EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0986

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/986 tas-7 ta' Marzu 2019 li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda tat-tip approvat fi proċess b'diversi stadji (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/1710

OJ L 160, 18.6.2019, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0631

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/986/oj

18.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/986

tas-7 ta' Marzu 2019

li jemenda l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda tat-tip approvat fi proċess b'diversi stadji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta' rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9) u r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 13(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Mill-1 ta' Settembru 2019, il-vetturi ħfief kollha se jkunu soġġetti għal proċedura tat-test regolatorja ġdida għall-kejl tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil minn vetturi ħfief, il-Proċedura ta' Ttestjar Armonizzata fuq Livell Dinji għall-Vetturi Ħfief (WLTP) stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 (2), li tissostitwixxi ċ-Ċiklu ta' Sewqan Ewropew Ġdid (NEDC) stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (3). Għalhekk jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija ġdida għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil mill-vetturi tal-kategorija N1 tat-tip approvat fi proċess b'diversi stadji (“vetturi b'diversi stadji”).

(2)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 510/2011, l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' vettura b'diversi stadji jridu jiġu allokati lill-manifattur tal-vettura bażi. Sabiex il-manifattur tal-vettura bażi jkun jista' jippjana b'mod effettiv u b'ċertezza suffiċjenti l-konformità tiegħu mal-miri tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu, jenħtieġ li tiġi stabbilita metodoloġija li tiżgura li l-emissjonijiet tas-CO2 u l-massa tal-vetturi bażi mhux kompletati li se jiġu allokati lil dak il-manifattur ikunu magħrufa fil-mument tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-vettura bażi mhux kompletata, u mhux biss meta l-manifattur tal-istadju finali jqiegħed il-vettura kompletata fis-suq.

(3)

Fid-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura bażi mhux kompletata, huwa xieraq li jintuża l-metodu ta' interpolazzjoni previst fir-Regolament (UE) 2017/1151, fejn il-valuri tal-input speċifiċi jenħtieġ li jitfasslu b'tali mod li jwasslu għal valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-massa li jkunu kemm jista' jkun rappreżentattivi ta' dawk il-valuri ddeterminati sussegwentement għall-vettura kompletata finali. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-kalkolu tal-mira tal-emissjonijiet speċifiċi tal-manifattur tal-vettura bażi jenħtieġ li jqis il-valuri tal-massa ddeterminati għal dak l-iskop.

(4)

Il-manifattur tal-vettura bażi jenħtieġ li jirrapporta lill-Kummissjoni l-valuri tal-input li jkunu ntużaw għall-metodu ta' interpolazzjoni kif ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 u l-valuri tal-massa tal-vettura bażi mhux kompletata. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jirrapportaw lill-Kummissjoni l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 u l-massa tal-vetturi kompletati finali.

(5)

Fuq il-bażi ta' dik id-data irrapportata, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta kontinwament ir-rappreżentattività tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura bażi u tgħarraf il-manifatturi bi kwalunkwe diverġenza misjuba. Fil-każ ta' diverġenza sinifikanti u kontinwa bejn l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 tal-vettura kompletata finali u l-medja tal-valuri tas-CO2 ta' monitoraġġ iddeterminati għall-manifattur tal-vettura bażi, jenħtieġ li jintużaw il-valuri għall-vetturi kompletati finali biex jiġi ddeterminat jekk il-manifatturi jikkonformawx mal-miri tal-emissjonijiet speċifiċi tagħhom.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta' Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).


ANNESS

L-Annessi I u II tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, fil-punt 1(c), jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Fil-każ ta' vetturi b'diversi stadji mhux kompletati msemmija fil-punt 1a tal-Parti A tal-Anness II, għandha tintuża l-massa ta' monitoraġġ (Mmon) minflok il-valur M. Il-massa ta' monitoraġġ għandha tiġi kkalkolata bil-formula li ġejja:

 

Mmon = MRObase × B0

 

Fejn,

 

MRObase u B0 huma kif definiti fil-punt 1a.1(a) tal-Parti A tal-Anness II.”.

(2)

Fl-Anness II, il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 1.2 jitħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2021;

(b)

jiddaħħlu l-punti 1a, 1a.1, 1b u 1c li ġejjin:

“1a.   Emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vetturi b'diversi stadji tal-kategorija N1 iddeterminati skont ir-Regolament (UE) 2017/1151

B'effett mill-1 ta' Settembru 2019, għal kull vettura bażi mhux kompletata tal-kategorija N1 soġġetta għal approvazzjoni tat-tip b'diversi stadji skont id-Direttiva 2007/46/KE, manifattur għandu jiddetermina u jirrapporta lill-Kummissjoni l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' dik il-vettura bażi, aktar 'il quddiem “l-emissjonijiet tas-CO2 ta' monitoraġġ” skont il-metodoloġija stabbilita fil-punt 1a.1.

Il-Kummissjoni għandha tuża l-emissjonijiet tas-CO2 ta' monitoraġġ tal-vettura bażi mhux kompletata rrapportati lilha skont l-ewwel paragrafu biex tikkalkola l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 tal-manifattur tal-vettura bażi fis-sena kalendarja li fiha tkun irreġistrata l-vettura b'diversi stadji kompletata, ħlief meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punt 1b.

Għall-vetturi bażi kompletati, għandhom jintużaw l-emissjonijiet tas-CO2 u l-massa f'kundizzjoni ta' sewqan ta' dik il-vettura għall-fini tal-monitoraġġ tas-CO2.

1a.1   Kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vettura bażi mhux kompletata

Il-manifattur tal-vettura bażi għandu jikkalkola l-valur tas-CO2 ta' monitoraġġ ta' vettura bażi mhux kompletata individwali skont il-metodu ta' interpolazzjoni msemmi fil-punti 3.2.3.2 jew 3.2.4 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 skont il-metodoloġija applikata għall-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet tal-vettura bażi, fejn it-termini għandhom ikunu kif definiti f'dak il-punt bl-eċċezzjonijiet li ġejjin:

(a)

Massa tal-vettura individwali

It-terminu “TMind” imsemmi fil-punti 3.2.3.2.2.1 jew 3.2.4.1.1.1 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 għandu jiġi sostitwit bil-massa prestabbilita tal-vettura bażi, DMbase, jew, fejn japplika, bil-massa tat-test tal-vehicle low, TML jew bil-massa tat-test tal-vehicle high, TMH.

Id-DMbase għandha tiġi kkalkolata bil-formula li ġejja:

DMbase = MRObase x B0 + 25 kg + MVL

Fejn,

MRObase

hija l-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vettura bażi kif definit fil-punt 3.2.5 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151

B0

huwa l-valur tal-massa tal-karozzerija ta' 1,375

MVL

hija l-massa rappreżentattiva tat-tagħbija tal-vettura, li tfisser 28 fil-mija tat-tagħbija massima tal-vettura fejn it-tagħbija massima tal-vettura hija definita bħala l-massa massima mgħobbija teknikament permissibbli mnaqqsa bil-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vettura bażi mmultiplikata b'B0, u mnaqqsa b'25 kg.

Il-ċifra B0 hija kkalkolata bħala l-medja ponderata tal-proporzjon bejn is-somma tal-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vetturi bażi mhux kompletati għall-vetturi b'diversi stadji kollha rreġistrati fis-sena kalendarja u l-massa prestabbilita miżjuda kkalkolata skont it-Taqsima 5 tal-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008, u l-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vetturi bażi għall-vetturi b'diversi stadji kollha rreġistrati fis-snin kalendarji 2015, 2016 u 2017.

Iċ-ċifra B0 għandha tiġi aġġustata sal-31 ta' Ottubru 2021 fuq il-bażi tal-valuri tal-massa rilevanti tal-vetturi b'diversi stadji rreġistrati fis-snin kalendarji 2018, 2019 u 2020 ikkalkolati bil-formuli li ġejjin:

 

Formula 1:

Formula

Fejn,

Ay

hija l-medja ponderata tal-proporzjon bejn Mfi u Mbi

Mfi

hija l-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vettura bażi biż-żieda tal-massa prestabbilita miżjuda kif definit fit-Taqsima 5 tal-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008.

Mbi

hija l-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vettura bażi

n

huwa n-numru ta' vetturi bażi għall-vetturi b'diversi stadji kollha rreġistrati fis-sena kalendarja

 

Formula 2:

Formula

Fejn,

Ai

hija l-medja ponderata kif ikkalkolata fil-Formula 1

ni

huwa n-numru ta' vetturi bażi għall-vetturi b'diversi stadji kollha rreġistrati f'sena kalendarja

Meta l-massa prestabbilita tal-vettura bażi DMbase tkun aktar baxxa mill-massa tat-test tal-vehicle low, TML, tal-familja ta' interpolazzjoni, TMind għandha tiġi sostitwita b'TML.

Meta l-massa prestabbilita tal-vettura bażi DMbase tkun ogħla mill-massa tat-test tal-vehicle high, TMH, tal-familja ta' interpolazzjoni, TMind għandha tiġi sostitwita b'TMH.

(b)

Ir-reżistenza għad-dawrien tal-vettura individwali

Ir-reżistenza għad-dawrien tal-vettura bażi għandha tintuża għall-finijiet tal-punt 3.2.3.2.2.2 jew 3.2.4.1.1.2 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151.

(c)

Erja ta' quddiem

Fil-każ ta' vettura bażi mhux kompletata li tappartjeni għal familja tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq, il-manifattur għandu jiddetermina t-terminu “Af” imsemmi fil-punt 3.2.3.2.2.3 tas-Subanness 7 tal-Anness XXI tar-Regolament (UE) 2017/1151 skont waħda mill-alternattivi li ġejjin:

(i)

l-erja ta' quddiem tal-vettura rappreżentattiva tal-familja tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq, f'm2;

(ii)

il-valur medju tal-erja ta' quddiem tal-vehicle high u tal-vehicle low tal-familja ta' interpolazzjoni, f'm2;

(iii)

l-erja ta' quddiem tal-vehicle high tal-familja ta' interpolazzjoni, fil-każ li ma jintużax il-metodu ta' interpolazzjoni, f'm2.

Fil-każ ta' vettura bażi mhux kompletata li ma tappartjenix għal familja tal-matriċi tat-tagħbija fit-triq, għandu jintuża l-valur tal-erja ta' quddiem tal-vehicle high tal-familja ta' interpolazzjoni.

1b.   Rappreżentattività tal-valur tas-CO2 ta' monitoraġġ

Mis-sena kalendarja 2020, kull sena l-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rappreżentattività tal-valuri medji tas-CO2 ta' monitoraġġ irrapportati mill-manifattur tal-vettura bażi meta mqabbla mal-medja tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vetturi kompletati rreġistrati fis-sena kalendarja rilevanti u għandha tgħarraf lill-manifattur tal-vettura bażi dwar il-valutazzjoni tagħha.

Meta dik il-valutazzjoni turi diverġenza b'4 % jew aktar bejn il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vetturi kompletati kollha u l-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 ta' monitoraġġ tal-vetturi bażi relatati kollha ta' manifattur għal sentejn kalendarji suċċessivi, il-Kummissjoni għandha tuża l-medja tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vetturi kompletati fis-sena kalendarja sussegwenti biex tikkalkola l-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 tal-manifattur tal-vettura bażi jew il-konsorzju f'dik is-sena. Fil-każ ta' diverġenzi kontinwi, dak il-kalkolu għandu jiġi ripetut kull tliet snin.

1c.   Rappurtar tad-data mill-manifatturi tal-vetturi bażi

Il-manifatturi tal-vetturi bażi, għal kull vettura bażi kompletata jew mhux kompletata mressqa għal approvazzjoni b'diversi stadji u mibjugħa minnhom fis-sena kalendarja preċedenti fl-Unjoni, għandhom jirrapportaw id-data li ġejja lill-Kummissjoni sat-28 ta' Frar kull sena:

(a)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura;

(b)

l-identifikatur tal-familja ta' interpolazzjoni;

(c)

l-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 tal-vettura bażi;

(d)

l-erja ta' quddiem (speċifika l-alternattiva applikabbli);

(e)

ir-reżistenza għad-dawrien tal-vettura bażi;

(f)

il-massa ta' monitoraġġ;

(g)

il-massa f'kundizzjoni ta' sewqan tal-vettura bażi;

(h)

il-massa rappreżentattiva tat-tagħbija tal-vettura kif definita fil-punt 1a.1 ta' dan l-Anness.”

(c)

Il-punt 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Id-dettalji msemmija fil-punt 1 għandhom jittieħdu miċ-ċertifikat ta' konformità jew ikunu konsistenti maċ-ċertifikat ta' konformità maħruġ mill-manifattur tal-vettura kummerċjali ħafifa rilevanti. Id-dettalji l-oħra għandhom jittieħdu mid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip jew mill-informazzjoni rrapportata mill-manifattur tal-vettura bażi skont il-punt 1c. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw preċiżjoni adegwata fil-proċedura ta' monitoraġġ. Meta ċ-ċertifikat ta' konformità jispeċifika kemm il-massa minima kif ukoll dik massima għal vettura kummerċjali ħafifa, l-Istati Membri għandhom jużaw iċ-ċifra massima biss għall-fini ta' dan ir-Regolament. Fil-każ ta' vetturi li jaħdmu b'żewġ tipi ta' fjuwil (petrol/gass) li ċ-ċertifikati ta' konformità tagħhom ikollhom ċifri speċifiċi tal-emissjonijiet tas-CO2 għaż-żewġ tipi ta' fjuwil, l-Istati Membri għandhom jużaw iċ-ċifra mkejla għall-gass biss.”


Top