This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D2212
Commission Implementing Decision (EU) 2019/2212 of 20 December 2019 on a pilot project to implement certain administrative cooperation provisions set out in Regulation (EU) 2017/2394 of the European Parliament and of the Council on cooperation between authorities responsible for the enforcement of consumer protection laws by means of the Internal Market Information System (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2212 tal-20 ta’ Diċembru 2019 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2212 tal-20 ta’ Diċembru 2019 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2019/8051
ĠU L 332, 23.12.2019, p. 159–162
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/159 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2212
tal-20 ta’ Diċembru 2019
dwar proġett pilota biex jiġu implimentati ċerti dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“l-IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hija applikazzjoni tas-software li huwa aċċessibbli permezz tal-Internet u li ġiet żviluppata mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni billi tipprovdi mekkaniżmu ċentralizzat ta’ komunikazzjoni biex jiffaċilita l-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni u assistenza reċiproka. |
(2) |
L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq proġetti pilota biex tivvaluta l-effettività tal-IMI fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva fl-atti tal-Unjoni li mhumiex elenkati fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. |
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ xulxin u mal-Kummissjoni. L-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data elettronika għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni skont dak ir-Regolament. Dan jirrikjedi wkoll li kwalunkwe informazzjoni pprovduta minn entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament tinħażen u tiġi pproċessata f’dik il-bażi tad-data elettronika. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Awtorità Bankarja Ewropea taġixxi bħala osservatur f’ċerti każijiet, u l-Awtorità Bankarja Ewropea jenħtieġ għalhekk li tkun tista’ taċċessa l-bażi tad-data elettronika f’tali każ sabiex tkun tista’ tosserva l-komunikazzjonijiet rilevanti. |
(4) |
Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2213 (3) li tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operattivi għall-funzjonament tal-bażi tad-data elettronika stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li saru skont ċerti dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. L-IMI tista’ tkun għodda effettiva fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2213 Għaldaqstant, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu s-suġġett ta’ proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012. |
(5) |
Ir-Regolament (UE) 2017/2394 jiddefinixxi atturi differenti responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti f’dak ir-Regolament. Sabiex tiġi garantita l-applikazzjoni effettiva ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, dawk l-atturi għandhom jitqiesu bħala atturi tal-IMI għall-finijiet tal-proġett pilota. |
(6) |
Jenħtieġ li l-IMI tipprovdi l-funzjonalità teknika li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni, lill-Kummissjoni u lil atturi oħra biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2213 L-IMI jenħtieġ li tiżgura li l-aċċess għall-IMI minn dawk l-atturi jkun ristrett għall-funzjonalità li għaliha għandhom bżonn l-aċċess sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dak ir-Regolament. |
(7) |
L-IMI tippermetti lill-atturi tal-IMI biex jikkomunikaw u jinteraġixxu ma’ xulxin b’mod strutturat. Dan ifisser li għandhom jintużaw formoli strutturati għall-iskambju u l-ipproċessar tal-informazzjoni kollha permezz tal-IMI. Għalhekk, l-użu ta’ dawn il-formoli se jissodisfa kwalunkwe rekwiżit fir-Regolament (UE) 2017/2394 biex jintużaw formoli standard għal komunikazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett pilota (pereżempju, ir-rekwiżit fl-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-Regolament). |
(8) |
L-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2017/2394 jipprevedi li d-data relatata mal-ksur għandha tinħażen fil-bażi tad-data elettronika għajr għaż-żmien meħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun inġabret u ġiet ipproċessata u fi kwalunkwe każ għal mhux aktar minn ħames (5) snin minn tmiem il-kooperazzjoni rilevanti. Għalhekk, l-IMI jenħtieġ li tiżgura li hekk kif id-data relatata ma’ ksur ma tibqax meħtieġa aktar, id-data tista’ titħassar mill-IMI, u li tali data fi kwalunkwe każ titħassar sa mhux aktar tard minn ħames (5) snin wara d-data speċifikata fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2017/2394. Huwa biss rekord tal-iskambji ta’ informazzjoni li jista’ jibqa’ aċċessibbli fl-IMI. Din id-dispożizzjoni għandha topera mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 sa fejn l-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu tirriżulta fl-imblukkar jew it-tħassir preċedenti ta’ data personali maħżuna bħala parti mill-proġett pilota. |
(9) |
F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, il-Kummissjoni trid tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa xieraq li tiġi speċifikata d-data sa meta l-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, id-data speċifikata għandha tkun l-istess bħad-data li fiha jenħtieġ li jiġi ppreżentat ir-rapport mitlub mill-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2017/2394. |
(10) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proġett pilota
L-Artikoli minn 11 sa 23, 26, 27 u 28 tar-Regolament (UE) 2017/2394 għandhom ikunu soġġetti għal proġett pilota biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti f’dawk l-Artikoli permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”).
Artikolu 2
L-awtoritajiet kompetenti u atturi tal-IMI oħra
1. Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni maħtura skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2017/2394 u l-entitajiet li għandhom is-setgħa li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1) ta’ dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti fi ħdan it-tifsira tal-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
2. Għall-finijiet tal-proġett pilota, l-entitajiet li għandhom is-setgħa li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2017/2394 u l-Awtorità Bankarja Ewropea fil-kapaċità tagħha ta’ osservatur skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala atturi tal-IMI skont it-tifsira tal-punt (g) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.
Artikolu 3
Il-kooperazzjoni amministrattiva
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:
(a) |
il-preżentazzjoni ta’ talba għal informazzjoni skont dak l-Artikolu, inkluż kwalunkwe informazzjoni u evidenza ta’ akkumpanjament; |
(b) |
it-tressiq tat-talba lill-awtorità kompetenti xierqa; |
(c) |
it-tweġiba għat-talba għal informazzjoni; |
(d) |
l-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar rifjut ta’ konformità ma’ talba għal informazzjoni, inklużi r-raġunijiet għar-rifjut; |
(e) |
il-komunikazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar talba għal informazzjoni. |
2. Għall-finijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:
(a) |
il-preżentazzjoni ta’ talba għal miżuri ta’ infurzar skont dak l-Artikolu, inkluż kwalunkwe informazzjoni u evidenza ta’ akkumpanjament; |
(b) |
it-tressiq tat-talba lill-awtorità kompetenti xierqa; |
(c) |
l-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità applikanti dwar il-passi u l-miżuri meħuda jew li hemm ħsieb li jittieħdu b’reazzjoni għat-talba, inklużi l-komunikazzjonijiet li jikkonċernaw il-limitu ta’ żmien għall-konformità mat-talba; |
(d) |
in-notifikazzjoni lill-awtorità applikanti, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u l-effett ta’ dawk il-miżuri; |
(e) |
l-informazzjoni li trid tingħata lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar rifjut ta’ konformità ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar; |
(f) |
il-komunikazzjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar talba għal miżuri ta’ infurzar. |
3. Għall-finijiet tal-Artikoli minn 15 sa 23 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:
(a) |
in-notifikazzjoni tal-intenzjoni li titnieda azzjoni koordinata; |
(b) |
l-identifikazzjoni u l-ħatra ta’ koordinatur għall-azzjoni koordinata; |
(c) |
in-notifikazzjoni tat-tnedija ta’ azzjoni koordinata; |
(d) |
il-komunikazzjoni dwar l-intenzjoni ta’ parteċipazzjoni f’azzjoni koordinata; |
(e) |
in-notifikazzjoni tar-riżultati tal-investigazzjonijiet skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2017/2394; |
(f) |
il-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ parteċipazzjoni f’azzjoni koordinata, inklużi r-raġunijiet għad-deċiżjoni u kwalunkwe dokument ta’ sostenn; |
(g) |
il-komunikazzjoni ta’ pożizzjoni komuni dwar l-eżitu tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tal-ksur mifrux; |
(h) |
il-komunikazzjoni fir-rigward tal-impenji f’azzjonijiet koordinati; |
(i) |
il-komunikazzjoni fir-rigward tal-progress tal-azzjoni koordinata; |
(j) |
il-komunikazzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe talba għal assistenza reċiproka li tista’ tkun rilevanti għall-azzjoni koordinata; |
(k) |
il-komunikazzjoni fir-rigward tal-koordinazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ infurzar; |
(l) |
il-komunikazzjoni fir-rigward tal-għeluq tal-azzjoni koordinata. |
4. Għall-finijiet tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:
(a) |
il-ħruġ ta’ twissija, inkluż kwalunkwe informazzjoni ta’ akkumpanjament rilevanti u indikazzjoni possibbli tal-intenzjoni li titnieda azzjoni koordinata; |
(b) |
il-korrezzjoni tal-informazzjoni fi twissija; |
(c) |
l-irtirar ta’ twissija; |
(d) |
it-talba għal verifika dwar jekk ikunux qed iseħħu ksur simili jew jekk ittieħdux miżuri ta’ infurzar; |
(e) |
it-tweġib ta’ talbiet bħal dawn; |
(f) |
l-attribuzzjoni ta’ komunikazzjonijiet li jkunu deħlin lill-awtoritajiet kompetenti xierqa. |
5. Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għal dan li ġej:
(a) |
il-ħruġ ta’ twissija esterna, inkluż kwalunkwe informazzjoni rilevanti li takkumpanjaha; |
(b) |
il-korrezzjoni tal-informazzjoni fi twissija esterna; |
(c) |
l-irtirar ta’ twissija esterna; |
(d) |
l-attribuzzjoni ta’ komunikazzjonijiet li jkunu deħlin għand l-awtoritajiet kompetenti xierqa. |
6. Għall-finijiet tal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2017/2394, l-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika, b’mod partikolari, għall-miżuri ta’ notifika mittieħda biex jindirizzaw ksur.
Artikolu 4
L-aċċess għall-funzjonalità tal-IMI
L-IMI għandha tiżgura li dawk kollha li skont l-Artikolu 2 huma meqjusa bħala awtoritajiet kompetenti jew atturi oħra tal-IMI għall-finijiet tal-proġett pilota se jkunu jistgħu jaċċessaw biss il-funzjonalità tal-IMI li għandhom bżonn jaċċessaw sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2017/2394.
Artikolu 5
Iż-żamma tad- data
(1) L-IMI għandha tipprovdi l-funzjonalità teknika li tippermetti t-tħassir tad-data kollha maħżuna fl-IMI bħala parti mill-proġett pilota relatat ma’ ksur hekk kif l-atturi rilevanti tal-IMI jindikaw li dik id-data ma għadhiex meħtieġa għall-iskopijiet li għalihom inġabret u ġiet ipproċessata. L-IMI għandha tiżgura wkoll li din id-data kollha fi kwalunkwe każ titħassar sa mhux aktar tard minn 5 snin wara l-jum speċifikat għat-tip rilevanti ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva fil-punt (a), (b) jew (c) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regolament (UE) 2017/2394.
(2) Huwa biss rekord tal-fatt tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, li jeskludi kwalunkwe data li biha jista’ jiġi identifikat il-ksur, li għandu jibqa’ aċċessibbli fl-IMI wara t-tħassir ta’ dik id-data.
(3) Il-paragrafu 1 ma jaffettwax l-obbligi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 biex tiġi bblukkata u titħassar id-data personali maħżuna fl-IMI bħala parti mill-proġett pilota sakemm dak l-Artikolu jirriżulta fl-imblukkar jew it-tħassir preċedenti ta’ tali data.
Artikolu 6
L-evalwazzjoni
L-evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota msemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sas-17 ta’ Jannar 2023.
Artikolu 7
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandha tapplika mis-17 ta’ Jannar 2020.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2213 tal-20 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operattivi għall-funzjonament tal-bażi ta’ data elettronika stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti komunikazzjonijiet skont dak ir-Regolament (Ara l-paġna 163 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).