EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0544

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/544 tat-3 ta' April 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/2661

OJ L 95, 4.4.2019, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/02/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/544/oj

4.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 95/9


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/544

tat-3 ta' April 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 (2), dik id-Deċiżjoni għandha tapplika mid-data li ssegwi dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għal u fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (ir-“Renju Unit”) skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, sakemm sa dik id-data ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ jew ma jkunx ġie estiż il-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)

Fit-22 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/476 (3) li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bi qbil mar-Renju Unit. Għaldaqstant, it-tieni kundizzjoni għall-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2031, jiġifieri li l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma ġiex estiż, mhux se tiġi ssodisfata.

(3)

Madankollu, ir-raġunijiet tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 jibqgħu, irrispettivament minn kwalunkwe estensjoni tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, fil-każ ta' ħruġ mingħajr ftehim wara l-perjodu estiż, ir-riskji potenzjali jippersistu fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 jenħtieġ li tapplika jekk ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim.

(4)

Għalhekk, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza biex jiġi żgurat li tapplika fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim ta' ħruġ wara l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif estiż mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2019.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/2031, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Madankollu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika jekk sad-data msemmija fit-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu jkun daħal fis-seħħ ftehim li jkun ġie konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' fuq skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta' Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 50).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/476 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, tat-22 ta' Marzu 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 80 I, 22.3.2019, p. 1).


Top