Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L1151

Direttiva (UE) 2019/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji

PE/25/2019/REV/1

ĠU L 186, 11.7.2019, p. 80–104 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/1151/oj

11.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 186/80


DIRETTIVA (UE) 2019/1151 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali fil-liġi dwar il-kumpaniji

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) u l-punti (b), (c), (f) u (g) tal-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi, inter alia, regoli dwar l-iżvelar u l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji tal-Istati Membri.

(2)

L-użu ta’ għodod u proċessi diġitali biex attività ekonomika tinbeda b'mod aktar faċli, rapidu, effiċjenti fil-ħin u kosteffettiv billi tiġi stabbilita kumpanija jew tinfetaħ fergħa ta’ dik il-kumpanija fi Stat Membru ieħor, u biex tiġi provduta informazzjoni komprensiva u aċċessibbli dwar il-kumpaniji, huwa wieħed mill-prerekwiżiti għall-funzjonament effettiv, il-modernizzazzjoni u t-tneħħija tal-burokrazija żejda ta’ suq intern kompetittiv u biex tiġi żgurata l-kompetittività u l-affidabbiltà tal-kumpaniji.

(3)

L-iżgurar ta’ ambjent legali u amministrattiv ugwali għall-isfidi soċjali u ekonomiċi ġodda tal-globalizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni li jeżistu huwa essenzjali, minn naħa, sabiex jiġu pprovduti s-salvagwardji neċessarji kontra l-abbuż u l-frodi u, min-naħa l-oħra, biex jiġu segwiti objettivi bħall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-attirar tal-investiment lejn l-Unjoni Ewropea, li kollha joffru benefiċċji ekonomiċi u soċjali lis-soċjetà kollha kemm hi.

(4)

Bħalissa jeżistu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ għodod online għall-imprendituri u għall-kumpaniji sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-awtoritajiet dwar kwistjonijiet tal-liġi dwar il-kumpaniji. Is-servizzi tal-Gvern elettroniku jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor. Uħud mill-Istati Membri jipprovdu servizzi komprensivi u faċli għall-utenti li huma disponibbli għalkollox online, filwaqt li oħrajn mhumiex f'pożizzjoni li jipprovdu soluzzjonijiet online f'ċerti stadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija. Pereżempju, xi Stati Membri jippermettu li biss l-iffurmar tal-kumpaniji, jew il-preżentazzjoni ta’ bidliet għal dokumenti u informazzjoni mar-reġistru, isir fiżikament, oħrajn jippermettu li dawk l-azzjonijiet isiru jew fiżikament jew online, u f’xi Stati Membri oħra dawn jistgħu jsiru biss online.

(5)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni tal-kumpaniji, il-liġi tal-Unjoni tistipula li sett minimu ta’ data dejjem irid jiġi pprovdut mingħajr ħlas. Madankollu, l-ambitu ta’ tali informazzjoni jibqa’ limitat. L-aċċess għal tali informazzjoni jvarja, b'aktar informazzjoni disponibbli mingħajr ħlas f'xi Stati Membri milli f'oħrajn, u b'hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ żbilanċ fl-Unjoni.

(6)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha “Strateġija ta’ Suq Diġitali Uniku għall-Ewropa” u fil-Komunikazzjoni tagħha “Pjan ta’ Azzjoni għal Gvern elettroniku tal-UE 2016-2020: L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-gvern”, enfasizzat ir-rwol tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jgħinu lin-negozji biex jibdew l-attivitajiet tagħhom faċilment, joperaw online u jespandu bejn fruntiera u oħra. Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku rrikonoxxa b'mod speċifiku l-importanza ta’ titjib fl-użu tal-għodod diġitali fil-konformità mar-rekwiżiti relatati mal-liġi dwar il-kumpaniji. Barra minn hekk, fid-dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern elettroniku tas-6 ta’ Ottubru 2017, l-Istati Membri għamlu talba b'saħħitha biex jiżdiedu l-isforzi għall-provvediment ta’ proċeduri elettroniċi effiċjenti u li jirrivolvu madwar l-utent fl-Unjoni.

(7)

f'Ġunju 2017 bdiet topera l-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji tal-Istati Membri, u b'hekk ġie ffaċilitat bil-kbir l-aċċess transfruntier għall-informazzjoni tal-kumpaniji fl-Unjoni u jippermetti lir-reġistri fl-Istati Membri jikkomunikaw ma’ xulxin b'mod elettroniku rigward ċerti operazzjonijiet transfruntiera li jaffettwaw lill-kumpaniji.

(8)

Sabiex jiġu faċilitati l-formazzjoni tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni tal-fergħat, u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, il-ħin u l-piżijiet amministrattivi assoċjati ma’ dawk il-proċessi, b'mod partikolari fil-każ ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”) kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4), jenħtieġ li jitpoġġew fis-seħħ proċeduri li jippermettu li l-formazzjoni tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni tal-fergħat jitwettqu għalkollox online. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tobbligax lill-kumpaniji jużaw dan it-tip ta’ proċeduri. Jenħtieġ madankollu li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu l-proċeduri online kollha, jew wħud minnhom, mandatorji. L-ispejjeż u l-piżijiet attwali assoċjati mal-proċeduri ta’ formazzjoni u reġistrazzjoni jirriżultaw mhux biss mit-tariffi amministrattivi imposti biex tiġi ffurmata kumpanija jew rreġistrata fergħa, iżda wkoll minn rekwiżiti oħrajn li jtawlu l-proċess kollu, b'mod partikolari meta tkun meħtieġa l-preżenza fiżika tal-applikant. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni dwar tali proċeduri tkun disponibbli online u mingħajr ħlas.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jistabbilixxi gateway diġitali unika jipprevedi regoli ġenerali għall-aċċess online għal informazzjoni, proċeduri u servizzi ta’ assistenza rilevanti għall-funzjonament tas-suq intern. Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi relatati mal-formazzjoni online ta’ kumpanijib' responsabbiltà limitati, reġistrazzjoni tal-fergħat, u preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni minn kumpaniji u fergħat (“proċeduri online”), li mhumiex koperti minn dan ir-Regolament. b'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni speċifika dwar proċeduri online previsti f'din id-Direttiva u mudelli tal-istrumenti tal-kostituzzjoni (“mudelli”) fuq is-siti web aċċessibbli permezz tal-Gateway Diġitali Unika.

(10)

Il-possibbiltà li l-formazzjoni tal-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni tal-fergħat u l-preżentazzjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni jsiru kompletament online tippermetti lill-kumpaniji jużaw għodod diġitali avvanzati fil-kuntatti tagħhom mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Sabiex isaħħu l-fiduċja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li identifikazzjoni elettronika sigura u l-użu ta’ servizzi fiduċjarji jkunu possibbli għal utenti nazzjonali kif ukoll għal utenti transfruntiera skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Barra minn hekk, sabiex tkun permessa l-identifikazzjoni elettronika transfruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jipprevedu mezzi awtentikati ta’ identifikazzjoni elettronika. Tali skemi nazzjonali se jintużaw bħala bażi għar-rikonoxximent ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa fi Stat Membru ieħor. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ fiduċja f'sitwazzjonijiet transfruntiera, jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti biss il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jikkonformaw mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. f'kull każ, jenħtieġ li din id-Direttiva tobbliga biss lill-Istati Membri sabiex jagħmlu possibbli l-formazzjonita’ kumpaniji u r-reġistrazzjoni tal-fergħat tagħhom online u l-preżentazzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni online minn applikanti li huma ċittadini tal-Unjoni permezz tar-rikonoxximent tal-mezzi tagħhom ta’ identifikazzjoni elettronika. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu l-mod li bih il-mezzi ta’ identifikazzjoni li huma jirrikonoxxu, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, isiru disponibbli għall-pubbliku.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeċiedu liema persuna jew persuni jiġu kkunsidrati taħt il-liġi nazzjonali bħala applikanti fir-rigward tal-proċeduri online tal-kumpaniji, dment li dan ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettiv ta’ din id-Direttiva.

(12)

Sabiex jiġu faċilitati proċeduri online għall-kumpaniji, jenħtieġ li r-reġistri tal-Istati Membri jiżguraw li r-regoli dwar it-tariffi applikabbli għall-proċeduri online previsti f'din id-Direttiva jkunu trasparenti u jiġu applikati b'mod mhux diskriminatorju. Madankollu, ir-rekwiżit tat-trasparenza tar-regoli dwar it-tariffi jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali, fejn tapplika, bejn l-applikanti u l-persuni li jgħinuhom fi kwalunkwe parti tal-proċeduri online, inkluża l-libertà li jinnegozjaw prezz xieraq għal servizzi bħal dawn.

(13)

It-tariffi imposti mill-reġistri jenħtieġ li jiġu kkalkulati abbażi tal-ispejjeż tas-servizzi konċernati. Tali tariffi jistgħu, inter alia, ikopru wkoll l-ispejjeż ta’ servizzi minuri mwettqa mingħajr ħlas. Fil-kalkolu tal-ammont tagħhom, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu intitolati jqisu l-ispejjeż kollha li għandhom x'jaqsmu mat-twettiq tal-proċeduri online, inkluż il-proporzjon tal-ispejjeż ġenerali li jista’ jiġi attribwit lilha. Barra minn hekk, jenħtieġ li Stati Membri jkunu permessi jimponu tariffi b'rata fissa u jiffissa l-ammont ta’ tali tariffi għal perjodu indefinit, bil-kundizzjoni li jivverifika f'intervalli regolari li tali tariffi jibqgħu ma jeċċedux l-ispiża medja tas-servizzi kkonċernati. Jenħtieġ li kwalunkwe tariffa għal proċeduri online imposta mir-reġistru fl-Istati Membri ma taqbiżx l-ispiża tal-irkupru tal-forniment ta’ servizzi bħal dawn. Barra minn hekk, fejn it-tlestija għalkollox tal-proċedura teħtieġ pagament, jenħtieġ li jkun possibbli li l-ħlas ikun jista’ jsir permezz ta’ servizzi ta’ pagament transfruntiera disponibbli b'mod wiesa’, bħall-karti ta’ kreditu u t-trasferimenti bankarji.

(14)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jassistu lill-persuni li jfittxu li jiffurmaw kumpanija jew jirreġistraw fergħa billi jipprovdu ċerta informazzjoni permezz tal-Gateway Diġitali Unika u, meta huwa applikabbli, fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, b'mod konċiż u faċli għall-utent, rigward il-proċeduri u r-rekwiżiti relatati mal-formazzjoni ta’ kumpaniji b'responsabbiltà limitata, ir-reġistrazzjoni tal-fergħat tagħhom, u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni, ir-regoli relatati mal-iskwalifika tad-diretturi u ħarsa ġenerali dwar is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji tal-kumpaniji.

(15)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kumpaniji jiġu ffurmati kompletament online. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jillimitaw il-formazzjoni online għal ċerti tipi ta’ kumpaniji b'responsabbiltà limitata, kif speċifikat f'din id-Direttiva, minħabba l-kumplessità tal-formazzjoni ta’ tipi oħra ta’ kumpaniji fil-liġijiet nazzjonali online. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dettaljati tal-formazzjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li l-formazzjoni online titwettaq bil-preżentazzjoni tad-dokumenti jew informazzjoni f'forma elettronika, mingħajr preġudizzju materjali u r-rekwiżiti proċedurali tal-Istati Membri, inklużi dawk relatati mal-proċeduri legali għat-tfassil tal-istrumenti tal-kostituzzjoni, u l-awtentiċità, il-preċiżjoni, l-affidabbiltà u l-forma ġuridika xierqa ta’ dokumenti jew informazzjoni li huma preżentati. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti materjali u proċedurali jenħtieġ li ma jagħmlux impossibbli l-proċeduri online, b'mod partikolari dawk għall-formazzjoni online ta’ kumpanija u r-reġistrazzjoni online ta’ fergħa. Fejn il-ksib ta’ kopji elettroniċi ta’ dokumenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Istati Membri mhux teknikament possibbli, jaf ikunu meħtieġa, eċċezzjonalment, id-dokumenti f’forma stampata.

(16)

Fejn ikunu twettqu l-formalitajiet kollha meħtieġa għall-formazzjoni online ta’ kumpanija, inkluż r-rekwiżit li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha jiġu pprovduti b'mod korrett mill-kumpanija, il-formazzjoni online quddiem kwalunkwe awtorità jew kwalunkwe persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online, jenħtieġ li tkun rapida. Madankollu, f'każijiet fejn ikun hemm dubji dwar it-twettiq tal-formalitajiet neċessarji, inkluża l-identità kkonċernata ta’ applikant, il-legalità tal-isem tal-kumpanija, l-iskwalifika ta’ direttur jew il-konformità ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dokument oħra b'rekwiżiti legali, jew f'każijiet ta’ suspett ta’ frodi jew abbuż, il-formazzjoni online tista’ tieħu aktar żmien, u l-iskadenza għall-awtoritajiet jenħtieġ li ma tibdiex qabel ma jkun hemm konformità ma’ tali formalitajiet. Fi kwalunkwe każ, meta ma jkunx possibbli li l-proċedura titwettaq għalkollox sal-iskadenzi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-applikant jiġi notifikat dwar ir-raġunijiet għal kwalunkwe dewmien.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-formazzjoni online f'ħinha ta’ kumpanija jew r-reġistrazzjoni online ta’fergħa, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jagħmlux il-formazzjoni jew ir-reġistrazzjoni kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel ma tkun tista’ titlesta għalkollox dik il-formazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ħlief meta dan ikun ipprovdut fil-liġi nazzjonali għall-fini tal-iżgurar ta’ sorveljanza xierqa ta’ ċerti attivitajiet. Wara l-formazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, jenħtieġ li l-liġi nazzjonali tirregola s-sitwazzjonijiet fejn kumpaniji jew fergħat ma jistgħux iwettqu ċerti attivitajiet mingħajr ma jiksbu liċenzja jew awtorizzazzjoni.

(18)

Sabiex jiġu assistiti n-negozji, u b'mod partikolari l-SMEs, fl-istabbiliment tan-negozju, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi iffurmata kumpanija privata b'responsabbiltà limitata bl-użu ta’ mudelli li jenħtieġ li jkunu disponibbli online. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li tali mudelli jkunu jistgħu jintużaw għal formazzjonijiet online, u jenħtieġ li jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-valur legali tagħhom. Tali mudelli jistgħu jinkludu sett definit minn qabel ta’ għażliet skont il-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-applikanti jkunu jistgħu jagħżlu bejn l-użu ta’ dan il-mudell jew il-formazzjoni ta’ kumpanija bi strumenti tal-kostituzzjoni mfassla apposta, u l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom l-għażla li jipprovdu wkoll mudelli għal tipi oħra ta’ kumpaniji.

(19)

Sabiex jiġu rispettati t-tradizzjonijiet eżistenti rigward il-liġi dwar il-kumpaniji tal-Istati Membri, huwa importanti li tkun permessa flessibbiltà fir-rigward tal-mod li bih jipprovdu sistema kompletament online tal-formazzjoni ta’ kumpaniji, tar-reġistrazzjoni ta’ fergħat u tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti u informazzjoni, inkluż fir-rigward tar-rwol tan-nutara jew l-avukati fi kwalunkwe parti minn tali proċeduri online. Jenħtieġ li kwistjonijiet li jikkonċernaw proċeduri online li mhumiex regolati f'din id-Direttiva jkomplu jkunu regolati mil-liġi nazzjonali.

(20)

Barra minn hekk, sabiex jiġu indirizzati l-frodi u l-ħtif tal-kumpaniji u jiġu pprovduti salvagwardji għall-affidabbiltà ta’ dokumenti u informazzjoni li tinsab f'reġistri nazzjonali, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proċeduri online previsti f’din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu wkoll verifiki tal-identità u l-kapaċità ġuridika ta’ persuni li qegħdin ifittxu li jiffurmaw kumpanija jew jirreġistraw fergħa jew li jippreżentaw dokumenti u informazzjoni. Dawk il-kontrolli jistgħu jkunu parti mill-verifika tal-legalità meħtieġa minn xi Stati Membri. L-iżvilupp u l-adozzjoni tal-mezzi u l-metodi għat-twettieq ta’ dawn il-kontrolli jenħtieġ li jitħallew f'idejn l-Istati Membri. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikjedu l-involviment ta’ nutara jew avukati fi kwalunkwe parti mill-proċeduri online. Madankollu, dan it-tip ta’ involviment jenħtieġ li ma jipprevjenix it-tlestija tal-proċedura online mill-bidu sal-aħħar.

(21)

Fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’ interess pubbliku li jiġi pprevenut l-użu ħażin jew l-alterazzjoni tal-identità, jew li jiġi żgurat li r-regoli dwar il-kapaċità ġuridika u dwar l-awtorità tal-applikanti li jirrappreżentaw kumpanija jitħarsu, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jieħdu miżuri, f'konformità mal-liġi nazzjonali, li jistgħu jirrikjedu l-preżenza fiżika tal-applikant quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online tal-Istati Membri fejn il-kumpanija u fergħa għandha tiġi ffurmata u fejn fergħa għandha tiġi rreġistrata. Madankollu, preżenza fiżika bħal din jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa b'mod sistematiku, iżda biss fuq bażi ta’ każ b'każ, fejn ikun hemm raġunijiet li jqajmu suspett ta’ falsifikazzjoni tal-identità tal-applikant, jew nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar il-kapaċità ġuridika u l-awtorità tal-applikanti li jirrappreżentaw kumpanija. Jenħtieġ li tali suspett ikun ibbażat fuq informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet jew persuni jew korpi responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex iwettqu dawn it-tipi ta’ kontrolli. f'każ li tkun meħtieġa preżenza fiżika, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe pass ieħor tal-proċedura jista’ jitwettaq online. Jenħtieġ li l-kunċett tal-kapaċità ġuridika jinftiehem li jinkludi l-kapaċità li tittieħed azzjoni.

(22)

L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu wkoll jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti, persuni jew korpi tagħhom jivverifikaw, permezz ta’ kontrolli elettroniċi komplementari tal-identità, il-kapaċità ġuridika u l-legalità, jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-formazzjoni tal-kumpaniji. Tali kontrolli jistgħu jinkludu, inter alia, vidjokonferenzi jew mezzi oħra online li jipprovdu konnessjoni awdjoviżiva f'ħin reali.

(23)

Sabiex jiżguraw li l-persuni kollha li jinteraġixxu mal-kumpaniji huma mħarsa, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jipprevjenu mġiba frodolenti jew imġiba abbużiva oħra billi jirrifjutaw il-ħatra ta’ persuna bħala direttur ta’ kumpanija, filwaqt li titqies mhux biss l-imġiba preċedenti ta’ dik il-persuna fit-territorju tagħha stess, iżda fejn stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali, anke informazzjoni pprovduta minn Stati Membri oħra. L-Istati Membri jenħtieġ għalhekk, li jkunu permessi jitolbu informazzjoni mingħand Stati Membri oħra. It-tweġiba tista’ tikkonsisti jew f'informazzjoni dwar skwalifika fis-seħħ jew informazzjoni oħra li tkun rilevanti għal skwalifika fl-Istat Membru li rċieva t-talba. Jenħtieġ li tali talbiet għall-informazzjoni jkunu possibbli permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. f'dak ir-rigward, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu ħielsa li jagħżlu l-aħjar mod biex jiġbru din l-informazzjoni, bħala pereżempju billi jiġbru l-informazzjoni rilevanti minn kwalunkwe reġistru jew postijiet oħra fejn tkun maħżuna f’konformità mar-regoli nazzjonali tagħhom jew billi joħolqu reġistri apposta jew taqsimiet apposta f'reġistri kummerċjali. Fejn tkun meħtieġa aktar informazzjoni, pereżempju dwar il-perjodu ta’ skwalifika jew ir-raġunijiet għaliha, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jipprovdu l-informazzjoni permezz tas-sistemi kollha disponibbli tal-iskambju ta’ informazzjoni, f'konformità mal-liġijiet nazzjonali. Madankollu, din id-Direttiva jenħtieġ li ma toħloqx obbligu li tintalab informazzjoni bħal din f'kull każ. Barra minn hekk, il-possibbiltà li titqies l-informazzjoni dwar skwalifika fi Stat Membru ieħor jenħtieġ li ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu skwalifiki fis-seħħ fi Stati Membri oħra.

(24)

Sabiex ikun żgurat li l-persuni kollha li jinteraġixxu ma’ kumpaniji jew fergħat huma mħarsa u li tiġi pprevenuta mġiba frodulenti jew imġiba abbużiva oħra, huwa importanti li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-persuna li għandha tiġi maħtura bħala direttur tkunx ipprojbita milli twettaq id-dmirijiet ta’ direttur. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu jafu wkoll jekk il-persuna konċernata hijiex inkluża f'xi wieħed mir-reġistri rilevanti għall-iskwalifika ta’ diretturi fi Stati Membri oħra, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali. Ir-reġistri, l-awtoritajiet jew persuni jew korpi responsabbli taħt il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online jenħtieġ li ma jaħżnux data personali ta’ dan it-tip għal żmien itwal minn dak li hu neċessarju biex jivvalutaw l-eliġibbiltà tal-persuna li għandha tiġi maħtura bħala direttur. Madankollu, tali entitajiet jista’ jkollhom bżonn jaħżnu tali informazzjoni għal perjodu ta’ żmien itwal għall-fini tar-rieżami possibbli ta’ deċiżjoni negattiva. Fi kwalunkwe każ, il-perjodu taż-żamma jenħtieġ li ma jeċċedix il-perjodu stipulat fir-regoli nazzjonali dwar iż-żamma ta’ kwalunkwe data personali relatata mal-formazzjoni ta’ kumpanija jew ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa jew il-preżentazzjoni relatata ta’ dokumenti u informazzjoni.

(25)

L-obbligi previsti f’din id-Direttiva relatati mal-formazzjoni online tal-kumpaniji u mar-reġistrazzjoni online tal-fergħat jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe formalità oħra mhux relatata mal-liġi dwar il-kumpaniji li dik il-kumpanija trid twettaq sabiex tibda topera skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali.

(26)

Bħal b’formazzjoni online tal-kumpaniji u tar-reġistrazzjoni online tal-fergħat, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-kumpaniji, li jiġu preżentati dokumenti u informazzjoni kompletament online lir-reġistri nazzjonali. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi biex jippermettu li d-dokumenti u l-informazzjoni jiġu ppreżentati b'mezzi oħra, inkluż f'format stampat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-iżvelar ta’ dik l-informazzjoni ta’ kumpanija jsir ladarba l-informazzjoni ssir disponibbli pubblikament f'dawk ir-reġistri nazzjonali, peress li issa dawn ikunu interkonnessi u jipprovdu punt ta’ referenza komprensiv għall-utenti. Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-sistemi eżistenti tal-iżvelar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jippubblikaw ukoll l-informazzjoni kollha ta’ kumpanija jew parti minnha f'gazzetta nazzjonali, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li l-informazzjoni tintbagħat b'mod elettroniku mir-reġistru lil dik il-gazzetta nazzjonali. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tolqotx ir-regoli nazzjonali relatati mal-valur legali tar-reġistru u r-rwol tal-gazzetta nazzjonali.

(27)

Sabiex jiġi faċilitat il-mod kif jista’ jsir tiftix fl-informazzjoni maħżuna mir-reġistri nazzjonali u tiġi skambjata ma’ sistemi oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li wara li jkun skada l-perjodu ta’ tranżizzjoni rilevanti, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha pprovduti lil kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli skont il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online bħala parti mill-proċeduri online previsti f’din id-Direttiva, li jistgħu jinħażnu mir-reġistri f'format li jinqara mill-magni u li tista’ ssir tfittxija fih, jew inkella bħala data strutturata. Dak ifisser li l-format tal-fajl jenħtieġ li jkun strutturat b'tali mod li l-applikazzjonijiet tas-softwer ikunu jistgħu jidentifikaw, jirrikonoxxu u jisiltu faċilment id-data speċifika u l-istruttura interna tagħha. Ir-rekwiżit biex jiġi żgurat li l-format ta’ dokumenti u informazzjoni jippermetti t-tiftix jenħtieġ li ma jinkludix firem skennjati jew data oħra li mhix adatta biex tinqara mill-magni. Peress li dan jista’ jirrikjedi bidliet fis-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti tal-Istati Membri, jenħtieġ li jkun hemm perjodu itwal ta’ traspożizzjoni għal dan ir-rekwiżit.

(28)

Sabiex inaqqsu l-ispejjeż u l-piż amministrattiv u t-tul tal-proċeduri fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw il-prinċipju ta’ “darba biss” fil-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji, li huwa stabbilit fl-Unjoni, kif evidenzjat, inter alia, mir-Regolament (UE) 2018/1724, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea u d-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar il-Gvern Elettroniku. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” timplika li l-kumpaniji ma jiġux mitluba jippreżentaw l-istess informazzjoni lill-awtoritajiet pubbliċi iktar minn darba. Pereżempju, jenħtieġ li l-kumpaniji ma jkollhomx għalfejn jippreżentaw l-istess informazzjoni lir-reġistru nazzjonali u lill-gazzetta nazzjonali. Minflok, jenħtieġ li r-reġistru jipprovdi l-informazzjoni diġà ppreżentata direttament lill-gazzetta nazzjonali. Bl-istess mod, meta kumpanija tkun iffurmata fi Stat Membru u tkun trid tirreġistra fergħa fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jkun possibbli għall-kumpanija li tagħmel użu mid-dokumenti jew l-informazzjoni ppreżentati qabel lil reġistru. Barra minn hekk, meta kumpanija tkun iffurmata fi Stat Membru iżda jkollha fergħa fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li jkun possibbli li l-kumpanija tippreżenta ċerti bidliet fl-informazzjoni tal-kumpanija tagħha lir-reġistru ta’ fejn hi reġistrata biss, mingħajr il-bżonn li tippreżenta l-istess informazzjoni lir-reġistru ta’ fejn hi reġistrata l-fergħa. Minflok, informazzjoni bħal bidla f'isem il-kumpanija jew bidla fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija jenħtieġ li tiġi skambjata b'mod elettroniku, bejn ir-reġistru ta’ fejn hi reġistrata l-kumpanija u r-reġistru ta’ fejn hi reġistrata l-fergħa bl-użu tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(29)

Sabiex jiġi żgurat li tkun disponibbli informazzjoni konsistenti u aġġornata dwar il-kumpaniji fl-Unjoni u biex tkompli tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li jkun possibbli li tintuża l-interkonnessjoni tar-reġistri biex tiġi skambjata informazzjoni dwar kwalunkwe tip ta’ kumpanija preżenti fir-reġistri tal-Istati Membri, f'konformità mal-liġi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla li jagħmlu l-kopji elettroniċi tad-dokumenti u tal-informazzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ kumpaniji oħrajn disponibbli anke permezz ta’ dik is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri.

(30)

Fl-interess tat-trasparenza u l-protezzjoni tal-interessi tal-ħaddiema, tal-kredituri u tal-azzjonisti minoritarji u biex jippromwovu l-fiduċja fi tranżazzjonijiet ta’ negozju, inkluż dawk ta’ natura transfruntiera fi ħdan is-suq intern, huwa importanti li investituri, partijiet ikkonċernati, imsieħba fin-negozju u awtoritajiet ikunu jistgħu jaċċessaw b'mod faċli l-informazzjoni ta’ kumpanija. Biex titjieb l-aċċessibbiltà ta’ dik l-informazzjoni, jenħtieġ li aktar informazzjoni tkun disponibbli mingħajr ħlas fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li tali informazzjoni tinkludi l-istatus tal-kumpanija u informazzjoni dwar il-fergħat tagħha fi Stati Membri oħra, kif ukoll informazzjoni dwar il-persuni li, jew bħala korp jew bħala membri ta’ kwalunkwe korp ta’ dan it-tip, huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija. Barra minn hekk, il-prezz biex tinkiseb kopja ta’ kull dokument u informazzjoni, jew ta’ parti minnhom, li jkunu ġew żvelati mill-kumpanija, f'forma stampata jew f'forma elettronika, jenħtieġ li ma jkunx ogħla mill-ispiża amministrattiva tagħhom, inklużi l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-manutenzjoni tar-reġistri, sakemm il-prezz ma jkunx sproporzjonat fir-rigward tal-informazzjoni mitluba.

(31)

Fil-preżent huwa possibbli li l-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ aċċess fakultattivi fir-rigward tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Madankollu, mhuwiex possibbli li l-Kummissjoni tikkonnettja partijiet ikkonċernati oħrajn mas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. Sabiex partijiet ikkonċernati oħrajn jibbenifikaw mill-interkonnessjoni tar-reġistri u jiżguraw li s-sistemi tagħhom iżommu informazzjoni preċiża, aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata tistabbilixxi punti ta’ aċċess addizzjonali. Jenħtieġ li tali punti ta’ aċċess jirreferu għal sistemi żviluppati u operati mill-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni sabiex iwettqu l-funzjonijiet amministrattivi jew biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni.

(32)

Sabiex il-kumpaniji stabbiliti fis-suq intern jiġu megħjuna jespandu l-attività kummerċjali tagħhom b'mod transfruntier u b'mod aktar faċli, jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jiftħu u jirreġistraw fergħat fi Stat Membru ieħor online. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jagħmlu possibbli, b'mod simili għall-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni online tal-fergħat u l-preżentazzjoni online tad-dokumenti u l-informazzjoni, biex b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-ispejjeż, filwaqt li jonqsu l-piż amministrattiv u t-tul ta’ żmien tal-formalitajiet relatati ma’ espansjoni transfruntiera.

(33)

Meta tkun qed tiġi reġistrata fergħa ta’ kumpanija reġistrata fi Stat Membru ieħor, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw ukoll ċerta informazzjoni dwar il-kumpanija permezz ta’ sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Barra minn hekk, fejn fergħa tingħalaq fi Stat Membru wieħed, jenħtieġ li r-reġistru ta’ dak l-Istat Membru jinforma lill-Istat Membru fejn tkun reġistrata l-kumpanija dwar tali għeluq permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, u ż-żewġ reġistri jenħtieġ li jirrekordjaw din l-informazzjoni.

(34)

Biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, huwa neċessarju li titħassar id-dispożizzjoni relatata mal-Kumitat ta’ Kuntatt li m’għadux jeżisti, u li jiġu aġġornati t-tipi ta’ kumpaniji stabbiliti fl-Annessi I u II tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

(35)

Sabiex jiġu akkomodati bidliet futuri fil-liġijiet tal-Istati Membri u fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward tipi ta’ kumpaniji, jenħtieġ li is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista tat-tipi ta’ kumpaniji inkluża fl-Annessi I, II u IIA tad-Direttiva (UE) 2017/1132. Huwa partikolarment importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). b'mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom għandhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(36)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, inklużi l-obbligi għar-reġistrazzjoni tal-kumpaniji, ma jaffettwawx il-liġijiet nazzjonali li jirrigwardaw miżuri tat-taxxa tal-Istati Membri, jew tas-subdiviżjonijiet territorjali u amministrattivi tagħhom.

(37)

Jenħtieġ li s-setgħa tal-Istati Membri li jiċħdu applikazzjonijiet għall-formazzjoni ta’ kumpaniji u r-reġistrazzjoni ta’ fergħat f’każ ta’ frodi jew abbuż, u l-azzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ nfurzar mill-Istati Membri, inkluż mill-pulizija jew minn awtoritajiet kompetenti oħra, ma jiġux affettwati minn din id-Direttiva. Obbligi oħra taħt il-liġi nazzjonali u tal-Unjoni, inklużi dawk li jirriżultaw minn regoli kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u s-sjieda benefiċjarja, jenħtieġ ukoll li jibqgħu mhux milquta. Din id-Direttiva ma tolqotx id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) li tindirizza r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b'mod partikulari l-obbligi relatati mat-twettiq tal-miżuri xierqa ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijent abbażi ta’ sensittività għar-riskju u mal-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tas-sid benefiċjarju ta’ kwalunkwe entità li tkun għadha kemm inħolqot fl-Istat Membru tal-inkorporazzjoni tagħha.

(38)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi applikata b'mod konformi mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u dwar il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali ta’ persuni fiżiċi skont din id-Direttiva għandu jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(39)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fis-26 ta’ Lulju 2018.

(40)

Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu pprovduti aktar soluzzjonijiet diġitali għall-kumpaniji fis-suq intern, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jilħaq dak il-għan.

(41)

f'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (11), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dan it-tip ta’ dokumenti hi ġustifikata.

(42)

Minħabba l-kumplessità tal-bidliet meħtieġa fis-sistemi nazzjonali sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, u d-differenzi sostanzjali attwali bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-użu ta’ għodod u proċessi diġitali f'il-qasam tal-liġi dwar il-kumpaniji, huwa xieraq li jiġi stipulat li jenħtieġ li l-Istati Membri li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari fit-traspożizzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa tagħhom li jibbenefikaw minn estensjoni ta’ mhux aktar minn sena tal-perjodu ta’ implimentazzjoni rilevanti. L-Istati Membri jenħtieġ li jiddikjaraw ir-raġunijiet oġġettivi tagħhom għalfejn applikaw għal tali estensjoni.

(43)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, tat-13 ta’ April 2016, jenħtieġ li din l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta’ effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud, u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għal valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jgħinu fit-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni billi jipprovdu lill-Kummissjoni d-data li jkunu disponibbli għalihom dwar kif qed taħdem fil-prattika l-formazzjoni online, pereżempju data dwar l-għadd ta’ formazzjonijiet online, l-għadd ta’ każijiet li fihom intużaw il-mudelli, jew fejn kienet meħtieġa l-preżenza fiżika, u t-tul ta’ żmien u l-ispejjeż medji tal-formazzjonijiet online.

(44)

L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta’ din id-Direttiva apparagun tal-objettiv li trid tilħaq, u sabiex twettaq evalwazzjoni skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

(45)

Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tiġi emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, jiddaħħal l-inċiż li ġej wara t-tieni inċiż:

“—

ir-regoli dwar il-formazzjoni online tal-kumpaniji, ir-reġistrazzjoni online tal-fergħat tagħhom u dwar il-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni mill-kumpaniji u l-fergħat,”;

(2)

fit-Titolu I, it-titolu tal-Kapitolu III jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Proċeduri online (formazzjoni, reġistrazzjoni u preżentazzjoni), żvelar u reġistri”;

(3)

l-Artikolu 13 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din it-Taqsima u fit-Taqsima 1A għandhom japplikaw għal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Anness II, u, fejn speċifikat, mat-tipi ta’ kumpaniji mniżżla fl-Annessi I u IIA.”;

(4)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 13a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu:

(1)

‘mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser mezz ta’ identifikazzjoni elettronika kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(2)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser skema ta’ identifikazzjoni elettronika kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(3)

‘mezzi elettroniċi’ tfisser tagħmir elettroniku wżat għall-ipproċessar, inkluża l-kompressjoni diġitali, u l-ħżin ta’ data, u li permezz tiegħu l-informazzjoni inizjalment tintbagħat u tasal fid-destinazzjoni tagħha; dik l-informazzjoni tiġi trażmessa, imwassla u riċevuta kompletament b'mod li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri;

(4)

‘formazzjoni’ tfisser il-proċess kollu tal-istabbiliment ta’ kumpanija f'konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż it-tfassil tal-istrument tal-kostituzzjoni tal-kumpanija u l-passi kollha neċessarji għad-dħul ta’ kumpanija fir-reġistru;

(5)

‘reġistrazzjoni ta’ fergħa’ tfisser proċess li jwassal għall-iżvelar tad-dokumenti u tal-informazzjoni relatati ma’ fergħa li tkun għadha kemm infetħet fi Stat Membru;

(6)

‘mudell’ tfisser mudell għall-istrument tal-kostituzzjoni ta’ kumpanija li jkun imfassal mill-Istati Membri b'mod konformi mal-liġi nazzjonali u użat għall-formazzjoni online ta’ kumpanija f'konformità mal-Artikolu 13g.

Artikolu 13b

Rikonoxximent tal-mezzi ta’ identifikazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri online

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li ġejjin jistgħu jintużaw minn applikanti li huma ċittadini tal-Unjoni fil-proċeduri online imsemmija f'dan il-Kapitolu:

(a)

mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika approvata mill-Istat Membru tagħhom stess;

(b)

mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor u rikonoxxut għall-fini tal-awtentikazzjoni transfruntiera skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika meta l-livelli ta’ assigurazzjoni ta’ dawk il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ma jkunux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

3.   Il-mezzi ta’ identifikazzjoni kollha rikonoxxuti mill-Istati Membri għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

4.   Meta jkun ġustifikat għal raġunijiet ta’ interess pubbliku għall-prevenzjoni ta’ użu ħażin jew alterazzjoni tal-identità, l-Istati Membri jistgħu għall-finijiet ta’ verifika tal-identità ta’ applikant jieħdu miżuri li jaf jeħtieġu preżenza fiżika ta’ dak l-applikant quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online imsemmija f'dan il-Kapitolu, inkluż it-tfassil tal-istrument tal-kostituzzjoni ta’ kumpanija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-preżenza fiżika tal-applikant tkun tenħtieġ biss fuq bażi ta’ każ b'każ meta jkun hemm raġunijiet biex tiġi suspettata falsifikazzjoni tal-identità, u li kwalunkwe pass ieħor tal-proċedura jista’ jitlesta online.

Artikolu 13c

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar proċeduri online

1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li, f'konformità mas-sistemi legali u t-tradizzjonijiet legali tal-Istati Membri, jaħtru kwalunkwe awtorità, jew kwalunkwe persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-formazzjoni online ta’ kumpaniji, reġistrazzjoni online tal-fergħat u tal-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni.

2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-proċeduri u r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali, inklużi dawk relatati ma’ proċeduri legali għat-tfassil ta’ strumenti tal-kostituzzjoni, sakemm il-formazzjoni online ta’ kumpanija, kif imsemmi fl-Artikolu 13g, u r-reġistrazzjoni online ta’ fergħa, kif imsemmi fl-Artikolu 28a, kif ukoll il-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 13j u 28b, huma possibbli.

3.   Ir-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali applikabbli li jikkonċernaw l-awtentiċità, il-preċiżjoni, l-affidabbiltà u l-forma ġuridika xierqa tad-dokumenti jew informazzjoni ppreżentati għandhom jibqgħu mhux milquta minn din id-Direttiva, sakemm il-formazzjoni online, kif imsemmi fl-Artikolu 13g, u r-reġistrazzjoni online ta’ fergħa, kif imsemmi fl-Artikolu 28a, kif ukoll il-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikoli 13j u 28b, huma possibbli.

Artikolu 13d

Tariffi għall-proċeduri online

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar it-tariffi applikabbli għall-proċeduri online msemmija f'dan il-Kapitolu jkunu trasparenti u jiġu applikati b'mod nondiskriminatorju.

2.   Kwalunkwe tariffa għal proċeduri online imposta mir-reġistri msemmija fl-Artikolu 16 m’għandhiex teċċedi l-irkupru tal-ispejjeż tal-forniment ta’ tali servizzi.

Artikolu 13e

Pagamenti

Fejn it-tlestija ta’ proċedura stabbilita f'dan il-Kapitolu tirrikjedi pagament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak il-pagament ikun jista’ jsir permezz ta’ servizz ta’ pagament online disponibbli b'mod wiesa’ li jista’ jintuża għal pagamenti transfruntiera, li jippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna li għamlet il-pagament u jiġi pprovdut minn istituzzjoni finanzjarja jew fornitur ta’ servizzi tal-pagament stabbiliti fi Stat Membru.

Artikolu 13f

Rekwiżiti ta’ informazzjoni

L-Istati Membru għandhom jiżguraw li informazzjoni konċiża u faċli biex tintuża, ipprovduta mingħajr ħlas u mill-inqas f'lingwa mifhuma b'mod wiesa’ mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, tkun disponibbli fil-portals jew websites tar-reġistrazzjoni aċċessibbli permezz tal-Gateway Diġitali Unika, biex tassisti fil-formazzjoni tal-kumpaniji u r-reġistrazzjoni tal-fergħat. L-informazzjoni għandha tkopri mill-inqas dan li ġej:

(a)

ir-regoli dwar il-formazzjoni tal-kumpaniji, inklużi l-proċeduri online msemmija fl-Artikoli 13g u 13j, u r-rekwiżiti relatati mal-użu ta’ mudelli u ma’ kwalunkwe dokument ieħor tal-formazzjoni, l-identifikazzjoni tal-persuni, l-użu tal-lingwi u t-tariffi applikabbli;

(b)

ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-fergħat, inklużi l-proċeduri online msemmija fl-Artikoli 28a u 28b, u r-rekwiżiti relatati mad-dokumenti tar-reġistrazzjoni, l-identifikazzjoni tal-persuni u l-użu tal-lingwi;

(c)

ħarsa ġenerali tar-regoli applikabbli dwar kif wieħed isir membru tal-korp amministrattiv, tal-korp maniġerjali jew tal-korp superviżorju ta’ kumpanija, fosthom tar-regoli dwar l-iskwalifika ta’ diretturi u dwar l-awtoritajiet jew korpi responsabbli għaż-żamma tal-informazzjoni dwar diretturi skwalifikati;

(d)

ħarsa ġenerali tas-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-korp amministrattiv, il-korp maniġerjali u l-korp superviżorju ta’ kumpanija, inkluża l-awtorità li tirrappreżenta kumpanija f’negozjati ma’ partijiet terzi.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).”"

(5)

fit-Titolu I, il-Kapitolu III, tiddaħħal it-Taqsima li ġejja:

Taqsima 1A

Formazzjoni online, preżentazzjoni online u żvelar

Artikolu 13g

Formazzjoni online tal-kumpaniji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formazzjoni online tal-kumpaniji tista’ ssir kompletament online mingħajr il-bżonn li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-formazzjoni online tal-kumpaniji, fosthom it-tfassil tal-istrument tal-kostituzzjoni ta’ kumpanija, suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13b(4) u l-paragrafu (8) ta’ dan l-Artikolu.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jipprovdux għal proċeduri ta’ formazzjoni online għal tipi ta’ kumpaniji apparti dawk elenkati fl-Anness IIA.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għall-formazzjoni online tal-kumpaniji, inkluż regoli dwar l-użu ta’ mudelli kif imsemmi fl-Artikolu 13h, u dwar id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa għall-formazzjoni ta’ kumpanija. Bħala parti minn dawk ir-regoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali formazzjoni online tista’ ssir permezz tal-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew informazzjoni f'forma elettronika, inkluż kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16a(4).

3.   Ir-regoli, imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jipprevedu tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-proċeduri biex tiġi żgurata li l-applikanti għandhom il-kapaċità ġuridika neċessarja u għandhom l-awtorità li jirrappreżentaw il-kumpanija;

(b)

il-mezzi għall-verifika tal-identità tal-applikanti f'konformità mal-Artikolu 13b;

(c)

ir-rekwiżiti li l-applikanti jużaw is-servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(d)

il-proċeduri li jivverifikaw il-legalità tal-għan tal-kumpanija safejn verifiki bħal dawn ikunu previsti mil-liġi nazzjonali;

(e)

il-proċeduri li jivverifikaw il-legalità tal-isem tal-kumpanija safejn verifiki bħal dawn ikunu previsti mil-liġi nazzjonali;

(f)

il-proċeduri li jivverifikaw il-ħatra tad-diretturi.

4.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu, b'mod partikolari, jipprevedu wkoll dan li ġej:

(a)

il-proċeduri li jiżguraw il-legalità tal-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija, inkluż il-verifika tal-użu korrett tal-mudelli;

(b)

il-konsegwenzi ta’ skwalifika ta’ direttur mill-awtorità kompetenti fi kwalunkwe Stat Membru;

(c)

ir-rwol ta’ nutar jew ta’ kwalunkwe persuna jew korp ieħor responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittratta kwalunkwe aspett tal-proċess ta’ formazzjoni online ta’ kumpanija;

(d)

l-esklużjoni ta’ formazzjoni online f'każijiet fejn il-kapital tal-ishma tal-kumpanija jitħallas b'kontribuzzjonijiet in natura.

5.   L-Istati Membri m'għadhomx jagħmlu l-formazzjoni online ta’ kumpanija kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel tiġi rreġistrata l-kumpanija, sakemm taħt kundizzjoni ma tkunx indispensabbli għas-sorveljanza xierqa stabbilita fil-liġi nazzjonali ta’ ċerti attivitajiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-pagament ta’ kapital tal-ishma jkun meħtieġ bħala parti mill-proċedura għall-formazzjoni ta’ kumpanija, tali pagament jista’ jsir online, f'konformità mal-Artikolu 13e, lil kont bankarju ta’ bank li jopera fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li prova ta’ pagamenti bħal dawn tista’ tiġi pprovduta online ukoll.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-formazzjoni online titlesta fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, fejn il-kumpanija hija ffurmata esklużivament minn persuni fiżiċi li jużaw il-mudelli msemmija fl-Artikolu 13h, jew fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol f'każijiet oħra, mill-aktar waħda tard minn dawn li ġejjin:

(a)

id-data tat-tlestija għalkollox tal-formalitajiet kollh meħtieġa għall-formazzjoni online, inkluża l-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali, għand awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-formazzjoni ta’ kumpanija;

(b)

id-data tal-pagament ta’ tariffa ta’ reġistrazzjoni, il-pagament fi flus kontanti għall-kapital tal-ishma, jew il-pagament għall-kapital tal-ishma se jsir b'kontribuzzjoni in natura, kif previst taħt il-liġi nazzjonali.

Fejn mhux possibbli li l-proċedura titlesta għalkollox sal-iskadenzi msemmija f'dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi mgħarraf dwar ir-raġunijiet għad-dewmien.

8.   Fejn ġustifikat għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-kapaċità ġuridika u dwar l-awtorità tal-applikanti biex jirrappreżentaw kumpanija, kwalunkwe awtorità jew kwalunkwe persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-formazzjoni online ta’ kumpanija, inkluż it-tfassil tal-istrument tal-kostituzzjoni, jistgħu jitolbu l-preżenza fiżika tal-applikant. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f'dan it-tip ta’ każijiet, il-preżenza fiżika ta’ applikant tista’ tiġi meħtieġa bissabbażi ta’ każ b'każ fejn hemm raġunijiet biex tiġi suspettata nuqqas ta’ konformità mar-regoli msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pass ieħor tal-proċedura xorta jkun jista’ madankollu jitlesta online.

Artikolu 13h

Mudelli għall-formazzjoni online tal-kumpaniji

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu mudelli disponibbli, għat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIA, fuq il-portals jew websites tar-reġistrazzjoni aċċessibbli permezz tal-Gateway Diġitali Unika. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu disponibbli online l-mudelli għall-formazzjoni ta’ tipi oħra ta’ kumpaniji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mudelli, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jintużaw mill-applikanti bħala parti mill-proċedura tal-formazzjoni online imsemmija fl-Artikolu 13g. Meta dawk il-mudelli jintużaw mill-applikanti f'konformità mar-regoli msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 13g(4), ir-rekwiżit li l-istrumenti tal-kostituzzjoni tal-kumpanija jkunu mfasslin u ċċertifikati f'għamla legali xierqa fejn il-kontroll preventiv amministrattiv jew ġudizzjarju ma jkunx previst, kif stabbilit fl-Artikolu 10, għandu jitqies li huwa ssodisfat.

Din id-Direttiva ma għandha taffettwa l-ebda rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali li t-tfassil tal-istrumenti ta’ kostituzzjoni jkunu mfassla f'forma legali xierqa, sakemm il-formazzjoni online msemmija fl-Artikolu 13g hi possibbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-mudelli disponibbli mill-inqas b'lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni li tinftiehem mill-ikbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera. Id-disponibbiltà ta’ mudelli f'lingwi oħra minbarra l-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat għandha tkun għal skopijiet ta’ informazzjoni biss, sakemm dak l-Istat Membru ma jiddeċidix li jkun possibbli ukoll li kumpanija tiġi ffurmata b'mudelli b'tali lingwi oħrajn.

4.   Is-sustanza tal-mudelli għandha tkun irregolata mil-liġi nazzjonali.

Artikolu 13i

Diretturi skwalifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom regoli dwar l-iskwalifika tad-diretturi. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu li jipprovdu għall-possibbiltà li titqies kwalunkwe skwalifika fis-seħħ, jew informazzjoni rilevanti għal skwalifika fi Stat Membru ieħor. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, diretturi għandha tal-anqas tinkludi l-persuni msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 14(d).

2.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuni li japplikaw biex isiru diretturi jiddikjaraw jekk ikunux konxji minn xi ċirkostanzi li jistgħu jwasslu għal skwalifika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw il-ħatra ta’ persuna bħala direttur ta’ kumpanija fejn din il-persuna hija attwalment skwalifikata milli taġixxi bħala direttur fi Stat Membru ieħor.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu kapaċi jwieġbu talba mingħand Stat Membru ieħor għal informazzjoni rilevanti għall-iskwalifika tad-diretturi skont il-liġi tal-Istat Membru li jwieġeb għat-talba.

4.   Sabiex iwieġbu talba msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom tal-anqas jagħmlu l-arranġamenti neċessarji biex jiżguraw li jkunu kapaċi jipprovdu mingħajr dewmien l-informazzjoni dwar jekk persuna partikolari hix skwalifikata jew hix reġistrata f'xi wieħed mir-reġistri tagħhom, li jkun fih informazzjoni rilevanti għall-iskwalifika tad-diretturi, permezz tas-sistema msemmija fl-Artikolu 22. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiskambjaw informazzjoni ulterjuri, bħal pereżempju informazzjoni dwar il-perjodu u r-raġunijiet tal-iskwalifika. Dan l-iskambju għandu jkun regolat mil-liġijiet nazzjonali.

5.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi arranġamenti dettaljati u d-dettalji tekniċi tal-iskambju tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu permess tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 24.

6.   Il-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għal istanzi fejn kumpanija tippreżenta informazzjoni dwar il-ħatra ta’ direttur ġdid fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 16.

7.   Id-data personali tal-persuni msemmija f'dan l-Artikolu għandha tiġi proċessata f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u mal-liġi nazzjonali sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti jew il-persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jivvalutaw l-informazzjoni neċessarja relatata mal-iskwalifika tal-persuna bħala direttur, bil-għan li tiġi prevenuta mġiba frodolenti jew imġiba abbużiva oħra u tiġi żgurata li l-l-persuni kollha li jinteraġixxu ma’ kumpaniji jew fergħat huma protetti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri msemmija fl-Artikolu 16, l-awtoritajiet jew persuni jew korpi responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-proċeduri online ma jaħżnux id-data personali trażmessa għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għal żmien itwal milli neċessarju, u fi kwalunkwe każ mhux għal żmien itwal minn dak tal-ħżin ta’ kwalunkwe data personali relatata mal-formazzjoni ta’ kumpanija, ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa jew il-preżentazzjoni minn kumpanija jew fergħa.

Artikolu 13j

Preżentazzjoni online tad-dokumenti u l-informazzjoni ta’ kumpanija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 14, inkluż kwalunkwe modifika tagħhom, ikunu jistgħu jiġu preżentati online lir-reġistru fil-limitu ta’ żmien previst mil-liġijiet tal-Istat Membru fejn hija reġistrata l-kumpanija. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali preżentazzjoni tista’ ssir online mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikant jidher fiżikament quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw il-preżentazzjoni online, suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13b(4) u fejn japplika, l-Artikolu 13g(8).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oriġini u l-integrità tad-dokumenti preżentati online tista’ tiġi vverifikata b'mod elettroniku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li ċerti kumpaniji jew li l-kumpaniji kollha jippreżentaw id-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1, jew uħud minnhom, online.

4.   L-Artikolu 13g (2) sa (5) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-preżentazzjoni online ta’ dokumenti u informazzjoni.

5.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu jippermettu forom oħra ta’ preżentazzjoni barra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż b’mezzi elettroniċi jew stampati, minn kumpaniji, nutara jew minn kwalunkwe persuna jew korp oħra responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittratta tali forom ta’ preżentazzjonijiet.”;

(6)

L-Artikolu 16 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 16

Żvelar fir-reġistru

1.   f'kull Stat Membru, għandu jinfetaħ fajl f'reġistru ċentrali, kummerċjali jew tal-kumpaniji (‘ir-reġistru’), għal kull waħda mill-kumpaniji reġistrati fih.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom identifikatur uniku Ewropew (‘EUID’), imsemmi fil-punt (8) tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/884 (*2), li jippermettilhom li jiġu identifikati bla ekwivoku fil-komunikazzjonijiet bejn ir-reġistri permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita skont l-Artikolu 22 (‘is-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri’). Dak l-identifikatur uniku għandu jinkludi, tal-anqas, elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tar-reġistru, ir-reġistru domestiku ta’ oriġini u n-numru tal-kumpanija f'dak ir-reġistru u, fejn xieraq, karatteristiċi sabiex ikunu evitati żbalji tal-identifikazzjoni.

2.   Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li huma meħtieġa li jiġu żvelati skont l-Artikolu 14 għandhom jinżammu fil-fajl imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew jiddaħħlu direttament fir-reġistru, u s-suġġett tal-entrati fir-reġistru għandu jiġi rrekordjat fil-fajl.

Id-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14, irrispettivament mill-mezzi li permezz tagħhom jiġu preżentati, għandhom jinżammu fil-fajl fir-reġistru jew jiddaħħlu dirett fih f'forma elettronika. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistru jibdel dawk id-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu ppreżentati f'forma stampata, f'forma elettronika mill-aktar fis possibbli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 li ġew preżentati f'forma stampata qabel il-31 ta’ Diċembru 2006 jiġu kkonvertiti f'forma elettronika mir-reġistru mal-wasla ta’ applikazzjoni għal żvelar ippreżentata f'forma elettronika.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iżvelar tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 isir billi jiġu magħmula pubblikament disponibbli fir-reġistru. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw ukoll dawk id-dokumenti u dik l-informazzjoni kollha jew uħud minnhom fil-gazzetta nazzjonali nnominata għal dak l-għan jew b'mezzi ugwalment effettivi. Dawk il-mezzi għandhom jinvolvu mill-inqas l-użu ta’ sistema li permezz tagħha d-dokument u l-informazzjoni ppubblikata tista’ tiġi aċċessata f'ordni kronoloġiku permezz ta’ pjattaforma elettronika ċentrali. f'tali każijiet, ir-reġistru għandu jiżgura li dawk id-dokumenti u l-informazzjoni jintbagħtu b'mod elettroniku mir-reġistru lill-gazzetta nazzjonali jew lil pjattaforma elettronika ċentrali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe diskrepanza bejn dak li hemm fir-reġistru u fil-fajl.

L-Istati Membri li jeħtieġu l-pubblikazzjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni f'gazzetta nazzjonali jew fuq pjattaforma elettronika ċentrali għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw kwalunkwe diskrepanza bejn dak li jiġi żvelat f'konformità mal-paragrafu 3 u dak li jiġi ppubblikat fil-gazzetta jew fuq il-pjattaforma.

f'każijiet ta’ kwalunkwe diskrepanza skont dan l-Artikolu, id-dokumenti u l-informazzjoni disponibbli fir-reġistru għandhom jipprevalu.

5.   Id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 jistgħu jintużaw mill-kumpanija kontra partijiet terzi unikament wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li dawk il-partijiet terzi kienu jafu biha.

Madankollu, rigward tranżazzjonijiet li jsiru qabel is-sittax-il jum wara li jiġu żvelati, id-dokumenti u l-informazzjoni m'għandhomx jintużaw kontra partijiet terzi li jkunu taw prova li kien impossibbli għalihom li jkunu jafu bihom.

Partijiet terzi jistgħu dejjem jużaw kwalunkwe dokument u informazzjoni li fir-rigward tagħhom, il-formalitajiet tal-iżvelar ikunu għadhom ma ġewx kompluti, ħlief meta n-nuqqas ta’ żvelar ta’ tali dokumenti jew informazzjoni jikkawża li ma jkollhomx effett.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha ppreżentati bħala parti mill-formazzjoni ta’ kumpanija, ir-reġistrazzjoni ta’ fergħa, jew preżentazzjoni minn kumpanija jew fergħa, jinħażnu mir-reġistri f'format li jinqara mill-magni u li tista’ tfittex fih jew bħala data strutturata.”;

(*2)  ‘Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/884 tat-8 ta’ Ġunju 2015 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-proċeduri meħtieġa għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri stabbilita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 144, 10.6.2015, p. 1).’"

(7)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Aċċess għal informazzjoni żvelata

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kopji ta’ kull dokument u informazzjoni jew ta’ kwalunkwe parti minnhom, imsemmija fl-Artikolu 14, jistgħu jinkisbu mir-reġistru mal-applikazzjoni, u li tali applikazzjoni tista’ tiġi preżentata lir-reġistru f'forma stampata jew elettronika.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ċerti tipi jew partijiet tad-dokumenti u l-informazzjoni li ġew preżentati f'forma stampata fil-31 ta’ Diċembru 2006 jew qabel, ma jistgħux jinkisbu f'forma elettronika fejn ikun għadda perjodu speċifikat bejn id-data tal-preżentazzjoni u d-data tal-applikazzjoni. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin.

2.   Il-prezz biex tinkiseb kopja tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 14 jew ta’ parti minnhom, f'forma stampata jew elettronika, m'għandux ikun ogħla mill-ispiża amministrattiva tagħhom, inklużi l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-manutenzjoni tar-reġistri.

3.   Kopji elettroniċi u stampati li jingħataw lil applikant għandhom ikunu ċċertifikati bħala ‘kopji veri’ sakemm l-applikant jiddikjara li ma jeħtieġx dik iċ-ċertifikazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kopji u siltiet elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni pprovduti mir-reġistru ġew awtentikati permezz tas-servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, sabiex ikun garantit li l-kopji jew siltiet elettroniċi ġew ipprovduti mir-reġistru u li l-kontenut tagħhom huwa kopja veru tad-dokument miżmum mir-reġistru jew li hu konsistenti mal-informazzjoni li fih.”;

(8)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun magħmula disponibbli informazzjoni aġġornata li tispjega d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li skonthom il-partijiet terzi jistgħu jużaw l-informazzjoni u kull tip ta’ dokument imsemmi fl-Artikolu 14, skont l-Artikolu 16(3), (4) u (5).”;

(9)

l-Artikolu 18 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-kopji f'forma elettronika tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 għandhom ikunu wkoll disponibbli pubblikament permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 disponibbli wkoll għal tipi ta’ kumpaniji oħra apparti dawk elenkati fl-Anness II.”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14, inkluż għal tipi ta’ kumpaniji oħra apparti dawk elenkati fl-Anness II, fejn tali dokumenti jiġu magħmula disponibbli mill-Istati Membri;”;

(10)

l-Artikolu 19 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 19

Tariffi li jistgħu jiġu imposti għal dokumenti u informazzjoni

1.   It-tariffi imposti għall-kisba tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri m'għandhomx ikunu ogħla mill-ispejjeż amministrattivi tagħhom, inklużi l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-manutenzjoni tar-reġistri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tal-anqas l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin ikunu disponibbli mingħajr ħlas permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri:

(a)

l-isem jew l-ismijiet u l-forma ġuridika tal-kumpanija;

(b)

l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija u l-Istat Membru fejn hu rreġistrat;

(c)

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija u l-EUID tagħha;

(d)

id-dettalji tal-website tal-kumpanija, fejn dettalji bħal dawn huma mdaħħlin fir-reġistru nazzjonali;

(e)

l-istatus tal-kumpanija, bħal meta hija magħluqa, maqtugħa mir-reġistru, likwidata, xolta, ekonomikament attiva jew inattiva kif definit mil-liġi nazzjonali u fejn ikun imniżżel fir-reġistri nazzjonali;

(f)

l-għan tal-kumpanija, fejn huwa rrekordjat fir-reġistru nazzjonali;

(g)

id-dettalji ta’ kwalunkwe persuna, li jew bħala korp jew bħala membru ta’ kwalunkwe korp ta’ dan it-tip, bħalissa hija awtorizzata mill-kumpanija biex tirrappreżentaha f'negozjati ma’ partijiet terzi u fi proċedimenti legali u informazzjoni rigward jekk il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentaw il-kumpanija jistgħux jagħmlu dan waħedhom jew humiex meħtieġa jaġixxu b'mod konġunt;

(h)

informazzjoni dwar kwalunkwe fergħa miftuħa mill-kumpanija fi Stat Membru ieħor inkluż l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-EUID u l-Istat Membru fejn hija reġistrata l-fergħa.

3.   L-iskambju ta’ kwalunkwe informazzjoni permezz tas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandu jkun mingħajr ħlas għar-reġistri.

4.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (f) għandha ssir disponibbli mingħajr ħlas għall-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra biss.”;

(11)

l-Artikolu 20(3) huwa mħassar;

(12)

l-Artikolu 22 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi wkoll punti ta’ aċċess fakultattivi għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri. Tali punti ta’ aċċess għandhom jikkonsistu f'sistemi żviluppati u operati mill-Kummissjoni jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni sabiex iwettqu l-funzjonijiet amministrattivi tagħhom jew jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri mingħajr dewmien indebitu dwar l-istabbiliment ta’ tali punti ta’ aċċess u dwar kwalunkwe bidla sinifikanti fl-operat tagħhom.”;

(b)

il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-aċċess għall-informazzjoni mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri għandu jkun ipprovdut permezz tal-portal u permezz tal-punti ta’ aċċess fakultattivi stabbiliti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.”;

(13)

l-Artikolu 24 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (d) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(d)

l-ispeċifikazzjoni teknika li tiddefinixxi l-metodi ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistru tal-kumpanija u r-reġistru tal-fergħa kif imsemmi fl-Artikoli 20, 28a, 28c, 30a u 34;”;

(b)

il-punt (e) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

il-lista dettaljata ta’ data li għandha tiġi trażmessa għall-fini ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn ir-reġistri, kif imsemmi fl-Artikoli 20, 28a, 28c, 30a, 34 u 130;”;

(c)

il-punt (n) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(n)

il-proċedura u r-rekwiżiti tekniċi għall-konnessjoni tal-punti ta’ aċċess fakultattivi mal-pjattaforma kif imsemmi fl-Artikolu 22;”;

(d)

jiżdied il-punt li ġej:

“(o)

l-arranġamenti dettaljati għal u d-dettalji tekniċi tal-iskambju bejn ir-reġistri tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13i.”;

(e)

fi tmiem l-Artikolu, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni konformi mal-punti (d), (e), (n) u (o) sal-1 ta’ Frar 2021.”;

(14)

fit-Titolu I, il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, it-titolu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

Regoli ta’ reġistrazzjoni u żvelar applikabbli għall-fergħat ta’ kumpaniji minn Stati Membri oħra ”;

(15)

fit-Titolu I, il-Kapitolu III, it-Taqsima 2, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 28a

Reġistrazzjoni online tal-fergħat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni ta’ fergħa ta’ kumpanija fi Stat Membru, li hija regolata mil-liġi ta’ Stat Membru ieħor, tista’ ssir online kompletament mingħajr il-bżonn li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem kwalunkwe awtorità jew kwalunkwe persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-fergħat, suġġett għall-Artikolu 13b(4) u mutatis mutandis għall-Artikolu 13g(8).

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni online ta’ fergħat, inkluż regoli dwar id-dokumenti u l-informazzjoni li jeħtieġ li jiġu preżentati lil awtorità kompetenti. Bħala parti minn dawn ir-regoli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni online tista’ ssir billi l-informazzjoni jew dokumenti jiġu preżentati f'forma elettronika, inkluż kopji elettroniċi tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16a(4), jew billi jintużaw l-informazzjoni jew dokumenti ppreżentati qabel lil reġistru.

3.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jipprevedu tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-proċeduri biex jiġi żgurat li l-applikanti għandhom il-kapaċità ġuridika neċessarja u li għandhom l-awtorità li jirrappreżentaw il-kumpanija;

(b)

il-mezzi għall-verifika tal-identità tal-persuna jew persuni li qed jirreġistraw il-fergħa, jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(c)

ir-rekwiżiti għall-applikanti biex jużaw is-servizzi fiduċjarji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 910/2014.

4.   Ir-regoli msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jipprevedu wkoll il-proċeduri li ġejjin biex:

(a)

issir verifika tal-legalità tal-għan tal-fergħa;

(b)

issir verifika tal-isem tal-fergħa;

(c)

issir verifika tal-legalità tad-dokumenti u l-informazzjoni ppreżentati għar-reġistrazzjoni tal-fergħa;

(d)

jiġi previst ir-rwol ta’ nutar jew ta’ kwalunkwe persuna jew korp ieħor involuti fil-proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ fergħa taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli.

5.   L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw l-informazzjoni dwar il-kumpanija permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri meta tkun qed tiġi reġistrata fergħa ta’ kumpanija stabbilita fi Stat Membru ieħor.

L-Istati Membri m'għandhomx jagħmlu r-reġistrazzjoni online ta’ fergħa kundizzjonali fuq il-kisba ta’ kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni qabel tiġi rreġistrata l-fergħa, sakemm tali kondizzjonijiet tkun indispensabbli għas-superviżjoni xierqa stabbilita fil-liġi nazzjonali ta’ ċerti attivitajiet.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistrazzjoni online ta’ fergħa titlesta għalkollox fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mit-tlestija għalkollox tal-formalitajiet kollha, inkluża l-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni kollha neċessarji li jikkonformaw mal-liġi nazzjonali għand awtorità jew għand persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali biex jittrattaw kwalunkwe aspett tar-reġistrazzjoni ta’ fergħa.

Fejn mhuwiex possibbli li fergħa tiġi reġistrata sal-iskadenzi msemmija f'dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikant jiġi mgħarraf dwar ir-raġunijiet għad-dewmien.

7.   Wara r-reġistrazzjoni ta’ fergħa ta’ kumpanija stabbilita taħt il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor, ir-reġistru ta’ dik il-fergħa tal-Istat Membru fejn hija reġistrata l-fergħa għandu jinnotifika lill-Istat Membru fejn hija reġistrata l-kumpanija dwar ir-reġistrazzjoni tal-fergħa permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri. L-Istat Membru fejn hija reġistrata l-kumpanija għandu jirrikonoxxi l-wasla ta’ din in-notifika u għandu jdaħħal l-informazzjoni fir-reġistru tiegħu mingħajr dewmien.

Artikolu 28b

Preżentazzjoni online tad-dokumenti u l-informazzjoni għall-fergħat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30 jew kwalunkwe modifika tagħhom jistgħu jiġu preżentati online fil-perjodu previst mil-liġijiet tal-Istat Membru fejn hi stabbilita l-fergħa. L-Istati Membru għandhom jiżguraw li tali preżentazzjoni tista’ ssir online mill-bidu sal-aħħar mingħajr il-bżonn li l-applikanti jidhru fiżikament quddiem kwalunkwe awtorità jew persuna jew korp responsabbli taħt il-liġi nazzjonali li jittrattaw l-preżentazzjoni online, suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13b(4) u mutatis mutandis fl-Artikolu 13g(8).

2.   L-Artikolu 28a (2) sa (5) għandu japplikamutatis mutandis għall-preżentazzjoni online għall-fergħat.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li d-dokumenti u l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1, jew uħud minnhom, jiġu preżentati online biss.

Artikolu 28c

Għeluq ta’ fergħat

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mal-wasla tad-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 30(1), ir-reġistru ta’ Stat Membru fejn hija reġistrata fergħa ta’ kumpanija jinforma, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, lir-reġistru ta’ Stat Membru fejn hija reġistrata l-kumpanija li l-fergħa tagħha ngħalqet u titneħħa mir-reġistru. Ir-reġistru tal-Istat Membru tal-kumpanija għandu jirrikonoxxi l-wasla ta’ din in-notifika, ukoll permezz ta’ dik is-sistema u għandu jdaħħal l-informazzjoni mingħajr dewmien.”;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 30a

Bidliet fid-dokumenti u l-informazzjoni tal-kumpanija

L-Istat Membru fejn hija reġistrata kumpanija għandu jinnotifika, mingħajr dewmien u permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, lill-Istat Membru fejn hija reġistrata reġistrata fergħa ta’ kumpanija, fil-każ li tiġi preżentata bidla fir-rigward ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

isem il-kumpanija;

(b)

l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija;

(c)

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija fir-reġistru;

(d)

il-forma ġuridika tal-kumpanija;

(e)

id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 14.

Mal-wasla tan-notifika msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, ir-reġistru li fih il-fergħa hija reġistrata għandu, permezz tas-sistema tal-interkonnessjoni tar-reġistri, jirrikonoxxi l-wasla ta’ din in-notifika u għandu jiżgura li d-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 30(1) jiġu aġġornati mingħajr dewmien.”;

(17)

fl-Artikolu 31, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-iżvelar obbligatorju tad-dokumenti tal-kontijiet imsemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 30(1) jista’ jiġi kkunsidrat imwettaq mill-iżvelar fir-reġistru tal-Istat Membri fejn hi reġistrata l-kumpanija skont il-punt (f) tal-Artikolu 14.”;

(18)

l-Artikolu 43 jitħassar;

(19)

l-Artikolu 161 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 161

Protezzjoni tad-data

L-ipproċessar ta’ kwalunkwe data personali mwettaq fil-kuntest ta’ din id-Direttiva se jkun suġġett għar-Regolament (UE) 2016/679.”;

(20)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 162a

Emendi għall-Annessi

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla fit-tipi ta’ kumpaniji b'responsabbiltà limitata previsti fil-liġi nazzjonali tagħhom li tolqot il-kontenuti tal-Annessi I, II u IIA.

Fejn Stat Membru jinforma lill-Kummissjoni skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadatta l-lista tat-tipi ta’ kumpaniji inkluża fl-Annessi I, II u IIA f'konformità mal-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 163.”;

(21)

l-Artikolu 163 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 163

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 162a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat mil-31 ta’ Lulju 2019.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 25(3) u fl-Artikolu 162a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Din m'għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 25(3) jew l-Artikolu 162a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(22)

fl-Anness I, is-sebgħa u għoxrin inċiż jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“—

:

L-Iżvezja

:

publikt aktiebolag;”;

(23)

fl-Anness II, is-sebgħa u għoxrin inċiż jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“—

:

L-Iżvezja

:

privat aktiebolag

publikt aktiebolag;”;

(24)

jiddaħħal l-Anness IIA, kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ Awwissu 2021. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-punt (5) tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, fir-rigward tal-Artikolu 13i u l-Artikolu 13j(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, u l-punt (6) tal-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, fir-rigward tal-Artikolu 16(6) tad-Direttiva (UE) 2017/1132, sal-1 ta’ Awwissu 2023.

3.   b'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li jkollhom diffikultajiet partikolari biex jittrasponu din id-Direttiva għandhom ikunu intitolati li jibbenefikaw minn estensjoni tal-perjodu previst fil-paragrafu 1 ta’ mhux aktar minn sena. Huma għandhom jipprovdu raġunijiet oġġettivi għall-ħtieġa ta’ estensjoni bħal din. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu tali estensjoni sal-1 ta’ Frar 2021.

4.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandha ssir dik ir-referenza.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Rappurtar, rieżamiu ġbir ta’ data

1.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2024, jew jekk xi Stat Membru jagħmel użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 2(3) mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2025, twettaq evalwazzjoni tad-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva fid-Direttiva (UE) 2017/1132 u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, għajr fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), li għalihom l-evalwazzjoni u dan ir-rapport għandhom jitwettqu mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2026.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni neċessarja għall-preparazzjoni tar-rapporti, jiġifieri billi tipprovdi d-data dwar l-għadd ta’ reġistrazzjonijiet online u l-ispejjeż relatati.

2.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jevalwa, inter alia, dan li ġej:

(a)

il-fattibbiltà tal-provvediment ta’ reġistrazzjoni kompletament online tat-tipi ta’ kumpaniji apparti dawk elenkati fl-Anness IIA;

(b)

il-fattibbiltà tal-provvediment ta’ mudelli mill-Istati Membri għat-tipi kollha ta’ kumpaniji b'responsabbiltà limitata u l-bżonn u l-fattibbiltà tal-provvediment ta’ mudell armonizzat madwar l-Unjoni li se jintuża mill-Istati Membri kollha għat-tipi ta’ kumpaniji elenkati fl-Anness IIA;

(c)

l-esperjenza prattika tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-iskwalifika tad-diretturi msemmija fl-Artikolu 13i;

(d)

il-metodi tal-preżentazzjoni online u tal-aċċess online, inkluż l-użu ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet;

(e)

il-ħtieġa u l-fattibbiltà li iktar informazzjoni issir disponibbli mingħajr ħlas minn dak meħtieġ fl-Artikolu 19(2) u li jkun żgurat aċċess mingħajr xkiel għal tali informazzjoni;

(f)

il-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’ applikazzjoni ulterjuri tal-prinċipju ta’ “darba biss.”

3.   Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposti għal emendi tad-Direttiva (UE) 2017/1132.

4.   Bl-għan li tkun provduta evalwazzjoni affidabbli tad-dispożizzjonijiet introdotti minn din id-Direttiva fid-Direttiva (UE) 2017/1132, l-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar kif il-formazzjoni online qed taħdem fil-prattika. Normalment, din l-informazzjoni għandha tinkludi l-għadd ta’ formazzjonijiet online, l-għadd ta’ każijiet li fihom intużaw il-mudelli jew fejn kienet meħtieġa l-preżenza fiżika, u l-medja tat-tul ta’ żmien u tal-ispejjeż tal-formazzjonijiet online. Huma għandhom jinnotifikaw din l-informazzjoni lill-Kummissjoni darbtejn, mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tat-traspożizzjoni.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 24.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tt-13 ta’ Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 fir-rigward tad-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

“ANNESS IIA

TIPI TA' KUMPANIJI

MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 13, 13f, 13g, 13h u 162a

:

Il-Belġju

:

société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid,

société privée à responsabilité limitée unipersonnelle/Eenpersoons besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

:

Il-Bulgarija

:

дружество с ограничена отговорност,

еднолично дружество с ограничена отговорност;

:

Ir-Repubblika Ċeka

:

společnost s ručením omezeným;

:

Id-Danimarka

:

Anpartsselskab;

:

Il-Ġermanja

:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

:

L-Estonja

:

osaühing;

:

L-Irlanda

:

private company limited by shares or by guarantee/cuideachta phríobháideach faoi theorainn scaireanna nó ráthaíochta,

designated activity company/cuideachta ghníomhaíochta ainmnithe;

:

Il-Greċja

:

εταιρεία περιορισμένης ευθύνης,

ιδιωτική κεφαλαιουχική εταιρεία;

:

Spanja

:

sociedad de responsabilidad limitada;

:

Franza

:

société à responsabilité limitée,

entreprise unipersonnelle à responsabilité limitée,

société par actions simplifiée,

société par actions simplifiée unipersonnelle;

:

Il-Kroazja

:

društvo s ograničenom odgovornošću,

jednostavno društvo s ograničenom odgovornošću;

:

L-Italja

:

società a responsabilità limitata,

società a responsabilità limitata semplificata;

:

Ċipru

:

ιδιωτική εταιρεία περιορισμένης ευθύνης με μετοχές ή/και με εγγύηση;

:

Il-Latvja

:

sabiedrība ar ierobežotu atbildību;

:

Il-Litwanja

:

uždaroji akcinė bendrovė;

:

Il-Lussemburgu

:

société à responsabilité limitée;

:

L-Ungerija

:

korlátolt felelősségű társaság;

:

Malta

:

private limited liability company/kumpannija privata;

:

In-Netherlands

:

besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

:

L-Awstrija

:

Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

:

Il-Polonja

:

spółka z ograniczoną odpowiedzialnością;

:

Il-Portugall

:

sociedade por quotas;

:

Ir-Rumanija

:

societate cu răspundere limitată;

:

Is-Slovenja

:

družba z omejeno odgovornostjo;

:

Is-Slovakkja

:

spoločnosť s ručením obmedzeným;

:

Il-Finlandja

:

yksityinen osakeyhtiö/privat aktiebolag;

:

L-Iżvezja

:

privat aktiebolag;

:

Ir-Renju Unit

:

private company limited by shares or guarantee.”


Top