EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1754

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

ST/6929/2019/INIT

OJ L 271, 24.10.2019, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1754/oj

24.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1754

tas-7 ta’ Ottubru 2019

dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Lisbona għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u tar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom tal-31 ta’ Ottubru 1958 (il-“Ftehim ta’ Lisbona”) ħoloq unjoni speċjali (l-“Unjoni Speċjali”) fi ħdan il-qafas tal-Unjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali li ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883 (il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”). Skont it-termini tal-Ftehim ta’ Lisbona, il-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li fit-territorji tagħhom jipproteġu d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti tal-pajjiżi l-oħra fi ħdan l-Unjoni Speċjali li huma rikonoxxuti u protetti bħala tali fil-pajjiż ta’ oriġini u li huma rreġistrati fil-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), dment li fi żmien perijodu ta’ sena minn meta tasal in-notifika tat-tali reġistrazzjoni, dawk il-partijiet ma jiddikjarawx li ma jistgħux jiżguraw tali protezzjoni.

(2)

Seba’ Stati Membri huma partijiet tal-Ftehim ta’ Lisbona, jiġifieri l-Bulgarija (mill-1975), ir-Repubblika Ċeka (mill-1993), Franza (mill-1966), l-Italja (mill-1968), l-Ungerija (mill-1967), il-Portugall (mill-1966) u s-Slovakkja (mill-1993). Tliet Stati Membri oħra ffirmaw iżda ma rratifikawx il-Ftehim ta’ Lisbona, jiġifieri l-Greċja, Spanja u r-Rumanija. L-Unjoni nfisha mhix parti tal-Ftehim ta’ Lisbona peress li dan jipprevedi li pajjiżi biss jistgħu jaderixxu miegħu.

(3)

Fl-20 ta’ Mejju 2015, ġie adottat l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (l-“Att ta’ Ġinevra”) li rreveda l-Ftehim ta’ Lisbona. B’mod partikolari, l-Att ta’ Ġinevra jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni Speċjali biex tiġi estiża l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti għall-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha fi ħdan it-tifsira tal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ. L-Att ta’ Ġinevra hu kompatibbli ma’ dak il-ftehim u mal-liġi rilevanti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli, u jippermetti li l-organizzazzjonijiet intergovernattivi jsiru partijiet kontraenti tiegħu.

(4)

L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra. Dan ġie kkonfermat fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2017 fil-kawża C-389/15 (1) li ċċarat li l-abbozz tal-Ftehim ta’ Lisbona rivedut, li sussegwentement ġie adottat bħala l-Att ta’ Ġinevra, hu essenzjalment maħsub biex jiffaċilita u jirregola l-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Istati terzi parti għall-Ftehim ta’ Lisbona u għandu effetti diretti u immedjati fuq tali kummerċ. Għaldaqstant, in-negozjati tal-Att ta’ Ġinevra waqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 3(1) tat-TFUE peress li dawn kienu fi ħdan il-qasam tal-politika kummerċjali komuni msemmija fl-Artikolu 207(1) tat-TFUE, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali.

(5)

Rigward ċerti prodotti agrikoli, l-Unjoni stabbilixxiet sistemi uniformi u komprensivi ta’ protezzjoni għall-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbejjed (1970), l-ispirti (1989), l-inbejjed aromatizzati (1991) u għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel oħra (1992). Abbażi tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni skont l-Artikolu 3 tat-TFUE, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jkollhomx sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni biex jipproteġu d-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli ta’ pajjiżi terzi membri tal-Unjoni Speċjali. Madankollu, peress li l-Unjoni mhix parti kontraenti tal-Att ta’ Ġinevra, din ma tistax tissottometti deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli reġistrati fil-livell tal-Unjoni għall-protezzjoni fi ħdan l-Unjoni Speċjali, u lanqas ma tista’ tipproteġi d-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiżi terzi membri permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni stabbiliti mill-Unjoni f’konformità mal-att ta’ Ġinevra.

(6)

Biex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita kif xieraq il-kompetenza esklużiva tagħha għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra u għall-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tas-sistemi ta’ protezzjoni komprensivi tagħha għad-deżinjazzjonijiet ta’ oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli, jenħtieġ li l-Unjoni taderixxi mal-Att ta’ Ġinevra u ssir parti kontraenti tiegħu.

(7)

L-adeżjoni tal-Unjoni mal-Att ta’ Ġinevra hi konformi mal-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

(8)

Jenħtieġ li l-Unjoni tipprova tirregolarizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-vot tagħha fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali tal-Att ta’ Ġinevra sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni effettiva tagħha fil-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, fid-dawl tal-punt (b)(ii) tal-Artikolu 22(4) tal-Att ta’ Ġinevra. Hu għalhekk adatt li l-Istati Membri, li jixtiequ jagħmlu dan, ikunu awtorizzati jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, kif adatt, flimkien mal-Unjoni, fl-interess tagħha.

(9)

Fl-istess waqt, dan jippermetti li tkun żgurata l-kontinwità tad-drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija eżistenti tas-seba’ Stati Membri fl-Unjoni Speċjali.

(10)

Jenħtieġ madankollu li r-ratifika jew l-adeżjoni mill-Istati Membri tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u jenħtieġ li l-Unjoni tibqa’ responsabbli li tiżgura l-eżerċitar tad-drittijiet u t-twettiq tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri taħt l-Att ta’ Ġinevra.

(11)

Fl-Unjoni Speċjali, l-Unjoni u dawk l-Istati Membri li rratifikaw jew aderixxew mal-Att ta’ Ġinevra huma rappreżentati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (l-“Att ta’ Ġinevra”) hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Att ta’ Ġinevra huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna mogħtija s-setgħa li tiddepożita, f’isem l-Unjoni, l-istrument ta’ adeżjoni previst fil-punt (ii) tal-Artikolu 28(2) tal-Att ta’ Ġinevra, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tkun marbuta bl-Att ta’ Ġinevra, kif ukoll biex tagħmel id-dikjarazzjoni u n-notifika mehmuża mal-istrument ta’ adeżjoni previst fl-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

L-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan, huma b’dan awtorizzati li jirratifikaw l-Att ta’ Ġinevra jew jaderixxu miegħu, kif opportun, flimkien mal-Unjoni u fl-interess tagħha, b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tagħha.

Artikolu 4

1.   Fl-Unjoni Speċjali, l-Unjoni u kwalunkwe Stat Membru li jirratifika jew jaderixxi mal-Att ta’ Ġinevra skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun irrappreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE. L-Unjoni għandha tkun responsabbli li tiżgura l-eżerċitar tad-drittijiet u t-twettiq tal-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jirratifikaw jew jaderixxu għall-Att ta’ Ġinevra skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel in-notifiki meħtieġa kollha skont l-Att ta’ Ġinevra f’isem l-Unjoni u dawk l-Istati Membri.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinħatar bħala l-Awtorità Kompetenti msemmija fl-Artikolu 3 tal-Att ta’ Ġinevra, responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Att ta’ Ġinevra fit-territorju tal-Unjoni u għall-komunikazzjonijiet mal-Bureau Internazzjonali tal-WIPO skont l-Att ta’ Ġinevra u r-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona (ir-“Regolamenti Komuni”).

2.   L-Unjoni għandha tivvota fl-Assemblea tal-Unjoni Speċjali u l-Istati Membri li rratifikaw jew aderixxew għall-Att ta’ Ġinevra m’għandhomx jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw.

Artikolu 5

Skont l-Artikolu 29(4) tal-Att ta’ Ġinevra, dikjarazzjoni mehmuża mal-istrument ta’ adeżjoni għandha tispeċifika estensjoni b’sena tal-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 15(1) tal-Att ta’ Ġinevra, u l-perijodi msemmija fl-Artikolu 17 tal-Att ta’ Ġinevra, f’konformità mal-proċeduri speċifikati fir-Regolamenti Komuni.

Skont il-punt (a) tar-Regola 5(3) tar-Regolamenti Komuni, notifika lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO mehmuża mal-istrument ta’ adeżjoni għandha tispeċifika r-rekwiżit li, għall-protezzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew ta’ indikazzjoni ġeografika reġistrata fit-territorju tal-Unjoni, l-applikazzjoni għandha, apparti l-kontenut obbligatorju stabbilit fir-Regola 5(2) tar-Regolamenti Komuni, fil-każ ta’ denominazzjoni ta’ oriġini, tindika d-dettalji dwar il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u r-rabta ta’ dan mal-ambjent ġeografiku taż-żona ġeografika tal-produzzjoni, u, fil-każ ta’ indikazzjoni ġeografika, d-dettalji dwar il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott u r-rabta ta’ dan maż-żona ġeografika ta’ oriġini.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

A.-M. HENRIKSSON


(1)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-389/15, ECLI:EU:C:2017:798.


Top