Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0564

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/564 tat-28 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/2530

OJ L 99, 10.4.2019, p. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/564/oj

10.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 99/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/564

tat-28 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017 ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhux se jkomplu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/397 (2) jipprevedi emenda għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3) fir-rigward tad-data sa liema l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratt tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP. Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/397, dak ir-Regolament japplika mid-data wara dik li fiha jieqfu japplikaw għal u fir-Renju Unit bis-saħħa tal-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ħruġ sa dik id-data jew ma jkunx ġie estiż il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

B'ittra tal-20 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sal-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li tiġi ffinalizzata r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (4). Fil-21 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew qabel dwar estensjoni sat-22 ta' Mejju 2019, dment li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi approvat mill-House of Commons fil-ġimgħa ta' wara. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kunsill Ewropew qabel dwar estensjoni sat-12 ta' April 2019. Konsegwentement, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/397 mhuwiex se japplika.

(4)

Madankollu, ir-raġunijiet sottostanti għar-Regolament Delegat (UE) 2019/397 se jibqgħu hemm, irrispettivament minn kwalunkwe estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, ir-riskji għall-funzjonament tajjeb tas-suq u kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni bejn il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni se jippersistu fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ebda ftehim wara l-perjodu estiż. Dawn ir-riskji huma mistennija li jibqgħu hemm fil-futur prevedibbli.

(5)

Għaldaqstant ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(7)

Huwa neċessarju biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet effiċjenti mill-operaturi tas-suq malajr kemm jista' jkun. Għalhekk, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq analizzaw l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali iżda ma wettqu ebda konsultazzjoni pubblika miftuħa f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Għall-istess raġuni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 35 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkunu daħlu fihom jew għamlu novazzjoni tagħhom bejn is-16 ta' Awwissu 2012 u d-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistgħu wkoll ikomplu japplikaw il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fl-14 ta' Marzu 2019 fir-rigward ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ikunu daħlu fis-seħħ jew tkun saret novazzjoni tagħhom qabel id-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif stabbilit fl-Artikoli 36, 37 u 38 ta' dan ir-Regolament jew sal-11 ta’ April 2019, skont liema data tiġi l-ewwel;

(b)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment issirilhom novazzjoni għall-iskop uniku li l-kontroparti stabbilita fi Stat Membru tieħu post il-kontroparti stabbilita fir-Renju Unit.

(c)

il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment issir novazzjoni tagħhom bejn id-data ta' wara dik li fiha d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u waħda minn dawn li ġejjin, skont liema tiġi l-aħħar:

(i)

id-dati rilevanti ta' applikazzjoni stipulati fl-Artikoli 36, 37 u 38 ta' dan ir-Regolament; jew

(ii)

12-il xahar mid-data ta' wara dik li fiha d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandu japplika fl-ebda wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu;

(b)

tkun ittieħdet deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/397 tad-19 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċediuri ta' ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn CCP (ĠU L 71, 13.3.2019, p. 15).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top