EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0320

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/320 tat-12 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) ta' dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli

C/2018/8383

OJ L 55, 25.2.2019, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/320/oj

25.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/320

tat-12 ta' Diċembru 2018

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) ta' dik id-Direttiva sabiex jiżgura l-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tagħha,

Billi:

(1)

Kif iddikjarat fil-premessa 14 tad-Direttiva 2014/53/UE, it-tagħmir tar-radju jista' jkun strumentali fil-provvista tal-aċċess għas-servizzi tal-emerġenza u għalhekk jenħtieġ li, fil-każijiet xierqa, ikun iddisinjat b'mod li jkollu l-karatteristiċi meħtieġa biex jiġu aċċessati dawk is-servizzi.

(2)

Is-sistema stabbilita skont il-programm Galileo abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) hija sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita (“GNSS”), kompletament proprjetà tal-Unjoni u kkontrollata minnha, li tipprovdi servizz ta' pożizzjonament preċiż ħafna taħt kontroll ċivili. Is-sistema Galileo tista' tintuża flimkien ma' GNSS oħrajn.

(3)

L-Istrateġija Spazjali għall-Ewropa (3) adottata fl-2016 tħabbar miżuri li jintroduċu l-użu ta' servizzi ta' pożizzjonament u ta' navigazzjoni Galileo fil-mowbajls.

(4)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2017 (4), il-Kunsill appoġġa l-iżvilupp ta' suq downstream b'saħħtu għal applikazzjonijiet u servizzi spazjali, u enfasizza li jenħtieġ li jittieħdu miżuri adegwati, inklużi dawk regolatorji, fejn xieraq, biex tinkiseb il-kompatibbiltà sħiħa tal-apparat mibjugħ fl-Unjoni mas-sistema Galileo u biex jitħeġġeġ l-użu ta' apparati kompatibbli mal-Galileo fis-suq globali.

(5)

Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tipprevedi l-iskjerament tan-numru uniku Ewropew għas-sejħiet ta' emerġenza (“112”) fl-Unjoni kollha u tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu lill-utenti aħħarin b'servizz ta' komunikazzjoni elettronika li jippermetti li jsiru sejħiet lil numru jew diversi numri tal-pjan nazzjonali ta' numerazzjoni, jagħmlu l-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel disponibbli għall-awtoritajiet li jkunu qed jieħdu ħsieb is-sejħiet ta' emerġenza tal-anqas fir-rigward tan-numru uniku Ewropew tas-sejħiet ta' emerġenza “112”.

(6)

Il-mowbajls li jinżammu fl-idejn b'kapaċitajiet tal-informatika avvanzati (“apparat mobbli”) jikkonstitwixxu l-kategorija ta' tagħmir tat-telekomunikazzjoni bir-radju li tintuża l-aktar fl-Unjoni biex isiru sejħiet lin-numru uniku Ewropew għall-emerġenza “112”.

(7)

Il-livell ta' preċiżjoni tal-lokalizzazzjoni tat-tagħmir tar-radju li jkun qed jaċċessa servizzi ta' emerġenza huwa fundamentali biex jiżgura li l-aċċess meħtieġ għal dawk is-servizzi ikun effettiv. Attwalment, il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'komunikazzjonijiet ta' emerġenza minn apparat mobbli tiġi stabbilita bl-użu ta' Cell-ID bbażat fuq iż-żona ta' kopertura tat-torri tat-telefonija ċellulari li jkun qed jaqbad mal-apparat mobbli. Iż-żona ta' kopertura tat-torri tat-telefonija ċellullari tvarja minn 100 metru sa diversi kilometri. F'ċerti każijiet, b'mod partikolari fil-muntanji, fil-bliet u f'bini kbir, dan jista' jwassal għal żbalji sinifikanti fil-pożizzjonament ta' min qed iċempel b'emerġenza.

(8)

Identifikazzjoni tal-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel ibbażata fuq Cell-ID ikkumplimentata b'informazzjoni Wi-Fi u GNSS tippermetti lokalizzazzjoni ħafna aktar preċiża ta' min qed iċempel u tippermetti sforzi ta' salvataġġ aktar rapidi u aktar effiċjenti, kif ukoll l-aħjar użu tar-riżorsi.

(9)

Soluzzjonijiet ibbażati fuq il-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel ibbażati fuq il-GNSS diġà ġew skjerati fi tmien Stati Membri u ċerti pajjiżi terzi.

(10)

Fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq is-servizz 112, ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) diġà jeżiġi li r-riċevituri f'dawk is-sistemi jkunu kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti mis-sistemi Galileo u EGNOS.

(11)

Għar-raġunijiet stabbiliti, jenħtieġ li l-apparat mobbli jaqa' wkoll fil-kategorija ta' tagħmir tar-radju li tappoġġa ċerti karatteristiċi li jiżguraw l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza msemmija fl-Artikolu 3(3)(g) tad-Direttiva 2014/53/UE. Jenħtieġ li l-apparat mobbli ġdid ikun kapaċi jipprovdi aċċess għall-informazzjoni dwar il-lokalizzazzjoni Wi-Fi u GNSS fil-komunikazzjonijiet ta' emerġenza u jenħtieġ li l-funzjoni tal-pożizzjonament tal-lokalizzazzjoni tkun kompatibbli u tinteraġixxi mas-servizzi provduti mill-programm Galileo.

(12)

Id-Direttiva 2014/53/UE hija limitata għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti, hija tipprevedi l-preżunzjoni tal-konformità għat-tagħmir tar-radju li jikkonforma mal-istandards armonizzati volontarji li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għall-iskop tal-espressjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta' dawk ir-rekwiżiti.

(13)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) ġew mitluba jabbozzaw, b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/53/UE, standards armonizzati għat-tagħmir tar-radju (M/536) (8).

(14)

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jkunu provduti b'perjodu ta' żmien suffiċjenti biex jipproċedu bl-adattamenti meħtieġa għall-apparat mobbli li għandhom l-intenzjoni li jqiegħdu fis-suq. Jenħtieġ li xejn f'dan ir-Regolament ma jiġi interpretat bħala li jipprevjeni lill-operaturi ekonomiċi milli jikkonformaw miegħu sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(15)

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, matul ix-xogħol preparatorju tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u kkonsultat il-Grupp ta' Esperti dwar il-Politika Spazjali fil-laqgħat tiegħu tal-14 ta' Novembru 2017 u tal-14 ta' Marzu 2018,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(g) tad-Direttiva 2014/53/UE għandhom japplikaw għall-mowbajls li jinżammu fl-idejn b'karatteristiċi simili għal dawk ta' kompjuter mil-lat ta' kapaċità biex jittrattaw u jaħżnu d-data.

2.   Il-konformità mal-paragrafu 1 għandha tiġi żgurata permezz ta' soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li tiġi riċevuta u pproċessata data mill-Wi-Fi u data minn Sistemi Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita kompatibbli u interoperabbli tal-anqas mas-sistema Galileo msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1285/2013, u li jippermettu li dik id-data tkun disponibbli għat-trażmissjoni fil-komunikazzjonijiet ta' emerġenza.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-17 ta' Marzu 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(3)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Spazjali għall-Ewropa (COM (2016)705 final).

(4)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2017 dwar “L-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-programmi Galileo u EGNOS u tal-prestazzjoni tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea”, 15435/17.

(5)  Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(8)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 5376 final tal-4 ta' Awwissu 2015 dwar talba għal standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni rigward it-tagħmir tar-radju biex tappoġġja d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.


Top