This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D0584
European Council Decision (EU) 2019/584 taken in agreement with the United Kingdom of 11 April 2019 extending the period under Article 50(3) TEU
Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta' April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE
Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta' April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE
ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
11.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/584
meħuda bi qbil mar-Renju Unit
tal-11 ta' April 2019
li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) f'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Euratom bis-saħħa tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 50 TUE, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mar-Renju Unit ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, li jieħu kont tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni. |
(3) |
Fil-25 ta' Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-abbozz ta' Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”) u approva d-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq. Fil-11 ta' Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 (1) dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (2). |
(4) |
Skont l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat li ħiereġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix unanimament li jestendi dan il-perijodu. |
(5) |
Permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li jiffinalizza r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
(6) |
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (3), il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, iddeċieda li jestendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE sat-22 ta' Mejju 2019 fil-każ li l-House of Commons ikun approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019. Jekk dan ma jseħħx, il-Kunsill Ewropew qabel li jagħti estensjoni sat-12 ta' April 2019 u speċifika li jistenna li r-Renju Unit jindika t-triq 'il quddiem qabel it-12 ta' April 2019, għall-kunsiderazzjoni tiegħu. |
(7) |
Il-House of Commons ma approvax il-Ftehim dwar il-Ħruġ sad-29 ta' Marzu 2019. |
(8) |
Permezz tal-ittra tal-5 ta' April 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni ulterjuri tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, kif estiż mill-Kunsill Ewropew, sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li jiffinalizza r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
(9) |
Fl-10 ta' April 2019, il-Kunsill Ewropew qabel li jagħti estensjoni ulterjuri biex tkun possibbli r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ miż-żewġ Partijiet. Tali estensjoni jenħtieġ li ddum sakemm ikun meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2019. Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll li, skont l-Artikolu 50(3) TUE, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jista' jidħol fis-seħħ f'data aktar kmieni, jekk il-Partijiet jikkompletaw il-proċeduri ta' ratifika rispettivi tagħhom qabel il-31 ta' Ottubru 2019. Konsegwentement, il-ħruġ jenħtieġ li jseħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-ikkompletar tal-proċeduri ta' ratifika jew fl-1 ta' Novembru 2019, skont liema jiġi l-ewwel. |
(10) |
Din l-estensjoni ulterjuri ma tistax titħalla ddgħajjef l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, ser ikollha l-konsegwenza li r-Renju Unit ser jibqa' Stat Membru sad-data l-ġdid tal-ħruġ, bi drittijiet u obbligi sħaħ f'konformità mal-Artikolu 50 TUE, u li r-Renju Unit ikollu dritt li jirrevoka n-notifika tiegħu fi kwalunkwe ħin. Jekk ir-Renju Unit ikun għadu Stat Membru fit-23-26 ta' Mejju 2019 u jekk ma jkunx irratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ sat-22 ta' Mejju 2019, ser ikun taħt l-obbligu li jorganizza l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ li dawk l-elezzjonijiet ma jsirux fir-Renju Unit, jenħtieġ li l-estensjoni tieqaf fil-31 ta' Mejju 2019. Il-Kunsill Ewropew jieħu nota tal-impenn mir-Renju Unit li jaġixxi b'mod kostruttiv u responsabbli tul il-perijodu tal-estensjoni kollu f'konformità mad-dmir ta' kooperazzjoni leali, u jistenna li r-Renju Unit jissodisfa dan l-impenn u l-obbligu tat-Trattat b'mod li jirrifletti s-sitwazzjoni tiegħu bħala Stat Membru li ħiereġ. Għal dan il-għan, ir-Renju Unit għandu jiffaċilita l-ksib tal-kompiti tal-Unjoni u joqgħod lura milli jwettaq kwalunkwe miżura li tista' tipperikola l-ksib tal-objettivi tal-Unjoni, b'mod partikolari meta jipparteċipa fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni. |
(11) |
Il-mandati li għaddejjin tal-membri ta' istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni nominati, maħtura jew eletti b'rabta mas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni ser jispiċċaw hekk kif it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit, jiġifieri fid-data tal-ħruġ. |
(12) |
Din l-estensjoni teskludi kwalunkwe ftuħ mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att ieħor unilaterali mir-Renju Unit jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-kelma u l-ispirtu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, u jeħtieġ li ma jfixkilx l-implimentazzjoni tiegħu. Tali estensjoni ma tistax tintuża biex jinbdew in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura. |
(13) |
Il-Kunsill Ewropew ser jirrieżamina l-progress fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2019. |
(14) |
Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernaw din id-Deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha. Madankollu, kif jidher fl-ittra mir-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit għall-Unjoni Ewropea, is-Sur Tim Barrow tal-11 ta' April 2019, huwa qabel, f'konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, mal-estensjoni tal-perijodu msemmi f'dak l-Artikolu u ma' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE, kif estiż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476, huwa b'dan estiż ulterjorment sal-31 ta' Ottubru 2019.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Din id-Deċiżjoni għandha tieqaf milli tapplika fil-31 ta' Mejju 2019 fil-każ li r-Renju Unit ma jkunx organizza elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mal-liġi tal-Unjoni applikabbli u ma jkunx irratifika l-Ftehim dwar il-Ħruġ sat-22 ta' Mejju 2019.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' April 2019.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
D. TUSK
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta' Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1).
(2) It-test tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mehmuż mad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 ġie ppubblikat fil-ĠU C 66 I, 19.2.2019, p. 1
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).