Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019L0713

    Direttiva (UE) 2019/713 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI

    PE/89/2018/REV/3

    ĠU L 123, 10.5.2019, p. 18–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/713/oj

    10.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 123/18


    DIRETTIVA (UE) 2019/713 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-17 ta' April 2019

    dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma theddid għas-sigurtà, peress li jirrappreżentaw sors ta' dħul għall-kriminalità organizzata u b'hekk jippermettu t-twettiq ta' attivitajiet kriminali oħrajn bħat-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi u t-traffikar tal-bnedmin.

    (2)

    Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma wkoll ostakli għas-suq uniku diġitali, peress li jdgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi u jikkawżaw telf ekonomiku dirett.

    (3)

    Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI (3) jenħtieġ li tiġi aġġornata u komplementata sabiex tinkludi dispożizzjonijiet ulterjuri dwar reati b'mod partikolari fir-rigward ta' frodi relatata mal-kompjuters, u dwar pieni, prevenzjoni, assistenza lill-vittmi u kooperazzjoni transfruntiera.

    (4)

    Lakuni u differenzi sinifikanti fil-liġijiet tal-Istati Membri fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jistgħu jostakolaw il-prevenzjoni, l-iskoperta u s-sanzjonar ta' dawk it-tipi ta' kriminalità u ta' kriminalità organizzata u serja oħra relatata magħhom u ffaċilitata permezz tagħhom, u jikkumplikaw aktar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja u b'hekk jagħmluha inqas effettiva, b'konsegwenzi negattivi għas-sigurtà.

    (5)

    Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti għandhom dimensjoni transfruntiera sinifikanti, aċċentwata minn żieda dejjem tikber fil-komponent diġitali, li tenfasizza l-ħtieġa għal aktar azzjoni biex tiġi approssimata l-leġislazzjoni kriminali fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti.

    (6)

    L-aħħar snin ma ġabux biss żieda esponenzjali fl-ekonomija diġitali iżda anke proliferazzjoni ta' innovazzjoni f'ħafna oqsma, inkluż fit-teknoloġiji tal-pagament. It-teknoloġiji l-ġodda ta' pagament jinvolvu l-użu ta' tipi ġodda ta' strumenti ta' pagament, li, filwaqt li joħolqu opportunitajiet ġodda għall-konsumaturi u għan-negozji, iżidu wkoll l-opportunitajiet għall-frodi. Għaldaqstant, il-qafas legali għandu jibqa' rilevanti u aġġornat fl-isfond ta' dawk l-iżviluppi teknoloġiċi abbażi ta' approċċ teknoloġikament newtrali.

    (7)

    Il-frodi mhux biss tintuża sabiex tiffinanzja gruppi kriminali, iżda hija tillimita wkoll l-iżvilupp tas-suq uniku diġitali u tagħmilha aktar bi tqila għaċ-ċittadini biex jagħmlu xiri online.

    (8)

    Id-definizzjonijiet komuni fl-oqsma tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti huma importanti sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti mill-Istati Membri fl-applikazzjoni tagħhom ta' din id-Direttiva u sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li d-definizzjonijiet ikopru tipi ġodda ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti li jippermettu trasferimenti ta' flus elettroniċi u muniti virtwali. Jenħtieġ li d-definizzjoni ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti tirrikonoxxi li l-istrument ta' pagament mhux bi flus kontanti jista' jkun magħmul ukoll minn elementi differenti li joperaw flimkien, pereżempju applikazzjoni għal pagament b'mezz mobbli u awtorizzazzjoni korrispondenti (eż. password). Fejn din id-Direttiva tuża l-kunċett ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti, jenħtieġ li jinftiehem li l-istrument iqiegħed lid-detentur jew lill-utent tal-istrument f'pożizzjoni li jkun jista' fil-fatt jittrasferixxi flus jew valur monetarju jew li jagħti bidu għal ordni ta' pagament. Pereżempju, jenħtieġ li l-kisba illegali ta' applikazzjoni għal pagament b'mezz mobbli mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa ma tkunx meqjusa bħala kisba illegali ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti peress li fil-fatt ma tippermettix li l-utent jittrasferixxi flus jew valur monetarju.

    (9)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti biss sa fejn hija kkonċernata l-funzjoni ta' pagament tal-istrument.

    (10)

    Jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri l-muniti virtwali biss sa fejn dawn jistgħu jintużaw komunement għat-twettiq ta' pagamenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu mħeġġa jiżguraw fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-muniti futuri ta' natura virtwali maħruġa mill-banek ċentrali tagħhom jew minn awtoritajiet pubbliċi oħrajn igawdu mill-istess livell ta' protezzjoni kontra reati frodulenti bħall-mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti b'mod ġenerali. Jenħtieġ li l-kartieri diġitali li jippermettu t-trasferiment ta' muniti virtwali jiġu koperti minn din id-Direttiva sal-istess livell bħall-istrumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti. Id-definizzjoni tat-terminu “mezzi ta' skambju diġitali” jenħtieġ li tirrikonoxxi li l-kartieri diġitali għat-trasferiment ta' muniti virtwali jistgħu jipprovdu, iżda mhux neċessarjament jipprovdu, il-karatteristiċi ta' strument ta' pagament, u jenħtieġ li ma testendix id-definizzjoni ta' strument ta' pagament.

    (11)

    Jenħtieġ li t-trasmissjoni ta' fatturi foloz biex jinkisbu kredenzjali ta' pagament tkun ikkunsidrata bħala tentattiv ta' approprjazzjoni illegali li jaqa' taħt din id-Direttiva.

    (12)

    Permezz tal-liġi kriminali biex tingħata protezzjoni legali primarjament lil strumenti ta' pagament li jużaw forom speċjali ta' protezzjoni kontra l-imitazzjoni jew l-abbuż, l-intenzjoni hi li l-operaturi jiġu mħajra jipprovdu tali forom speċjali ta' protezzjoni lil strumenti ta' pagament maħruġa minnhom.

    (13)

    Miżuri effettivi u effiċjenti tal-liġi kriminali huma essenzjali għall-protezzjoni tal-mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni. B'mod partikolari, hemm bżonn ta' approċċ komuni mil-liġi kriminali fir-rigward tal-elementi kostitwenti ta' mġiba kriminali li jikkontribwixxu jew iħejju t-triq għall-użu frodulenti fil-prattika ta' mezz ta' pagament bi flus kontanti. Għalhekk l-imġiba bħall-ġbir u l-pussess ta' strumenti ta' pagament b'intenzjoni li ssir frodi, pereżempju permezz ta' phishing, skimming, jew id-direzzjonar jew id-direzzjonar mill-ġdid ta' utenti ta' servizzi ta' pagament lejn siti web li jkunu imitazzjoni, u d-distribuzzjoni tagħhom, pereżempju permezz tal-bejgħ ta' informazzjoni dwar karti ta' kreditu fuq l-Internet, jenħtieġ li ssir reat kriminali fiha nnifisha mingħajr ma teħtieġ l-użu frodulenti fil-prattika ta' mezz ta' pagament bi flus kontanti. Għalhekk jenħtieġ li tali mġiba kriminali tkopri wkoll ċirkostanzi fejn il-pussess, l-akkwist jew id-distribuzzjoni mhux neċessarjament iwasslu għall-użu frodulenti ta' tali strumenti ta' pagament. Madankollu, fejn din id-Direttiva tikkriminalizza l-pussess jew iż-żamma, jenħtieġ li matikkriminalizzax is-sempliċi ommissjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tissanzjonax l-użu leġittimu ta' strument ta' pagament, inkluż, u relattivament għal, il-forniment ta' servizzi ta' pagament innovattivi, bħal servizzi li spiss jiġu żviluppati minn kumpanniji tat-teknoloġija finanzjarja.

    (14)

    Fir-rigward tar-reati kriminali msemmija f'din id-Direttiva, il-kunċett ta' intenzjoni japplika għall-elementi kollha li jikkostitwixxu dawk ir-reati kriminali f'konformità mal-liġi nazzjonali. Huwa possibbli li n-natura intenzjonali tal-att, kif ukoll kwalunkwe għarfien jew fini meħtieġ bħala element tar-reat, jiġu inferiti minn ċirkostanzi fattwali u oġġettivi. Jenħtieġ li r-reati kriminali li ma jirrikjedux intenzjoni ma jkunux koperti minn din id-Direttiva.

    (15)

    Din id-Direttiva tirreferi għall-forom klassiċi tal-imġiba, bħall-frodi, il-falsifikazzjoni, is-serq u l-approprjazzjoni illegali li kienu diġà ġew formulati mil-liġi nazzjonali qabel l-era tad-diġitalizzazzjoni. L-ambitu estiż ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' strumenti mhux korporali ta' pagament jeħtieġ għalhekk id-definizzjoni ta' forom ekwivalenti ta' mġiba fl-isfera diġitali, li jikkomplementaw u jsaħħu lid-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jenħtieġ li l-kisba illegali ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti tkun reat kriminali, tal-inqas meta din tkun tinvolvi t-twettiq ta' wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 2013/40/UE jew il-miżapproprjazzjoni ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti. Jenħtieġ li t-terminu “miżapproprjazzjoni” jinftiehem li jfisser l-azzjoni ta' persuna, fdata bi strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti, biex tuża konxjament l-istrument mingħajr id-dritt li tagħmel dan, għall-benefiċċju tagħha stess jew għall-benefiċċju ta' xi ħadd ieħor. L-akkwist għall-użu frodulenti ta' tali strument miksub illegalment għandu jkun punibbli, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti l-elementi fattwali kollha tal-kisba illegali, u mingħajr ma tkun meħtieġa l-eżistenza ta' kundanna preċedenti jew simultanja għar-reat prinċipali li jkun wassal għall-kisba illegali.

    (16)

    Din id-Direttiva tirreferi wkoll għal għodod li jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu r-reati msemmija fiha. Minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata l-kriminalizzazzjoni f'każijiet fejn dawn l-għodod jiġu prodotti u jitqiegħdu fis-suq għal finijiet leġittimi u, għalkemm jistgħu jintużaw biex jitwettqu reati kriminali, fihom innifishom ma jikkostitwixxux theddida, il-kriminalizzazzjoni jenħtieġ li tkun limitata għal dawk l-għodod li huma primarjament iddisinjati jew speċifikament adattati għall-fini li jitwettqu r-reati msemmija f'din id-Direttiva.

    (17)

    Is-sanzjonijiet u l-pieni għall-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi mal-Unjoni kollha. Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-individwalizzazzjoni u l-applikazzjoni ta' pieni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi skont iċ-ċirkostanzi tal-każ u għar-regoli ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali.

    (18)

    Peress li din id-Direttiva tipprevedi regoli minimi, l-Istati Membri huma fil-libertà li jadottaw jew iżommu regoli tal-liġi kriminali aktar stretti fir-rigward ta' frodi u falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, inkluża definizzjoni usa' tar-reati.

    (19)

    Huwa xieraq li jiġu previsti pieni iktar severi fejn reat kriminali jitwettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI (5). L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jipprevedu ċirkostanzi aggravanti speċifiċi fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi reati kriminali separati u dan jista' jwassal għal sanzjonijiet aktar severi. Meta l-istess persuna twettaq reat imsemmi f'din id-Direttiva flimkien ma' reat ieħor imsemmi f'din id-Direttiva, u wieħed minn dawk ir-reati de facto jikkostitwixxi element meħtieġ għall-ieħor, Stat Membru jista', f'konformità mal-prinċipji ġenerali tal-liġi nazzjonali, jipprevedi li tali imġiba titqies bħala ċirkostanza aggravanti għar-reat ewlieni.

    (20)

    Ir-regoli ta' ġurisdizzjoni jenħtieġ li jiżguraw li ssir prosekuzzjoni effettiva tar-reati msemmija f'din id-Direttiva. B'mod ġenerali, ir-reati l-aħjar jiġu trattati mis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-pajjiż li fih iseħħu. Jenħtieġ għalhekk li kull Stat Membru jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq reati mwettqin fit-territorju tiegħu u fuq reati mwettqin miċ-ċittadini tiegħu. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu ġurisdizzjoni fuq reati li jikkawżaw dannu fit-territorju tagħhom. Huma mħeġġa b'mod qawwi biex jagħmlu dan.

    (21)

    Filwaqt li jitfakkru l-obbligi taħt id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI (6) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (7), l-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa biex f'każijiet ta' konflitti ta' ġurisdizzjoni jużaw il-possibbiltà li jkollhom konsultazzjonijiet diretti bl-assistenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust).

    (22)

    Minħabba l-ħtieġa ta' għodod speċjali għal investigazzjoni effettiva tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, u r-rilevanza tagħhom għal kooperazzjoni internazzjonali effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha jenħtieġ li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom għodod investigattivi li normalment jintużaw għal każijiet li jinvolvu l-kriminalità organizzata jew reati kriminali serji oħra, jekk u sa fejn l-użu ta' dawk l-għodod ikun adatt u proporzjonat għan-natura u l-gravità tar-reati kif definiti fil-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u awtoritajiet kompetenti oħra jenħtieġ li jkollhom aċċess f'waqtu għal informazzjoni rilevanti biex issir investigazzjoni u prosekuzzjoni tar-reati msemmija f'din id-Direttiva. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jallokaw riżorsi umani u finanzjarji adegwati lill-awtoritajiet kompetenti sabiex b'mod xieraq jinvestigaw u jipproċessaw ir-reati msemmija f'din id-Direttiva.

    (23)

    Jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali li jinvestigaw jew jipproċessaw reati msemmijin f'din id-Direttiva jkollhom is-setgħa li jikkooperaw ma' awtoritajiet nazzjonali oħra fl-istess Stat Membru u mal-kontropartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra.

    (24)

    F'ħafna każijiet, l-attivitajiet kriminali jkunu l-oriġini ta' inċidenti li jenħtieġ li jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8). Tali inċidenti jistgħu jiġu suspettati li jkunu ta' natura kriminali anki jekk l-evidenza ta' reat kriminali f'dak l-istadju ma tkunx suffiċjenti. F'tali kuntest, l-operaturi rilevanti ta' servizzi essenzjali u l-fornituri rilevanti ta' servizzi diġitali jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu r-rapporti meħtieġa taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148 mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jissawwar rispons effettiv u komprensiv u biex jiġu ffaċilitati l-attribuzzjoni u r-responsabbiltà tar-reati lit-trasgressuri għall-azzjonijiet tagħhom. B'mod partikolari, il-promozzjoni ta' ambjent bla periklu, sigur u aktar reżiljenti teħtieġ rapportar sistematiku lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ta' inċidenti ssuspettati li huma ta' natura kriminali serja. Barra minn hekk, fejn rilevanti, jenħtieġ li fl-investigazzjonijiet għall-infurzar tal-liġi jiġu involuti skwadri ta' rispons għal inċidenti relatati mas-sigurtà tal-kompjuters maħtura taħt id-Direttiva (UE) 2016/1148, bil-għan li jipprovdu informazzjoni, kif meqjus xieraq fil-livell nazzjonali, kif ukoll li jipprovdu kompetenza esperta speċjalista dwar is-sistemi ta' informazzjoni.

    (25)

    L-inċidenti serji ta' sigurtà msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jista' jkollhom oriġini kriminali. Fejn rilevanti, il-fornituri ta' servizzi ta' pagament jenħtieġ li jkunu mħeġġa jikkondividu mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi r-rapporti li huma meħtieġa jippreżentaw lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom taħt id-Direttiva (UE) 2015/2366.

    (26)

    Fil-livell tal-Unjoni jeżistu għadd ta' strumenti u mekkaniżmi li jippermettu l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi għall-fini li ssir investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati kriminali. Biex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u tiżgura li dawn l-istrumenti u mekkaniżmi jintużaw sal-limitu massimu, din id-Direttiva jenħtieġ li ssaħħaħ l-importanza tal-punti operazzjonali ta' kuntatt introdotti bid-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri biex jiddeċiedu li jagħmlu użu min-netwerks eżistenti tal-punti operazzjonali ta' kuntatt, bħal dak stabbilit fid-Direttiva 2013/40/UE. Il-punti ta' kuntatt għandhom jagħtu assistenza effettiva, pereżempju billi jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti u l-għoti ta' pariri tekniċi jew ta' informazzjoni legali. Biex jiġi żgurat li n-netwerk jaħdem bla xkiel, kull punt ta' kuntatt jenħtieġ li jkun jista' jikkomunika malajr mal-punt ta' kuntatt ta' Stat Membru ieħor. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera sinifikanti tal-kriminalità koperta minn din id-Direttiva u, b'mod partikolari, in-natura volatili tal-evidenza elettronika, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jittrattaw fil-pront it-talbiet urġenti min-netwerk u jipprovdu rispons fi żmien tmien sigħat. F'każijiet urġenti u serji ħafna, l-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol).

    (27)

    Ir-rappurtar ta' reati kriminali lill-awtoritajiet pubbliċi mingħajr dewmien żejjed huwa ta' importanza kbira fil-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, peress li ħafna drabi dan huwa l-punt tat-tluq ta' investigazzjonijiet kriminali. Għandhom jittieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu r-rappurtar minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. Dawk il-miżuri jistgħu jkunu msejsa fuq tipi differenti ta' azzjoni, inklużi atti leġislattivi li jinkludu obbligi ta' rappurtar ta' suspetti ta' frodi, jew azzjonijiet mhux leġislattivi, bħall-istabbiliment ta', jew appoġġ għal, organizzazzjonijiet jew mekkaniżmi li jiffavorixxu l-iskambju ta' informazzjoni, jew kampanji ta' sensibilizzazzjoni. Kwalunkwe tali miżura li tinvolvi l-ipproċessar ta' data personali ta' persuni fiżiċi jenħtieġ li titwettaq f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). B'mod partikolari, kwalunkwe trasmissjoni ta' informazzjoni għall-finijiet tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra reati li jirrigwardaw il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament, b'mod partikolari l-kriterji legali għall-ipproċessar.

    (28)

    Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rappurtar fil-pront u dirett ta' kriminalità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa bir-reqqa l-istabbiliment mill-Istati Membri ta' sistemi online effettivi għar-rappurtar ta' frodi u mudelli ta' rapportar standardizzati fil-livell tal-Unjoni. Tali sistemi jistgħu jiffaċilitaw ir-rappurtar ta' frodi mhux fi flus kontanti li ħafna drabi sseħħ online, u b'hekk isaħħu l-appoġġ għall-vittmi, l-identifikazzjoni u l-analiżi ta' theddid ta' ċiberkriminalità u l-ħidma u l-kooperazzjoni transfruntiera tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (29)

    Ir-reati msemmija f'din id-Direttiva huma spiss ta' natura transfruntiera. Għalhekk, il-ġlieda kontra dawn ir-reati tiddependi mill-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw, sa fejn ikun adatt, l-applikazzjoni effettiva ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku u ta' assistenza legali b'rabta mar-reati koperti minn din id-Direttiva.

    (30)

    L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-tipi kollha ta' frodi u falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, inklużi dawk li jinvolvu ammonti żgħar ta' flus, huma partikolarment importanti sabiex dawn jiġu miġġielda b'mod effettiv. L-obbligi ta' rappurtar, l-iskambju ta' informazzjoni u r-rapporti ta' statistika huma modi effiċjenti biex jiġu skoperti attivitajiet frodulenti, speċjalment attivitajiet simili li jinvolvu ammonti żgħar ta' flus meta jitqiesu separatament.

    (31)

    Il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jistgħu jirriżultaw f'konsegwenzi ekonomiċi u mhux ekonomiċi serji għall-vittmi tagħhom. Fejn tali frodi tinvolvi, pereżempju, is-serq tal-identità, il-konsegwenzi tagħha huma ħafna drabi aggravati minħabba l-ħsara li ssir lir-reputazzjoni u lill-professjoni, il-ħsara li ssir lill-klassifikazzjoni kreditizzja ta' individwu u ħsara emozzjonali serja. L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri ta' assistenza, appoġġ u protezzjoni bil-għan li jittaffew dawk il-konsegwenzi.

    (32)

    Spiss ħafna żmien jista' jgħaddi qabel il-vittmi jiskopru li huma jkunu sofrew dannu minn reati ta' frodi u falsifikazzjoni. Matul dak iż-żmien jaf jiżviluppa spiral ta' reati interkonnessi li, b'hekk, jaggrava l-konsegwenzi negattivi għall-vittmi.

    (33)

    Il-persuni fiżiċi li jisfaw vittmi ta' frodi relatata ma' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti għandhom drittijiet mogħtija taħt id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (11). L-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri ta' assistenza u appoġġ għal tali vittmi, li jibnu fuq il-miżuri rikjesti minn dik d-Direttiva iżda li jirrispondu b'mod aktar dirett lill-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi ta' frodi relatata mas-serq tal-identità. Tali miżuri jenħtieġ li jinkludu, b'mod partikolari, l-għoti ta' lista ta' istituzzjonijiet iddedikati li jkopru aspetti differenti ta' reati relatati mal-identità u appoġġ għall-vittmi, appoġġ psikoloġiku speċjalizzat u pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji, prattiċi u legali, kif ukoll assistenza dwar kif wieħed jirċievi l-kumpens disponibbli. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu mħeġġa jistabbilixxu għodda unika nazzjonali ta' informazzjoni online biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-assistenza u l-appoġġ għall-vittmi. Informazzjoni speċifika u pariri dwar il-protezzjoni kontra l-konsegwenzi negattivi ta' tali reati jenħtieġ li jkunu offruti lill-persuni ġuridiċi wkoll.

    (34)

    Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi d-dritt għal persuni ġuridiċi li jkollhom aċċess għall-informazzjoni f'konformità mal-liġi nazzjonali dwar il-proċeduri għat-tressiq ta' lmenti. Dan id-dritt huwa meħtieġ b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għandu jikkontribwixxi biex jinħoloq ambjent tan-negozju iktar favorevoli għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Il-persuni fiżiċi diġà jibbenefikaw minn dan id-dritt taħt id-Direttiva 2012/29/UE.

    (35)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri, assistiti mill-Kummissjoni, jistabbilixxu jew isaħħu politiki għall-prevenzjoni tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, u miżuri biex jitnaqqas ir-riskju li jseħħu tali reati, permezz ta' kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw u jżommu aġġornata għodda permanenti ta' sensibilizzazzjoni online b'eżempji prattiċi ta' prattiki frodulenti, f'format li jinftiehem faċilment. Dik l-għodda tista' tkun marbuta ma', jew tkun parti minn, l-għodda unika nazzjonali ta' informazzjoni online permanenti għall-vittmi. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu programmi ta' riċerka u ta' edukazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet u l-interessi ta' persuni vulnerabbli. L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li jkun hemm biżżejjed finanzjament disponibbli għal tali kampanji.

    (36)

    Jenħtieġ li tinġabar data statistika dwar il-frodi u l-falsifikazzjoni ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti. Jenħtieġ għalhekk li l-Istati Membri jkunu obbligati jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema adegwata għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta' data statistika eżistenti dwar ir-reati msemmija f'din id-Direttiva.

    (37)

    Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u li tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI. Peress li l-emendi li jridu jsiru huma ta' għadd u ta' natura sostanzjali, jenħtieġ li, għal finijiet ta' ċarezza, id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI tiġi sostitwita kompletament għall-Istati Membri li huma marbutin b'din id-Direttiva.

    (38)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (39)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (40)

    Ladarba l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri li l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti jsiru soġġett għal pieni kriminali li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u li titjieb u tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll bejn persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi u l-awtoritajiet kompetenti, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (41)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għal ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà ta' intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni, kif ukoll id-dritt li wieħed ma jiġix ġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess reat kriminali. Din id-Direttiva tfittex li jiġi żgurat rispett sħiħ lejn dawk id-drittijiet u l-prinċipji u jenħtieġ li tiġi implimentata skont dan,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    TITOLU I

    SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali u ta' sanzjonijiet fil-qasam tal-frodi u tal-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti. Hija tiffaċilita l-prevenzjoni ta' tali reati, u l-għoti ta' assistenza u ta' appoġġ lill-vittmi.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-fini ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “strument ta' pagament mhux bi flus kontanti” tfisser apparat, oġġett jew rekord protett ta' natura korporali jew mhux korporali, jew kombinazzjoni tagħhom, minbarra valuta legali, li, waħdu jew flimkien ma' proċedura jew sett ta' proċeduri, jippermetti li d-detentur jew l-utent jittrasferixxi flus jew valur monetarju, inkluż permezz ta' mezzi ta' skambju diġitali;

    (b)

    “apparat, oġġett jew rekord protett” tfisser apparat, oġġetti jew rekord protett kontra imitazzjoni jew użu frodulenti, pereżempju permezz ta' disinn, kodiċi jew firma;

    (c)

    “mezz ta' skambju diġitali” tfisser kwalunkwe tip ta' flus elettroniċi kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jew munita virtwali;

    (d)

    “munita virtwali” tfisser rappreżentazzjoni diġitali ta' valur li mhijiex maħruġa jew garantita minn bank ċentrali jew awtorità pubblika, u lanqas neċessarjament ma hi marbuta ma' munita stabbilita legalment u ma għandhiex status legali ta' munita jew flus, iżda hija aċċettata minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, bħala mezz ta' skambju, u li jista' jiġi trasferit, maħżun u negozjat b'mod elettroniku;

    (e)

    “sistema tal-informazzjoni” tfisser sistema ta' informazzjoni kif iddefinita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE;

    (f)

    “data tal-kompjuter” tfisser data tal-kompjuter kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/40/UE;

    (g)

    “persuna ġuridika” tfisser entità li għandha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra Stati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju ta' awtorità statali u organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

    TITOLU II

    REATI

    Artikolu 3

    Użu frodulenti ta' strumenti ta' pagament mhux bi flus kontanti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)

    l-użu frodulenti ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq jew b'xi mod ieħor approprjat jew miksub illegalment;

    (b)

    l-użu frodulenti ta' strument ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun kontrafatt jew iffalsifikat.

    Artikolu 4

    Reati relatati mal-użu frodulenti ta' strumenti korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)

    is-serq jew xi tip ta' approprjazzjoni illegali oħra ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

    (b)

    il-kontrafazzjoni jew falsifikazzjoni frodulenti ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

    (c)

    il-pussess ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq jew approprjat illegalment b'xi mod ieħor, jew kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti;

    (d)

    l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inklużi r-riċezzjoni, l-approprjazzjoni, ix-xiri, it-trasferiment, l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, it-trasport jew id-distribuzzjoni ta' strument korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun misruq, kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti.

    Artikolu 5

    Reati relatati mal-użu frodulenti ta' strumenti mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-imġiba li ġejja tkun punibbli bħala reat kriminali meta titwettaq intenzjonalment:

    (a)

    il-kisba illegali ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti, tal-inqas meta din il-kisba tkun involviet it-twettiq ta' wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva 2013/40/UE, jew miżapproprjazzjoni ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

    (b)

    il-kontrafazzjoni jew il-falsifikazzjoni frodulenti ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti;

    (c)

    iż-żamma ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat għal użu frodulenti, tal-inqas jekk l-oriġini illegali tkun magħrufa fil-ħin taż-żamma tal-istrument;

    (d)

    l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inkluż il-bejgħ, it-trasferiment jew id-distribuzzjoni, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta'strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat bil-għan li jintuża b'mod frodulenti.

    Artikolu 6

    Frodi relatata ma' sistemi ta' informazzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li meta jsir, jew issir azzjoni li twassal għal, trasferiment ta' flus, valur monetarju jew munita virtwali u b'hekk jiġi kkawżat it-telf illegali ta' proprjetà għal persuna oħra bil-għan li jittieħed vantaġġ illegali għat-trasgressur jew għal terza persuna, dan ikun punibbli bħala reat kriminali, meta jitwettaq intenzjonalment permezz ta':

    (a)

    mingħajr dritt, it-tfixkil jew l-interferenza tal-funzjonament ta' sistema ta' informazzjoni;

    (b)

    mingħajr dritt, l-introduzzjoni, it-tibdil, it-tħassir, it-trasmissjoni jew it-trażżin ta' data tal-kompjuter.

    Artikolu 7

    Għodod li jintużaw għat-twettiq ta' reati

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-produzzjoni, l-akkwist għall-użu personali jew għal persuna oħra, inklużi l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, it-trasport jew id-distribuzzjoni, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta' apparat jew ta' strument, ta' data tal-kompjuter jew ta' kwalunkwe mezz ieħor iddisinjat primarjament jew adattat speċifikament għall-fini tat-twettiq ta' kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4, fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6, tal-inqas meta jitwettaq bl-intenzjoni li dawn il-mezzi jintużaw, ikun punibbli bħala reat kriminali.

    Artikolu 8

    L-istigazzjoni, l-assistenza u t-tentattiv fir-rigward ta' reati

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-istigazzjoni jew l-assistenza fir-rigward ta' reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 7 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tentattiv biex jitwettaq reat imsemmi fl-Artikolu 3, fil-punt (a), (b) jew (d) tal-Artikolu 4, fil-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6 jkun punibbli bħala reat kriminali. Fir-rigward tal-punt (d) tal-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tal-inqas it-tentattiv ta' akkwist frodulenti ta' strument mhux korporali ta' pagament mhux bi flus kontanti li jkun miksub illegalment, kontrafatt jew iffalsifikat, għall-użu personali jew għal persuna oħra, ikun punibbli bħala reat kriminali.

    Artikolu 9

    Pieni għal persuni fiżiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 jkunu punibbli b'pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikolu 3, fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4 u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 5 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sentejn priġunerija.

    3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4u fil-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sena priġunerija.

    4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 6 jkun punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas tliet snin priġunerija.

    5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 7 jkun punibbli b'terminu massimu ta' mill-inqas sentejn priġunerija.

    6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 jkunu punibbli b'terminu massimu ta' priġunerija ta' mill-inqas ħames snin jekk jitwettqu fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali, kif definit fid-Deċiżjoni Kwadru 2008/841/ĠAI, irrispettivament mill-piena prevista f'dik id-Deċiżjoni.

    Artikolu 10

    Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għal reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li jkunu twettqu għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi waħedha jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, abbażi ta' waħda minn dawn li ġejjin:

    (a)

    setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

    (b)

    awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika;

    (c)

    awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għan-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll minn xi persuna msemmija fil-paragrafu 1 li tkun ħalliet jitwettaq, minn persuna taħt l-awtorità tagħha, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 għall-benefiċċju tal-persuna ġuridika.

    3.   Ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi skont il-paragrafi 1 u 2 ma għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li jkunu wettqu jew istigaw, jew kompliċi fi, kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

    Artikolu 11

    Sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun inżammet responsabbli skont Artikolu 10(1) jew (2) tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u li jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

    (a)

    l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji jew għajnuna pubblika;

    (b)

    l-esklużjoni temporanja mill-aċċess għal finanzjament pubbliku, inklużi proċeduri ta' sejħiet għall-offerti, għotjiet u konċessjonijiet;

    (c)

    l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

    (d)

    it-tqegħid taħt sorveljanza tal-qorti;

    (e)

    l-istralċ ġudizzjarju;

    (f)

    l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li jkunu ntużaw biex jitwettaq ir-reat.

    TITOLU III

    ĠURISDIZZJONI U INVESTIGAZZJONI

    Artikolu 12

    Ġurisdizzjoni

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 fejn ikun japplika xi wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

    (a)

    ir-reat jitwettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju tiegħu;

    (b)

    it-trasgressur ikun wieħed miċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, reat għandu jitqies bħala li twettaq kompletament jew parzjalment fit-territorju ta' Stat Membru fejn it-trasgressur wettaq ir-reat meta kien fiżikament preżenti f'dak it-territorju u irrispettivament jekk ir-reat ikunx twettaq bl-użu ta' sistema ta' informazzjoni jew le f'dak it-territorju.

    3.   Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fejn huwa jiddeċiedi li jistabbilixxi ġurisdizzjoni fuq reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8 li jkun twettaq barra mit-territorju tiegħu, inkluż fejn:

    (a)

    it-trasgressur ikollu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju tiegħu;

    (b)

    ir-reat ikun twettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu;

    (c)

    ir-reat ikun twettaq kontra wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew kontra persuna li għandha r-residenza abitwali fit-territorju tiegħu.

    Artikolu 13

    Investigazzjonijiet u kooperazzjoni effettivi

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-għodod investigattivi, tali dawk li jintużaw biex jiġġieldu każijiet ta' kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta' reati kriminali serji, ikunu effettivi u proporzjonati għar-reat imwettaq u jkunu disponibbli għall-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-liġi nazzjonali tobbliga lil persuni fiżiċi u ġuridiċi biex jippreżentaw informazzjoni dwar reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, tali informazzjoni tasal għand l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta' dawk ir-reati mingħajr dewmien żejjed.

    TITOLU IV

    SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U RAPPORTAR TA' REATI KRIMINALI

    Artikolu 14

    Skambju ta' informazzjoni

    1.   Għall-fini tal-iskambju ta' informazzjoni relatata mar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom punt operazzjonali ta' kuntatt nazzjonali disponibbli 24 kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li jkollhom proċeduri fis-seħħ sabiex jittrattaw minnufih talbiet urġenti għall-assistenza u l-awtorità kompetenti twieġeb fi żmien tmien sigħat minn meta tirċievi t-talba, billi tal-inqas tindika jekk hux ser ikun hemm tweġiba għat-talba u l-forma ta' tali tweġiba u ż-żmien stmat li fih din tintbagħat. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu użu minn netwerks eżistenti ta' punti operazzjonali ta' kuntatt.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, lill-Europol u lill-Eurojust dwar il-punt ta' kuntatt maħtur tagħhom imsemmi fil-paragrafu 1. Huma għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni kif meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħrajn.

    Artikolu 15

    Rappurtar ta' reati

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm disponibbli mezzi xierqa ta' rappurtar sabiex jiġi ffaċilitat ir-rapportar tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra mingħajr dewmien bla bżonn.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkoraġġixxu lill-istituzzjonijiet finanzjarji u lil persuni ġuridiċi oħra li joperaw fit-territorju tagħhom sabiex jirrapportaw il-frodi suspettati mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lil awtoritajiet kompetenti oħra, bil-għan tal-iskoperta, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

    Artikolu 16

    Assistenza u appoġġ lill-vittmi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi li sofrew dannu bħala riżultat ta' xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li twettaq billi sar użu ħażin tad-data personali, jiġu:

    (a)

    offruti informazzjoni speċifika u pariri dwar kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra l-konsegwenzi negattivi tar-reati, bħall-ħsara għar-reputazzjoni; u

    (b)

    mogħtija lista ta' istituzzjonijiet speċjalizzati li jittrattaw aspetti differenti ta' reati relatati mal-identità u l-appoġġ għall-vittmi.

    2.   L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu għodod nazzjonali uniċi ta' informazzjoni online biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-assistenza u l-appoġġ għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu sofrew dannu bħala riżultat ta' xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 li twettaq bl-użu ħażin tad-data personali.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni ġuridiċi li huma vittmi tar-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8 ta' din id-Direttiva jiġu offruti, mingħajr dewmien żejjed wara l-ewwel kuntatt tagħhom ma' awtorità kompetenti, l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-proċeduri dwar kif isiru lmenti fir-rigward tar-reat u r-rwol tal-vittma f'tali proċeduri;

    (b)

    id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar il-każ skont il-liġi nazzjonali;

    (c)

    il-proċeduri disponibbli biex isiru l-ilmenti, jekk l-awtorità kompetenti ma tirrispettax id-drittijiet tal-vittma tul il-proċeduri kriminali;

    (d)

    id-dettalji ta' kuntatt għall-komunikazzjonijiet dwar il-każ tagħhom.

    Artikolu 17

    Prevenzjoni

    L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni xierqa, inkluż permezz tal-Internet, bħal kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni u programmi ta' riċerka u ta' edukazzjoni, bil-għan li b'mod ġenerali titnaqqas il-frodi, tiżdied is-sensibilizzazzjoni u jitnaqqas ir-riskju li wieħed jisfa vittma ta' frodi. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni f'kooperazzjoni ma' partijiet ikkonċernati.

    Artikolu 18

    Monitoraġġ u statistika

    1.   Sal-31 ta' Awwissu 2019, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm dettaljat għall-monitoraġġ tal-eżiti, tar-riżultati u tal-impatti ta' din id-Direttiva. Il-programm ta' monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom, u l-intervalli li fihom, tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir, fil-kondiviżjoni u fl-analiżi tad-data u ta' evidenza oħra.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ sistema għar-reġistrazzjoni, il-produzzjoni u l-għoti ta' data statistika anonimizzata li tkejjel il-fażijiet ta' rapportar, investigattivi u ġudizzjarji li jinvolvu r-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 8.

    3.   Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għandha, bħala minimu, tkopri data eżistenti dwar l-għadd ta' reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 8 rreġistrati mill-Istati Membri, u l-għadd ta' persuni mħarrka u li nstabu ħatja fir-rigward tar-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7.

    4.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu d-data miġbura skont il-paragrafi 1, 2 u 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fuq bażi annwali jiġi ppubblikat rieżami konsolidat tar-rapporti ta' statistika u li dan jiġi ppreżentat lill-aġenziji u korpi kompetenti speċjalizzati tal-Unjoni.

    Artikolu 19

    Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI

    Id-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI hija sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' dawk l-Istati Membri fir-rigward tad-data għat-traspożizzjoni ta' dik id-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

    Fir-rigward tal-Istati Membri marbuta b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2001/413/ĠAI għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 20

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-31 ta' Mejju 2021. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Evalwazzjoni u rapportar

    1.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Mejju 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa fejn l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

    2.   Il-Kummissjoni għandha sal-31 ta' Mejju 2026, twettaq evalwazzjoni tal-impatt ta' din id-Direttiva fuq il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament mhux bi flus kontanti, kif ukoll fuq id-drittijiet fundamentali, u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

    3.   Fil-kuntest tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha wkoll tirrapporta dwar il-ħtieġa, il-fattibbiltà u l-effettività tal-ħolqien ta' sistemi nazzjonali online siguri li jippermettu lill-vittmi jirrapportaw kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 3 sa 8, kif ukoll tal-istabbiliment ta' mudell ta' rappurtar standardizzat tal-Unjoni biex iservi bħala bażi għall-Istati Membri.

    Artikolu 22

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. CIAMBA


    (1)  ĠU C 197, 8.6.2018, p. 24.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019.

    (3)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/413/ĠAI tat-28 ta' Mejju 2001 li tiġġieled frodi u ffalsifikar ta' mezzi ta' ħlas bi flus mhux kontanti (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 1).

    (4)  Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8).

    (5)  Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42).

    (6)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42).

    (7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1).

    (8)  Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

    (9)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

    (10)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (11)  Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal- kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57).

    (12)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).


    Top