EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019H0794
Commission Recommendation (EU) 2019/794 of 15 May 2019 on a coordinated control plan with a view to establishing the prevalence of certain substances migrating from materials and articles intended to come into contact with food (notified under document C(2019) 3519) (Text with EEA relevance.)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/794 tal-15 ta' Mejju 2019 dwar pjan koordinat ta' kontroll bil-għan li tkun stabbilita l-prevalenza ta' ċerti sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (notifikata bid-dokument C(2019) 3519) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/794 tal-15 ta' Mejju 2019 dwar pjan koordinat ta' kontroll bil-għan li tkun stabbilita l-prevalenza ta' ċerti sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (notifikata bid-dokument C(2019) 3519) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2019/3519
OJ L 129, 17.5.2019, p. 37–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 129/37 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/794
tal-15 ta' Mejju 2019
dwar pjan koordinat ta' kontroll bil-għan li tkun stabbilita l-prevalenza ta' ċerti sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel
(notifikata bid-dokument C(2019) 3519)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53 tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tirrakkomanda pjanijiet koordinati ta' kontroll fejn tqis li huma meħtieġa, organizzati fuq bażi ad hoc, bil-ħsieb li tistabbilixxi l-prevalenza tal-perikli fl-għalf, fl-ikel u fl-annimali. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali dwar is-sigurtà tal-materjali u l-oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (“materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel”), speċifikament rigward it-trasferiment fl-ikel tal-kostitwenti tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Barra minn hekk, miżuri speċifiċi għal gruppi ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel ġew stabbiliti skont l-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament. B'mod partikolari, għall-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ġiet stabbilita lista ta' sustanzi awtorizzati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (3). Uħud minn dawn is-sustanzi awtorizzati huma soġġetti wkoll għal restrizzjonijiet, inklużi b'Limiti ta' Migrazzjoni Speċifiċi (SML), li jirrestrinġu l-migrazzjoni tagħhom fl-ikel jew fuqu. |
(3) |
L-informazzjoni disponibbli mis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (“RASFF”), irrappurtata b'konformità mal-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tindika diversi nuqqasijiet ta' konformità fir-rigward tal-migrazzjoni ta' ċerti sustanzi minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Madankollu, fil-preżent ma hemmx informazzjoni adegwata biex tkun tista' tiġi determinata biżżejjed il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi fl-ikel li jemigra minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. |
(4) |
Ammini aromatiċi primarji (“PAA”) huma familja ta' komposti, li wħud minnhom huma karċinoġeniċi, filwaqt li oħrajn huma suspettati li huma karċinoġeni. Il-PAA jistgħu jinħolqu f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel minn sustanzi awtorizzati, mill-preżenza ta' impuritajiet jew minn prodotti ta' skompożizzjoni, kif ukoll mill-użu ta' kuluranti ażo biex il-materjali jingħataw il-lewn. L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 10/2011 jistipula li tali PAA ma għandhomx jemigraw minn materjali u oġġetti tal-plastik fl-ikel jew f' simulant tal-ikel. Ix-xogħol imwettaq miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea stabbilixxa wkoll li l-PAA jseħħu f'konċentrazzjonijiet fi srievet tal-karti kkuluriti li huma rilevanti għall-monitoraġġ. |
(5) |
Il-formaldeid (FCM Nru 98) hija sustanza awtorizzata fil-livell tal-Unjoni għall-użu fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Madankollu, hija soġġetta għal SML ta' 15 mg/kg (espress bħala t-total ta' formaldeid u eżametilenetetrammina). |
(6) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2011 (5) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi u l-proċeduri ddettaljati għall-importazzjoni ta' oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi poliammid u melammina li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u minn Hong Kong, inklużi kontrolli fiżiċi obbligatorji ta' 10 % tal-kunsinni mill-Istati Membri. Ir-Regolament ġie introdott abbażi ta' għadd elevat ta' nuqqas ta' konformità minħabba r-rilaxx ta' livelli għoljin ta' PAA mill-materjali tal-plastik poliammid li jiġu f'kuntatt mal-ikel u formaldeid minn materjali tal-plastik melammina li jiġu f'kuntatt mal-ikel. |
(7) |
Analiżi riċenti tad-data bbażata fuq il-kontrolli mwettqa fil-punt ta' importazzjoni fl-Unjoni Ewropea u rrappurtata f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 284/2011, tindika tnaqqis fin-nuqqas ta' konformità ta' dawn il-prodotti. Madankollu, abbażi tar-riżultati minn analiżi ta' kampjuni meħuda mis-suq, id-data tal-RASFF turi li wħud minn dawn il-prodotti għadhom mhux konformi. L-informazzjoni turi wkoll li l-oriġini ta' dawn il-prodotti mhix ristretta għaċ-Ċina u Hong Kong. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati l-livelli ta' PAA u formaldeid b'żieda mal-kontrolli mwettqa skont ir-Regolament (UE) Nru 284/2011. |
(8) |
Il-melammina (FCM Nru 239) hija wkoll sustanza awtorizzata fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u soġġetta għal SML ta' 2,5 mg/kg. Minbarra l-formaldeid, ġiet irrappurtata wkoll il-migrazzjoni tal-melammina mill-oġġetti tal-kċina tal-plastik melammina. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati l-livelli ta' melammina li jemigraw mill-istess kampjuni. |
(9) |
Il-fenol (FCM Nru 241) hija sustanza awtorizzata għall-użu bħala monomeru biex timmanifattura materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u tista' tintuża wkoll biex timmanifattura tipi oħra ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi reżini epossidiċi użati fil-verniċ u l-kisi. SML ta' 3 mg/kg japplika għal materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li ġie introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/174 (6) abbażi ta' evalwazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità naqqset id-Doża Tollerabbli ta' Kuljum (TDI) minn 1,5 mg/kg piż tal-ġisem għal 0,5 mg/kg ta' piż tal-ġisem, filwaqt li nnotat li hemm bosta sorsi ta' esponiment għall-fenol minbarra dawk relatati ma' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, li jistgħu jikkontribwixxi għal livelli ta' esponiment fil-limitu tat-TDI jew ogħla. Għalhekk, jixraq li l-livelli ta' fenol jiġu kkontrollati fid-dawl ta' eċċessi potenzjali tat-TDI. |
(10) |
Is-sustanza 2,2-bis (4-idrossifenil)propan (FCM Nru 151), komunement magħrufa bħala bisfenol A (“BPA”) hija sustanza awtorizzata għall-użu bħala monomeru biex ikunu mmanifatturati materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel iżda tintuża wkoll għall-manifattura ta' materjali u oġġetti oħra li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi reżini epossidiċi użati fil-verniċ u l-kisi. Riċentement, SML ġdid ta' 0,05 mg/kg ġie introdott bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/213 (7) għall-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u barra minn hekk, l-SML japplika għal verniċ u kisi, abbażi ta' evalwazzjoni mill-ġdid mill-Awtorità, li kkonkludiet li dwar Doża Tollerabbli ta' Kuljum (TDI) temporanjament inqas meta mqabbla mat-TDI preċedenti. Għalhekk, jixraq li dawn il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jiġu kkontrollati biex tiġi ddeterminata l-konformità tal-migrazzjoni tal-BPA fid-dawl ta' dan l-SML il-ġdid. |
(11) |
Minbarra l-BPA, bisfenoli oħra jistgħu jintużaw fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jew jemigraw minnhom. B'mod partikolari, il-4,4′-dihydroxydiphenyl sulfon, komunement magħrufa bħala bisfenol S (“BPS”, FCM Nru 154) tintuża bħala monomeru biex ikun immanifatturat plastik polietersulfon u hija awtorizzata biex tintuża għall-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-Unjoni b'SML ta' 0,05 mg/kg. Ma hemm l-ebda informazzjoni riċenti disponibbli dwar il-possibbiltà tal-migrazzjoni tagħha fl-ikel u l-informazzjoni dwar l-użu possibbli tagħha jew il-migrazzjoni minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel mogħtija l-verniċ jew miksijin, mhijiex kompluta. Għalhekk, jixraq li jiġu kkontrollati materjali li potenzjalment jemigra minnhom il-BPS biex tkun ivverifikata l-prevalenza ta' BPS li jemigra fl-ikel. |
(12) |
L-esteri tal-ftalati (“ftalati”) huma grupp ta' sustanzi użati b'mod wiesa' bħala plastifikanti u aġenti ta' appoġġ tekniku. Ħames ftalati ġew awtorizzati għall-użu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inklużi d-di-butilftalat (“DBP”, FCM Nru 157), il-butil-benżil-ftalat (“BBP”, FCM Nru 159), il-bis(2-etileżil)ftalat (“DEHP”, FCM Nru 283), il-ftalat ta' diisononil (“DINP”, FCM Nru 728) u l-ftalat ta' diisodekil (“DIDP”, FCM Nru 729). Dawn il-ftalati huma inklużi fir-restrizzjoni tal-grupp ta' SML (T) ta' 60 mg/kg, flimkien ma' numru ta' sustanzi oħra. SMLs individwali huma applikabbli wkoll għad-DBP, il-BBP u d-DEHP, filwaqt li teżisti restrizzjoni tal-grupp għad-DINP u d-DIDP ta' 9 mg/kg. Il-konċentrazzjoni ta' dawn il-ħames ftalati hija ristretta wkoll f'oġġetti għall-kura tat-tfal għat-tmigħ, kif stabbilit fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Minbarra r-riżultati mill-RASFF li jindikaw nuqqas ta' konformità mal-SMLs, ftalati li mhumiex awtorizzati għall-użu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel xorta jistgħu jinstabu f'materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jemigraw fl-ikel. Għalhekk, jixraq li l-livelli ta' ftalati jiġu kkontrollati fid-dawl tal-possibbiltà ta' nuqqas ta' konformità. |
(13) |
Minbarra l-użu tal-ftalati, sustanzi oħra mhux tal-ftalati jintużaw ukoll f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel bħala plastifikanti. Iż-żejt tas-sojja epossidizzat (“ESBO”, FCM Nru 532) kif ukoll il-1,2-Ċikloeżan dikarbossiliku aċidu diisononil ester (“DINCH”, FCM Nru 775) u l-aċidu tereftaliku, bis(2-etileżil)ester (“DEHTP” jew “DOTP”, FCM Nru 798) huma awtorizzati għall-użu fil-manifattura ta' materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel u huma inklużi fil-grupp ta' SML (T) ta' 60 mg/kg. Barra minn hekk, kemm id-DEHTP kif ukoll l-ESBO għandhom SMLs individwali ta' 60 mg/kg, bl-eċċezzjoni tal-gaskets tal-PVC li jintużaw biex jissiġillaw vażetti tal-ħġieġ li jkun fihom l-ikel tat-trabi u tat-tfal żgħar fejn, l-SML għall-ESBO huwa ta' 30 mg/kg. Ix-xogħol preċedenti mwettaq mill-Istati Membri u mill-Iżvizzera identifika kwistjonijiet ta' konformità mal-migrazzjoni tal-ESBO mill-għotjien tal-vażetti. Minħabba li hemm ukoll indikazzjoni li d-DINCH u d-DEHTP jistgħu jintużaw bħala sostituti għall-ftalati u ftit li xejn hemm informazzjoni jew ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli dwar il-migrazzjoni tagħhom fl-ikel, jixraq li tiġi vverifikata l-prevalenza ta' dawn is-sustanzi li jemigraw fl-ikel. |
(14) |
Sustanzi per- u polifluworoalkiliċi (“PFAS”) huma grupp ta' komposti li jinkludu l-aċidu perfluworoottanojku (“PFOA”) u s-sulfonat tal-perfluworooktan (“PFOS”). Minħabba l-proprjetajiet amfifiliċi tagħhom, dawn il-komposti fluworinati jintużaw fil-produzzjoni ta' kisi kontra l-ilma u x-xaħam bħal dawk użati fil-materjali tal-imballaġġ tal-ikel magħmula mill-karta jew mill-kartun. Informazzjoni minn xi Stati Membri tindika tħassib possibbli dwar il-livelli ta' dawn is-sustanzi fil-materjali tal-imballaġġ miksija magħmula mill-karta jew mill-kartun. Barra minn hekk, mill-4 ta' Lulju 2020, l-użu tal-PFOA fil-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' oġġetti, inklużi fil-materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, huwa ristrett, kif stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 (9). Għalhekk, jixraq li tiġi investigata aktar il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi fil-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. |
(15) |
Il-metalli u l-ligi jintużaw f'materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda kif ukoll tagħmir għall-ipproċessar tal-ikel. Numru ta' SMLs huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni għal metalli li jemigraw minn materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel; madankollu, informazzjoni mill-RASFF tindika numru ta' nuqqasijiet ta' konformità għall-oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda tal-metall, abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju jew iktar minn hekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Billi l-perikli minn ċerti metalli bħaċ-ċomb u l-kadmju huma definiti tajjeb, jixraq li jitwettqu kontrolli fuq il-migrazzjoni tal-metalli fl-ikel u li jittejjeb il-fehim tal-prevalenza tal-migrazzjoni tal-metalli, inkluż b'mod partikolari minn materjali u oġġetti importati li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll prodotti tradizzjonali u artiġjanali. |
(16) |
Sabiex jiġu żgurati l-inertezza u s-sigurtà ġenerali tal-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel, ġie stabbilit limitu ta' migrazzjoni globali (LMG) biex jirrestrinġi r-rilaxx ta' kostitwenti mhux volatili fl-ikel, inklużi partiċelli bħal mikrofibri. Billi materjali u oġġetti tal-plastik konvenzjonali huma taħt pressjoni biex ikunu sostitwiti minħabba tħassib ambjentali, addittivi derivati minn sorsi naturali qed jintużaw għall-mili flimkien mal-plastik sabiex jitnaqqsu l-impatti ambjentali. Sabiex jiġi verifikat li l-prattiki tajbin tal-manifattura ġew segwiti u li dawn il-materjali u oġġetti tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel huma inerti biżżejjed, jixraq li jkun hemm kontrolli għall-migrazzjoni ġenerali. |
(17) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' din ir-Rakkomandazzjoni u sabiex jiġu ġġenerati riżultati affidabbli u komparabbli tal-kontrolli, il-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea (EU-RL) għal Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel jenħtieġ li jassissti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni fejn meħtieġ. |
(18) |
Sabiex tiġi massimizzata l-informazzjoni disponibbli dwar il-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, jenħtieġ li l-Istati Membri ukoll jiġu mħeġġa jissottomettu data rilevanti li ġiet iġġenerata reċentement, qabel l-applikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riżultati huma affidabbli u konsistenti ma' dawk iġġenerati bħala parti minn dan il-programm ta' kontroll, jenħtieġ li jiġu rrappurtati biss dawk ir-riżultati li ġew iġġenerati skont ir-regoli rilevanti dwar it-teħid tal-kampjuni u l-analiżi tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, kif ukoll skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali. |
(19) |
L-għan primarju ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tkun stabbilita l-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali u oġġetti li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-ikel jew il-prevalenza ta' sustanzi fil-materjal jew fl-oġġett li jiġi f'kuntatt mal-ikel; mhuwiex maħsub biex jikkontribwixxi għall-fehim tal-livelli ta' esponiment. Għalhekk, jenħtieġ li d-data tiġi sottomessa bl-użu ta' format komuni sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kkoordinati u miġbura b'mod konsistenti. |
(20) |
Fejn xieraq, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw azzjoni ta' infurzar skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri applikabbli. |
(21) |
L-informazzjoni ġġenerata dwar il-prevalenza ta' dawn is-sustanzi li tirriżulta minn din ir-Rakkomandazzjoni jenħtieġ li tintuża biex tiddetermina jekk kwalunkwe azzjoni futura possibbli hijiex meħtieġa, b'mod partikolari biex ikunu żgurati livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumaturi. Tali azzjoni futura tista' tinkludi miżuri addizzjonali ta' kontroll għal sustanzi minn materjali tal-plastik li għalihom jeżistu miżuri speċifiċi tal-UE. Barra minn hekk, ir-riżultati jistgħu jikkontribwixxu għal bażi ta' informazzjoni li permezz tagħha jistgħu jiġu kkunsidrati prijoritajiet futuri fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, b'mod partikolari għall-materjali li għalihom ma jeżistux miżuri speċifiċi tal-UE. |
(22) |
L-implimentazzjoni ta' dan il-pjan koordinat ta' kontroll, hija mingħajr preġudizzju għall-kontrolli uffiċjali l-oħra mwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tal-programmi ta' kontrolli nazzjonali tagħhom, kif previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jimplimentaw il-pjan koordinat ta' kontroll għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel kif indikat fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni. In-numru minimu totali ta' kampjuni rakkomandat fl-Anness jenħtieġ li jkun segwit sa fejn ikun possibbli. |
2. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa skont l-Anness. |
3. |
L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw ukoll ir-riżultati ġġenerati bħala parti minn kwalunkwe kontroll preċedenti mwettaq fil-ħames snin qabel l-1 ta' Jannar 2019. Dawn il-kontrolli jenħtieġ li jkunu rilevanti għas-sustanzi f'materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel jew li jemigraw minnhom, soġġetti għal din ir-Rakkomandazzjoni u mwettqa f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u mal-kontrolli uffiċjali. Ir-riżultati jenħtieġ li jiġu rrappurtati f'konformità mal-Anness. |
4. |
F'każ ta' nuqqas ta' konformità, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw aktar azzjoni ta' infurzar f'konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra ta' rappurtar, tali azzjoni ta' infurzar ma għandhiex tiġi rrapportata lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din ir-Rakkomandazzjoni. |
5. |
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. |
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2019.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta' Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2011 tat-22 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi u proċeduri ddettaljati għall-importazzjoni ta' oġġetti tal-kċina magħmulin mill-plastiċi poliammid u melammina li joriġinaw jew li jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Reġjun Speċjali Amministrattiv ta' Ħong Kong, iċ-Ċina (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 25).
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/174 tal-5 ta' Frar 2015 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 10/2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 30, 6.2.2015, p. 2).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/213 tat-12 ta' Frar 2018 dwar l-użu tal-bisfenol A fil-verniċ u fil-kisi maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 10/2011 fir-rigward tal-użu ta' dik is-sustanza fil-materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel (ĠU L 41, 14.2.2018, p. 6).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1000 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u s-sustanzi relatati mal-PFOA (ĠU L 150, 14.6.2017, p. 14).
ANNESS
AZZJONIJIET U AMBITU TAL-PJAN KOORDINAT TA' KONTROLL
1. Għan
L-għan ġenerali tal-pjan ta' kontroll huwa li tkun stabbilita l-prevalenza ta' sustanzi li jemigraw minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel fl-ikel jew il-preżenza ta' sustanzi fil-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kontrolli uffiċjali sabiex tiġi stabbilita l-prevalenza fis-suq tal-Unjoni Ewropea fir-rigward
— |
tal-migrazzjoni ta' sustanzi fil-mira minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel; |
— |
tas-sustanzi fil-mira f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel; |
— |
tal-migrazzjoni ġenerali minn materjali tal-plastik li jiġu f'kuntatt mal-ikel. |
2. Deskrizzjonijiet tal-kampjuni u metodoloġija
It-tabella ta' hawn taħt tistabbilixxi t-tipi ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li jenħtieġ li jittieħdu kampjuni tagħhom flimkien mas-sustanzi li għalihom jenħtieġ li tiġi analizzata l-migrazzjoni minn dawk il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bl-eċċezzjoni ta' komposti fluworinati li fil-każ tagħhom jenħtieġ li tiġi analizzata l-kwantità fil-materjal.
It-teħid tal-kampjuni jenħtieġ li jinkludi l-punt tal-importazzjoni għal materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel minn pajjiżi terzi, għalkemm l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-kontrolli li jkunu diġà qed isiru skont ir-Regolament (UE) Nru 284/2011. L-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu wkoll kontrolli tas-suq, inkluż it-teħid ta' kampjuni fil-punti tal-bejgħ bl-ingrossa u tad-distribuzzjoni sabiex ikun permess aċċess għal daqs biżżejjed ta' kampjun ta' lott partikolari u fejn meħtieġ jiffaċilitaw kwalunkwe azzjoni ta' segwitu.
Il-laboratorji li jintużaw għall-analiżi tal-kampjuni jenħtieġ li jkunu dawk il-laboratorji nominati skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, appoġġati minn laboratorji ta' referenza nazzjonali f'konformità mal-Artikolu 33(2)(e) ta' dak ir-Regolament. L-EU-RL jenħtieġ li jappoġġa din ir-Rakkomandazzjoni f'konformità mal-Artikolu 94(2)(a) tar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jekk ikun meħtieġ minn laboratorji ta' referenza nazzjonali.
Jekk ma jkunx prattiku li tiġi ddeterminata l-migrazzjoni bl-użu ta' ikel jew simulant tal-ikel, jenħtieġ li l-prevalenza tiġi ddeterminata fil-materjal u l-kalkolu jew l-immudellar jenħtieġ li jintużaw biex tiġi stmata l-migrazzjoni massima fl-ikel.
Sustanzi li jeħtieġ jiġu ttestjati |
Materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel li minnhom jeħtieġu jittieħdu l-kampjuni |
Ammini aromatiċi primarji (PAA) |
Oġġetti ta' fuq il-mejda u tal-kċina tal-plastik u materjali stampati li jiġu f'kuntatt mal-ikel, inkluż il-karta u l-kartun |
Formaldeid u Melammina |
Oġġetti ta' fuq il-mejda u tal-kċina tal-plastik, inkluż oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda mhux konvenzjonali tal-plastik, bħal tazzi tal-kafè li jistgħu jerġgħu jintużaw li fihom addittivi fil-plastik derivati minn sorsi naturali bħall-bambù |
Fenol |
Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda tal-plasik; materjali mogħtija l-verniċ jew miksija u; materjali tal-imballaġġ stampati magħmula mill-plastik, il-karta, u l-kartun |
Bisfenoli inkluż il-BPA u l-BPS |
Plastik polikarbonat (BPA) u plastik polietersulfon (BPS); imballaġġ tal-metall miksi (eż. bottijiet, għotjien) |
Plastifikanti tal-ftalati u mhux tal-ftalati |
Materjali u oġġetti tal-plastik, b'mod partikolari dawk immanifatturati bl-użu tal-polivinilklorur (PVC) bħal folji ffurmati bis-sħana, imballaġġ flessibbli u tubi; għotjien |
Komposti fluworinati |
Materjali u oġġetti magħmula mill-karta u l-kartun, linkluż dawk li jintużaw għat-tgeżwir tal-fast-food, takeaway jew prodotti tal-ħobż, kif ukoll boroż tal-popcorn tal-microwave |
Metalli |
Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda taċ-ċeramika, tal-enamel, tal-ħġieġ u tal-metall, inkluż materjali u oġġetti prodotti b'mod artiġjanali u tradizzjonali |
Migrazzjoni ġenerali |
Oġġetti tal-kċina u ta' fuq il-mejda mhux konvenzjonali, bħal tazzi tal-kafè li jistgħu jerġgħu jintużaw li fihom addittivi fil-plastik derivati minn sorsi naturali bħall-bambù |
3. Numru ta' kampjuni
It-tabella ta' hawn taħt tagħti n-numru totali ta' kampjuni indikattiv rakkomandat li jiġi ttestjat f'kull Stat Membru, għal dawk l-Istati Membri li qed jipparteċipaw, għall-iskop ta' dan il-pjan koordinat ta' kontroll.
Stat Membru |
Numru minimu totali rakkomandat tal-kampjuni |
Il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, ir-Renju Unit |
100 |
Ir-Repubblika Ċeka, Ċipru, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija |
75 |
Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Awstrija, il-Portugall, l-Iżvezja |
50 |
Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja |
25 |
4. Perjodu ta' żmien għall-kontrolli
Il-kontrolli jenħtieġ li jsiru bejn l-1 ta' Ġunju 2019 u l-31 ta' Diċembru 2019.
5. Rappurtar
Ir-riżultati jenħtieġ li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni bl-użu ta' format komuni sad-29 ta' Frar 2020.
(1) Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95 7.4.2017, p. 1).