EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019O0007

Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' April 2019 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (riformulazzjoni) (BĊE/2019/7)

OJ L 113, 29.4.2019, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2019/671/oj

29.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/11


LINJA GWIDA (UE) 2019/671 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-9 ta' April 2019

dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (riformulazzjoni) (BĊE/2019/7)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/2014/9 (1) ġiet emendata b'mod sostanzjali darbtejn. Minħabba li jridu jsiru aktar emendi, dik il-Linja Gwida għandha tiġi riformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

L-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika monetarja unika teħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jispeċifika l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-BĊNi meta jwettqu operazzjonijiet f'assi u obbligazzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħhom stess; dawn l-operazzjonijiet m'għandhomx jinterferixxu mal-politika monetarja unika.

(3)

Limitazzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern miżmumin għand BĊNi bħala aġenti fiskali bis-saħħa tal-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu speċifikati biex jippreżervaw l-integrità tal-politika monetarja unika, u biex jingħataw inċentivi biex depożiti tal-gvern jitpoġġew fis-suq, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-likwidità u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Barra minn dan, l-introduzzjoni ta' livell massimu fuq tali remunerazzjoni ibbażat fuq rati tas-suq monetarju tiffaċilita l-monitoraġġ tal-konformità tal-BĊNi mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mwettaq mill-BĊE skont l-Artikolu 271(d) tat-Trattat.

(4)

Meta jqis iċ-ċirkustanzi istituzzjonali speċifiċi, il-Kunsill Governattiv jemmen li r-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament ma tinterferixxix mal-politika monetarja unika bl-istess mod bħar-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern oħrajn.

(5)

Filwaqt li r-remunerazzjoni ta' depożiti oħrajn li mhumiex depożiti tal-gvern miżmuma mal-BĊNi tista' ma tkunx soġġetta għall-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju, din għandha tkun speċifikata wkoll sabiex tiġi ppreżervata l-integrità tal-politika monetarja unika. Minħabba r-rekwiżiti istituzzjonali differenti l-livelli massimi speċifiċi fuq ir-remunerazzjoni jistgħu jvarjaw, b'mod partikolari fir-rigward ta' depożiti ta' sorsi interni, li jistgħu jitqiesu bħala simili għal kontijiet fil-livell tal-konsumatur jew li jservu għal skop amministrattiv.

(6)

It-tranżazzjonijiet li jsiru mill-BĊNi f'isem partijiet terzi li mhumiex irreġistrati fil-karti tal-bilanċ tal-BĊNi u li ma jaffettwawx il-kundizzjonijiet ta' likwidità tal-bank ċentrali mhumiex soġġetti għal din il-Linja Gwida. Madankollu, fir-rigward ta' kwistjonijiet organizzattivi relatati, dawn it-tranżazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għal arranġamenti simili għal dawk speċifikati f'din il-Linja Gwida,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din il-Linja Gwida għandha tapplika għal tranżazzjonijiet li jinvolvu BĊNi li huma ddenominati f'euro u għal depożiti tal-politika mhux monetarja, diment li dawn ikunu, f'kull każ, irreġistrati fil-karta tal-bilanċ u ma jkunux dawn li ġejjin:

(a)

tranżazzjonijiet eżegwiti minn BĊNi biex tiġi implimentata l-politika monetarja unika kif deċiż mill-Kunsill Governattiv;

(b)

tranżazzjonijiet irregolati minn linji gwidi stabbiliti fuq il-bażi tal-Artikolu 31.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew;

(c)

tranżazzjonijiet eżegwiti u depożiti meħuda fil-kuntest tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema kif stipulat fil-Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2018/14) (2);

(d)

operazzjonijiet relatati mal-forniment ta' assistenza tal-likwidità ta' emerġenza kif iddefinit fil-Ftehim dwar l-assistenza tal-likwidità ta' emerġenza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Linja Gwida:

(1)

“BĊN” tfisser bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(2)

“rata ta' faċilità ta' depożitu” tfisser ir-rata ta' imgħax applikata għall-faċilità ta' depożitu tal-Eurosistema;

(3)

“depożitu” tfisser bilanċ ta' kreditu f'euro jew f'munita oħra li jirriżulta minn fondi miżmuma f'kont ma' BĊN jew minn sitwazzjonijiet temporanji li ġejjin minn servizzi oħrajn ipprovduti minn BĊN, li joħolqu passiv irreġistrat fuq il-karta tal-bilanċ ta' dak il-BĊN, u li dak il-BĊN huwa meħtieġ li jħallas lura fil-kundizzjonijiet kuntrattwali jew regolatorji applikabbli, inklużi depożiti ta' matul il-lejl u ta' terminu fiss;

(4)

“gvern” tfisser kull entità pubblika ta' Stat Membru jew kwalunkwe entità pubblika tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 123 tat-Trattat, kif interpretat fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 (3), ħlief għal istituzzjonijiet ta' kreditu li jappartjenu lill-pubbliku li, fil-kuntest tal-provvista ta' riżervi minn BĊNi, jingħataw l-istess trattament mill-BĊNi u l-BĊE bħala istituzzjonijiet ta' kreditu privat;

(5)

“depożiti tal-gvern” tfisser depożiti ta' politika mhux monetarja aċċettati mill-BĊNi mingħand kwalunkwe gvern;

(6)

“depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament” tfisser depożiti ta':

(a)

fondi mħallsa mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), minn korpi tal-Unjoni jew mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) lill-gvern ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro li jkun qed jibbenefika minn programm ta' appoġġ finanzjarju Ewropew u/jew tal-FMI li l-arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti legali oħrajn tiegħu jeħtieġu li dawk il-fondi jinżammu mill-gvern tal-Istat Membru mal-BĊN tal-Istat Membru;

(b)

fondi li jikkorrispondu għal profitti akkumulati tal-Eurosistema li jirriżultaw minn bonds tal-gvern Grieg miżmuma taħt il-Programm tas-Swieq tat-Titoli (Securities Markets Programme - SMP) li ġew ittrasferiti minn gvernijiet taż-żona tal-euro f'kont MES dedikat; jew

(c)

fondi li huma miżmuma mill-gvern ta' Stat Membru li jkun qed jibbenefika jew ibbenefika minn programm ta' appoġġ finanzjarju Ewropew u/jew tal-FMI mal-BĊN tal-Istat Membru u li huma assenjati biex jitħallsu lis-selliefa taħt tali programm jew meħtieġa mill-arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti legali oħrajn relatati mal-programm jew mis-sorveljanza ta' wara l-programm li jinżammu minn tali BĊN. Għal dan il-għan “assenjati” tinkludi l-bafers f'kontanti prekawzjonarji li t-teżori huma meħtieġa li jżommu skont l-arranġamenti kuntrattwali jew arranġamenti legali oħrajn relatati mas-sorveljanza ta' wara l-programm jew bħala riżultat ta' deroga maħruġa minn kreditur jew kredituri tal-programm ta' assistenza finanzjarja kull meta jsir ħlas lura bikri lil kwalunkwe kreditur ieħor tal-programm ta' assistenza finanzjarja.

(7)

“prodott domestiku gross” (PDG) tfisser il-valur tal-produzzjoni totali ta' oġġetti u servizzi ta' ekonomija, wara li jitnaqqas il-konsum intermedju, flimkien ma' taxxi netti fuq prodotti u importazzjonijiet, f'perijodu speċifikat;

(8)

“depożiti ta' politika mhux monetarja” tfisser kwalunkwe depożitu aċċettat minn BĊNi mingħand gvernijiet u sorsi esterni oħrajn li huma rreġistrati f'partiti tal-karta tal-bilanċ minbarra l-partita tal-passiv L2 (“Passiv lejn istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona euro marbutin mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro”) kif iddefinit fil-kuntest tal-karta tal-bilanċ armonizzata tal-Eurosistema. Depożiti ta' politika mhux monetarja minn sorsi esterni oħrajn ma jinkludux kontijiet Nru 1 u Nru 2 tal-FMI, kif deċiż mill-Kunsill Governattiv, jew depożiti minn sorsi interni, jiġifieri depożiti minn persunal attwali jew preċedenti, friegħi jew sussidjarji tal-BĊN rilevanti, awtoritajiet monetarji barranin relatati mal-BĊN rilevanti u lokalizzati f'pajjiżi u territorji speċifikati fl-Artikolu 198 tat-Trattat;

(9)

“rata tas-suq iggarantita” tfisser (a) fir-rigward ta' depożiti ta' terminu fiss denominati f'euro, l-iSTOXX EUR GC Pooling term index b'maturità paragunabbli, jew l-ekwivalenti tiegħu jekk jitwaqqaf jew ma jibqax jitqies bħala parametru referenzjarju; u (b) fir-rigward ta' depożiti ta' terminu fiss denominati f'muniti oħra minbarra l-euro, rata paragunabbli;

(10)

“rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita” tfisser: (a) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl denominati f'euro, ir-rata medja tal-indiċi ta' matul il-lejl tal-euro (EONIA), jew, wara li titwaqqaf EONIA, ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR); u (b) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl denominati f'muniti oħra minbarra l-euro, rata paragunabbli;

(11)

“tranżazzjoni diretta” tfisser xiri, bejgħ jew fidi ta' titolu li huwa rreġistrat f'partita tal-karta tal-bilanċ minbarra l-partita tal-attiv A7.1 (“Titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja”) kif iddefinit fil-kuntest tal-karta tal-bilanċ armonizzata tal-Eurosistema;

(12)

“titoli” tfisser dawn it-tipi ta' titoli li ġejjin: (a) titoli ta' dejn; (b) ishma elenkati; u (c) ishma jew unitajiet ta' fondi ta' investiment;

(13)

“tranżazzjoni ta' finanzjament tat-titoli” tfisser tranżazzjoni li tissodisfa d-definizzjoni fl-Artikolu 3(11) tar-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u li tinvolvi titoli li huma rreġistrati f'partita tal-karta tal-bilanċ minbarra l-partita tal-attiv A7.1 (“Titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja”) kif iddefinit fil-kuntest tal-karta tal-bilanċ armoninzzata tal-Eurosistema, u li tikkonsisti jew fi:

(a)

“tranżazzjoni ta' għoti ta' self” li tfisser tranżazzjoni ta' finanzjament ta' titoli li titmexxa minn BĊN bl-effett li jipprovdi titoli; jew fi

(b)

“tranżazzjoni ta' teħid ta' self” li tfisser tranżazzjoni ta' finanzjament ta' titoli li titmexxa minn BĊN bl-effett li jirċievi titoli;

(14)

“arranġament ta' likwidità bilaterali” tfisser ftehim li jidħol fih BĊN ma' bank ċentrali jew awtorità monetarja li mhux fiż-żona tal-euro bl-għan li jsiru tranżazzjonijiet biex jiġu skambjati kontanti f'euro ma' kollateral mhux f'kontanti f'euro.

Artikolu 3

Kwistjonijiet organizzattivi

1.   Il-BĊNi għandhom jagħmlu l-arranġamenti xierqa sabiex jippermettu lill-kontropartijiet jiddistingwu bejn tranżazzjonijiet imwettqa taħt din il-Linja Gwida u t-tranżazzjonijiet imwettqa mill-BĊNi meta jimplimentaw il-politika monetarja unika.

2.   Il-BĊNi għandhom jagħmlu l-arranġamenti xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni tal-politika monetarja kunfidenzjali ma tintużax meta jitwettqu tranżazzjonijiet taħt din il-Linja Gwida.

3.   Il-BĊNi għandhom jagħmlu arranġamenti simili għal dawk stabbiliti skont il-paragrafi 1 u 2 anki fir-rigward ta' tranżazzjonijiet imwettqa mill-BĊNi f'isem partijiet terzi li mhumiex irreġistrati fil-karti tal-bilanċ tal-BĊNi u ma jaffettwawx il-kundizzjonijiet ta' likwidità tal-bank ċentrali.

4.   Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-BĊE dwar l-arranġamenti stabbiliti skont dan l-Artikolu fuq bażi annwali.

Artikolu 4

Limitazzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti ta' politika mhux monetarja

1.   Ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern għandha tkun soġġetta għal dawn il-livelli massimi:

(a)

Għal depożiti ta' matul il-lejl, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita; għad-depożiti fuq terminu fiss, ir-rata tas-suq iggarantita b'maturità paragunabbli jew jekk din ma tkunx disponibbli, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita.

(b)

Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, l-ammont totali tad-depożiti kollha tal-gvern, minbarra depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament, miżmuma ma' BĊN li jaqbżu l-ogħla minn dawn it-tnejn: (i) l-ekwivalenti ta' EUR 200 miljun; jew (ii) 0,04 % tal-PDG tal-Istat Membru li fih il-BĊN ikun domiċiljat għandu jkun remunerat sal-livell li ġej:

1.

fil-każ ta' depożiti denominati f'euro:

i.

jekk ir-rata ta' faċilità ta' depożitu fil-jum tal-kalendarju rilevanti tkun żero jew ogħla, b'rata ta' imgħax ta' żero fil-mija;

ii.

jekk ir-rata ta' faċilità ta' depożitu fil-jum tal-kalendarju rilevanti tkun negattiva, b'rata ta' imgħax mhux ogħla mir-rata ta' faċilità ta' depożitu.

2.

fil-każ ta' depożiti denominati f'muniti oħrajn: għandu jiġi applikat għall-munita kkonċernata approċċ paragunabbli għall-approċċ stabbilit għad-depożiti denominati f'euro, kif stipulat fil-punti 1. i. u ii. aktar 'il fuq.

Għall-fini tad-determinazzjoni tal-livell minimu msemmi f'dan il-punt, il-PDG għandu jkun ibbażat fuq il-previżjoni ekonomika annwali tal-ħarifa ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fis-sena ta' qabel. Kull BĊN għandu jiddeċiedi dwar l-allokazzjoni tad-diversi depożiti tal-gvern taħt u ogħla mil-livell minimu.

(c)

Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, jekk ir-rata applikabbli taħt il-punt (b) tkun ogħla mir-rata tas-suq rilevanti speċifikata fil-punt (a), id-depożiti kollha tal-gvern għandhom ikunu remunerati b'tali rata tas-suq.

(d)

Depożiti tal-gvern relatati ma' programm ta' aġġustament għandhom ikunu soġġetti għar-rati ta' remunerazzjoni msemmija fil-punt (a) jew remunerati b'żero fil-mija, skont liema minnhom tkun l-ogħla, imma m'għandhomx jgħoddu għall-ammont tal-livell minimu msemmi fil-punt (b).

2.   Ir-remunerazzjoni ta' depożiti ta' politika mhux monetarja minbarra depożiti tal-gvern għandha tqis il-prinċipji ta' proporzjonalità, in-newtralità tas-suq u t-trattament ugwali. Ir-remunerazzjoni ta' depożiti ta' politika mhux monetarja minbarra depożiti tal-gvern, meta jkunu denominati f'euro, m'għandhiex taqbeż ir-rata ta' faċilità ta' depożitu.

3.   Rata ta' imgħax negattiva għandha tinvolvi obbligu ta' ħlas tad-detentur tad-depożitu lill-BĊN rilevanti inkluż id-dritt ta' dak il-BĊN li jiddebita l-kont tad-depożitu rilevanti kif meħtieġ.

Artikolu 5

Obbligi ex ante

1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw ex ante lill-BĊE l-effett tal-likwidità netta totali ta' tranżazzjonijiet koperti minn din il-Linja Gwida fil-kuntest tal-qafas tal-ġestjoni tal-likwidità ġenerali tal-Eurosistema. Barra minn hekk, il-BĊNi għandhom jiżguraw permezz ta' miżuri xierqa li dawn it-tranżazzjonijiet ma jirriżultawx f'effetti ta' likwidità li ma jistgħux jitbassru b'mod preċiż.

2.   Il-BĊNi għandhom ifittxu l-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE jekk it-tranżazzjonijiet koperti minn din il-Linja Gwida li jitwettqu fuq inizjattiva proprja ta' BĊN jirriżultaw f'effett ta' likwidità netta fid-data tas-saldu li huwa akbar minn EUR 500 miljun.

3.   Il-BĊNi għandhom ifittxu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kunsill Governattiv qabel ma jidħlu f'arranġamenti ta' likwidità bilaterali.

Artikolu 6

Rapportar ex post

Il-BĊNi għandhom jirrappurtaw informazzjoni ex post lill-BĊE darba kull trimestru kalendarju dwar:

(a)

it-tranżazzjonijiet diretti;

(b)

it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament ta' titoli;

(c)

il-medja tal-ammonti pendenti relatati ma' depożiti ta' politika mhux monetarja li saru jew ġew osservati matul it-trimestru kalendarju preċedenti.

Artikolu 7

Monitoraġġ

1.   Darba fis-sena l-BĊE għandu jħejji valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din il-Linja Gwida fis-sena preċedenti u jissottomettiha lill-Kunsill Governattiv.

2.   Minbarra l-livell minimu għall-effetti tal-likwidità netta aggregati ta' kuljum imsemmija fl-Artikolu 5(2), il-BĊE jista', f'ċirkustanzi eċċezzjonali, jispeċifika u japplika limiti addizzjonali matul kwalunkwe perijodu partikolari ta' żmien għat-tranżazzjonijiet tal-BĊNi koperti minn din il-Linja Gwida.

3.   Jekk ir-rappurtar jiżvela li tranżazzjonijiet koperti minn din il-Linja Gwida ma jkunux kompatibbli mar-rekwiżiti ta' politika monetarja unika, il-BĊE jista' jagħti struzzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-komportament tal-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv tal-BĊNi inkwistjoni.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità

Kwalunkwe informazzjoni u data skambjata fil-kuntest ta' din il-Linja Gwida għandha tiġi pproċessata b'mod kunfidenzjali.

Artikolu 9

Revoka

1.   Il-Linja Gwida BĊE/2014/9, kif emendata bil-Linji Gwida elenkati fl-Anness I, hija b'dan irrevokata b'effett mill-1 ta' Ottubru 2019.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-1 ta' Ottubru 2019. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE dwar it-testi u l-mezzi relatati mal-miżuri speċifikati fl-Artikoli 4(1), 4(2) u 5(2) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2019.

Artikolu 11

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-9 ta' April 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2014/9 tal-20 ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 56).

(2)  Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2018/14) (ĠU L 136, 1.6.2018, p. 81).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1).


ANNESS I

Linja Gwida rrevokata bil-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 9)

Linja Gwida BĊE/2014/9

Linja Gwida BĊE/2014/22 (1)

Linja Gwida (UE) 2015/1575 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/28) (2)


(1)  Linja Gwida BĊE/2014/22 tal-5 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 118).

(2)  Linja Gwida (UE) 2015/1575 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/28) tal-4 ta' Settembru 2015 li temenda l-Linja Gwida BĊE/2014/9 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali BĊE/2015/28 (ĠU L 245, 22.9.2015, p. 13)


ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Linja Gwida BĊE/2014/9

Din il-Linja Gwida

Artikolu1(1)

Artikolu 1

Artikolu 1(2)

 

Artikolu 1(3)

 

Artikolu 1(4)

 

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

 

Artikolu 5(1)(a) u (b)

Artikolu 4(1)(a)

Artikolu 5(2)

Artikolu 4(1)(b) u (3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 4(1)(d)

Artikolu 6(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6

Artikolu 6(3)

Artikolu 7(3)

Artikolu 7(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

 

Artikolu 8

 

Artikolu 9(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 9(2)

 

Artikolu 10

Artikolu 8

Artikolu 11

 

Artikolu 12

Artikolu 10

Artikolu 13

Artikolu 11


Top