ġew stabbiliti fil-premessi minn (207) sa (220) tar-Regolament proviżorju.

(208)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi sostnew li l-Kummissjoni injorat il-fatt li l-ilment ma kienx fih biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(209)

Fil-premessa (207) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza f’dan ir-rigward u b’mod speċifiku għamel referenza għall-ipprezzar doppju fir-Russja fir-rigward tal-gass naturali. B’mod partikolari, l-ilment kien fih eżempju ta’ tħaddim ta’ impjant Russu, inkluża l-ispiża tal-produzzjoni, li juri biċ-ċar li l-ispiża tal-gass jirrappreżenta ħafna aktar minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni. Barra minn hekk, l-ilment kien fih paragun tal-prezzijiet domestiċi tal-gass Russu mal-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni li juri li dawn tal-aħħar huma ogħla b’mod sinifikanti. Finalment, kemm l-ilment kif ukoll is-sommarju eżekuttiv kien fihom referenzi espliċiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, fid-dawl tal-prezzijiet domestiċi tal-gass artifiċjalment baxxi ffissati mill-Istat li allegatament jikkostitwixxu distorsjoni strutturali. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(210)

Barra minn hekk, wieħed mill-produtturi esportaturi Russi kkontesta s-sejbiet tal-investigazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku. Filwaqt li dan ma sfidax l-eżistenza ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 30 %, il-monopolju ta’ kumpanija waħda għall-esportazzjoni tal-gass, u sistema tal-ipprezzar doppja kif deskritt fil-premessi minn (212) sa (215) tar-Regolament proviżorju, il-parti interessata kkontestat żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku:

(a)

il-fatt li bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri ta’ distorsjoni l-prezz tal-gass fis-suq Russu huwa inqas b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali rappreżentattivi,

(b)

il-fatt li l-ispiża tal-gass naturali kien jirrappreżenta aktar minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(211)

Fir-rigward tal-ewwel punt, il-kumpanija tenniet l-argumenti tagħha li l-prezz Waidhaus u s-suq tal-Unjoni kollu kemm hu ma jistax jitqies bħala “suq internazzjonali rappreżentattiv”, għall-kuntrarju tas-suq tal-Istati Uniti.

(212)

Kif spjegat taħt il-punt (d) tal-premessa (55) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-prezz Waidhaus huwa punt ta’ riferiment xieraq għall-prezz tas-suq internazzjonali rappreżentattiv. Madankollu, jenħtieġ li jissemma li anki jekk il-Kummissjoni qieset is-suq tal-Istati Uniti bħala suq internazzjonali rappreżentattiv, il-prezz regolat fis-suq Russu xorta waħda jkun 20 % inqas.

(213)

Fir-rigward tal-pretensjoni tal-kumpanija li l-ispiża tal-gass naturali, esklużi l-ispejjeż tat-trasport, kien jirrappreżenta inqas minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-UAN, ta’ min itenni li skont id-data ppreżentata fit-tweġibiet għall-kwestjonarju taż-żewġ produtturi, il-gass naturali kien jammonta għal aktar minn 17 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat. Din is-sejba ġiet ikkonfermata f’kalkolu li jqis il-prezzijiet tal-gass naturali mingħajr distorsjoni, jiġifieri, Waidhaus, li kien dak li nstab xieraq f’dan il-każ, meta titqies jew ma titqisx l-ispiża tat-trasportazzjoni. Għalhekk din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(214)

Barra minn hekk, iż-żewġ produtturi esportaturi Russi sostnew li d-determinazzjoni tal-pajjiż kollu fir-rigward tal-eżistenza tad-distorsjoni tal-materja prima u d-deċiżjoni sussegwenti biex jiġu stabbiliti miżuri fil-livell tal-marġni tad-dumping ma tistax tiġi applikata għall-kumpaniji individwali mingħajr ma tiġi vvalutata s-sitwazzjoni individwali tagħhom. L-esportaturi Russi sostnew li huma ma għandhomx jiġu kkastigati għan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GOR, li rriżulta li s-sejbiet fir-rigward tal-eżistenza ta’ distorsjoni fuq il-materja prima kienu parzjalment ibbażati fuq l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(215)

F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi nnotat li d-determinazzjoni inkwistjoni saret fuq il-bażi tad-data ppreżentata mill-produtturi esportaturi. Tabilħaqq, l-analiżi tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-paragun tal-prezz tax-xiri tal-kumpaniji tal-gass naturali mal-punt ta’ riferiment mingħajr distorsjoni (ikkoreġut għal-livell tal-prezz fl-impjanti Russi) u s-sehem tal-ispiża tal-gass naturali fl-ispiża tal-produzzjoni tagħhom, kif ukoll is-sorsi ta’ provvista ta’ dan il-gass kienu lkoll ibbażati fuq id-data individwali tal-kumpaniji. Minħabba n-natura ta’ wħud mid-distorsjonijiet li nstabu fis-suq tal-gass Russu, l-imġiba individwali tal-produtturi esportaturi kienet irrelevanti. Pereżempju, huma bbenefikaw mill-prezz tal-gass naturali soġġett għal distorsjoni li jirriżulta mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u mit-taxxa fuq l-esportazzjoni irrispettivament mis-sors ta’ provvista individwali tagħhom tal-gass naturali (dment li dan kien gass naturali ta’ oriġini Russa). Finalment, l-ebda parti ma pprovdiet xi evidenza li tagħti prova li l-miżuri msemmija fil-premessi minn (211) sa (214) tar-Regolament proviżorju ma kinux fis-seħħ.

(216)

Finalment, kemm il-GOR kif ukoll iż-żewġ produtturi esportaturi Russi sostnew li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) tkun qiegħda tikser ir-regoli tad-WTO, billi din se tiġi imposta fuq bażi diskriminatorja fuq il-produtturi esportaturi Russi meta mqabbla mal-produtturi esportaturi miż-żewġ pajjiżi l-oħra soġġetti għall-investigazzjoni.

(217)

Il-pretensjoni tat-trattament diskriminatorju tal-produtturi esportaturi Russi ma ġietx sostanzjata. Wara kummenti inizjali tal-partijiet interessati Russi, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni potenzjali tal-Artikolu 7(2a) fir-rigward tal-produtturi esportaturi minn Trinidad u Tobago u mill-Istati Uniti. Il-Kummissjoni investigat l-allegazzjonijiet tal-partijiet interessati iżda kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) ma tkunx iġġustifikata, kif spjegat fil-premessa (195) tar-Regolament proviżorju:

(1)

jew il-miżuri identifikati ma kinux tat-tip tad-distorsjonijiet elenkati fl-Artikolu 7(2a);

(2)

jew ma kinux ta’ natura li taffettwa l-prezz tal-materja prima.

(218)

Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(219)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, iż-żewġ produtturi esportaturi Russi tennew il-pretensjonijiet tagħhom fir-rigward tat-trattament diskriminatorju tar-Russja f’din il-proċedura speċjalment fl-isfond tal-organizzazzjoni tas-suq tal-gass f’TT.

(220)

Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li l-ebda waħda mill-allegati distorsjonijiet tas-suq tal-gass f’TT ma hija elenkata bħala restrizzjoni fuq l-esportazzjoni fl-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku.

(221)

Barra minn hekk, Eurochem tenniet l-affermazzjoni tagħha li l-ispiża tal-gass naturali ma kienx jirrappreżenta 17 % fl-ispiża tal-produzzjoni. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza jew argument li tbiddel/ibiddel il-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kif indikat fil-premessa (213) hawn fuq.

(222)

Fl-aħħar nett, Eurochem ikkontestat is-sejbiet tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ determinazzjoni mal-pajjiż kollu ta’ distorsjoni tas-suq tal-gass naturali fir-Russja. Il-kumpanija speċifikament indikat li taxxa tal-esportazzjoni ta’ 30 % tapplika biss għal Gazprom u mhijiex applikabbli għall-bejgħ tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-gass privati li kienu l-fornituri ewlenin tal-gass naturali għall-Eurochem.

(223)

Bi tweġiba għal din il-pretensjoni, jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-produtturi privati tal-gass fir-Russja ma jistgħux jesportaw. Barra minn hekk, l-esportazzjoni tal-gass naturali likwifikat (bir-restrizzjoni jew mingħajrha), li hija l-bażi tal-pretensjoni ta’ Eurochem, mhijiex rilevanti f’dan il-każ billi l-gass naturali likwifikat ma nstabx li huwa materja prima użata fil-produzzjoni tal-UAN mill-produtturi esportaturi Russi u għalhekk ma kienx suġġett ta’ analiżi skont l-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku f’din l-investigazzjoni.

(224)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra fir-rigward tad-distorsjonijiet fil-materja prima fis-suq domestiku Russu, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (207) sa (220) tar-Regolament proviżorju, kif iċċarat fil-premessi minn (207) sa (222) hawn fuq.

6.4.   L-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku

(225)

Wieħed mill-produtturi esportaturi Russi sostna li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2a) ma tkunx fl-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 7(2b) tar-Regolament bażiku. L-argumenti li jappoġġaw din il-pretensjoni huma indirizzati hawn taħt. Diversi partijiet interessati oħra kkummentaw ukoll dwar xi aspetti tal-analiżi u dawn il-kummenti huma indirizzati wkoll.

6.4.1.   Kapaċitajiet żejda fil-pajjiż esportatur

(226)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi kkontestaw is-sejbiet proviżorji dwar kapaċitajiet żejda. Acron sostna li kien qed jaħdem bil-kapaċità massima tiegħu filwaqt li Eurochem ippreveda tnaqqis fl-esportazzjonijiet tal-UAN Russi mill-2020.

(227)

Dawn il-pretensjonijiet ma jdgħajfux is-sejbiet ġenerali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kapaċitajiet żejda fir-Russja b’mod ġenerali u l-potenzjal tal-esportazzjoni tar-Russja, mill-inqas fil-futur qarib. Il-Kummissjoni ċaħdet il-pretensjonijiet u kkonfermat il-konklużjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 6.4.1 tar-Regolament proviżorju.

6.4.2.   Kompetizzjoni għal materja prima

(228)

Il-produtturi Russi jsostnu li ma għandhomx vantaġġ inġust fir-rigward tal-gass naturali minħabba r-regolazzjoni tal-prezzijiet tal-gass fir-Russja. Il-kumpaniji nnotaw il-kompetizzjoni dejjem tikber fis-suq domestiku Russu u l-importanza dejjem tikber ta’ fornituri mhux ta’ Gazprom.

(229)

Filwaqt li titqies il-pożizzjoni dominanti ta’ Gazprom bil-prezz massimu tagħha rregolat mill-Istat u l-monopolju tagħha fuq l-esportazzjonijiet tal-gass naturali, fornituri żgħar oħra għandhom joffru prezzijiet aktar baxxi minn dan il-prezz regolat sabiex ikunu jistgħu jikkompetu. Dan ifisser li, għall-kuntrarju tas-sottomissjoni tal-produtturi Russi, il-kompetizzjoni fir-Russja għadha limitata. Barra minn hekk, il-kumpaniji Russi jgawdu mill-vantaġġ inġust ippreżentat mit-taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 30 % imposta fuq il-bejgħ tal-gass naturali.

(230)

Wieħed mill-produtturi Russi sostna li l-industrija tal-Unjoni importat kwantitajiet sinifikanti ta’ ammonja mir-Russja u li, għalhekk, huma bbenefikaw ukoll indirettament minn prezzijiet tal-gass baxxi fir-Russja billi l-ammonja hija semiprodott għall-produzzjoni tal-fertilizzanti. L-evidenza wriet li l-industrija tal-Unjoni pproduċiet ammonja mill-gass minn diversi sorsi u ma importatx kwantitajiet sinifikanti ta’ ammonja mir-Russja. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

6.4.3.   L-effett fuq il-ktajjen tal-provvista għall-kumpaniji tal-Unjoni

(231)

Produttur esportatur Russu wieħed indika li l-ktajjen tal-provvista se jkunu affettwati b’mod negattiv mill-impożizzjoni ta’ miżuri fil-livell tal-marġni tad-dumping kif jidher mill-parteċipazzjoni b’saħħitha tal-utenti. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-reazzjoni tal-utenti hija tweġiba għall-premessa (253) tar-Regolament proviżorju, li ħeġġet lill-partijiet interessati biex jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar l-interessi tal-utenti. Dawn il-fehmiet ġew analizzati u huma indirizzati fit-Taqsima 7.3 ta’ hawn taħt.

(232)

Parti interessata oħra kkummentat li d-domanda, mill-inqas f’terminu qasir u medju, kienet riġida ħafna billi l-UAN huwa l-uniku fertilizzant likwidu u jirrikjedi investimenti sinifikanti fit-tankijiet u fit-tagħmir tal-isprejjar. Diversi partijiet insistew fuq il-produzzjoni insuffiċjenti tal-UAN fl-Unjoni, li ma tistax tissodisfa l-konsum tal-Unjoni, minħabba kapaċitajiet ta’ tibdil jew l-għeluq għalkollox tal-produtturi tal-Unjoni matul dawn l-aħħar ftit snin.

(233)

Fir-rigward tar-riġidità tad-domanda, il-Kummissjoni qablet li l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti likwidi teħtieġ tagħmir għal utenti differenti mill-applikazzjoni ta’ fertilizzanti solidi. Madankollu, il-miżuri antidumping ma jimmirawx lejn azjendi agrikoli li jkollhom jissostitwixxu l-UAN b’fertilizzanti oħra (fi kwalunkwe każ, sostituzzjoni bħal din titqies bħala possibbli minn xi operaturi ekonomiċi), iżda lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi. Fir-rigward tal-fatt li l-produzzjoni tal-UAN tal-Unjoni hija aktar baxxa mill-konsum tal-UAN fl-Unjoni, l-investigazzjoni ma sabitx li se jkun hemm riskju f’termini tal-provvista lis-suq tal-Unjoni. Pajjiżi bħall-Alġerija u l-Belarus huma sorsi alternattivi għall-pajjiżi kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati jġibu biss il-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet għal livell ġust ta’ kompetizzjoni. Finalment, kif iddikjarat fil-premessa (255) tar-Regolament proviżorju, il-produtturi tal-UAN tal-Unjoni għandhom il-kapaċità/possibbiltà li jżidu l-produzzjoni tal-UAN meta joperaw f’kundizzjonijiet ekwi. Il-pretensjonijiet tal-partijiet dwar il-kapaċitajiet ta’ varjazzjoni u l-għeluq ġew indirizzati fil-premessa (178) ta’ hawn fuq.

6.4.4.   Konklużjoni

(234)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (222) sa (237) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.   L-INTERESS TAL-UNJONI

7.1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(235)

L-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA qajmu dubji dwar il-ħtieġa ta’ dazji antidumping billi l-prezzijiet tal-fertilizzanti fl-Unjoni huma ogħla mill-prezzijiet dinjija b’mod konsistenti u s-suq tan-nitroġenu fl-Unjoni diġà huwa protett mit-tariffi tal-importazzjoni u/jew mid-dazji antidumping (pereżempju fuq l-importazzjonijiet AN). Il-Kummissjoni rrifjutat is-suġġeriment li l-produtturi tal-Unjoni ma jkunux isofru dannu, minħabba li t-Taqsima 4 tar-Regolament proviżorju u dan ir-Regolament ikkonkludew b’mod ċar fuq is-sitwazzjoni dannuża tal-manifatturi tal-UAN tal-Unjoni.

(236)

Il-produttur esportatur Acron qajjem dubji dwar jekk id-dazji antidumping humiex se jkunu fl-interess tal-produtturi tal-Unjoni billi l-produtturi ewlenin tal-Unjoni ma appoġġawx l-ilment. Il-produttur esportatur CFI u l-assoċjazzjoni tal-utenti AGPB qajmu dubji dwar jekk id-dazji antidumping humiex se jkunu fl-interess tal-produtturi tal-Unjoni, billi skont l-istimi tagħhom, il-manifatturi tal-Unjoni ta’ madwar 50 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ma jfittxux protezzjoni minn dazji antidumping.

(237)

L-ewwel nett, għandu jiġi ċċarat li ċ-ċifra msemmija mhix korretta, billi l-volum tal-UAN prodott mill-ilmentaturi jirrappreżenta 55 % joni jirrappreżenta 25 % - 35 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-volumi tal-produzzjoni li jifdal, jiġifieri l-volumi tal-UAN manifatturat mill-produtturi li ma ħadu l-ebda pożizzjoni dwar l-investigazzjoni, huma limitati.

(238)

Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li, anki jekk produttur tal-Unjoni jopponi l-bidu ta’ investigazzjoni antidumping jew l-impożizzjoni ta’ miżuri antidumping, dan ma jfissirx neċessarjament li tali produttur mhux se jibbenefika mill-miżuri li jistgħu jiġu imposti. Fuq din il-bażi, il-konklużjoni li n-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx se jkollu effett negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni filwaqt li l-impożizzjoni tal-miżuri se ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha tibqa’ soda u l-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(239)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (239) u (240) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.2.   L-interess ta’ importaturi mhux relatati

(240)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment fir-rigward tal-interess tal-importaturi mhux relatati, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (241) sa (243) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.3.   L-interess tal-utenti

(241)

Fil-premessa (253) tar-Regolament proviżorju, il-partijiet interessati ġew imħeġġa jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar l-interessi tal-utenti sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tanalizza aktar u tlesti l-valutazzjoni tagħha fir-rigward tal-utenti, b’mod partikolari fuq il-bdiewa. Diversi partijiet sostnew li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping kienet kontra l-interess tal-Unjoni. Il-kummenti u l-informazzjoni li waslu wara d-divulgazzjoni proviżorja u rilevanti għal din l-analiżi huma indirizzati hawn taħt, kif ukoll il-kummenti limitati dwar din it-taqsima wara d-divulgazzjoni finali.

(242)

Bħala rimarka preliminari huwa mfakkar li, fir-rigward tat-tip ta’ analiżi mwettqa, il-Kummissjoni, filwaqt li segwiet il-prattika stabbilita tagħha fir-rigward tal-interess tal-Unjoni, iffokat fuq l-analiżi tal-impatt ta’ żieda fl-ispejjeż u l-effett tad-dazji antidumping għall-importaturi, l-utenti u operaturi ekonomiċi oħra. L-analiżi hija normalment ibbażata l-aktar fuq l-input irċevut mill-partijiet interessati. Skont il-livell ta’ kooperazzjoni tal-utenti (jiġifieri jekk it-tweġibiet għall-kwestjonarju ddettaljati jimtlew kif xieraq), tista’ ssir ukoll analiżi tal-profittabbiltà tagħhom. Madankollu, fl-investigazzjoni attwali, fid-dawl tad-diversi azjendi agrikoli differenti u operaturi ekonomiċi oħra possibbilment ikkonċernati, il-Kummissjoni qieset li ma kienx fattibbli li jitwettqu biżżejjed “analiżijiet fil-post”. Minflok, il-Kummissjoni qieset li huwa aktar xieraq li wieħed jirrikorri għal statistika u data diġà disponibbli, jiġifieri dawk mis-servizzi speċjalizzati rilevanti fil-Kummissjoni.

(243)

Wara divulgazzjoni proviżorja, l-assoċjazzjoni tal-utenti AGPB qablet mal-kalkolu tal-Kummissjoni li UAN jirrappreżenta inqas minn 1 % tal-ispejjeż tal-biedja ġenerali fl-Unjoni (20) għalkemm ma qablitx mal-apprezzament tal-Kummissjoni dwar dan. Madankollu, il-perċentwal ġie kkritikat mill-assoċjazzjoni tal-utenti IFA fuq il-bażi li din tinjora l-fatt li s-settur tal-biedja tal-Unjoni jkopri għadd kbir ta’ realtajiet. Il-produttur esportatur CFI sostna li din il-parti tal-analiżi tal-Kummissjoni kienet inkonsistenti mal-partijiet li jifdal tal-investigazzjoni, billi l-impatt fuq il-bdiewa kien ikollu jiġi kkalkulat fuq is-settur tal-biedja kollu kemm hu filwaqt li fil-partijiet l-oħra tal-investigazzjoni l-Kummissjoni kien ikollha tiffoka fuq l-UAN.

(244)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-pretensjoni li l-impatt fuq is-settur tal-biedja kollu kemm hu huwa irrilevanti, il-Kummissjoni ma kisbitx – la fl-istadju proviżorju, u lanqas fl-istadju definittiv – ċifri verifikabbli dwar l-impatt li l-miżuri jista’ jkollhom fuq l-utenti tal-UAN tal-Unjoni bħala grupp ta’ utenti iżolat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni l-ewwel ikkalkulat l-impatt li l-miżuri jkollhom fuq is-settur tal-biedja kollu kemm hu, bl-użu tal-aqwa sorsi statistiċi disponibbli u affidabbli u f’konformità mal-prattika stabbilita tagħha kif deskritt hawn fuq, filwaqt li jitqies li l-UAN huwa fertilizzant (tan-nitroġenu) wieħed fl-Unjoni iżda mhuwiex l-aktar wieħed komuni (21). Il-parti li sostniet li din il-parti tal-analiżi kienet inkonsistenti ma’ partijiet oħra tagħha stess ipprovdiet ukoll ċifri mhux tal-UAN (22) meta ma kellha l-ebda data speċifika tal-UAN għad-dispożizzjoni tagħha.

(245)

Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa (251) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkalkulat ukoll l-impatt fl-agħar xenarju possibbli, li huwa l-impatt tal-ogħla dazju proviżorju fuq azjenda agrikola speċjalizzata li qed tuża biss l-UAN bħala fertilizzant tan-nitroġenu. Dan huwa xenarju teoretiku estrem ħafna. Meta għamlet din l-analiżi, il-Kummissjoni qagħdet fuq data statistika fir-rigward ta’ gruppi ta’ utenti speċifiċi ta’ bdiewa li l-aktar kienu jużaw l-UAN. Il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet interessati wkoll bir-riżultati ta’ din l-analiżi.

(246)

L-istess produttur esportatur irrikonoxxa li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet kalkolu tal-agħar xenarju, iżda kkritikat l-aġġustament li sar, sabiex ċifra tal-2013 tinġieb għal-livell tal-2017, għall-kontribut tal-fertilizzanti tan-nitroġenu għas-COP għal azjenda agrikola fin-naħa ta’ fuq ta’ Franza li tispeċjalizza fil-qamħ. Għal darb’oħra, dan l-aġġustament sar fuq il-bażi ta’ sorsi statistiċi solidi, kif spjegat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna (28) fir-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, l-aktar valuri riċenti tal-Kontijiet Ekonomiċi għall-Agrikoltura għal Franza jitolbu l-aġġustament ’l isfel li sar mill-Kummissjoni (23). Il-parti kkontestat ukoll li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-UAN irrappreżenta madwar 10 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-azjendi agrikoli speċjalizzati fil-qamħ komuni fi Franza li jużaw l-UAN bħala l-uniku sors ta’ fertilizzant tan-nitroġenu, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni. Madankollu, il-parti ma ġabet l-ebda evidenza biex tissostanzja din il-pretensjoni. Għaldaqstant, dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(247)

L-assoċjazzjoni tal-utenti AGPB qablet li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, l-UAN irrappreżenta sa 10 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-azjendi agrikoli speċjalizzati fil-qamħ komuni fi Franza, kif ippreżentat mill-Kummissjoni (24), filwaqt li l-ilmentatur ipprovda kalkoli li jenfasizzaw li s-sehem tal-ispejjeż tal-fertilizzanti fl-inputs tal-ispejjeż tal-bdiewa huwa modest (25). L-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA pproponew alternattiva għall-metodoloġija tal-Kummissjoni li kienet tinvolvi sejba dwar l-ispejjeż tal-biedja ġenerali fl-Unjoni segwita mill-“agħar xenarju possibbli” deskritt fil-premessi (250) u (251) tar-Regolament proviżorju. Is-sejbiet tal-partijiet jikkonċernaw grupp ta’ utenti Franċiżi (26) usa’ minn dak fl-“agħar xenarju” possibbli użat mill-Kummissjoni. Sa fejn il-metodoloġija alternattiva tal-partijiet tkun laħqet konklużjoni differenti iżda mhux daqshekk differenti minn dik tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni qieset li d-data ppubblikata fuq l-utenti tal-COP tal-FADN fi Franza ma ddgħajjifx il-konklużjonijiet tagħha dwar l-interess tal-Unjoni fir-rigward tal-bdiewa.

(248)

IFA ssottomettiet ukoll li l-Kummissjoni ssottovalutat is-sehem tal-UAN fl-ispiża totali tal-produzzjoni tal-bdiewa fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet fl-UAN li setgħet tiġi osservata sa minn Settembru 2018. Il-Kummissjoni nnotat li l-perjodu ta’ investigazzjoni magħżul għal din l-investigazzjoni huwa l-1 ta’ Lulju 2017 sat-30 ta’ Ġunju 2018 u li għalhekk hija kellha raġun u kienet konformi mar-Regolament bażiku meta ma użatx id-data li tappartjeni għat-tieni nofs tal-2018 għall-analiżi msemmija hawn fuq. Madankollu, l-iżviluppi ta’ wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ġew analizzati u tqiesu meta ġiet stabbilita l-forma tal-miżuri kif spjegat fit-Taqsima 10.1.

(249)

L-istess assoċjazzjoni ma qablitx mal-fatt li meta tikkalkola l-impatt ta’ dazju fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-azjendi agrikoli speċjalizzati fil-qamħ komuni fi Franza li jużaw l-UAN bħala l-uniku sors ta’ fertilizzant tan-nitroġenu, il-Kummissjoni qieset li 70 % biss ta’ dawn l-ispejjeż tal-fertilizzanti tal-azjendi agrikoli kienu jikkorrispondu għall-UAN billi l-fertilizzanti tan-nitroġenu jammontaw għal 70 % tal-użu totali ta’ fertilizzanti fl-Unjoni. Madankollu, hija naqset milli tissostanzja l-pretensjoni tagħha, li tidher li mhix iġġustifikata fid-dawl tal-effiċjenzi agronomiċi ppreżentati mill-ilmentatur f’t19.002185. Għaldaqstant, il-pretensjoni tal-parti ma ntlaqgħetx.

(250)

L-assoċjazzjoni tal-utenti Copa-Cogeca tenniet li d-dazji jinvolvu spejjeż addizzjonali li l-bdiewa ma jistgħux jittrasferixxu ’l isfel fil-katina tal-ikel agrikolu, li jdgħajfu l-introjtu tal-bdiewa u l-kompetittività tagħhom. L-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA indikaw li l-kompetittività fost il-bdiewa tal-Unjoni diġà hija mxekkla mit-tariffi tal-importazzjoni u/jew mid-dazji antidumping (pereżempju fuq l-importazzjonijiet AN) li jipproteġu lill-produtturi tan-nitroġenu fl-Unjoni, u li jiswew lill-bdiewa EUR 1 biljun fis-sena. Anki jekk il-Kummissjoni tikkonċedi li, skont l-għelejjel u s-suq tagħhom, il-bdiewa se jsibuha diffiċli biex jittrasferixxu ċerti żidiet fl-ispejjeż, il-premessa (254) ta’ hawn taħt iżżomm rendikont tal-previżjoni ta’ introjtu agrikolu stabbli fl-Unjoni fil-futur qrib. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li fil-premessa (249) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-UAN jirrappreżenta inqas minn madwar 1 % tal-ispejjeż tal-biedja ġenerali fl-Unjoni, u 10 % għall-ispejjeż ġenerali għal irziezet speċjalizzati (il-premessa 251). Għaldaqstant, żieda fil-prezzijiet derivata mill-miżuri, jekk ikun hemm, ma għandux ikollha impatt sinifikanti fuq is-settur tal-biedja fl-Unjoni b’mod ġenerali. Għaldaqstant, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(251)

F’seduta ta’ smigħ konġunta sussegwenti għad-divulgazzjoni proviżorja, diversi utenti sostnew li l-impatt tal-miżuri fuq il-bdiewa se jkun ħafna aktar sever minn dak ikkalkulat mill-Kummissjoni. Huma sostnew li l-ispiża tal-produzzjoni ta’ uħud mill-aktar bdiewa affettwati se jiżdied b’5 % sa saħansitra 12 %, minflok bi 3 % sa 5 %, kif ikkalkulat il-Kummissjoni. Dawn il-pretensjonijiet kienu bbażati fuq kombinazzjoni ta’ testimonjanzi jew fuq data ppreżentata ta’ bdiewa magħżula, li kienu impossibbli li jiġu vverifikati, flimkien ma’ data statistika. Wara d-divulgazzjoni finali, fid-dawl tal-livelli ta’ dazju riveduti u l-forma riveduta tal-miżuri, kif spjegat fit-Taqsima 8.1 hawn taħt, il-partijiet baxxew il-projezzjonijiet tagħhom minn 6 % għal 9 % l-aktar, skont jekk l-UAN jirrappreżentax 70 % tal-ispejjeż tal-fertilizzanti tal-azjendi agrikoli, li kif imsemmi fil-premessa (248) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset l-aktar realistiku f’dan ix-xenarju “estrem”, jew 100 % ta’ dawn l-ispejjeż. Madankollu, dawn iż-żidiet fl-ispejjeż ipproġettati kienu bbażati wkoll fuq il-prezzijiet tal-UAN fi Frar 2019, li mhux biss ma jaqax fil-perjodu ta’ investigazzjoni iżda li huwa wkoll xahar meta l-prezzijiet kienu eċċezzjonalment għoljin (naqsu drastikament wara). Barra minn hekk, kienu bbażati fuq is-suppożizzjoni li ż-żieda ġenerali fl-ispejjeż minħabba d-dazji definittivi tkun fil-livell tad-dazju speċifiku relattivament għoli kkalkulat għal wieħed mill-produtturi esportaturi Russi, li huwa eżaġerazzjoni fid-dawl tas-sehem tas-suq ta’ dan il-produttur wieħed. Għalhekk dawn il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(252)

Wara miżuri proviżorji, Copa-Cogeca kkalkulat ukoll li l-ispiża żejda minħabba d-dazju antidumping proviżorju għall-bdiewa fl-Unjoni tammonta għal EUR 559 miljun fis-sena, filwaqt li l-assoċjazzjoni tal-utenti IFA kkalkulat EUR 312-il miljun. Skont l-assoċazzjoni tal-utenti AGPB tali spiża żejda tammonta għal EUR 502 miljun fis-sena. Il-Kummissjoni tinnota li biex waslu għal dawn iċ-ċifri, jidher li l-partijiet qiesu d-data ta’ referenza differenti minn dik użata mill-Kummissjoni, jiġifieri l-ogħla dazji proviżorji u prezzijiet tal-UAN f’perjodi meta l-UAN kellu prezzijiet (eċċezzjonalment) għolja. Wara d-divulgazzjoni finali, Fertilizers Europe sostniet li l-ispiża globali tad-dazju li għandu jiġi impost għall-bdiewa tammonta għal 32,8 miljun Euro fis-sena. Madankollu, fil-kalkolu tagħha, hija injorat kwalunkwe impatt potenzjali tad-dazju fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li fir-rigward tal-bdiewa fl-Unjoni, jekk jiġi preżunt li l-importaturi se jittrasferixxu 100 % tal-ispiża tad-dazju lilhom, il-miżuri antidumping fil-livell stabbilit f’dan ir-Regolament se jinvolvu spiża żejda ta’ mhux aktar minn EUR 90 miljun fis-sena. Din iċ-ċifra hija bbażata fuq id-dazji speċifiċi li jridu jiġu imposti għall-oriġini kkonċernati, il-konsum tal-UAN u l-ishma mis-suq matul il-perjodu ta’ investigazzjoni u tantiċipa wkoll żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni.

(253)

Il-produttur esportatur CFI kkritika l-fatt li, skont il-Kapitolu 7.3 tar-Regolament proviżorju, ma saret l-ebda valutazzjoni dwar l-impatt ta’ dazju antidumping fuq il-profittabbiltà tal-bdiewa filwaqt li skont ir-rapport maħruġ mid-DĠ AGRI tal-Kummissjoni, ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna (24) tar-Regolament proviżorju, fl-2013 razzett tal-qamħ fin-naħa ta’ fuq ta’ Franza ġarrab telf għoli sa 10 %. Bl-istess mod, żewġ assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA ssottomettew li minflok l-impatt fuq l-ispiża tal-produzzjoni għandu jitkejjel l-effett tad-dazju antidumping fuq il-profitt tal-bdiewa. Tali analiżi allegatament turi li l-marġnijiet tal-profitti attwali tal-bdiewa huma ristretti ħafna u li ż-żieda fl-ispejjeż minħabba d-dazji antidumping jista’ jkollha effett detrimentali fuq il-vijabbiltà ta’ ħafna rziezet fl-Unjoni. Il-partijiet ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li dazju fil-livell kif impost b’mod proviżorju mhux se jkollu impatt għoli b’mod sproporzjonat fuq l-azjendi agrikoli speċjalizzati fil-qamħ komuni fi Franza. Skont waħda minnhom, fir-rigward tal-bdiewa Franċiżi li jkabbru ż-żrieragħ speċjalizzati fiċ-ċereali, fiż-żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt u fl-għelejjel li fihom il-proteini, kwalunkwe spiża addizzjonali minħabba miżuri jelimina ħafna mill-profitti żgħar li qed jagħmlu attwalment. Il-produttur esportatur Russu Acron indika li l-moral tal-bdiewa kien fl-inqas livell tiegħu, allegatament minħabba ħsad katastrofiku, pandemiji fl-azjendi agrikoli, inċertezzi fil-klima u fis-suq u prezzijiet tal-bejgħ aktar baxxi mill-ispejjeż tal-produzzjoni. Għall-produttur esportatur Russu l-ieħor, is-severità taż-żidiet fil-prezzijiet fin-nuqqas ta’ prodotti alternattivi affordabbli tipperikola settur fejn l-introjtu tal-bdiewa huwa diġà prekarju.

(254)

Il-pretensjonijiet ta’ hawn fuq dwar il-profittabbiltà tal-bdiewa huma rifjutati.

(255)

L-ewwel nett, kif imsemmi fil-premessa (241) ta’ hawn fuq, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq l-input irċevut mill-partijiet interessati u statistika u data disponibbli affidabbli. It-tieni, il-Kummissjoni tinnota li riċerka disponibbli pubblikament tixħet dubji dwar impatt negattiv sinifikanti tad-dazji antidumping fuq il-vijabbiltà tal-azjendi agrikoli tal-Unjoni. Franza, li hija mistennija tibqa’ esportatur nett sinifikanti taċ-ċereali fil-livell tal-Unjoni (27), tabilħaqq esperjenzat prezzijiet tal-qamħ u rendimenti aħjar fl-aħħar żewġ staġuni meta mqabbel ma’ dak tal-2015/2016 (28) filwaqt li fl-2017 u l-2018, il-bdiewa f’pajjiżi bħar-Renju Unit, l-Irlanda u Franza marru pjuttost tajjeb ekonomikament (29). Anki jekk il-profittabbiltà ta’ razzett tal-qamħ speċjalizzat fi Franza fl-2013 kienet negattiva (30), il-paġna 79 tal-“EU Agricultural outlook for markets and income 2018-2030” (31) (Prospettiva Agrikola tal-UE għas-swieq u l-introjtu bejn l-2018 u l-2030) tirreferi għal stabbilizzazzjoni tal-introjtu agrikolu għal kull unità tax-xogħol annwali matul il-perjodu ta’ prospettiva. L-istess dokument jgħid li l-introjtu agrikolu f’termini nominali se jibqa’ stabbli fil-perjodu ta’ prospettiva, li se jibqa’ madwar il-livell tal-2016-2018 u li s-sitwazzjoni attwali fis-sussidji tapplika matul il-perjodu ta’ prospettiva. Skont l-istess dokument, il-produzzjoni taċ-ċereali fl-Unjoni hija prevista li tkompli tikber, u tilħaq it-325 miljun tunnellata sal-2030 (meta mqabbla mal-284 miljun tunnellata għall-2018) filwaqt li l-prezzijiet huma mistennija jibqgħu pjuttost stabbli, pereżempju bil-qamħ komuni jkun madwar EUR 180 għal kull tunnellata.

(256)

Minbarra dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni tinnota li ż-żewġ assoċjazzjonijiet tal-utenti msemmija fil-premessa (252) ta’ hawn fuq qablu mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ħafna mill-bdiewa tal-Unjoni jiddependu fuq diversi għelejjel. Dan il-fatt jista’ jkun ħtieġa agrikola iżda, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala xibka ta’ sikurezza għall-bdiewa billi x-xejriet tal-prezzijiet u l-introjtu jvarjaw bejn l-għelejjel. Tabilħaqq, madwar 50 % tal-output tal-bdiewa Franċiżi speċjalizzati fil-qamħ komuni (jiġifieri l-grupp meqjus bħala li jinsab fl-“agħar xenarju possibbli”) huwa ddiversifikat f’għelejjel oħra.

(257)

Anki jekk il-Kummissjoni ma tistax teskludi li d-dazji tal-antidumping definittivi fil-livell stabbilit jista’ jkollhom impatt negattiv fuq xi operazzjonijiet ta’ ċerti azjendi agrikoli, l-impatt f’termini ta’ profitt mitluf fl-azjendi agrikoli fil-futur mhux kwantifikabbli fid-dawl taċ-ċikliċità u l-inċertezzi inerenti għall-biedja. Fi kwalunkwe każ, l-investigazzjoni wriet li ma hemm l-ebda relazzjoni bejn il-prezz tal-UAN u l-marġni nett la tal-operazzjonijiet tal-qamħ komuni tal-azjendi agrikoli Franċiżi fl-“agħar xenarju possibbli” u lanqas tal-azjendi agrikoli Franċiżi speċjalizzati fiċ-ċereali, fiż-żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt u fl-għelejjel li fihom il-proteini. Tabilħaqq, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-fajl li storikament żieda fl-introjtu tal-bdiewa tista’ tkun marbuta ma’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-UAN jew li tnaqqis fl-introjtu tal-bdiewa jista’ jintrabat ma’ żieda fil-prezzijiet tal-UAN, kif turi t-tabella ta’ hawn taħt.

Image 1

(258)

Wara d-divulgazzjoni finali, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA enfasizzaw li l-grupp tal-bdiewa l-aktar affettwat mill-miżuri kien ra tnaqqis fl-introjtu matul perjodu twil u għalhekk, anki jekk id-dħul tagħhom jistabbilizza ruħu, dan ikun f’livelli baxxi u għalhekk il-miżuri jolqtuhom b’mod serju. Madankollu, in-nuqqas ta’ relazzjoni bejn il-prezz tal-UAN u l-marġni muri fit-tabella ta’ hawn fuq ma jippermettix li jiġi previst li l-effett li l-miżuri se jkollhom fuq il-profitti tal-bdiewa jkun serju. Tabilħaqq, il-firxa tal-effett reali se tkun dipendenti fuq wisq fatturi.

(259)

L-assoċjazzjoni tal-utenti IFA talbet lill-Kummissjoni biex ma tappoġġax lis-settur tal-manifattura li għandu impatt limitat fuq in-nisġa tal-ekonomiji rurali tal-Unjoni għall-kuntrarju tal-agrikoltura. Din il-pretensjoni mhix iġġustifikata u għaldaqstant ġiet rifjutata. L-industrija tal-Unjoni hija vijabbli u effiċjenti meta tingħata kundizzjonijiet ekwi.

(260)

Għall-kuntrarju tas-sejba tal-Kummissjoni, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA qajmu dubji dwar l-eżistenza tal-assigurazzjonijiet għall-iħħeġġjar tal-marġnijiet għad-dispożizzjoni tal-bdiewa tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-fehmiet tal-partijiet dwar il-kwistjoni jvarjaw: is-sottomissjoni tal-produttur esportatur CFI (32) tad-29 ta’ April 2019 tissuġġerixxi li l-għodod imsemmija fil-premessa (251) tar-Regolament proviżorju qed jintużaw. Wara d-divulgazzjoni finali, l-AGPB u l-IFA sostnew li “l-assigurazzjonijiet ta’ marġni mhumiex użati b’mod sinifikanti għalissa fl-agrikoltura tal-UE” u li ma kien hemm l-ebda għodda għall-iħħeġġjar tal-prezzijiet disponibbli b’mod wiesa’ għall-inputs tal-azjendi agrikoli. Madankollu, din il-pretensjoni ma kinitx sostanzjata.

(261)

Il-produttur esportatur ikkonċernat qajjem dubji dwar il-valur tas-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (251) tar-Regolament proviżorju, jiġifieri (i) li ħafna azjendi agrikoli fl-Unjoni jiddependu fuq diversi għelejjel u (ii) li l-bdiewa għandhom diversi għodod għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw UAN bi prezzijiet raġonevoli. Rigward il-punt (i), huwa qal li l-azjendi agrikoli speċjalizzati fil-qamħ, inkluża dik imsemmija mill-Kummissjoni bħala eżempju, diġà huma relattivament iddiversifikati iżda li l-impatt ta’ dazju antidumping fuq l-għelejjel għajr il-qamħ se jkun sever ukoll kif urew l-assoċjazzjonijiet tal-bdiewa. Rigward il-punt (ii), huwa nnota li dawn l-għodod diġà jintużaw mill-bdiewa fis-sitwazzjoni attwali għalhekk dan il-fatt mhu se jnaqqas l-impatt ta’ ebda dazju. Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-parti minħabba li b’mod ġenerali kemm (i) kif ukoll (ii) huma ta’ benefiċċju għall-bdiewa, ma hemm l-ebda raġuni għaliex dawn mhux se jkunu ta’ benefiċċju fil-kuntest ta’ xi żieda fl-ispejjeż minħabba miżuri antidumping.

(262)

Il-produttur esportatur Acron iddikjara li l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel stima tal-impjiegi relatati mal-UAN fl-azjendi agrikoli ma jfissirx li ma hemm l-ebda impjieg relatat mal-UAN fl-azjendi agrikoli inkwistjoni. Il-produttur esportatur CFI ma qabilx li l-Kummissjoni qieset li l-impatt tal-miżuri antidumping fuq l-impjieg se jkun limitat fid-dawl tat-tnaqqis sinifikanti previst tal-forza tax-xogħol fis-settur minħabba titjib fil-produttività. Il-parti nnotat ukoll iż-żieda mistennija ta’ (ċerti) spejjeż tal-bdiewa bejn l-2017 u l-2030.

(263)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-premessa (252) tar-Regolament proviżorju għandha tinftiehem fis-sens li d-dazji antidumping mhumiex mistennija jaċċelleraw it-tnaqqis tal-forza tax-xogħol diġà (u preċedentement) previst li jitkompla fl-azjendi agrikoli fl-Unjoni. Fir-rigward taż-żieda prevista fl-ispejjeż il-premessa (254) ta’ hawn fuq tirreferi fi kwalunkwe każ għal stabbilizzazzjoni tal-introjtu agrikolu.

(264)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor fir-rigward tal-interess tal-utenti, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (241) sa (252) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

7.4.   Fatturi oħra

(265)

Il-produttur esportatur CFI sostna li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li xejn fil-fajl ma jissuġġerixxi li żieda fil-prezzijiet tal-UAN, jekk ikun hemm, se jkollha impatt sinifikanti fuq il-prezz ta’ fertilizzanti oħra, billi skont il-parti l-prezzijiet tal-UAN u tal-AN jimxu id f’id. Madankollu, din il-pretensjoni hija f’kontradizzjoni ma’ materjali relatati mas-seduti ta’ smigħ ippreżentati mill-utenti (33), li skonthom il-prezzijiet tal-AN fl-Unjoni ma kinux qed jaqblu mal-prezzijiet dinjija. Pretensjoni magħmula mill-assoċjazzjoni tal-utenti Copa-Cogeca li d-dazji se jżidu l-prezzijiet ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu oħra ġiet rifjutata wkoll għall-istess raġunijiet.

(266)

Il-produttur esportatur CFI kkritika s-sejbiet tal-Kummissjoni dwar impjiegi relatati mal-UAN fil-premessa (257) tar-Regolament proviżorju. Il-parti ma pprovdiet l-ebda kalkolu alternattiv jew kalkolu għal impjiegi relatati mal-UAN f’azjendi agrikoli fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-kummenti tagħha ma ntlaqgħux.

(267)

Il-produttur esportatur Russu Acron qajjem dubji dwar in-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 tar-Regolament proviżorju (“il-marka tal-karbonju tan-nitrat tal-ammonju fl-UE hija 1,1 CO2 ekwivalenti/tunnellata ta’ prodott, 2,3 fl-Istati Uniti u 2,6 fir-Russja”) billi ddikjara li l-marka tal-karbonju tiegħu stess tal-produzzjoni tal-UAN hija 0,7 CO2 ekwivalenti/tunnellata ta’ prodott (34) u 0,6-0,8 għar-Russja. Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda data tal-punt ta’ riferiment tal-marka tal-karbonju tal-UAN waħedha. Għaldaqstant, kif iddikjarat b’mod ċar fin-nota ta’ qiegħ il-paġna inkwistjoni, id-data żammet rendikont tal-valuri tan-nitrat tal-ammonju minn kalkulatur li jiddetermina l-marka ta’ parti terza. Il-korpi Ewropej jippubblikaw data li turi t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju mill-kumpaniji tal-Unjoni (35).

(268)

L-Unjoni Ċentrali tal-Produtturi Agrikoli u tas-Sidien tal-Foresti fil-Finlandja, MTK, insistiet li l-miżuri se jxekklu l-użu tal-UAN, allegatament metodu ta’ fertilizzazzjoni favur ħafna tal-ambjent. Il-produttur esportatur Acron sostna li alternattivi għall-UAN mhumiex biss aktar għalja u onerużi fl-applikazzjoni iżda wkoll iniġġsu aktar. Il-parti rreferiet għal studju dwar l-agrikoltura bħala sors ewlieni ta’ tniġġis tal-ossidu tan-nitroġenu f’California u sostniet li, minħabba perikli ambjentali marbuta mal-użu ta’ alternattivi għall-UAN, il-Kummissjoni ma għandhiex tipprevjeni UAN affordabbli fl-Unjoni billi timponi dazji antidumping. Madankollu, il-premessa (256) tar-Regolament proviżorju fakkret li, anki jekk il-UAN għandu għadd ta’ vantaġġi agronomiċi, dan mhuwiex newtrali għall-ambjent. Billi l-parti ma pprovdietx biżżejjed evidenza ta’ sostenn rilevanti dwar il-kwistjoni, il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux.

(269)

Acron sostna wkoll li d-dazji se jaffettwaw lid-distributuri Ewropej u lill-ktajjen tal-provvista b’mod negattiv. Billi l-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ sostenn dwar il-kwistjoni, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(270)

L-assoċjazzjoni MTK qajmet dubji dwar min se jibbenefika mid-dazji antidumping billi enfasizzat li ħafna mill-kumpaniji fertilizzanti l-kbar fis-suq tal-Unjoni mhumiex ibbażati fl-Unjoni. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar l-obbligu legali tagħha li timponi dazji antidumping meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali, indipendentement mill-kontribuzzjonijiet tat-taxxa jew kunsiderazzjonijiet oħra.

(271)

Il-produttur esportatur Acron sostna li l-produtturi tal-Unjoni kienu qed jippruvaw jimmanipulaw il-prezzijiet tal-UAN. L-assoċjazzjonijiet tal-utenti li kkooperaw innotaw konċentrazzjoni akbar fi ħdan il-produtturi tal-Unjoni u prattiki mhux kompetittivi possibbli mill-produtturi fertilizzanti tal-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe awtorità rilevanti li tkun stabbiliet li l-produtturi tal-Unjoni tal-UAN daħlu fi prattiki mhux kompetittivi, dawn il-kummenti ġew rifjutati.

7.5.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(272)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (239) sa (258) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

8.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

(273)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri antidumping definittivi sabiex jiġi evitat li jiġi kkaġunat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

8.1.   L-għamla tal-miżuri

(274)

Il-produttur esportatur CFI sostna li dazji ad valorem ma jkunux xierqa fil-kuntest attwali tal-prezzijiet li qed jogħlew, billi jirriżultaw f’livell ta’ protezzjoni għoli wisq, ma jinċentivawx lill-produtturi tal-Unjoni biex inaqqsu l-ispejjeż, jgħollu l-prezzijiet fl-Unjoni bla bżonn u jħeġġu lil Gazprom biex tibqa’ tbigħ il-gass fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet eċċessivi. Għalhekk, huwa sostna li kwalunkwe dazju jenħtieġ li jkun fil-forma ta’ prezz ta’ riferiment ta’dazju CIF minimu mhux imħallas, billi dan joffri livell adegwat ta’ protezzjoni għall-industrija tal-Unjoni filwaqt li ma jippenalizzax bla bżonn lill-industrija tal-biedja. L-assoċjazzjonijiet tal-utenti AGPB u IFA ddikjaraw li prezz minimu tal-importazzjoni jkun konsistenti mal-prattika tal-Kummissjoni (36) fil-każ ta’ żidiet fil-prezzijiet wara l-perjodu ta’ investigazzjoni u jipprovdi xibka ta’ sikurezza lill-industrija tal-fertilizzanti tal-Unjoni filwaqt li jillimita kemm iż-żieda fil-piż tal-ispiża fuq il-bdiewa tal-Unjoni kif ukoll id-dannu għall-kompetittività tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni fis-settur agrikolu.

(275)

Madankollu, minħabba s-sejbiet tal-investigazzjoni b’rabta mal-impatt fuq l-utenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri fil-forma ta’ prezz minimu tal-importazzjoni mhux se jkunu ġġustifikati f’dan il-każ. Għalhekk, il-pretensjonijiet għal prezz minimu tal-importazzjoni ma ntlaqgħux.

(276)

Il-produttur esportatur MHTL talab dazju speċifiku (i) fid-dawl tal-prezzijiet tal-UAN dejjem jiżdiedu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni; (ii) biex jiġi limitat kwalunkwe impatt serju possibbli fuq l-utenti; u (iii) minħabba dazju speċifiku għal kull tunnellata huwa aktar xieraq għall-ilmentatur billi l-importazzjonijiet mill-parti kkonċernata jseħħu biss permezz ta’ kumpanija tal-bejgħ relatata.

(277)

Il-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet medji tal-UAN matul il-perjodu meqjus, il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu ta’ wara l-investigazzjoni. Il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet kienu sinifikanti, l-aktar minħabba l-flutwazzjoni qawwija tal-prezz tal-gass, il-materja prima ewlenija tal-UAN. Fid-dawl ta’ din il-volatilità tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-UAN, hemm riskju ġenwin li dazju ad valorem jista’ jkun jew insuffiċjenti biex jiġi eliminat id-dannu meta l-prezzijiet huma baxxi jew jikkawża dannu bla bżonn lill-industrija tal-utent meta l-prezzijiet ikunu laħqu l-ogħla livell. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li dazju speċifiku kien aktar xieraq minn dazju ad valorem, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi f’dan il-każ.

(278)

Wara l-iżvelar finali, l-ilmentatur, Grupa Azoty u Agropolychim opponew il-miżuri fil-forma ta’ dazju speċifiku. Fid-dawl tal-fatt li l-produtturi tal-Unjoni għadhom ma rċevewx eżenzjoni sħiħa, filwaqt li tqieset il-volatilità tal-prezzijiet tal-gass u tal-UAN u fid-dawl tal-prezzijiet depressi tal-UAN matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, huma kkunsidraw dazju ad valorem aktar xieraq. Kif spjegat fil-premessa (276) hawn fuq, il-volatilità għolja tal-prezzijiet hija preċiżament waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-istabbiliment ta’ dazju speċifiku. Abbażi ta’ dan, l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

(279)

Wara d-divulgazzjoni finali, AGPB u IFA tennew li l-Kummissjoni, li kieku kellha timponi dazji definittivi, jenħtieġ li tagħmel dan fil-forma ta’ prezz minimu ta’ importazzjoni. Il-partijiet qiesu li s-sejbiet rilevanti fl-investigazzjoni attwali huma l-istess bħal dawk li jiġġustifikaw tali approċċ f’investigazzjoni konkluża mill-Kummissjoni fl-2011 (37). Fir-rigward ta’ din id-dikjarazzjoni, anki jekk iċ-ċirkustanzi jkunu jixxiebħu, hija prattika konsistenti tal-Kummissjoni li tevalwa kull każ fuq il-merti proprji tiegħu. F’dan il-każ, kif spjegat fil-premessa (274), is-sejbiet fir-rigward tal-interessi tal-utenti ma jitolbux prezz minimu tal-importazzjoni. Huwa mfakkar li l-prezzijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu relattivament baxxi u li kieku jiġi stabbilit prezz minimu tal-importazzjoni fuq din il-bażi, ikun hemm riskju ġenwin li l-miżuri ma jipproteġux adegwatament lill-industrija tal-Unjoni kontra d-dumping dannuż stabbilit. Għalhekk, il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

8.2.   Miżuri definittivi

(280)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ammont ta’ dazju għandu jkun daqs l-ammont fiss għal kull tunnellata ta’ UAN kif jidher hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Marġni tad-dumping (%)

Marġni tad-dannu (%)

Rata tad-dazju definittiva (%)

Rata fissa tad-dazju definittiv — f’EUR għal kull tunnellata

Ir-Russja

PJSC Acron

31,9

31,9

31,9

42,47

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Azot”

20,0

20,0

20,0

27,77

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’ishma konġunti “Nevinnomyssky Azot”

20,0

20,0

20,0

27,77

Ir-Russja

Il-kumpaniji l-oħra kollha

31,9

31,9

31,9

42,47

Trinidad u Tobago

Methanol Holdings (Trinidad) Limited

55,8

16,2

16,2

22,24

Trinidad u Tobago

Il-kumpaniji l-oħra kollha

55,8

16,2

16,2

22,24

L-Istati Uniti tal-Amerka

CF Industries Holdings, Inc.

37,3

23,9

23,9

29,48

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-kumpaniji l-oħra kollha

37,3

23,9

23,9

29,48

(281)

Ir-rati tad-dazju antidumping ta’ kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Kif spjegat ukoll fil-premessa (35), (74) u (90) tar-Regolament proviżorju, f’dan il-każ il-livell ta’ kooperazzjoni kien għoli, minħabba li l-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw fil-pajjiżi kkonċernati kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju antidumping residwu kien stabbilit fil-livell tal-kumpaniji li kkooperaw.

(282)

Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni tar-rata ta’ dazju antidumping individwali tagħha jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (38). It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata ta’ dazju li tapplika għaliha. Jekk it-tibdil fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, irid jiġi ppubblikat avviż dwar it-tibdil tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.3.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(283)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazju antidumping proviżorju, impost bir-Regolament proviżorju, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv.

(284)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-Russja u minn Trinidad u Tobago, ir-rati tad-dazju definittivi huma aktar baxxi mir-rati tad-dazju proviżorji. B’hekk, l-ammonti ggarantiti li jeċċedu r-rata ta’ dazju antidumping definittiv fuq dawn l-importazzjonijiet jenħtieġ li jiġu rilaxxati.

8.4.   Retroattività

(285)

Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju f’soluzzjoni milwiema jew ammonjakali soġġetti għal reġistrazzjoni matul il-perjodu ta’ divulgazzjoni minn qabel, skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku.

(286)

Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(287)

Iš Komisijos analizės matyti, kad per tris išankstinio faktų atskleidimo laikotarpio savaites importas iš esmės nepadidėjo, palyginti su importo lygiu per tiriamąjį laikotarpį. Vidutiniškai per mėnesį importas iš trijų nagrinėjamųjų šalių sumažėjo nuo 144 020 tonų iki 66 080 tonų, t. y. 54 % (šaltinis: pakoreguoti Eurostato duomenys, įskaitant prorata temporis ). Todėl ta sąlyga pagal pagrindinio reglamento 10 straipsnio 4 dalies d punktą nėra įvykdyta.

(288)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi għall-perjodu ta’ tliet ġimgħat li matulu l-importazzjonijiet ġew irreġistrati ma kienx iġġustifikat f’dan il-każ.

9.   OFFERTA TA’ IMPENN

(289)

Produttur esportatur Russu (“l-applikant”) ippreżenta offerta volontarja ta’ impenn fuq il-prezz skont l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni osservat li din l-offerta kienet waslet ferm wara l-iskadenza stabbilita mill-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, li jirreferi għad-divulgazzjoni finali.

(290)

L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà li joffri (u jaċċetta) impenji fuq il-prezz f’ċirkostanzi eċċezzjonali wara din l-iskadenza. Madankollu, il-Kummissjoni analizzat l-offerta ta’ impenn u kkunsidrat li l-aċċettazzjoni tagħha ma tkunx prattika għar-raġunijiet li ġejjin.

(291)

Il-prezz minimu tal-importazzjoni propost (“PMI”) ma kienx adegwat biex jitneħħew l-effetti dannużi tad-dumping. L-offerta ma kinitx konformi mal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, il-PMI fi ħdan l-offerta ta’ impenn fuq il-prezz jenħtieġ li jkun fil-livell meħtieġ biex titneħħa l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni. Il-paragrafu li jmiss tal-istess Artikolu jiddikjara li fl-eżami ta’ dan il-livell jenħtieġ li japplika l-Artikolu 7 minn (2a) sa (2d).

(292)

Barra minn hekk, l-applikant qed ibigħ il-prodott ikkonċernat permezz ta’ kumpaniji relatati fl-Unjoni u xi wħud mill-prodotti importati jkomplu jiġu pproċessati fl-Unjoni qabel ma jinbiegħu lil partijiet mhux relatati. Barra minn hekk, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, waħda minn dawn il-kumpaniji relatati tbigħ il-prodott li qed jiġi investigat kif ukoll prodotti oħra (jiġifieri fertilizzanti) fis-suq tal-Unjoni, u huwa probabbli li dawn il-prodotti l-oħra jinbiegħu lill-istess klijenti.

(293)

Jekk il-parti relatata fl-Unjoni u l-applikant ibigħu l-prodott ikkonċernat u prodotti oħra lill-istess klijenti fl-Unjoni, il-prezzijiet ta’ tali tranżazzjonijiet jistgħu jkunu stabbiliti b’mod li jikkumpensaw għall-PMI soġġett għall-impenn. Tali kumpens madankollu, għandu mnejn ma jkunx jista’ jiġi identifikat minn attivitajiet ta’ monitoraġġ, billi l-istruttura tal-prezzijiet għall-maġġoranza tal-prodotti manifatturati u mibjugħa mill-kumpanija relatata fl-Unjoni mhi soġġetta għal ebda sors pubblikament disponibbli. Għalhekk, ma jistax jiġi vvalutat jekk il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi jweġbux għall-valur tal-prodotti jew jiħdux inkunsiderazzjoni roħs potenzjali sabiex jikkumpensaw għal tranżazzjonijiet soġġetti għall-impenn li għalih irid jiġi rispettat PMI. Għaldaqstant, jeżisti riskju għoli ta’ kumpens trasversali mal-bejgħ tal-UAN u prodotti oħra lill-istess klijenti.

(294)

Għalhekk, il-monitoraġġ ta’ tali impenn ma jkunx prattiku u ma jkunx jista’ jiġi implimentat.

(295)

Il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-applikant, li fiha spjegat ir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta ta’ impenn u tat lill-applikant il-possibbiltà li jikkummenta dwar din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-applikant fir-rigward tal-fatt li l-offerta kienet ippreżentata tard wisq fil-proċedura, il-livell tal-PMI, u l-prattikabbiltà tal-impenn.

(296)

L-applikant iddikjara li l-offerta kienet ippreżentata qabel l-iskadenza għall-kummenti għad-divulgazzjoni definittiva addizzjonali, li tirreferi għall-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku. Madankollu, l-offerta kellha tintbagħat qabel l-iskadenza għall-kummenti għad-divulgazzjoni definittiva, mhux sal-iskadenza stabbilita għal divulgazzjoni definittiva addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(297)

Fil-kummenti tiegħu, l-applikant ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-PMI huwa baxx wisq u ppropona limitu massimu kwantitattiv flimkien mal-PMI. Kif iddikjarat fil-premessa (290), l-Artikolu minn 7(2a) sa 7(2d) jenħtieġ li japplika biex jiġi eżaminat jekk il-PMI jkunx biżżejjed biex jitneħħa d-dumping dannuż u t-talba għalhekk jenħtieġ li tiġi rrifjutata.

(298)

L-applikant offra livelli minimi tal-prezzijiet għall-prodotti l-oħra li jbigħ fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, dan ikun jirriżulta f’piż kbir ta’ monitoraġġ u għalhekk il-Kummissjoni baqgħet tal-opinjoni li l-monitoraġġ tal-impenn propost ma jkunx prattiku.

(299)

L-applikant bagħat verżjoni riveduta tal-offera ta’ impenn fi stadju tard ħafna tal-proċediment. Minkejja li l-applikant offra PMI f’livell meħtieġ biex ineħħi l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni xorta waħda qieset il-monitoraġġ ta’ tali impenn bħala mhux prattiku u li ma jistax jiġi implimentat għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (291), (292) u (297) hawn fuq u għalhekk ċaħdet l-offerta finali.

10.   DISPOŻIZZJONI FINALI

(300)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39), meta ammont irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(301)

Il-miżuri previsti f’ dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u ta’ nitrat tal-ammonju f’soluzzjoni milwiema jew ammonijakali, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 3102 80 00 u li joriġinaw mir-Russja, minn Trinidad u Tobago, u mill-Istati Uniti tal-Amerka.

2.   Id-dazju antidumping għandu jkun ammont fiss għal kull tunnellata applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, kif ġej:

Pajjiż

Kumpanija

Ammont fiss ta’ dazju (f’EUR għal kull tunnellata)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Ir-Russja

PJSC Acron

42,47

C500

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’Ishma Konġunti “Azot”

27,77

C501

Ir-Russja

Il-Kumpanija b’ishma konġunti “Nevinnomyssky Azot”

27,77

C504

Ir-Russja

Il-kumpaniji l-oħra kollha

42,47

C999

Trinidad u Tobago

Methanol Holdings (Trinidad) Limited

22,24

C502

Trinidad u Tobago

Il-kumpaniji l-oħra kollha

22,24

C999

L-Istati Uniti tal-Amerka

CF Industries Holdings, Inc.

29,48

C503

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-kumpaniji l-oħra kollha

29,48

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati ta’ dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta .” Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-ammonti ggarantiti bid-dazju antidumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/576 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti ggarantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju antidumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

L-ebda dazju antidumping definittiv mhu se jiġi impost b’mod retroattiv għall-importazzjonijiet reġistrati. Id-data miġbura f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/455 għandha tiġi rilaxxata.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka. ĠU C 284, 13.8.2018, p. 9.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/455 tal-20 ta’ Marzu 2019 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrati tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, mit-Trinidad u t-Tobago u mill-Istati Uniti tal-Amerka soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 79, 21.3.2019, p. 9).

(4)  Ir-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/576 tal-10 ta’ April 2019 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet ta’ urea u nitrat tal-ammonju li joriġinaw fir-Russja, fi Trinidad u Tobago u fl-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU L 100, 11.4.2019, p. 7.

(5)  DS337 Il-Komunitajiet Ewropej – Il-Miżura AntiDumping dwar is-Salamun Imrobbi min-Norveġja.

(6)  DS493 - Ukrajna - Miżuri AntiDumping dwar in-Nitrat tal-Ammonju.

(7)  It-Taqsima 3.2 tiegħu.

(8)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna (8) tar-Regolament proviżorju

(9)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2013, - EuroChem Mineral u Chemica Company OAO (EuroChem MCC) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea T- 84/07, ECLI:EU:T:2013:64, u s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) tas-7 ta’ Frar 2013 - Acron OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, T-118/10, ECLI:EU:T:2013:67.

(10)  Waidhaus hija r-referenza tal-prezz tal-gass Russa-Ġermaniża, assemblaġġ ta’ pipelines differenti mir-Russja għall-Ġermanja li jirrifletti l-prezz CIF Ġermaniż fil-fruntiera.

(11)  ФЕДЕРАЛЬНАЯ СЛУЖБА ПО ТАРИФАМ ПРИКАЗ, от 8 июня 2015 года N 216-э/1, Об утверждении тарифов на услуги по транспортировке газа по магистральным газопроводам ОАО “Газпром”, входящим в Единую систему газоснабжения, для независимых организаций (с изменениями на 14 февраля 2018 года), (Ordni tas-Servizz tat-Tariffi Federali tat-8 ta’ Ġunju 2015 Nru 216-e/1 Dwar l-approvazzjoni tat-tariffi għas-serivizzi tat-trasportazzjoni ta’ gass minn pipelines tal-gass ta’ PJSC Gazprom inklużi fis-Sistema Unifikata tal-Provvista tal-Gass, għall-organizzazzjonijiet indipendenti (bl-emendi tal-14 ta’ Frar 2018).

http://docs.cntd.ru/document/420282257.

(12)  ФЕДЕРАЛЬНАЯ СЛУЖБА ПО ТАРИФАМ ПРИКАЗ от 9 июля 2014 г. N 1142-э ОБ УТВЕРЖДЕНИИ ПОЛОЖЕНИЯ ОБ ОПРЕДЕЛЕНИИ ФОРМУЛЫ ЦЕНЫ ГАЗА, (Ordni tas-Servizz tat-Tariffi Federali tad-9 ta’ Lulju 2014 Nru 1142-e DWAR L-APPROVAZZJONI TAD-DISPOŻIZZJONI GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-FORMULA TAL-PREZZ TAL-GASS)

jinstab fuq http://www.gazprom.com/f/posts/98/377922/prikaz_1142-e.pdf aċċessat l-aħħar fil-31 ta’ Lulju 2019)

(13)  Exhibits 2 u13 mill-verifika fil-post fi Franza.

(14)  Il-Kawża C-393/13 P, Il-Kunsill vs Alumina d.o.o., EU:C:2014:2245, il-para. 25.

(15)  Pereżempju Pajpijiet mingħajr saldaturi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 585/2012 tas-26 ta’ Ġunju 2012 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment ta’ reviżjoni ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mill-Kroazja, ĠU L 174, 4.7.2012, p. 5, il-premessa (60); ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1469 tal-1 ta’ Ottubru 2018 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Russja u l-Ukrajna, wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 246, 2.10.2018, p. 20), il-premessa (81).

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1246 tat-28 ta’ Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ żbarri u vireg tal-azzar b’reżistenza għolja għar-reħi għar-rinfurzar tal-konkrit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. ĠU L 204, 29.7.2016, p. 70

(17)  http://curia.europa.eu/juris/document/document_print.jsf?docid=212842&text=&dir=&doclang=EN&part=1&occ=first&mode=lst&pageIndex=0&cid=593705

(18)  Il-Kawża T-107/08, Transnational Company “Kazchrom e" AO u ENRC Marketing AG vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2011:704.

(19)  Wara d-divulgazzjoni finali, il-produttur esportatur CFI argumenta li dan ma kienx rifless fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ. Madankollu, dan mhuwiex korrett. Il-fatt li l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni nbiegħu aktar lokalment kien ifisser li madwar 60 % tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni użati fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz mill-fabbrika ġew użati u l-aġġustament tat-trasport li sar fil-prezz indikattiv fil-kalkoli tal-bejgħ bi prezz imwaqqa’ huwa wkoll ibbażat fuq dan il-proporzjon.

(20)  t19.001843.

(21)  http://www.fertilizerseurope.com/fileadmin/user_upload/publications/statistics_publications/Stat_website.pdf

(22)  Fil-punt 4.3.3 tas-sottomissjoni tiegħu bid-data tad-29 ta’ April 2019, il-produttur esportatur (CFI) ma jagħti l-ebda ċifra tal-impjiegi speċifiċi tal-UAN iżda jiddikjara li “...9 miljun persuna ġew impjegati fl-industrija tal-biedja fl-2017”.

(23)  Ara l-paġna 7 ta’ https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/statistics/factsheets/pdf/fr_en.pdf

(24)  F’t19.001843, AGPB iddikjarat li “Mid-data tagħna mill-Observatoire Arvalis/Unigrains/CerFrance, Ottubru 2018 ... il-fertilizzazzjoni tan-nitroġenu kienet tirrappreżenta ... 10 % tal-ispiża totali tal-produzzjoni tal-qamħ tax-xitwa fi Franza fl-2017/2018”.

(25)  Ara t19.002111, fejn l-ilmentatur jikkalkula li għal Franza, il-fertilizzanti kienu 8,6 % tal-ispejjeż intermedji totali matul il-perjodu mill-2015 sal-2017, u l-evoluzzjoni tal-komponenti tal-input agrikoli fl-Unjoni kif ippreżentati fil-paġna 10 ta’ https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/statistics/factsheets/pdf/eu_en.pdf (aġġornat: Mejju 2018).

(26)  F’t19.002212 il-partijiet inkwistjoni jippreżentaw kalkoli li skonthom fl-2017/2018, l-ispejjeż tal-UAN irrappreżentaw minn 9 sa 16 % għall-utenti Franċiżi magħżula. Dawn l-utenti Franċiżi magħżula huma azjendi agrikoli speċjalizzati fiċ-ċereali, fiż-żrieragħ li minnhom jintgħasar iż-żejt u fl-għelejjel li fihom il-proteini (tip 15 jew “COP” fil-bażi tad-data FADN tad-DĠ AGRI). Ara wkoll t19.001992 għal dokumenti ta’ referenza li użaw il-partijiet (bħal https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/fadn/sector-fiches/tf15_fr.pdf).

(27)  Għall-projezzjoni, ara l-paġna 35 tal-“EU Agricultural outlook for markets and income 2018-2030” tad-DĠ AGRI, Diċembru 2018.

(28)  Il-prezzijiet u r-rendimenti jistgħu jiġu kkonsultati fil-paġna 4 tas-sottomissjoni tal-interess tal-Unjoni tal-ilmentatur f’t19.002111.

(29)  Ara s-sottomissjoni tal-ilmentatur f’t19.002185, jiġifieri l-istħarriġ dwar il-kontijiet tal-agrikoltura fl-annessi.

(30)  Skont ir-“Rapport dwar l-azjendi agrikoli taċ-ċereali tal-UE bbażat fuq id-data tal-FADN tal-2013”, DĠ AGRI, p. 44, f’azjenda agrikola speċjalizzata fil-qamħ komuni fi Franza, fl-2013, il-marġni gross kien +49 EUR/tunnellata, filwaqt li l-marġni nett (qabel il-fatturi tiegħu stess) kien -19 EUR/tunnellata.

(31)  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/food-farming-fisheries/farming/documents/medium-term-outlook-2018-report_en.pdf

(32)  t19.002016.

(33)  Slide 10 tal-materjali relatati mas-seduti ta’ smigħ tal-partijiet, t19.002212.

(34)  Il-kalkolu ta’ Acron huwa disponibbli f’t19.002053.

(35)  https://www.eea.europa.eu/themes/industry/industrial-pollution/industrial-pollution-country-profiles-2018/2018-industrial-pollution-country-profiles

(36)  Il-partijiet ikkwotaw ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1953 tad-29 ta’ Ottubru 2015 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti bi grani orjentati irrumblati ċatti ta’ azzar manjetiku tas-silikon li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerka, ĠU L 284, 30.10.2015, p. 109; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 901/2001 tas-7 ta’ Mejju 2001 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-urea li joriġinaw mir-Russja, ĠU L 127, 9.5.2001, p. 11; u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 tal-10 ta’ Mejju 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 124, 13.5.2011, p. 2, il-premessi 62 – 65 u 76.

(37)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 457/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-melamina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ĠU L 124, 13.5.2011, p. 2.

(38)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, Rue de la Loi 170, 1040 Brussell, Il-Belġju.

(39)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top