Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0365

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/365 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni dwar sanzjonijiet, miżuri u investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/7659

    ĠU L 81, 22.3.2019, p. 128–133 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/365/oj

    22.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 81/128


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/365

    tat-13 ta' Diċembru 2018

    li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni dwar sanzjonijiet, miżuri u investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tingħata informazzjoni sħiħa u preċiża dwar il-miżuri amministrattivi u kriminali imposti u l-investigazzjonijiet kriminali imwettqa fir-rigward ta' ksur tar-Regolament (UE) 2015/2365, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri u formoli komuni għat-tressiq ta' dik l-informazzjoni.

    (2)

    Sabiex jiġu evitati entrati doppji u kunflitti potenzjali ta' kompetenza bejn awtoritajiet ta' rappurtar multipli fi Stat Membru, jenħtieġ li jiġi nominat punt ta' kuntatt uniku f'kull Stat Membru għall-iskambju ta' informazzjoni mal-ESMA.

    (3)

    Bl-għan li tiġi inkluża informazzjoni sinifikanti fir-rapport annwali dwar sanzjonijiet, miżuri u investigazzjonijiet biex tiġi ppubblikata mill-ESMA, l-informazzjoni rrappurtata minn awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li tindika b'mod ċar liema dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/2365 ġew miksura permezz ta' formoli speċifiċi.

    (4)

    L-awtorità kompetenti jeħtieġ li tipprovdi lill-ESMA b'kopja tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva jew il-miżura u sommarju ċar tal-elementi essenzjali ta' dik id-deċiżjoni. Madankollu, sabiex jiġi limitat il-piż tar-rapportar, meta sanzjoni amministrattiva jew miżura partikolari tkun diġà ġiet rapportata lill-ESMA skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365, l-awtorità kompetenti tenħtieġ biss li tagħmel referenza ċara għal dik is-sanzjoni jew miżura.

    (5)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ippreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni Ewropea skont il-proċedura tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill (2).

    (6)

    Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 l-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati bl-introduzzjoni tal-formoli u l-proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tagħhom, filwaqt li tqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq.

    (7)

    L-ESMA talbet l-opinjonijiet tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Punti ta' kuntatt

    1.   L-awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha taħtar punt ta' kuntatt uniku biex tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għall-komunikazzjonijiet kollha dwar kull kwistjoni relatata mar-riċeviment ta' din l-informazzjoni. Id-dettalji dwar il-punt ta' kuntatt għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-ESMA.

    2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jaħtru punt ta' kuntatt uniku għal dak l-Istat Membru għal kull komunikazzjoni marbuta mal-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/2365. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dawn il-punti ta' kuntatt.

    Artikolu 2

    It-tressiq annwali ta' informazzjoni aggregata

    1.   Il-punti ta' kuntatt maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 1(2) għandhom jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 billi jużaw il-formola fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Għandhom jiġu pprovduti kopji ta' deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra u sommarji ta' dawn id-deċiżjonijiet, sakemm is-sanzjoni jew il-miżura tkun diġà ġiet rapportata lill-ESMA skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365. Il-kopji tad-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppreżentati f'dokumenti mehmuża ma' ittra elettronika li takkumpanja l-formola.

    2.   Il-punti ta' kuntatt maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 1(2) għandhom jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 bl-użu tal-formola fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

    3.   Il-formoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru perjodu ta' rapportar ta' sena kalendarja waħda u għandhom, flimkien ma' kwalunkwe dokumenti mehmuża, jimtlew elettronikament u jintbagħtu b'ittra elettronika lill-punt ta' kuntatt tal-ESMA sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara.

    L-ewwel preżentazzjoni tal-formoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha ssir fl-2018 għas-snin kalendarji 2016 u 2017.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


    ANNESS I

    Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni

    ANNESS II

    Image 3 Test ta 'immaġni Image 4 Test ta 'immaġni

    Top