EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0694

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/694 tal-15 ta' Frar 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma ta' finanzjament li mhijiex marbuta mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti

C/2019/1090

OJ L 118, 6.5.2019, p. 4–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/694/oj

6.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/694

tal-15 ta' Frar 2019

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forma ta' finanzjament li mhijiex marbuta mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 67(5)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-punt (e) fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 iddaħħal mir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (2) u introduċa forma ta' finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti iżda li jkun ibbażat fuq li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet (“kundizzjonijiet ta' finanzjament”) relatati mat-twettiq tal-progress fl-implimentazzjoni jew mal-kisba tal-objettivi tal-programmi.

(2)

Filwaqt li tqies l-istadju attwali tal-perjodu ta' programmar 2014-2020, ġew eżaminati oqsma tematiċi differenti li fihom tista' tintuża din il-forma ta' finanzjament b'mod effettiv u li jistgħu juru l-benefiċċji tagħha f'termini ta' simplifikazzjoni u ta' tnaqqis ta' piż amministrattiv għall-benefiċjarji u għall-awtorità ta' ġestjoni filwaqt li ma jiskattawx bidliet sinifikanti fi programmi eżistenti. Il-mizuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinovabbli ġew appoġġati b'mod estensiv mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“FEŻR”) u mill-Fond ta' Koeżjoni fl-2014-2020 u qabel perjodu baġitarji. Dawk il-miżuri jikkostitwixxu qasam ta' appoġġ li jinkludi tipi relattivament omoġenji ta' interventi (bħal miżuri ta' iżolament, bidla fis-sistema ta' tisħin jew apparat elettroniku b'effiċjenza aħjar), fejn il-benefiċjarji jew ir-reċipjenti finali tal-appoġġ fil-prattika spiss ikunu persuni fiżiċi jew SMEs.

(3)

Riżultat ta' dan, ikun xieraq li jiġu stabbiliti modalitajiet dettaljati għal kundizzjonijiet ta' finanzjament għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u għall-applikazzjoni tagħhom fil-qafas legali eżistenti, inkluż il-metodoloġija biex jiġi ddeterminat l-ammont li jikkorrisondi mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament applikabbli u mal-arranġamenti għall-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament. Jenħtieġ li l-metodoloġija dettaljata tiddetermina r-rabta bejn l-ammont u s-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali, u jenħtieġ ukoll li l-ammont ikun indipendenti mill-kost tal-attivitajiet fi ħdan l-operazzjoni li se jikkontribwixxu għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali.

(4)

B'mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-metodu ta' kalkolu użat għall-finijiet tat-twaqqif tal-ammont relatat mal-kundizzjonijiet ta' finanzjament iqis b'mod xieraq il-preżunzjonijiet raġonevoli bbażati fuq tendenzi prevedibbli fl-iżvilupp teknoloġiku u bidliet relatati fl-ispejjeż ta' investiment għal tipi differenti ta' intervenzjonijiet li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon ġenerali tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, il-perjodu ta' referenza applikat jenħtieġ li jirrigwarda l-aħħar snin fejn id-data hija disponibbli għal investimenti simili.

(5)

Jenħtieġ li jiġi speċifikat kif jiġu implimentati dispożizzjonijiet eżistenti dwar applikazzjonijiet għall-pagament f'dan il-kuntest skont l-Artikolu 131(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(6)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi mfakkar li r-rekwiżiti speċifiċi marbuta ma' verifiki tal-ġestjoni u ma' awditi għal operazzjonijiet soġġetti għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, speċjalment fl-Artikolu 67(1) u fl-Artikolu 125(4)(a) tiegħu. Jenħtieġ li dawn ikunu riflessi fid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta' dawn it-tipi ta' operazzjonijiet kif speċifikat fil-punt 4 tal-Anness. B'mod partikolari, il-verifiki u l-awditi ma għandhomx iseħħu fil-livell tal-investimenti individwali minħabba li huwa l-benefiċjarju li jirrapporta li jkunu ġew issosfati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament lill-awtorità ta' ġestjoni. Barra minn hekk, id-dokumenti ta' appoġġ li jirrigwardaw in-nefqa sottostanti la għandhom ikunu soġġetti għal awditu, lanqas għal verifiki ta' ġestjoni minħabba li l-ammonti marbuta mal-operazzjoni huma definiti minn qabel.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ġew soġġetti għal konsultazzjoni ta' esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3), skont l-Artikolu 149(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet maħtura jkunu jistgħu jużaw effettivament id-dispożizzjonijiet il-ġodda li japplikaw mit-2 ta' Awwissu 2018 skont l-Artikolu 282 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi modalitajiet dettaljati għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament li jistgħu jintużaw għar-rimborż tan-nefqa mill-awtorità ta' ġestjoni lill-benefiċjarji taħt finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u għall-applikazzjoni tagħhom.

2.   L-oqsma tan-nefqa li jistgħu jkunu suġġetti għal finanzjament li mhuwiex marbut mal-kostijiet għandhom ikunu l-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija minn sorsi rinovabbli kif dettaljat fl-Anness.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kundizzjonijiet ta' finanzjament” tfisser il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati għar-rimborż tan-nefqa taħt finanzjament li mhijiex marbuta ma' kostijiet, li jikkonsistu f'serje ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji u finali li ttieħdu biex jikkontribwixxu lejn li jiġi ssodisfat objettiv predefinit;

(2)

“operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament” tfisser operazzjoni unika skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li tikkonsisti mill-kompiti kollha li ġew implimentati biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji u finali.

Artikolu 3

Modalitajiet għall-kundizzjonijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tagħhom

1.   Il-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali għandhom jiġu determinati skont l-Anness.

2.   Il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament fir-rigward tal-metodoloġija għall-istabbiliment tal-ammont predefinit tan-nefqa li se jiġi rimborżat u s-sottomissjoni tal-informazzjoni lill-Kummissjoni għat-twaqqif tal-operazzjoni soġġetta għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament għandhom jiġu ddeterminati skont l-Anness.

Artikolu 4

Elementi għal applikazzjonijiet għall-pagament

1.   Il-kostijiet ikkalkolati fuq il-bażi applikabbli li għandhom jiġu inklużi f'applikazzjoni għall-pagament skont l-Artikolu 131(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom ikunu l-ammont predefinit li jikkorrispondi għal kull kundizzjoni ta' finanzjament issodisfata. Dak l-ammont għandu jiġi inkluż fl-applikazzjonijiet għall-pagament flimkien mar-referenza tal-operazzjoni kkonċernata, skont il-mudell għal applikazzjonijiet għall-pagament stipulat fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 (4).

2.   In-nefqa totali eliġibbli għal operazzjoni soġġetta għar-rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament ma għandhiex taqbeż ammont predefinit tan-nefqa li jikkorrispondi għall-kundizzjoni ta' finanzjament finali kkalkolat fuq il-bażi tal-metodoloġiji stipulati fl-Anness.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(3)  Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1011/2014 tat- 22 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta' ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni u r-regoli dettaljati rigward l-iskambji ta' informazzjoni bejn il-benefiċjarji u l-awtoritajiet ta' ġestjoni, l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni, l-awtoritajiet ta' verifika u l-korpi intermedji (ĠU L 286, 30.9.2014, p. 1).


ANNESS

Modalitajiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tagħhom għal miżuri effiċjenti fl-enerġija u enerġija minn sorsi rinnovabbli

1.   Kamp ta' applikazzjoni

Dan l-Anness għandu japplika għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u enerġija minn sorsi rinovabbli taħt l-objettiv tematiku 4 tal-FEŻR u tal-Fond ta' Koeżjoni.

2.   Kundizzjoni ta' finanzjament finali

(1)

Il-kundizzjoni ta' finanzjament finali għal miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u għal enerġija minn sorsi rinovabbli għandhom jiġu espressi f'iffrankar tal-enerġija f'kWh/sena jew tunnellati ta' emissjonijiet ta' CO2 kif deskritt fl-indikaturi tal-output komuni fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013.

(2)

L-iffrankar tal-enerġija f'kWh/sena jew it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jiġu definiti fuq il-bażi ta' wieħed mill-metodi ta' kalkolu definiti fl-Anness V(1)(a), (b) jew (c) tad-Direttiva 2012/27/UE (1).

3.   Metodoloġija biex jiġi stabbilit l-ammont li jikkorrispondi mal-kundizzjoni ta' finanzjament finali

(1)

Għall-applikazzjoni tal-kundizzjoni ta' finanzjment finali, l-ammont ta' nefqa eliġibbli li jikkorrispondi mal-kundizzjoni ta' finanzjament finali għandu jkun stabbilit minn metodu ta' kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli bbażat fuq wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

data statistika, informazzjoni oġġettiva oħra jew opinjoni esperta;

(b)

data storika verifikata relatata mal-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u enerġija minn skemi ta' sorsi rinovabbli.

(2)

Il-metodu ta' kalkolu għandu jqis l-assunzjonijiet raġonevoli rigward it-tendenzi u l-bidliet teknoloġiċi li huma probabbli, li jista' jkollhom implikazzjonijiet fuq il-kostijiet tal-investimenti ppjanati li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon tal-kundizzjoni ta' finanzjament finali matul l-iskeda ta' żmien prevista għall-implimentazzjoni tal-operazzjoni.

4.   Twaqqif ta' operazzjonijiet soġġetti għal rimborż abbażi tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament

Għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament, għandu japplika dan li ġej:

(a)

L-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażata fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament hija relatata mat-twettiq tal-progress fl-implimentazzjoni jew il-kisba ta' objettivi tal-programm;

(b)

il-benefiċjarju tal-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija l-awtorità ta' ġestjoni jew korp intermedju bl-arranġamenti meħtieġa li jiżguraw is-separazzjoni tal-funzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 125(7) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(c)

l-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija implimentata fuq il-bażi ta' skeda ta' żmien prevista għat-tlestija tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament finali intermedji jew finali;

(d)

l-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażata fuq il-kundizzjonijiet ta' finanzjament titlesta jew tiġi implimentata bis-sħiħ qabel it-tmiem tal-perjodu ta' eliġibbiltà stipulat fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(e)

meta jiġu determinati l-kundizzjonijiet ta' finanzjament intermedji, l-ammonti korrispondenti ta' nefqa huma stipulati minn qabel;

(f)

il-mekkaniżmu biex ikejjel u jimmonitorja l-progress lejn is-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament jippermetti l-verifika li tkun ġiet issodisfata kull kundizzjoni ta' finanzjament;

(g)

l-operazzjoni soġġetta għal rimborż abbażi ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament hija eskluża mill-popolazzjoni msemmija fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 480/2014 għall-finijiet ta' kampjun ta' operazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 127(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

5.   Il-preżentazzjoni tar-referenzi lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-elementi stipulati fil-punti 2, 3 u 4 li jiddeskrivu kif l-operazzjoni soġġetta għal rimborż ibbażat fuq kundizzjonijiet ta' finanzjament għandha tiffunzjona qabel il-bidu tal-implimentazzjoni tagħha.


(1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u tħassar id-Direttiva 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).


Top