Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0362

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/362 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 150/2013 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8336

OJ L 81, 22.3.2019, p. 74–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/362/oj

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/74


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/362

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 150/2013 fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 56(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 (2) wriet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jikkonċernaw ir-registrazzjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet jikkostitwixxu bażi soda sabiex jinbena l-qafas għar-reġistrazzjoni ta' repożitorji tad-data. Sabiex dan il-qafas ikompli jissaħħaħ, jenħtieġ li dan ir-Regolament (UE) Nru 150/2013 jirrifletti n-natura evoluttiva tal-industrija.

(2)

It-twaqqif ta' qafas konsistenti għar-reġistrazzjoni u l-estensjoni tar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, kif ukoll skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) huwa essenzjali sabiex jinkisbu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fost ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet u għall-provvediment effiċjenti tal-funzjonijiet tar-repożitorju.

(3)

Il-funzjoni ta' verifika tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet hija ta' importanza primarja għat-trasparenza ta' swieq tad-derivattivi u biex tiġi żgurata l-kwalità tad-data. Għalhekk, jenħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet juru li huma stabbilew is-sistemi u l-proċeduri xierqa biex jivverfikaw il-kompletezza u l-korrettezza tad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi. Għalhekk, jenħtieġ li dawn is-sistemi u proċeduri jkunu aktar fid-dettall sabiex jissaħħaħ il-qafas għar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li huma jistabbilixxu kif ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet se jawtentikaw lill-utenti, jivvalidaw l-iskemi tad-data, jawtorizzaw ir-reġistrazzjoni tad-data, jivvalidaw il-loġika u l-kontenut tad-data, jirrikonċiljaw id-dettalji tad-derivattivi u jipprovdu feedback lill-utenti tagħhom.

(4)

Jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet jinkludu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-mekkaniżmi u l-istrutturi ta' kontroll intern rilevanti, il-funzjoni ta' verifika interna u l-pjan ta' ħidma tal-awditjar biex tippermetti lill-AETS tivvaluta kif dawk il-fatturi jikkontribiwxxu għall-funzjonament effiċenti tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(5)

Sabiex l-AETS tkun tista' tivvaluta aħjar ir-reputazzjoni tajba, l-esperjenza u l-ħiliet tal-membri tal-bord, il-maniġment superjuri u l-persunal superjuri rilevanti tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li applikant ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar dawk il-persuni, inkluża informazzjoni dwar l-għarfien u l-esperjenza tagħhom fil-ġestjoni, l-operazzjonijiet u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-informatika.

(6)

L-użu ta' riżorsi komuni fi ħdan repożitorju tat-tranżazzjonijiet bejn is-servizzi ta' rapportar ta' derivattivi, fuq naħa waħda, u s-servizzi anċillari jew is-servizzi ta' rapportar għal tranżazjonijiet ta' finanzjament tat-titoli, fuq in-naħa l-oħra, jista' jwassal għal kontaġju tar-riskji operazzjonali fis-servizzi kollha. Il-validazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni, l-ipproċessar u ż-żamma tad-data jistgħu jesiġu separazzjoni operazzjonali effettiva biex jevitaw tali kontaġju tar-riskji. Madankollu, ċerti prattiki, bħal “front-end” komuni tas-sistemi, punt ta' aċċess komuni għad-data għall-awtoritajiet jew l-użu tal-istess membri tal-persunal li jaħdmu fil-bejgħ, il-konformità jew helpdesk tas-servizzi tal-klijenti jistgħu jkunu inqas suxxettibbli għal kontaġju u, b'hekk, mhux bilfors ikunu jeħtieġu separazzjoni operazzjonal Jenħtieġ, għalhekk, li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jistabbilixxu livell xieraq ta' separazzjoni operazzjonijiet bejn ir-riżorsi, is-sistemi jew il-proċeduri użati f'linji operatorji differenti. Din is-separazzjoni jenħtieġ li tinkludi linji operatorji li jipprovdu servizzi soġġetti għal-leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew għal-leġiżlazzjoni ta' pajjiż terz. Jenħtieġ ukoll li tiżgura li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tkun tinkludi informazzjoni dettaljata u ċara dwar is-servizzi anċillari jew il-linji operatorji l-oħrajn li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet joffri barra mill-attività ċentrali tiegħu ta' servizz ta' repożitorju skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(7)

Is-solidità, ir-reżiljenza u l-protezzjoni tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma essenzjali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għaldaqstant, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata u komprensiva dwar dawk is-sistemi sabiex l-AETS tkun tista' tivvaluta s-solidità u r-reżiljenza tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika tagħhom. Meta l-provvediment ta' funzjonijiet ta' repożitorju jiġi esternalizzat lill-partijiet terzi, fil-livell tal-grupp jew barra mill-grupp, jentħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni rilevanti sabiex l-AETS tkun tista' tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni, inkluża informazzjoni dwar kull ftehim dwar il-livell ta' servizz, dwar il-metriċi u dwar kif dawn il-metriċi jiġu mmonitorjati b'mod effettiv. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jipprovdu informazzjoni dwar il-mekkaniżmi u l-kontrolli li huma jimplimentaw sabiex jimmaniġġjaw b'mod effettiv ir-riskji ċibernetiċi potenzjali u jipproteġu d-data dwar attakki ċibernetiċi.

(8)

Sabiex l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 rigward it-trasparenza tas-suq tad-derivattivi jinkisbu aħjar, jenħtieġ li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet juru li huma japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet ta' aċċess għad-data miżmuma fir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet f'konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 (4). Jenħtieġ li dawk it-termini u kundizzjonijiet jiżguraw l-integrità tad-data pprovduta lill-awtoritajiet u li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jipprovdu aċċess għad-data f'konformità mar-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013. Għalhekk, jenħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni telenka l-politiki u l-proċeduri tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li abbażi tagħhom it-tipi differenti ta' utenti jirrapportaw u jaċċessaw id-data miżmuma fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tinkludi deskrizzjoni tal-kanali u tal-mekkaniżmi użati biex tiġi żvelata pubblikament informazzjoni dwar ir-regoli ta' aċċess għad-data miżmuma fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċeduri tagħhom għall-verifika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-data.

(9)

It-tariffi assoċjati mas-servizzi pprovduti mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma informazzjoni essenzjali għall-parteċipanti tas-suq sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata. Għalhekk, jenħtieġ li dawk it-tariffi jifformaw parti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

(10)

Sabiex l-AETS tkun tista' tistabbilixxi linja bażi għall-ippjanar tal-kapaċità u tal-prestazzjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ikunu jinkludu informazzjoni li turi li l-applikant għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikollu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet fuq bażi kontinwa. Għall-istess raġuni, jenħtieġ li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tinkludi arranġamenti effettivi ta' kontinwità tal-operat. Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li b'mod partikolari jipprovdu informazzjoni dwar il-pjanijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti tagħhom għall-ġestjoni ta' emerġenzi u kriżijiet, inklużi proċeduri biex jiżguraw is-sostituzzjoni ordnata tar-repożitorju oriġinali tat-tranżazzjonijiet jekk ir-reġistrazzjoni tiegħu tiġi rtirata jew jekk kontroparti ta' rapportar tiddeċiedi tirrapporta lil repożitorju tat-trażazzjonijiet ieħor.

(11)

Minħabba li l-parteċipanti fis-suq u l-awtoritajiet joqogħdu fuq id-data miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tad-data jenħtieġ li tiddeskrivi b'mod ċar l-arranġamenti operattivi u taż-żamma tar-rekords, li jridu jkunu stretti u effettivi. Biex jintwera kif il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data miżmuma mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tiġi ppreservata u jkun hemm traċċabilità ta' dik id-data, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tinkludi referenza speċifika rigward it-twaqqif ta' reġistru tar-rapportar.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(13)

L-AETS wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq tal-AETS stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

(14)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 150/2013

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha b'mod partikolari tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem korporattiv tal-applikant u l-indirizz legali fl-Unjoni;

(b)

silta mir-reġistru kummerċjali jew tal-qorti rilevanti, jew forom oħra ta' xiehda ċertifikata tal-post tal-inkorporazzjoni u l-ambitu tal-attività kummerċjali tal-applikant, valida fid-data tal-applikazzjoni;

(c)

informazzjoni dwar il-klassijiet ta' derivattivi li għalihom l-applikant jixtieq ikun irreġistrat;

(d)

informazzjoni dwar jekk l-applikant huwiex awtorizzat jew irreġistrat minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, u f'dan il-każ, l-isem tal-awtorità u kwalunkwe numru ta' referenza relatat mal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni;

(e)

l-artikoli tal-inkorporazzjoni tal-applikant u, fejn rilevanti, dokumentazzjoni statutorja oħra li tiddikjara li l-applikant se jwettaq servizzi ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(f)

il-minuti mil-laqgħa fejn il-Bord tal-applikant approva l-applikazzjoni;

(g)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna/i responsabbli għall-konformità, jew kwalunkwe persunal ieħor involut fil-valutazzjonijiet tal-konformità tal-applikant;

(h)

il-programm ta' operati, inklużi indikazzjonijiet ta' fejn jinsabu l-attivitajiet operattivi ewlenin;

(i)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe sussidjarju u, fejn rilevanti, l-istruttura tal-grupp;

(j)

kwalunkwe servizz, minbarra l-funzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, li l-applikant jipprovdi jew għandu l-ħsieb li jipprovdi;

(k)

kwalunkwe informazzjoni dwar kwalunkwe proċediment ġudizzjarju, amministrattiv, ta' arbitraġġ jew kwalunkwe proċediment ieħor ta' litigazzjoni pendenti, irrispettivament mit-tip tagħhom, li l-applikant jista' jkun parti għalihom, partikolarment fir-rigward ta' materji fiskali u ta' insolvenza u fejn jistgħu jiġġarrbu kostijiet finanzjarji u ta' reputazzjoni sinifikanti, jew kull proċediment mhux pendenti, li għad jista' jkollu kwalunkwe impatt materjali fuq il-kostijiet tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Politiki u proċeduri

Meta l-informazzjoni rigward il-politiki u l-proċeduri tiġi pprovduta bħala parti minn applikazzjoni, applikant għandu jiżgura li l-applikazzjoni tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

indikazzjoni li l-Bord japprova l-politiki, li l-maniġment superjuri japprova l-proċeduri u li l-maniġment superjuri huwa responsabbli għall-implimentazzjoni u l-manutenzjoni tal-politiki u l-proċeduri;

(b)

deskrizzjoni ta' kif se tiġi organizzata l-komunikazzjoni tal-politiki u l-proċeduri fi ħdan l-applikant, kif se tiġi żgurata u mmonitorjata l-konformità mal-politiki fuq bażi ta' kuljum u l-persuna jew persuni responsabbli għall-konformità f'dak ir-rigward;

(c)

kwalunkwe rekord li jindika li l-membri tal-persunal iddedikati u impjegati jafu bil-politiki u l-proċeduri;

(d)

deskrizzjoni tal-miżuri li jiġu adottati f'każ ta' ksur ta' politiki u proċeduri;

(e)

indikazzjoni tal-proċedura għar-rappurtar lill-AETS ta' kwalunkwe ksur materjali ta' politiki jew proċeduri li jista' jirriżulta fi ksur tal-kundizzjonijiet tar-reġistrazzjoni inizjali.”;

(3)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fejn l-applikant ikun impriża prinċipali, huwa għandu:

(a)

jidentifika l-indirizz ġuridiku ta' dik l-impriża prinċipali;

(b)

jindika jekk l-impriża prinċipali hijiex awtorizzata jew irreġistrata u suġġetta għal superviżjoni, u meta dan ikun il-każ, jiddikjara kwalunkwe numru ta' referenza u isem l-awtorità superviżorja responsabbli.”;

(4)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Kontroll intern

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi informazzjoni dettaljata relatata mas-sistema ta' kontroll intern tal-applikant, inkluża informazzjoni rigward il-funzjoni ta' verifika tal-konformità tiegħu, il-valutazzjoni tar-riskju, il-mekkaniżmi ta' kontroll intern u l-arranġamenti tal-uffiċċju tal-awditjar intern tiegħu.

2.   L-informazzjoni dettaljata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

il-politiki ta' kontroll intern tal-applikant u l-proċeduri rispettivi relatati mal-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tagħhom;

(b)

kwalunkwe politika, proċedura u manwal rigward il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi tal-applikant;

(c)

kwalunkwe politika, proċedura u manwal rigward il-kontroll u s-salvagwardja għas-sistemi tal-ipproċessar tal-informazzjoni tal-applikant;

(d)

l-identità tal-korpi interni responsabbli mill-evalwazzjoni tas-sejbiet tal-kontroll intern rilevanti.

3.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-attivitajiet tal-awditjar intern tal-applikant:

(a)

il-kompożizzjoni ta' kwalunkwe Kumitat tal-Awditjar Intern, il-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tiegħu;

(b)

il-karta, il-metodoloġiji, l-istandards u l-proċeduri tal-uffiċċju tal-awditjar intern tiegħu;

(c)

spjegazzjoni ta' kif inhuma żviluppati u applikati l-karta, il-metodoloġija u l-proċeduri tal-awditjar intern tiegħu, b'kunsiderazzjoni tan-natura u l-firxa tal-attivitajiet, il-kumplessitajiet u r-riskji tal-applikant;

(d)

pjan ta' ħidma għal tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni, li jindirizza n-natura u l-firxa tal-attivitajiet, il-kumplessitajiet u r-riskji tal-applikant.”;

(5)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Maniġment superjuri u membri tal-Bord

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull membru tal-maniġment superjuri u kull membru tal-Bord:

(a)

kopja tal-curriculum vitae;

(b)

informazzjoni dettaljata dwar l-għarfien u l-esperjenza fil-ġestjoni, l-operazzjonijiet u l-iżvilupp tal-IT;

(c)

dettalji rigward kwalunkwe kundanna kriminali b'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' data jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew approprjazzjoni indebita, b'mod partikolari fil-forma ta' ċertifikat uffiċjali, jekk ikun disponibbli fl-Istat Membru rilevanti;

(d)

awtodikjarazzjoni ta' reputazzjoni tajba f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' data, fejn kull membru tal-maniġment superjuri u l-bord jiddikjara jekk:

(i)

kienx ikkundannat għal kwalunkwe reat kriminali b'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta jew fir-rigward ta' atti ta' frodi jew miżapproprjazzjoni;

(ii)

kienx soġġett għal deċiżjoni negattiva fi kwalunkwe proċediment ta' natura dixxiplinarja mibdi minn awtorità regolatorja jew korpi jew aġenziji tal-gvern jew humiex is-soġġett ta' kwalunkwe tali proċediment li mhuwiex konkluż;

(iii)

kienx soġġett għal sejba ġudizzjarja negattiva fi proċedimenti ċivili quddiem qorti f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, jew miżapproprjazzjoni jew frodi fl-immaniġġjar ta' negozju;

(iv)

kienx jagħmel parti mill-bord jew il-maniġment superjuri ta' impriża li r-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tagħha ġiet irtirata minn korp regolatorju;

(v)

kienx miċħud id-dritt li jwettaq attivitajiet li jirrikjedu reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni minn korp regolatorju;

(vi)

kienx jagħmel parti mill-bord jew il-maniġment superjuri ta' impriża li saret insolventi jew ġiet likwidata meta din il-persuna kellha rabta mal-impriża jew fi żmien sena minn meta l-persuna ma baqgħetx marbuta mal-impriża;

(vii)

kienx jagħmel parti mill-bord jew il-maniġment superjuri ta' impriża li kienet soġġetta għal deċiżjoni negattiva jew penali minn korp regolatorju;

(viii)

kienx b'xi mod immultat, sospiż, skwalifikat, jew soġġett għal kwalunkwe sanzjoni oħra b'relazzjoni ma' frodi, miżapproprjazzjoni jew f'konnessjoni mal-forniment ta' servizzi finanzjarji jew ta' dejta, minn korp governattiv, regolatorju jew professjonali;

(ix)

kienx skwalifikat milli jaġixxi bħala direttur, skwalifikat milli jaġixxi fi kwalunkwe kapaċità maniġerjali, tkeċċiex mill-impjieg jew kariga oħra f'impriża b'konsegwenza ta' imġiba ħażina jew prattika ħażina.

(e)

dikjarazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interessi potenzjali li l-maniġment superjuri u l-membri tal-bord jista' jkollhom fit-twettiq tad-doveri tagħhom u kif dawn il-konflitti huma mmaniġġjati.”;

(6)

L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Idoneità u adegwatezza

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha l-informazzjoni li ġejja dwar il-persunal tal-applikant:

(a)

lista ġenerali tal-membri tal-persunal impjegati direttament mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inklużi r-rwol u l-kwalifiki tagħhom għal kull irwol;

(b)

deskrizzjoni speċifika tal-membri tal-persunal tat-teknoloġija tal-informatika impjegati direttament sabiex jipprovdu servizzi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, flimkien mar-rwol u l-kwalifiki ta' kull individwu;

(c)

deskrizzjoni tar-rwoli u l-kwalifiki ta' kull individwu li huwa responsabbli għall-awditjar intern, il-kontrolli interni, il-konformità u l-valutazzjoni tar-riskji;

(d)

l-identità tal-membri tal-persunal iddedikati u ta' dawk il-membri tal-persunal li qegħdin joperaw taħt arranġament ta' esternalizzazzjoni;

(e)

dettalji tat-taħriġ dwar il-politiki u l-proċeduri tal-applikant, kif ukoll l-operat tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe eżami jew tip ieħor ta' valutazzjoni formali meħtieġa għall-persunal fir-rigward tat-twettiq tal-attivitajiet tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

Id-deskrizzjoni msemmija fil-punt (b) għandha tinkludi prova bil-miktub tad-diploma akkademika u tal-esperjenza fit-teknoloġija tal-informatika ta' mill-inqas membru wieħed tal-persunal anzjan responsabbli għal kwistjonijiet tal-IT.;”

(7)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Rapporti finanzjarji u pjanijiet tal-operat

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi din l-informazzjoni finanzjarja u operazzjonali dwar l-applikant:

(a)

sett komplet ta' rapporti finanzjarji, imħejjija f'konformità mal-istandards internazzjonali adottati f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(b)

meta r-rapporti finanzjarji tal-applikant ikunu soġġetti għal verifika statutorja skont it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), ir-rapporti finanzjarji għandhom jinkludu r-rapport tal-awditjar dwar ir-rapporti finanzjarji konsolidati u annwali;

(c)

jekk l-applikant ikun awditjat, l-isem u n-numru ta' reġistrazzjoni nazzjonali tal-awditur estern;

2.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi pjan ta' direzzjoni tan-negozju finanzjarju li jikkontempla x-xenarji tan-negozju differenti għas-servizzi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fuq perjodu referenzjarju b'minimu ta' tliet snin u li jinkludi l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a)

il-livell mistenni ta' attività ta' rapportar f'għadd ta' tranżazzjonijiet;

(b)

il-kostijiet varjabbli u fissi rilevanti identifikati fir-rigward tal-provvista ta' servizzi tar-repożitorju skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)

varjazzjonijiet pożittivi u negattivi ta' mill-inqas 20 % mix-xenarju ta' attività bażi identifikat.

3.   Meta l-informazzjoni finanzjarja storika msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli, applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar l-applikant:

(a)

rapport proforma li juri riżorsi xierqa u l-istat kummerċjali mistenni sitt xhur wara li tingħata r-reġistrazzjoni;

(b)

Rapport finanzjarju temporanju meta d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jkunu għadhom mhumiex disponibbli għall-perjodu taż-żmien mitlub

(c)

rapport tal-pożizzjoni finanzjarja, bħal karta tal-bilanċ, rapport tal-introjtu, bidliet fl-ekwità u tal-flussi tal-flus u noti li jkun fihom sommarju tal-politiki tal-kontabbiltà u noti oħra ta' spjegazzjoni.

4.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha r-rapporti finanzjarji annwali awditjati ta' kull impriża prinċipali għat-tliet snin finanzjarji ta' qabel id-data tal-applikazzjoni.

5.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha wkoll ikollhom l-informazzjoni finanzjarja li ġejja dwar l-applikant:

(a)

indikazzjoni ta' kwalunkwe pjanijiet futuri għall-istabbiliment ta' sussidjarji u fejn jinsabu;

(b)

deskrizzjoni tal-attivitajiet operazzjonali li l-applikant biħsiebu jwettaq, li tispeċifika l-attivitajiet ta' kwalunkwe sussidjarja jew fergħa.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1)."

(*2)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).”;"

(8)

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 14

Kunfidenzjalità

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-politiki, il-proċeduri u l-mekkaniżmi interni li jimpedixxu kwalunkwe użu ta' informazzjoni maħżuna fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet prospettiv:

(a)

għal skopijiet illeġittimi;

(b)

għal divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali;

(c)

mhux permess għall-użu kummerċjali.

2.   Il-politiki, il-proċeduri u l-mekkaniżmi interni għandhom jinkludu l-proċeduri interni dwar il-permessi tal-persunal għall-użu ta' passwords sabiex tiġi aċċessata d-data, filwaqt li jispeċifikaw l-iskop tal-persunal, il-kamp ta' applikazzjoni tad-data li tkun qed tiġi segwita u kull restrizzjoni fuq l-użu tad-data, kif ukoll informazzjoni dettaljata dwar kull mekkaniżmi u kontroll fis-seħħ sabiex jimmaniġġjaw b'mod effettiv ir-riskji ċibernetiċi potenzjali u jipproteġu d-data miżmuma minn attakki ċibernetiċi.

3.   L-applikanti jipprovdu lill-AETS bl-informazzjoni dwar il-proċessi biex iżommu reġistru li jidentifika kull membru tal-persunal li jaċċessa d-data, il-ħin tal-aċċess, in-natura tad-dejta aċċessata u l-iskop.”;

(9)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 16

Riżorsi u esternalizzazzjoni tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja relatata mar-riżorsi tat-teknoloġija tal-informatika:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika, inklużi r-rekwiżiti kummerċjali rilevanti, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u funzjonali, id-disinn tekniku u arkitettorali tas-sistema, il-mudell tad-data u l-flussi tad-data u l-manwali u l-proċeduri amministrattivi u tal-operazzjonijiet;

(b)

il-faċilitajiet tal-utenti żviluppati mill-applikant sabiex jipprovdi servizzi lill-utenti rilevanti, inkluża kopja ta' kull manwal tal-utenti u l-proċeduri interni;

(c)

il-politiki tal-investiment u tat-tiġdid tar-riżorsi tat-teknoloġija tal-informazzjoni tal-applikant;

(d)

l-arranġamenti ta' esternalizzazzjoni konklużi mill-applikant, inklużi:

(i)

definizzjonijiet dettaljati tas-servizzi li jridu jiġu pprovduti, inklużi l-kamp ta' applikazzjoni li jista' jitkejjel ta' dawk is-servizzi, il-granularità tal-attivitajiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw dawk l-attivitajiet u l-iskedi ta' żmien tagħhom;

(ii)

ftehimiet dwar il-livell ta' servizz bi rwoli u responsabbiltajiet ċari, metriċi u miri għal kull rekwiżit ewlieni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jiġi esternalizzat, il-metodi użati sabiex jiġi mmonitorjat il-livell ta' servizz tal-funzjonijiet esternalizzati u l-miżuri jew l-azzjonijiet li jridu jittieħdu f'każ li ma jintlaħqux il-miri fil-livell tas-servizz;

(iii)

kopja tal-kuntratti li jirregolaw tali arranġamenti.”;

(10)

L-Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Servizzi anċillari

Meta applikant, impriża fi ħdan il-grupp tiegħu, jew impriża li magħha l-applikant ikollu ftehim relatat ma' offerti ta' servizzi tan-negozjar jew ta' wara n-negozjar, jew inkella jippjana li joffri kwalunkwe servizz anċillari, l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tas-servizzi anċillari mwettqa mill-applikant jew mill-impriża fi ħdan il-grupp tiegħu u deskrizzjoni ta' kull ftehim li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista' jkollu ma' kumpaniji li joffru servizzi ta' negozjar, ta' wara n-negozjar jew servizzi relatati oħrajn, kif ukoll kopji ta' dawn il-ftehimiet;

(b)

il-proċeduri u l-politiki li jiżguraw il-livell meħtieġ ta' separazzjoni operazzjonali f'termini ta' riżorsi, sistemi u proċeduri, bejn is-servizzi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tal-applikant skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u linji operatorji oħrajn, inklużi dawk il-linji operatorji li jinkludu l-forniment ta' servizzi skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew ta' pajjiż terz, irrispettivament minn jekk dik il-linja operatorja separata titmexxiex mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, minn kumpanija li tappartjeni għall-kumpanija azzjonarja tiegħu, jew minn xi kumpanija oħra li magħha jkollu ftehim fil-kuntest tal-katina tan-negozjar jew ta' wara n-negozjar jew linja operatorja.”;

(11)

l-Artikoli 18, 19 u 20 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 18

Trasparenza tar-regoli tal-aċċess

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-politiki u l-proċeduri li abbażi tagħhom it-tipi differenti ta' utenti jirrapportaw u jaċċessaw id-data f'repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kull proċess li l-utenti rilevanti jistgħu jkunu jeħtieġu sabiex jaċċessaw, jikkonsultaw jew jimmodifikaw l-informazzjoni miżmuma mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(b)

kopja tat-termini u l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw id-drittijiet u l-obbligi tat-tipi differenti ta' utenti fir-rigward tal-informazzjoni miżmuma mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(c)

deskrizzjoni tal-kategoriji differenti ta' aċċess disponibbli għall-utenti;

(d)

il-politiki u l-proċeduri tal-aċċess li abbażi tagħhom il-fornituri ta' servizzi oħrajn jista' jkollhom aċċess nondiskriminatorju għall-informazzjoni miżmuma mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet meta l-kontropartijiet rilevanti jkunu taw il-kunsens bil-miktub, volontarju u revokabbli tagħhom;

(e)

deskrizzjoni tal-mezzi u l-mekkaniżmi li jintużaw mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex jiddivulga pubblikament informazzjoni dwar l-aċċess għal dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 għandha tiġi speċifikata għat-tipi ta' utenti li ġejjin:

(a)

l-utenti interni;

(b)

il-kontropartijiet li jirrapportaw;

(c)

l-entitajiet li jissottomettu r-rapporti;

(d)

l-entitajiet responsabbli għar-rapportar;

(e)

il-kontropartijiet li ma jirrapportawx;

(f)

il-partijiet terzi li ma jirrapportawx;

(g)

l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(h)

tipi oħrajn ta' utenti, fejn applikabbli.

Artikolu 19

Verifika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-data

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-proċeduri għall-awtentikazzjoni tal-identità tal-utenti li jaċċessaw ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(b)

il-proċeduri għall-verifika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-derivattivi rrapportati lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet;

(c)

il-proċeduri għall-verifika tal-awtorizzazzjoni u l-permess tal-IT tal-entità li tirrapporta f'isem il-kontroparti tar-rappurtar;

(d)

il-proċeduri għall-verifika li s-sekwenza loġika tad-dettalji tad-derivattivi rrapportati tinżamm f'kull ħin;

(e)

il-proċeduri għall-verifika tal-kompletezza u l-korrettezza tad-dettalji tad-derivattivi rrapportati;

(f)

il-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet fejn il-kontropartijiet jirrapportaw lil repożitorji tat-tranżazzjonijiet differenti.

(g)

Il-proċeduri għall-għoti ta' rispons lill-kontropartijiet tad-derivattivi jew lil partijiet terzi li jirrapportaw f'isimhom, dwar il-verifiki mwettqa skont il-punti (a) sa (e) u l-eżiti tal-proċess tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni skont il-punt (f).

Artikolu 20

Politika tal-ipprezzar trasparenti

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha deskrizzjoni ta':

(a)

il-politika tal-iprezzar tal-applikant, inkluż kwalunkwe roħs u ribass u l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dan it-tnaqqis;

(b)

l-istruttura tat-tariffi sabiex jiġi pprovdut kwalunkwe servizz ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet u servizzi anċillari, inkluż il-kost stmat tas-servizzi ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet u tas-servizzi anċillari, flimkien mad-dettalji tal-metodi li jintużaw sabiex jiġi kontabilizzat il-kost separat li l-applikant jista' jġarrab meta jipprovdi servizzi ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet u servizzi anċillari;

(c)

il-metodi li jintużaw sabiex l-informazzjoni ssir pubblikament disponibbli għat-tipi kollha ta' utenti, inkluża kopja tal-istruttura tat-tariffi, li fiha s-servizzi ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet u s-servizzi anċillari jkunu sseparati.”;

(12)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

Riskju operazzjonali

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tar-riżorsi disponibbli u l-proċeduri maħsuba sabiex jidentifikaw u jnaqqsu r-riskju operazzjonali u kwalunkwe riskju materjali ieħor li għalih ikun espost l-applikant, inkluża kopja ta' kwalunkwe politika, metodoloġija, proċedura interna u manwal rilevanti;

(b)

deskrizzjoni tal-assi likwidi netti ffinanzjati minn ekwità biex ikopru telf kummerċjali ġenerali potenzjali sabiex is-servizzi jibqgħu jiġu pprovduti bħala negozju avvjat, u valutazzjoni tas-suffiċjenza tar-riżorsi finanzjarji tiegħu bil-għan li jkunu koperti kostijiet ta' operazzjoni ta' stralċ jew riorganizzazzjoni tal-operati u s-servizzi kritiċi għal mill-inqas perjodu ta' sitt xhur;

(c)

il-pjan tal-kontinwità tan-negozju tal-applikant u l-politika għall-aġġornament tiegħu, inklużi dawn li ġejjin:

(i)

il-proċessi kummerċjali, ir-riżorsi, il-proċeduri ta' eskalazzjoni u s-sistemi relatati kollha li huma kruċjali sabiex ikun żgurat li s-servizzi tal-applikant tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe servizz esternalizzat rilevanti, kif ukoll l-istrateġija, il-politika u l-objettivi tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet lejn il-kontinwità ta' dawn il-proċessi;

(ii)

l-arranġamenti fis-seħħ ma' fornituri oħra tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju inklużi repożitorji tat-tranżazzjonijiet oħra;

(iii)

l-arranġamenti li jiżguraw livell minimu ta' servizz tal-funzjonijiet kritiċi u ż-żmien mistenni biex jiġu rkuprati bis-sħiħ dawk il-proċessi;

(iv)

iż-żmien massimu aċċettabbli għall-irkupru tal-proċessi u s-sistemi tal-operat, fid-dawl tal-iskadenza għar-rappurtar lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-volum ta' data li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jeħtieġ jipproċessa f'dak il-perjodu ta' kuljum;

(v)

il-proċeduri biex jiġu ttrattati r-reġistrar tal-inċidenti u l-analiżi;

(vi)

il-programm tal-ittestjar u r-riżultati ta' kwalunkwe test;

(vii)

l-għadd ta' siti tekniċi u operazzjonali alternattivi disponibbli, fejn jinsabu, ir-riżorsi meta mqabbla mas-sit prinċipali u l-proċeduri għall-kontinwità tal-operat fis-seħħ fil-każ li jkun meħtieġ li jintużaw siti alternattivi;

(viii)

informazzjoni dwar l-aċċess għal sit operazzjonali sekondarju biex il-persunal ikun jista' jiżgura l-kontinwità tas-servizz jekk il-post tal-uffiċċju prinċipali ma jkunx disponibbli.

(ix)

il-pjanijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti sabiex jiġu ttrattati l-emerġenzi u tiġi żgurata s-sikurezza tal-persunal;

(x)

il-pjanijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet, inkluża l-koordinazzjoni tal-azzjoni ġenerali tal-kontinwità tal-operat u l-attivazzjoni effettiva u f'waqtha tagħha fi ħdan objettiv ta' żmien speċifiku għall-irkupru;

(xi)

il-pjanijiet, il-proċeduri u l-arranġamenti sabiex jiġu rkuprati l-komponenti tas-sistema, l-applikazzjoni u l-infrastruttura tal-applikant fi ħdan l-objettiv taż-żmien preskritt għall-irkupru.”;

(d)

deskrizzjoni tal-arranġamenti biex ikunu żgurati l-attivitajiet tal-applikant tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet f'każ ta' xkiel u l-involviment tal-utenti tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u partijiet terzi oħra fihom.

2.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi l-proċeduri sabiex tiġi żgurata s-sostituzzjoni xierqa tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet oriġinali fejn mitluba minn kontroparti li tirrapporta, jew fejn mitluba minn parti terza li tirrapporta f'isem kontropartijiet li ma jirrapportawx, jew fejn tali sostituzzjoni tkun ir-riżultat ta' rtirar tar-reġistrazzjoni, u għandha tinkludi l-proċeduri għat-trasferiment tad-data u d-direzzjoni mill-ġdid tal-flussi tar-rapportar lejn repożitorju ieħor tat-tranżazzjonijiet.”;

(13)

L-Artikolu 22 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

Politika taż-żamma tar-rekords

1.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun fiha informazzjoni dwar kif tasal id-data u l-amministrazzjoni tagħha, inkluż kwalunkwe politika u proċedura implimentati mill-applikant biex jiżgura:

(a)

reġistrazzjoni f'waqtha u preċiża tal-informazzjoni rrapportata;

(b)

żamma tar-rekords tal-informazzjoni kollha rrapportata li tirrigwardja l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni ta' kuntratt tad-derivattivi f'reġistru tar-rapportar;

(c)

li d-data tinżamm kemm onlajn u offlajn;

(d)

li d-data tiġi kkupjata kif xieraq għal finijiet ta' kontinwità tal-operat.

2.   Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi informazzjoni dwar is-sistemi taż-żamma tar-rekords, il-politiki u l-proċeduri li jintużaw sabiex ikun żgurat li d-data rrapportata tiġi mmodifikata kif xieraq u li l-pożizzjonijiet jiġu kkalkolati b'mod korrett f'konformità mar-rekwiżiti leġiżlattivi jew regolatorji rilevanti.”;

(14)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 23

Mekkaniżmi tad-disponibbiltà tad-data

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi deskrizzjoni tar-riżorsi, il-metodi u l-mezzi li juża l-applikant sabiex jagħti aċċess għall-informazzjoni f'konformità mal-paragrafi 1, 3 u 5 tal-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

proċedura sabiex jiġu kkalkolati l-pożizzjonijiet aggregati f'konformità mar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 (*3) u deskrizzjoni tar-riżorsi, il-metodi u l-mezzi li se juża r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex jiffaċilita l-aċċess tal-pubbliku għad-data li jkun hemm fih f'konformità mal-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u deskrizzjoni tal-frekwenza tal-aġġornamenti, flimkien ma' kopja ta' kull manwal speċifiku u politiku intern;

(b)

deskrizzjoni tar-riżorsi, il-metodi u l-faċilitajiet li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet juża biex jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet rilevanti skont l-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-frekwenza tal-aġġornament u l-kontrolli u l-verifiki li r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista' jistabbilixxi għall-filtrazzjoni tal-proċess tal-aċċess, flimkien ma' kwalunkwe kopja tal-manwali speċifiċi u l-proċeduri interni;

(c)

proċedura u deskrizzjoni tar-riżorsi, il-metodi u l-mezzi li juża r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet sabiex jiffaċilita l-ġbir f'waqtu, strutturat u komprensiv tad-data mingħand il-kontropartijiet, l-aċċess għall-informazzjoni tiegħu lill-kontropartijiet għad-derivattivi f'konformità mal-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, flimkien ma' kopja tal-manwali speċifiċi u tal-politiki interni.

(*3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-data li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-data (ĠU L 52 23.2.2013, p. 33).”;"

(15)

għandu jiddaħħal l-Artikolu 23 a li ġej:

“Artikolu 23a

Aċċess dirett u immedjat għad-data mill-awtoritajiet

Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tinkludi informazzjoni dwar dawn li ġejjin:

(a)

it-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jingħataw aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tad-derivattivi miżmuma fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet f'konformità mar-Regolament Delega (UE) Nru 151/2013;

(b)

Il-proċedura li biha l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) jingħataw aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi miżmuma fir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet f'konformità mar-Regolament Delegat (UE) Nru 151/2013;

(c)

il-proċedura sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-data aċċessata minn dawk l-awtoritajiet.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 150/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala repożitorju tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-data li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-data (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 33).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top