EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0474

Regolament (UE) 2019/474 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

PE/80/2018/REV/1

OJ L 83, 25.3.2019, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/474/oj

25.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/38


REGOLAMENT (UE) 2019/474 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, (il-Kodiċi) u jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri ġenerali applikabbli għall-merkanzija li tiddaħħal jew li tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

(2)

Il-muniċipalità Taljana ta' Campione d'Italia, esklava Taljana fit-territorju tal-Iżvizzera u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta' Lugano jenħtieġ li jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-Unjoni għax ma għadhomx japplikaw ir-raġunijiet storiċi li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta' dawk it-territorji, bħalma huma l-iżolament u l-iżvantaġġi ekonomiċi tagħhom. Għall-istess raġunijiet, dawk it-territorji jenħtieġ li jiġu inklużi fl-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa filwaqt li jibqgħu jiġu esklużi mis-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-bidliet japplikaw b'mod konsistenti mill-istess żmien, l-inklużjoni ta' dawk it-territorji fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020.

(3)

Jenħtieġ li l-Kodiċi jiġi emendat biex jiċċara li detentur tad-deċiżjoni tal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (BTI) jista' juża dik id-deċiżjoni sa sitt xhur wara li tiġi revokata d-deċiżjoni BTI jekk ir-revoka tirriżulta mill-fatt li dik id-deċiżjoni ma tikkonformax mal-leġiżlazzjoni doganali jew li l-kundizzjonijiet stabbiliti għat-teħid ta' deċiżjonijiet BTI ma kinux jew ma baqgħux issodisfati.

(4)

Jenħtieġ li l-ħażna temporanja tiżdied mal-lista tal-formalitajiet doganali koperti mid-dispożizzjoni tal-Kodiċi li tipprovdi li jinqata' dejn doganali għax ikun hemm nuqqas ta' konformità fejn in-nuqqas ma kellu ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-proċedura kkonċernata, ma kienx jikkostitwixxi attentat ta' qerq, u s-sitwazzjoni tkun ġiet sussegwentament regolarizzata. Għall-finijiet tal-qtugħ tad-dejn doganali f'dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-ħażna temporanja ma tiġix ittrattata b'mod differenti minn proċedura doganali. Id-delega tas-setgħat lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dik id-dispożizzjoni tal-Kodiċi jenħtieġ li tiġi wkoll emendata biex tinkludi l-ħażna temporanja.

(5)

Meta l-awtoritajiet doganali jkunu meħtieġa jinvalidaw dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul minħabba l-fatt li l-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni ma tkunx iddaħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul tiġi invalidata mingħajr dewmien 200 jum wara li tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni minflok fi żmien 200 jum, peress li dak huwa l-perjodu li fih il-merkanzija trid tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni.

(6)

Biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju adegwata u kontrolli xierqa bbażati fuq ir-riskju, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi jipprovduhom bid-data u informazzjoni ta' qabel il-wasla dwar il-merkanzija mhux tal-Unjoni fil-forma ta' dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul. Meta dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tkunx ġiet ippreżentata qabel mal-merkanzija tkun daħlet fit-territorju doganali tal-Unjoni u l-obbligu li din tiġi ppreżentata ma jkunx ġie rrinunzjat, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu d-data u l-informazzjoni li normalment tiġi inkluża fid-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul fid-dikjarazzjonijiet doganali jew fid-dikjarazzjonijiet għall-ħażna temporanja tagħhom. Għal dawk il-finijiet, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja minflok dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jenħtieġ li tkun disponibbli biss f'każ li dan ikun permess mill-awtoritajiet doganali fejn tiġi ppreżentata l-merkanzija. Meta l-awtoritajiet doganali jkunu meħtieġa jinvalidaw dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja minħabba l-fatt li l-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata lid-dwana, jenħtieġ li dik d-dikjarazzjoni tiġi invalidata mingħajr dewmien wara li jkunu għaddew 30 jum minn mindu tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni minflok fi żmien 30 jum, peress li dak huwa l-perjodu li fih il-merkanzija trid tiġi ppreżentata lid-dwana.

(7)

Jenħtieġ li l-eżenzjoni sħiħa mid-dazju tal-importazzjoni tingħata għall-merkanzija li tkun issewwiet jew inbidlet skont il-proċedura ta' proċessar passiv f'pajjiż jew f'territorju li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim internazzjonali li jagħti din l-eżenzjoni, biex jiġi żgurat li l-Unjoni tissodisfa l-impenji internazzjonali tagħha f'dan ir-rigward. Peress li l-iskop ta' dik l-eżenzjoni huwa limitat għall-importazzjoni tal-prodotti li attwalment ġew imsewwija jew mibdula fil-pajjiż jew fit-territorju kkonċernat, jenħtieġ li huwa ma jiġix estiż għall-importazzjoni ta' prodotti msewwija jew mibdula li jinkisbu mill-merkanzija ekwivalenti jew ta' prodotti sostitwiti skont is-sistema standard ta' skambju. Għalhekk, jenħtieġ li l-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni ma tapplikax għal dawk il-prodotti u l-merkanzija.

(8)

Meta l-awtoritajiet doganali jkunu meħtieġa jinvalidaw dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ jew notifika ta' esportazzjoni mill-ġdid minħabba l-fatt li l-merkanzija rilevanti ma tkunx inħarġet barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, jenħtieġ li d-dikjarazzjoni jew in-notifika jiġu invalidati mingħajr dewmien wara li jkunu għaddew 150 jum minn mindu tkun ġiet ippreżentata minflok fi żmien 150 jum, peress li dak huwa l-perjodu li fih il-merkanzija trid tinħareġ barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.

(9)

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq biex jintlaħqu l-għanijiet bażiċi li bihom l-unjoni doganali tkun tista' taħdem b'mod effettiv u biex tiġi implimentata l-politika komuni tal-kummerċ li jiġu indirizzati għadd ta' kwistjonijiet tekniċi li ġew identifikati fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi minn meta daħal fis-seħħ, li żewġ territorji ta' Stat Membru jiddaħħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-territorju doganali tal-Unjoni u li l-Kodiċi jiġi allinjat ma' ftehimiet internazzjonali li ma kinux fis-seħħ fi żmien l-adozzjoni tiegħu. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet maħsuba, skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(10)

Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(1), it-12-il inciż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

it-territorju tar-Repubblika Taljana, minbarra l-muniċipalità ta' Livigno,”;

(2)

fl-Artikolu 34(9), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.   Fejn deċiżjoni BTI jew BOI titlef il-validità tagħha f'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 1 jew mal-paragrafu 2, jew tkun revokata f'konformità mal-paragrafi 5, 7 jew 8, id-deċiżjoni BTI jew BOI xorta tista' tintuża fir-rigward ta' kuntratti vinkolanti li kienu bbażati fuq dik id-deċiżjoni u li kienu konklużi qabel ma titlef il-validità tagħha jew qabel tkun revokata. Dak l-użu estiż ma għandux japplika fejn deċiżjoni BOI tittieħed għal merkanzija li trid tiġi esportata.”;

(3)

fl-Artikolu 124(1), il-punt (h)(i) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(i)

in-nuqqas li wassal biex jinħoloq id-dejn doganali ma kellu l-ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew tal-proċedura doganali kkonċernata u ma kienx jikkostitwixxi attentat ta' qerq;”;

(4)

L-Artikolu 126 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 126

Id-delega tas-setgħa

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 284, biex tiddetermina l-lista ta' nuqqasijiet li ma jkollhom l-ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew tal-proċedura doganali kkonċernata u biex tissupplimenta il-punt (h)(i) tal-Artikolu 124(1).”;

(5)

fl-Artikolu 129, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-merkanzija li għaliha tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul ma tiddaħħalx fit-territorju doganali tal-Unjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw dik id-dikjarazzjoni mingħajr dewmien f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

wara applikazzjoni mid-dikjarant; jew

(b)

wara li jkunu għaddew 200 jum minn meta tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni.”;

(6)

fl-Artikolu 139, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Fejn merkanzija mhux tal-Unjoni li tkun ippreżentata lid-dwana ma tkunx koperta minn dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul, u ħlief fejn jingħata eżoneru mill-obbligu ta' preżentazzjoni ta' din id-dikjarazzjoni, waħda mill-persuni msemmija fl-Artikolu 127(4) għandha, mingħajr ħsara għall-Artikolu 127(6), tippreżenta minnufih din id-dikjarazzjoni jew, jekk titħalla mill-awtoritajiet doganali, minflok tippreżenta dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja. Fejn, f'tali ċirkostanzi, tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali jew dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi mill-inqas id-dettalji meħtieġa għad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul.”;

(7)

fl-Artikolu 146, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-merkanzija li għaliha tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni għall-ħażna temporanja ma tiġix ippreżentata lid-dwana, l-awtoritajiet doganali għandhom jinvalidaw dik id-dikjarazzjoni mingħajr dewmien f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

wara applikazzjoni mid-dikjarant; jew

(b)

wara li jkunu għaddew 30 jum minn meta tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni.”;

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 260a

Merkanzija msewwija jew mibdula fil-kuntest ta' ftehimiet internazzjonali

1.   Għandha tingħata eżenzjoni sħiħa mid-dazju tal-importazzjoni għall-prodotti pproċessati li jirriżultaw minn merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-ipproċessar passiv fejn l-awtoritajiet doganali huma sodisfatti li:

(a)

dik il-merkanzija ssewwiet jew inbidlet f'pajjiż jew f'territorju barra mit-territorju doganali tal-Unjoni li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim internazzjonali li jagħti din l-eżenzjoni; u

(b)

il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni stabbiliti fil-ftehim imsemmi fil-punt (a) huma ssodisfati.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati li jirriżultaw minn merkanzija ekwivalenti kif imsemmi fl-Artikolu 223 u għall-prodotti sostituti kif imsemmi fl-Artikoli 261 u 262.”;

(9)

fl-Artikolu 272, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-merkanzija li għaliha kienet ippreżentata dikjarazzjoni fil-qosor tal-ħruġ ma tinħariġx mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-awotritajiet doganali għandhom jinvalidaw dik id-dikjarazzjoni mingħajr dewmien f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

wara applikazzjoni mid-dikjarant; jew

(b)

wara li jkunu għaddew 150 jum minn meta tkun ġiet ippreżentata d-dikjarazzjoni.”;

(10)

fl-Artikolu 275, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn il-merkanzija li għaliha tkun ġiet ippreżentata notifika tal-esportazzjoni mill-ġdid ma tinħariġx 'il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni, l-awotritajiet doganali għandhom jinvalidaw dik in-notifika mingħajr dewmien f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

wara applikazzjoni mid-dikjarant; jew

(b)

wara li jkunu għaddew 150 jum minn meta tkun ġiet ippreżentata n-notifika.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1(1) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 39.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2019.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).


Top