EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0681

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/681 tat-30 ta' April 2019 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/3121

OJ L 115, 2.5.2019, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/681/oj

2.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/5


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/681

tat-30 ta' April 2019

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Is-sustanza 2-Chloro-p-Phenylenediamine, inklużi l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tagħha, tintuża f'formulazzjonijiet għaż-żebgħa tal-ħuġbejn u tax-xagħar tal-għajnejn f'konċentrazzjoni massima ta' 4,6 %. Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) fl-opinjoni tiegħu tad-19 ta' Settembru 2013 (2) (“l-opinjoni tal-SCCS”) iddikjara li ma jista' jkun hemm l-ebda marġni ta' sikurezza suffiċjenti għall-użu tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine f'formulazzjonijiet ossidattivi għaż-żebgħa tal-ħuġbejn u tax-xagħar tal-għajnejn f'konċentrazzjoni massima ta' 4,6 %. L-SCCS indika wkoll li abbażi tad-data disponibbli u tan-nuqqas ta' test in vivo xieraq tal-induzzjoni tal-mutazzjoni tal-ġeni, ma kienx possibbli li tingħata konklużjoni dwar il-potenzjal ġenotossiku tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine. Għalhekk, l-SCCS ma qiesx l-użu tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine bħala sikur għall-konsumatur. L-SCCS sussegwentement iċċara li huwa tal-opinjoni li l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine jenħtieġ li jiġu ttrattati bl-istess attenzjoni bħat-2-Chloro-p-Phenylenediamine sakemm jiġu ippruvati li huma bla periklu, għaliex għandhom l-istess struttura ċentrali, inkluż il-potenzjal ġenotossiku, bħat-2-Chloro-p-Phenylenediamine. Barra minn hekk, l-SCCS ikkjarifika li l-ambitu tal-opinjoni tal-SCCS kif ukoll il-konklużjoni tagħha jistgħu jiġu estiżi għax-xagħar tar-ras (3).

(2)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-SCCS, u tal-kjarifika sussegwenti mill-SCCS, hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine, l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tagħha fil-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u tax-xagħar tal-għajnejn. Fir-rigward ta' prodotti taż-żebgħa għax-xagħar tar-ras, l-esponiment għas-sustanza attiva huwa saħansitra ogħla, peress li dawk il-prodotti jiġu applikati fuq superfiċje akbar tal-ġisem. Fuq dik il-bażi, u fid-dawl tal-kjarifika mill-SCCS, hemm ukoll riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-użu tat-2-Chloro-p-Phenylenediamine, l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tagħha fil-prodotti taż-żebgħa għax-xagħar tar-ras. Għalhekk, jenħtieġ li t-2-Chloro-p-Phenylenediamine, l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tagħha jiġu pprojbiti fil-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn, u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn u li jiżdiedu fil-lista ta' sustanzi pprojbiti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(3)

Jixraq li jiġu previsti perjodi ta' żmien raġonevoli sabiex l-industrija tadatta għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet il-ġodda. Għad-determinazzjoni tat-tul ta' żmien ta' dawk il-perjodi, jenħtieġ li l-interess tal-operaturi ekonomiċi jiġi bbilanċjat mal-fatturi speċifiċi tar-riskju għas-saħħa identifikati.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mit-22 ta' Novembru 2019 il-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn li fihom is-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mit-22 ta' Frar 2020 il-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn li fihom is-sustanzi pprojbiti b'dan ir-Regolament ma għandhomx isiru disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCS/1510/13.

(3)  Il-minuti tal-laqgħa plenarja tal-SCCS tal-21-22 ta' Ġunju 2018.


ANNESS

Fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, tiżdied din l-annotazzjoni:

Numru ta' referenza

Isem kimiku/INN

Numru CAS

Numru KE

“1384

2-klorobenżen-1,4-diammina (2-Chloro-p-Phenylenediamine), l-imluħa tas-sulfat u tad-diidroklorur tagħha (*1) meta tintuża bħala sustanza fi prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn

615-66-7

61702-44-1 (sulfat)

615-46-3 (diidroklorur)

210-441-2

262-915-3

210-427-6


(*1)  Mit-22 ta' Novembru 2019 il-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn li fihom dawk is-sustanzi m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mit-22 ta' Frar 2020 il-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar, inklużi l-prodotti taż-żebgħa tal-ħuġbejn u l-prodotti taż-żebgħa tax-xagħar tal-għajnejn li fihom dawk is-sustanzi ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”


Top