Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1274

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1274 tad-29 ta' Lulju 2019 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji fl-Awstralja f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/5476

OJ L 201, 30.7.2019, p. 9–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1274/oj

30.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1274

tad-29 ta' Lulju 2019

dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-parametri referenzjarji fl-Awstralja f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jintroduċi qafas komuni biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tal-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji, jew biex titkejjel il-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment fl-Unjoni.

(2)

Dak ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018 u l-amministraturi mhux tal-Unjoni jibbenefikaw minn perjodu tranżitorju li jippermetti l-użu ta' parametri referenzjarji ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni. Wara li jiskadi l-perjodu tranżitorju, parametru referenzjarju jew xi kombinazzjoni ta' parametri referenzjarji pprovduti minn xi amministratur li jkun ibbażat f'pajjiż terz jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss meta l-parametru referenzjarju u l-amministratur jkunu inklużi fir-reġistru miżmum mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) wara l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' ekwivalenza mill-Kummissjoni, jew wara rikonoxximent jew approvazzjoni minn awtoritajiet kompetenti.

(3)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu li l-qafas legali u superviżorju ta' xi pajjiż terz għar-rigward ta' amministraturi speċifiċi jew ta' parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji speċifiċi jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Meta tkun qiegħda tevalwa tali ekwivalenza, il-Kummissjoni tqis jekk il-qafas legali u l-prassi superviżorja ta' xi pajjiż terz jkunux jiżguraw il-konformità mal-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew, fejn ikun applikabbli, mal-prinċipji IOSCO għall-Aġenziji ta' Rappurtar tal-Prezz taż-Żejt (“PRAs”), u li tali amministraturi speċifiċi, jew parametri referenzjarji jew familji ta' parametri referenzjarji speċifiċi jkunu suġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa f'dak il-pajjiż terz.

(4)

Parametri referenzjarji bħal ma huma l-Australian Bank Bill Swap Rate u l-S&P/ASX 200 Index jiġu amministrati fl-Awstralja u jintużaw fl-Unjoni minn għadd ta' entitajiet ta' superviżjoni. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema regolatorja fl-Awstralja fejn jidħlu l-parametri referenzjarji.

(5)

Il-qafas leġiżlattiv għall-istabbiliment, is-superviżjoni u l-amministrazzjoni tal-parametri referenzjarji fl-Awstralja jinkludi skema ta' liċenzjar u jagħti poteri lill-Kummissjoni Awstraljana dwar it-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission - “ASIC”). Huwa jobbliga wkoll lill-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti li jiksbu liċenzja ta' amministratur ta' parametri referenzjarji mill-ASIC. Fil-każ ta' parametri referenzjarji li ma jiġux dikjarati bħala sinifikanti mill-ASIC, il-qafas leġiżlattiv fl-Awstralja jippermetti li l-amministraturi volontarjament ipoġġu lilhom infushom taħt il-qafas regolatorju nazzjonali billi japplikaw għal liċenzja mill-ASIC skont is-sezzjoni 908BD tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u, b'riżultat ta' dan, isiru suġġetti għar-regoli tal-ASIC għall-amministraturi u l-kontributuri.

(6)

Il-Liċenzji tal-ASIC huma suġġetti għall-kundizzjonijiet tal-liċenzja kif ukoll għal firxa ta' rekwiżiti leġiżlattivi. Rekwiżiti legalment vinkolanti għall-amministraturi huma stabbiliti fl-Att dwar il-Korporazzjonijiet tal-2001 (“l-Att dwar il-Korporazzjonijiet”), ir-Regoli tal-2018 dwar il-Parametru Referenzjarju tal-ASIC (Amministrazzjoni) u r-Regoli tal-2018 dwar il-Parametru Referenzjarju Finanzjarju tal-ASIC (Obbligu). Il-Gwida Regolatorja 268 tal-ASIC bit-titlu Licensing regime for financial benchmark administrators (“RG 268”) — tipprovdi gwida ulterjuri għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Il-Parti 7.5B tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet (kif emendat mill-Att ta' Emenda tal-2018 tal-Liiġijiet tat-Teżor (Miżuri 2017 Nru 5)) timplimenta l-qafas leġiżlattiv għar-regolamentazzjoni tal-parametri referenzjarji finanzjarji.

(7)

Skont it-taqsima 908AC tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista', bis-saħħa ta' strument leġiżlattiv, tiddikjara li parametru referenzjarju finanzarju jkun parametru referenzjarju sinifikanti. Ikunu biss dawk il-parametri referenzjarji li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Att li jkunu jistgħu jiġu deżinjati bħala parametri referenzjarji sinifikanti. L-ASIC trid tkun sodisfatta li: (i) il-parametru referenzjarju jkun sistematikament importanti għas-sistema finanzjarja Awstraljana; jew jekk (ii) ikun hemm riskju materjali ta' effett finanzjarju jew ta' instabbiltà sistemika fl-Awstralja jekk id-disponibbiltà jew l-integrità tal-parametru referenzjarju titħarbat; jew jekk (ii) ikun hemm xi impatt materjali fuq l-investituri bl-imnut jew bl-ingrossa fl-Awstralja jekk id-disponibbiltà jew l-integrità tal-parametru referenzjarju titħarbat.

(8)

L-ASIC iddikjarat għadd ta' parametri referenzjarji finanzjarji bħala parametri referenzjarji sinifikanti permezz tal-Istrument tal-ASIC dwar il-Korporazzjonijiet (Parametri referenzjarji sinifikanti) 2018/420. Din id-deċiżjoni hija limitata għall-amministraturi ta' dawk il-parametri referenzjarji elenkati fl-aħħar verżjoni applikabbli tal-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420. Din id-deċiżjoni ma tkoprix amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-ambitu tar-Regolament (UE) 2016/1011 skont l-Artikolu 2(2) ta' dak ir-regolament.

(9)

L-ASIC tista' tikkonċedi liċenzja lil xi amministratur ta' parametri referezjarji fir-rigward ta' xi parametru referenzjarju wieħed, jew ta' diversi. L-ASIC trid tqis il-fatturi stabbiliti fit-taqsima 908BO(2) tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet meta tkun sejra tiddeċiedi dwar jekk tikkonċedix liċenzja, timponi, tvarja jew tirrevoka kundizzjonijiet ta' liċenzja, tvarja liċenzja, jew tissospendi jew tikkanċella liċenzja. Persuna titqies bħala li tkun ikkommettiet offiża jekk hija tamministra (jew issostni li tamministra) xi parametru referenzjarju sinifikanti iżda ma jkollhiex liċenzja ta' amministratur ta' parametru referenzjarju li tispeċifika l-parametru referenzjarju.

(10)

L-ASIC adottat ir-Regoli tal-ASIC tal-2018 dwar il-Parametri Referenzjarji (Amministrazzjoni) (“ir-Regoli ta' Amministrazzjoni”) taħt it-taqsima 908CA tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u r-Regoli tal-2018 tal-ASIC dwar il-Parametri Referenzjarji Finanzjarji (Obbligu) (ir-Regoli ta' Obbligu) skont it-taqsima 908CD tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Ir-Regoli ta' Amministrazzjoni jistabbilixxu rekwiżiti għal dawk li għandhom liċenzja ta' amminstratur tal-parametri referenzjarji u għal dawk li huma kontributuri, li jinkludu rekwiżiti fejn jidħlu governanza u sorveljanza, rekwiżiti dwar esternalizzazzjoni, rekwiżiti li jħarsu kontra l-kunflitti ta' interess, it-tfassil tal-parametri referenzjarji u rekwiżiti ta' metodu u rekwiżiti dwar l-input ta' data. Ir-Regoli ta' Obbligu jirregolaw il-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni mandatorja ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti jew is-sottomissjonijiet mandatorji lejn parametru referenzjarju sinifikanti.

(11)

Fit-tfassil tar-Regoli ta' Amministrazzjoni, l-ASIC qieset il-“Prinċipji għall-Parametri Finanzjarji” tal-IOSCO skont kif mitlub mit-taqsima 908CK tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Barra minn dan, l-ASIC qieset il-qafas legali u dak superviżorju fir-rigward ta' parametri referenzjarji f'pajjiżi terzi inkluż ir-Regolament (UE) 2016/1011, kif ukoll sistemi regolatorji oħrajn Awstraljani ta' liċenzjar finanzjarju.

(12)

Id-dikjarazzjoni ta' spjegazzjoni għar-Regoli Amministrattivi tfisser kif ir-Regoli Amministrattivi u r-Regoli ta' Obbligu tal-ASIC jirriflettu l-Prinċipji IOSCO. B'mod aktar speċifiku, ir-Regoli Amministrattivi jiddikjaraw li r-Regola 2.1.2 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar l-arranġamenti ta' governanza għall-parametri referenzjarji finanzjarji. Ir-Regola 2.1.3 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar is-sorveljanza ta' partijiet terzi li jkunu involuti fil-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' kull parametru referenzjarju finanzjarju speċifikat fil-liċenzja ta' amministratur ta' parametri referenzjarji finanzjarji maħruġa lil min hu liċenzjat. Ir-Regola 2.1.4 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar kunflitti ta' interess għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzarji. Ir-Regola 2.2.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar it-tfasil tal-parametri referenzjarji. Ir-Regola 2.2.2 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar is-suffiċjenza tad-data u s-sorveljanza interna fuq il-ġbir tad-data. Ir-Regola 2.2.3 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar il-kontenut tal-metodoloġija użata biex isiru determinazzjonijiet dwar parametri referenzjarji finanzarji. Is-Subregola 2.2.4(1) tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar bidliet għall-metodoloġija użata biex isiru determinazzjonijiet dwar parametri referenzjarji finanzarji. Ir-Regola 2.3.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar il-qafas ta' sorveljanza għall-amministraturi peress li tirrelata mal-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll ma' rekwiżiti fil-qalba ta' sistemi ta' regolamentazzjoni oħra Awstraljani. Ir-Regola 2.4.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar l-ippjanar għat-tranżizzjoni jew it-tmiem ta' xi parametru referenzjarju liċenzjat. Ir-Regola 2.5.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar “Kodiċi ta' Kondotta għal min jippreżenta”. Ir-Regola 2.6.1 tikkorrispondi għall-Prinċipji IOSCO dwar it-trasparenza ta' determinazzjonijiet ta' parametri referenzjarji.

(13)

Barra minn hekk, l-ASIC tipprovdi gwida regolatorja (RG 268) għal entitajiet soġġetti għar-Regoli Amministrattivi u r-Regoli ta' Obbligu. Hija tifisser l-interpretazzjoni tal-ASIC tal-liġi u tagħti gwida prattika dwar kif l-entitajiet jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-liġi.

(14)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-rekwiżiti vinkolanti għar-rigward tal-amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti kif deżinjati fl-Istrument tal-ASIC tal-Korporazzjonijiet (Parametri referenzjarji sinifikanti) 2018/420 huma ekwivalenti għall-obbligi korrispondenti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011.

(15)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrekjedi wkoll li r-rekwiżiti jkunu suġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa fil-pajjiż terz.

(16)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji li għandhom liċenzja fl-Awstralja huma suġġetti għal superviżjoni u sorveljanza kontinwi mill-ASIC. It-Taqsima 908AF tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet jipprovdi li l-ASIC tkun responsabbli mis-superviżjoni tal-parametri referenzjarji li jkollhom liċenzja. L-ASIC hija wkoll responsabbli għat-tisħiħ tal-konformità tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji mal-obbligi tagħhom skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, u, f'dan ir-rigward, tagħmel evalwazzjonijiet minn żmien għal żmien tal-konformita mill-amministraturi tal-parametri referenzjarji mal-obbligi tagħhom skont il-liċenzja.

(17)

It-Taqsima 908BQ tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u r-regola 2.8.1 tar-Regoli Amministrattivi jobbligaw lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jinnotifikaw lill-ASIC b'ċerti kwistjonijiet, inkluż meta d-detentur tal-liċenzja ma jkunx ikkonforma ruħu ma' xi wieħed mill-obbligi regolatorji tagħha, jew ma jkunx jista' jibqa' konformi magħhom. L-ASIC tista' tevalwa l-konformità tad-detenturi tal-liċenzja mal-Att dwar il-Korporazzjonijiet u mar-Regoli ta' Amministrazzjoni, skont it-taqsimiet 908BR u 908BS tal-Att dwar il-Korporazjonijiet u r-regoli 2.8.2 u 2.8.3 tar-Regoli Amministrattivi. L-ASIC tista' wkoll titlob rapport dwar kull materja skont it-Taqsima 908BV tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, u titlob li jsir awditu dwar ir-rapport tad-detentur tal-liċenzja dwar dawn il-kwistjonijiet. It-Taqsima 908BW tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tagħti s-setgħa lill-ASIC li tipproduċi rapporti ta' evalwazzjoni, li tikkondividi dawk ir-rapporti ma' ċerti aġenziji tal-Gvern Awstraljan meta jkun hemm bżonn, u li tippubblika tali rapporti.

(18)

F'każ li xi amministratur tal-parametri referenzjarji ma jikkonformax ruħu mal-obbligi regolatorji tagħhom, skont it-taqsima 908BT tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista' tippreżenta direzzjoni bil-miktub lid-detentur tal-liċenzja biex jieħu azzjonijiet speċifiċi li l-ASIC tkun temmen li jiżguraw il-konformità ma' dawk l-obbligi tad-detentur tal-liċenzja Jekk id-detentur tal-liċenzja ma jikkonformax ruħu ma' dik id-direzzjoni bil-miktub, l-ASIC tista' ttella' l-każ quddiem il-qorti, li tista' mbagħad tordna li d-detentur tal-liċenzja jikkonforma ruħu mal-gwida tal-ASIC. Skont it-taqsimiet 908CH u 908CI tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista' toħroġ avviżi ta' infurzar jew taċċetta impenji minn amministraturi li jkunu naqsu milli jikkonformaw ruħhom mal-obbligi regolatorji tagħhom. It-Taqsima 908CG tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tipprovdi qafas li bih amministratur li jkun allegatament ma kkonformax ruħu mar-Regoli Amministrattivi jista', bħala alternattiva għall-proċedimenti ċivili, iħallas multa, jagħmel jew jibda miżuri ta' rimedju (inkluż programmi edukattivi), jew jaċċetta sanzjonijiet li ma jkunux il-ħlas ta' penali. L-ASIC tista' wkoll tissospendi jew tħassar liċenzja f'ċerti ċirkostanzi skont it-taqsimiet 908BI u 908BJ tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet.

(19)

Ir-Regoli ta' Obbligu jippermettu lill-ASIC, jekk hija tqis li dan ikun fl-interess pubbliku, li tobbliga lid-detentur ta' liċenzja li jkompli jiġġenera jew jamministra xi parametru referenzjarju sinifikanti, jew li jiġġenera jew jamministra parametru referenzjarju b'ċerta manjiera, inkluż billi jbiddel il-mod użat għall-ġenerazzjoni jew l-amministrazzoni ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti. Ir-Regoli ta' Obbligu jippermettu wkoll lill-ASIC li tobbliga lil xi kontributur biex jikkontribwixxu data jew informazzjoni lil xi detentur tal-liċenzja għall-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' xi parametru referenzjarju, jew lill-ASIC għal skopijiet marbuta mal-ġenerazzjoni jew l-amministrazzjoni ta' xi parametru referenzjarju sinifikanti.

(20)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li r-rekwiżiti vinkolanti għar-rigward tal-amministraturi ta' kwalunkwe parametru referenzjarji li jiġi ddikjarat bħala parametru referenzjarju sinifikanti bl-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420 huma suġġetti għal superviżjoni u infurżar effettivi fuq bażi kontinwa.

(21)

L-amministraturi tal-UE tal-parametri referenzjarji ma għandhomx bżonn jiksbu liċenzja għall-parametri referenzjarji tagħhom għall-użu fl-Awstralja, sakemm xi parametru referenzjarju ma jkollux id-deżinjazzjoni ta' parametru referenzjarju sinifikanti mill-ASIC, jew metaxi amministratur ta' parametru referenzjarju b'mod voluntarju jitlob li jingħata liċenzja fl-Awstralja. L-ASIC infurmat lill-Kummissjoni li hija ma għandha l-ebda intenzjoni li tagħti deżinjazzjoni bħala “sinifikanti” lil xi parametri referenzjari tal-UE.

(22)

Din id-Deċiżjoni se tiġi kkumplimentata minn arranġamenti ta' kooperazzjoni sabiex jiġi żgurat l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta' superviżjoni bejn l-ESMA u l-ASIC.

(23)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-valutazzjoni tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli marbuta mal-parametri referenzjarji fl-Awstrajla fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja, fuq bażi regolari, l-iżviluppi tas-suq, l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju tal-parametri referenzjarji u l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja f'rabta mal-monitoraġġ u l-infurzar ta' dawk ir-rekwiżiti sabiex jiġi żgurat it-twettiq kontinwu tar-rekwiżiti li fuq il-bażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni.

(24)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għas-setgħa tal-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni speċifika f'kull żmien li jidhrilha, meta minħabba xi żviluppi relevanti jkun neċessarju li l-Kummissjoni tagħmel rieżami ta' din id-Deċiżjoni.

(25)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1011, il-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja li japplika għall-amministraturi ta' parametri referenzjarji finanzjarji li jiġu ddikjarati parametri referenzjarji sinifikanti permezz tal-Istrument tal-ASIC għall-Korporazzjonijiet (Parametri Referenzjarji Sinifikanti) 2018/420, kif determinat fl-aktar verżjoni reċenti applikabbli tiegħu, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament (UE) 2016/1011 u li huma suġġetti għal supervizjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 20 ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.


Top