EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0321

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/321 tat-18 ta' Frar 2019 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232

C/2019/1503

OJ L 55, 25.2.2019, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/321/oj

25.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/321

tat-18 ta' Frar 2019

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda (“NM”) annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti.

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1232 (3), oġġett magħmul minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali (ħadid duttili, EN-GJS-500-7) ġie kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 7325 99 10, bħala oġġetti oħrajn ikkastjati ta' ħadid fondut malleabbli.

(3)

Il-klassifikazzjoni fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232 kienet ibbażata fuq in-Noti ta' Spjegazzjoni għan-Nomenklatura Magħquda għall-kodiċi NM 7307 19 10 li ddefinixxew il-ħadid fondut malleabbli u skont dawk in-noti, l-espressjoni “malleabbli” kienet tinkludi l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali.

(4)

Fil-Kawżi Magħquda C-397/17 u C-398/17, Profit Europe (4), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fittings fonduti ta' tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali jridu jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 7307 19 90.

(5)

Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq is-sejba li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali u l-ħadid fondut malleabbli huma differenti f'dak li għandu x'jaqsam ma' kompożizzjoni u mal-metodu ta' produzzjoni tagħhom u li minkejja li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali għandu karatteristiċi simili għal dawk tal-ħadid fondut malleabbli (EN-GJM), xorta waħda jikkostitwixxi kategorija separata fil-klassifikazzjoni ta' ħadid fondut (EN-GJS).

(6)

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li f'dak ir-rigward dawk in-Noti ta' Spjegazzjoni, sakemm dawn jiddikjaraw li “l-espressjoni” malleabbli “tinkludi l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali”, dawn se jkollhom l-effett li l-kunċett ta' “ħadid fondut malleabbli” jiġi estiż għal kategorija oħra ta' ħadid fondut u hemm bżonn, għaldaqstant, li jiġu injorati.

(7)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija applikabbli b'analoġija għall-prodott kopert mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232 peress li dak il-prodott jikkorrispondi għall-istandard EN-GJS-500-7 u l-klassifikazzjoni tiegħu bħala oġġett ta' ħadid malleabbli kienet ibbażata fuq it-test tan-Noti ta' Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda għall-kodiċi NM 7307 19 10, test li skont il-Qorti tal-Ġustizzja jbiddel l-ambitu tas-subintestatura tan-NM 7307 19 10.

(8)

Il-klassifikazzjoni tal-oġġett kopert mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232 għalhekk mhijiex f'konformità mas-sejbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Maqgħuda C-397/17 u C-398/17.

(9)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1232 jenħtieġ għalhekk li jitħassar u li jiġi sostitwit.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1232 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1232 tat-3 ta' Lulju 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 177, 8.7.2017, p. 23).

(4)  Is-Sentenza tat-12 ta' Lulju 2018, Profit Europe, C-397/17 u C 398/17, EU:C:2018:564.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi - NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett tond b'dijametru ta' madwar 500 mm u li jiżen madwar 23 kg. Huwa magħmul minn ħadid fondut bil-grafit sferojdali (ħadid duttili, EN-GJS-500-7). L-oġġett huwa miżbugħ bil-bitumen iswed għall-protezzjoni kontra l-korrużjoni.

L-oġġett huwa ċċertifikat skont l-istandard EN 124 (għotjien tal-gandotti u tappieri tal-ħofor għall-ispezzjonar għaż-żoni pedonali u għal dawk tal-vetturi) u jintuża bħala tappiera tad-drenaġġ (pereżempju, għall-katusi tad-drenaġġ tal-ilma tax-xita).

Ara l-istampa (1).

7325 99 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 7325 , 7325 99 u 7325 99 90 .

Qed tiġi eskluża l-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt il-kodiċi tan-NM 7325 10 00 bħala oġġetti oħrajn ikkastjati ta' ħadid fondut mhux malleabbli minħabba li l-ħadid fondut mhux malleabbli ma jibdilx il-forma taħt stress kompressiv, filwaqt li l-ħadid fondut sferojdali jibdel il-forma taħt stress tensili u wkoll taħt stress kompressiv sa ċertu punt. Għalhekk il-ħadid fondut bil-grafit sferojdali bħala tali ma jistgħax jitqies bħala ħadid mhux malleabbli (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2018, Profit Europe, il-Kawżi Magħquda C-397/17 u C-398/17, EU:C:2018:564).

Il-klassifikazzjoni tal-oġġett taħt il-kodiċi tan-NM 7325 99 10 bħala oġġetti oħrajn ikkastjati qed tiġi eskluża wkoll minħabba li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali u l-ħadid fondut malleabbli huma differenti fir-rigward tal-kompożizzjoni u tal-metodu tal-produzzjoni tagħhom. Minkejja li l-ħadid fondut bil-grafit sferojdali għandu karatteristiċi simili għal dawk tal-ħadid fondut malleabbli (EN-GJM), madankollu jikkostitwixxi kategorija separata (EN-GJS) (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 2018, Profit l-Ewropa, il-Kawżi Magħquda C-397/17 u C-398/17).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 7325 99 90 , bħala “oġġetti oħrajn ikkastjati ta' ħadid ieħor”.

Image 1

(1)  L-istampa qiegħda hemm biss għal skopijiet ta' informazzjoni.


Top