EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0494

Regolament (UE) 2019/494 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/17/2019/REV/1

OJ L 85I, 27.3.2019, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/494/oj

27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/11


REGOLAMENT (UE) 2019/494 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

L-għan prinċipali tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa li jiġi stabbilit u jinżamm livell għoli u uniformi ta' sikurezza tal-avjazzjoni fl-Unjoni. Għal dak l-iskop, ġiet stabbilita sistema ta' ċertifikati għal diversi attivitajiet tal-avjazzjoni, sabiex jinkisbu l-livelli ta' sikurezza meħtieġa u sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki meħtieġa u jiġu aċċettati b'mod reċiproku ċ-ċertifikati maħruġa.

(3)

Fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet jista' jiġi rrimedjat minn ħafna partijiet ikkonċernati permezz ta' diversi miżuri. Dawk il-miżuri jinkludu t-trasferiment lejn awtorità tal-avjazzjoni ċivili ta' wieħed mis-27 Stat Membru li jifdal, jew l-applikazzjoni, qabel id-data tal-ħruġ, għal ċertifikat maħruġ mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”), b'effett minn dik id-data biss u għaldaqstant bil-kundizzjoni li r-Renju Unit ikun sar pajjiż terz.

(4)

Madankollu, għad-differenza ta' oqsma oħra tal-liġi tal-Unjoni, hemm xi ċirkostanzi speċifiċi fejn mhux possibbli li jinkiseb ċertifikat minn Stat Membru ieħor jew mill-Aġenzija, minhabba li, mid-data tal-ħruġ, r-Renju Unit ikompli jaqdi r-rwol ta' “Stat tad-disinn” skont il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-ġurisdizzjoni tiegħu mid-data tal-ħruġ. Min-naħa tiegħu, ir-Renju Unit jista' joħroġ ċertifikati biss f'dak ir-rwol ġdid tiegħu, ladarba jkun ħa dak l-irwol, jiġifieri ladarba l-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

(5)

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi stabbilit mekkaniżmu temporanju għall-estensjoni tal-validità ta' ċerti ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni, sabiex l-operaturi kkonċernati, u l-Aġenzija, jkollhom biżżejjed żmien biex ikunu jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati meħtieġa skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2018/1139, biex jitqies l-istatus tar-Renju Unit bħala pajjiż terz.

(6)

Jenħtieġ li t-tul ta' żmien ta' tali estensjoni tal-validità taċ-ċertifikati jkun limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jiġi indirizzat il-ħruġ tar-Renju Unit mis-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jingħata żmien addizzjonali, fejn ikun meħtieġ, biex iċ-ċertifikati jinħarġu għall-operaturi kkonċernati skont l-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2018/1139, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-estensjoni ulterjuri tal-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati msemmija fit-Taqsima I tal-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(8)

Barra minn hekk, għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-oqsma l-oħra tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-oġġetti, l-invalidità taċ-ċertifikati jkollha impatt mhux fuq it-tqegħid fis-suq iżda fuq l-użu effettiv tal-prodotti, tal-partijiet u tat-tagħmir tal-avjazzjoni fl-Unjoni, pereżempju meta jiġu installati l-partijiet u t-tagħmir fuq inġenju tal-ajru tal-Unjoni li jopera fl-Unjoni. Jenħtieġ li ma jkunx hemm impatt fuq dan l-użu tal-prodotti tal-avjazzjoni fl-Unjoni mill-ħruġ tar-Renju Unit.

(9)

Fis-sistema tas-sikurezza tal-avjazzjoni tal-Unjoni, it-taħriġ tal-bdoti u tal-mekkaniċi huwa strettament irregolat u l-moduli tat-taħriġ huma armonizzati. Il-persuni li jieħdu sehem f'modulu tat-taħriġ fi Stat Membru wieħed mhux dejjem jistgħu jibdlu, matul dak it-taħriġ, għal Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li dik is-sitwazzjoni partikolari titqies fil-miżuri ta' kontinġenza tal-Unjoni.

(10)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ b'urġenza u jenħtieġ li japplikaw, fil-prinċipju, mill-għada tal-jum meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-proċeduri amministrattivi meħtieġa minn kmieni kemm jista' jkun, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet speċifiċi, fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) mill-Unjoni Ewropea, għal ċerti ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew ir-Regolament (UE) 2018/1139 għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit u għal ċerti sitwazzjonijiet rigward it-taħriġ fl-avjazzjoni.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċertifikati kollha elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament, li jkunu validi fil-jum ta' qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jkunu nħarġu:

(a)

mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit, kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Anness; jew

(b)

mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Anness.

3.   Minbarra ċ-ċertifikati elenkati fil-paragrafu 2, dan ir-Regolament għandu japplika għall-moduli tat-taħriġ msemmija fl-Artikolu 5.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (UE) 2018/1139 u tal-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dak ir-Regolament u skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 3

Ċertifikati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2)

Iċ-ċertifikati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2) għandhom jibqgħu validi għal perjodu ta' disa' xhur mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun meħtieġ żmien addizzjonali għaċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2018/1139 li jridu jinħarġu għall-operaturi kkonċernati, il-Kummissjoni tista' testendi l-perjodu ta' validità msemmi fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti delegati.

Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 4

Ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2)

Iċ-ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2), li jikkonċernaw l-użu ta' prodotti, ta' partijiet u ta' tagħmir għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 5

Riportar ta' moduli tat-taħriġ

B'deroga mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (6) u (UE) Nru 1321/2014 (7), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija, kif applikabbli, għandhom iqisu l-eżamijiet li saru f'organizzazzjonijiet tat-taħriġ li huma soġġetti għal sorveljanza mill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit iżda li għadhom ma wasslux għall-ħruġ tal-liċenzja qabel id-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) ta' dan ir-Regolament, daqslikieku saru f'organizzazzjoni tat-taħriġ soġġetta għal sorveljanza mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru.

Artikolu 6

Regoli u obbligi rigward iċ-ċertifikati rregolati skont l-Artikoli 3 jew 4

1.   Iċ-ċertifikati rregolati skont l-Artikoli 3 u 4 ta' dan ir-Regolament huma soġġetti għar-regoli li japplikaw għalihom f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti ta' implimentazzjoni u mal-atti delegati adottati bis-saħħa tiegħu jew mar-Regolament (UE) Nru 216/2008. L-Aġenzija għandu jkollha s-setgħat stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti ta' implimentazzjoni u fl-atti delegati adottati skont dak ir-Regolament u skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 fir-rigward tal-entitajiet li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom f'pajjiż terz.

2.   Fuq it-talba tal-Aġenzija, id-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3 u l-emittenti taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jipprovdu kopji tar-rapport tal-awditjar, tal-konklużjonijiet u tal-pjanijiet ta' azzjoni korrettiva kollha li jkunu rilevanti għaċ-ċertifikati li jkunu nħarġu matul it-tliet snin ta' qabel it-talba. Fejn tali dokumenti ma jkunux ġew ipprovduti fil-limiti taż-żmien stabbiliti mill-Aġenzija fit-talba tagħha, l-Aġenzija tista' tirtira l-benefiċċju miksub biss-saħħa tal-Artikolu 3 jew l-Artikolu 4, kif applikabbli.

3.   Id-detenturi taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3 u l-emittenti taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien dwar kwalunkwe azzjoni mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, li tista' tikkuntrasta mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) 2018/1139.

Artikolu 7

Awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u għall-fini tas-sorveljanza tad-detenturi u tal-emittenti taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament, l-Aġenzija għandha taġixxi bħala l-awtorità kompetenti prevista għall-entitajiet ta' pajjiż terz skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti ta' implimentazzjoni u l-atti delegati adottati skont dak ir-Regoalment jew skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008.

Artikolu 8

Applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 (8) għandu japplika għall-persuni ġuridiċi u fiżiċi li jkollhom jew li joħorġu ċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 1(2) ta' dan ir-Regolament bl-istess kundizzjonijiet bħad-detenturi ta' ċertifikati korrispondenti maħruġa għall-persuni ġuridiċi jew fiżiċi ta' pajjiż terz.

Artikolu 9

Mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida

L-Aġenzija tista' toħroġ mezzi aċċettabbli ta' konformità u materjal ta' gwida għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-Artikolu 76(3) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-għada tal-jum li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikolu 5 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ mid-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  L-Opinjoni tal-20 ta' Frar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE, ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar il-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiċi, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (ĠU L 362, 17.12.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 319/2014 tas-27 ta' Marzu 2014 dwar drittijiet u ħlasijiet imposti mill-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 593/2007 (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 58).


ANNESS

LISTA TA' ĊERTIFIKATI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1

Taqsima 1:

Ċertifikati maħruġa mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“Aġenzija”) għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fir-Renju Unit u għall-inġenji tal-ajru msemmija f'dawn li ġejjin

1.1.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (1), l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti B (Ċertifikati tat-tip u ċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

1.2.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti D (Tibdiliet fiċ-ċertifikati tat-tip u fiċ-ċertifikati tat-tip ristretti)

1.3.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti E (Ċertifikati tat-tip supplementari)

1.4.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti M (Tiswijiet)

1.5.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti O (Awtorizzazzjonijiet tal-Ordni ta' Standard Tekniku Ewropew)

1.6.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, il-Parti 21, it-Taqsima A, is-Subparti J (Approvazzjonijiet ta' organizzazzjoni tad-disinn)

Taqsima 2:

Ċertifikati għall-prodotti, partijiet u tagħmir maħruġa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi ċċertifikati mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit msemmija f'dawn li ġejjin:

2.1.

Ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, l-Anness I, it-Taqsima A, is-Subparti G, il-punt 21.A.163(c) (ċertifikati tar-rilaxx awtorizzat għall-prodotti, għall-partijiet u għat-tagħmir)

2.2.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti-145, il-punt 145.A.75(e) (ċertifikati tar-rilaxx għas-servizz fir-rigward tat-tlestija tal-manutenzjoni)

2.3.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti-145, il-punt 145.A.75(f) (ċertifikati ta' reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru ELA 1)

2.4.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti M, it-Taqsima A, is-Subparti F, il-punt M.A.615(d) (ċertifikati tar-rilaxx għas-servizz mat-tlestija tal-manutenzjoni)

2.5.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti M, it-Taqsima A,is-Subparti F, il-punt M.A.615(e) (ċertifikati ta' reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà għall-inġenji tal-ajru ELA 1)

2.6.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti M, it-Taqsima A, is-Subparti G, il-punt M.A.711(a) jew (b)(1) (ċertifikati ta' reviżjoni tal-ajrunavigabbiltà u estensjonijiet tagħhom).

2.7.

Ir-Regolament (UE) Nru 1321/2014, l-Anness I, il-Parti-M, Taqsima A, is-Subparti H, il-punt M.A.801 (b)(2) u (3) u (c) (ċertifikati għar-rilaxx għas-servizz fir-rigward tat-tlestija tal-manutenzjoni).


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat- 3 ta' Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta' inġenji tal-ajru u ta' prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).


Top