EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0826

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/826 tal-4 ta' Marzu 2019 li jemenda l-Annessi VIII u IX tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti

C/2019/1616

OJ L 137, 23.5.2019, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/826/oj

23.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/826

tal-4 ta' Marzu 2019

li jemenda l-Annessi VIII u IX tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2012/27/UE tistabbilixxi l-qafas u l-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi mill-Istati Membri dwar il-potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti.

(2)

L-Artikoli 22 u 23(2) tad-Direttiva 2012/27/UE jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati biex tadatta r-rekwiżiti tal-Annessi VIII u IX.

(3)

L-ewwel ċiklu ta' valutazzjonijiet komprensivi ġie analizzat mill-Kummissjoni. Il-ġbir ta' data ġdida, l-identifikazzjoni ta' potenzjali ġodda u l-iskambju tal-aqwa prattiki għall-effiċjenza fl-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ ikkonfermaw il-benefiċċji tal-valutazzjonijiet komprensivi u kkonfermaw il-ħtieġa li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jaġġornaw u jinnotifikaw it-tieni ċiklu ta' valutazzjonijiet komprensivi.

(4)

Il-valutazzjonijiet varjaw fil-metodoloġija u fil-kontenut, u għalhekk rekwiżiti iktar ċari, in-newtralità teknoloġika u rabta aħjar mal-politiki ġew identifikati bħala oqsma fejn jista' jsir titjib. Ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tal-valutazzjonijiet komprensivi jeħtieġ li jiġu aġġornati qabel it-tieni ċiklu sabiex tiżdied l-informazzjoni miġbura tkun iktar utli għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni, sabiex tiġi ssimplifikata l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta u sabiex ikun hemm rabta aħjar ma' leġiżlazzjoni oħra tal-unjoni tal-enerġija, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika u d-Direttivi (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

(5)

Għodda xierqa li jistgħu jużaw l-Istati Membri fl-identifikazzjoni tal-punti tal-provvista ppjanati tat-tisħin u tat-tkessiħ u tal-installazzjonijiet ippjanati tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali hija d-data dwar l-applikazzjonijiet għall-permessi.

(6)

l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati dwar il-proċess tal-valutazzjonijiet komprensivi u dwar abbozz ta' dokument ta' ħidma tal-Anness VIII aġġornat f'laqgħa ta' konsultazzjoni konġunta fil-25 ta' Ottubru 2018.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ġew diskussi mill-esperti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva (UE) 2018/2002.

(8)

għalhekk, jenħtieġ li l-Anness VIII u l-Parti 1 tal-Anness IX tad-Direttiva 2012/27/UE jiġu adattati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti

(1)   L-Anness VIII tad-Direttiva 2012/27/UE huwa sostitwit bit-test fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(2)   L-Anness IX tad-Direttiva 2012/27/UE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(3)  Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

(5)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).


ANNESS I

Emenda għall-Anness VIII

L-Anness VIII tad-Direttiva 2012/27/UE huwa sostitwit kif ġej:

“ANNESS VIII

Potenzjal għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti

Il-valutazzjoni komprensiva tal-potenzjali nazzjonali għal tisħin u għal tkessiħ effiċjenti msemmija fl-Artikolu 14(1) għandha tinkludi u tkun ibbażata fuq dan li ġej:

Parti I

ĦARSA KUMPLESSIVA LEJN IT-TISĦIN U T-TKESSIĦ

1.   id-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ f'termini ta' enerġija utli vvalutata (1) u f'termini ta' konsum finali tal-enerġija kkwantifikat f'GWh kull sena (2) skont is-setturi:

(a)

is-settur residenzjali;

(b)

is-settur tas-servizzi;

(c)

is-settur tal-industrija;

(d)

kwalunkwe settur ieħor li individwalment jikkonsma iktar minn 5 % tad-domanda nazzjonali totali għat-tisħin u għat-tkessiħ utli;

2.   l-identifikazzjoni, jew fil-każ tal-punt 2(a)(i), l-identifikazzjoni jew l-istima, tal-provvista attwali ta' tisħin u ta' tkessiħ:

(a)

skont it-teknoloġija, f'GWh kull sena (3), fis-setturi msemmija fil-punt 1 fejn ikun possibbli, filwaqt li ssir distinzjoni bejn l-enerġija minn sorsi fossili u dik minn sorsi rinnovabbli:

(i)

ipprovduta fil-post f'siti mhux ta' servizz u mhux residenzjali permezz ta':

bojlers tas-sħana biss;

koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija b'effiċjenza għolja;

pompi tas-sħana;

teknoloġiji u sorsi oħra fil-post;

(ii)

ipprovduta fil-post f'siti mhux ta' servizz u mhux residenzjali permezz ta':

bojlers tas-sħana biss;

koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija b'effiċjenza għolja;

pompi tas-sħana;

teknoloġiji u sorsi oħra fil-post;

(iii)

ipprovduta mhux fil-post permezz ta':

koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija b'effiċjenza għolja;

sħana residwa;

teknoloġiji u sorsi oħra mhux fil-post;

(b)

l-identifikazzjoni ta' installazzjonijiet li jiġġeneraw sħana jew kesħa residwa u l-provvista potenzjali tagħhom ta' tisħin jew ta' tkessiħ, f'GWh kull sena:

(i)

l-installazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija termali li jistgħu jipprovdu jew li jistgħu jiġu mmodifikati retroattivament biex jipprovdu s-sħana residwa b'input termali totali li jaqbeż l-50 MW;

(ii)

l-installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija li jużaw it-teknoloġiji msemmija fil-Parti II tal-Anness I b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW;

(iii)

l-impjanti ta' inċinerazzjoni tal-iskart;

(iv)

l-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW, ħlief l-installazzjonijiet speċifikati fil-punt 2(b)(i) u (ii) li jiġġeneraw it-tisħin jew it-tkessiħ bl-użu ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli;

(v)

l-installazzjonijiet industrijali b'input termali totali li jaqbeż l-20 MW u li jistgħu jipprovdu sħana residwa;

(c)

l-ammont irrapportat ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli u minn sħana jew kesħa residwa fil-konsum finali tal-enerġija tas-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali (4) matul l-aħħar ħames snin, b'konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001;

3.   mappa li tkopri t-territorju nazzjonali kollu u li tidentifika (filwaqt li tiġi ppreservata l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva):

(a)

iż-żoni tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ wara l-analiżi tal-punt 1, filwaqt li jintużaw kriterji konsistenti biex issir enfasi fuq iż-żoni b'densità tal-enerġija fil-muniċipalitajiet u fil-konurbazzjonijiet;

(b)

il-punti tal-provvista eżistenti ta' tisħin u ta' tkessiħ identifikati skont il-punt 2(b) u l-installazzjonijiet eżistenti tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali;

(c)

il-punti tal-provvista ppjanati ta' tisħin u ta' tkessiħ tat-tip deskritt skont il-punt 2(b) u l-installazzjonijiet eżistenti tat-trażmissjoni tat-tisħin distrettwali;

4.   tbassir tax-xejriet fid-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ biex tinżamm perspettiva tat-30 sena li jmiss f'GWh u filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-projezzjonijiet għall-10 snin li ġejjin, il-bidla fid-domanda fil-bini u f'setturi differenti tal-industrija, u l-impatt tal-politiki u tal-istrateġiji marbuta mal-ġestjoni tad-domanda, bħall-istrateġiji fit-tul ta' rinnovazzjoni tal-bini skont id-Direttiva (UE) 2018/844;

Parti II

OBJETTIVI, STRATEĠIJI U MIŻURI TA' POLITIKA

5.   il-kontribuzzjoni ppjanata tal-Istat Membru fir-rigward tal-għanijiet, tal-miri u tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali tiegħu għall-ħames dimensjonijiet tal-unjoni tal-enerġija, kif stipulat fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1999, imwassla permezz ta' tisħin u ta' tkessiħ effiċjenti, b'mod partikolari b'rabta mal-punti 1 sa 4 tal-Artikolu 4(b) u mal-paragrafu (4)(b) tal-Artikolu 15, li tidentifika liema minn dawn l-elementi huwa addizzjonali meta mqabbel mal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u għall-klima;

6.   ħarsa kumplessiva ġenerali lejn il-politiki u l-miżuri eżistenti kif deskritt fl-iktar rapport reċenti ppreżentat b'konformità mal-Artikoli 3, 20, 21 u 27(a) tar-Regolament (UE) 2018/1999;

Parti III

ANALIŻI TAL-POTENZJAL EKONOMIKU TAT-TISĦIN U TAT-TKESSIĦ EFFIĊJENTI

7.   analiżi tal-potenzjal ekonomiku (5) ta' teknoloġiji differenti tat-tisħin u tat-tkessiħ għandha titwettaq għat-territorju nazzjonali kollu billi tintuża l-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 14(3) u għandha tidentifika xenarji alternattivi għal teknoloġiji iktar effiċjenti tat-tisħin u tat-tkessiħ, filwaqt li ssir distinzjoni bejn l-enerġija minn sorsi fossili u dik minn sorsi rinnovabbli fejn ikun applikabbli.

Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati t-teknoloġiji li ġejjin:

(a)

is-sħana u l-kesħa residwa industrijali;

(b)

l-inċinerazzjoni tal-iskart;

(c)

il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(d)

sorsi ta' enerġija rinnovabbli (pereżempju l-enerġija ġeotermali, l-enerġija termali solari u l-bijomassa) ħlief dawk li jintużaw għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(e)

il-pompi tas-sħana;

(f)

it-tnaqqis tat-telf tas-sħana min-netwerks distrettwali eżistenti;

8.   din l-analiżi tal-potenzjal ekonomiku għandha tinkludi l-passi u l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Kunsiderazzjonijiet:

(i)

l-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji għall-iskopijiet tal-Artikolu 14(3) għandha tinkludi analiżi ekonomika li tikkunsidra l-fatturi soċjoekonomiċi u ambjentali (6), u analiżi finanzjarja mwettqa biex jiġu vvalutati l-proġetti mill-perspettiva tal-investituri. Kemm l-analiżi ekonomika u kemm dik finanzjarja għandhom jużaw il-valur preżenti nett bħala kriterju għall-valutazzjoni;

(ii)

jenħtieġ li x-xenarju bażi jservi bħala punt ta' referenza, iqis il-politiki eżistenti meta titħejja din il-valutazzjoni komprensiva (7), u jkun marbut mad-data miġbura skont il-Parti I u l-punt 6 tal-Parti II ta' dan l-Anness;

(iii)

ix-xenarji alternattivi għax-xenarju bażi għandhom iqisu l-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli tar-Regolament (UE) 2018/1999. Kull xenarju għandu jippreżenta l-elementi li ġejjin imqabbla max-xenarju bażi:

il-potenzjal ekonomiku tat-teknoloġiji eżaminat billi l-valur preżenti nett jintuża bħala kriterju;

it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

mal-iffrankar previst tal-enerġija primarja f'GWh kull sena;

l-impatt fuq l-ammont ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija nazzjonali.

Ix-xenarji li ma jkunux fattibbli minħabba raġunijiet tekniċi, minħabba raġunijiet finanzjarji jew minħabba r-regolamentazzjoni nazzjonali jistgħu jiġu esklużi fi stadju bikri tal-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji jekk dan ikun iġġustifikat abbazi ta' kunsiderazzjonijiet attenti, espliċiti u dokumentati sew.

Jenħtieġ li l-valutazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet iqisu l-kostijiet u l-iffrankar tal-enerġija miż-żieda fil-flessibbiltà fil-provvista tal-enerġija u minn tħaddim iktar ottimali tan-netwerks tal-elettriku, inkluż il-kostijiet evitati u l-iffrankar mit-tnaqqis fl-investiment fl-infrastruttura, fix-xenarji analizzati.

(b)

Kostijiet u benefiċċji

Il-kostijiet u l-benefiċċji msemmija fil-punt 8(a) għandhom jinkludu minn tal-inqas il-kostijiet u l-benefiċċji li ġejjin:

(i)

Benefiċċji:

il-valur tal-output għall-konsumatur (it-tisħin, it-tkessiħ u l-elettriku);

il-benefiċċji esterni bħall-benefiċċji ambjentali, tat-tnaqqis ta' emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u tas-saħħa u tas-sikurezza, kemm jista' jkun;

l-effetti fuq is-suq tax-xogħol, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività, kemm jista' jkun.

(ii)

Kostijiet:

il-kostijiet kapitali tal-impjanti u tat-tagħmir;

il-kostijiet kapitali tan-netwerks tal-enerġija assoċjati;

il-kostijiet varjabbli u fissi tat-tħaddim;

il-kostijiet tal-enerġija;

il-kostijiet ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza, kemm jista' jkun;

il-kostijiet tas-suq tax-xogħol, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività, kemm jista' jkun.

(c)

Xenarji rilevanti mqabbla max-xenarju bażi:

Għandhom jiġu kkunsidrati x-xenarji rilevanti kollha mqabbla max-xenarju bażi, inkluż ir-rwol tat-tisħin u tat-tkessiħ individwali effiċjenti.

(i)

L-analiżi tal-kostijiet u tal-benefiċċji tista' tkopri valutazzjoni ta' proġett jew grupp ta' proġetti għal valutazzjoni lokali, reġjonali jew nazzjonali usa' sabiex tiġi stabbilita l-iktar soluzzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ li tkun kosteffettiva u ta' benefiċċju mqabbla ma' xenarju bażi għal żona ġeografika partikolari għall-iskop tal-ippjanar;

(ii)

l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-twettiq tal-analizijiet tal-kostijiet u tal-benefiċċji skont l-Artikolu 14. Huma għandhom jipprovdu l-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet dettaljati b'konformità ma' dan l-Anness u għandhom jistabbilixxu l-proċeduri għall-analiżi ekonomika u jagħmluhom pubbliċi.

(d)

Konfini u approċċ integrat:

(i)

il-konfini ġeografiku għandu jkopri żona ġeografika adegwata li tkun definita sew;

(ii)

l-analiżijiet tal-kostijiet u tal-benefiċċji għandhom iqisu r-riżorsi ċentralizzati jew deċentralizzati rilevanti kollha ta' provvista fis-sistema u fil-konfini ġeografiku, inkluż it-teknoloġiji kkunsidrati fil-punt 7 tal-Parti III ta' dan l-Anness, kif ukoll ix-xejriet u l-karatteristiki kollha tat-tisħin u tat-tkessiħ.

(e)

Suppożizzjonijiet:

(i)

l-Istati Membri għandhom jipprovdu suppożizzjonijiet, għall-iskop tal-analiżijiet tal-kostijiet u tal-benefiċċji, dwar il-prezzijiet ta' fatturi maġġuri ta' input u ta' output kif ukoll ir-rata ta' skont;

(ii)

ir-rata ta' skont li tintuża fl-analiżi ekonomika biex jiġi kkalkulat il-valur preżenti nett għandha tintgħażel b'konformità mal-linji gwida Ewropej jew nazzjonali;

(iii)

l-Istati Membri għandhom jużaw tbassir nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali tal-iżvilupp tal-prezz tal-enerġija jekk ikun xieraq fil-kuntest nazzjonali u/jew reġjonali/lokali tagħhom;

(iv)

il-prezzijiet li jintużaw fl-analiżi ekonomika għandhom jirriflettu l-kostijiet u l-benefiċċji soċjoekonomiċi. Il-kostijiet esterni, bħall-effetti ambjentali u tas-saħħa, jenħtieġ li jiġu inklużi kemm jista' jkun, jiġifieri meta jeżisti prezz tas-suq jew meta dan ikun diġà inkluż fir-regolamentazzjoni Ewropea jew nazzjonali.

(f)

Analiżi tas-sensittività:

(i)

għandha tiġi inkluża analiżi tas-sensittività biex jiġu vvalutati l-kostijiet u l-benefiċċji ta' proġett jew ta' grupp ta' proġetti abbażi ta' fatturi varjabbli li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-eżitu tal-kalkoli, pereżempju prezzijiet differenti tal-enerġija, il-livelli tad-domanda, ir-rati ta' skont u oħrajn.

Parti IV

STRATEĠIJI U MIŻURI TA' POLITIKA ĠODDA POTENZJALI

9.   ħarsa ġenerali lejn il-miżuri ġodda ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi (8) sabiex jitwettaq il-potenzjal ekonomiku identifikat skont il-punti 7 u 8, flimkien:

(a)

mat-tnaqqis previst tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra;

(b)

mal-iffrankar previst tal-enerġija primarja f'GWh kull sena;

(c)

mal-impatt previst fuq l-ammont ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;

(d)

mal-impatt previst fuq l-ammont ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija nazzjonali u fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ;

(e)

mar-rabtiet previsti mal-ipprogrammar finanzjarju nazzjonali u mal-iffrankar previst tal-kostijiet għall-baġit pubbliku u għall-parteċipanti tas-suq;

(f)

mal-istima tal-miżuri previsti ta' sostenn pubbliku, jekk ikun hemm, bil-baġit annwali tagħhom u bl-identifikazzjoni tal-element ta' għajnuna potenzjali.


(1)  L-ammont ta' enerġija termali meħtieġ biex tiġi ssodisfata d-domanda tal-utenti finali għat-tisħin u għat-tkessiħ.

(2)  Jenħtieġ li tintuża l-iktar data reċenti disponibbli.

(3)  Jenħtieġ li tintuża l-iktar data reċenti disponibbli.

(4)  Wara li tiġi stabbilita l-metodoloġija għall-kalkolu tal-kwantità ta' enerġija rinnovabbli li tintuża għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-identifikazzjoni ta' “tkessiħ rinnovabbli” għandha titwettaq b'konformità ma' dik id-Direttiva. Sakemm jasal dak iż-żmien, l-identifikazzjoni għandha titwettaq skont metodoloġija nazzjonali xierqa.

(5)  Jenħtieġ li l-analiżi tal-potenzjal ekonomiku tippreżenta l-volum ta' enerġija (f'GWh) li jista' jiġi ġġenerat kull sena minn kull teknoloġija analizzata. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll il-limitazzjonijiet u l-interrelazzjonijiet fis-sistema tal-enerġija. L-analiżi tista' tuża mudelli bbażati fuq suppożizzjonijiet li jirrappreżentaw it-tħaddim ta' tipi komuni ta' teknoloġiji jew ta' sistemi.

(6)  Inkluż il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(7)  Id-data limitu biex jitqiesu l-politiki għax-xenarju bażi hija tmiem is-sena ta' qabel is-sena li sa tmiemha trid issir il-valutazzjoni komprensiva. Jiġifieri, il-politiki ppromulgati fi żmien sena qabel l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-valutazzjoni komprensiva ma hemmx għalfejn jitqiesu.

(8)  Din il-ħarsa ġenerali għandha tinkludi l-miżuri u l-programmi ta' finanzjament li jistgħu jiġu adottati matul il-perjodu tal-valutazzjoni komprensiva, mingħajr ma tiġi ppreġudikata notifika separata tal-iskemi ta' sostenn pubbliku għal valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat,


ANNESS II

Emenda għall-Anness IX tad-Direttiva 2012/27/UE

Il-Parti 1 tal-Anness IX tad-Direttiva 2012/27/UE titħassar.


Top