EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0360

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/360 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/8333

OJ L 81, 22.3.2019, p. 58–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/360/oj

22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/58


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/360

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tariffi imposti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprovdi li d-dħul tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) jikkonsisti f'tariffi mħallsa lill-ESMA fil-każijiet speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, flimkien ma' kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u sussidju mill-Unjoni.

(2)

Jenħtieġ li tiġi imposta tariffa għar-reġistrazzjoni fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-ESMA għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

(3)

L-ispejjeż tal-ESMA għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jkunu ogħla meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi servizzi anċillari. Il-provvista ta' tali servizzi anċillari hija indikatur ta' fatturat għoli mistenni u ta' spejjeż ogħla assoċjati mal-valutazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Għalhekk, għall-fini tal-impożizzjoni ta' tariffi għar-reġistrazzjoni, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jiġu kklassifikati f'żewġ kategoriji ta' fatturat totali mistenni, fatturat mistenni ogħla u aktar baxx, li għalihom jenħtieġ li japplikaw tariffi għar-reġistrazzjoni differenti, skont jekk għandhomx l-intenzjoni li jipprovdu servizzi anċillari.

(4)

Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet diġà rreġistrat skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) japplika għal estensjoni tar-reġistrazzjoni, in-nefqa meħtieġa għall-valutazzjoni u għall-eżaminazzjoni preċiżi tal-applikazzjoni tkun inqas minn dik għal reġistrazzjoni ġdida peress li l-ESMA diġà jkollha informazzjoni pertinenti dwar ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikanti. Għalhekk, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet applikanti jenħtieġ li jħallas tariffa mnaqqsa. Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet li ma jkunx diġà rreġistrat skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jissottometti simultanjament applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kemm skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif ukoll ir-Regolament (UE) 2015/2365, in-nefqa meħtieġa għall-valutazzjoni u għall-eżaminazzjoni preċiżi tal-applikazzjonijiet tkun ukoll aktar baxxa minħabba s-sinerġiji tar-reviżjoni unika tal-istess tip ta' dokumenti. Fil-każ ta' applikazzjonijiet simultanji, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jħallas it-tariffa għar-reġistrazzjoni sħiħa dovuta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u l-ħlas imnaqqas għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni dovut skont ir-Regolament (UE) 2015/2365.

(5)

Jekk, wara r-reġistrazzjoni, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jibda joffri servizzi anċillari u b'hekk jaqa' taħt kategorija ogħla f'termini ta' fatturat totali mistenni, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jħallas id-differenza bejn it-tariffa għar-reġistrazzjoni inizjali u t-tariffa għar-reġistrazzjoni li tikkorrispondi għall-kategorija ta' fatturat ogħla mistenni. Bil-maqlub, meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet jieqaf joffri servizzi anċillari wara r-reġistrazzjoni, jenħtieġ li ma jiġix rimborżat mill-ESMA peress li n-nefqa meħtieġa għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet b'fatturat għoli tkun effettivament intefqet waqt ir-reġistrazzjoni.

(6)

Sabiex jiġu evitati applikazzjonijiet mhux iġġustifikati, it-tariffi għar-reġistrazzjoni jenħtieġ li ma jiġux rimborżati jekk applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu matul il-proċess ta' reġistrazzjoni, u lanqas jekk ir-reġistrazzjoni tiġi rifjutata.

(7)

Sabiex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-baġit tal-ESMA u, fl-istess ħin, jittaffa l-piż finanzjarju għall-Istati Membri u għall-Unjoni, hemm bżonn li jiġi żgurat li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet iħallsu talanqas l-ispejjeż kollha relatati mas-superviżjoni tagħhom. It-tariffi għas-superviżjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'livell sabiex li fih tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta' defiċit jew ta' eċċess għall-attivitajiet relatati mar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Fil-każ ta' defiċits, l-ESMA jenħtieġ li ma tirkuprax id-defiċit mingħand ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Jekk id-defiċit ikun sinifikanti, l-ESMA jenħtieġ li tanalizza r-raġunijiet u temenda l-ispejjeż għas-superviżjoni proforma tagħha għall-perjodu baġitarju li jmiss. Fir-rigward ta' eċċessi, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma jirkuprawx l-eċċessi tat-tariffi.

(8)

Sabiex tiġi żgurata allokazzjoni ġusta u ċara tat-tariffi li, fl-istess ħin, tirrifletti l-isforz amministrattiv reali ddedikat lil kull entità taħt superviżjoni, it-tariffa għas-superviżjoni jenħtieġ li tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat iġġenerat mill-attivitajiet ewlenin ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet u mis-servizzi anċillari tiegħu. Għall-fini tal-kalkolu tal-fatturat applikabbli, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn servizzi anċillari relatati direttament mal-provvista tas-servizzi ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (securities financing transactions, SFTs) skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, bħal self minn aġenti u mmaniġġjar tal-kollateral jew servizzi relatati mal-ġbir u maż-żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs u ta' derivattivi, bħal tqabbil tat-tranżazzjonijiet, konferma/affermazzjoni tat-tranżazzjonijiet, valwazzjoni tal-kollateral, u rapportar minn partijiet terzi. It-tariffi għas-superviżjoni imposti fuq repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jkunu proporzjonati mal-attività ta' dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet individwali meta mqabbla mal-attività totali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati u taħt superviżjoni f'sena partikolari. Madankollu, minħabba li hemm xi spejjeż amministrattivi fissi għas-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa minima annwali għas-superviżjoni. Dan l-ammont mhuwiex affettwat mill-ħlas ta' tariffi għas-superviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(9)

Jenħtieġ li jiġu pprovduti regoli dwar it-tariffi li jridu jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent fl-Unjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, sabiex jiġu koperti l-ispejjeż għar-rikonoxximent u amministrattivi annwali għas-superviżjoni. F'dan ir-rigward, it-tariffa għar-rikonoxximent jenħtieġ li tinkludi żewġ komponenti, in-nefqa meħtieġa relatata mal-ipproċessar tal-applikazzjoni għar-rikonoxximent ta' dawn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi mill-ESMA skont l-Artikolu 19(4) ta' dak ir-Regolament u n-nefqa meħtieġa relatata mal-konklużjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz fejn ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet huwa rreġistrat skont l-Artikolu 20 ta' dak ir-Regolament. L-ispejjeż assoċjati mal-konklużjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni jenħtieġ li jinqasmu bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti mill-istess pajjiż terz. Barra minn hekk, repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li jintalbu jħallsu tariffa annwali għas-superviżjoni.

(10)

Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiż terz diġà rikonoxxut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 japplika għal estensjoni tar-reġistrazzjoni għar-rikonoxximent tiegħu, l-ispejjeż għall-ipproċessar tal-applikazzjoni huwa mistenni li jkunu inqas mill-ispejjeż għall-ipproċessar ta' applikazzjoni ġdida minħabba s-sinerġiji bejn ir-reġimi taħt ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament (UE) 2015/2365. Għalhekk, il-komponent tat-tariffa għar-rikonoxximent relatat mal-ipproċessar tal-applikazzjoni jenħtieġ li jitnaqqas. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni jinvolvu spejjeż speċifiċi għall-konformità mar-Regolament (UE) 2015/2365. Għalhekk, il-komponent tat-tariffa għar-rikonoxximent relatat ma' ftehimiet ta' kooperazzjoni jenħtieġ li jkun indipendenti mill-eżistenza ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(11)

Il-funzjonijiet ta' superviżjoni eżerċitati mill-ESMA fir-rigward ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti ta' pajjiżi terzi huma l-aktar relatati mal-implimentazzjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni, inkluż l-iskambju effettiv ta' data bejn l-awtoritajiet rilevanti. Il-kost għall-provvista ta' dawk il-funzjonijiet jenħtieġ li jkun kopert mit-tariffi annwali għas-superviżjoni li jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti. Peress li dawk l-ispejjeż ser ikunu ħafna aktar baxxi mill-ispejjeż imġarrba mill-ESMA biex tipprovdi superviżjoni diretta tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati fl-Unjoni, it-tariffi għas-superviżjoni tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti jenħtieġ li jkunu ferm aktar baxxi mit-tariffa għas-superviżjoni minima imposta fuq repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati taħt superviżjoni diretta tal-ESMA.

(12)

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jġarrbu spejjeż meta jwettqu ħidma skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 u bħala riżultat ta' kwalunkwe delega ta' kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365. It-tariffi imposti mill-ESMA fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jkopru wkoll dawk l-ispejjeż. Sabiex jiġi evitat li l-awtoritajiet kompetenti jġarrbu telf jew jagħmlu profitt mit-twettiq tal-kompiti ddelegati jew mill-assistenza lill-ESMA, l-ESMA jenħtieġ li tirrimborża l-ispejjeż reali mġarrba minn dik l-awtorità nazzjonali kompetenti.

(13)

Peress li fis-sena li fiha ssir ir-reġistrazzjoni ser ikun hemm biss data limitata dwar l-attività ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li tiġi kkalkulata tariffa interim għas-superviżjoni abbażi ta' stima tan-nefqa neċessarja għas-superviżjoni ta' dak ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-ewwel sena tiegħu. Il-kalkolu eżatt tat-tariffa jenħtieġ li jqis id-data tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet u d-data li fiha jibda l-obbligu ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'tali mod li jiġi rifless b'mod preċiż il-livell ta' superviżjoni meħtieġ mill-ESMA. Jekk ir-rapportar regolatorju ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet jibda biss fis-sena wara r-reġistrazzjoni tiegħu, it-tariffa interim għas-superviżjoni għas-sena tar-reġistrazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq it-tariffa għar-reġistrazzjoni. Dan huwa minħabba li n-nefqa meħtieġa għas-superviżjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jkun għadu mhuwiex qed jirrapporta hija komparabbli man-nefqa meħtieġa għall-valutazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Skont iż-żmien bejn ir-reġistrazzjoni u l-aħħar tas-sena, l-ammont jiġi aġġustat pro rata bis-suppożizzjoni li proċess ta' reġistrazzjoni standard jeħtieġ 150 jum ta' xogħol. Jekk ir-rapportar regolatorju ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet jibda fl-ewwel sitt xhur tas-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, it-tariffa għas-superviżjoni interim jenħtieġ li tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat applikabbli li jirrifletti d-dħul tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għall-ewwel nofs tas-sena. Jekk ir-rapportar regolatorju ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet jibda fl-aħħar sitt xhur tas-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, it-tariffa għas-superviżjoni interim jenħtieġ li tiġi kkalkulata abbażi tal-livell tat-tariffa għar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet. Dan huwa minħabba li hemm biss data limitata disponibbli għall-applikazzjoni tal-fatturat applikabbli.

(14)

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati fl-2019 mhumiex ser jibdew jipprovdu servizzi ta' rapportar qabel l-aħħar tal-2019 u l-livell ta' attività tagħhom fl-2019 x'aktarx ikun kważi ineżistenti. Għalhekk, it-tariffa annwali għas-superviżjoni tagħhom għall-2020 jenħtieġ li tiġi kkalkulata abbażi tal-fatturat applikabbli tagħhom matul l-ewwel nofs tal-2020.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jifforma l-bażi għad-dritt tal-ESMA li timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Irkupru tal-ispejjeż kollha ta' superviżjoni

It-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom ikopru:

(a)

l-ispejjeż kollha relatati mar-reġistrazzjoni u mas-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, inklużi dawk l-ispejjeż li jirriżultaw mir-rikonoxximent ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-estensjoni ta' reġistrazzjoni jew mill-estensjoni ta' rikonoxximent għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li diġà ġew reġistrati jew rikonoxxuti skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b)

l-ispejjeż kollha għar-rimborż tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu wettqu ħidma skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, u bħala riżultat ta' kwalunkwe delega ta' kompiti skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2365.

Artikolu 2

Fatturat applikabbli

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom iżommu biss kontijiet awditjati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament li jiddistingwu talanqas bejn dawn li ġejjin:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b'mod ċentrali tar-rekords tal-SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365;

(b)

id-dħul iġġenerat minn servizzi anċillari li huma relatati direttament mal-ġbir u maż-żamma f'post ċentrali tar-rekords tal-SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365.

Id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari (n) għandu jkun id-dħul mis-servizzi determinati skont il-punt (b).

2.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati kemm skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 kif ukoll skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom iżommu kontijiet awditjati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament li jiddistingwu talanqas bejn dawn li ġejjin:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b'mod ċentrali tar-rekords tal-SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365;

(b)

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b'mod ċentrali tar-rekords tad-derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)

id-dħul iġġenerat minn servizzi anċillari li huma relatati direttament mal-ġbir u maż-żamma f'post ċentrali tar-rekords tal-SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365;

(d)

id-dħul iġġenerat minn servizzi anċillari li huma relatati direttament kemm mal-ġbir u maż-żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 kif ukoll mal-ġbir u maż-żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' derivattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari (n) għandu jkun is-somma ta'

id-dħul imsemmi fil-punt (c) u

sehem mid-dħul imsemmi fil-punt (d).

Is-sehem mid-dħul imsemmi fil-punt (d) għandu jkun daqs id-dħul imsemmi fil-punt (a), diviż bl-għadd ta'

id-dħul imsemmi fil-punt (a) u

id-dħul imsemmi fil-punt (b).

3.   Il-fatturat applikabbli ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari (n) għandu jkun is-somma ta'

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u taż-żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena preċedenti (n – 1) u

id-dħul applikabbli tiegħu minn servizzi anċillari determinat skont il-paragrafi 1 u 2, kif applikabbli, abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena preċedenti (n – 1)

diviż bis-somma ta'

id-dħul totali tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena preċedenti (n – 1) u

id-dħul totali applikabbli minn servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati determinat skont il-paragrafi 1 u 2, kif applikabbli, abbażi tal-kontijiet awditjati tas-sena preċedenti (n – 1).

Għalhekk il-fatturat applikabbli ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet speċifiku (“TRi” fil-formula hawn taħt) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Formula

fejn id-dħul mill-SFTs = dħul minn servizzi ewlenin ta' SFTs + dħul minn servizzi anċillari applikabbli.

4.   Meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jkunx opera matul is-sena preċedenti sħiħa (n – 1), il-fatturat applikabbli tiegħu għandu jiġi stmat skont il-formula stabbilita fil-paragrafu 3 billi jiġi estrapolat, għar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, il-valur ikkalkulat għall-għadd ta' xhur li matulhom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet opera fis-sena (n – 1) għas-sena kollha (n – 1).

Artikolu 3

Aġġustament tat-tariffi

It-tariffi imposti għall-attivitajiet tal-ESMA relatati mar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta' defiċit jew ta' eċċess.

Meta jkun hemm eċċess jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-livell tat-tariffi.

KAPITOLU II

TARIFFI

Artikolu 4

Tipi ta' tariffi

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni li japplikaw għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom jintalbu jħallsu t-tipi ta' tariffi li ġejjin:

(a)

tariffi għar-reġistrazzjoni u għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5;

(b)

tariffi annwali għas-superviżjoni skont l-Artikolu 6.

2.   Repożitorji tat-tranżazzjonijiet stabbiliti f'pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom jintalbu jħallsu t-tipi ta' tariffi li ġejjin:

(a)

tariffi għar-rikonoxximent jew għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 7;

(b)

tariffi annwali għas-superviżjoni għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet rikonoxxuti skont l-Artikolu 7(3).

Artikolu 5

Tariffa għar-reġistrazzjoni u tariffa għall-estensjoni ta' reġistrazzjoni

1.   It-tariffa għar-reġistrazzjoni li għandha titħallas minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet applikanti individwali għandha tirrifletti n-nefqa meħtieġa għall-valutazzjoni u għall-eżaminazzjoni preċiżi tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni, b'kont meħud tas-servizzi li ser jiġu pprovduti mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kull servizz anċillari.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jitqies li joffri servizzi anċillari f'kull waħda mis-sitwazzjoni segwenti:

(a)

meta jipprovdi servizzi anċillari b'mod dirett;

(b)

meta entità li tappartjeni għall-istess grupp bħal dak tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet tipprovdi servizzi anċillari;

(c)

meta entità li magħha r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun ikkonkluda ftehim fil-kuntest tal-katina jew tal-linja operatorja tat-tranżazzjoni jew ta' wara t-tranżazzjoni għall-kooperazzjoni fil-forniment ta' servizzi tkun tipprovdi s-servizzi anċillari.

3.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ma jipprovdix servizzi anċillari kif imsemmi fil-paragrafu 2, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikkonċernat għandu jitqies li jkollu fatturat totali mistenni baxx u għandu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ta' EUR 65 000.

4.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi servizzi anċillari kif imsemmi fil-paragrafu 2, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jitqies li jkollu fatturat totali mistenni għoli u għandu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ta' EUR 100 000.

5.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun qiegħed japplika għar-reġistrazzjoni u jkun diġà ġie rreġistrat skont it-Titolu VI, il-Kapitolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas tariffa għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni ta':

(a)

EUR 50 000 għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li jipprovdu servizzi anċillari kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(b)

EUR 32 500 għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet b'fatturat mistenni baxx li ma jipprovdux servizzi anċillari kif imsemmi fil-paragrafu 2.

6.   Meta repożitorju tat-tranżazzjonijiet li ma jkunx diġà rreġistrat skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jissottometti simultanjament applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni kemm skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 kif ukoll skont ir-Regolament (UE) 2015/2365, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas it-tariffa għar-reġistrazzjoni kollha dovuta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, u t-tariffa għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni skont il-paragrafu 5.

7.   Fil-każ li jkun hemm tibdil materjali fil-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365, li bħala konsegwenza tiegħu r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikollu jħallas tariffa għar-reġistrazzjoni ogħla skont il-paragrafi 3, 4 u 5 mit-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa fil-bidu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jintalab iħallas id-differenza bejn it-tariffa għar-reġistrazzjoni li tħallset fil-bidu u t-tariffa għar-reġistrazzjoni ogħla applikabbli bħala riżultat ta' dak it-tibdil materjali.

Artikolu 6

Tariffi annwali għas-superviżjoni għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati u għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet li estendew ir-reġistrazzjoni tagħhom

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet reġistrat għandu jintalab iħallas tariffa annwali għas-superviżjoni.

2.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni totali u t-tariffa annwali għas-superviżjoni għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet partikolari għal sena partikolari (n) għandhom jiġu kkalkulati kif ġej:

(a)

it-tariffa annwali għas-superviżjoni totali għal sena partikolari (n) għandha tkun l-istima tan-nefqa relatata mas-superviżjoni tal-attivitajiet ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 kif inkluż fil-baġit tal-ESMA għal dik is-sena;

(b)

it-tariffa annwali għas-superviżjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali għas-superviżjoni totali determinata skont il-punt (a), maqsuma bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati fis-sena n – 1, b'mod proporzjonali mal-fatturat applikabbli tagħhom ikkalkulat skont l-Artikolu 2(3).

3.   Fl-ebda każ repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jkun qiegħed japplika għal reġistrazzjoni jew għal estensjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ma għandu jħallas tariffa annwali għas-superviżjoni ta' inqas minn EUR 30 000.

Artikolu 7

Tariffi għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jkun qiegħed japplika għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 19(4)(a) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandu jħallas tariffa għar-rikonoxximent li tiġi kkalkulata bħala s-somma ta' dawn li ġejjin:

(a)

EUR 20 000;

(b)

l-ammont li jirriżulta mid-diviżjoni ta' EUR 35 000 bejn l-għadd totali ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-istess pajjiż terz li jew huma rikonoxxuti mill-ESMA, jew li applikaw għar-rikonoxximent iżda għadhom ma ġewx rikonoxxuti.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet li jkun qiegħed japplika għal estensjoni tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 19(4)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandu jħallas tariffa għar-rikonoxximent li tiġi kkalkulata bħala s-somma ta' EUR 10 000 u l-ammont ikkalkulat skont il-paragrafu 1(b).

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandu jħallas tariffa annwali għas-superviżjoni ta' EUR 5 000.

KAPITOLU III

KUNDIZZJONIJIET TA' ĦLAS U TA' RIMBORŻ

Artikolu 8

Modalitajiet ġenerali tal-ħlas

1.   It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f'euro. Huma għandhom jitħallsu kif speċifikat fl-Artikoli 9, 10 u 11.

2.   Kull ħlas tard għandu jkun soġġett għal penali ta' kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.

Artikolu 9

Ħlas tat-tariffi għar-reġistrazzjoni

1.   It-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandha titħallas meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365.

2.   It-tariffi għar-reġistrazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati jekk repożitorju tat-tranżazzjonijiet jirtira l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni qabel ma l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni motivata li taċċetta jew li tiċħad ir-reġistrazzjoni, jew jekk ir-reġistrazzjoni tiġi rifjutata.

Artikolu 10

Ħlas tat-tariffi annwali għas-superviżjoni

1.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni msemmija fl-Artikolu 6 għal sena partikolari għandha titħallas f'żewġ pagamenti akkont.

L-ewwel pagament akkont għandu jsir fit-28 ta' Frar ta' dik is-sena u għandu jkun ta' 5/6 tal-istima tat-tariffa annwali għas-superviżjoni. Jekk il-fatturat applikabbli kkalkulat skont l-Artikolu 2 ma jkunx għadu disponibbli dak iż-żmien, il-kalkolu fuq il-fatturat għandu jkun ibbażat fuq l-aħħar fatturat applikabbli disponibbli skont l-Artikolu 2.

It-tieni pagament akkont għandu jsir fil-31 ta' Ottubru. L-ammont tat-tieni pagament akkont għandu jkun it-tariffa annwali għas-superviżjoni kkalkulata skont l-Artikolu 6 mnaqqsa bl-ammont tal-ewwel pagament akkont.

2.   L-ESMA għandha tibgħat il-fatturi għall-pagamenti akkont lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet talanqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.

Artikolu 11

Ħlas tat-tariffi għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi

1.   It-tariffi sħaħ għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikoli 7(1) u 7(2) għandhom jitħallsu meta r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal rikonoxximent skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365. Dawn ma għandhomx jiġu rimborżati.

2.   Kull darba li tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida għar-rikonoxximent ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiż terz skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365, l-ESMA għandha terġa' tikkalkula l-ammont imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b).

L-ESMA għandha tirrimborża d-differenza bejn l-ammont impost skont l-Artikolu 7(1)(b) u l-ammont li jirriżulta mill-kalkolu mill-ġdid b'mod ugwali bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet diġà rikonoxxuti mill-istess pajjiż terz. Dik id-differenza għandha tiġi rimborżata jew permezz ta' ħlas dirett jew permezz ta' tnaqqis fit-tariffi imposti għas-sena ta' wara.

3.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut għandha titħallas sal-aħħar ta' Frar ta' kull sena. L-ESMA għandha tibgħat fattura għall-ħlas lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet rikonoxxut talanqas 30 jum qabel dik id-data.

Artikolu 12

Rimborż tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-ESMA biss għandha timponi tariffi fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni, għas-superviżjoni u għar-rikonoxximent tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.   L-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-ispejjeż reali mġarrba bħala riżultat tat-twettiq ta' kompiti skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 u bħala riżultat ta' kull delega ta' kompiti skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 13

Kalkolu tat-tariffi għas-superviżjoni interim

1.   Meta l-obbligu ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 skont l-Artikolu 33(2)(a) ta' dak ir-Regolament ikun jibda fis-sena ta' wara r-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas, fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, tariffa għas-superviżjoni interim li tiġi kkalkulata skont il-Parti 1 tal-Anness.

2.   Meta l-obbligu ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 skont l-Artikolu 33(2)(a) ta' dak ir-Regolament ikun jibda fl-ewwel sitt xhur tas-sena tar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas, fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, tariffa għas-superviżjoni interim li tiġi kkalkulata skont il-Parti 2 tal-Anness.

3.   Meta l-obbligu ta' rapportar imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 skont l-Artikolu 33(2)(a) ta' dak ir-Regolament ikun jibda fl-aħħar sitt xhur tas-sena tar-reġistrazzjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħallas, fis-sena tar-reġistrazzjoni tiegħu, tariffa għas-superviżjoni interim ikkalkulata skont il-Parti 3 tal-Anness.

Artikolu 14

Ħlas tat-tariffi għar-reġistrazzjoni u t-tariffi għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi fl-2019

1.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li japplikaw għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365 fl-2019 għandhom iħallsu t-tariffa sħiħa għar-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, skont liema tiġi l-aħħar.

2.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi li japplikaw għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) 2015/2365 fl-2019 għandhom iħallsu t-tariffa sħiħa għar-rikonoxximent imsemmija fl-Artikolu 7(1) jew 7(2), skont kif ikun applikabbli, 30 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, skont liema tiġi l-aħħar.

3.   Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti fl-2019 skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom iħallsu tariffa sħiħa annwali għas-superviżjoni għall-2019 skont l-Artikolu 7(3) 60 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew 30 jum wara li l-ESMA tkun għarrfet lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet bid-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent imsemmija fl-Artikolu 19(7) tar-Regolament (UE) 2015/2365, skont liema tiġi l-aħħar.

Artikolu 15

Tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 għal repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati jew li estendew ir-reġistrazzjoni fl-2019

1.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet għall-2020 għandha tkun it-tariffa annwali għas-superviżjoni totali determinata skont l-Artikolu 6(2)(a) diviża bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati fl-2019, b'mod proporzjonali mal-fatturat applikabbli kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 skont l-Artikolu 6 għal repożitorju tat-tranżazzjonijiet reġistrat fl-2019 skont l-Artikolu 5(5) tar-Regolament (UE) 2015/2365, il-fatturat applikabbli tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma ta'

id-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta' Ġunju 2020 u

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta' Ġunju 2020

diviż bis-somma ta'

id-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin ta' ġbir u ta' żamma f'post ċentrali ta' rekords ta' SFTs matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta' Ġunju 2020 tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha reġistrati u

id-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta' Ġunju 2020.

3.   It-tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati fl-2019 għandha titħallas f'żewġ pagamenti akkont.

L-ewwel pagament akkont għandu jsir fit-28 ta' Frar 2020 u għandu jammonta għat-tariffa għar-reġistrazzjoni mħallsa mir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-2019 skont l-Artikolu 5.

It-tieni pagament akkont għandu jsir fil-31 ta' Ottubru 2020. L-ammont tat-tieni pagament akkont għandu jkun it-tariffa annwali għas-superviżjoni kkalkulata skont il-paragrafu 1 mnaqqsa bl-ammont tal-ewwel pagament akkont.

Meta l-ammont imħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-ewwel pagament akkont ikun ogħla mit-tariffa annwali għas-superviżjoni kkalkulata skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet id-differenza bejn l-ammont imħallas fl-ewwel pagament akkont u t-tariffa annwali għas-superviżjoni kkalkulata skont il-paragrafu 1.

4.   L-ESMA għandha tibgħat il-fatturi għall-pagamenti akkont tat-tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati fl-2019 talanqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas.

5.   Meta l-kontijiet awditjati għall-2020 isiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet reġistrati fl-2019 għandhom jirrapportaw lill-ESMA kull tibdil fil-fatturat applikabbli kkalkulat skont il-paragrafu 2, li jirriżulta mid-differenza bejn id-data finali għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta' Ġunju 2020 u d-data proviżorja użata għall-kalkolu skont il-paragrafu 2.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jintalbu jħallsu d-differenza bejn it-tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 effettivament imħallsa skont il-paragrafu 1 u t-tariffa annwali għas-superviżjoni għall-2020 li għandha titħallas bħala konsegwenza ta' xi tibdil fil-fatturat applikabbli msemmi fl-ewwel subparagrafu.

L-ESMA għandha tibgħat il-fattura għal kull pagament addizzjonali msemmi fis-subparagrafu preċedenti talanqas 30 jum qabel id-data tal-ħlas rispettiva.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


ANNESS

IT-TARIFFI INTERIM TAL-EWWEL SENA

Parti 1

It-tariffa superviżorja interim għas-sena tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fejn l-obbligu ta' rapportar jibda fis-sena ta' wara

1.

It-tariffa superviżorja interim tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun l-inqas waħda mit-tnejn li ġejjin:

(a)

it-tariffa tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet dovuta skont l-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti;

(b)

it-tariffa tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet dovuta skont l-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti mmultiplikata bil-proporzjon bejn il-jiem ta' xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tiegħu sa tmiem is-sena u 150 jum ta' xogħol.

Dan il-kalkolu għandu jsir kif ġej:

It-tariffa superviżorja interim TR = Min (it-tariffa tar-reġistrazzjoni, it-tariffa tar-reġistrazzjoni *il-Koeffiċjent)

Formula

2.

It-tariffa superviżorja interim għandha titħallas kompletament 60 jum wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew 30 jum wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365, skont liema data tkun l-iżjed tard.

Parti 2

It-tariffa superviżorja interim għas-sena tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fejn l-obbligu ta' rapportar jibda fl-ewwel sitt xhur tal-istess sena

1.

It-tariffa superviżorja interim tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun it-tariffa superviżorja annwali totali stabbilita skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament preżenti diviża bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha rreġistrati matul dik is-sena, fi proporzjon mal-fatturat applikabbli kkalkulat skont il-paragrafu 2.

2.

Għall-finijiet tal-kalkolu tat-tariffa superviżorja interim, il-fatturat applikabbli ta' repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jkun is-somma

tad-dħul iġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b'mod ċentrali ta' rekords ta' SFTs matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju tas-sena li matulha r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun ġie rreġistrat u

tad-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament preżenti, kif applikabbli, matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju tas-sena li matulha r-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun ġie rreġistrat

diviża bid-dħul totali ġġenerat mill-funzjonijiet ewlenin tal-ġbir u ż-żamma b'mod ċentrali ta' rekords ta' SFTs u d-dħul applikabbli mis-servizzi anċillari tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet irreġistrati kollha skont il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament preżenti, kif applikabbli, matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju ta' dik is-sena.

3.

It-tariffa superviżorja interim għandha titħallas f'żewġ ħlasijiet parzjali.

L-ewwel ħlas parzjali għandu jkun dovut fi żmien 30 jum min-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għandu jammonta għat-tariffa tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti.

It-tieni pagament parzjali għandu jkun dovut fil-31 ta' Ottubru. L-ammont tat-tieni ħlas parzjali għandu jkun it-tariffa superviżorja interim ikkalkulata skont il-paragrafu 1 imnaqqsa bl-ammont tal-ewwel ħlas parzjali.

Jekk l-ammont imħallas minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet fl-ewwel ħlas parzjali jkun ogħla mit-tariffa superviżorja interim ikkalkulata skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirrimborża lir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet id-differenza bejn l-ammont imħallas fl-ewwel ħlas parzjali u t-tariffa superviżorja interim ikkalkulata skont il-paragrafu 1.

4.

Meta l-kontijiet awditjati għas-sena ta' reġistrazzjoni jsiru disponibbli, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jirrapportaw lill-ESMA kull bidla fil-fatturat applikabbli kkalkulat skont il-paragrafu 1, li tirriżulta mid-differenza bejn id-data finali għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju u d-data proviżorja użata għall-kalkolu skont il-paragrafu 1.

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jiġu ċċarġjati d-differenza bejn it-tariffa superviżorja annwali għas-sena tar-reġistrazzjoni effettivament imħallsa skont il-paragrafu 3 u t-tariffa superviżorja annwali għas-sena tar-reġistrazzjoni li għandha titħallas bħala konsegwenza ta' kull bidla fil-fatturat applikabbli msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 4, it-tariffa superviżorja interim ma għandhiex tkun inqas minn EUR 15 000.

Parti 3

It-tariffa superviżorja interim għas-sena tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet fejn l-obbligu ta' rapportar jibda fl-aħħar sitt xhur tal-istess sena

1.

It-tariffa superviżorja interim tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandha tkun it-tariffa superviżorja totali ddeterminata skont l-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament preżenti, diviża bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha, fi proporzjon mal-proporzjon tat-tariffa għar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet imħallsa lill-ESMA mat-total tat-tariffi għar-reġistrazzjoni kollha mħallsa mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet lill-ESMA f'dik is-sena.

2.

It-tariffa stabbilita skont il-paragrafu 1 għandha tkun dovuta 30 jum wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365.

Top