EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019H0905(23)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2019 dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2019 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 tar-Rumanija

ST/10176/2019/INIT

OJ C 301, 5.9.2019, p. 135–142 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/135


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2019

dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2019 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 tar-Rumanija

(2019/C 301/23)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Ikkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lir-Rumanija bħala waħda mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi fil-fond.

(2)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2019 għar-Rumanija ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Dan ivvaluta l-progress tar-Rumanija hi u tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (3), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Rumanija lejn il-miri nazzjonali Ewropa 2020 tagħha. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-27 ta’ Frar 2019. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li r-Rumanija għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma marbutin ma’ kompetittività fil-kostijiet li qed tonqos u defiċit fil-kont kurrenti li qed jikber, f’kuntest ta’ politika fiskali espansjonarja u ambjent tan-negozju imprevedibbli. Inizjattivi leġiżlattivi riċenti qed joħolqu riskji għall-funzjonament tas-settur finanzjarju u jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-investiment tas-settur privat.

(3)

Ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2019 fid-9 ta’ Mejju 2019 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 tagħha fit-8 ta’ Mejju 2019. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(5)

Bħalissa r-Rumanija tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2019, il-gvern jippjana defiċit nominali ta’ 2,8 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019, u li wara dan it-tnaqqis gradwali tiegħu, għal 2,0 % tal-PDG fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat (5), l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien, stabbilit għal defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG, mhuwiex ippjanat li jintlaħaq matul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-40 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawk il-proġezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli. Barra minn hekk, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri ppjanati tad-defiċit ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(6)

Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill sab f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat li fir-Rumanija seħħet devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2017. Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (6), li tirrakkomanda li r-Rumanija tieħu l-passi meħtieġa biex tiggarantixxi li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (7) ma taqbiżx it-3,3 % fl-2018 u l-5,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,8 % tal-PDG f’kull sena. Fl-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2018/2020 (8), li tistabbilixxi li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2018, u ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (9). Fir-Rakkomandazzjoni tal-4 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta’ tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-4,5 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG. Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1002 (10), li stabbilixxiet li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018. Barra minn hekk, fuq il-bażi tad-data tar-riżultati tal-2018, instab li r-Rumanija kienet f’devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat fl-2018. Fuq il-bażi tal-Artikolu 121(4) tat-Trattat u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fil-5 ta’ Ġunju 2019 il-Kummissjoni ħarġet twissija lir-Rumanija li fl-2018 ġiet osservata devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni sussegwenti (11), li tikkonferma l-ħtieġa għar-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-4,5 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1,0 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni fl-2019.

(7)

Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu tal-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kunsill irrakkomanda lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata nominali ta’ tkabbir tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-5,1 % fl-2020, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,75 % tal-PDG. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2020. Barra minn hekk, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2019 ipproġetta defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ogħla mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG fl-2019 u fl-2020. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li miżuri ulterjuri sinifikanti se jkunu meħtieġa mill-2019 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl ta’ prospettiva fiskali li qed tiddeterjora b’mod qawwi, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019, bil-għan li tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju.

(8)

L-ippjanar baġitarju tar-Rumanija regolarment jinjora d-dispożizzjonijiet tal-qafas fiskali nazzjonali. Ir-regola tad-defiċit strutturali nazzjonali tirrikjedi konformità jew konverġenza mal-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ defiċit strutturali li ma jaqbiżx 1 % tal-PDG. Fl-2016 ir-Rumanija tbiegħdet mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju u ilha fi triq diverġenti minn dakinhar, bi ksur tar-regola tad-defiċit nazzjonali. Iż-żewġ emendi tal-baġit tal-2018 adottati fil-ħarifa tal-2018, reġgħu tbiegħdu mill-ġdid minn diversi regoli awżiljarji li jipprojbixxu żidiet fil-limiti tal-iżbilanċ u tan-nefqa matul is-sena fiskali li għaddejja. Il-baġit tal-2019, adottat mill-gvern fi Frar 2019 u approvat mill-Parlament f’Marzu, reġa’ tbiegħed minn għadd ta’ regoli fiskali, inkluża r-regola tad-defiċit strutturali. Barra minn hekk, bħal fi snin preċedenti, l-awtoritajiet ma bagħtux aġġornament tal-istrateġija fiskali fuq terminu medju lill-Parlament sal-iskadenza statutorja ta’ Awwissu, u b’hekk imminaw ir-rwol tagħha ta’ gwida. Bħal fi snin preċedenti wkoll, l-awtoritajiet ma kinux konformi mar-rekwiżit li jiffirmaw dikjarazzjoni li l-baġit tal-2019 u l-istrateġija fiskali jirrispettaw ir-regoli fiskali u l-prinċipji tar-responsabbiltà fiskali.

(9)

Il-konformità mat-taxxa għadha baxxa. Fir-rigward tat-taxxa fuq il-valur miżjud, id-differenza bejn id-dħul teoretikament mistenni u dak attwalment miġbur għadha għolja ħafna. L-ekonomija informali kbira tirrappreżenta sfida addizzjonali għall-konformità mat-taxxa, filwaqt li l-livelli għoljin ta’ xogħol mhux iddikjarat iċaħħdu lill-baġit tal-Istat minn riżorsi sinifikanti. Barra minn hekk, il-prevalenza ta’ pagamenti fi flus kontanti tiffaċilita l-evażjoni tat-taxxa. F’din l-aħħar sena, ir-Rumanija għamlet progress limitat fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż ripetuta biex tissaħħaħ il-konformità u l-ġbir tat-taxxa. L-introduzzjoni ta’ cash registers elettroniċi mqabbdin mas-sistema tat-teknoloġija tal-informatika tal-amministrazzjoni tat-taxxa qed tavvanza pjuttost bil-mod. L-amministrazzjoni tat-taxxa qed tieħu passi biex tistabbilixxi sistema ta’ valutazzjoni tar-riskju għall-awditjar tal-kontribwenti.

(10)

Wara diversi snin ta’ sforzi kontinwi biex jiġi kkonsolidat is-settur finanzjarju, fl-2018 reġa’ kien hemm pressjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja minn sett ta’ inizjattivi leġiżlattiv parlamentari u tal-gvern. It-taxxa fuq l-assi tal-banek adottata mill-gvern permezz ta’ ordinanza ta’ emerġenza fl-aħħar ta’ Diċembru 2018, mingħajr valutazzjoni tal-impatt jew konsultazzjoni mal-partijiet interessati, qajmet għadd ta’ preokkupazzjonijiet serji relatati mal-impatt negattiv tagħha fuq is-sitwazzjoni prudenzjali tal-banek, it-twettiq tal-politika monetarja u fl-aħħar mill-aħħar l-investiment u t-tkabbir ekonomiku. Il-mod tal-adozzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tagħha kellhom effett negattiv sinifikanti fuq ir-rata tal-kambju, l-abbiltà tal-gvern li jissellef mis-suq u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-perċezzjoni tal-partijiet interessati dwar ir-riskji operazzjonali. Filwaqt li xi aspetti kontroversjali tat-taxxa ġew emendati f’Marzu 2019, il-bidliet reġgħu ġew adottati permezz ta’ ordinanza governattiva ta’ emerġenza u mingħajr valutazzjoni tal-impatt. L-iktar aspetti ta’ sfida tat-taxxa bankarja fuq l-assi totali tneħħew. Madankollu, skont il-formulazzjoni l-ġdida, it-taxxa tista’ tfixkel l-inċentivi tal-kreditu, li jista’ jirriżulta f’allokazzjoni ħażina ta’ kreditu għall-ekonomija. Jenħtieġ li jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ dawn il-bidliet għat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Diversi inizjattivi leġiżlattivi adottati mill-Parlament fi tmiem l-2018, minkejja li ġew iddikjarati antikostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali f’Marzu 2019, poġġew pressjoni addizzjonali fuq is-settur bankarju u saħħew il-perċezzjoni ġenerali ta’ qafas legali imprevedibbli. L-esperjenza tal-passat turi li tali inizjattivi jistgħu jerġgħu jiġu ppreżentati mil-leġiżlatura.

(11)

Il-liġi tal-pensjoni l-ġdida, adottata mill-Parlament f’Diċembru 2018, x’aktarx se toħloq riskji għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-punt tal-pensjoni, jiġifieri l-parametru ewlieni użat għall-indiċjar tal-pensjonijiet, se jiżdied bi 15 % f’Settembru 2019 u b’40 % f’Settembru 2020. Il-liġi dwar il-pensjonijiet tibdel diversi parametri użati biex jiġu kkalkulati l-benefiċċji tal-pensjoni. B’mod partikolari, il-valur tal-punt tal-pensjoni huwa mistenni jiżdied, peress li l-fattur ta’ indiċjar għall-pensjonijiet eżistenti ma jibqax jikkonverġi lejn il-prezzijiet iżda minflok jibqa’ permanentement magħmul minn pagi u prezzijiet. Barra minn hekk, il-perjodu ta’ kontribuzzjoni użat biex tiġi kkalkulata l-pensjoni ta’ persuna se jitqassar, u dan iwassal għal nefqa ogħla fil-pensjonijiet għal pensjonijiet ġodda. Madankollu, l-abolizzjoni tal-indiċi ta’ korrezzjoni għal pensjonijiet ġodda (li kienet tintuża biex parzjalment torbot l-ewwel pensjoni mal-pagi) se timmitiga ż-żieda ġenerali fin-nefqa tal-pensjoni kkawżata mill-parametri l-oħra. Xi sfidi strutturali li jaffettwaw l-adegwatezza tal-pensjonijiet għadhom ma ġewx indirizzati. L-età effettiva ta’ rtirar medja hija qrib għall-medja tal-Unjoni, iżda mhix l-istess bejn in-nisa u l-irġiel. Flimkien ma’ perjodi iqsar ta’ kontribuzzjoni għan-nisa, din l-inugwaljanza ssarraf f’lakuna konsiderevoli fil-pensjoni bejn is-sessi.

(12)

Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet introdotta fl-2008 treġġgħet lura gradwalment. Wara posponimenti ripetuti taż-żidiet skedati għall-kontribuzzjonijiet għall-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, li kellhom jilħqu 6 % tal-pagi gross sal-2016, il-kontribuzzjonijiet tnaqqsu għal 3,75 % tal-pagi gross mill-2018. Fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru komplew jiddgħajfu bis-sett ta’ miżuri adottati mill-gvern permezz ta’ ordinanza ta’ emerġenza fi tmiem l-2018. Il-kontribuzzjonijiet għal dawn il-fondi saru fakultattivi wara perjodu minimu ta’ kontribuzzjoni ta’ ħames snin. Ir-rekwiżiti kapitali minimi għall-kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru żdiedu b’mod sinifikanti, li wasslu għal riskju ta’ ħruġ minn kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ fondi mis-suq Rumen. It-tariffi amministrattivi imposti fuq il-kontribuzzjonijiet gross kienu wkoll maqtugħin b’mod sinifikanti, u b’hekk potenzjalment jaffettwaw ir-riżultati finanzjarji ta’ kumpaniji ta’ ġestjoni ta’ fondi u jżidu l-possibbiltà ta’ ħruġ mis-suq. Dan jista’ jkollu implikazzjonijiet negattivi għall-iżvilupp tas-suq tal-kapital lokali u l-grupp ta’ investituri istituzzjonali, kif ukoll iċaħħad lill-ekonomija minn sors tant meħtieġ ta’ investiment fit-tul. Barra minn hekk, f’każ li t-tieni pilastru jiddgħajjef jew jitneħħa, dan jirriżulta f’introjtu tal-irtirar inqas iddiversifikat u jesponi l-pensjonijiet għal riskji politiċi u demografiċi ogħla. F’Marzu 2019, permezz ta’ ordinanza ta’ emerġenza, il-gvern żamm ir-rekwiżiti minimi ġodda ta’ kapital għall-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-fondi, iżda ppospona l-iskadenza biex jitħallas il-kapital addizzjonali kollu sa Diċembru 2019. F’Mejju 2019 il-gvern naqqas b’mod sinifikanti r-rekwiżiti minimi ta’ kapital għal kumpaniji ta’ ġestjoni tal-fondi tal-pensjonijiet, li parzjalment ibbilanċja ż-żieda deċiża f’Diċembru 2018. Dispożizzjonijiet oħra fl-ordinanza ta’ emerġenza ta’ Diċembru 2018 li jipperikolaw il-vijabbiltà tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru jibqgħu l-istess.

(13)

Sfidi marbuta mal-kwalità u l-inklużività tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom impatt negattiv fuq il-potenzjal ta’ tkabbir inklużiv tar-Rumanija. Għalkemm il-baġit żdied fl-2019, l-infiq fuq l-edukazzjoni jibqa’ wieħed mill-aktar baxxi fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-livelli tal-edukazzjoni li huma essenzjali biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola (li għadu għoli), jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jiġu indirizzati l-inugwaljanzi aktar tard fil-ħajja. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-kura bikrija ta’ kwalità tibqa’ taħt il-medja tal-Unjoni, parzjalment minħabba nuqqas ta’ faċilitajiet. Dan għandu implikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll għall-ksib bikri ta’ ħiliet. Il-modernizzazzjoni tan-netwerk tal-iskejjel u l-ottimizzazzjoni biex jiġu indirizzati x-xejriet demografiċi għadha lura, b’10 % tal-iskejjel huma ffullati żżejjed, filwaqt li 58 % għandhom kapaċitajiet żejda. Il-ksib ta’ ħiliet bażiċi u diġitali qed jiffaċċja sfidi sinifikanti. L-abbiltajiet tal-għalliema li japplikaw approċċ ibbażat fuq l-istudenti mhumiex żviluppati biżżejjed. Id-disparitajiet rurali-urbani għadhom jippersistu u gruppi vulnerabbli, inklużi r-Roma, għad għandhom aċċess limitat għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva.

(14)

Is-suq tax-xogħol kien taħt pressjoni dejjem akbar, peress li r-rata tal-qgħad (4,2 % fl-2018) hija baxxa ħafna, filwaqt li l-forza tax-xogħol qed tonqos u n-nuqqas ta’ ħiliet għadu qed jippersisti. Ir-rata ta’ attività tan-nisa, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u ta’ età medja, hija baxxa. Dan huwa prinċipalment minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja u l-parteċipazzjoni baxxa ta’ tfal ta’ età bejn 0 u 3 snin f’indukrar formali tat-tfal. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jipprovdu rispons limitat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’miżuri ffukati prinċipalment fuq inċentivi finanzjarji aktar milli fuq approċċi mfassla apposta u komprensivi. Id-dewmien tar-riforma ppjanata għas-servizz pubbliku tal-impjiegi jibqa’ ostaklu sinifikanti għat-twassil modernizzat ta’ servizzi lil impjegaturi u n-nies qiegħda. It-titjib tal-ħiliet u s-servizzi integrati huma wkoll dgħajfa. Il-ħiliet mhumiex qed jevolvu skont il-ħtiġijiet ta’ setturi ekonomiċi li qed jespandu, b’81 % ta’ impjegaturi b’diffikultajiet biex jimlew il-postijiet tax-xogħol battala. Is-settur tal-ICT qed jikber, filwaqt li l-għadd ta’ Rumeni ta’ bejn l-20 u d-29 sena li għandhom lawrja fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija jew il-matematika naqas bejn l-2014 u l-2016. Bħalissa ma teżisti l-ebda valutazzjoni fil-livell globali jew f’dak settorjali tal-ħtiġijiet tal-ħiliet, u t-tbassir tal-ħiliet jibqa’ ma jintużax, u b’hekk jiġi ostakolat l-adattament tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Bdiet l-introduzzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali doppji biex tiġi indirizzata l-iskarsezza ta’ ħiliet. Madankollu, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għadhom jitqiesu bħala għażla tat-tieni rata minn studenti u ġenituri, u r-rata ta’ impjieg relattivament baxxa għal dawk li ggradwaw mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tindika li r-rilevanza għas-suq tax-xogħol hija sfida. L-edukazzjoni għolja mhix allinjata biżżejjed mas-suq tax-xogħol. Minkejja li l-livell ta’ edukazzjoni terzjarja irdoppja matul id-deċennju, għadu baxx.

(15)

Minkejja t-titjib reċenti, il-faqar u l-inugwaljanza fid-dħul għadhom għoljin, u disparitajiet reġjonali qed jikbru. Wieħed minn kull tliet Rumeni għadu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, bi gruppi partikolari bħat-tfal, ir-Rom, persuni b’diżabilità u l-anzjani jkunu aktar affettwati. Is-servizzi soċjali m’għandhomx biżżejjed kwalità u kopertura, u distribuzzjoni ġeografika li mhix uniformi, mhux marbuta mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-komunitajiet. Madwar 20 % biss tal-unitajiet territorjali amministrattivi għandhom servizzi soċjali liċenzjati. Is-servizzi ġeneralment huma kkonċentrati madwar żoni aktar sinjuri jew urbani, filwaqt li l-ħtiġijiet huma aktar urġenti f’żoni u reġjuni ifqar rurali. L-integrazzjoni limitata tas-servizzi tal-impjieg, l-edukazzjoni, is-saħħa u s-servizzi soċjali ma tippermettix l-inklużjoni sostenibbli ta’ diversi gruppi żvantaġġati. Persuni b’diżabilità jingħataw biss appoġġ limitat għal għajxien indipendenti u aċċess għall-impjieg. Is-sitwazzjoni tal-komunità Rom ftit li xejn turi progress. Il-privazzjoni mill-akkomodazzjoni hija l-ogħla fl-Unjoni u hija ta’ ħsara għall-inklużjoni soċjali. Il-politiki tal-akkomodazzjoni qed ikunu deċentralizzati mingħajr qafas strateġiku, u l-komunitajiet foqra ta’ spiss ma jkollhomx riżorsi finanzjarji. L-indiċi ta’ referenza soċjali użat bħala bażi għall-biċċa l-kbira tal-benefiċċji soċjali ma ġiex aġġornat mill-2008 u ddeprezza b’mod konsiderevoli fir-rigward tal-paga minima. B’riżultat ta’ dan, ir-rati ta’ faqar għall-persuni b’intensità baxxa jew baxxa ta’ xogħol żdiedu bin-nofs mill-2010. Barra minn hekk, is-sigurtà soċjali għal ħaddiema atipiċi hija inadegwata. Wieħed minn kull tliet ħaddiema atipiċi jinsab f’riskju ta’ deprivazzjoni materjali estrema. Ħaddiema ta’ kuljum u staġjonali m’għandhomx aċċess formali għad-drittijiet tas-sigurtà soċjali li jkopri l-qgħad, il-liv tal-maternità, l-inċidenti u l-korrimenti fuq ix-xogħol. L-implimentazzjoni tar-riforma tal-introjtu minimu tal-inklużjoni li nbdiet fl-2016, li żżid il-kopertura u l-adegwatezza tal-għajnuna soċjali, reġgħet ġiet posposta għall-2021.

(16)

Id-djalogu soċjali huwa kkaratterizzat minn kopertura ta’ ftehim kollettiv baxx, b’mod partikolari fil-livell settorjali, anki minħabba d-definizzjoni attwali ta’ setturi. L-awtoritajiet bdew pjanijiet biex jirrevedu d-definizzjonijiet tas-setturi ekonomiċi iżda għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Lil hinn mill-qafas ta’ negozjar kollettiv, l-involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali dwar kwistjonijiet ta’ politika u riformi huwa limitat. Il-parti l-kbira tad-djalogu soċjali jsir formalment, fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitati tad-Djalogu Soċjali. Madankollu, minkejja l-qafas stabbilit ta’ djalogu u konsultazzjonijiet, l-istabbiltà u r-rwol ta’ dawn l-istituzzjonijiet iddgħajfu matul l-aħħar sena.

(17)

Wara snin ta’ tkabbir moderat fil-pagi, ir-Rumanija qed tesperjenza waħda mill-aktar rati mgħaġġla ta’ tkabbir fil-pagi fl-Unjoni. Din hija xprunata minn politiki tal-gvern li jżidu l-pagi pubbliċi u minimi, rata baxxa rekord ta’ qgħad u n-nuqqas strutturali ta’ ħaddiema. Il-paga minima għadha tiġi stabbilita b’mod mhux sistematiku, mingħajr mekkaniżmu oġġettiv. Żidiet konsekuttivi matul is-snin irriżultaw f’wieħed minn kull tliet impjegati jaqilgħu paga minima fl-2017, rata ta’ kważi erba’ darbiet ogħla milli fl-2011.

(18)

Is-sistema tas-saħħa taffaċċa ħafna sfidi. Finanzjament baxx, użu ineffiċjenti tar-riżorsi pubbliċi u n-nuqqas ta’ riforma jillimitaw l-effikaċja tas-sistema tas-saħħa. L-emigrazzjoni kontinwa wasslet għal nuqqas sostanzjali ta’ tobba u infermiera. L-infrastruttura tas-saħħa u l-prevalenza ta’ pagamenti informali għadhom sorsi ta’ tħassib. L-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għal dawk li jgħixu f’żoni rurali u gruppi vulnerabbli huwa limitat. Dawn il-fatturi min-naħa tagħhom għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tan-nies, li għadha taħt il-medja tal-Unjoni minkejja titjib riċenti. Hu ħtieġa kbira għat-titjib fil-kura tal-komunità iżda hemm dewmien. Il-proġett pilota għall-istabbiliment ta’ ċentri ta’ kura fil-komunità beda b’dewmien, u dan kellu impatt fuq l-introduzzjoni ta’ servizzi ta’ kura integrata. Is-settur tal-kura fit-tul mhuwiex lest biex jittratta popolazzjoni li qed tixjieħ malajr. Hemm ftit li xejn servizzi f’dar il-pazjenti u s-servizzi ta’ kura matul il-ġurnata, l-iktar ikkonċentrati f’żoni bi dħul ogħla. Il-kopertura u l-infiq pubbliku fuq il-kura fit-tul huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni u l-aċċess għall-kura fit-tul, ir-riabilitazzjoni u l-kura palljativa huma fqar.

(19)

Il-kwalità tal-infrastruttura, inkluż is-setturi tat-trasport, l-enerġija, l-iskart u l-ilma mormi, għadha baxxa u tillimita l-prospetti tat-tkabbir tar-Rumanija. Minkejja investiment pubbliku sinifikanti wara li r-Rumanija ssieħbet fl-Unjoni, l-infrastruttura fiżika tagħha għadha sottożviluppata. Il-kundizzjoni ġenerali u l-affidabbiltà tan-netwerks tat-toroq u tal-ferroviji huma foqra ħafna. L-infrastruttura mhijiex tlaħħaq mad-domanda tat-traffiku ġġenerata minn ekonomija li qed tespandi. In-netwerk tat-toroq huwa fost l-inqas żviluppati fl-Unjoni, u r-riforma tas-settur ferrovjarju għadha lura. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport bit-triq żdiedu b’mod qawwi matul dawn l-aħħar ħames snin. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ investiment qawwi fil-manutenzjoni naqqas il-veloċità tal-ferrovija u affettwa l-ħinijiet ta’ kunsinna tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. It-trasport urban ibati minn nuqqas kroniku ta’ finanzjament, organizzazzjoni fqira fis-settur u l-kapaċità amministrattiva dgħajfa tal-fornituri lokali. Barra minn hekk, l-infrastruttura tal-enerġija, l-iskart, l-ilma u l-ilma mormi u l-interkonnessjonijiet tal-enerġija qed ikomplu juru nuqqasijiet. Is-sistema tal-ġestjoni tal-iskart għadha kkaratterizzata minn riċiklaġġ baxx ħafna tal-iskart muniċipali u rati għoljin ħafna ta’ miżbliet. Għad hemm sfidi biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika fil-bini, b’mod partikolari għad hemm marġini wiesa’ biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza enerġetika fil-bini.

(20)

Il-kapaċità ġenerali ta’ innovazzjoni tar-Rumanija għadha baxxa u l-kompetittività futura tagħha hija kkontestata mill-qabża kbira fil-produttività u l-innovazzjoni bejn ditti b’sjieda barranija u dawk domestiċi. L-investiment tar-Rumanija fir-riċerka u l-iżvilupp huwa l-aktar wieħed baxx fl-Unjoni (0,5 % tal-PDG), u n-nefqa pubblika fuq ir-riċerka u l-iżvilupp kompliet tonqos minn 0,32 % tal-PDG fl-2011 għal 0,21 % tal-PDG fl-2017, u dan jimpedixxi kwalunkwe bini ta’ kapaċità. Bħala konsegwenza, il-kwalità tal-bażi tax-xjenza pubblika għadha baxxa ħafna u r-rabtiet bejn ix-xjenza u n-negozju huma sottożviluppati. Hekk kif l-għadd ta’ gradwati terzjarji fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika wkoll naqas iktar, in-nuqqas ta’ ħiliet joffri sfida kbira għall-potenzjal innovattiv tal-ekonomija Rumena. Id-diġitalizzazzjoni hija sfida ewlenija jekk l-innovazzjoni u l-kompetittività Rumeni se jitjiebu. Ir-Rumanija għandha rekord ħażin f’ħafna komponenti tal-Ekonomija Diġitali u l-Indiċi Soċjali, inklużi s-servizzi pubbliċi diġitali, il-ħiliet diġitali tal-popolazzjoni ġenerali u d-diġitalizzazzjoni tan-negozji.

(21)

Sar progress limitat fir-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex issaħħaħ il-prijoritizzazzjoni tal-proġetti u t-tħejjija tal-investiment pubbliku. Il-Ministeru tal-Finanzi huwa responsabbli mit-tħejjija ta’ lista prijoritarja ta’ proġetti ta’ investiment pubbliku ’l fuq minn RON 100 miljun (EUR 21 miljun) u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom, iżda l-proġetti huma ġestiti mill-ministeri kkonċernati. Il-lista ta’ proġetti prijoritarji bħalissa tinkludi madwar 136 proġett, l-iktar fil-qasam tat-trasport. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-proġetti prijoritarji jistgħu jiġu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni. L-użu tal-fondi tal-Unjoni qed jinżamm lura minn fatturi bħal kapaċità amministrattiva limitata biex jitħejjew, jiġu pprijoritizzati u implimentati proġetti kbar ta’ investiment. Minkejja li dan l-aħħar qed jitħejjew u jintbagħtu proġetti infrastrutturali kbar lill-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni, xi proġetti importanti bħall-awtostrada Sibiu-Pitești (li tiżgura l-konnettività mal-kurituri TEN-T li jgħaqqdu r-Renu mad-Danubju u l-Orjent mal-Mediterran tal-Lvant) għadhom nieqsa u l-implimentazzjoni b’mod ġenerali għadha lura. Barra minn hekk, l-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni s’issa kien xprunat minn proġetti mħejjija għall-perjodu preċedenti ta’ programmazzjoni, filwaqt li sensiela ta’ proġetti ġodda għall-perjodu attwali għad iridu jiġu żviluppati bis-sħiħ.

(22)

L-akkwist pubbliku effiċjenti huwa essenzjali biex jintlaħqu għanijiet politiċi importanti fir-Rumanija, inkluż l-infiq pubbliku effiċjenti, il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, u tkabbir sostenibbli u inklużiv. Ir-Rumanija għamlet progress limitat fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż biex ittejjeb it-trasparenza tal-akkwist pubbliku. L-effiċjenza tal-akkwist pubbliku għadha kwistjoni, filwaqt li l-irriversibbiltà ta’ ċerti miżuri, notevolment is-simplifikazzjoni tal-kontroll ex-ante, hija fil-periklu. L-istrateġija nazzjonali tal-akkwist pubbliku tenfasizza l-importanza ta’ kontroll unitarju ex ante mwettaq mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Akkwist Pubbliku. Inizjattivi leġiżlattivi rikorrenti jirriskjaw li jimminaw il-kisba tal-objettivi fl-istrateġija. Il-prevedibbiltà u l-istabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-akkwist pubbliku għadhom sfidi importanti u l-istrateġija tal-akkwist pubbliku nazzjonali mhijiex implimentata b’mod sħiħ.

(23)

It-twettiq tat-tfassil tal-politika pubblika sar dejjem aktar imprevedibbli, u qed ikun ta’ piż fuq l-ambjent tan-negozju. Eżempju riċenti huwa l-adozzjoni permezz ta’ ordinanza tal-gvern f’sett ta’ miżuri estensivi li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur bankarju, il-maniġers tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru, u l-kumpaniji tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet interessati jew valutazzjoni tal-impatt. Valutazzjonijiet tal-impatt regolatorji jibqgħu formalità, filwaqt li l-kwalità u l-użu reali tagħhom ivarjaw sostanzjalment bejn is-setturi. Hemm biss kontroll tal-kwalità limitat tal-valutazzjonijiet tal-impatt regolatorju u tat-tfassil tal-politika. Ma hemm l-ebda mekkaniżmu sostenibbli ta’ monitoraġġ tal-politika b’sistema ta’ rappurtar trasparenti u evalwazzjonijiet ex-post. Inizjattivi leġiżlattivi importanti ta’ spiss jitħabbru eżatt qabel l-adozzjoni. L-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi huwa dgħajjef, u rarament jeżisti djalogu ġenwin, għalkemm l-istrutturi istituzzjonali għalih huma disponibbli. Proċeduri amministrattivi kkumplikati b’mod partikolari jaffettwaw in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju. Pereżempju, proċeduri amministrattivi onerużi għat-twaqqif ta’ negozji kif ukoll rekwiżiti regolatorji imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi, inklużi professjonijiet regolati, jimpedixxu aktar żvilupp tas-suq. L-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti rigward il-ġestjoni tar-riżorsi umani fl-amministrazzjoni pubblika għadha lura. Il-frammentazzjoni għolja tar-responsabbiltajiet u r-riżorsi taffettwa l-konsistenza u d-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi pprovduti, speċjalment fil-livell lokali. Strateġiji nazzjonali u reġjonali għal servizzi pubbliċi differenti ma jiġux tradotti f’miżuri integrati fil-livell reġjonali u lokali. Il-finanzjament tas-servizzi pubbliċi huwa irregolari fil-pajjiż u spiss ma jikkorrispondix għall-ħtiġijiet lokali. Fatturi bħal approċċ strateġiku unifikat għal kull tip ta’ servizz, lakuni eżistenti u ħtiġijiet biex jiġu żviluppati servizzi ġodda huma injorati. Id-dħul tal-awtoritajiet lokali huwa nieqes mill-istabbiltà u l-prevedibbiltà. Ittieħdet azzjoni limitata biex jittejjeb il-bilanċ bejn ir-responsabilitajiet li għandhom ikunu deċentralizzati u l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji biex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jwasslu servizzi ta’ kwalità. Huma meħtieġa azzjonijiet addizzjonali biex tiżdied il-kapaċità amministrattiva fil-livell lokali.

(24)

L-intrapriżi tal-Istat għandhom rwol ċentrali fis-setturi tal-infrastruttura kritika bħall-enerġija u t-trasport ferrovjarju. Il-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħhom tjiebet dan l-aħħar, bis-saħħa ta’ ambjent makroekonomiku favorevoli. Madankollu, it-trasparenza u l-iżvelar tar-riżultati finanzjarji u operazzjonali ma tjiebux u r-regoli ta’ governanza korporattiva għadhom qed jiġu applikati biss irregolarment. Eżempji speċifiċi jinkludu l-ħatra ripetuta ta’ bordijiet interim, li jitbiegħdu mill-ispirtu tal-liġi, u n-nuqqas ta’ użu ta’ għodod ta’ infurzar disponibbli f’konformità mal-leġiżlazzjoni għal kumpaniji mhux konformi. Riskji li l-leġiżlazzjoni fuq l-intrapriżi tal-Istat tista’ tiddgħajjef b’mod sostanzjali ma ttaffewx. Dan jammonta għal treġġigħ lura tal-progress li sar fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mill-2015 u l-2016. B’riżultat ta’ dan, il-kundizzjonijiet ewlenin biex jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi qed jiġu mfixkla, u hemm lok għal distorsjoni fid-deċiżjonijiet ta’ investiment. It-trasferiment tas-sjieda ta’ diversi intrapriżi kbar tal-Istat lill-Fond Sovran għall-Iżvilupp u għall-Investiment il-ġdid se jirrikjedi implimentazzjoni bir-reqqa ta’ regoli ta’ governanza korporattiva b’saħħithom kemm għall-Fond kif ukoll għall-kumpaniji fil-portafoll tiegħu.

(25)

Żviluppi matul l-aħħar sena qajmu tħassib fir-rigward tal-istat tad-dritt u saħħew it-tħassib serju preċedenti rigward l-irriversibbiltà u s-sostenibbiltà tal-progress preċedenti tar-Rumanija dwar ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja tagħha u l-indirizzar tal-korruzzjoni f’livell għoli. Dawn il-kwistjonijiet huma s-suġġett tal-monitoraġġ taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika. Emendi għal tliet liġijiet tal-ġustizzja issa huma fis-seħħ u fihom numru ta’ miżuri li jdgħajfu l-garanziji legali għall-indipendenza ġudizzjarja. Dawn x’aktarx se jimminaw kemm l-effettività tax-xogħol ta’ kuljum mill-imħallfin u l-prosekuturi kif ukoll il-fiduċja tal-pubbliku fil-ġudikatura. Qed issir pressjoni fuq istituzzjonijiet ġudizzjarji u fuq maġistrati individwali. inkluż permezz tat-twaqqif ta’ sezzjoni speċjalizzata ta’ prosekuzzjoni għal reati allegatament imwettqa minn maġistrati. Il-passi kontinwi biex jiġi emendat il-kodiċi kriminali u l-kodiċi tal-proċedura kriminali jkollhom impatt negattiv fuq l-effettività tal-investigazzjonijiet u l-proċessi kriminali u jnaqqsu wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-korruzzjoni bħala reat. Aktar tħassib jirrigwarda l-proċessi ta’ tkeċċija u ta’ ħatra ta’ maġistrati ta’ livell għoli. Avviżi riċenti jissuġġerixxu li miżuri relatati mar-riforma tas-sistema tal-ġustizzja jistgħu jiġu kkunsidrati mill-ġdid.

(26)

Skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika, il-Kummissjoni tkompli timmonitorja r-riforma tas-sistema ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-Rumanija. Għalhekk dawn l-oqsma mhumiex koperti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għar-Rumanija iżda huma rilevanti għall-iżvilupp ta’ ambjent soċjoekonomiku pożittiv fil-pajjiż.

(27)

L-ipprogrammar tal-fondi tal-Unjoni għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2019. Dan ikun jippermetti lir-Rumanija tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.

(28)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Rumanija u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Rumanija fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Rumanija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(29)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019 u l-opinjoni tiegħu (12) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(30)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) hawn taħt. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt jikkontribwixxu, fost l-oħrajn, biex jiġu indirizzati żbilanċi marbuta mal-kompetittività u l-pożizzjoni esterna,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2019 u l-2020 biex:

1.   

Tiżgura konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-għan li tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Tiżgura l-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali. Issaħħaħ il-konformità mar-regoli tat-taxxa u l-ġbir tat-taxxa.

2.   

Tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja u r-robustezza tas-settur bankarju. Tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi u l-vijabbiltà fit-tul tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru.

3.   

Ittejjeb il-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni, b’mod partikolari għar-Rom u gruppi żvantaġġati oħra. Ittejjeb il-ħiliet, inkluż dawk diġitali, b’mod partikolari billi żżid ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja. Iżżid il-kopertura u l-kwalità tas-servizzi soċjali u tlesti r-riforma tad-dħul tal-inklużjoni minima. Ittejjeb il-funzjonament tad-djalogu soċjali. Tiżgura li l-paga minima tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, konsistenti mal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Ittejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-kosteffiċjenza tagħha, inkluż permezz tal-bidla għall-kura ambulatorja.

4.   

Tiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fit-trasport, b’mod partikolari fuq is-sostenibbiltà tiegħu, l-enerġija b’użu baxx ta’ karbonju u l-effiċjenza fl-enerġija, l-infrastruttura ambjentali kif ukoll l-innovazzjoni, filwaqt li tqis id-disparitajiet reġjonali. Ittejjeb it-tħejjija u l-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti kbar u taċċellera l-implimentazzjoni tagħhom. Ittejjeb l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku u tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u sostenibbli tal-istrateġija nazzjonali tal-akkwist pubbliku.

5.   

Tiżgura li l-inizjattivi leġiżlattivi ma jimminawx iċ-ċertezza ġuridika billi ttejjeb il-kwalità u l-prevedibbiltà tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet interessati, valutazzjonijiet tal-impatt effettivi u proċeduri amministrattivi simplifikati. Issaħħaħ il-governanza korporattiva ta’ intrapriżi tal-Istat.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 98.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għal miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

(6)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 3).

(7)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li huma korrisposti bis-sħiħ minn dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fuq in-nefqa tal-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa mifrux fuq perjodu ta’ erba’ snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2020 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 16).

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 bil-għan li tiġi korretta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 1).

(10)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1002 tal-14 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mir-Rumanija b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 (ĠU L 163, 20.6.2019, p. 62).

(11)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2019 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fir-Rumanija (ĠU C 210, 21.6.2019, p. 1).

(12)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top