EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0419

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/419 tat-23 ta’ Jannar 2019 skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mill-Ġappun skont l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/304/

OJ L 76, 19.3.2019, p. 1–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/419/oj

19.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 76/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/419

tat-23 ta’ Jannar 2019

skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adegwata ta’ data personali mill-Ġappun skont l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali

(notifikata bid-dokument C(2019) 304)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-proċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data(1) (“GDPR”)., u b’mod partikolari l-Artikolu 45(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 jistabbilixxi r-regoli għat-trasferiment ta’ data personali mingħand il-kontrolluri jew il-proċessuri fl-Unjoni Ewropea lil pajjiżi terzi u lil organizzazzjonijiet internazzjonali sa fejn it-tali trasferimenti jkunu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Ir-regoli dwar it-trasferimenti internazzjonali ta’ data personali huma stabbiliti fil-Kapitolu V ta’ dan ir-Regolament, b’mod aktar speċifiku fl-Artikoli minn 44 sa 50. Il-fluss ta’ data personali lejn u mill-pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni Ewropea hu neċessarju għall-espansjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u tal-kummerċ internazzjonali, filwaqt li jiġi ggarantit li l-livell ta’ protezzjoni mogħti lid-data personali fl-Unjoni Ewropea ma jiġix imminat.

(2)

Skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f’pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni. Skont din il-kundizzjoni, it-trasferimenti ta’ data personali lil dak il-pajjiż terz, it-territorju, is-settur jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali jista’ jseħħ mingħajr il-bżonn li tinkiseb xi awtorizzazzjoni ulterjuri, kif previst fl-Artikolu 45(1) u fil-premessa 103 tar-Regolament.

(3)

Kif speċifikat fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza trid tkun ibbażata fuq analiżi komprensiva tal-ordinament ġuridiku tal-pajjiż terz, kemm fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-importaturi tad-data kif ukoll tal-limitazzjonijiet u s-salvagwardji li jikkonċernaw l-aċċess għal data personali mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-valutazzjoni trid tiddetermina jekk il-pajjiż terz inkwistjoni jiggarantixxix livell ta’ protezzjoni “essenzjalment ekwivalenti” għal dak żgurat fl-Unjoni Ewropea (premessa 104 tar-Regolament (UE) 2016/679). Kif iċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, dan ma jeħtieġx livell identiku ta’ protezzjoni (2). B’mod partikolari, il-mezzi li bihom il-pajjiż terz inkwistjoni jkollu rikors jistgħu jvarjaw min dawk imħaddma fl-Unjoni Ewropea, dment li dawn juru li, fil-prattika, ikunu effettivi għall-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni (3). Għaldaqstant, l-istandard ta’ adegwatezza ma jeħtieġx replika minn punt għal punt tar-regoli tal-Unjoni. Minflok, it-test jinsab fil-prova jekk permezz tas-sustanza tad-drittijiet dwar il-privatezza u l-implimentazzjoni, is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tagħhom, is-sistema barranija sħiħa tfornix il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni (4).

(4)

Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa l-liġi u l-prattika tal-Ġappun. Fuq il-bażi tas-sejbiet żviluppati fil-premessi minn 6 sa 175, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Ġappun jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għal data personali trasferita lil organizzazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (5) u soġġett għall-kundizzjonijiet addizzjonali msemmija f’din id-Deċiżjoni. Dawn il-kundizzjonijiet huma stabbiliti fir-Regoli Supplimentari (Anness I) adottati mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (PPC) (6) u fir-rappreżentazzjonijiet, assigurazzjonijiet u impenji uffiċjali mill-gvern Ġappuniż lill-Kummissjoni Ewropea (Anness II).

(5)

Din id-Deċiżjoni għandha l-effett li t-trasferimenti min kontrollur jew minn proċessur fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (7) lil organizzazzjonijiet bħal dawn fil-Ġappun jistgħu jseħħu mingħajr il-ħtieġa li tinkiseb xi awtorizzazzjoni oħra. Din id-Deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni diretta tar-Regolament (UE) 2016/679 għal tali organizzazzjonijiet meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3 tiegħu.

2.   IR-REGOLI LI JAPPLIKAW GĦALL-PROĊESSAR TA’ DATA MILL-OPERATURI TA’ NEGOZJI

2.1.   Il-qafas tal-Ġappun dwar il-protezzjoni tad-data

(6)

Is-sistema ġuridika li tirregola l-privatezza u l-protezzjoni tad-data fil-Ġappun hi stabbilita fil-Kostituzzjoni promulgata fl-1946.

(7)

L-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni jiddikjara:

“In-nies kollha għandhom ikunu rispettati bħala individwi. Id-dritt tagħhom għall-ħajja, għal-libertà, u għat-tfittxija tal-kuntentizza għandu, sa fejn ma jtellifx il-benessri pubbliku, ikun kunsiderazzjoni suprema fil-leġiżlazzjoni u f’affarijiet governattivi oħra.”

(8)

Fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti Suprema Ġappuniża ċċarat id-drittijiet tal-individwi rigward il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali. F’deċiżjoni tal-1969, hi rrikonoxxiet id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data bħala dritt kostituzzjonali (8). Ta’ min jinnota li l-Qorti ddikjarat li “kull individwu għandu l-libertà li jipproteġi l-informazzjoni personali tiegħu milli tiġi żvelata lil parti terza jew milli tiġi ppubblikata mingħajr raġuni valida.” Barra minn hekk, f’deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2008 (“Juki-Net”) (9), il-Qorti Suprema ddikjarat li “l-libertà taċ-ċittadini fil-ħajja privata għandha tkun protetta kontra l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, u din tista’ tiġi interpretata li, bħala waħda mil-libertajiet ta’ individwu fil-ħajja privata, kull individwu għandu l-libertà li jipproteġi l-informazzjoni personali tiegħu stess milli tiġi żvelata lil parti terza jew milli tiġi ppubblikata mingħajr raġuni valida.” (10)

(9)

Fit-30 ta’ Mejju 2003, il-Ġappun għadda sensiela ta’ liġijiet fil-qasam tal-protezzjoni tad-data:

L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (APPI);

L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali Miżmuma minn Organi Amministrattivi (APPIHAO);

L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali Miżmuma minn Aġenziji Amministrattivi Inkorporati. (APPI-IAA).

(10)

Iż-żewġ atti msemmija l-aħħar (emendati fl-2016) fihom dispożizzjonijiet applikabbli għall-protezzjoni ta’ informazzjoni personali minn entitajiet tas-settur pubbliku. Il-proċessar ta’ data li jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti mhuwiex l-oġġett tal-konstatazzjoni tal-adegwatezza li tinsab f’din id-Deċiżjoni, li hi limitata għall-protezzjoni ta’ informazzjoni personali minn “Operaturi ta’ Negozji li Jimmaniġġjaw Informazzjoni Personali” (Personal Information Handling Business Operators, PIHBOs) skont it-tifsira tal-APPI.

(11)

L-APPI ġie riformat fl-aħħar snin. L-APPI emendat ġie promulgat fid-9 ta’ Settembru 2015 u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 2017. L-emenda introduċiet numru ta’ salvagwardji ġodda, u saħħet ukoll is-salvagwardji eżistenti, u b’hekk is-sistema Ġappuniża ta’ protezzjoni tad-data ġiet imqarrba lejn dik Ewropea. Dan jinkludi, pereżempju, sett ta’ drittijiet individwali infurzabbli jew l-istabbiliment ta’ awtorità superviżorja indipendenti (PPC) inkarigata bis-sorveljanza u bl-infurzar tal-APPI.

(12)

Minbarra l-APPI, il-proċessar ta’ informazzjoni personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni hu soġġett għar-regoli ta’ implimentazzjoni maħruġa fuq il-bażi tal-APPI. Dan jinkludi Emenda għall-Ordni tal-Kabinett ta’ Infurzar tal-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali tal-5 ta’ Ottubru 2016, u l-hekk imsejħa Regoli ta’ Infurzar għall-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali adottat mill-PPC (11). Iż-żewġ settijiet ta’ regoli huma legalment vinkolanti u infurzabbli u daħlu fis-seħħ fl-istess ħin bħall-APPI emendat.

(13)

Barra minn hekk, fit-28 ta’ Ottubru 2016, il-Kabinett tal-Ġappun (li jikkonsisti fil-Prim Ministru u fil-Ministri li jifformaw il-gvern tiegħu) ħareġ “Politika Bażika” li “tippromwovi b’mod komprensiv u integrat il-miżuri li jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali”. Skont l-Artikolu 7 tal-APPI, il-“Politika Bażika” hi maħruġa fil-forma ta’ Deċiżjoni tal-Kabinett u tinkludi orjentazzjonijiet tal-politika li jikkonċernaw l-infurzar tal-APPI, immirati kemm lejn il-gvern ċentrali kif ukoll lejn il-gvernijiet lokali.

(14)

Dan l-aħħar, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kabinett adottata fit-12 ta’ Ġunju 2018, il-gvern Ġappuniż emenda l-“Politika Bażika”. Bl-għan li tiffaċilita t-trasferimenti internazzjonali ta’ data, din id-Deċiżjoni tal-Kabinett tiddelega lill-PPC, bħala l-awtorità kompetenti għall-amministrazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-APPI, “is-setgħa li tieħu l-azzjoni neċessarja biex tneħħi d-differenzi bejn is-sistemi u l-operazzjonijiet bejn il-Ġappun u l-pajjiż terz ikkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tal-Att fid-dawl tal-iżgurar tal-immaniġġjar xieraq ta’ informazzjoni personali riċevuta mingħand it-tali pajjiż”. Id-Deċiżjoni tal-Kabinett tistipula li din tinkludi s-setgħa li tistabbilixxi protezzjonijiet imsaħħa bl-adozzjoni mill-PPC ta’ regoli aktar stretti li jissupplimentaw u jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fl-APPI u fl-Ordni tal-Kabinett. Skont din id-Deċiżjoni, dawn ir-regoli aktar stretti għandhom ikunu vinkolanti u eżegwibbli fuq l-operaturi ta’ negozji Ġappuniżi.

(15)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tal-APPI u ta’ dik id-Deċiżjoni tal-Kabinett, il-PPC fil-15 ta’ Ġunju 2018 adottat “Regoli Supplimentari skont l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali għall-Immaniġġjar ta’ Data Personali Trasferita mill-UE fuq il-bażi ta’ Deċiżjoni ta’ Adegwatezza” (ir-“Regoli Supplimentari”) bl-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lill-Ġappun fuq il-bażi tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza preżenti. Dawn ir-Regoli Supplimentari huma legalment vinkolanti fuq l-operaturi ta’ negozji Ġappuniżi u huma eżegwibbli, kemm mill-PPC kif ukoll mill-qrati, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet tal-APPI li r-Regoli jissupplimentaw b’regoli aktar stretti u/jew aktar dettaljati (12). Peress li l-operaturi tan-negozju Ġappuniżi li jkunu qegħdin jirċievu jew ikomplu jipproċessaw xi data personali mill-Unjoni Ewropea se jkunu taħt obbligu legali li jkunu konformi mar-Regoli Supplimentari, se jkun hemm bżonn li jiżguraw (eż. permezz ta’ mezzi tekniċi (“tagging”) jew organizzattivi (il-ħażna f’xi bażi ta' data dedikat)) li jkunu jistgħu jidentifikaw tali data personali matul “iċ-ċiklu ta’ ħajja” tagħhom (13). Fit-taqsimiet li ġejjin, il-kontenut ta’ kull Regola Supplimentari jiġi analizzat bħala parti mill-valutazzjoni tal-artikoli tal-APPI li tikkomplementaha.

(16)

Għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel l-emenda tal-2015 meta din kienet taqa’ taħt il-kompetenza ta’ diversi Ministeri Ġappuniżi f’setturi speċifiċi, l-APPI jagħti s-setgħa lill-PPC li tadotta “Linji Gwida” biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tal-azzjoni li tkun se tittieħed minn operatur ta’ negozju” skont ir-regoli tal-protezzjoni tad-data. Permezz tal-Linji Gwida tagħha, il-PPC jipprovdu interpretazzjoni awtoritattiva ta’ dawn ir-regoli, b’mod partikolari tal-APPI. Skont l-informazzjoni riċevuta mill-PPC, dawn il-Linji Gwida jifformaw parti integrali mill-qafas legali, li għandhom jinqraw mat-test tal-APPI, mal-Ordni tal-Kabinett, mar-Regoli tal-PPC u ma’ sett ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet (14) imħejji mill-PPC. Għalhekk, huma “vinkolanti fuq l-operaturi tan-negozju”. Meta l-Linji Gwida jiddikjaraw li operatur ta’ negozju “jrid” jew “m’għandux” jaġixxi b’xi mod speċifikat, il-PPC tqis li nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti jfisser ksur tal-liġi (15).

2.2.   Kamp ta’ applikazzjoni materjali u personali

(17)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-APPI hu determinat mill-kunċetti definiti ta’ Informazzjoni Personali, ta’ Data Personali u ta’ Operatur ta’ Negozju li Jimmaniġġja Informazzjoni Personali. Fl-istess ħin, l-APPI jipprovdi għal xi eżenzjonijiet importanti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, l-aktar importanti fosthom għal Data Personali Proċessata b’mod Anonimu u għal tipi speċifiċi ta’ proċessar minn ċerti operaturi. Filwaqt li l-APPI ma jużax it-terminu “pproċessar”, huwa jistrieħ fuq il-kunċett ekwivalenti ta’ “immaniġġjar” li, skont l-informazzjoni li waslet mingħand il-PPC tkopri “kull att li jikkonċerna d-data personali” inkluż l-akkwist, l-input, l-akkumulu, l-organizzazzjoni, il-ħażna, l-editjar jew il-proċessar, it-tiġdid, it-tħassir, l-output, l-użu jew l-għoti ta’ informazzjoni personali.

2.2.1.   Definizzjoni ta’ informazzjoni personali

(18)

L-ewwel nett, rigward il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tiegħu, l-APPI jagħmel distinzjoni bejn informazzjoni personali u data personali, b’uħud biss minn fost id-dispożizzjonijiet tal-Att li huma applikabbli għall-kategorija msemmija l-ewwel. Skont l-Artikolu 2(1) tal-APPI, il-kunċett ta’ “informazzjoni personali” jinkludi kull informazzjoni relatata ma’ individwu ħaj li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ dak l-individwu. Id-definizzjoni tiddistingwi bejn żewġ kategoriji ta’ informazzjoni personali: (i) kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali u (ii) informazzjoni personali oħra li fiha jkun jista’ jiġi identifikat individwu speċifiku. Il-kategorija msemmija l-aħħar tinkludi wkoll informazzjoni li waħedha ma tippermettix li ssir identifikazzjoni iżda, meta tkun “kollata lesta” ma’ informazzjoni oħra, tippermetti l-identifikazzjoni ta’ individwu speċifiku. Skont il-Linji Gwida tal-PPC (16), jekk l-informazzjoni tistax titqies bħala “kollata lesta” għandu jiġi ġġudikat fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni propja (“kundizzjoni”) tal-operatur ta’ negozju. Dan se jkun assunt jekk it-tali kollazzjoni tkun (jew tista’ tkun) imwettqa minn operatur ta’ negozju medju (“normali”) li juża l-mezzi disponibbli għal dak l-operatur. Pereżempju, informazzjoni ma tkunx “kollata lesta” ma’ informazzjoni oħra jekk operatur ta’ negozju jkollu bżonn jagħmel sforzi mhux tas-soltu jew iwettaq atti illegali biex jikseb l-informazzjoni li trid tiġi kollata minn operatur ta’ negozju ieħor jew aktar.

2.2.2.   Id-definizzjoni ta’ data personali

(19)

Ċerti forom biss ta’ informazzjoni personali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “data personali” skont l-APPI. Fil-fatt, “data personali” hi definita bħala “informazzjoni personali li tikkostitwixxi bażi ta’ data ta’ informazzjoni personali”, jiġifieri “korp kollettiv ta’ informazzjoni” li jinkludi informazzjoni personali “organizzata b’mod sistematiku biex tkun tista’ titfittex informazzjoni personali partikolari permezz ta’ kompjuter” (17) jew “stabbilita b’ordni tal-kabinett bħala waħda sistematikament organizzata biex tippermetti t-tiftix faċli għal informazzjoni personali partikolari” – iżda “esklużi dawk stabbiliti b’ordni tal-kabinett bħala li ftit li xejn jinvolvu l-possibbiltà ta’ ħsara għad-drittijiet u għall-interessi ta’ individwu fid-dawl tal-metodu ta’ użu tagħhom” (18).

(20)

Din l-eċċezzjoni tkompli tiġi speċifikata fl-Artikolu 3(1) tal-Ordni tal-Kabinett, li skontha jridu jiġu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-korp kollettiv ta’ informazjoni irid ikun “maħruġ għall-iskop li jinbiegħ lil għadd kbir ta’ persuni mhux speċifikati u li l-ħruġ tiegħu ma jkunx sar bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ xi liġi jew ordni bbażata fuqu”; (ii) irid ikun hemm il-possibbilta li “jinxtara f’kull ħin minn għadd kbir ta’ persuni mhux speċifikati” u (iii) id-data personali li jkun fih trid tkun “ipprovduta għall-iskop oriġinali tagħha mingħajr ma tiżdied xi informazjoni oħra marbuta ma xi individwu li jkun għadu ħaj”. Skont l-ispjegazzjonijiet li waslu mingħand il-PPC, din l-eċċezzjoni ristretta ddaħħlet bl-għan li jiġu esklużi direttorji tat-telefon jew xi għamliet simili ta’ pubblikazzjonijiet.

(21)

Għal data miġbura fil-Ġappun, din id-distinzjoni bejn “informazzjoni personali” u “data personali” hi rilevanti għaliex it-tali informazzjoni jaf mhux dejjem tkun parti minn “bażi ta’ data ta’ informazzjoni personali” (pereżempju sett ta’ data wieħed miġbur u proċessat manwalment) u, għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet tal-APPI li huma relatati mad-data personali biss ma jkunux japplikaw (19).

(22)

Għall-kuntrarju, din id-distinzjoni ma tkunx rilevanti għal data personali importata mill-Unjoni Ewropea fil-Ġappun fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza. Peress li tali data se tiġi normalment trasferita b’mezzi elettroniċi (meta wieħed iqis li fl-era diġitali dan huwa l-mod normali ta’ kif tiġi skambjata d-data, speċjalment meta d-distanzi jkunu kbar, bħal ma hu l-każ bejn l-UE u l-Ġappun), u b’hekk issir parti mis-sistema elettronika ta’ filing tal-importatur tad-data, tali data tal-UE se taqa’ fil-kategorija ta’ “data personali” skont l-APPI. Fil-każ eċċezzjonali li d-data personali tiġi trasferita mill-UE b’xi mezzi oħra (eż. f’forma stampata), din xorta tkun koperta mill-APPI jekk wara t-trasferiment issir parti minn “korp kollettiv ta’ informazzjoni” li jkun organizzat b’mod sistematiku sabiex jippermetti li ssir tiftixa faċli għal informazzjoni speċifika (l-Artikolu 2(4)(ii) APPI). Skont l-Artikolu 3(2) tal-Ordni tal-Kabinett, dan ikun il-każ meta l-informazzjoni tkun irranġata “skont ċerti regola” u l-bażi tad-data tkun tinkludi għodod bħal pereżempju tabella ta’ kontenut jew indiċi li jħaffef it-tiftix. Dan jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “sistema ta’ filing” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-GDPR.

2.2.3.   Id-definizzjoni ta’ data personali miżmuma

(23)

Ċerti dispożizzjonijiet tal-APPI, b’mod partikolari l-Artikoli minn 27 sa 30, li huma relatati mad-drittijiet individwali, japplikaw biss għal kategorija speċifika ta’ data personali, jiġifieri “data personali miżmuma”. Din hi definita fl-Artikolu 2(7) tal-APPI bħala data personali li mhix dik li tkun (i) “stipulata b’ordni tal-kabinett bħala waħda li aktarx tagħmel ħsara lil interessi pubbliċi jew oħra jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tagħha” jew tkun (ii) “se titħassar f' perjodu ta’ mhux aktar minn sena li jkun stipulat b’ordni tal-kabinett”.

(24)

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawk iż-żewġ kategoriji, din hi spjegata fl-Artikolu 4 tal-Ordni tal-Kabinett u tkopri erba’ tipi ta’ eżenzjonijiet (20). Dawn l-eżenzjonijiet għandhom objettivi simili għal dawk elenkati fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari l-protezzjoni tas-suġġett tad-data (“prinċipal” fit-terminoloġija tal-APPI) u l-libertà tal-oħrajn, is-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika, l-infurzar tad-dritt kriminali jew objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, hija tirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4(1)(i)-(iv) tal-Ordni tal-Kabinett, li l-applikazzjoni tiegħu dejjem tippresupponi riskju speċifiku għal wieħed mill-interessi importanti protetti (21).

(25)

It-tieni kategorija ġiet speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 5 tal-Ordni tal-Kabinett. Moqri flimkien mal-Artikolu 2(7) tal-APPI, dan jeżenta mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ data personali miżmuma, u b’hekk mid-drittijiet individwali skont l-APPI, dik id-data personali li “tkun se titħassar” fi ħdan perjodu ta’ sitt xhur. Il-PPC spjegat li din l-eżenzjoni għandha l-għan li tinċentiva lill-operaturi ta’ negozji biex iżommu u jipproċessaw data għall-iqsar perjodu possibbli. Madankollu, dan ikun ifisser li s-suġġetti tad-data tal-UE ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn drittijiet importanti għal ebda raġuni oħra ħlief id-durata taż-żamma tad-data tagħhom mill-operatur ta’ negozju kkonċernat.

(26)

Biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, ir-Regola Supplimentari (2) teħtieġ li data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea “tiġi mmaniġġjata bħala data personali miżmuma skont it-tifsira tal-Artikolu 2, paragrafu 7 tal-Att, indipendentement mill-perjodu li fih tkun se titħassar”. B’hekk, il-perjodu ta’ żamma mhu se jkollu ebda effett fuq id-drittijiet mogħtija lis-suġġetti tad-data tal-UE.

2.2.4.   Id-definizzjoni ta’ informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu

(27)

Ir-rekwiżiti applikabbli għal informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu, kif definita fl-Artikolu 2(9) tal-APPI, huma stipulati fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 4 tal-Att (“Dmirijiet ta’ Operatur ta’ Negozju Li Jimmaniġġja Informazzjoni Proċessata b’mod Anonimu”). Għall-kuntrarju, it-tali informazzjoni mhix regolata mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV tal-APPI li tinkludi l-artikoli li jistipulaw is-salvagwardji u d-drittijiet ta’ protezzjoni tad-data li japplikaw għall-proċessar ta’ data personali skont dan l-Att. Konsegwentement, filwaqt li “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu” mhix soġġetta għal regoli “standard” dwar il-protezzjoni tad-data (dawk speċifikati fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV u fl-Artikolu 42 tal-APPI), din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-APPI, b’mod partikolari l-Artikoli minn 36 sa 39.

(28)

Skont l-Artikolu 2(9) tal-APPI, “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu” hi informazzjoni relatata ma’ individwu li tkun ġiet “prodotta mill-proċessar ta’ informazzjoni personali” permezz tal-miżuri stipulati fl-APPI (l-Artikolu 36(1)) u speċifikati fir-regoli tal-PPC (l-Artikolu 19), bir-riżultat li jkun sar impossibbli li jiġi identifikat individwu jew li tiġi restawrata l-informazzjoni personali.

(29)

Minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ikkonfermat ukoll mill-PPC, jirriżulta li l-proċessar tal-“anonimizzazzjoni” ta’ informazzjoni personali mhux bilfors irid ikun teknikament irriversibbli. Skont l-Artikolu 36(2) tal-APPI, l-operaturi ta’ negozji li jimmaniġġjaw “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu” huma sempliċiment meħtieġa jipprevjenu r-riidentifikazzjoni billi jieħdu miżuri li jiżguraw is-sigurtà tad-“deskrizzjonijiet eċċ. u kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali mħassra mill-informazzjoni personali użata għall-produzzjoni tal-informazzjoni proċessata b’mod anonimu, u informazzjoni relatata ma’ metodu ta’ proċessar imwettaq”.

(30)

Peress li “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu”, kif definita mill-APPI, tinkludi data li għaliha l-identifikazzjoni mill-ġdid tal-individwi tibqa’ possibbli, dan jista' jfisser li data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea tista’ titlef parti mill-protezzjonijiet disponibbli permezz ta’ proċess li, skont ir-Regolament (UE) (UE) 2016/679, ikun meqjus bħala forma ta’ “psewdonimizzazzjoni” minflok “anonimizzazzjoni” (u b’hekk ma jbiddilx in-natura tagħha bħala data personali).

(31)

Biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, ir-Regoli Supplimentari jipprovdu għal rekwiżiti addizzjonali applikabbli biss għal data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea skont din id-Deċiżjoni. Skont ir-Regola (5) tar-Regoli Supplimentari, it-tali informazzjoni personali għandha titqies “informazzjoni personali proċessata b’mod unanimu” skont it-tifsira tal-APPI biss “jekk l-operatur ta’ negozju li jimmaniġġja informazzjoni personali jieħu miżuri li jagħmlu d-deidentifikazzjoni tal-individwu irriversibbli għal kull min ikun, inkluż billi titħassar l-informazzjoni relatata mal-metodu ta’ proċessar eċċ.”. Din tal-aħħar ġiet speċifikata fir-Regoli Supplimentari bħala informazzjoni relatata ma’ deskrizzjonijiet u ma’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali li tħassru minn informazzjoni personali użata għall-produzzjoni ta’ “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu”, kif ukoll informazzjoni relatata ma’ metodu ta’ pproċessar applikat filwaqt li jitħassru dawn id-deskrizzjonijiet u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali. F’termini oħra, ir-Regoli Supplimentari jeħtieġu li l-operatur ta’ negozju li jipproduċi informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu jeqred iċ-“ċavetta” li tippermetti l-identifikazzjoni mill-ġdid tad-data. Dan ifisser li data personali li toriġina mill-Unjoni Ewropea taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tal-APPI rigward “informazzjoni personali proċessata b’mod anonimu” biss f’każijiet meta din tkun meqjusa wkoll bħala informazzjoni anonima skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (22).

2.2.5.   Id-definizzjoni ta’ Operatur ta’ Negozju li Jimmaniġġja Informazzjoni Personali (PIHBO)

(32)

Rigward il-kamp ta’ applikazzjoni personali tiegħu, l-APPI japplika biss għall-PIHBOs. PIHBO hu definit fl-Artikolu 2(5) tal-APPI bħala “persuna li tipprovdi bażi ta’ data ta’ informazzjoni personali eċċ. għall-użu fin-negozju”, bl-esklużjoni tal-gvern u tal-aġenziji amministrattivi, kemm f’livell ċentrali kif ukoll f’livell lokali.

(33)

Skont il-Linji Gwida tal-PPC, “negozju” tfisser kwalunkwe “mġiba bl-iskop li titwettaq, għal ċertu għan, irrilevanti jekk hux bi skop ta’ profitt jew le, b’mod ripetut u kontinwu, attività soċjalment rikonoxxuta”. Organizzazzjonijiet mingħajr personalità ġuridika (bħal assoċjazzjonijiet de facto) jew individwi jitqiesu bħala PIHBO jekk huma jipprovdu (jużaw) bażi ta’ data ta’ informazzjoni personali eċċ. għan-negozju tagħhom (23). Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “negozju” skont l-APPI hu wiesa’ ħafna peress li jinkludi mhux biss attivitajiet bi skop ta’ profitt iżda anki dawk mingħajr skop ta’ qligħ minn kull xorta ta’ organizzazzjoni u ta’ individwu. Barra minn hekk, “użu fin-negozju” tkopri wkoll informazzjoni personali li ma tintużax fir-relazzjonijiet kummerċjali (esterni) tal-operatur, iżda internament, pereżempju l-proċessar ta’ data tal-impjegati.

(34)

Rigward il-benefiċjarji tal-protezzjonijiet stabbiliti fl-APPI, l-Att ma jagħmel ebda distinzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità, tar-residenza jew tal-lokalizzazzjoni ta’ individwu. L-istess japplika għall-possibbiltajiet tal-individwi li jfittxu rimedju, mill-PPC jew inkella mill-qrati.

2.2.6.   Il-kunċetti ta’ kontrollur u ta’ proċessur

(35)

Skont l-APPI, ma ssir ebda distinzjoni speċifika bejn l-obbligi imposti fuq il-kontrolluri u l-proċessuri. In-nuqqas ta’ din id-distinzjoni ma jaffettwax il-livell ta’ protezzjoni għaliex il-PIHBOs kollha huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha tal-Att. PIHBO li jafda l-proċessar ta’ data personali lil xi fiduċjarju (l-ekwivalenti ta’ proċessur taħt il-GDPR) jibqa’ suġġett għall-obbligi taħt l-APPI u tar-Regoli Supplimentari għar-rigward tad-data li jkun ġie fdat biha. Barra minn dan, skont l-Artikolu 22 tal-APPI, huwa marbut li “jeżerċita s-superviżjoni neċessarja u xierqa” fuq il-fiduċjarju. Min-naħa l-oħra, kif ikkonfermat il-PPC, il-fiduċjarju huwa nnifsu jkun marbut bl-obbligi kollha fl-APPI u fir-Regoli Supplimentari.

2.2.7.   Esklużjonijiet settorjali

(36)

L-Artikolu 76 tal-APPI jeskludi ċerti tipi ta’ proċessar ta’ data mill-applikazzjoni tal-Kapitolu IV tal-Att, li fih id-dispożizzjonijiet ċentrali dwar il-protezzjoni tad-data (il-prinċipji bażiċi, l-obbligi tal-operaturi ta’ negozji, id-drittijiet individwali, is-superviżjoni mill-PPC). Il-proċessar kopert mill-esklużjoni settorjali fl-Artikolu 76 ukoll hu eżentat mis-setgħat ta’ infurzar tal-PPC, skont l-Artikolu 43(2) tal-APPI (24).

(37)

Il-kategoriji rilevanti għall-esklużjoni settorjali fl-Artikolu 76 tal-APPI huma definiti bl-użu ta’ kriterju doppju bbażat fuq it-tip ta’ PIHBO li jipproċessa l-informazzjoni personali u l-iskop tal-proċessar. B’mod aktar speċifiku, l-esklużjoni tapplika għal: (i) istituzzjonijiet tax-xandir, pubblikaturi tal-gazzetti, aġenziji tal-komunikazzjoni jew organizzazzjonijiet oħra tal-istampa (inkluż kull individwu li jwettaq attivitajiet tal-istampa bħala n-negozju tiegħu) sa fejn dawn jipproċessaw informazzjoni personali għall-finijiet tal-istampa; (ii) il-persuni attivi fil-kitba professjonali, sa fejn din tkun tinvolvi informazzjoni personali; (iii) universitajiet u kull organizzazzjoni oħra jew grupp ieħor iffokati fuq studji akkademiċi, jew kull persuna li tappartjeni għal organizzazzjoni bħal din, sa fejn dawn jipproċessaw informazzjoni personali għall-fini tal-istudji akkademiċi; (iv) korpi reliġjużi sa fejn dawn jipproċessaw informazzjoni personali għall-finijiet ta’ attività reliġjuża (inklużi l-attivitajiet relatati kollha); u (v) korpi politiċi sa fejn dawn jipproċessaw informazzjoni personali għall-finijiet ta’ attività politika tagħhom (inklużi l-attivitajiet relatati kollha). Il-proċessar ta’ informazzjoni personali għal wieħed mill-iskopijiet elenkati fl-Artikolu 76 minn tipi oħra ta’ PIHBOs kif ukoll il-proċessar ta’ informazzjoni personali minn wieħed mill-PIHBOs għal skopijiet oħra, pereżempju fil-kuntest ta’ impjieg, jibqgħu koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV.

(38)

Biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lill-operaturi ta’ negozji fil-Ġappun, il-proċessar ta’ informazzjoni personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu IV tal-APPI biss – jiġifieri minn PIHBO sa fejn is-sitwazzjoni ta’ proċessar ma tikkorrispondix għal waħda mill-eżenzjonijiet settorjali – jenħtieġ li jkun kopert minn din id-Deċiżjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu għandu jiġi allinjat ma’ dak tal-APPI. Skont l-informazzjoni li ngħatat mill-PPC, meta PIHBO kopert b’din id-Deċiżjoni jimmodifika sussegwentement l-iskop ta’ użu (sa fejn dan ikun permissibbli) u mbagħad ikun kopert b’wieħed mill-esklużjonijiet settorjali fl-Artikolu 76 tal-APPI, dan jista’ jkun ikkunsidrat bħala trasferiment internazzjonali (meta jitqies li, fit-tali każijiet, il-proċessar tal-informazzjoni personali ma jibqax ikun kopert mill-Kapitolu IV tal-APPI u b’hekk ikun jaqa’ barra mill-ambitu tal-applikazzjoni tal-APPI). L-istess ikun japplika fil-każ li xi PIHBO jipprovdi informazzjoni personali lil xi entità koperta mill-Artikolu 76 tal-APPI għall-użu għal xi wieħed mill-iskopijiet ta’ pproċessar indikat f’dik id-dispożizzjoni. Fir-rigward tad-data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea, dan ikun għalhekk jikkostitwixxi trasferiment ulterjuri suġġett għas-salvagwardji relevanti (notevolment dawk speċifikati fl-Artikolu 24 tal-APPI u fir-Regola Supplimentari (4)). Meta PIHBO jkollu joqgħod fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data (25), huwa jkun irid jipprovdilu l-informazzjoni neċessarja kollha, inkluż li l-informazzjoni personali ma tibqax protetta mill-APPI.

2.3.   Is-salvagwardji, id-drittijiet u l-obbligi

2.3.1.   Il-limitazzjoni tal-iskop

(39)

Id-data personali għandha tiġi proċessata għal skop speċifiku u sussegwentement għandha tintuża biss sa fejn dan ma jkunx inkompatibbli mal-iskop tal-proċessar. Dan il-prinċipju ta’ protezzjoni tad-data hu ggarantit mill-Artikoli 15 u 16 tal-APPI.

(40)

L-APPI jibbaża fuq il-prinċipju li operatur ta’ negozju jrid jispeċifika l-iskop tal-użu “bl-aktar mod espliċitu possibbli” (Artikolu 15(1)) u mbagħad ikun marbut mit-tali skop meta jipproċessa d-data.

(41)

F’dak ir-rigward, l-Artikolu 15(2) tal-APPI jipprevedi li l-iskop inizjali ma jridx jitbiddel mill-PIHBO “lil hinn mill-ambitu rikonoxxut bħala raġonevolment rilevanti għall-iskop ta’ użu qabel il-modifika”, interpretat fil-Linji Gwida tal-PPC bħala dak li jikkorrispondi għal dak li jista’ jkun antiċipat b’mod oġġettiv mis-suġġett tad-data fuq il-bażi tal-“konvenzjonijiet soċjali normali” (26).

(42)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16(1) tal-APPI, il-PIHBOs huma pprojbiti milli jimmaniġġjaw informazzjoni personali lil hinn mill-“ambitu neċessarju biex jilħqu skop ta’ użu” speċifikat fl-Artikolu 15 mingħajr ma jiksbu minn qabel il-kunsens ta’ suġġett tad-data, sakemm ma tkunx tapplika waħda mid-derogi fl-Artikolu 16(3) (27).

(43)

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni personali miksuba mingħand operatur ta’ negozju ieħor, il-PIHBO, fil-prinċipju tiegħu, ikun ħieles li jistabbilixxi skop ta’ użu ġdid (28). Biex jiġi żgurat li, f’każ ta’ trasferiment mill-Unjoni Ewropea, riċevitur bħal dan ikun marbut bl-iskop li għalih tkun ġiet trasferita d-data, ir-Regola Supplimentari (3) teħtieġ li, f’każijiet “li fihom [PIHBO] jirċievi data personali mill-UE fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza” jew tali operatur “jirċievi mingħand [PIHBO] ieħor data personali li qabel kienet ġiet trasferita mill-UE fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza” (kondiviżjoni ulterjuri), ir-riċevitur irid “jispeċifika l-iskop tal-użu tat-tali data personali fl-ambitu tal-iskop tal-użu li għalih tkun ġiet riċevuta oriġinarjament jew sussegwentement id-data”. Fi kliem ieħor, ir-regola tiżgura li f’kuntest ta’ trasferiment, l-iskop speċifikat skont ir-Regolament (UE) 2016/679 ikompli jiddetermina l-proċessar, u li tibdil f’dak l-iskop fi kwalunkwe stadju tal-katina ta’ proċessar fil-Ġappun ikun jeħtieġ il-kunsens tas-suġġett tad-data tal-UE. Filwaqt li dan il-kunsens jitlob mill-PIHBO li tikkuntattja lis-suġġett tad-data, meta dan ma jkunx possibbli il-konsegwenza hija sempliċement li l-iskop oriġinali jkollu jinżamm.

2.3.2.   Il-legalità u l-ġustizzja tal-proċessar

(44)

Il-protezzjoni addizzjonali msemmija fil-premessa 43 hi saħansitra aktar rilevanti peress li hu permezz tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop li s-sistema Ġappuniża tiżgura wkoll li d-data personali tiġi proċessata b’mod legali u ġust.

(45)

Skont l-APPI, meta PIHBO jiġbor informazzjoni personali, dan ikun meħtieġ jispeċifika l-iskop tal-użu tal-informazzjoni personali b’mod dettaljat (29) u jinforma lis-suġġett tad-data minnufih (jew jiżvela lill-pubbliku) dwar dan l-iskop tal-użu (30). Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tal-APPI jistabbilixxi li PIHBO m’għandux jikseb informazzjoni personali b’ingann jew b’mezzi inadatti oħra. Rigward ċerti kategoriji ta’ data bħal informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali, il-kisba tagħha teħtieġ il-kunsens tas-suġġett tad-data (Artikolu 17(2) tal-APPI).

(46)

Sussegwentement, kif spjegat fil-premessi 41 u 42, il-PIHBO hu pprojbit milli jipproċessa l-informazzjoni personali għal skopijiet oħra, ħlief meta s-suġġett tad-data jagħti l-kunsens tiegħu għat-tali proċessar jew meta tkun tapplika waħda mid-derogi skont l-Artikolu 16(3) tal-APPI.

(47)

Finalment, f’dak li għandu x’jaqsam mal-provista ulterjuri ta’ informazzjoni personali lil parti terza (31), l-Artikolu 23(1) tal-APPI jillimita t-tali żvelar għal każijiet speċifiċi, bil-kunsens minn qabel tas-suġġett tad-data bħala r-regola ġenerali (32). L-Artikolu 23(2), (3) u (4) tal-APPI jipprevedi eċċezzjonijiet mir-rekwiżit biex jinkiseb kunsens. Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet ikunu applikabbli biss għal data mhux sensittiva u jeħtieġu li l-operatur ta’ negozju jinforma minn qabel lill-individwi kkonċernati dwar l-intenzjoni li jiżvela l-informazzjoni personali tagħhom lil parti terza u l-possibbiltà li joġġezzjonaw għal kwalunkwe żvelar ulterjuri (33).

(48)

Rigward trasferimenti mill-Unjoni Ewropea, id-data personali bilfors li l-ewwel tkun inġabret u ġiet proċessata fl-UE f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Dan dejjem se jinvolvi, minn naħa, il-ġbir u l-proċessar, inkluż għat-trasferiment mill-Unjoni Ewropea lill-Ġappun, fuq il-bażi ta’ waħda mill-motivazzjonijiet legali elenkati fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament u, min-naħa l-oħra, il-ġbir għal skop speċifikat, espliċitu u leġittimu kif ukoll il-projbizzjoni ta’ proċessar ulterjuri, inkluż permezz ta’ trasferiment, b’mod li jkun inkompatibbli ma’ dan l-iskop kif stabbilit fl-Artikoli 5(1)(b) u 6(4) tar-Regolament.

(49)

Wara t-trasferiment, skont ir-Regola Supplimentari (3), il-PIHBO li jirċievi d-data jkollu “jikkonferma” l-iskop(ijiet) speċifiku/speċifiċi sottostanti għat-trasferiment (jiġifieri l-iskop speċifikat skont ir-Regolament (UE) 2016/679) u jipproċessa ulterjorment dik id-data f’konformità mat-tali skop(ijiet) (34). Dan ifisser mhux biss li l-akkwirent inizjali tat-tali data personali fil-Ġappun iżda wkoll kwalunkwe riċevitur futur ta’ din id-data (inkluż fiduċjarju) jkunu marbuta bl-iskop(ijiet) speċifikat(i) fir-Regolament.

(50)

Barra minn hekk, f’każ li l-PIHBO jkun jixtieq ibiddel l-iskop kif speċifikat qabel skont ir-Regolament (UE) 2016/679, bis-saħħa tal-Artikolu 16(1) tal-APPI, dan ikollu jikseb, fil-prinċipju, il-kunsens tas-suġġett tad-data. Mingħajr dan il-kunsens, kwalunkwe proċessar tad-data li jmur lil hinn mill-ambitu neċessarju għall-kisba ta’ dan l-iskop ta’ użu jkun jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 16(1) li jkun eżegwibbli mill-PPC u mill-qrati.

(51)

Għalhekk, peress li skont ir-Regolament (UE) 2016/679 trasferiment jeħtieġ bażi ġuridika valida u skop speċifiku, li huma riflessi fl-iskop ta’ użu “kkonfermat” skont l-APPI, it-taħlita tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-APPI u tar-Regola Supplimentari (3) tiżgura l-legalità ssoktata tal-proċessar ta’ data tal-UE fil-Ġappun.

2.3.3.   Il-preċiżjoni u l-minimizzazzjoni tad-data

(52)

Id-data għandha tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata. Din għandha tkun ukoll adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva b’rabta mal-iskopijiet li għalihom tiġi proċessata.

(53)

Dawn il-prinċipji huma żgurati fil-liġi tal-Ġappun permezz tal-Artikolu 16(1) tal-APPI, li jipprojbixxi l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali lil hinn mill-“ambitu neċessarju biex jintlaħaq skop ta’ użu”. Kif spjegat mill-PPC, dan ma jeskludix biss l-użu ta’ data li mhix adegwata u l-użu eċċessiv ta’ data (lil hinn minn dak li jkun neċessarju għall-kisba tal-iskop ta’ użu), iżda jinvolvi wkoll il-projbizzjoni ta’ mmaniġġjar ta’ data mhux rilevanti għall-kisba tal-iskop ta’ użu.

(54)

Rigward l-obbligu biex id-data tinżamm preċiża u aġġornata, l-Artikolu 19 tal-APPI jeħtieġ li l-PIHBO “jistinka biex iżomm id-data personali preċiża u aġġornata fi ħdan l-ambitu neċessarju biex jilħaq skop ta’ użu”. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 16(1) tal-APPI: skont l-ispjegazzjonijiet riċevuti mill-PPC, jekk PIHBO jonqos milli jissodisfa l-istandards stipulati dwar il-preċiżjoni, il-proċessar tal-informazzjoni personali mhux se jitqies li jkun qed jilħaq l-iskop ta’ użu u, b’hekk, l-immaniġġjar tagħha jsir illegali skont l-Artikolu 16(1).

2.3.4.   Il-limitazzjoni tal-ħżin

(55)

Fil-prinċipju d-data għandha tinżamm għal mhux aktar minn kemm ikun meħtieġ għall-finijiet li għalihom tiġi proċessata d-data personali.

(56)

Skont l-Artikolu 19 tal-APPI, il-PIHBOs huma meħtieġa “jistinkaw […] biex iħassru d-data personali mingħajr dewmien meta t-tali użu jsir inutli”. Din id-dispożizzjoni jeħtieġ li tinqara wkoll flimkien mal-Artikolu 16(1) tal-APPI li jipprojbixxi l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali lil hinn mill-“ambitu neċessarju biex jintlaħaq skop ta’ użu”. Ladarba jintlaħaq l-iskop tal-użu, il-proċessar ta’ informazzjoni personali ma jistax jibqa’ jitqies neċessarju u, b’hekk, ma jistax ikompli (sakemm il-PIHBO ma jiksibx il-kunsens mingħand is-suġġett tad-data biex jagħmel dan).

2.3.5.   Is-sigurtà tad-data

(57)

Id-data personali għandha tiġi proċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà tagħha, inkluża protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra telf, qerda jew ħsara aċċidentali. Għal dak l-għan, l-operaturi ta’ negozji għandhom jieħdu miżuri tekniċi jew organizzazzjonali xierqa biex jipproteġu d-data personali mit-theddidiet possibbli. Dawn il-miżuri għandhom jiġu vvalutati b’kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u tal-ispejjeż relatati.

(58)

Dan il-prinċipju hu implimentat fil-liġi tal-Ġappun mill-Artikolu 20 tal-APPI, li jipprevedi li PIHBO “għandu jieħu azzjoni neċessarja u xierqa għall-kontroll tas-sigurtà tad-data personali inkluża l-prevenzjoni ta’ kxif, ta’ telf jew ta’ tħassir tad-data personali mmaniġġjata tiegħu.” Il-Linji Gwida tal-PPC jispjegaw il-miżuri li jridu jittieħdu, inklużi l-metodi għall-istabbiliment ta’ politiki bażiċi, ta’ regoli dwar l-immaniġġjar tad-data u diversi “azzjonijiet ta’ kontroll” (rigward is-sikurezza organizzazzjonali kif ukoll is-sigurtà umana, fiżika u teknoloġika) (35). Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-PPC u Avviż dedikat (Appendiċi 8 dwar il-“Kontenut tal-miżuri ta’ ġestjoni tas-sikurezza li jridu jittieħdu”) ippubblikati mill-PPC jipprovdu aktar dettalji dwar il-miżuri li jikkonċernaw inċidenti tas-sigurtà li jinvolvu, pereżempju, il-kxif ta’ informazzjoni personali, bħala parti mill-miżuri għall-ġestjoni tas-sigurtà li jridu jittieħdu mill-PIHBOs (36).

(59)

Barra minn hekk, kull meta l-informazzjoni personali tkun ġestita minn impjegati jew minn subkuntratturi, trid tiġi żgurata “superviżjoni neċessarja u xierqa” skont l-Artikoli 20 u 21 tal-APPI għall-finijiet ta’ kontroll tas-sigurtà. Finalment, skont l-Artikolu 83 tal-APPI, kxif intenzjonat jew serq ta’ informazzjoni personali huwa kastigabbli b’sanzjoni sa sena priġunerija.

2.3.6.   It-trasparenza

(60)

Is-suġġetti tad-data għandhom ikunu informati dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-proċessar ta’ data personali tagħhom.

(61)

L-Artikolu 18(1) tal-APPI jeħtieġ li l-PIHBO jagħmel l-informazzjoni dwar l-iskop tal-użu tal-informazzjoni personali miksuba disponibbli għas-suġġett tad-data, ħlief għal “każijiet li fihom skop ta’ użu jkun ġie żvelat minn qabel lill-pubbliku”. L-istess obbligu japplika f’każ ta’ tibdil permissibbli fl-iskop (Artikolu 18(3)). Dan jiżgura wkoll li s-suġġett tad-data jkun informat bil-fatt li tkun inġabret id-data tiegħu. Għad li l-APPI ġeneralment ma jkunx jeħtieġ li l-PIHBO jinforma lis-suġġett tad-data dwar ir-riċevituri mistennija tal-informazzjoni personali fl-istadju tal-ġbir, it-tali informazzjoni hi kundizzjoni neċessarja għal kwalunkwe żvelar sussegwenti ta’ informazzjoni lil parti terza (riċevitur) fuq il-bażi tal-Artikolu 23(2), u b’hekk fejn dan isir mingħajr il-kunsens minn qabel tas-suġġett tad-data.

(62)

Rigward “data personali miżmuma”, l-Artikolu 27 tal-APPI jipprovdi li l-PIHBO għandu jinforma lis-suġġett tad-data dwar l-identità tiegħu (dettalji tal-kuntatt), l-iskop tal-użu u l-proċeduri għat-tweġib għal talba rigward id-drittijiet individwali tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 28, 29 u 30 tal-APPI.

(63)

Bħal kif stipulat fir-Regoli Supplimentari, data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea titqies “data personali miżmuma” irrispettivament mill-perjodu ta’ żamma tagħha (sakemm ma tkunx koperta minn eżenzjonijiet), u dejjem se tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta’ trasparenza skont iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija aktar ’il fuq.

(64)

Kemm ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18 kif ukoll l-obbligu ta’ informar dwar l-iskop tal-użu skont l-Artikolu 27 tal-APPI huma soġġetti għall-istess sett ta’ eċċezzjonijiet, fil-parti l-kbira msejsa fuq il- kunsiderazzjonijiet tal-interess pubbliku u tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tas-suġġett tad-data, tal-partijiet terzi u tal-kontrollur (37). Skont l-interpretazzjoni żviluppata fil-Linji Gwida tal-PPC, dawk l-eċċezzjonijiet japplikaw f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna bħal meta l-informazzjoni dwar l-iskop tal-użu jkollha riskju li xxekkel il-miżuri leġittimi meħuda mill-operatur ta’ negozju għall-protezzjoni ta’ ċerti interessi (pereżempju l-ġlieda kontra l-frodi, l-ispjunaġġ industrijali, is-sabutaġġ).

2.3.7.   Kategoriji speċjali ta’ data

(65)

Jenħtieġ li jeżistu salvagwardji speċifiċi fejn ikunu qed jiġu proċessati “kategoriji speċjali” ta’ data.

(66)

“Informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali” hi definita fl-Artikolu 2(3) tal-APPI. Din id-dispożizzjoni tirreferi għal “informazzjoni personali li tinkludi r-razza, it-twemmin, l-istatus soċjali, l-istorja medika, ir-rekord kriminali, il-fatt ta’ xi dannu mġarrab minħabba att kriminali, jew xi deskrizzjoni oħra, eċċ. tal-prinċipal, li tkun stabbilita minn Ordni tal-Kabinett bħala dawk li l-ġestjoni tagħhom tkun tirrekjedi attenzjoni partikolari sabiex ma tiġix ikkawżata diskriminazzjoni inġusta, preġudizzju jew xi żvantaġġ ieħor lill-prinċipal.” Dawn il-kategoriji jikkorrispondu għal parti kbira mil-lista ta’ data sensittiva skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2016/679. B’mod partikolari, “l-istorja medika” tikkorrispondi għal data dwar is-saħħa, filwaqt li “r-rekord kriminali u l-fatti ta’ tiġrib ta’ dannu minn reat” huma sostanzjalment l-istess bħall-kategoriji msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/679. Il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 2(3) tal-APPI huma soġġetti għal interpretazzjoni ulterjuri fl-Ordni tal-Kabinet u fil-Linji Gwida tal-PPC. Skont it-Taqsima 2.3 punt (8) tal-Linji Gwida tal-PPC, is-subkategoriji tal-“istorja medika” spjegati fl-Artikolu 2(ii) u (iii) tal-Ordni tal-Kabinett huma interpretati bħala li jkopru data ġenetika u bijometrika. Barra minn hekk, filwaqt li l-lista ma tinkludix espressament it-termini “oriġini etnika” u “opinjoni politika”, din tinkludi referenzi għal “razza” u “twemmin”. Kif spjegat fit-Taqsima 2.3, il-punti (1) u (2), tal-Linji Gwida tal-PPC, ir-referenza għal “razza” tkopri “rabtiet etniċi jew rabtiet ma’ ċerta parti tad-dinja”, filwaqt li “twemmin” hi mifhuma li tinkludi kemm fehmiet reliġjużi kif ukoll politiċi.

(67)

Hekk kif inhu ċar mit-test tad-dispożizzjoni, din mhix lista magħluqa peress li kategoriji oħra ta’ data jistgħu jiżdiedu dment li l-proċessar tagħhom joħloq riskju ta’ “diskriminazzjoni inġusta, preġudizzju jew żvantaġġi oħra għall-prinċipal”.

(68)

Filwaqt li l-kunċett ta’ data“sensittiva” hu minnu nnifsu idea soċjali peress li hu minsuġ fi tradizzjonijiet kulturali u legali, f’kunsiderazzjonijiet morali, f’għażliet ta’ politika, eċċ. ta’ soċjetà partikolari, fid-dawl tal-importanza li jiġu żgurati salvagwardji adegwati għal data sensittiva meta tiġi trasferita lil operaturi ta’ negozji fil-Ġappun, il-Kummissjoni kisbet il-fatt li l-protezzjonijiet speċjali mogħtija lil “informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali” skont il-liġi Ġappuniża jkunu estiżi għall-kategoriji kollha rikonoxxuti bħala “data sensittiva” fir-Regolament (UE) 2016/679. Għal dan l-għan, ir-Regola Supplimentari (1) tipprevedi li data trasferita mill-Unjoni Ewropea rigward il-ħajja sesswali, l-orjentazzjoni sesswali jew is-sħubija fi trade union ta’ individwu għandha tiġi proċessata mill-PIHBOs “bl-istess mod bħal informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 3 tal-[APPI]”.

(69)

Rigward is-salvagwardji sostantivi addizzjonali li japplikaw għal informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali, skont l-Artikolu 17(2) tal-APPI, il-PIHBOs mhumiex permessi jiksbu t-tali tip ta’ data mingħajr il-kunsens minn qabel tal-individwu kkonċernat, soġġetti biss għall-eċċezzjonijiet limitati (38). Barra minn hekk, din il-kategorija ta’ informazzjoni personali hi eskluża mill-possibbiltà ta’ żvelar minn parti terza fuq il-bażi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 23(2) tal-APPI (li tippermetti t-trażmissjoni ta’ data lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens preċedenti tal-individwu kkonċernat).

2.3.8.   Responsabbiltà

(70)

Skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà, l-entitajiet li jipproċessaw data huma meħtieġa jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa biex jikkonformaw b’mod effettiv mal-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni tad-data u jkunu kapaċi juru t-tali konformità, b’mod partikolari lill-awtorità superviżorja kompetenti.

(71)

Kif intqal fin-nota f’qiegħ il-paġna 34 (il-premessa 49), il-PIHBOs huma meħtieġa, skont l-Artikolu 26(1) tal-APPI jivverifikaw l-identità ta’ parti terza li tipprovdilhom data personali u ċ-“ċirkustanzi” li fihom it-tali data nkisbet mingħand il-parti terza (f’każ ta’ data personali koperta minn din id-Deċiżjoni, skont l-APPI u r-Regola Supplimentari (3) dawk iċ-ċirkustanzi għandhom jinkludu l-fatt li d-data tkun toriġina mill-Unjoni Ewropea kif ukoll l-iskop tat-trażmissjoni oriġinali tad-data). Fost l-oħrajn, din il-miżura għandha l-għan li tiżgura l-legalità tal-proċessar tad-datatul il-katina tal-PIHBOs li jimmaniġġjaw id-data personali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 26(3) tal-APPI, il-PIHBOs huma meħtieġa jżommu rekord tad-data tar-riċevuta u l-informazzjoni (obbligatorja) riċevuta mill-parti terza skont il-paragrafu 1, kif ukoll l-isem tal-individwu kkonċernat (is-suġġett tad-data), il-kategoriji ta’ data proċessata u, sa fejn rilevanti, il-fatt li s-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu għall-qsim tad-data personali tiegħu. Kif speċifikat fl-Artikolu 18 tar-Regoli tal-PPC, dawn ir-rekords iridu jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas sena sa tliet snin, skont iċ-ċirkustanzi. Fl-eżerċizzju tal-kompiti tagħha, il-PPC tista’ titlob is-sottomissjoni tat-tali rekords (39).

(72)

Il-PIHBOs iridu jindirizzaw minnufih u kif xieraq ilmenti ta’ individwi kkonċernati dwar il-proċessar tal-informazzjoni personali tagħhom. Biex jiffaċilitaw l-immaniġġjar tal-ilmenti, dawn għandhom jistabbilixxu “sistema għall-kisba ta’ [dan] l-iskop”, li jimplika li dawn għandhom jimplimentaw proċeduri xierqa fi ħdan l-organizzazzjoni tagħhom (pereżempju jassenjaw responsabblitajiet jew jipprovdu punt ta’ kuntatt).

(73)

Finalment, l-APPI joħloq qafas għall-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet industrijali settorjali fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ konformità (ara l-Kapitolu IV, it-Taqsima 4). Ir-rwol tat-tali organizzazzjonijiet akkreditati tal-informazzjoni personali (40) hu li jippromwovu l-protezzjoni ta’ informazzjoni personali billi jsostnu lin-negozji permezz tal-għarfien espert tagħhom, iżda li jikkontribwixxu wkoll għall-implimentazzjoni tas-salvagwardji, b’mod partikolari bl-immaniġġjar tal-ilmenti individwali u bl-assistenza għas-sejbien ta’ soluzzjoni għal kunflitti relatati. Għal dan l-għan, dawn jistgħu jitolbu lill-PIHBOs parteċipanti, jekk ikun xieraq, biex jadottaw il-miżuri neċessarji (41). Barra minn hekk, f’każ ta’ ksur ta’ data jew ta’ inċidenti tas-sigurtà oħra, il-PIHBOs fil-prinċipju għandhom jinformaw lill-PPC kif ukoll lis-suġġett tad-data (jew lill-pubbliku) u jieħdu l-azzjoni neċessarja, inklużi miżuri biex jimminimizzaw kull ħsara u jipprevjenu kull rikorrenza ta’ inċidenti simili (42). Filwaqt li dawk huma skemi volontarji, fl-10 ta’ Awwissu 2017 il-PPC kien elenka 44 organizzazzjoni, bl-akbar waħda, iċ-Ċentru tal-Ġappun għall-Proċessar u għall-Iżvilupp ta’ Informazzjoni (JIPDEC), li waħedha fiha 15 436 operatur ta’ negozju parteċipanti (43). L-iskemi akkreditati jinkludu assoċjazzjonijiet settorjali bħal, pereżempju, l-Assoċjazzjoni tal-Ġappun għan-Negozjanti tat-Titoli, l-Assoċjazzjoni tal-Ġappun tal-Iskejjel tas-Sewqan tal-Karozzi jew l-Assoċjazzjoni tas-Sensara taż-Żwiġijiet (44).

(74)

L-organizzazzjonijiet akkreditati tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali jissottomettu rapporti annwali dwar l-operazzjonijiet tagħhom. Skont il-“Ħarsa Ġenerali lejn l-Istatus ta’ Implimentazzjoni [ta’]l-APPI f’FY 2015” ippubblikata mill-PPC, l-organizzazzjonijiet akkreditati ta’ protezzjoni tal-informazzjoni personali rċevew total ta’ 442 ilment, talbu 123 spjegazzjoni mingħand l-operaturi ta’ negozji taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, talbu dokumenti mingħand dawn l-operaturi f’41 każ, taw 181 ordni u għamlu 2 rakkomandazzjonijiet (45).

2.3.9.   Restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri

(75)

Il-livell ta’ protezzjoni mogħtija għal data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lil operaturi ta’ negozji fil-Ġappun ma jistax ikun imxekkel mit-trasferiment ulterjuri tat-tali data lil riċevituri f’pajjiż terz barra mill-Ġappun. Tali “trasferimenti ulterjuri” li, mill-perspettiva tal-operatur ta’ negozju Ġappuniż jikkostitwixxu trasferimenti internazzjonali mill-Ġappun, għandhom jitħallew isiru biss meta r-riċevitur ulterjuri barra mill-Ġappun hu stess ikun soġġett għal regoli li jiżguraw livell simili ta’ protezzjoni bħal dak garantit fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Ġappun.

(76)

L-ewwel protezzjoni hi mnaqqxa fl-Artikolu 24 tal-APPI li b’mod ġenerali jipprojbixxi t-trasferiment ta’ data personali lil parti terza barra mit-territorju tal-Ġappun mingħajr il-kunsens minn qabel tal-individwu kkonċernat. Ir-Regola Supplimentari (4) tiżgura li fil-każ ta’ trasferimenti ta’ data mill-Unjoni Ewropea, it-tali kunsens irid ikun partikolarment informat sew peress li jkun jeħtieġ li l-individwu kkonċernat jiġi “pprovdut b’informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi tat-trasferiment neċessarju biex il-prinċipal jieħu deċiżjoni dwar il-kunsens tiegħu”. Abbażi ta’ dan, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar il-fatt li d-data tkun se tiġi ttrasferita barra mill-pajjiż (barra mill-ambitu tal-applikazzjoni tal-APPI) u dwar il-pajjiż speċifiku ta’ destinazzjoni. Dan se jippermettilu jevalwa r-riskju tal-privatezza involut fit-trasferiment. Barra minn hekk, kif wieħed jista’ jobsor meta jħares lejn l-Artikolu 23 tal-APPI (ara l-premessa 47), l-informazzjoni pprovduta lill-prinċipal jenħtieġ li tkun tkopri l-entrati obbligatorji taħt il-paragrafu 2 tiegħu, jiġifieri l-kategoriji ta’ data personali pprovduti lil xi parti terza u l-metodu ta' divulgazzjoni.

(77)

L-Artikolu 24 tal-APPI, applikat flimkien mal-Artikolu 11-2 tar-Regoli tal-PPC, jipprovdi diversi eċċezzjonijiet għal din ir-regola bbażata fuq il-kunsens. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24, l-istess derogi bħal dawk applikabbli skont l-Artikolu 23(1) tal-APPI japplikaw ukoll għal trasferimenti internazzjonali ta’ data (46).

(78)

Biex tiġi żgurata kontinwità fil-protezzjoni f’każ ta’ data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lejn il-Ġappun skont din id-Deċiżjoni, ir-Regola Supplimentari (4) issaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni għat-trasferimenti ulterjuri tat-tali data mill-PIHBO lil riċevitur f’pajjiż terz. Din tagħmel dan billi tillimita u ssawwar qafas għall-bażijiet għat-trasferimenti internazzjonali li jistgħu jintużaw mill-PIHBO bħala alternattiva għal kunsens. B’mod aktar speċifiku, u mingħajr ħsara għad-derogi stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tal-APPI, data personali trasferita skont din id-Deċiżjoni tista’ tkun soġġetta għal trasferimenti (ulterjuri) mingħajr kunsens f’żewġ każijiet biss: (i) meta d-data tintbagħat f’pajjiż terz li jkun ġie rikonoxxut mill-PPC skont l-Artikolu 24 tal-APPI bħala wieħed li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dak garantit fil-Ġappun (47); jew (ii) meta l-PIHBO u l-parti terza riċevitriċi jkunu implimentaw miżuri flimkien li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għall-APPI, moqri flimkien mar-Regoli Supplimentari, permezz ta’ kuntratt, ta’ forom oħra ta’ ftehimiet vinkolanti jew ta’ arranġamenti vinkolanti fi ħdan grupp korporattiv. It-tieni kategorija tikkorrispondi għall-istrumenti użati skont ir-Regolament (UE) 2016/679 biex tiżgura salvagwardji xierqa (b’mod partikolari, klawżoli kuntrattwali u regoli korporattivi vinkolanti). Barra minn hekk, kif konfermat mill-PPC, anki f’dawk il-każijiet, it-trasferiment jibqa’ suġġett għar-regoli ġenerali applikabbli għal kwalunkwe provvediment ta’ data personali lil pajjiż terz taħt l-APPI (jiġifieri l-obbligu li jinkiseb kunsens skont l-Artikolu 23(1) jew, alternattivament, l-obbligu ta’ informazzjoni bil-possibbiltà ta’ nonparteċipazzjoni skont l-Artikolu 23(2) tal-APPI). F’każ li s-suġġett tad-data ma jkunx jista’ jintlaħaq b’talba għal kunsens jew biex jipprovdi l-informazzjoni minn qabel meħtieġa skont l-Artikolu 23(2) tal-APPI, it-trasferiment ma jistax iseħħ.

(79)

Għaldaqstant, barra mill-każijiet li fihom il-PPC issib li l-pajjiż terz inkwistjoni jiżgura livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak garantit mill-APPI (48), ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regola Supplimentari (4) jeskludu l-użu ta’ strumenti ta’ trasferiment li ma joħolqux relazzjoni vinkolanti bejn l-esportatur tad-data Ġappuniż u l-importatur tad-data tal-pajjiż terz u li ma jiggarantixxux il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni. Dan ikun il-każ, pereżempju, tas-Sistema tar-Regoli tal-APEC dwar il-Privatezza Transfruntiera (CBPR), li l-Ġappun hi ekonomija parteċipanti fiha (49), peress li f’dik is-sistema l-protezzjonijiet ma jirriżultawx minn arranġament li jorbot lill-esportatur u lill-importatur fil-kuntest tar-relazzjoni bilaterali tagħhom u jidher ċar li huma ta’ livell inferjuri għal dak garantit mit-taħlita tal-APPI u tar-Regoli Supplimentari (50).

(80)

Finalment, salvagwardja oħra f’każ ta’ trasferimenti (ulterjuri) issegwi mill-Artikoli 20 u 22 tal-APPI. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, meta operatur ta’ pajjiż terz (importatur tad-data) jaġixxi f’isem il-PIHBO (esportatur tad-data), jiġifieri (sub)proċessur, dan tal-aħħar irid jiżgura s-superviżjoni fuq dak imsemmi l-ewwel rigward is-sigurta tal-proċessar tad-data.

2.3.10.   Drittijiet individwali

(81)

Bħal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, l-APPI tagħti lill-individwi numru ta’ drittijiet infurzabbli. Dan jinkludi d-dritt ta’ aċċess (“żvelar”), ta’ rettifika u ta’ tħassir kif ukoll id-dritt ta’ oġġezzjoni (“waqfien tal-użu”).

(82)

L-ewwel, skont l-Artikolu 28(1) u (2) tal-APPI, suġġett tad-data għandu dritt li jitlob mingħand PIHBO “l-iżvelar tad-data personali miżmuma li tista’ tidentifikah” u, malli jirċievi t-tali talba, il-PIHBO “għandu […] jiżvela d-data personali miżmuma” lis-suġġett tad-data. L-Artikoli 29 (dritt għal korrezzjoni) u 30 (dritt għal waqfien tal-użu) għandhom l-istess struttura bħall-Artikolu 28.

(83)

L-Artikolu 9 tal-Ordni tal-Kabinett jispeċifika li l-iżvelar ta’ informazzjoni personali, kif imsemmija fl-Artikolu 28(2) tal-APPI, għandu jsir bil-miktub, sakemm il-PIHBO u s-suġġett tad-data ma jkunux qablu mod ieħor.

(84)

Dawn id-drittijiet huma soġġetti għal tliet tipi ta’ restrizzjonijiet, relatati mad-drittijiet u mal-interessi tal-individwu stess jew tal-partijiet terzi (51), ma’ xkiel serju fl-operazzjonijiet tan-negozju ta’ PIHBO (52) kif ukoll ma' każijiet li fihom l-iżvelar ikun jikser liġijiet jew regolamenti oħra (53). Is-sitwazzjonijiet li fihom ikunu japplikaw dawn ir-restrizzjonijiet huma simili għal uħud mill-eċċezzjonijiet applikabbli skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2016/679, li jippermetti għal restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-individwi għal raġunijiet relatati mal-“protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ oħrajn” jew “objettivi importanti oħra ta’ interess pubbliku ġenerali”. Għad li l-kategorija ta’ każijiet li fihom l-iżvelar ikun jikser “liġijiet jew regolamenti oħra” tista’ tidher wiesgħa, il-liġijiet u r-regolamenti li jipprovdu għal limitazzjonijiet f’dan ir-rigward iridu jirrispettaw id-dritt kostituzzjonali għall-privatezza u jistgħu jimponu restrizzjonijiet biss sa fejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun “ta’ xkiel għall-benessri pubbliku” (54). Dan jeħtieġ sejbien ta’ bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni.

(85)

Skont l-Artikolu 28(3) tal-APPI, jekk id-data mitluba ma tkunx teżisti, jew meta l-PIHBO kkonċernat jiddeċiedi li ma jagħtix aċċess għad-data miżmuma, dan ikun meħtieġ jinforma lill-individwu mingħajr dewmien.

(86)

It-tieni, skont l-Artikolu 29(1) u (2) tal-APPI, suġġett tad-data għandu dritt li jitlob il-korrezzjoni, iż-żieda jew it-tħassir tad-data personali miżmuma tiegħu f'każ li fih id-data ma tkunx preċiża. Mar-riċevuta ta’ talba bħal din, il-PIHBO “għandu […] jwettaq investigazzjoni neċessarja” u, fuq il-bażi tar-riżultati tat-tali investigazzjoni, “jagħmel korrezzjoni eċċ. tal-kontenut tad-data miżmuma”.

(87)

It-tielet, skont l-Artikolu 30(1) u (2) tal-APPI, suġġett tad-data għandu dritt li jitlob lil PIHBO biex ma jkomplix juża l-informazzjoni personali, jew iħassar it-tali informazzjoni, meta tkun immaniġġjata b’mod li jikser l-Artikolu 16 (rigward il-limitazzjoni tal-iskop) jew tkun inkisbet mhux kif suppost bi ksur tal-Artikolu 17 tal-APPI (rigward il-kisba b’qerq, b’mezzi inadatti oħra jew fil-każ ta’ data sensittiva mingħajr kunsens). Bl-istess mod, skont l-Artikolu 30(3) u (4) tal-APPI, l-individwu għandu dritt li jitlob mingħand il-PIHBO l-waqfien tal-provvista tal-informazzjoni lil parti terza meta din tkun tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) jew tal-Artikolu 24 tal-APPI (rigward il-provvista lil parti terza, inklużi trasferimenti internazzjonali).

(88)

Meta t-talba tkun imsejsa fuq raġuni valida, il-PIHBO mingħajr dewmien għandu jwaqqaf l-użu tad-data, jew il-provvista lil parti terza, sa fejn ikun hemm bżonn biex jirrimedja l-ksur jew, jekk każ ikun kopert minn eċċezzjoni (b’mod partikolari jekk il-waqfien tal-użu jkun jikkawża spejjeż partikolarment għoljin) (55), jimplimenta l-miżuri alternattivi neċessarji biex jipproteġi d-drittijiet u l-interessi tal-individwu kkonċernat.

(89)

B’differenza mid-dritt tal-UE, l-APPI u r-regoli substatutorji rilevanti ma fihomx dispożizzjonijiet legali li jindirizzaw b’mod speċifiku l-possibbiltà ta’ kontestazzjoni tal-proċessar għal skopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. Madankollu, skont din id-Deċiżjoni, proċessar bħal dan iseħħ fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ data personali li kienet inġabret qabel fl-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/679, is-suġġett tad-data dejjem għandu jkollu l-possibbiltà li jopponi trasferiment tad-data għall-fini ta’ proċessar għal kummerċjalizzazzjoni diretta. Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessa 43, skont ir-Regola Suplimentari (3), PIHBO hu meħtieġ jipproċessa d-data riċevuta skont id-Deċiżjoni għall-istess skop li għalih id-data tkun ġiet trasferita mill-Unjoni Ewropea, sakemm is-suġġett tad-data ma jagħtix kunsens għat-tibdil fl-iskop tal-użu. Għaldaqstant, jekk it-trasferiment ikun sar għal kwalunkwe skop ieħor għajr kummerċjalizzazzjoni diretta, PIHBO fil-Ġappun ikun projbit milli jipproċessa d-data għall-fini ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta mingħajr il-kunsens tas-suġġett tad-data tal-UE.

(90)

Fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikoli 28 u 29 tal-APPI, il-PIHBO hu meħtieġ jinnotifika lill-individwu dwar l-eżitu tat-talba tiegħu mingħajr dewmien u, barra minn hekk, irid jispjega kwalunkwe rifjut (parzjali) ibbażat fuq l-eċċezzjonijiet statutorji pprovduti fl-Artikoli minn 27 sa 30 (Artikolu 31 tal-APPI).

(91)

Rigward il-kundizzjonijiet biex issir talba, l-Artikolu 32 tal-APPI (flimkien mal-Ordni tal-Kabinett) jippermetti lill-PIHBO jiddetermina proċeduri raġonevoli, inkluż f’termini tal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi identifikata d-data personali miżmuma. Madankollu, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-PIHBOs ma għandhomx jimponu “piż eċċessiv fuq prinċipal”. F’ċerti każijiet, il-PIHBOs jistgħu wkoll jimponu tariffi dment li l-ammont tagħhom jibqa’ “fi ħdan l-ambitu meqjus raġonevoli b’rabta mal-ispejjeż propji” (Artikolu 33 tal-APPI).

(92)

Finalment, l-individwu jista’ joġġezzjona għall-provvista tal-informazzjoni personali tiegħu lil parti terza skont l-Artikolu 23(2) tal-APPI, jew jirrifjuta l-kunsens skont l-Artikolu 23(1) (u b’hekk jipprevjeni l-iżvelar f’każ li ma jkun hemm ebda bażi ġuridika oħra disponibbli). Bl-istess mod, l-individwu jista’ jwaqqaf il-proċessar tad-data għal skop differenti billi jirrifjuta milli jipprovdi kunsens skont l-Artikolu 16(1) tal-APPI.

(93)

B’differenza mid-dritt tal-UE, l-APPI u r-regoli substatutorji rilevanti ma fihomx dispożizzjonijiet ġenerali li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw lis-suġġett tad-data u huma bbażati biss fuq il-proċessar awtomatizzat ta’ data personali. Madankollu, il-kwistjoni hija indirizzata f’ċerti regoli settorjali applikabbli fil-Ġappun li huma partikolarment rilevanti għal dan it-tip ta’ proċessar. Dan jinkludi setturi li fihom il-kumpaniji jkollhom probabbiltà kbira li jirrikorru għall-proċessar awtomatizzat ta’ data personali biex jieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw lil individwi (eż. is-settur finanzjarju). Pereżempju, il-“Linji Gwida Komprensivi għas-Superviżjoni fuq Banek Kbar”, kif riveduti f’Ġunju 2017, jeħtieġu li l-individwu kkonċernat jiġi pprovdut bi spjegazzjonijiet speċifiċi dwar ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talba ta’ konklużjoni ta’ ftehim ta’ self. B’hekk, dawk ir-regoli joffru protezzjonijiet fin-numru aktarx pjuttost limitat ta’ każijiet li fihom jittieħdu deċiżjonijiet awtomatizzati mill-operatur ta’ negozju Ġappuniż “importatur” stess (minflok mill-kontrollur tad-data“esportatur” tal-UE).

(94)

Fi kwalunkwe każ, rigward data personali li nġabret fl-Unjoni Ewropea, kull deċiżjoni bbażata fuq proċessar awtomatizzat tipikament tittieħed mill-kontrollur tad-data fl-Unjoni (li għandu relazzjoni diretta mas-suġġett tad-data kkonċernat) u hija għalhekk soġġetta għar-Regolament (UE) 2016/679 (56). Dan jinkludi xenarji ta’ trasferiment li fihom il-proċessar jitwettaq minn operatur ta’ negozju barrani (eż. Ġappuniż) li jaġixxi bħala aġent (proċessur) f’isem il-kontrollur tal-UE (jew subproċessur li jaġixxi f’isem il-proċessur tal-UE, li jkun irċieva d-data mingħand kontrollur tal-UE li jkun ġabarha) li abbażi ta’ dan imbagħad jieħu d-deċiżjoni. Għaldaqstant, hu improbabbli li n-nuqqas ta’ regoli speċifiċi dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati fl-APPI jaffettwaw il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali trasferita skont din id-deċiżjoni.

2.4.   Sorveljanza u eżekuzzjoni

2.4.1.   Sorveljanza indipendenti

(95)

Biex jiġi żgurat li jiġi garantit livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data fil-prattika wkoll, għandu jkun hemm fis-seħħ awtorità superviżorja indipendenti inkarigata bis-setgħat li tissorvelja u teżegwixxi l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data. Din l-awtorità għandha taġixxi b’indipendenza u b’imparzjalità assoluta meta twettaq dmirijietha u teżerċita s-setgħat tagħha.

(96)

Fil-Ġappun, l-awtorità inkarigata mill-monitoraġġ u mill-infurzar tal-APPI hi l-PPC. Hi msawra minn President u minn tmien Kummissarji maħtura mill-Prim Ministru bil-kunsens taż-żewġ Kmamar tad-Diet. Il-mandat tal-President u ta’ kull wieħed mill-Kummissarju hu twil ħames snin, bil-possibbiltà ta’ ħatra mill-ġdid (Artikolu 64 tal-APPI). Il-Kummissarji jistgħu jitkeċċew biss għal kawża ġusta f’sett limitat ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali (57) u ma jistgħux ikunu involuti b’mod attiv f’attivitajiet politiċi. Barra minn dan, skont l-APPI, Kummissarji full-time għandhom jastjenu minn kull attivita b’rimunerazzjoni oħra, jew minn kull attività ta’ negozju. Il-Kummissarji kollha huma wkoll suġġetti għal regoli interni li ma jħalluhomx jipparteċipaw f’deliberazzjonijiet fil-każ ta’ xi kunflitt ta’ interess li jista’ jinqala’. Il-PPC hi assistita minn Segretarjat, immexxi minn Segretarju Ġenerali, li twaqqaf bl-għan li jwettaq il-kompiti assenjati lill-PPC (Artikolu 70 tal-APPI). Kemm il-Kummissarji kif ukoll l-uffiċjali kollha fis-Segretarjat huma marbuta b’regoli stretti ta’ segretezza (Artikoli 72, 82 tal-APPI).

(97)

Is-setgħat tal-PPC, li hi teżerċita b’indipendenza sħiħa (58), huma primarjament previsti fl-Artikoli 40, 41 u 42 tal-APPI. Skont l-Artikolu 40, il-PPC tista’ titlob lill-PIHBOs jirrapportaw jew jissottomettu dokumenti dwar l-operazzjonijiet ta’ proċessar u tista’ twettaq spezzjonijiet ukoll, kemm fuq il-post kif ukoll tal-kotba jew ta’ dokumenti oħra. Sa fejn ikun hemm bżonn biex tinfurza l-APPI, il-PPC tista’ tipprovdi wkoll gwida jew pariri lill-PIHBOs rigward l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali. Il-PPC diġà għamlet użu minn din is-setgħa skont l-Artikolu 41 PPI billi indirizzat il-gwida għal Facebook, wara r-revelazzjonijiet Facebook/Cambridge Analytica.

(98)

L-aktar ħaġa importanti hi li l-PPC għandha s-setgħa li – filwaqt li taġixxi fuq ilment jew fuq inizjattiva tagħha stess – toħroġ rakkomandazzjonijiet u ordnijiet biex tinforza l-APPI u regoli vinkolanti oħra (inklużi r-Regoli Supplimentari) fil-każijiet individwali. Dawn is-setgħat huma stabbiliti fl-Artikolu 42 tal-APPI. Filwaqt li l-paragrafi 1 u 2 tiegħu jipprovdu għal mekkaniżmu b’żewġ stadji li fihom il-PPC tista’ toħroġ ordni (biss) wara rakkomandazzjoni minn qabel, il-paragrafu 3 jippermetti għall-adozzjoni diretta ta’ ordni f’każijiet ta’ urġenza.

(99)

Għad li mhux id-dispożizzjonijiet kollha tal-Kapitolu IV, it-Taqsima 1 tal-APPI huma elenkati fl-Artikolu 42(1) – li jiddetermina wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42(2) – dan jista’ jkun spjegat mill-fatt li wħud minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkonċernawx obbligi tal-PIHBO (59) u li l-protezzjonijiet essenzjali kollha diġà jingħataw minn dispożizzjonijiet oħra li huma inklużi f’dik il-lista. Pereżempju, għad li l-Artikolu 15 (li jeħtieġ li l-PIHBO jistabbilixxi l-iskop ta’ użu u jipproċessa l-informazzjoni personali rilevanti b’mod esklużiv fi ħdan l-ambitu tiegħu) ma jissemmiex, nuqqas ta’ osservazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit jista’ jkun bażi għal rakkomandazzjoni msejsa fuq ksur tal-Artikolu 16(1) (projbizzjoni tal-PIHBO milli jipproċessa informazzjoni personali lil hinn minn dik li tkun neċessarja biex jintlaħaq l-iskop ta’ użu, sakemm ma jiksibx il-kunsens tas-suġġett tad-data(60). Dispożizzjoni oħra mhux elenkata fl-Artikolu 42(1) hi l-Artikolu 19 tal-APPI dwar il-preċiżjoni u ż-żamma tad-data. In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi infurzat jew bħala ksur tal-Artikolu 16(1) jew fuq il-bażi ta’ ksur tal-Artikolu 29(2), jekk l-individwu kkonċernat jitlob il-korrezzjoni jew it-tħassir ta’ data żbaljata jew eċċessiva u l-PIHBO jirrifjuta milli jissodisfa t-talba. Rigward id-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 28(1), 29(1) u 30(1), is-sorveljanza mill-PPC hi żgurata billi tingħata setgħat ta’ infurzar fir-rigward tal-obbligi korrispondenti tal-PIHBO stabbiliti f’dawk l-Artikoli.

(100)

Skont l-Artikolu 42(1) tal-APPI, il-PPC, jekk tirrikonoxxi li jkun hemm “bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi ta’ individwu f’każijiet li fihom [PIHBO] jkun kiser” dispożizzjonijiet speċifiċi tal-APPI, tista’ toħroġ rakkomandazzjoni biex “tissospendi l-att ta’ ksur jew tieħu azzjoni neċessarja oħra biex tirrettifika l-ksur”. Rakkomandazzjoni bħal din ma tkunx vinkolanti, iżda twitti t-triq għal ordni vinkolanti skont l-Artikolu 42(2) tal-APPI. Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, jekk ir-rakkomandazzjoni ma tiġix segwita “mingħajr raġuni leġittima” u l-PPC “tagħraf li jkun imminenti t-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet u tal-interessi ta’ individwu”, din tista’ tordna lill-PIHBO jieħu azzjoni f’konformità mar-rakkomandazzjoni.

(101)

Ir-Regoli Supplimentari jkomplu jiċċaraw u jsaħħu s-setgħat ta’ infurzar tal-PPC. B’mod aktar speċifiku, f’każijiet li jinvolvu data importata mill-Unjoni Ewropea, il-PPC dejjem se tqis nuqqas min-naħa ta’ PIHBO milli jieħu azzjoni skont rakkomandazzjoni maħruġa mill-APPI skont l-Artikolu 42(1), mingħajr raġuni leġittima, bħala ksur serju ta’ natura imminenti tad-drittijiet u tal-interessi ta’ individwu skont it-tifsira tal-Artikolu 42(2), u għalhekk bħala ksur li jiġġustifika l-ħruġ ta’ ordni vinkolanti. Barra minn hekk, bħala “raġuni leġittima” għan-nuqqas ta’ konformità ma’ rakkomandazzjoni, il-PPC taċċetta biss “avveniment ta’ natura straordinarja [li tipprevjeni l-konformità] barra mill-kontroll tal-[PIHBO] li ma jistax ikun previst b’mod raġonevoli (pereżempju diżastri naturali)” jew każijiet li fihom il-ħtieġa li tittieħed azzjoni rigward rakkomandazzjoni “ma tibqax għaliex il-[PIHBO] ikun ħa azzjoni alternattiva li tirrimedja l-ksur bis-sħiħ”.

(102)

In-nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-PPC jitqies li hu reat kriminali skont l-Artikolu 84 tal-APPI u PIHBO misjub ħati jista’ jiġi sentenzjat għal priġunerija b’xogħol sa sitt xhur jew b’multa sa 300 000 yen. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 85(i) tal-APPI, nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-PPC jew xkiel għall-investigazzjoni tagħha hu punibbli b’multa li tasal sa 300 000 yen. Dawn is-sanzjonijiet kriminali japplikaw flimkien ma' dawk li jistgħu jiġu imposti għal ksur sostanzjali tal-APPI (ara l-premessa 108).

2.4.2.   Rimedju ġudizzjarju

(103)

Biex jiżgura protezzjoni adegwata u b’mod partikolari l-infurzar tad-drittijiet individwali, is-suġġett tad-data għandu jiġi pprovdut b’rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv, inkluż kumpens għad-danni.

(104)

Qabel jew minflok ma jfittex rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju, individwu jista’ jiddeċiedi li jippreżenta lment dwar il-proċessar tad-data personali tiegħu lill-kontrollur innifsu. Fuq il-bażi tal-Artikolu 35 tal-APPI, il-PIHBOs għandhom jieħdu impenn li jindirizzaw it-tali lmenti “kif xieraq u minnufih” u jistabbilixxu sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti biex jilħqu dan l-objettiv. Barra minn dan, skont l-Artikolu 61(ii) tal-APPI, il-PPC huwa responsabbli għall-“medjazzjoni neċessarja meta jidħol ilment u għall-kooperazzjoni offruta lil xi operatur ta’ negozju li jiġġestixxi l-ilment”, li fiż-żewġ każijiet tinkludi lmenti ppreżentati minn barranin. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur Ġappuniż inkariga wkoll lill-gvern ċentrali bil-kompitu li jieħu “azzjoni neċessarja” biex jippermetti u jiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-ilmenti mill-PIHBOs (Artikolu 9), filwaqt li l-gvernijiet lokali għandhom jieħdu impenn biex jiżguraw medjazzjoni fit-tali każijiet (Artikolu 13). F’dak ir-rigward, l-individwi jistgħu jippreżentaw ilment ma’ wieħed minn aktar minn 1,700 ċentru tal-konsumatur stabbiliti minn gvernijiet lokali fuq il-bażi tal-Att dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (61), minbarra l-possibbiltà li jippreżentaw ilment maċ-Ċentru Nazzjonali tal-Ġappun għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Ilmenti bħal dawn jistgħu jinfetħu wkoll fir-rigward ta’ ksur tal-APPI. Skont l-Artikolu 19 tal-Att Bażiku dwar il-Konsumatur (62), il-gvernijiet lokali għandhom jieħdu impenn li jwettqu medjazzjoni fir-rigward tal-ilmenti u jipprovdu l-għarfien espert neċessarju lill-partijiet. Dawk il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim jidhru kemxejn effettivi, b’rata ta’ soluzzjoni ta’ 91,2 % rigward aktar minn 75 000 każ ta’ lment fl-2015.

(105)

Il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-APPI mill-PIHBO jista’ jwassal għal azzjonijiet ċivili kif ukoll proċeduri kriminali u sanzjonijiet. L-ewwel nett, jekk individwu jqis li nkisrulu drittijietu skont l-Artikoli 28, 29 u 30 tal-APPI, dan jista’ jfittex rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni billi jitlob lill-qorti tordna lil PIHBO jissodisfa t-talba tiegħu skont waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, jiġifieri li jiżvela d-data personali miżmuma (Artikolu 28), jirrettifika d-data personali miżmuma li tkun żbaljata (Artikolu 29) jew li jwaqqaf il-proċessar illegali jew il-provvista lil parti terza (Artikolu 30). Azzjoni bħal din tista’ tinfetaħ mingħajr il-bżonn li wieħed jibbaża fuq l-Artikolu 709 tal-Kodiċi Ċivili (63) jew inkella l-liġi dwar id-delitti (64). B’mod partikolari, dan ifisser li l-individwu ma jkollux bżonn jagħti prova ta’ kwalunkwe dannu.

(106)

It-tieni, fil-każ li fih ksur allegat ma jikkonċernax drittijiet individwali skont l-Artikoli 28, 29 u 30 iżda l-prinċipji jew l-obbligi ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data tal-PIHBO, l-individwu kkonċernat jista’ jiftaħ kawża ċivili kontra l-operatur ta’ negozju fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet dwar id-delitti tal-Kodiċi Ċivili tal-Ġappun, speċjalment l-Artikolu 709. Filwaqt li skont l-Artikolu 709, minbarra tort (intenzjoni jew negliġenza), kawża teħtieġ il-wiri ta’ dannu, skont l-Artikolu 710 tal-Kodiċi Ċivili t-tali dannu jista’ jkun kemm materjali kif ukoll immaterjali. Ma tiġi imposta l-ebda restrizzjoni fuq l-ammont ta’ kumpens.

(107)

Rigward ir-rimedji disponibbli, l-Artikolu 709 tal-Kodiċi Ċivili tal-Ġappun jirreferi għal kumpens monetarju. Madankollu, il-ġurisprudenza Ġappuniża interpretat dan l-artikolu bħala li jagħti wkoll il-possibbiltà li tinkiseb inibizzjoni (65). Għaldaqstant, jekk is-suġġett tad-data jiftaħ kawża skont l-Artikolu 709 tal-Kodiċi Ċivili u jasserixxi li ġarrab dannu għad-drittijiet jew għall-interessi tiegħu minħabba ksur ta’ dispożizzjoni tal-APPI mill-konvenut, dik l-asserzjoni tista’ tinkludi, minbarra kumpens għad-danni, talba għal rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni, li jkollu b’mod partikolari l-għan li jwaqqaf kwalunkwe proċessar illegali.

(108)

It-tielet, minbarra r-rimedji (dwar id-delitti) tal-liġi ċivili, suġġett tad-data jista’ jippreżenta lment ma’ prosekutur pubbliku jew uffiċjali tal-pulizija ġudizzjarja fir-rigward tal-ksur tal-APPI li jista’ jwassal għal sanzjonijiet kriminali. Il-Kapitolu VII tal-APPI fih numru ta’ dispożizzjonijiet penali. L-aktar waħda importanti (Artikolu 84) hi relatata man-nuqqas ta’ konformità mill-PIHBO mal-ordnijiet tal-PPC skont l-Artikolu 42(2) u (3). Jekk operatur ta’ negozju jonqos milli jikkonforma ma’ ordni maħruġa mill-PPC, il-President tal-PPC (kif ukoll kwalunkwe uffiċjal tal-gvern) (66) jista’ jgħaddi l-każ lill-prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja u b’dak il-mod iniedi l-ftuħ ta’ proċedura kriminali. Il-piena għall-ksur ta’ ordni tal-PPC hi priġunerija b’xogħol sa sitt xhur jew multa li tasal sa 300,000 yen. Dispożizzjonijiet oħra tal-APPI li jipprovdu għal sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-APPI li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi tas-suġġetti tad-data jinkludu l-Artikolu 83 tal-APPI (rigward il-“provvista jew l-użu bil-ħabi” ta’ bażi ta’ data ta’ informazzjoni personali “għall-fini ta’ tiftix ta’ […] profitti illegali”) u l-Artikolu 88(i) tal-APPI (rigward in-nuqqas minn parti terza milli tinforma kif suppost lill-PIHBO meta dan tal-aħħar jirċievi data personali skont l-Artikolu 26(1) tal-APPI, b’mod partikolari dwar id-dettalji tal-kisba proprja minn qabel tat-tali data mill-parti terza). Il-pieni applikabbli għat-tali ksur tal-APPI huma, rispettivament, sa sena priġunerija b’ordni ta’ xogħol jew multa sa 500 000 yen (f’każ tal-Artikolu 83) jew multa amministrattiva sa 100 000 yen (f’każ tal-Artikolu 88(i)). Filwaqt li t-theddida ta’ sanzjoni kriminali x’aktarx li diġà jkollha effett qawwi ta’ deterrent fuq il-ġestjoni tan-negozju li jidderieġi l-operazzjoni ta’ pproċessar tal-PIHBO kif ukoll fuq l-individwi li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data, l-Artikolu 87 tal-APPI jiċċara li meta rappreżentant, impjegat jew xi ħaddiem ieħor ta’ xi korp korporattiv ikun wettaq ksur skont l-Artikolu 83 sa 85 tal-APPI, “l-attur għandu jiġi kkastigat u tiġi imposta multa stabbilita fl-Artikoli rispettivi fuq il-korp korporat imsemmi”. F’dan il-każ, is-sanzjonijiet jistgħu jiġu imposti kemm fuq l-impjegat kif ukoll fuq il-kumpanija sal-ammont massimu sħiħ.

(109)

Finalment, l-individwi jistgħu jfittxu wkoll rimedju kontra l-azzjonijiet jew l-inazzjonijiet tal-PPC. F’dan ir-rigward, id-dritt tal-Ġappun jipprovdi diversi toroq għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.

(110)

Meta individwu ma jkunx sodisfatt b’azzjoni mwettqa mill-PPC, hu/(hi) jista’/(tista’) jippreżenta/tippreżenta appell amministrattiv skont l-Att dwar ir-Rieżami tal-Ilmenti Amministrattivi (67). Għall-kuntrarju, meta individwu jqis li l-PPC missha aġixxiet iżda naqset milli tagħmel dan, individwu jista’ jitlob lill-PPC skont l-Artikolu 36-3 ta’ dak l-Att biex tagħmel disponibbli jew tipprovdi gwida amministrattiva jekk hu jqis li “ma tkunx ingħatat jew ġiet imposta dispożizzjoni jew gwida amministrattiva għall-korrezzjoni tal-ksur”.

(111)

Fir-rigward tar-rimedju ġudizzjarju, skont l-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi, individwu li ma jkunx sodisfatt b’dispożizzjoni amministrattiva magħmula mill-PPC jista’ jippreżenta kawża mandamus (68) filwaqt li jitlob lill-Qorti tordna lill-PPC tieħu azzjoni ulterjuri (69). F’ċerti każijiet, il-qorti tista’ wkoll toħroġ ordni provviżorja ta’ mandamus, biex tipprevjeni dannu irriversibbli (70). Barra minn hekk, skont l-istess Att, individwu jista’ jfittex revoka ta’ deċiżjoni tal-PPC (71).

(112)

Finalment, individwu jista’ jippreżenta wkoll kawża għal kumpens mill-Istat kontra l-PPC skont l-Artikolu 1(1) tal-Att dwar ir-Rimedju Statali f’każ li hu jkun ġarrab danni minħabba l-fatt li ordna maħruġa mill-PPC għal operatur ta’ negozju kienet illegali jew il-PPC ma eżerċitatx l-awtorità tagħha.

3.   AĊĊESS U UŻU TA’ DATA PERSONALI TRASFERITA MILL-UNJONI EWROPEA MILL-AWTORITAJIET PUBBLIĊI FIL-ĠAPPUN

(113)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji, inklużi s-sorveljanza u l-mekkaniżmi ta’ rimedju individwali disponibbli fid-dritt tal-Ġappun rigward il-ġbir u l-użu sussegwenti ta’ data personali trasferita lil operaturi ta’ negozji fil-Ġappun minn awtoritajiet pubbliċi għal interess pubbliku, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi kriminali u tas-sigurtà nazzjonali (“aċċess mill-gvern”). F’dan ir-rigward, il-gvern Ġappuniż ipprovda lill-Kummissjoni b’rappreżentazzjonijiet, b’aċċertamenti u b’impenji uffiċjali ffirmati fl-ogħla livell ministerjali u tal-aġenziji li jinsabu fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

3.1.   Qafas legali ġenerali

(114)

Bħala eżerċizzju tal-awtorità pubblika, aċċess mill-gvern fil-Ġappun irid isir bir-rispett sħiħ tal-liġi (il-prinċipju ta’ legalità). F’dan ir-rigward, il-Kostituzzjoni tal-Ġappun fiha dispożizzjonijiet li jillimitaw u joħolqu qafas għall-ġbir ta’ data personali mill-awtoritajiet pubbliċi. Kif diġà ntqal rigward il-proċessar minn operaturi ta’ negozji, filwaqt li bbażat lilha nfisha fuq l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni li fost l-oħrajn jipproteġi d-dritt għal-libertà, il-Qorti rrikonoxxiet id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data (72). Aspett importanti ta’ dan id-dritt hu l-libertà li l-informazzjoni personali ta’ individwu ma tiġix żvelata lil parti terza mingħajr permess (73). Dan jimplika dritt għall-protezzjoni effettiva ta’ data personali kontra abbuż u (b’mod partikolari) aċċess illegali. Protezzjoni addizzjonali hi żgurata mill-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt tal-persuni kollha li jkunu siguri ġewwa djarhom, fid-dokumenti u fl-effetti personali tagħhom, u dan jeħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jiksbu mandat mill-qorti maħruġ għal “kawża ġusta” (74) f’kull każ ta’ “tiftixiet u qabdiet”. Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2017 (kawża GPS), il-Qorti Suprema ċċarat li dan ir-rekwiżit ta’ mandat japplika kull meta l-gvern jinvadi (“jidħol”) fl-isfera privata b’mod li jrażżan ir-rieda tal-individwu u b’hekk permezz ta’ “investigazzjoni obbligatorja”. Imħallef jista’ joħroġ mandat bħal dan biss fuq il-bażi ta’ suspett konkret ta’ reati, jiġifieri meta jiġi pprovdut b’evidenza dokumentarja li fuq il-bażi tagħha l-persuna kkonċernata mill-investigazzjoni tkun tista’ titqies li wettqet reat kriminali (75). Konsegwentement, l-awtoritajiet Ġappuniżi m’għandhom ebda awtorità legali biex jiġbru informazzjoni personali b’mezzi obbligatorji f’sitwazzonijiet li fihom ma jkun għadu seħħ ebda ksur tal-liġi (76), pereżempju biex jipprevjenu reat jew theddida oħra għas-sigurtà (bħal fil-każ ta’ investigazzjonijiet fuq il-bażi tas-sigurtà nazzjonali).

(115)

Bir-riżerva tal-prinċipju tal-liġi, kwalunkwe ġbir ta’ data bħala parti minn investigazzjoni koerċittiva jrid ikun awtorizzat b’mod speċifiku mil-liġi (kif rifless, pereżempju, fl-Artikolu 197(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (“CCP”) rigward il-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali). Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-aċċess għal informazzjoni elettronika.

(116)

Hu importanti li jingħad li l-Artikolu 21(2) tal-Kostituzzjoni jiggarantixxi s-segretezza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni kollha, b’limitazzjonijiet biss permessi mil-leġiżlazzjoni fuq il-bażi ta’ interess pubbliku. L-Artikolu 4 tal-Att dwar in-Negozju tat-Telekomunikazzjoni, li skontu s-segretezza tal-komunikazzjonijiet ġestiti minn operatur tat-telekomunikazzjoni m’għandhiex tinkiser, jimplimenta dan ir-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità fil-livell tal-liġi statutorja. Dan ġie interpretat li jipprojbixxi l-iżvelar ta’ informazzjoni tal-komunikazzjonijiet, sakemm ma jingħatax il-kunsens tal-utenti jew jekk dan ikun ibbażat fuq waħda mill-eżenzjonijiet espliċiti mir-responsabbiltà kriminali skont il-Kodiċi Penali (77).

(117)

Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi wkoll id-dritt ta’ aċċess għall-qrati (Artikolu 32) u d-dritt ta’ teħid ta’ passi legali kontra l-Istat għal rimedju fil-każ li fih individwu jkun ġarrab dannu permezz tal-att illegali ta’ uffiċjal pubbliku (Artikolu 17).

(118)

Rigward b’mod speċifiku d-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-Kapitolu III, it-Taqsimiet 1, 2 u 3 tal-APPI jistabbilixxi prinċipji ġenerali li jkopru s-setturi kollha, inkluż is-settur pubbliku. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-APPI jipprevedi li l-informazzjoni personali kollha trid tkun ġestita skont il-prinċipju tar-rispett għall-personalità tal-individwi. Ladarba l-informazzjoni personali, inkluża dik bħala parti minn rekords elettroniċi, tkun inġabret (“inkisbet”) mill-awtoritajiet pubbliċi (78), l-immaniġġjar tagħha jkun regolat mill-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali miżmuma minn Organi Amministrattivi (“APPIHAO”) (79). Fil-prinċipju (80), dan jinkludi wkoll il-proċessar ta’ informazzjoni personali għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt kriminali jew tas-sigurtà nazzjonali. Fost l-oħrajn, l-APPIHAO jipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi: (i) jistgħu jżommu informazzjoni personali biss sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq ta’ dmirijiethom; (ii) m’għandhomx jużaw it-tali informazzjoni għal skop “inġust” jew jiżvelawha lil persuna terza mingħajr ġustifikazzjoni; (iii) għandhom jispeċifikaw l-iskop u ma jbiddlux dak l-iskop lil hinn minn dak li jista’ jitqies raġonevolment rilevanti għall-fini oriġinali (limitazzjoni tal-iskop); (iv) fil-prinċipju m’għandhomx jużaw jew jipprovdu lil persuna terza bl-informazzjoni personali miżmuma għal skopijiet oħra u, jekk iqisu li dan ikun neċessarju, għandhom jimponu restrizzjonijiet fuq l-iskop jew fuq il-metodu ta’ użu minn partijiet terzi; (v) għandhom jieħdu impenn li jiżguraw il-korrettezza tal-informazzjoni (kwalità tad-data); (vi) għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji għall-immaniġġjar xieraq tal-informazzjoni u biex jipprevjenu kxif, telf jew ħsara (sigurtà tad-data); u (vii) għandhom jieħdu impenn li jipproċessaw kif xieraq u minnufih kull ilment rigward il-proċessar tal-informazzjoni (81).

3.2.   Aċċess u użu mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt kriminali

(119)

Id-dritt tal-Ġappun fih numru ta’ limitazzjonijiet dwar l-aċċess u l-użu ta’ data personali għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt kriminali kif ukoll mekkaniżmu ta’ sorveljanza u ta’ rimedju li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti biex dik id-data tkun protetta b’mod effettiv kontra interferenza illegali u r-riskju ta’ abbuż.

3.2.1.   Bażi ġuridika u limitazzjonijiet / salvagwardji applikabbli

(120)

Fil-qafas legali tal-Ġappun, il-ġbir ta’ informazzjoni elettronika għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt krimnali hu permissibbli fuq il-bażi ta’ mandat (ġbir obbligatorju) jew fuq talba għal żvelar volontarju.

3.2.1.1.   Investigazzjoni obbligatorja bbażata fuq mandat tal-qorti

(121)

Kif indikat fil-premessa 115, kwalunkwe ġbir ta’ data bħala parti minn investigazzjoni koerċittiva jrid ikun awtorizzat b’mod speċifiku mil-liġi u jista’ jsir biss fuq il-bażi ta’ mandat tal-qorti “maħruġ għal kawża ġusta” (Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni). Rigward l-investigazzjoni ta’ reati kriminali, dan ir-rekwiżit hu rifless fid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (“CCP”). Skont l-Artikolu 197(1) tas-CCP, il-miżuri obbligatorji “m’għandhomx jiġu applikati sakemm ma jkunux ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali f’dan il-Kodiċi”. Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni elettronika, l-uniċi bażijiet ġuridiċi rilevanti (82) f’dan ir-rigward huma l-Artikolu 218 tas-CCP (tiftix u qbid) u l-Artikolu 222-2 tas-CCP, li skont dan il-miżuri obbligatorji għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr il-kunsens ta’ xi waħda mill-partijiet għandha ssir fuq il-bażi ta’ atti oħra, jiġifieri l-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi għal Investigazzjoni Kriminali (“l-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi”). Fiż-żewġ każijiet japplika r-rekwiżit tal-mandat.

(122)

B’mod aktar speċifiku, skont l-Artikolu 218(1) tas-CCP, prosekutur pubbliku, uffiċjal assistent ta’ prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’, jekk ikun hemm bżonn li jsir hekk għall-investigazzjoni ta’ reat, iwettaq tiftix jew qbid (inkluż jordna rekords) wara l-ħruġ ta’ mandat minn qabel minn imħallef (83). Fost l-oħrajn, mandat bħal dan għandu jkun fih isem il-persuna suspettata jew akkużata, l-akkuża (84), ir-rekords elettromanjetiċi li jridu jinqabdu u l-“post jew oġġetti” li jridu jiġi spezzjonati (Artikolu 219(1) tas-CCP).

(123)

Fir-rigward tal-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet, l-Artikolu 3 tal-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi jawtorizza t-tali miżuri biss fil-kuntest ta’ rekwiżiti stretti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jiksbu mandat minn qabel mill-qorti li jista’ jinħareġ biss għall-investigazzjoni ta’ reati serji speċifiċi (elenkati fl-Anness għall-Att) (85) u meta jkun “estremament diffiċli li jiġi identifikat il-kriminal jew li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet/id-dettalji tat-twettiq b’xi mod ieħor” (86). Skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi, il-warrant jinħareġ għal perjodu limitat ta’ żmien u kundizzjonijiet addizzjonali jistgħu jiġu imposti mill-imħallef. Barra minn hekk, l-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi jipprovdi għadd ta’ garanziji ulterjuri, bħal pereżempju l-attendenza meħtieġa ta’ xhieda (l-Artikoli 12, 20), il-projbizzjoni li jiġu interċettatti l-komunikazzjonijiet ta’ ċerti gruppi privileġġjati (eż. tobba, avukati) (l-Artikolu 15), l-obbligu li jiġu terminati l-interċettazzjonijiet telefoniċi jekk ma jkunx iġġustifikat, anki fi żmien il-perjodu ta’ validità tal-warrant (l-Artikolu 18), jew ir-rekwiżit ġenerali li jiġi notifikat l-individwu kkonċernat u jiġi permess aċċess għar-rekords fi żmien tletin jum wara li jkunu ġew terminati l-interċettazzjonijiet telefoniċi (l-Artikoli 23, 24).

(124)

Għall-miżuri obbligatorji kollha bbażati fuq warrant, jista’ jsir biss eżami bħal dan “skont kif ikun neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu”, jiġifieri meta l-objettivi mfittxija bl-investigazzjoni ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod ieħor (l-Artikolu 197(1) CCP). Għad li l-kriterji għad-determinazzjoni tan-neċessità mhumiex speċifikati ulterjorment fil-liġi statutorja, il-Qorti Suprema tal-Ġappun iddikjarat li l-imħallef li joħroġ mandat għandu jagħmel valutazzjoni ġenerali filwaqt li b’mod partikolari jqis (i) il-gravità tar-reat u kif twettaq; (ii) il-valur u l-importanza tal-materjali il jridu jinqabdu bħala evidenza; (iii) il-probabbiltà (ir-riskju) li l-evidenza tista’ tinħeba jew tinqered; u (iv) kemm il-qbid jista’ jikkawża ħsara lill-individwu kkonċernat (87).

3.2.1.2.   It-talba għal żvelar volontarju fuq il-bażi ta’ “formola ta’ inkjesta”

(125)

Fi ħdan il-limiti tal-kompetenza tagħhom, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġbru wkoll informazzjoni elettronika fuq il-bażi ta’ talbiet għal żvelar volontarju. Dan jirreferi għal forma mhux obbligatorja ta’ kooperazzjoni li fiha l-konformità mat-talba ma tkunx tista tiġi infurzata (88), u b’hekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu meħlusa mid-dmir li jiksbu mandat tal-qorti.

(126)

Sa fejn tali talba tkun immirata lejn operatur ta’ negozju u tikkonċerna informazzjoni personali, l-operatur ta’ negozju jrid jikkonforma mar-rekwiżiti tal-APPI. Skont l-Artikolu 23(1) tal-APPI, l-operaturi ta’ negozji jistgħu jiżvelaw informazzjoni personali lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens tal-individwu kkonċernat f’ċerti każijiet biss, inkluż meta l-iżvelar ikun “ibbażat fuq il-liġijiet u r-regolamenti” (89). Fil-qasam tal-infurzar tad-dritt kriminali, il-bażi ġuridika għat-tali talbiet hi pprovduta mill-Artikolu 197(2) tas-CCP, li skont dan “organizzazzjonijiet privati jistgħu jintalbu jirrapportaw dwar kwistjonijiet neċessarji relatati mal-investigazzjoni.” Peress li “formola ta’ inkjesta” bħal din hi permessibbli biss bħala parti minn investigazzjoni kriminali, din dejjem tippresupponi suspett konkret ta’ reat li jkun diġà sar (90). Barra minn hekk, peress li t-tali investigazzjonijiet ġeneralment jitwettqu mill-Pulizija tal-Prefatturi, japplikaw il-limitazzjonijiet skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-Pulizija (91). Skont dik id-dispożizzjoni, l-attivitajiet tal-pulizija huma “strettament limitati” għall-issodisfar tar-responsabbiltajiet u tad-dmirijiet tagħhom (jiġifieri l-prevenzjoni, it-trażżin u l-investigazzjoni ta’ reati). Barra minn hekk, meta twettaq dmirijietha, il-pulizija għandha taġixxi b’mod imparzjali, mingħajr preġudizzju u ġustament u qatt m’għandha tabbuża mis-setgħat tagħha “b’mod li jxekkel id-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwu garantiti mill-Kostituzzjoni tal-Ġappun” (li jinkludu, kif indikat, id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data(92).

(127)

B’mod speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 197(2) tas-CCP, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija (“NPA”) – bħala l-awtorità federali inkarigata, fost l-oħrajn, minn kull materja li tikkonċerna l-pulizija kriminali – ħarġet struzzjonijiet lill-Pulizija tal-Prefattura (93) fuq “l-użu xieraq tad-domandi bil-miktub f’materji investigattivi”. Skont din in-Notifika, it-talbiet iridu jsiru bl-użu ta’ formola prestabbilita (“Formola Nru 49” jew l-hekk imsejħa “formola ta’ inkjesta”) (94), rigward rekords “li jikkonċernaw investigazzjoni speċifika” u l-informazzjoni mitluba trid tkun “neċessarja għal [dik] l-investigazzjoni”. F’kull każ, l-investigatur kap għandu “jeżamina bis-sħiħ il-ħtieġa, il-kontenut, eċċ. tad-domanda individwali” u jrid jirċievi approvazzjoni interna mingħand uffiċjal ta’ grad għoli.

(128)

Barra minn hekk, f’żewġ sentenzi mill-1969 u mill-2008 (95), il-Qorti Suprema tal-Ġappun stipulat limitazzjonijiet fir-rigward ta’ miżuri mhux obbligatorji li jxekklu d-dritt għall-privatezza (96). B’mod partikolari, il-qorti qieset li tali miżuri jridu jkunu “raġjonevoli” u jżommu ma “limiti ġeneralment permissibbli”, jiġifieri jridu jkunu neċessarji għall-investigazzjoni ta’ xi suspettat ta’ reat (il-ġbir ta’ evidenza) u mwettqa permezz ta’ “metodi approprjati għall-kisba tal-iskop tal-investigazzjoni.” (97) Is-sentenzi juru li dan jimplika li jrid ikun hemm test tal-proporzjonalità, fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ (eż. il-livell ta’ interferenza mad-dritt għall-privatezza, inkluż l-istennija tal-privatezza, is-serjetà tar-reat kriminali, il-probabbiltà li tinkiseb evidenza utli, l-importanza ta’ dik l-evidenza, mezzi alternattivi possibbli ta’ investigazzjoni, eċċ) (98).

(129)

Apparti dawn il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, l-operaturi tan-negozji nnifishom huma mistennija li jivverifikaw (“jikkonfermaw”) in-neċessità u “r-razzjonalità” tad-dispożizzjoni lil parti terza (99). Dan jinkludi l-kwistjoni ta’ jekk humiex imrażżna mil-liġi milli jikkooperaw. Obbligi legali f’kunflitt bħal dawn jistgħu jsegwu b’mod partikolari minn obbligi ta’ kunfidenzjalità bħall-Artikolu 134 tal-Kodiċi Penali (rigward ir-relazzjoni bejn tabib, avukat, qassis, eċċ. u l-klijent tiegħu). Barra minn hekk, “kwalunkwe persuna involuta fin-negozju tat-telekomunikazzjoni, matul il-mandat tagħha, għandha żżomm is-sigrieti ta’ oħrajn li tkun saret taf bihom fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet li jiġu mmaniġġjati mill-operatur tat-telekomunikazzjoni” (Artikolu 4(2) tal-Att dwar in-Negozji tat-Telekomunikazzjoni). Dan l-obbligu hu sostnut mis-sanzjoni stipulata fl-Artikolu 179 tal-Att dwar in-Negozji tat-Telekomunikazzjoni, li skont dan kwalunkwe persuna li tkun kisret is-segretezza tal-komunikazzjonijiet li jkunu mmaniġġjati minn operatur tat-telekomunikazzjoni għandha tkun ħatja ta’ reat kriminali u teħel sa sentejn priġunerija b’ordni ta’ xogħol, jew teħel multa ta’ mhux aktar minn miljun yen (100). Filwaqt li dan ir-rekwiżit mhuwiex assolut u b’mod partikolari jippermetti għal miżuri li jiksru s-segretezza tal-komunikazzjonijiet li jikkostitwixxu “atti ġustifikabbli” skont it-tifsira tal-Artikolu 35 tal-Kodiċi Penali (101), din l-eċċezzjoni ma tkoprix ir-rispons għal talbiet mhux obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi għall-iżvelar ta’ informazzjoni elettronika skont l-Artikolu 197(2) tas-CCP.

3.2.1.3.   Użu ulterjuri tal-informazzjoni miġbura

(130)

Mal-ġbir mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun, l-informazzjoni personali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-APPIHAO. Dak l-Att jirregola l-immaniġġjar (proċessar) tal-“informazzjoni personali miżmuma”, u għal dan jimponi numru ta’ limitazzjonijiet u ta’ salvagwardji (ara l-premessa 118) (102). Barra minn hekk, il-fatt li Organu Amministrattiv jista’ jżomm informazzjoni personali “biss meta ż-żamma tkun neċessarja għat-twettiq tal-kompiti taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu previsti mil-liġijiet u mir-regolamenti” (Artikolu 3(1) tal-APPIHAO) jimponi restrizzjonijiet ukoll – tal-anqas b’mod indirett – fuq il-ġbir inizjali.

3.2.2.   Sorveljanza indipendenti

(131)

Fil-Ġappun, il-ġbir ta’ informazzjoni elettronika fil-qasam tal-infurzar tad-dritt kriminali jaqa’ qabel xejn (103) taħt ir-responsabbiltajiet tal-Pulizija tal-Prefattura (104), li f’dan ir-rigward hi soġġetta għal diversi saffi ta’ sorveljanza.

(132)

L-ewwel nett, fil-każijiet kollha li fihom tinġabar informazzjoni elettronika b’mezzi obbligatorji (tiftix u qbid), il-pulizija trid tikseb mandat tal-qorti minn qabel (ara l-premessa 121). Għaldaqstant, f’dawk il-każijiet il-ġbir se jiġi verifikat ex ante minn imħallef, fuq il-bażi ta’ standard strett ta’ “kawża ġusta”.

(133)

Filwaqt li ma ssir ebda verifika ex ante minn imħallef fil-każ ta’ talbiet għal żvelar volontarju, l-operaturi ta’ negozji li lilhom jiġu indirizzati dawn it-talbiet jistgħu joġġezzjonaw għalihom mingħajr ma jirriskjaw konsegwenzi negattivi (u se jkollhom iqisu l-impatt ta’ kwalunkwe żvelar fuq il-privatezza). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 192(1) tas-CCP, l-uffiċjali tal-pulizija dejjem għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom mal-prosekutur pubbliku (u l-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura) (105). Min-naħa tiegħu, il-prosekutur pubbliku jista’ jagħti l-istruzzjonijiet neċessarji ġenerali li jistabbilixxu standards għal investigazzjoni ġusta u/jew joħorġu ordnijiet speċifiċi fir-rigward ta’ investigazzjoni individwali (Artikolu 193 tas-CCP). Meta t-tali struzzjonijiet u/jew ordnijiet ma jiġux segwiti, il-prosekuzzjoni tista’ tiftaħ kawża għal azzjoni dixxiplinari (Artikolu 194 tas-CCP). B’hekk, il-Pulizija tal-Prefatturi tista’ topera taħt is-superviżjoni tal-prosekutur pubbliku.

(134)

It-tieni, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni, kull Kamra tal-parlament tal-Ġappun (id-Diet) tista’ tagħmel investigazzjonijiet relatati mal-gvern, inkluż fir-rigward tal-legalità tal-informazzjoni miġbura mill-pulizija. Għal dak l-għan, hi tista’ titlob il-preżenza u t-testimonjanza ta’ xhieda, u/jew il-produzzjoni ta’ rekords. Dawk is-setgħat ta’ inkjesta huma speċifikati ulterjorment fil-Liġi dwar id-Diet, b’mod partikolari l-Kapitolu XII. B’mod partikolari, l-Artikolu 104 tal-Liġi dwar id-Diet jipprovdi li l-Kabinett, l-aġenziji pubbliċi u partijiet oħra tal-gvern “iridu jikkonformaw mat-talbiet ta’ Kamra jew ta’ kwalunkwe wieħed mill-Kumitati tagħha għall-produzzjoni tar-rapporti u tar-rekords neċessarji għall-kunsiderazzjoni ta’ investigazzjoni.” Ir-rifjut tal-konformità jkun permess biss jekk il-gvern jipprovdi raġuni plawżibbli meqjusa aċċettabbli mid-Diet, jew mal-ħruġ ta’ dikjarazzjoni formali li l-produzzjoni tar-rapporti jew tar-rekords tkun “ta’ ħsara gravi għall-interess nazzjonali” (106). Barra minn hekk, il-membri tad-Diet jistgħu jagħmlu mistoqsijiet bil-miktub lill-Kabinett (Artikoli 74, 75 tal-Liġi dwar id-Diet), u fl-imgħoddi t-tali “domandi bil-miktub” indirizzaw ukoll l-immaniġġjar tal-informazzjoni personali mill-amministrazzjoni (107). Ir-rwol tad-Diet fis-superviżjoni tal-eżekuttiv hu sostnut minn obbligi ta’ rapportar, pereżempju skont l-Artikolu 29 tal-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi.

(135)

It-tielet, anki fi ħdan il-fergħa eżekuttiva l-Pulizija tal-Prefatturi hi soġġetta għal sorveljanza indipendenti. Dik tinkludi b’mod partikolari l-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi mwaqqfa fil-livell tal-prefatturi biex jiġu żgurati l-amministrazzjoni demokratika u n-newtralità politika tal-pulizija (108). Dawn il-kummissjonijiet huma msawra minn membri maħtura mill-Gvernatur tal-Prefattura bil-kunsens tal-Assemblea tal-Prefattura (minn fost iċ-ċittadini b’ebda pożizzjoni ta’ impjegati taċ-ċivil fil-pulizija fil-ħames snin preċedenti) u jkollhom mandat sigur (b’mod partikolari, is-sensja tista’ tingħata biss għal kawża ġusta) (109). Skont l-informazzjoni li daħlet, huma ma humiex suġġett għal struzzjonijiet, u b’hekk jistgħu jitqiesu bħala għal kollox indipendenti (110). Fir-rigward tal-kompiti u tas-setgħat tal-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi skont l-Artikolu 38(3) meħud flimkien mal-Artikoli 2 u 36(2) tal-Liġi tal-Pulizija, huma responsabbli mill-“protezzjoni tad-drittijiet u l-liberta ta’ kull individwu”. Għal dan il-għan, huma għandhom is-setgħa li “jissorveljaw” (111) l-attivitajiet investigatorji kollha tal-Pulizija tal-Prefettura, inkluż il-ġbir tad-data personali. Notevolment, il-kummissjonijiet “jistgħu jagħtu direzzjoni lill-pulizija tal-prefettura b’mod dettaljat jew f’xi każ individwali speċifiku ta’ spezzjoni ta’ mġiba ħażina tal-persunal tal-pulizija, jekk ikun hemm bżonn.” (112) Meta l-Kap tal-Pulizija tal-Prefattura (113) jirċievi direzzjoni bħal din jew hu stess isir jaf b’każ eventwali ta’ mġiba ħażina (inkluż il-ksur ta’ liġijiet jew nuqqas ieħor fid-dmirijiet), dan minnufih irid jispezzjona l-każ u jirrapporta r-riżultat tal-ispezzjoni lill-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura (Artikolu 56(3) tal-Att dwar il-Pulizija). Meta din tal-aħħar tqis li dan ikun neċessarju, hi tista’ tagħżel ukoll wieħed mill-membri tagħha biex jirrieżamina l-istatus tal-implimentazzjoni. Il-proċess ikompli sakemm il-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi tkun sodisfatta li l-inċident ġie indirizzat kif xieraq.

(136)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tal-APPIHAO, il-ministru kompetenti (jew aġent kap (eż. l-Ministru tal-Ġustizzja għall-Pulizija) għandu l-awtorità ta’ infurzar, soġġett għas-superviżjoni mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni u tal-Komunikazzjonijiet (MIC). Skont l-Artikolu 49 tal-APPIHAO, l-MIC “jista’ jiġbor rapporti dwar l-istatus tal-infurzar ta’ dan l-Att” mingħand il-kapijiet tal-Organi Amministrattivi (Ministru). Dik il-funzjoni ta’ sorveljanza hi sostnuta wkoll mill-kontribut tal-51 “ċentru ta’ informazzjoni komprensiva” tal-MIC (wieħed f’kull Prefattura madwar il-Ġappun) li ta’ kull sena jimmaniġġjaw eluf ta’ domandi mingħand individwi (114) (li, min-naħa tagħhom, jistgħu jikxfu ksur possibbli tal-liġi). Meta jqis li din tkun neċessarja għall-iżgurar tal-konformità mal-Att, l-MIC jista’ jitlob is-sottomissjoni ta’ spjegazzjonijiet u ta’ materjali, u joħroġ opinjonijiet, rigward l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali mill-Organu Amministrattiv ikkonċernat (Artikoli 50, 51 tal-APPIHAO).

3.2.3.   Rimedju individwali

(137)

Minbarra s-sorveljanza ex officio, l-individwi għandhom ukoll diversi possibbiltajiet biex jiksbu rimedju individwali, kemm permezz ta’ awtoritajiet indipendenti (bħall-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefettura jew il-PPC) kif ukoll permezz tal-qrati tal-Ġappun.

(138)

L-ewwel nett, rigward l-informazzjoni personali miġbura mill-Organi Amministrattivi, dawn tal-aħħar huma obbligati “jieħdu impenn li jipproċessaw kif xieraq u b’rapidità kwalunkwe lment” rigward il-proċessar sussegwenti tagħha (Artikolu 48 tal-APPIHAO). Filwaqt li l-Kapitolu IV tal-APPIHAO dwar id-drittijiet individwali mhuwiex applikabbli fir-rigward ta’ informazzjoni personali reġistrata f’“dokumenti relatati ma’ proċessi u ma’ oġġetti maqbuda” (Artikolu 53-2(2) tas-CCP) – li tkopri informazzjoni personali miġbura bħala parti minn investigazzjonijiet kriminali – l-individwi jistgħu jressqu lment biex jinvokaw il-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tad-data bħal pereżempju l-obbligu li jżommu biss informazzjoni personali “meta ż-żamma tkun neċessarja għat-twettiq ta’ [funzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi]” (Artikolu 3(1) tal-APPIHAO).

(139)

Barra minn hekk, l-Artikolu 79 tal-Liġi dwar il-Pulizija jiggarantixxi li individwi li jkunu mħassba rigward l-“eżekuzzjoni tad-dmirijiet” mill-persunal tal-pulizija jkollhom id-dritt li jippreżentaw ilment mal-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura indipendenti (kompetenti). Il-Kummissjoni timmaniġġja “b’lealtà” t-tali lmenti skont il-liġijiet u l-ordinanzi lokali u għandha tinnotifika l-ilmentatur bil-miktub dwar ir-riżultati. Fuq il-bażi tal-awtorità tagħha li tissorvelja u “tidderieġi” l-Pulizija tal-Prefatturi fir-rigward ta’ “mġiba ħażina tal-persunal” (Artikoli 38(3), 43-2(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija), din tista’ titlob lill-Pulizija tal-Prefatturi tinvestiga l-fatti, tieħu miżuri xierqa fuq il-bażi tal-eżitu ta’ din l-investigazzjoni u tirrapporta dwar ir-riżultati. Jekk hi tqis li l-investigazzjoni mwettqa mill-Pulizija ma kinitx adegwata, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll struzzjonijiet dwar l-immaniġġjar tal-ilment.

(140)

Biex tiffaċilita l-immaniġġjar tal-ilmenti, l-NPA ħarġet “Avviż” lill-Pulizija u lill-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura dwar l-immaniġġjar kif suppost tal-ilmenti rigward l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet mill-uffiċjali tal-pulizija. F’dan id-dokument, l-NPA tistipula standards għall-interpretazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 79 tal-Liġi dwar il-Pulizija. Fost l-oħrajn, hi teħtieġ li l-Pulizija tal-Prefatturi tistabbilixxi “sistema għall-immaniġġjar tal-ilmenti” u timmaniġġja u tirrapporta l-ilmenti kollha lill-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura kompetenti “minnufih”. L-Avviż jiddefinixxi lmenti bħala pretensjonijiet li jfittxu korrezzjoni “għal kwalunkwe żvantaġġ speċifiku li jkun ġie kkawżat riżultat ta’ imġiba illegali jew mhux xierqa” (115) jew “nuqqas li tittieħed l-azzjoni meħtieġa, minn uffiċjal tal-pulizija fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu/tagħha” (116), kif ukoll kwalunkwe “lmentar/skuntentizza dwar il-mod ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu minn uffiċjali tal-pulizija”. L-iskop materjali ta’ lment, għalhekk, huwa definit b’mod wiesa’, filwaqt li jkopri kwalunkwe pretensjoni ta’ ġbir illegali ta’ data, u l-ilmentatur m’għandux għalfejn juri xi ħsara mġarrba b'riżultat tal-azzjonijiet ta’ uffiċjal tal-pulizija. Huwa importanti li jiġi nnutat li n-Notifika tistipula li l-barranin (fost oħrajn) għandhom jingħataw l-assistenza meta jkun qiegħed jitfassal ilment. Wara lment, il-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura huma obbligati jiżguraw li l-Pulizija tal-Prefatturi teżamina l-fatti, timplimenta miżuri “skont ir-riżultat tal-eżami” u tirrapporta dwar ir-riżultati. Meta l-Kummissjoni tqis li l-eżami ma jkunx suffiċjenti, din għandha toħroġ struzzjoni dwar l-immaniġġjar tal-ilment, li l-Pulizija tal-Prefatturi hi meħtieġa ssegwi. Fuq il-bażi tar-rapporti riċevuti u tal-miżuri meħuda, il-Kummissjoni tinnotifika lill-individwi filwaqt li tindika, fost l-oħrajn, il-miżuri meħuda għall-indirizzar tal-ilment. L-Avviż tal-NPA jisħaq li l-ilmenti għandhom jiġu ġestiti “b’mod sinċier” u li r-riżultat għandu jiġi notifikat “fi ħdan l-ambitu ta’ żmien […] meqjus xieraq fid-dawl tan-normi soċjali u tas-sens komun.”

(141)

It-tieni, peress li r-rimedju naturalment se jkollu jitfittex barra l-pajjiż f'sistema barranija u f’lingwa barranija, biex jiġi ffaċilitat ir-rimedju għal individwi tal-UE li d-data personali tagħhom tiġi trasferita lil operaturi ta’ negozji fil-Ġappun u mbagħad aċċessata mill-awtoritajiet pubbliċi, il-gvern tal-Ġappun uża s-setgħat tiegħu biex joħloq mekkaniżmu speċifiku, amministrat u sorveljat mill-PPC, għall-immaniġġjar u għas-sejbien ta’ soluzzjoni ta’ lmenti f’dan il-qasam. Dak il-mekkaniżmu jibni fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuq l-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun skont l-APPI u r-rwol speċjali tal-PPC fir-rigward tat-trasferimenti internazzjonali ta’ data minn pajjiżi terzi skont l-Artikolu 6 tal-APPI u l-Politika Bażika (kif stabbilita mill-gvern Ġappuniż permezz tal-Ordni tal-Kabinett). Id-dettalji ta’ dan il-mekkaniżmu huma stabbiliti b’rappreżentazzjonijiet uffiċjali, b’aċċertamenti u b’impenji rċevuti mill-gvern Ġappuniż u mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness II. Il-mekkaniżmu mhuwiex soġġetti għal xi rekwiżit pendenti u huwa miftuħa għal kull individwu, indipendentement minn jekk huwiex suspettat jew akkużat minn reat kriminali.

(142)

Skont il-mekkaniżmu, individwu li jissuspetta li d-data tiegħu trasferita mill-Unjoni Ewropea nġabret jew intużat mill-awtoritajiet pubbliċi fil-Ġappun (inklużi dawk responsabbli għall-infurzar tad-dritt kriminali) bi ksur tar-regoli applikabbli jista’ jissottometti lment lill-PPC (b’mod individwali jew permezz tal-awtorità tiegħu tal-protezzjoni tad-data skont it-tifsira tal-Artikolu 51 tal-GDPR). Il-PPC se tkun obbligata timmaniġġja l-ilment u l-ewwel nett tinforma lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, inkluż lill-korpi ta’ sorveljanza rilevanti, dwar dan. Dawn l-awtoritajiet huma meħtieġa jikkooperaw mal-PPC “inkluż billi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja u l-materjal rilevanti, biex il-PPC tkun tista’ tevalwa jekk il-ġbir jew l-użu sussegwenti ta’ informazzjoni personali seħħx f’konformità mar-regoli applikabbli.” (117) Dan l-obbligu, derivat mill-Artikolu 80 tal-APPI (li jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi jikkooperaw mal-PPC), japplika b’mod ġenerali u għalhekk jestendi għar-rieżami ta’ kwalunkwe miżuri investigatorji meħuda minn tali awtoritajiet, li barra minn hekk impenjaw ruħhom għal tali kooperazzjoni permezz ta’ aċċertamenti bil-miktub mill-ministri kompetenti u mill-kapijiet ta’ aġenzija, kif rifless fl-Anness II.

(143)

Jekk l-evalwazzjoni turi li seħħ ksur tar-regoli applikabbli, “il-kooperazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati mal-PPC tinkludi l-obbligu ta’ rimedju tal-ksur”, li fil-każ ta’ ġbir illegali ta’ informazzjoni personali jkopri t-tħassir tat-tali data. Ta’ min jgħid li dan l-obbligu jitwettaq taħt is-superviżjoni tal-PPC li “tikkonferma, qabel ma tikkonkludi l-evalwazzjoni, li l-ksur ikun ġie rimedjat bis-sħiħ.”

(144)

Ladarba tiġi konkluża l-evalwazzjoni, il-PPC għandha tinnotifika lill-individwu, fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli, dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni, inkluża kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda fejn applikabbli. Fl-istess ħin, il-PPC għandha tinforma lill-individwu dwar il-possibbiltà li jfittex konferma tal-eżitu mingħand l-awtorità pubblika kompetenti u dwar l-identità tal-awtorità li lilha għandha ssir talba għall-konferma. Il-possibbiltà li tiġi riċevuta konferma bħal din, inklużi r-raġunijiet li huma fil-bażi tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, tista’ tkun ta’ assistenza għall-individwu fit-teħid ta’ kwalunwke pass ulterjuri, inklużi fit-tiftix ta’ rimedju ġudizzjarju. Informazzjoni dettaljata dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tista’ tkun ristretta dment li jkun hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tat-tali informazzjoni aktarx li tirrappreżenta riskju għall-investigazzjoni kurrenti.

(145)

It-tielet, individwu li ma jaqbilx ma’ deċiżjoni dwar qbid (mandat) (118) rigward id-data personali tiegħu minn imħallef, jew mal-miżuri mill-pulizija jew mill-prosekuzzjoni li jeżaminaw tali deċiżjoni, jista’ jippreżenta talba biex dik id-deċiżjoni jew it-tali miżuri jitħassru jew jiġu modifikati (Artikoli 429(1), 430(1), (2) tas-CCP), l-Artikolu 26 tal-Att dwar l-Interċezzjonijiet Telefoniċi) (119). Fil-każ li fih il-qorti tar-rieżami tqis li l-mandat stess jew l-eżekuzzjoni tiegħu (“proċedura għall-qbid”) ikunu illegali, din tilqa’ t-talba u tordna li jitroddu lura l-oġġetti maqbuda (120).

(146)

Ir-raba’, bħala forma aktar indiretta ta’ kontroll ġudizzjarju, individwu li jqis li l-ġbir tal-informazzjoni personali tiegħu bħala parti minn investigazzjoni kriminali kien illegali jista’ jinvoka din l-illegalità matul il-proċess kriminali tiegħu. Jekk il-qorti taqbel, dan iwassal għall-esklużjoni tal-evidenza bħala inammissibbli.

(147)

Finalment, skont l-Artikolu 1(1) tal-Att dwar ir-Rimedju Statali, qorti tista’ tagħti kumpens meta uffiċjal pubbliku li jeżerċita l-awtorità pubblika tal-Istat, matul dmirijietu, ikun għamel ħsara b’mod illegali u b’tort (b’mod intenzjonat jew b’negliġenza) lill-individwu kkonċernat. Skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar ir-Rimedju Statali, ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni hi bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 710 tal-Kodiċi Ċivili jistipula li r-responsabbiltà tkopri wkoll danni li ma jkunux dawk imwettqa fuq proprjetà, u b’hekk anki d-danni morali (pereżempju fil-forma ta’ “tbatija mentali”). Dan jinkludi każijiet li fihom il-privatezza ta’ individwu tkun ġiet invaduta minn sorveljanza illegali u/jew mill-ġbir ta’ informazzjoni personali tiegħu (eż. l-eżekuzzjoni illegali ta’ mandat) (121).

(148)

Minbarra kumpens monetarju, l-individwi f’ċerti kundizzjonijiet jistgħu jiksbu wkoll rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni (eż. it-tħassir ta’ data personali miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi) fuq il-bażi tad-drittijiet tal-privatezza tagħhom skont l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni (122).

(149)

Fir-rigward ta’ dawk il-metodi kollha ta’ rimedju, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim maħluq mill-gvern Ġappuniż jipprovdi li individwu li xorta jibqa’ mhux sodisfatt bl-eżitu tal-proċedura jista’ jikkuntattja lill-PPC “li għandha tinforma lill-individwu bid-diversi possibbiltajiet u bil-proċeduri dettaljati biex jikser rimedju skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun.” Barra minn hekk, il-PPC “se tipprovdi lill-individwu b’appoġġ, inklużi konsulenza u assistenza biex jieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri kontra l-korp amministrattiv jew ġudizzjarju rilevanti.”

(150)

Dan jinkludi l-użu tad-drittijiet proċedurali skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Pereżempju, “[meta] l-evalwazzjoni ssib li individwu hu suspettat f’każ kriminali, il-PPC tinforma lill-individwu dwar dak il-fatt” (123) kif ukoll dwar il-possibbiltà skont l-Artikolu 259 tas-CCP li jitlob lill-prosekuzzjoni biex jiġi notifikat ladarba din tal-aħħar tiddeċiedi li ma tiftaħx proċedimenti kriminali. Barra dan, jekk l-evalwazzjoni ssib li nfetaħ każ li jinvolvi l-informazzjoni personali tal-individwu u li l-każ hu konkluż, il-PPC tinforma lill-individwu li r-rekord tal-każ jista’ jiġi spezzjonat skont l-Artikolu 53 tas-CCP (u l-Artikolu 4 tal-Att dwar ir-Rekords Finali tal-Każ Kriminali). Il-kisba tal-aċċess għar-rekord tal-każ tiegħu hi importanti għaliex se tgħin lill-individwu jifhem aħjar l-investigazzjoni mwettqa kontrih u b'hekk iħejji kawża eventwali l-qorti (eż. talba għad-danni) f’każ li hu jqis li d-data tiegħu nġabret jew intużat b’mod illegali.

3.3.   Aċċess u użu mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun għall-finijiet ta’ sigurtà nazzjonali

(151)

Skont l-awtoritajiet tal-Ġappun, m’hemm ebda liġi fil-Ġappun li tippermetti talbiet obbligatorji għal informazzjoni jew “interċettazzjoni telefonika amministrattiva” barra minn investigazzjonijiet kriminali. B’hekk, għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni tista’ tinkiseb biss minn sors ta’ informazzjoni li jista’ jiġi aċċessat liberament minn kulħadd jew bi żvelar volontarju. L-operaturi ta’ negozji li jirċievu talba għal kooperazzjoni volontarja (fil-forma ta’ żvelar ta’ informazzjoni elettronika) m’huma taħt l-ebda obbligu legali li jipprovdu informazzjoni bħal din (124).

(152)

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni riċevuta, erbgħa biss mill-entitajiet governattivi huma mogħtija s-setgħa li jiġbru informazzjoni elettronika miżmuma minn operaturi ta’ negozji Ġappuniżi fuq il-bażi tas-sigurtà nazzjonali, jiġifieri: (i) l-Uffiċċju tal-Intelliġenza u tar-Riċerka tal-Kabinett (CIRO); (ii) il-Ministeru tad-Difiża (“MOD”); (iii) il-pulizija (kemm l-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija (NPA) (125) kif ukoll il-Pulizija tal-Prefetturi); u (iv) l-Aġenzija tal-Intelliġenza tas-Sigurtà Pubblika (“PSIA”). Madankollu, is-CIRO qatt ma jiġbor informazzjoni direttament mingħand l-operaturi ta’ negozji, lanqas permezz ta’ interċettazzjoni tal-komunikazzjoniijet. Meta tiċievi informazzjoni minn awtoritajiet oħra tal-gvern sabiex tipprovdi analiżi lill-Kabinett, dawn l-awtoritajiet l-oħra min-naħa tagħhom għandhom jikkonformaw mal-liġi, inklużi mal-limitazzjonijiet u s-salvagwardji analizzati f’din id-Deċiżjoni. B’hekk, l-attivitajiet tiegħu mhumiex rilevanti f’kuntest ta’ trasferiment.

3.3.1.   Bażi ġuridika u limitazzjonijiet/salvagwardji applikabbli

(153)

Skont l-informazzjoni riċevuta, l-MOD jiġbor informazzjoni (elettronika) fuq il-bażi tal-Att dwar l-Istabbiliment tal-MOD. Skont l-Artikolu 3 tiegħu, il-missjoni tal-MOD hi li jimmaniġġja u jopera l-forzi militari u “jwettaq dawn il-kompiti relatati ma’ dawn biex jiżgura l-paċi u l-indipendenza nazzjonali, u s-sikurezza tal-pajjiż.” L-Artikolu 4(4) jipprovdi li l-MOD għandu jkollu ġurisdizzjoni fuq id-“difiża u l-għassa”, fuq l-azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Forzi tal-Awtodifiża kif ukoll fuq l-iskjerament tal-forzi militari, inkluż il-ġbir tal-informazzjoni neċessarja għat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. Għandu awtorità biss biex jiġbor informazzjoni (elettronika) minn operaturi tan-negozju permezz tal-kooperazzjoni volontarja.

(154)

Rigward il-Pulizija tal-Prefatturi, ir-responsabbiltajiet u d-dmirijiet tagħha jinkludu ż-“żamma tas-sikurezza u tal-ordni pubbliċi” (Artikolu 35(2) flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija). Fi ħdan dan l-ambitu tal-ġurisdizzjoni, il-pulizija tista’ tiġbor informazzjoni, iżda biss fuq bażi volontarja mingħajr saħħa legali. Barra minn hekk, l-attivitajiet tal-pulizija għandhom ikunu “strettament limitati” għal dak li jkun neċessarju biex twettaq id-dmirijiet tagħha. Barra minn hekk, din għandha taġixxi b’mod “imparzjali, mhux partiġġan, mhux preġudikat u ġust” u qatt ma tabbuża mis-setgħat tagħha “b’xi mod li jxekkel id-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwu garantiti fil-Kostituzzjoni tal-Ġappun” (Artikolu 2 tal-Liġi dwar il-Pulizija).

(155)

Finalment, il-PSIA tista’ twettaq investigazzjonijiet taħt l-Att dwar il-Prevenzjoni ta’ Attivitajiet Sovversivi (“SAPA”) u l-Att dwar il-Kontroll tal-Organizzazzjonijiet Li Wettqu Atti ta’ Omiċidju Volontarju Indiskriminat tal-Massa (“ACO”) fejn it-tali investigazzjonijiet ikunu neċessarji biex titħejja l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll kontra ċerti organizzazzjonijiet (126). Skont iż-żewġ Atti, fuq talba tad-Direttur Ġenerali tal-PSIA, il-Kummissjoni dwar l-Eżami tas-Sigurtà Pubblika tista’ toħroġ ċerti “dispożizzjonijiet” (sorveljanza/projbizzjonijiet fil-każ tal-ACO (127), xoljiment/projbizzjonijiet fil-każ tal-SAPA (128)) u f’dan il-kuntest il-PSIA/il-Pulizija tista’ twettaq investigazzjonijiet (129). Skont l-informazzjoni riċevuta, dawn l-investigazzjonijiet dejjem isiru fuq bażi volontarja, u dan ifisser li l-PSIA ma tistax iġġiegħel lil sid ta’ informazzjoni personali biex jipprovdi t-tali informazzjoni (130). Kull darba, il-kontrolli u l-investigazzjonijiet għandhom isiru biss sal-minimu neċessarju biex jintlaħaq l-iskop ta’ kontroll u fl-ebda ċirkustanza m’għandhom jitwettqu biex jiġu ristretti “b’mod irraġonevoli” d-drittijiet u l-libertajiet garantiti mill-Kostituzzjoni tal-Ġappun (Artikolu 3(1) tal-SAPA/ACO). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(2) tal-SAPA/ACO, il-PSIA fl-ebda ċirkustanza ma tista’ tabbuża mit-tali kontrolli, jew inkella mill-investigazzjonijiet imwettqa biex tħejji t-tali kontrolli. Jekk Uffiċjal tal-Intelliġenza tas-Sigurtà Pubblika jkun abbuża mill-awtorità tiegħu skont l-Att rispettiv billi jġiegħel lil persuna tagħmel xi ħaġa li l-persuna mhix meħtieġa tagħmel, jew billi jinterferixxi mal-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ persuna, dan jista’ jkun soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont l-Artikolu 45 SAPA jew l-Artikolu 42, ACO. Finalment, iż-żewġ Atti jippreskrivu b’mod espliċitu li d-dispożizzjonijiet tagħhom, inklużi s-setgħat mogħtija fihom, “fl-ebda ċirkustanza m’għandhom ikunu soġġetti għal interpretazzjoni espanduta” (Artikolu 2 tal-SAPA/ACO).

(156)

Fil-każijiet kollha ta’ aċċess tal-gvern fuq il-bażi tas-sigurtà nazzjonali deskritti f’din it-taqsima, japplikaw il-limitazzjonijiet stipulati mill-Qorti Suprema tal-Ġappun għal investigazzjonijiet volontarji, u dan ifisser li l-ġbir ta’ informazzjoni “elettronika” jrid ikun konformi mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità (“metodu xieraq”) (131). Kif ikkonfermat espliċitament mill-awtoritajiet Ġappuniżi, “il-ġbir u l-proċessar ta’ informazzjoni jseħħ biss sa fejn ikun meħtieġ għall-prestazzjoni ta’ dmirijiet speċifiċi tal-awtorità pubblika kompetenti kif ukoll fuq il-bażi ta’ theddid speċifiku”. Għalhekk, “dan jeskludi l-ġbir tal-massa u indiskriminat jew l-aċċess għal informazzjoni personali għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali” (132).

(157)

Barra minn hekk, ladarba tinġabar, kwalunkwe informazzjoni personali miżmuma minn awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet ta’ sigurtà nazzjonali taqa’ taħt il-protezzjonijiet tal-APPIHAO u b'hekk tibbenefika minnhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħżin, mal-użu u mal-iżvelar sussegwenti tagħha (ara l-premessa (118)).

3.3.2.   Sorveljanza indipendenti

(158)

Il-ġbir ta’ informazzjoni personali għall-finijiet tas-sigurtà nazzjonali hu soġġett għal diversi saffi ta’ sorveljanza mit-tliet fergħat tal-gvern.

(159)

L-ewwel, id-Diet tal-Ġappun, permezz tal-kumitati speċjalizzati tiegħu, jista’ jeżamina l-legalità tal-investigazzjonijiet fuq il-bażi tas-setgħat tiegħu ta’ skrutinju parlamentari (Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni, Artikolu 104 tal-Liġi dwar id-Diet; ara l-premessa 134). Din il-funzjoni ta’ sorveljanza hi sostnuta mill-obbligi ta’ rapportar speċifiċi dwar l-attivitajiet imwettqa skont uħud mill-bażijiet ġuridiċi msemmija aktar ’il fuq (133)

(160)

It-tieni, jeżistu diversi mekkaniżmi ta’ sorveljanza fi ħdan il-fergħa eżekuttiva.

(161)

Rigward l-MOD, is-sorveljanza hi eżerċitata mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Ispettur tal-Konformità Legali (IGO) (134) li twaqqaf fuq il-bażi tal-Artikolu 29 tal-Att dwar l-Istabbiliment tal-MOD bħala uffiċċju fi ħdan l-MOD taħt is-superviżjoni tal-Ministeru tad-Difiża (għand min jirrapporta) iżda indipendenti mid-dipartimenti operazzjonali tal-MOD. L-IGO għandu l-kompitu ta’ żgurar tal-konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti kif ukoll l-eżekuzzjoni xierqa tad-dmirijiet mill-uffiċjali tal-MOD. Fost is-setgħat tiegħu hemm l-awtorità li jwettaq l-hekk imsejħa “Spezzjonijiet tad-Difiża”, kemm f’intervalli regolari (“Spezzjonijiet Regolari tad-Difiża”) u f’każijiet individwali (“Spezzjonijiet Speċjali tad-Difiża”), li fl-imgħoddi koprew ukoll l-immaniġġjar xieraq ta’ informazzjoni personali (135). Fil-kuntest tat-tali spezzjonijiet, l-IGO jista’ jidħol f’siti (uffiċċji) u jitlob is-sottomissjoni ta’ dokumenti jew ta’ informazzjoni, inklużi l-ispjegazzjonijiet mid-Deputat Viċi Ministru tal-MOD. L-ispezzjoni tiġi konkluża permezz ta’ rapport lill-Ministru tad-Difiża li jistabbilixxi s-sejbiet u l-miżuri għat-titjib (li l-implimentazzjoni tiegħu mill-ġdid tista’ tiġi verifikata permezz ta’ spezzjonijiet ulterjuri). Min-naħa tiegħu, ir-rapport jifforma l-bażi għall-istruzzjonijiet mill-Ministru tad-Difiża biex jiġu implimentati l-miżuri neċessarji għall-indirizzar tas-sitwazzjoni; id-Deputat Viċi Ministru hu inkarigat bit-twettiq tat-tali miżuri u jrid jirrapporta dwar is-segwitu.

(162)

Rigward il-Pulizija tal-Prefatturi, is-sorveljanza hi żgurata mill-Kummissjonijiet indipendenti tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi, kif spjegat fil-premessa 135 fir-rigward tal-infurzar tad-dritt kriminali.

(163)

Finalment, kif indikat, il-PSIA tista’ twettaq biss investigazzjonijiet sa fejn dawn ikunu neċessarji fir-rigward tal-adozzjoni ta’ dispożizzjoni dwar il-projbizzjoni, ix-xoljiment jew is-sorveljanza skont l-SAPA/ACO, u għal dawn id-dispożizzjonijiet il-Kummissjoni tal-Eżaminazzjoni tas-Sigurtà Pubblika indipendenti (136) teżerċita sorveljanza ex ante. Barra minn hekk, spezzjonijiet regolari/perjodiċi (li jħarsu lejn l-operazzjonijiet tal-PSIA b’mod komprensiv) (137) u spezzjonijiet interni speċjali (138) dwar l-attivitajiet tad-dipartimenti/tal-uffiċċji individwali eċċ. jitwettqu minn spetturi maħtura apposta u jistgħu jsarrfu fi struzzjonijiet għall-kapijiet tad-dipartimenti rilevanti eċċ. biex jieħdu miżuri korrettivi jew ta’ titjib.

(164)

Dawn il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza, li huma msaħħa ulterjorment permezz tal-possibbiltà li l-individwi jiskattaw l-intervent tal-PPC bħala awtorità superviżorja indipendenti (ara aktar ’il quddiem fit-taqsima 168), jipprovdu garanziji adegwati kontra r-riskju ta’ abbuż mill-awtoritajiet Ġappuniżi mis-setgħat tagħhom fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, u kontra kwalunkwe ġbir illegali ta’ informazzjoni elettronika.

3.3.3.   Individual redress

(165)

Fir-rigward tar-rimedju individwali, rigward ll-informazzjoni personali miġbura u b’hekk “miżmuma” mill-Organi Amministrattivi, dawn tal-aħħar huma obbligati “jieħdu impenn li jipproċessaw kif xieraq u b’rapidità kwalunkwe lment” rigward proċessar bħal dan (Artikolu 48 tal-APPIHAO).

(166)

Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ investigazzjonijiet kriminali, individwi (inklużi ċittadini barranin li jgħixu barra l-pajjiż) fil-prinċipju għandhom dritt għal żvelar (139), għal korrezzjoni (inkluż tħassir) u għal sospensjoni tal-użu/tal-provvista skont l-APPIHAO. Minkejja dan, il-kap tal-Organu Amministrattiv jista’ jirrifjuta l-iżvelar fir-rigward ta’ informazzjoni “li għaliha jkun hemm motivazzjonijiet raġonevoli […] biex jitqies li l-iżvelar aktarx li jikkawża ħsara għas-sigurtà nazzjonali” (Artikolu 14(iv) tal-APPIHAO) u jista’ jagħmel dan ukoll bla ma jiżvela l-eżistenza tat-tali informazzjoni (Artikolu 17 tal-APPIHAO). Bl-istess mod, filwaqt li individwu jista’ jitlob sospensjoni tal-użu jew tħassir skont l-Artikolu 36(1)(i) tal-APPIHAO fil-każ li fih l-Organu Amministrattiv ikun kiseb l-informazzjoni b’mod illegali jew iżommha/jużaha lil hinn milli jkun hemm bżonn biex jilħaq l-iskop speċifikat, l-awtorità tista’ tirrifjuta t-talba jekk issib li s-sospensjoni tal-użu “aktarx li xxekkel l-eżekuzzjoni xierqa tal-kompiti relatati mal-Iskop tal-Użu tal-Informazzjoni Personali Miżmuma minħabba n-natura tat-tali kompiti” (Artikolu 38 tal-APPIHAO). Xorta waħda, meta jkun possibbli li jiġu separati u esklużi faċilment partijiet li jkunu soġġetti għal eċċezzjoni, l-Organi Amministrattivi huma meħtieġa jagħtu tal-anqas żvelar parzjali (ara pereżempju l-Artikolu 15(1) tal-APPIHAO) (140).

(167)

Fi kwalunkwe każ, l-Organu Amministrattiv irid jieħu deċiżjoni bil-miktub fi ħdan ċertu perjodu (30 jum, li skont ċerti kundizzjonijiet jista’ jiġi estiż bi 30 jum addizzjonali). Jekk it-talba tiġi rifjutata, jew tintlaqa’ biss f’parti minnha, jew jekk l-individwu għal raġunijiet oħra jikkunsidra li l-imġiba tal-Organu Amministrattiv hija “illegali jew inġusta”, l-individwu jista’ jitlob rieżami amminstrattiv abbażi tal-Att dwar ir-Rieżami tal-Ilmenti Amministrattivi (141). Fit-tali każ, il-kap tal-Organu Amministrattiv li jiddeċiedi dwar l-appell għandu jikkonsulta l-Iżvelar tal-Informazzjoni u Bord ta’ Rieżami tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali (l-Artikolu 42, 43, APPIHAO), bord speċjalizzat, indipendenti li l-membri tiegħu huma maħtura mill-Prim Ministru bil-kunsens taż-żewġ Kmamar tad-Diet. Skont l-informazzjoni riċevuta, il-Bord tar-Rieżami jista’ jwettaq eżaminazzjoni (142) u f’dan ir-rigward jitlob lill-Organu Amministrattiv jipprovdi l-informazzjoni personali miżmuma, inkluż kwalunkwe kontenut klassifikat, kif ukoll informazzjoni u dokumenti ulterjuri. Filwaqt li r-rapport finali li jintbagħat lill-ilmentatur kif ukoll lill-Organu Amministrattiv u jiġi ppubblikat mhuwiex legalment vinkolanti, kważi f’kull każ jingħata segwitu (143). Barra minn hekk, l-individwu jkollu l-possibbiltà li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ appell fil-qorti fuq il-bażi tal-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi. Dan iwitti t-triq għall-kontroll ġudizzjarju tal-użu tal-eċċezzjoni(jiet) tas-sigurtà nazzjonali, inkluż jekk tali eċċezzjoni tkunx ġiet abbużata jew tkunx għada ġustifikata.

(168)

Biex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija hawn fuq skont l-APPIHAO, l-MIC stabbilixxa 51 “ċentru ta’ informazzjoni komprensiva” li jipprovdu informazzjoni konsolidata fuq dawk id-drittijiet, il-proċeduri applikabbli biex issir talba u l-metodi possibbli għar-rimedju (144). Rigward l-Organi Amministrattivi, dawn huma meħtieġa jipprovdu “informazzjoni li tikkontribwixxi għall-ispeċifikar tal-Informazzjoni Personali Miżmuma għandhom” (145) u jieħdu “miżuri adegwati oħra b’kunsiderazzjoni tal-konvenjenza tal-persuna li jkun biħsiebha tagħmel it-talba” (Artikolu 47(1) tal-APPIHAO).

(169)

Bħal fil-każ ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-infurzar tad-dritt kriminali, anki fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali l-individwi jijstgħu jiksbu rimedju individwali billi jikkuntattjaw lill-PPC direttament. Dan jiskatta l-proċedura speċifika ta’ soluzzjoni ta’ tilwim li l-gvern Ġappnuż ħoloq għall-individwi mill-UE li d-data personali tagħhom tiġi trasferita skont din id-Deċiżjoni (ara l-ispjegazzjonijiet dettaljati fil-premessi 141 sa 144, 149).

(170)

Barra minn hekk, l-individwi jistħu jfittxu rimedju fil-forma ta’ kawża għad-danni skont l-Att dwar ir-Rimedju Statali, li jkopri wkoll id-danni morali u f’ċerti kundizzjonijiet it-tħassir tad-data miġbura (ara l-premessa 147).

4.   KONKLUŻJONI: LIVELL ADEGWAT TA’ PROTEZZJONI GĦAL DATA PERSONALI TRASFERITA MILL-UNJONI EWROPEA LIL OPERATURI TA’ NEGOZJI FIL-ĠAPPUN

(171)

Il-Kummissjoni tqis li l-APPI, kif komplimentat mir-Regoli Supplimentari li jinsabu fl-Anness I, flimkien mar-rappreżentazzjonijiet, mal-assigurazzjonijiet u mal-impenji uffiċjali li jinsabu fl-Anness II, jiżguraw livell ta’ protezzjoni għal data personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea li essenzjalment hu ekwivalenti għal dak garantit mir-Regolament (UE) (UE) 2016/679.

(172)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, fis-sħuħija tagħhom, il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u l-metodi ta’ rimedji fil-liġi tal-Ġappun jippermettu biex ksur mill-PIHBOs riċevituri jiġi identifikat u penalizzat fil-prattika u joffru rimedji legali biex is-suġġett tad-data jikseb aċċess għal data personali relatata miegħu u, eventwalment, ir-rettifika jew it-tħassir tat-tali data.

(173)

Finalment, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli dwar l-ordinament ġuridiku tal-Ġappun, inklużi r-rappreżentazzjonijiet, l-aċċertamenti u l-impenji mill-gvern tal-Ġappun li jinsabu fl-Anness II, il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-individwi li d-data personali tagħhom tiġi trasferita mill-Unjoni Ewropea lill-Ġappun mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun għall-finijiet ta’ interess pubbliku, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt kriminali u tas-sigurtà nazzjonali, se tkun limitata għal dik li tkun strettament neċessarja biex jintlaħaq l-objettiv leġittimu inkwistjoni, u li teżisti protezzjoni legali effettiva kontra t-tali interferenza.

(174)

Għaldaqstant, fid-dawl tas-sejbiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis li l-Ġappun jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lill-PIHBOs fil-Ġappun li jkunu soġġetti għall-APPI, ħlief f’dawk il-każijiet li fihom ir-riċevitur ikun jaqa’ fi ħdan waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 76(1) tal-APPI u l-iskopijiet jew parti mit-tali skopijiet ta’ proċessar ikunu jikkorrispondu għal wieħed mill-iskopijiet stipulati f’dik id-dispożizzjoni.

(175)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istandard ta’ adegwatezza tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679, interpretat fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fis-sentenza Schrems (146), hu milħuq.

5.   AZZJONI MILL-AWTORITAJIET GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA U L-INFORMAZZJONI LILL-KUMMISSJONI

(176)

Skont il-ġurisprdenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (147), u kif rikonoxxut fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Kummissjoni għandha tissorvelja kontinwament l-iżviluppi rilevanti fil-pajjiż terz wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, biex tivvaluta jekk il-Ġappun għadux jiżgura livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni. It-tali verifika hi meħtieġa, fi kwalunkwe każ, meta l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni li twassal għal dubju ġustifikat f’dak ir-rigward.

(177)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tissorvelja fuq bażi kontinwa s-sitwazzjoni rigward il-qafas legali u l-prattika proprja għall-proċessar ta’ data personali kif valutati f’din id-Deċiżjoni, inkluża l-konformità mill-awtoritajiet Ġappuniżi mar-rappreżentazzjonijiet, mal-aċċertamenti u mal-impenji li jinsabu fl-Anness II. Biex jiffaċilitaw dan il-proċess, l-awtoritajiet Ġappuniżi huma mistennija jinformaw lill-Kummissjoni dwar żviluppi materjali rilevanti għal din id-Deċiżjoni, kemm rigward il-proċessar ta’ data personali mill-operaturi ta’ negozji kif ukoll il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji applikabbli għall-aċċess għal data personali mill-awtoritajiet pubbliċi. Jenħtieġ li dan ikun jinkludi kull deċiżjoni adottata mill-PPC skont l-Artikolu 24 tal-APPI ta’ għarfien għal pajjiż terz bħala wieħed li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dak garantit fil-Ġappun

(178)

Barra minn hekk, biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-funzjoni ta’ monitoraġġ tagħha b’mod effettiv, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni rilevanti meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data (“DPAs”), b’mod partikolari rigward domandi jew ilmenti minn suġġetti tad-data tal-UE rigward it-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea lil operaturi ta’ negozji fil-Ġappun. Il-Kummissjoni għandha tiġi informata wkoll dwar kwalunkwe indikazzjoni li l-azzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun responsabbli għall-prevenzjoni, għall-investigazzjoni, għad-detezzjoni jew għall-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew għas-sigurtà nazzjonali, inkluż kwalunkwe korp ta’ sorveljanza, ma jiżgurawx il-livell meħtieġ ta’ protezzjoni.

(179)

L-Istati Membri u l-organi tagħhom huma obbligati jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li dawn tal-aħħar huma preżunti li huma legali u għaldaqstant jipproduċu effetti legali sakemm jiġu rtirati, jitħassru f’kawża għat-tħassir jew jiġu ddikjarati invalidi wara referenza għal sentenza preliminari jew għal eċċezzjoni ta’ illegalità. Konsegwentement, deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni adottata skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 hi vinkolanti fuq il-korpi kollha tal-Istati Membri li hi indirizzata lilhom, inklużi l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tagħhom. Fl-istess ħin, kif spjegat fis-sentenza Schrems mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schrems (148) u rikonoxxut fl-Artikolu 58(5) tar-Regolament, meta DPA tkun irċiviet domandi, inkluż dwar ilment, li jixħet dubju fuq il-kompatibbiltà ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni mad-drittijiet fundamentali tal-individwu għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, id-dritt nazzjonali jrid jipprovdiha b’rimedju legali biex tressaq dawk l-oġġezzjonijiet quddiem qorti nazzjonali li, f’każ ta’ dubji, trid tissospendi l-proċedimenti u tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (149).

6.   RIEŻAMI PERJODIKU TAL-KONSTATAZZJONI TAL-ADEGWATEZZA

(180)

Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 (150), u fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Ġappun jista’ jkun soġġett għal tibdil, il-Kummissjoni, wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għandha tivverifika b’mod perjodiku jekk il-konstatazzjonijiet relatati mal-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni żgurat mill-Ġappun ikunux għadhom fattwalment u legalment ġustifikati.

(181)

Għal dan l-għan, din id-Deċiżjoni għandha tkun soġġetta għall-ewwel rieżami fi żmien sentejn wara li tidħol fis-seħħ. Wara l-ewwel rieżami, u skont l-eżitu tagħha, il-Kummissjoni se tiddeċiedi f’konsultazzjoni mill-qrib mal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 93(1) tal-GDPR jekk iċ-ċiklu ta’ sentejn għandux jinżamm. Fi kwalunkwe każ, ir-rieżamijeit sussegwenti għandhom iseħħu tal-anqas kull erba’ snin (151). Ir-rieżami għandu jkopri l-aspetti kollha tal-funzjonament ta’ din id-Deċiżjoni, u b’mod partikolari l-applikazzjoni tar-Regoli Supplimentari (b’attenzjoni speċjali għall-protezzjonijiet mogħtija f’każ ta’ trasferimenti ulterjuri), l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kunsens, inkluż fil-każ ta’ ħruġ, l-effikaċja tal-eżerċitar tad-drittijiet individwali, kif ukoll il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji rigward l-aċċess mill-gvern, inkluż il-mekkaniżmu ta’ rimedju kif stipulat fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ ukoll li jkopri l-effikaċja tas-sorveljanza u tal-infurzar, fir-rigward tar-regoli applikabbli kemm għal PIHBOs u fil-qasam tal-infurzar tal-liġi kriminali u tas-sigurtà nazzjonali.

(182)

Biex tagħmel ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tiltaqa’ mal-PPC, akkumpanjata, fejn xieraq, minn awtoritajiet Ġappuniżi oħra responsabbli għall-aċċess mill-gvern, inklużi l-korpi ta’ sorveljanza rilevanti. Il-parteċipazzjoni f’din il-laqgħa għandha tkun miftuħa għar-rappreżentanti tal-membri tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB). Fil-qafas tar-Rieżami Konġunt, il-Kummissjoni għandha titlob lill-PPC tipprovdi informazzjoni komprensiva dwar l-aspetti kollha rilevanti għall-konstatazzjoni ta’ adegwatezza, inkluż dwar il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji li jikkonċernaw l-aċċess (152). Il-Kummissjoni għandha tfittex ukoll spjegazzjonijiet dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti għal din id-Deċiżjoni li tkun irċiviet, inklużi rapporti pubbliċi mill-awtoritajiet Ġappuniżi jew minn partijiet ikkonċernati oħra fil-Ġappun, mill-EDPB, mid-DPAs individwali, mill-gruppi tas-soċjetà ċivili, mir-rapporti fl-istampa, jew minn kwalunkwe sors ieħor disponibbli ta’ informazzjoni.

(183)

Fuq il-bażi tar-Rieżami Konġunt, il-Kummissjoni għandha tħejji rapport pubbliku li għandu jiġi sottomess lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   SOSPENSJONI TAD-DEĊIŻJONI TA’ ADEGWATEZZA

(184)

Meta, fuq il-bażi tal-verifiki regolari u ad hoc jew kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-livell ta’ protezzjoni mogħti mill-ordinament ġuridiku tal-Ġappun ma jistax jibqa’ meqjus bħala wieħed essenzjalment ekwivalenti għal dak fl-Unjoni Ewropea, din għandha tinforma lill-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti dwar dan u titlob li jittieħdu miżuri xierqa fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli speċifikat. Dan jinkludi r-regoli applikabbli kemm għall-operaturi ta’ negozji kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun responsabbli għall-infurzar tad-dritt kriminali jew għas-sigurtà nazzjonali. Pereżempju, tali proċedura tiskatta f’każijiet fejn it-trasferimenti ulterjuri, inkluż abbażi ta’ deċiżjonijiet adottat mill-PPC taħt l-Artikolu 24 tal-APPI li jirrikonoxxu xi pajjiż terz bħala li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dak iggarantit fil-Ġappun, ma jibqgħux isiru taħt salvagwardji li jiżguraw il-kontinwità tal-protezzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 44 tal-GDPR.

(185)

Jekk, wara l-perjodu ta’ żmien speċifikat, l-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti jonqsu milli juru b’mod sodisfaċenti li din id-Deċiżjoni għadha bbażata fuq livell adegwat ta’ protezzjoni, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 45(5) tar-Regolament (UE) 2016/679, għandha tniedi l-proċedura li twassal għas-sospensjoni parzjali jew sħiħa jew għat-tħassir ta’ din id-Deċiżjoni. Inkella, il-Kummissjoni għandha tibda l-proċedura li temenda din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari billi tissottoponi trasferimenti tad-data għal kundizzjonijiet addizzjonali jew billi tillimita l-ambitu tas-sejba ta’ adegwatezza biss għat-trasferimenti ta’ data li għalihom il-kontinwità tal-protezzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 44 tal-GDPR hija żgurata.

(186)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura għas-sospensjoni jew għat-tħassir fil-każ ta’ indikazzjoinjiet li r-Regoli Supplimentari li jinsabu fl-Anness I ma jiġux rispettati mill-operaturi ta’ negozji li jirċievu data personali skont din id-Deċiżjoni u/jew ma jkunux infurzat b’mod effettiv, jew li l-awtoritajiet Ġappuniżi jonqsu milli jikkonformaw mar-rappreżentazzjonijiet, mal-aċċertamenti u mal-impenji li jinsabu fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

(187)

Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li tiftaħ il-proċedura li twassal għall-emenda, għas-sospensjoni jew għat-tħassir ta’ din id-Deċiżjoni jekk, fil-kuntest tar-Rieżami Konġunt jew xi każ ieħor, l-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni jew il-kjarifiki neċessarji għall-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni mogħtija lil data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lill-Ġappun jew il-konformità ma’ din id-Deċiżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tieħu f’kunsiderazzjoni kemm l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb minn sorsi oħra.

(188)

Fuq il-bażi ta’ raġunijiet ġustifikati kif xieraq ta’ emerġenza, bħal riskju ta’ ksur serju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tadotta deċiżjoni li tissospendi jew tħassar din id-Deċiżjoni li għandha tapplika minnufih, skont l-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 flimkien mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (153).

8.   KUNSIDERAZZJONIJIET FINALI

(189)

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ippubblika l-opinjoni tiegħu (154), li ttieħdet inkunsiderazzjoni fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni.

(190)

Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar strateġija għall-kummerċ diġitali li tistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza u tħaffef l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza ma’ sħab kummerċjali importanti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 bħala mekkaniżmu importanti għas-salvagwardja tat-trasferiment ta’ data personali mill-Unjoni Ewropea (155). Il-Parlament Ewropew adotta wkoll riżoluzzjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali mogħtija mill-Ġappun (156).

(191)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 93(1) tal-GDPR.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2016/679, il-Ġappun jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għad-data personali trasferita mill-Unjoni Ewropea lil operaturi ta’ negozji ta’ mmaniġġjar ta’ informazzjoni personali fil-Ġappun soġġetti għall-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali kif komplimentat mir-Regoli Supplimentari stabbiliti fl-Anness I, flimkien mar-rappreżentazzjonijiet, mal-aċċertamenti u mal-impenji uffiċjali li jinsabu fl-Anness II.

2.   Din id-deċiżjoni ma tkoprix data personali trasferita lil riċevituri li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji li ġejjin, sa fejn l-iskopijiet kollha jew parti mit-tali skopijiet ta’ proċessar tad-data personali jkunu jikkorrispondu għal waħda mill-iskopijiet elenkati, rispettivament:

(a)

istituzzjonijiet tax-xandir, pubblikaturi tal-gazzetti, aġenziji tal-komunikazzjoni jew organizzazzjonijiet oħra tal-istampa (inkluż kwalunkwe individwu li jwettaq attivitajiet tal-istampa bħala n-negozju tiegħu) sa fejn dawn jipproċessaw data personali għall-finijiet tal-istampa;

(b)

persuni attivi fil-kitba professjonali, sa fejn din tkun tinvolvi data personali;

(c)

universitajiet u kwalunkwe organizzazzjoni oħra jew grupp ieħor iffokati fuq studji akkademiċi, jew kwalunkwe persuna li tappartjeni għal tali organizzazzjoni jew grupp, sa fejn dawn jipproċessaw data personali għall-fini tal-istudji akkademiċi;

(d)

korpi reliġjużi sa fejn dawn jipproċessaw data personali għall-finijiet ta’ attività reliġjuża (inklużi l-attivitajiet relatati kollha); u

(e)

korpi politiċi sa fejn dawn jipproċessaw data personali għall-finijiet ta’ attività politika tagħhom (inklużi l-attivitajiet relatati kollha).

Artikolu 2

Kull meta l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, biex jipproteġu lill-individwi rigward il-proċessar tad-data personali tagħhom, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/679 li jwasslu għas-sospensjoni jew għall-projbizzjoni definttiva tal-flussi tad-data lil operatur ta’ negozju speċifiku fil-Ġappun fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament l-applikazzjoni tal-qafas legali li fuqu hija bbażata din id-Deċiżjoni, inkluż il-kundizzjonijiet skont liema jitwettqu trasferimenti ulterjuri, bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-Ġappunb ikomplix jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw lil xulxin f’każijiet li fihom il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali, jew kwalunkwe awtorità Ġappuniża kompetenti oħra, tonqos milli tiżgura konformità mal-qafas legali li fuqu hija bbażata din id-Deċiżjoni.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar kwalunkwe indikazzjoni li interferenzi mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun mad-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom imorru lil hinn minn dak li jkun strettament neċessarju, jew li ma jkun hemm ebda protezzjoni legali effettiva kontra t-tali interferenzi.

4.   Fi żmien sentejn mid-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni lill-Istati Membri u sussegwentement tal-inqas kull erba’snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-konstatazzjoni fl-Artikolu 1(1) fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli kollha, inkluża l-informazzjoni riċevuta bħala parti mir-Rieżami Konġunt imwettaq flimkien mal-awtoritajiet Ġappuniżi rilevanti.

5.   Meta l-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet li ma jibqax żgurat livell adegwat ta’ protezzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet Ġappuniżi kompetenti. Jekk ikun hemm bżonn, din tista’ tiddeċedi li tissospendi, temenda jew tħassar din id-Deċiżjoni, jew tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari meta jkun hemm indikazzjonijiet li:

(a)

l-operaturi ta’ negozji fil-Ġappun li jkunu rċivew data personali mill-Unjoni Ewropea skont din id-Deċiżjoni ma jkunux konformi mas-salvagwardji addizzjonali stabbiliti fir-Regoli Supplimentari li jinsabu fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni, jew jkun hemm sorveljanza u infurzar insuffiċjenti f’dan ir-rigward;

(b)

l-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun ma jikkonformawx mar-rappreżentazzjonijiet, mal-aċċertamenti u mal-impenji li jinsabu fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni, inkluż rigward il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-ġbir ta’ data personali trasferita u għall-aċċess għal din skont din id-Deċiżjoni mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġappun għall-finijiet ta’ infurzar tad-dritt kriminali jew ta’ sigurtà nazzjonali.

Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll it-tali abbozz ta’ miżuri jekk in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-gvern Ġappuniż jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddetermina jekk il-konstatazzjoni fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Deċiżjoni hix affettwata.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(2)  Il-Kawża C-362/14, Maximillian Schrems vs il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data (“Schrems”), ECLI:EU:C:2015:650, il-paragrafu 73.

(3)  Schrems, il-paragrafu 74.

(4)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, L-Iskambjar u l-Protezzjoni tad-Data Personali f’Dinja Globalizzata, COM(2017)7 tal-10.1.2017, it-Taqsima 3.1, pp. 6-7.

(5)  Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (Att Nru 57, 2003).

(6)  Aktar informazzjoni dwar il-PPC tinsab fil-link li ġejja: https://www.ppc.go.jp/en/ (inklużi d-dettalji ta’ kuntatt għal domandi u għal ilmenti: https://www.ppc.go.jp/en/contactus/access/). https://www.ppc.go.jp/en/contactus/access/).

(7)  Din id-Deċiżjoni għandha rilevanza għaż-ŻEE. Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) jipprovdi għal estensjoni tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea għat-tliet Stati taż-ŻEE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja. Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt (Joint Committee Decision, JCD) li tinkorpora r-Regolament (UE) 2016/679 fl-Anness XI tal-Ftehim ŻEE ġiet adottata mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fis-6 ta’ Lulju 2018 u daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Lulju 2018. B’hekk, dan ir-Regolament hu kopert minn dan il-ftehim.

(8)  Il-Qorti Suprema, is-Sentenza tal-Grand Bench (Daihōtei) tal-24 ta’ Diċembru 1969, Keishu Vol. 23, Nru 12, p. 1625.

(9)  Il-Qorti Suprema, is-Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Minshu Vol. 62 Nru 3, p. 665.

(10)  Il-Qorti Suprema, is-Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Minshu Vol. 62 Nru 3, p. 665.

(11)  Jinsabu hawn: https://www.ppc.go.jp/files/pdf/PPC_rules.pdf

(12)  Ara r-Regoli Supplimentari, (taqsima introduttorja).

(13)  Ir-rekwiżit ġenerali li tinżamm dokumentazzjoni għal ċertu perjodu (biss), ma jpoġġix dan f’dubju. Anki jekk l-oriġini tad-data hija fost l-informazzjoni li l-PIHBO li jakkwista għandu jikkonferma skont l-Artikolu 26(1) tal-APPI, ir-rekwiżit skont l-Artikolu 26(4) tal-APPI f’rabta mal-Artikolu 18 tar-Regoli PPC jikkonċerna biss forma partikolari ta’ dokumentazzjoni (ara l-Artikolu 16 tar-Regoli tal-PPC) u ma jżommx lil PIHBO milli jiżgura l-identifikazzjoni tad-data għal perjodi itwal. Dan ġie kkonfermat mill-PPC li ddikjara li “l-informazzjoni dwar l-oriġini tad-data tal-UE għandha tinżamm mill-PIHBO għal kemm ikun hemm bżonn sabiex ikun hemm konformità mar-Regoli Supplimentari”.

(14)  PPC, Mistoqsijiet u Tweġibiet, 16 ta’ Frar 2017 (emendati fit-30 ta’ Mejju 2017), li jinsabu fil-link li ġejja: https://www.ppc.go.jp/files/pdf/kojouhouQA.pdf. Il-Mistoqsijiet u Tweġibiet jiddiskutu numru ta’ kwistjonijiet indirizzati fil-Linji Gwida billi jipprovdu eżempji prattiċi bħal x’jikkostitwixxi data personali sensittiva, l-interpretazzjoni ta’ kunsens individwali, it-trasferimenti ta’ partijiet terzi fil-kuntest tal-cloud computing, jew l-obbligu ta’ żamma ta’ rekords applikat għal trasferimenti transfruntiera. Il-Mistoqsijiet u Tweġibiet huma disponibbli bil-Ġappuniż biss.

(15)  Wara mistoqsija speċifika, il-PPC informa lill-EDPB li “il-qrati Ġappuniżi jibbażaw l-interpretazzjoni tagħhom fuq il-Linji Gwida meta japplikaw ir-Regoli APPI/PPC f’każi individwali li jinġiebu quddiemhom u b’hekk irreferew b’mod dirett għat-test tal-Linji Gwida tal-PPC fis-sentenzi tagħhom. Għalhekk, anki minn din il-perspettiva, il-Linji Gwida tal-PPC huma vinkolanti fuq l-operaturi tan-negozju. Il-PPC ma għandhiex tagħrif fis-sens li l-Qorti qatt tbiegħdet mil-Linji Gwida.” F’dan ir-rigward, il-PPC irreferiet lill-Kummissjoni għal sentenza fil-qasam tal-protezzjoni tad-data fejn il-qorti bbażat b’mod espliċitu lilha nfisha fuq il-linji gwida għas-sejbiet tagħha (ara l-Qorti Distrettwali ta’ Osaka, deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2006, Hanrei Jiho, Vol. 1948, p. 122, fejn il-qorti ddikjarat li l-operatur ta’ negozju kellu obbligu li jieħu azzjoni ta’ kontroll tas-sigurtà fuq il-bażi tat-tali linji gwida).

(16)  Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni tar-Regoli Ġenerali), p. 6.

(17)  Dan ikopri kull sistema ta’ arkivjar elettroniku. Il-Linji gwida tal-PPC (Edizzjoni Ġenerali, p. 17) jipprovdu eżempji speċifiċi f’dan ir-rigward, pereżempju lista ta’ indirizzi tal-posta elettronika maħżuna fis-softwer klijent tal-posta elettronika.

(18)  L-Artikolu 2(4) u (6) tal-APPI.

(19)  Pereżempju, l-Artikolu 23 tal-APPI dwar il-kundizzjonijiet għall-qsim ta’ data personali ma’ partijiet terzi.

(20)  Jiġifieri, data personali (i) “li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tat-tali data personali, din tkun ta’ ħsara għall-ħajja, għall-persuna jew għall-għajxien ta’ prinċipal jew ta’ parti terza”; (ii) data“li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tat-tali data personali, tkun tħeġġeġ jew tinduċi att illegali jew inġust”; (iii) data“li fir-rigward tagħha hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tat-tali data personali, toħloq problemi għas-sigurtà nazzjonali, teqred relazzjoni ta’ fiduċja ma’ pajjiż terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali, jew iġġib żvantaġġ fin-negozjati ma’ pajjiż terz jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali”; u (iv) dik “li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tat-tali data personali, tkun ta’ xkiel għaż-żamma tas-sikurezza u tal-ordni pubbliċi bħall-prevenzjoni, it-trażżin jew l-investigazzjoni ta’ reat”.

(21)  Skont dawn il-kundizzjonijiet, ma hi meħtieġa l-ebda notifika lill-individwu. Dan huwa f’konformità mal-Artikolu 23(2)(h) tal-GDPR, li jipprovdi li s-suġġetti tad-data ma hemmx bżonn li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni hekk din “tista’ tkun ta’ dannu għall-iskop tar-restrizzjoni”.

(22)  Ara r-Regolament (UE) 2016/679, il-premessa 26.

(23)  Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni tar-Regoli Ġenerali), p. 18.

(24)  Rigward operaturi oħra, il-PPC, meta teżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar tagħha, qatt m’għandha żżommhom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta’ espressjoni, il-libertà tal-akkademija, il-libertà tar-reliġjon, u l-libertà tal-attività politika (Artikolu 43(1) tal-APPI).

(25)  Kif spjegat mill-PPC, il-kunsens huwa interpretat fil-Linji gwida tal-PPC bħala “espressjoni ta’ intenzjoni tal-prinċipal li tgħid li huwa/hija j/taċċetta li l-informazzjoni personali tiegħu/tagħha tista’ tiġi trattata b’metodu indikat minn negozju li jittratta l-informazzjoni personali”. Il-Linji gwida tal-PPC (Edizzjoni ta’ Regola Ġenerali, p.24) jelenkaw il-modi ta’ kunsens li huma kkunsidrati “prattiki kummerċjali komuni fil-Ġappun”, jiġifieri ftehim orali, ir-ritorn ta’ formoli jew dokument oħra, ftehim permezz tal-posta elettronika, l-ittikkjar ta’ kaxxa fuq paġna web, l-ikklikkjar fuq home page, l-użu ta’ buttuna ta’ kunsens, ittappjar ta’ panel, eċċ. Dawn il-metodi kollha jikkostitwixxu formola espliċita ta’ kunsens.

(26)  Il-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet maħruġa mill-PPC fihom numru ta’ eżempji li juru dan il-kunċett. Eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-alterazzjoni tibqa’ fi ħdan ambitu raġonevolment rilevanti jinkludu b’mod partikolari l-użu ta’ informazzjoni personali miksuba mingħand xerrejja ta’ oġġetti jew ta’ servizzi fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali, bl-għan li dawn ix-xerrejja jiġu informati dwar oġġetti jew servizzi rilevanti oħra disponibbli (eż. operatur ta’ ċentru sportiv li jirreġistra l-indirizzi tal-posta elettronika tal-membri biex jinformahom dwar korsijiet u programmi). Fl-istess ħin, il-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet jinkludu wkoll eżempju ta’ sitwazzjoni li fihom it-tibdil tal-iskop ta’ użu mhuwiex permess, jiġifieri jekk kumpanija tibgħat informazzjoni dwar l-oġġetti u s-servizzi tal-kumpanija lil indirizzi tal-posta elettronika li hi tkun ġabret għall-fini ta’ twissija dwar frodi jew serqa ta’ kard ta’ sħubija.

(27)  Dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn liġijiet u regolamenti oħra, jew jikkonċernaw sitwazzjonijiet li fihom l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali jkun neċessarju (i) għall-“protezzjoni tal-ħajja umana, tal-persuna jew tal-proprjetà”; (ii) għat-“titjib tal-iġjene pubblika jew għall-promozzjoni ta’ tfal f’saħħithom”; jew (iii) “għall-kooperazzjoni ma’ aġenizji jew ma’ korpi tal-gvern jew mar-rappreżentanti tagħhom” fl-eżekuzzjoni tal-kompiti statutorji tagħhom. Barra minn hekk, il-kategoriji (i) u (ii) japplikaw biss jekk ikun diffiċli li jinkiseb il-kunsens ta’ suġġett tad-data, u l-kategorija (iii) biss jekk ikun hemm riskju li l-kisba tal-kunsens ta’ suġġett tad-data tkun ta’ xkiel għall-eżekuzzjoni tat-tali kompiti.

(28)  Minkejja dan, fuq il-bażi tal-Artikolu 23(1) tal-APPI, il-kunsens tal-individwu fil-prinċipju jkun meħtieġ għall-iżvelar tad-data lil parti terza. B’dan il-mod, l-individwu jkun jista’ jeżerċita ċertu kontroll fuq l-użu tad-data tiegħu minn operatur ta’ negozju ieħor.

(29)  Skont l-Artikolu 15(1) tal-APPI, it-tali speċifikazzjoni trid tkun “l-aktar espliċita possibbli”.

(30)  L-Artikolu 18(1) tal-APPI.

(31)  Filwaqt li l-fiduċjarji huma esklużi mill-kunċett ta’ “parti terza” għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23 (ara l-paragrafu 5), din l-esklużjoni tapplika biss sakemm il-fiduċjarju jkun qiegħed jiġġestixxi data personali fil-limiti tal-mandat (“fi ħdan l-ambitu neċessarju għall-kisba tal-iskop ta’ utilizzazzjoni”), jiġifieri meta jaġixxi bħala proċessur.

(32)  Il-motivazzjonijiet (eċċezzjonali) l-oħra huma: (i) il-provvista ta’ informazzjoni personali “fuq il-bażi ta’ liġijiet u ta’ regolamenti”; (ii) każijiet “li fihom ikun hemm bżonn ta’ protezzjoni tal-ħajja umana, tal-persuna jew tal-għajxien, u meta jkun diffiċli li jinkiseb kunsens mingħand prinċipal”; (iii) każijiet “li fihom ikun hemm bżonn speċjali li tittejjeb l-iġjene pubblika jew jiġi promoss it-trawwim ta’ tfal f’saħħithom, u meta jkun diffiċli li jinkiseb il-kunsens ta’ prinċipal”; u (iv) każijiet “li fihom ikun hemm bżonn ta’ kooperazzjoni rigward organizzazzjoni tal-gvern ċentrali jew gvern lokali, jew persuna inkarigata minnhom li twettaq kompiti stipulati minn liġijiet u minn regolamenti, u meta jkun hemm possibbiltà li l-kisba tal-kunsens ta’ prinċipal tinterferixxi mal-eżekuzzjoni tat-tali kompiti”.

(33)  L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta tinkludi, b’mod partikolari, il-kategoriji ta’ data personali li għandha tinqasam ma’ parti terza u l-metodu ta’ trażmissjoni. Barra minn hekk, il-PIHBO jrid jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jopponi t-trażmissjoni u kif jagħmel talba bħal din.

(34)  Skont l-Artikolu 26(1)(ii) tal-APPI, PIHBO, meta jirċievi data personali mingħand parti terza, hu meħtieġ “jikkonferma” (jivverifika) d-“dettalji tal-kisba tad-data personali mingħand il-parti terza”, inkluż l-iskop ta’ din il-kisba. Għad li l-Artikolu 26 ma jispeċifikax b’mod espliċitu li l-PIHBO mbagħad irid isegwi dan l-iskop, dan hu meħtieġ b’mod espliċitu mir-Regola Supplimentari (3).

(35)  Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni tar-Regoli Ġenerali), p. 41 u minn pp. 86 sa 98.

(36)  Skont it-Taqsima 3-3-2 tal-Linji Gwida tal-PPC, f’każ li jseħħ tali kxif, tħassir jew telf, il-PIHBO hu meħtieġ iwettaq l-investigazzjonijiet neċessarji u b’mod partikolari jivvaluta kemm ikun estensiv il-ksur tad-drittijiet u tal-interessi tal-individwu kif ukoll in-natura u l-ammont tal-informazzjoni personali kkonċernata.

(37)  Dawn huma (i) każijiet li fihom ikun hemm possibbiltà li l-informar lis-suġġett tad-data dwar l-iskop tal-użu, jew il-pubblikazzjoni ta’ dan, ikunu “ta’ ħsara għall-ħajja, għall-persuna, għall-għajxien jew għal drittijiet u interessi oħra ta’ prinċipal jew ta’ parti terza” jew “ta’ ħsara għad-drittijiet jew għall-interessi leġittimi tal-[…]PIHBO”; (ii) każijiet li fihom “ikun hemm bżonn ta’ kooperazzjoni fir-rigward ta’ organizzazzjoni tal-gvern ċentrali jew ta’ gvern lokali” fit-twettiq tal-kompiti statutorji tagħhom u jekk it-tali informazzjoni jew żvelar jinterferixxu mat-tali “kompiti”; (iii) każijiet li fihom l-iskop tal-użu jkun ċar fuq il-bażi tas-sitwazzjoni li fiha tkun inkisbet id-data.

(38)  L-eżenzjonijiet huma dawn li ġejjin: (i) “każijiet ibbażati fuq liġijiet u regolamenti”; (ii) “każijiet li fihom ikun hemm bżonn ta’ protezzjoni tal-ħajja umana, tal-persuna jew tal-għajxien, u meta jkun diffiċli li jinkiseb kunsens mingħand prinċipal”; (iii) “każijiet li fihom ikun hemm bżonn speċjali li tittejjeb l-iġjene pubblika jew jiġi promoss it-trawwim ta’ tfal f’saħħithom, u meta jkun diffiċli li jinkiseb il-kunsens ta’ prinċipal”; (iv) “każijiet li fihom ikun hemm bżonn ta’ kooperazzjoni rgward organizzazzjoni tal-gvern ċentrali jew gvern lokali, jew persuna inkarigata minnhom li twettaq kompiti stipulati minn liġijiet u minn regolamenti, u meta jkun hemm possibbiltà li l-kisba tal-kunsens ta’ prinċipal tkun ta’ xkiel għall-eżekuzzjoni tat-tali kompiti”; u (v) każijiet li fihom it-tali informazzjoni personali meħtieġa għal kura speċjali tiġi żvelata lill-pubbliku minn suġġett tad-data, minn organizzazzjoni governattiva, minn gvern lokali, minn persuna li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji tal-Artikolu 76(1) jew minn persuni oħra stipulati mir-regoli tal-PPC. Kategorija oħra tikkonċerna “każijiet oħra stipulati b’Ordni tal-Kabinett bħala ekwivalenti għal dawk il-każijiet stabbiliti f’kull partita preċedenti” u skont l-Ordni tal-Kabinett attwali li b’mod partikolari tkopri karatteristiċi notevoli ta’ persuna (eż. kundizzjoni tas-saħħa viżibbli) jekk id-data sensittiva tkun inkisbet (b’mod mhux intenzjonat) b’osservazzjoni viżwali, bit-teħid ta’ filmati jew bit-teħid ta’ ritratti tas-suġġett tad-data, eż. b’kameras tas-CCTV.

(39)  Skont l-Artikolu 40(1) tal-APPI, il-PPC tista’, sa fejn ikun hemm bżonn biex timplimenta d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-APPI, titlob lil PIHBO jissottometti l-informazzjoni jew il-materjal neċessarji relatati mal-immaniġġjar tal-informazzjoni personali.

(40)  L-APPI jipprovdi fost l-oħrajn għal regoli dwar l-akkreditament tat-tali organizzazzjonijiet; ara l-Artikoli 47-50 tal-APPI.

(41)  L-Artikolu 52 tal-APPI.

(42)  Notifika tal-PPC Nru 1/2017 “Rigward l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu f’waqtiet bħall-każijiet li fihom iseħħ ksur ta’ data personali jew inċident ieħor”.

(43)  Skont iċ-ċifri ppubblikati fis-sit web PrivacyMark tal-JIPDEC, datati t-2 ta’ Ottubru 2017.

(44)  PPC, Lista ta’ organizzazzjonijiet akkreditati ta’ protezzjoni tal-informazzjoni personali, li tinsab fuq l-internet fuq: https://www.ppc.go.jp/personal/nintei/list/ or https://www.ppc.go.jp/files/pdf/nintei_list.pdf

(45)  PPC, Ħarsa Ġenerali lejn l-Istatus ta’ Implimentazzjoni tal-APPI f’FY 2015 (Ottubru 2016), disponibbli (bil-Ġappuniż biss) fuq l-internet fuq: https://www.ppc.go.jp/files/pdf/personal_sekougaiyou_27ppc.pdf

(46)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 32.

(47)  Skont l-Artikolu 11 tar-Regoli tal-PPC, dan ma jeħtieġx biss standards sostantivi ekwivalenti għall-APPI sorveljati b’mod effettiv minn awtorità indipendenti ta’ infurzar, iżda anki li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti fil-pajjiż terz.

(48)  Sa issa, il-PPC għadha ma adottat l-ebda deċiżjoni skont l-Artikolu 24 tal-APPI li tirrikonoxxi pajjiż terz bħala wieħed li jipprovdi livell ekwivalenti ta’ protezzjoni għal dak garantit fil-Ġappun. L-unika deċiżjoni li attwalment tikkunsidra li tadotta tikkonċerna ż-ŻEE. Rigward deċiżjonijiet oħra possibbli fil-futur, il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u, jekk meħtieġ, tieħu miżuri adegwati biex tindirizza l-effetti negattivi possibbli għall-kontinwità tal-protezzjoni (ara aktar ’l isfel il-premessi 176, 177, 184 u l-Artikolu 3(1)).

(49)  Għad li żewġ kumpaniji Ġappuniżi biss iċċertifikaw ruħhom skont is-Sistema CBPR tal-APEC (ara https://english.jipdec.or.jp/sp/protection_org/cbpr/list.html). Barra mill-Ġappun, l-uniċi operaturi ta’ negozji oħra li ċċertifikaw skont din is-Sistema huma numru żgħir (23) ta’ kumpaniji mill-Istati Uniti tal-Amerka (ara https://www.trustarc.com/consumer-resources/trusted-directory/#apec-list).

(50)  Pereżempju, ebda definizzjoni u protezzjoni speċifika għal data sensittiva, ebda obbligu ta’ żamma ta’ data limitata. Ara wkoll l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, Opinjoni 02/2014 dwar referenzjal għar-rekwiżiti għal Regoli Korporattivi Vinkolanti sottomessi lill-Awtoritajiet nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data fl-UE u r-Regoli dwar il-Privatezza Transfruntiera sottomessi lill-Aġenti tal-Akkontabilità tas-CBPR tal-APEC, is-6 ta’ Marzu 2014.

(51)  Skont il-PPC, huma biss dawn l-interessi li jistgħu jkunu ġustifikazjoni ta’ restrizzjoni li “jkun jiswa’ li jiġu protetti legalment”. Din l-evalwazzjoni trid issir fuq il-bażi ta’ każ b’każ “fil-kunsiderazzjoni tal-interferenza mad-dritt fundamentali għall-privatezza inkluż il-protezzjoni tad-data kif rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni u minn preċedenti ġudizzjarji.” Interessi protetti jistgħu jinkludu, pereżempju. xi sigrieti kummerċjali jew ta’ negozju oħra.

(52)  Il-kunċett ta’ “xkiel serju fl-implimentazzjoni xierqa tan-negozju tal-operatur” hu muri fil-Linji Gwida tal-PPC permezz ta’ eżempji differenti, pereżempju talbiet kumplessi ripetuti u identiċi magħmula mill-istess individwu, fejn it-tali talbiet jinvolvu piż sinifikanti għal operatur ta’ negozju li jkun jikkomprometti l-ħila tiegħu li jwieġeb talbiet oħra (Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni Regola Ġenerali), p. 62). B’mod aktar ġenerali, il-PPC ikkonferma li din il-kategorija hija limitata għal każijiet eċċezzjonali li jmorru lil hinn minn sempliċi inkonvenjenzi. B’mod partikolari, PIHBO ma jistax jirrifjuta d-divulgazzjoni sempliċement għaliex jintalab ammont kbir ta’ data.

(53)  Kif ikkonfermat mill-PPC, tali liġijiet iridu jirrispettaw id-dritt tal-privatezza kif imnaqqax fil-Kostituzzjoni u b’hekk ikunu “jirriflettu restrizzjoni neċessarja u raġjonevoli.”

(54)  L-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni ġie interpretat mill-Qorti Suprema bħala li jipprovdi għal dritt għall-privatezza (ara aktar ’il fuq fil-premessi 7 u 8). Għalkemm dan id-dritt jista’ jiġi llimitat f’każijiet fejn dan ikun “jinterferixxi mal-benesseri pubbliku”, fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2008 (ara l-premessa 8), il-Qorti Suprema għamlitha ċara li kull limitazzjoni (li tkun tippermetti, f’dan il-każ, li xi awtorità pubblika tiġbor u tipproċessa data personali) hemm bżonn li tkun ibbilanċjata kontra d-dritt għall-privatezza, waqt li jiġu kkunsidrati fatturi bħal ma huma n-natura tad-data fil-kwistjoni, ir-riskji li l-proċessar ta’ din id-data joħolqu għall-individwi, is-salvagwardji applikabbli u l-benefiċċji ta’ interess pubbliku li jirriżultaw mill-proċessar. Dan huwa simili ħafna għat-tip ta’ bbilanċjar meħtieġ skont il-liġi tal-UE, abbażi tal-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità, għall-awtorizzazzjoni ta’ kull restrizzjoni għad-drittijiet u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data.

(55)  Għal aktar spjegazzjoni dwar dawn l-eċċezzjonijiet, ara "Article by Article Commentary of the revised Act on the Protection of Personal Information" (Kummentarju, Artikolu Artikolu tal-Att rivedut dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali) mill-Professur Katsuya Uga, 2015, p. 217. Eżempju ta' talba li tikkawża “ammont kbir ta’ spejjeż” hu l-każ li fih biss xi ismijiet f’lista twila (eż. f’direttorju) jiġu proċessati bi ksur tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop u d-direttorju diġà jkun qed jinbiegħ, bl-effett li s-sejħa lura għall-irtirar ta’ dawn il-kopji u s-sostituzzjoni tagħhom ma’ oħrajn ġodda jkunu jiswew ħafna flus. Fl-istess eżempju, meta l-kopji tad-direttorju diġà jkunu nbiegħu lil ħafna nies u jkun impossibbli li jinġabru kollha kemm huma, ikun “diffiċli li jiġi ssodisfat waqfien tal-użu” wkoll. F’dawn ix-xenarji, “azzjoni alternattiva neċessarja” tista’ tinkludi, pereżempju, il-pubblikazzjoni jew it-tqassim ta’ avviż ta’ korrezzjoni. Azzjoni bħal din ma teskludix forom oħra ta’ rimedju (ġudizzjarju), kemm għad-drittijiet dwar l-invażjoni tal-privatezza, għal ħsara reputazzjonali (difamazzjoni) ikkawżata mill-pubblikazzjoni kif ukoll għall-ksur ta’ interessi oħra.

(56)  Għall-kuntrarju, fil-każ eċċezzjonali li fih l-operatur Ġappuniż ikollu relazzjoni diretta mas-suġġett tad-data tal-UE, dan tipikament ikun konsegwenza li dan ikun iffoka fuq l-individwu fl-Unjoni Ewropea billi offrilu oġġetti jew servizzi jew billi ssorvelja l-imġiba tiegħu. F’dan ix-xenarju, l-operatur Ġappuniż jaqa’ huwa stess taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679 (Artikolu 3(2)) u b’hekk ikollu jikkonforma b’mod dirett mad-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

(57)  Skont l-Artikolu 65 tal-APPI, l-għoti ta’ sensja kontra r-rieda tal-Kummissarju rispettiv ikun possibbli biss fuq il-bażi ta’ waħda mir-raġunijiet li ġejjin biss: (i) il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment; (ii) kundanna għal ksur tal-APPI jew tal-Att dwar l-Użu tan-Numri; (Iii) kundanna għall-iskontar ta’ sentenza priġunerija mingħajr xogħol jew ta' sentenza saħansitra aktar severa; (iv) inkapaċità ta’ twettiq tad-dmirijiet minħabba disturb mentali jew fiżiku jew imġiba ħażina.

(58)  Ara l-Artikolu 62 tal-APPI.

(59)  Pereżempju, ċerti dispożizzjonijiet jikkonċernaw azzjonijiet tal-PIHBO li huma fakultattivi (Artikoli 32, 33 tal-APPI), jew obbligi tal-“aħjar sforz” li minnhom infushom mhumiex infurzabbli (Artikoli 31, 35, 36(6) u 39 tal-APPI). Ċerti dispożizzjonijiet mhumiex indirizzati lill-PIHBO iżda lil atturi oħra. Dan hu l-każ, pereżempju, fir-rigward tal-Artikoli 23(4), 26(2) u 34 tal-APPI (madankollu, l-infurzar tal-Artikolu 26(2) tal-APPI hu żgurat permezz tal-possibbiltà ta’ informar lill-prosekutur li l-parti terza wettqet reat skont l-Artikolu 88(i) tal-APPI).

(60)  Barra minn hekk, kif spjegat aktar ’il fuq fil-premessa (48), f’kuntest ta’ trasferiment l-“iskop tal-użu” jkun speċifikat mill-esportatur tad-data tal-UE, li f’dan ir-rigward ikun marbut bl-obbligu skont l-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament (UE) 2016/679. Dan l-obbligu hu infurzabbli mid-DPA kompetenti fl-Unjoni Ewropea.

(61)  Att Nru 50 tal-5 ta’ Ġunju 2009.

(62)  Att Nru 60 tat-22 ta’ Awwissu 2012.

(63)  L-Artikolu 709 tal-Kodiċi Ċivili hu l-bażi ewlenija għal-litigazzjoni ċivili għad-danni. Skont din id-dispożizzjoni, “persuna li tkun kisret b’mod intenzjonali jew b’negliġenza kwalunkwe dritt ta’ oħrajn, jew l-interess legalment protett ta’ oħrajn, għandha tkun responsabbli biex tikkumpensa kwalunkwe dannu li jirriżulta bħala konsegwenza”.

(64)  Il-Qorti Superjuri ta’ Tokyo, sentenza tal-20 ta’ Mejju 2015 (mhux ippubblikata); Il-Qorti Distrettwali ta’ Tokyo, sentenza tat-8 ta’ Settembru 2014, Westlaw Japan 2014WLJPCA09088002. Ara wkoll l-Artikolu 34(1), (3) tal-APPI.

(65)  Ara l-Qorti Suprema, sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002 (Hanrei Times vol. 1106, p.72).

(66)  L-Artikolu 239 (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

(67)  Att Nru 160 tal-2014.

(68)  Artikolu 37-2 tal-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi.

(69)  Skont l-Artikolu 3(6) tal-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi, it-terminu “kawża mandamus” jirreferi għal kawża li titlob ordni mingħand il-qorti kontra aġenzija amministrattiva biex tagħmel dispożizzjoni amministrattiva oriġinali li “missha” għamlet iżda m’għamlitx.

(70)  Artikolu 37-5 tal-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi.

(71)  Kapitolu II, Taqsima 1 tal-Att dwar il-Litigazzjoni f’Każijiet Amministrattivi.

(72)  Ara, pereżempju, il-Qorti Suprema, sentenza tat-12 ta’ Settembru 2003, Kawża Nru 1656 (2002 (Ju)). B’mod partikolari, il-Qorti Suprema ddikjarat li “kull individwu għandu l-libertà li jipproteġi l-informazzjoni personali tiegħu milli tiġi żvelata lil parti terza jew milli tiġi ppubblikata mingħajr raġuni valida.”

(73)  Il-Qorti Suprema, sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008 (Juki-net).

(74)  “Kawża ġusta” teżisti biss meta l-individwu kkonċernat (suspettat, akkużat) jitqies li wettaq reat u t-tiftix u l-qbid ikunu neċessarji għall-investigazzjoni kriminali. Ara l-Qorti Suprema, sentenza tat-18 ta’ Marzu 1969, Kawża Nru 100 (1968 (Shi)).

(75)  Ara l-Artikolu 156 (1) tal-Regoli tal-Proċedura Kriminali.

(76)  Madankollu, ta’ min jinnota li l-Att tal-15 ta’ Ġunju 2017 dwar il-Piena għal Kriminalità Organizzata u għal Kontroll tar-Rikavati mill-Kriminalità joħloq reat ġdid li jikkriminalizza t-tħejjija ta’ atti ta’ terroriżmu u ċerti forom oħra ta’ kriminalità organizzata. L-investigazzjonijiet jistgħu jinfetħu biss f’każ ta’ suspett konkret, ibbażat fuq evidenza, li jkunu ssodisfati t-tliet kundizzjonijiet neċessarji kollha li jikkostitwixxu r-reat (involviment ta’ grupp tal-kriminalità organizzata, “att ta’ ppjanar” u “att ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni” tar-reat). Ara wkoll eż. l-Artikolu 38-40 tal-Att għall-Prevenzjoni ta’ Attivitajiet Sovversivi (Att Nru 240 tal-21 ta’ Lulju 1952).

(77)  L-Artikolu 15(8) tal-Gwida dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali fis-Settur tat-Telekomunikazzjoni.

(78)  Organi Amministrattivi kif definiti fl-Artikolu 2(1) tal-APPIHAO. Skont l-informazzjoni riċevuta mingħand il-gvern Ġappuniż, l-awtoritajiet pubbliċi kollha, ħlief il-Pulizija tal-Prefatturi, jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “Organi Amministrattivi”. Fl-istess ħin, il-Pulizija tal-Prefatturi topera fi ħdan il-qafas legali stabbilit mill-Ordinanzi Prefatturali għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (ara l-Artikolu 11 tal-APPI u l-Politika Bażika) li jistipulaw dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ informazzjoni personali ekwivalenti għall-APPIHAO. Ara l-Anness II, it-Taqsima I.B. Kif spjegat mill-PPC, skont “il-Politika Bażi” dawn l-Ordinanzi jkollhom jiġu emessi abbażi tal-kontenut tal-APPIHAO u l-MIC joħroġ notifiki biex il-gvernijiet lokali jingħataw id-direzzjonijiet neċessarji f’dan ir-rigward. Kif enfasizzat mill-PPC “fi ħdan dawn il-limiti, l-ordinanza dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali f’kull prefettura għandha tiġi stabbilita […] abbażi tal-Politika Bażika u l-kontenut tal-notifiki.”

(79)  Informazzjoni personali miksuba minn uffiċjali ta’ Organu Amministrattiv matul l-eżerċizzju ta’ dmirijiethom u miżmuma mit-tali Organu Amministrattiv għal użu organizzazzjonali taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “Informazzjoni Personali Miżmuma” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tal-APPIHAO, dment li tkun reġistrata f’“Dokumenti Amministrattivi”. Din tinkludi informazzjoni elettronika miġbura u mbagħad proċessata ulterjorment mit-tali korpi, peress li d-definizzjoni ta’ “Dokumenti Amministrattivi” fl-Artikolu 2(2) tal-Att dwar l-Aċċess għal Informazzjoni Miżmuma minn Organi Amministrattivi (Att Nru 42 tal-1999) tkopri rekords elettromanjetiċi.

(80)  Madankollu, skont l-Artikolu 53-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-Kapitolu IV tal-APPIHAO hu eskluż għal “dokumenti relatati ma’ proċessi”, li, skont l-informazzjoni riċevuta, jinkludu informazzjoni elettronika miksuba fuq il-bażi ta’ madat jew ta’ talba għal kooperazzjoni volontarja bħala parti minn investigazzjoni kriminali. Bl-istess mod, rigward informazzjoni miġbura fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, l-individwi mhux se jkunu jistgħu jinvokaw b’suċċess drittijiethom skont l-APPIHAO jekk il-kap tal-awtorità pubblika jkollu “motivazzjonijiet raġonevoli” biex iqis li l-iżvelar “aktarx li jikkawża ħsara għas-sigurtà nazzjonali” (ara l-Artikolu 14(iv)). Minkejja dan, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li tal-anqas jiżvelaw b’mod parzjali kull meta jkun possibbli (Artikolu 15).

(81)  Ara r-referenzi speċifiċi għall-APPIHAO fl-Anness II, it-Taqsima II.A.1)(b)(2).

(82)  Filwaqt li l-Artikolu 220 tas-CCP jawtorizza tiftix u qbid “fuq il-post” mingħajr mandat meta prosekutur pubbliku, assistent ta’ prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jarresta suspettat/trasgressur flagranti, dan mhuwiex rilevanti f’kuntest ta’ trasferiment u, b’hekk, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

(83)  Skont l-Artikolu 222(1) flimkien mal-Artikolu 110 tas-CCP, il-mandat għal tiftix/qbid għal rekords irid jintwera lill-persuna li tkun is-suġġett tal-miżura.

(84)  Ara wkoll l-Artikolu 189(2) tas-CCP, li skont dan uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja għandu jinvestiga t-trasgressur u l-evidenza tat-trasgressjoni “fejn iqis li seħħ reat”. Bl-istess mod, l-Artikolu 155(1) tar-Regoli tal-Proċedura Kriminali jeħtieġ li talba bil-miktub għal mandat, fost l-oħrajn, ikun fiha “r-reat tal-akkuża” u “sommarju tal-fatti tar-reat”.

(85)  L-Anness jirreferi għal 9 tipi ta’ reati, eż. reati relatati ma’ drogi u ma’ armi tan-nar, mat-traffikar tal-bnedmin u mal-qtil organizzat. Ta’ min jinnota li r-reat introdott ġdid tat-“tħejjija ta’ atti ta’ terroriżmu u ta’ reati organizzati oħra” (ara n-nota 76) mhuwiex inkluż f’din il-lista restrittiva.

(86)  Barra minn hekk, skont l-Artikolu 23 tal-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi, l-awtorità tal-investigazzjoni trid tinnotifika lill-individwu li l-komunikazzjonijiet tiegħu jkunu ġew interċettati (u b’hekk inklużi fir-rekord tal-interċettazzjonijiet) b’dan il-fatt bil-miktub.

(87)  Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.1)(b)(1).

(88)  Skont l-informazzjoni riċevuta, l-operaturi ta’ negozji li jonqsu milli jikkooperaw ma jaffaċċjawx konsegwenzi negattivi (inklużi sanzjonijiet) skont xi liġi. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.2)(a).

(89)  Skont il-Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni tar-Regoli Ġenerali), l-Artikolu 23(1)(i) jipprovdi l-bażi għall-iżvelar ta’ informazzjoni personali kemm b’rabta ma’ mandat (Artikolu 218 tas-CCP) kif ukoll b’rabta ma’ “formola ta’ inkjesta” (Artikolu 197(2) tas-CCP).

(90)  Dan ifisser li l-“formola ta’ inkjesta” tista’ tintuża biss biex tinġabar informazzjoni f’każijiet individwali u mhux għal kwalunkwe ġbir ta’ data personali fuq skala kbira. Ara wkoll l-Anness II, it-Taqsima I.A.2)(b)(1).

(91)  Minbarra r-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza Pubblika fil-Prefatturi, ara l-Artikolu 189(1) tas-CCP.

(92)  Ara wkoll l-Artikolu 3 tal-Liġi dwar il-Pulizija, li skont dan il-ħalfa li jiddikjaraw l-uffiċjali kollha tal-pulizija “trid tkun leali għall-obbligu li jiddefendu u jinfurzaw il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tal-Ġappun, u jwettqu dmirijiethom b’mod imparzjali, ekwitabbli, ġust u mingħajr preġudizzju.”

(93)  Skont l-Artikoli 30(1) u 31(2) tal-Liġi dwar il-Pulizija, id-Direttur Ġenerali tal-Bureaus tal-Pulizija Reġjonali (fergħat lokali tal-NPA) għandhom “jidderieġu u jissorveljaw” il-Pulizija tal-Prefatturi.

(94)  Il-formola ta’ inkjesta trid tispeċifika wkoll l-informazzjoni ta’ kuntatt ta’ min jimmaniġġjaha (“isem it-taqsima [kariga], isem min jimmaniġġjaha, in-numru tat-telefown tal-uffiċċju, in-numru tal-estensjoni, eċċ.”).

(95)  Il-Qorti Suprema, sentenza tal-24 ta’ Diċembru 1969 (1965(A) 1187); sentenza tal-15 ta’ April 2008 (2007(A) 839).

(96)  Filwaqt li dawn is-sentenzi ma kinux jikkonċernaw il-ġbir ta’ informazzjoni elettronika, il-gvern Ġappuniż iċċara li l-applikazzjoni tal-kriterji żviluppati mill-Qorti Suprema testendi għal kwalunkwe interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi bid-dritt għall-privatezza, inkluż għall-“investigazzjonijiet volontarji” kollha, u b’hekk il-kriterji jorbtu lill-awtoritajiet Ġappuniżi anki meta jagħmlu talbiet għall-iżvelar volontarju ta’ informazzjoni. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.2)(b)(1).

(97)  Skont l-informazzjoni li daħlet, dawn il-fatturi jridu jitqiesu “raġjonevoli skont konvenzjonijiet soċjalment aċċettati.” Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.2)(b)(1).

(98)  Għal kunsiderazzjonijiet simili fil-kuntest tal-investigazzjonijiet obbligatorji (l-interċezzjonijiet telefoniċi) ara wkoll il-Qorti Suprema, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, 1997 (A) 636.

(99)  F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ġappuniżi indikaw il-Linji Gwida tal-PPC (Edizzjoni tar-Regoli Ġenerali) u l-punt 5/14 tal-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet imħejjija mill-PPC għall-applikazzjoni tal-APPI. Skont l-awtoritajiet Ġappuniżi, “fid-dawl tas-sensibilizzazzjoni dejjem akbar fost l-individwi dwar id-drittijiet tal-privatezza tagħhom, kif ukoll fid-dawl tal-volum tax-xogħol maħluq mit-tali talbiet, l-operaturi ta’ negozji qed joqogħdu dejjem aktar attenti qabel ma jwieġbu t-tali talbiet”. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.2) anki b’referenza għan-Notifika tal-1999 mill-NPA. Skont l-informazzjoni riċevuta, tabilħaqq kien hemm każijiet li fihom l-operaturi ta’ negozji rrifjutaw milli jikkooperaw. Pereżempju, fir-rapport tagħha tal-2017 dwar it-trasparenza, LINE (l-aktar app tal-messaġġi popolari fil-Ġappun) tiddikjara dan li ġej “Wara li nirċievu talbiet mingħand aġenziji investigattivi, eċċ., aħna […] nivverifikaw l-idoneità mill-perspettivi ta’ legalità, ta’ protezzjoni tal-utenti, eċċ. F’din il-verifika, aħna nirrifjutaw it-talba f’dak il-mument jekk ikun hemm nuqqas legali. Jekk l-ambitu tat-talba jkun wiesa’ wisq għall-fini tal-investigazzjoni, aħna nitolbu spjegazzjoni mingħand l-aġenzija tal-investigazzjoni. Jekk l-ispjegazzjoni ma jkollhiex raġuni, aħna ma nwiġbux għal dik it-talba.” Disponibbli fuq l-internet hawnhekk: https://linecorp.com/en/security/transparency/top

(100)  Il-pieni huma 3 snin priġunerija b’ordni ta’ xogħol jew multa ta’ mhux aktar minn 2 miljun yen għal kwalunkwe persuna “attiva fin-negozju tat-telekomunikazzjoni”.

(101)  “Atti ġustifikabbli” skont il-Kodiċi Penali huma b’mod partikolari dawk l-atti ta’ operatur tat-telekomunikazzjoni li bihom jikkonforma mal-miżuri tal-Istat li għandhom saħħa legali (miżuri obbligatorji), pereżempju meta l-awtoritajiet ta’ investigazzjoni jieħdu miżuri fuq il-bażi ta’ mandat maħruġ minn imħallef. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.2)(b)(2), b’referenza għal-Linji Gwida dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali fin-Negozju tat-Telekomunikazzjoni.

(102)  Rigward id-drittijiet tal-individwi kkonċernati, ara t-Taqsima 3.1.

(103)  Fil-prinċipju, prosekutur pubbliku – jew l-uffiċjal assistent tal-prosekutur pubbliku taħt l-ordnijiet ta’ prosekutur pubbliku – jista’, jekk iqis li jkun hemm bżonn, jinvestiga reat (Artikolu 191(1) tas-CCP).

(104)  Skont l-informazzjoni riċevuta, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija ma tagħmilx investigazzjonijiet kriminali individwali. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.A.1)(a).

(105)  Ara wkoll l-Artikolu 246 tas-CCP, li skont dan il-pulizija ġudizzjarja hi obbligata tibgħat il-fajl tal-każ lill-prosekutur pubbliku ladarba tagħmel l-investigazzjoni f’reat kriminali (“Il-prinċipju ta’ trażmissjoni fil-każijiet kollha”).

(106)  Inkella, id-Diet jista’ jitlob li l-Bord ta’ Sorveljanza u ta’ Rieżami ta’ Sigrieti Magħżula b’mod Speċjali jagħmel investigazzjoni fir-rifjut ta’ tweġib. Ara l-Artikolu 104-II tal-Liġi dwar id-Diet.

(107)  Ara l-Anness II, it-Taqsima II.B.4).

(108)  Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100 tal-Att dwar l-Awtonomija Lokali, l-assemblea lokali jkollha l-awtorità li tinvestiga l-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar stabbiliti f’livell ta’ prefettura, inkluż il-Pulizija tal-Prefetturi.

(109)  Ara l-Artikoli 39-41 tal-Liġi dwar il-Pulizija. Rigward in-newtralità politika, ara wkoll l-Artikolu 42 tal-Liġi dwar il-Pulizija.

(110)  Ara l-Anness II, Taqsima II.B.3) (“sistema tal-kunsilli indipendenti”).

(111)  Ara l-Artikoli 5(3) u 38(3) tal-Liġi dwar il-Pulizija.

(112)  Ara l-Artikoli 38(3), 43-2(1) tal-Att dwar il-Pulizija. F’każ li din “tagħti direzzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 43-2(1), il-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefattura tista’ tordna lil kumitat nominat mill-Kummissjoni biex jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha (paragrafu 2). Barra dan, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda azzjoni dixxiplinari jew tkeċċija tal-Kap tal-Pulizija tal-Prefattura (Artikolu 50(2)), kif ukoll ta’ uffiċjali oħra tal-pulizija (Artikolu 55(4) tal-Liġi dwar il-Pulizija).

(113)  L-istess japplika għas-Supretendent Ġenerali fil-każ tal-Pulizija Metropolitana ta’ Tokyo (ara l-Artikolu 48(1) tal-Liġi dwar il-Pulizija).

(114)  Skont l-informazzjoni riċevuta, f’FY2017 (April 2017 sa Marzu 2018), b’kollox iċ-“ċentri ta’ informazzjoni komprensiva” mmaniġġjaw 5,186 domanda mingħand individwi.

(115)  Il-kundizzjoni ta’ “żvantaġġ speċifiku” tissuġġerixxi biss li l-ilmentatur jeħtieġ ikun ikkonċernat individwalment mill-imġiba tal-pulizija (jew l-inazzjoni), mhux li huwa għandu juri xi ħsara.

(116)  L-osservanza tal-liġi, inklużi rekwiżiti legali għall-ġbir u l-użu ta’ data personali, hija parti minn dawn id-dmirijiet. Ara l-Artikoli 2(2), 3 tal-Liġi dwar il-Pulizija.

(117)  Meta twettaq l-evalwazzjoni tagħha, il-PPC tikkoopera mal-MIC li, kif spjegat fil-premessa 136, jista’ jitlob is-sottomissjoni ta’ spjegazzjonijiet u ta’ materjali, u joħroġ opinjonijiet, rigward l-immaniġġjar ta’ informazzjoni personali mill-Organu Amministrattiv rispettiv (Artikoli 50, 51 tal-APPIHAO).

(118)  Dan jinkludi mandat li jawtorizza interċettazzjoni telefonika, li għalih l-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi jistipula rekwiżit speċifiku ta’ notifika (Artikolu 23). Skont dik d-dispożizzjoni, l-awtorità tal-investigazzjoni trid tinnotifika lill-individwi li l-komunikazzjonijiet tagħhom ikunu ġew interċettati (u b’hekk inklużi fir-rekord tal-interċettazzjonijiet) b’dan il-fatt bil-miktub. Eżempju ieħor hu l-Artikolu 100(3) tas-CCP li skont dan il-qorti, meta tkun qabdet oġġetti postali jew telegrammi mibgħuta lill-akkużat jew minnu, għandha tinnotifika lill-mittent jew lir-riċevitur sakemm ma jkunx hemm riskju li t-tali notifika tkun ta’ xkiel għall-proċeduri tal-qorti. L-Artikolu 222(1) tas-CCP jagħmel referenza kroċjata għal din id-dispożizzjoni għal tiftixiet u għal qbid imwettqa minn awtorità tal-investigazzjoni.

(119)  Filwaqt li talba bħal din m’għandhiex l-effett awtomatiku ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ qbid, il-qorti tar-rieżami tista’ tordna s-sospensjoni sakemm tieħu deċiżjoni dwar is-sustanza. Ara l-Artikoli 429(2), 432 flimkien mal-Artikolu 424 tas-CCP.

(120)  Ara l-Anness II, it-Taqsima II.C(1).

(121)  Ara l-Anness II, it-Taqsima II.C.2).

(122)  Ara, eż., il-Qorti Distrettwali ta’ Tokyo, sentenza tal-24 ta’ Marzu 1988 (Nru 2925); Il-Qorti Distrettwali ta’ Osaka, sentenza tas-26 ta’ April 2007 (Nru 2925). Skont il-Qorti Distrettwali ta’ Osaka, ikun hemm bżonn li jinstab bilanċ bejn numru ta’ fatturi, bħal pereżempju: (i) in-natura u l-kontenut tal-informazzjoni personali inkwistjoni; (ii) il-mod li bih inġabret; (iii) l-iżvantaġġi għall-individwu f’każ li l-informazzjoni ma titħassarx; u (iv) l-interess pubbliku, inklużi l-iżvantaġġi għall-awtorità pubblika f’każ li l-informazzjoni titħassar.

(123)  Fi kwalunkwe każ, wara l-bidu ta’ proċedimenti kriminali l-akkużat għandu jingħata l-opportunità mill-prosekuzzjoni li jispezzjona dik l-evidenza (ara l-Artikoli 298-299 tas-CCP). Rigward il-vittmi ta’ reati, ara l-Artikoli 316-333 tas-CCP.

(124)  Għaldaqstant, l-operaturi ta’ negozji jistgħu jagħżlu liberament li ma jikkooperawx, mingħajr ebda riskju ta’ sanzjoni jew ta’ konsegwenzi negattivi oħra. Ara l-Anness II, it-Taqsima III.A.1).

(125)  Madankollu, skont l-informazzjoni riċevuta, ir-rwol ewlieni tal-NPA hu li tikkoordina l-investigazzjonijiet mid-diversi dipartimenti tal-Pulizija tal-Prefetturi u li tiskambja informazzjoni ma’ awtoritajiet barranin. Anki f’dan ir-rwol, l-NPA hija suġġetta għal superviżjoni mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sigurtà Pubblika, responsabbli fost l-oħrajn għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi (Artikolu 5(1) tal-Liġi tal-Pulizija).

(126)  Ara l-Anness II, it-Taqsima III.A.1)(3). Il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn iż-żewġ liġijiet hu limitat, bis-SAPA li tirreferi għal “attivitajiet sovversivi terroristiċi” u l-ACO għall-“att ta’ omiċidju volontarju indiskriminat tal-massa” (li jfisser “attività sovversiva terroristika” skont is-SAPA “li permezz tiegħu numru kbir ta’ persuni jinqatlu b’mod indiskriminat”).

(127)  Ara l-Artikoli 5, 8 tal-ACO. Dispożizzjoni tas-sorveljanza tinvolvi obbligu ta’ rapportar għall-organizzazzjoni kkonċernata mill-miżura wkoll. Għas-salvagwardji proċedurali, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni tal-Eżami tas-Sigurtà Pubblika, ara l-Artikoli 12, 13, 15-27 tal-ACO.

(128)  Ara l-Artikoli 5, 7 tal-SAPA. Għas-salvagwardji proċedurali, b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni tal-Eżami tas-Sigurtà Pubblika, ara l-Artikoli 11-25 tal-SAPA.

(129)  Ara l-Artikolu 27 tal-SAPA u l-Artikoli 29, 30 tal-ACO.

(130)  Ara l-Anness II, it-Taqsima III.A.1)(3).

(131)  Ara l-Anness II, it-Taqsima III.A.2)(b): “Jirriżula mill-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li, sabiex tiġi indirizzata talba għal kooperazzjoni volontarja lil operatur tan-negozju, tali talba trid tkun meħtieġa għall-investigazzjoni ta’ reat suspettat u trid tkun raġonevoli sabiex jinkiseb l-iskop tal-investigazzjoni. Għad li l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet investigattivi fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali jvarjaw mill-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet investigattivi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi rigward kemm il-bażi ġuridka tagħhom kif ukoll l-iskop, il-prinċipji ċentrali ta’ ‘neċessità għall-investigazzjoni’ u ‘xerqien tal-metodu’ japplikaw b’mod simili fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali u jridu jiġu rispettati b’kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.”

(132)  Ara l-Anness II, it-Taqsima III.A.2)(b).

(133)  Ara, eż., l-Artikolu 36 tal-SAPA/l-Artikolu 31 tal-ACO (għall-PSIA).

(134)  Il-kap tal-IGO hu eks prosekutur pubbliku. Ara l-Anness II, it-Taqsima III.B.3).

(135)  Ara l-Anness II, it-Taqsima III.B.3. Skont l-eżempju pprovdut, l-Ispezzjoni Regolari tad-Difiża fl-2016 fir-rigward tal-“Kuxjenza/Stat ta’ Tħejjija għall-Konformità Legali” fost affarijiet oħra kopriet “l-istatus tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali” (immaniġġjar, ħżin, eċċ.). Ir-rapport li rriżulta sab każijiet ta’ mmaniġġjar inadatt tad-data u sejjaħ għal titjib f’dan ir-rigward. L-MOD ippubblika r-rapport permezz tas-sit web tiegħu.

(136)  Skont l-Att dwar l-Istabbiliment tal-Kummissjoni tal-Eżami tas-Sigurtà Pubblika, il-President u l-membri tal-Kummissjoni “għandhom jeżerċitaw l-awtorità tagħhom b’mod indipendenti” (l-Artikolu 3). Huma maħtura mill-Prim Ministru bil-kunsens taż-żewġt Ikmamar tad-Diet u jistgħu jintbagħtu biss “”(eż. priġunerija, imġiba ħażina, disturb mentali jew fiżiku, ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment)

(137)  Ir-Regolament tal-Ispezzjoni Perjodika tal-Aġenzija tal-Intelliġenza tas-Sigurtà Pubblika (Direttur Ġenerali tal-PSIA, Struzzjoni Nru 4, 1986).

(138)  Ir-Regolament tal-Ispezzjoni Speċjali tal-Aġenzija tal-Intelliġenza tas-Sigurtà Pubblika (Direttur Ġenerali tal-PSIA, Struzzjoni Nru 11, 2008). Spezzjonijiet speċjali jitwettqu meta d-Direttur Ġenerali tal-PSIA jqis li dawn ikunu neċessarji.

(139)  Dan jirreferi għad-dritt li tiġi riċevuta kopja tal-“Informazzjoni Personali Miżmuma”.

(140)  Ara wkoll il-possibbiltà għal “żvelar diskrezzjonali” anki f’każ li fih “Informazzjoni Mhux għall-Iżvelar” tkun inkluża fl-“Informazzjoni Personali Miżmuma” li għaliha jitfittex l-iżvelar (Artikolu 16 tal-APPIHAO).

(141)  L-Att dwar ir-Rieżami tal-Ilmenti Amministrattivi (Att Nru. 160 tal-2014), b’mod partikolari l-Artikolu 1(1).

(142)  Ara l-Artikolu 9 tal-Att għall-Istabbiliment tal-Bord għar-Rieżami tal-Iżvelar tal-Informazzjoni u għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali (Att Nru 60 tal-2003).

(143)  Skont l-informazzjoni riċevuta, fit-13-il sena mill-2005 (meta daħal fis-seħħ l-APPIHAO), f’żewġ każijiet biss f’aktar minn 2,000 l-Organu Amministrattiv ma segwiex ir-rapport, minkejja l-fatt li diversi drabi d-deċiżjonijiet amministrattivi kienu f’kontradizzjoni ma’ dak iddikjarat mill-Bord tar-Rieżami f’għadd ta’ okkażjonijiet. Barra minn hekk, meta l-Organu Amministrattiv jieħu deċiżjoni li ma tkunx konformi mas-sejbiet fir-rapport, huwa għandu jindika b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex qed jagħmel dan. Ara l-Anness II, it-Taqsima III.C, b’referenza għall-Artikolu 50(1), il-punt (iv) tal-Att dwar ir-Rieżami tal-Ilmenti Amministrattivi.

(144)  Iċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Komprensiva – wieħed f’kull prefettura – jipprovdu liċ-ċittadini bi spjegazzjonijiet dwar l-informazzjoni personali li tkun inġabret minn awtoritajiet pubbliċi (eż. bażijiet ta’ data eżistenti) u r-regoli applikabbli ta’ protezzjoni tad-data (APPIHAO), inkluż kif jiġu eżerċitati r-regoli għall-iżvelar jew is-sospensjoni tal-użu. Fl-istess ħin, iċ-ċentri jaħdmu bħala punt ta’ kuntatt għal mistoqsijiet/ilmenti miċ-ċittadini. Ara l-Anness II, it-Taqsima II.C.4)(a).

(145)  Ara wkoll l-Artikoli 10, 11 tal-APPIHAO dwar ir-“Reġistru tal-Fajl tal-Informazzjoni Personali”, li madankollu fihom eċċezzjonijiet wisgħin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ “Fajls ta’ Informazzjoni Personali” mħejjija jew miksuba għal investigazzjonijiet krimnali jew li fihom kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà u interessi importanti oħra tal-Istat (ara l-Artikolu 10(2), punti (i) u (ii), tal-APPIHAO).

(146)  Ara n-nota 3 f'qiegħ il-paġna ta' hawn fuq.

(147)  Schrems, il-paragrafu 76.

(148)  Schrems, il-paragrafu 65.

(149)  Schrems, il-punt 65: “F’dan ir-rigward, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jipprevedi rimedji sabiex l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kkonċernata tkun tista’ tinvoka l-ilmenti li hija tqis fondati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jressqu, fil-każ li jkollhom l-istess dubji bħal dawk ta’ din l-awtorità dwar il-validità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, talba għal deċiżjoni preliminari għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-imsemmija deċiżjoni.”

(150)  Skont l-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) 2016/679, “l-att ta’ implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, mill-inqas kull erba’ snin, li għandu jieħu kont tal-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali.”

(151)  L-Artikolu 45 (3) tar-Regolament (UE) 2016/679 jipprevedi li għandu jsir rieżami perjodiku tal-anqas kull erba’ snin. Ara wkoll EDPB, Adequacy Referential, WP 254 rev. 01.

(152)  Ara wkoll l-Anness II, Taqsima IV: “Fil-qafas tar-rieżami perjodiku tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, il-PPC u l-Kummissjoni Ewropea jiskambjaw informazzjoni dwar il-proċessar ta’ data skont il-kundizzjonijiet tal-konstatazzjoni ta’ adegwatezza, inklużi dawk stabbiliti f’din ir-Rappreżentazzjoni.”

(153)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(154)  L-opinjoni 28/2018 rigward l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni adegwata tad-data personali fil-Ġappun, adottata fil-5 ta’ Diċembru 2018.

(155)  Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2017“Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali” (2017/2065(INI)). Ara b’mod partikolari l-punt 8 (“…ifakkar li d-data personali tista’ tiġi trasferita lejn pajjiżi terzi mingħajr l-użu tad-dispożizzjonijiet ġenerali fil-ftehimiet kummerċjali meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti – kemm dawk fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni – minquxa […] fil-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679; jirrikonoxxi li d-deċiżjonijiet ta’ adegwatezza, inklużi dawk parzjali u dawk speċifiċi għas-settur, jikkostitwixxu mekkaniżmu fundamentali fir-rigward tas-salvagwardja tat-trasferiment ta’ data personali mill-UE lejn pajjiż terz; josserva li l-UE adottat biss deċiżjonijiet ta’ adegwatezza ma’ erbgħa minn fost l-akbar 20 sieħeb kummerċjali tagħha…”) u l-punt 9 (“Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità u tħaffef l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza, dment li l-pajjiżi terzi jiżguraw, permezz tad-dritt nazzjonali jew tal-impenji internazzjonali tagħhom, livell ta’ protezzjoni ‘sostanzjalment ekwivalenti’ għal dak garantit fi ħdan l-UE…”).

(156)  Il-Parlament Ewropew, ir-Riżoluzzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2018“Adegwatezza tal-protezzjoni tad-data personali mogħtija mill-Ġappun” (2018/2979(RSP)).


ANNESS 1

REGOLI SUPPLIMENTARI SKONT L-ATT DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-INFORMAZZJONI PERSONALI GĦAT-TRATTAMENT TAD-DATA PERSONALI TRASFERITA MILL-UE ABBAŻI TA' DEĊIŻJONI TA’ ADEGWATEZZA

Werrej

(1)

Informazzjoni personali li teħtieġ attenzjoni speċjali (l-Artikolu 2, il-paragrafu 3 tal-Att) 38

(2)

Data personali miżmuma (l-Artikolu 2, il-paragrafu 7 tal-Att) 39

(3)

Speċifikazzjoni ta' fini ta' utilizzazzjoni, restrizzjoni minħabba fini ta' utilizzazzjoni (l-Artikolu 15, il-paragrafu 1, l-Artikolu 16, il-paragrafu 1 u l-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 3 tal-Att) 40

(4)

Restrizzjoni fuq il-forniment lil terz f'pajjiż barrani (l-Artikolu 24 tal-Att; l-Artikolu 11-2 tar-Regoli) 41

(5)

Informazzjoni pproċessata anonimament (l-Artikolu 2, il-paragrafu 9 u l-Artikolu 36, il-paragrafi 1 u 2 tal-Att) 41

[Termini]

“Att”

L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (Att Nru 57, 2003)

“Ordni tal-Kabinett”

L-Ordni tal-Kabinett biex Jinforza l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (Ordni tal-Kabinett Nru 507, 2003)

“Regoli”

Ir-Regoli tal-Infuzar għall-Att dwar il-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali (ir-Regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali Nru 3, 2016)

“Linji Gwida tar-Regoli Ġenerali”

Il-Linji Gwida għall-Att dwar il-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali (Volum dwar ir-Regoli Ġenerali) (Avviż tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali Nru 65, 2015)

“UE”

L-Unjoni Ewropea, inklużi l-Istati Membri tagħha u, fid-dawl tal-Ftehim taż-ŻEE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja

“GDPR”

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)

“deċiżjoni ta’ adegwatezza”

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li pajjiż terz jew territorju f'dak il-pajjiż terz, eċċ. jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni ta' data personali skont l-Artikolu 45 tal-GDPR

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali, sabiex ikun hemm trasferiment reċiproku u bla xkiel ta’ data personali bejn il-Ġappun u l-UE, innominat l-UE bħala pajjiż barrani li jistabbilixxi sistema ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali rikonoxxuta bħala li għandha standards ekwivalenti għal dawk fil-Ġappun fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi abbażi tal-Artikolu 24 tal-Att u l-Kummissjoni Ewropea, fl-istess ħin, iddeċidiet li l-Ġappun jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni ta’ data personali b'konformità mal-Artikolu 45 tal-GDPR.

Minn hawn 'il quddiem, it-trasferiment reċiproku u bla xkiel ta’ data personali bejn il-Ġappun u l-UE se jitmexxa b'mod li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-individwu. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni fir-rigward tal-informazzjoni personali li tasal mill-UE abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza u fid-dawl tal-fatt li, minkejja grad għoli ta’ konverġenza bejn iż-żewġ sistemi, hemm xi differenzi rilevanti, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali adottat dawn ir-Regoli Supplementari, ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Att li jikkonċerna l-implimentazzjoni eċċ. tal-kooperazzjoni mal-gvernijiet f’pajjiżi oħrajn u bil-ħsieb li jiġi żgurat it-trattament xieraq tal-informazzjoni personali li tasal mill-UE abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza minn operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali u implimentazzjoni xierqa u effettiva tal-obbligi stabbiliti f’dawn ir-regoli (1).

B’mod partikolari, l-Artikolu 6 tal-Att jipprevedi s-setgħa li tittieħed azzjoni leġiżlattiva u azzjonijiet oħrajn neċessarji bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni msaħħa tal-informazzjoni personali u li tinbena sistema li tista' tkun internazzjonalment konformi li tikkonċerna informazzjoni personali permezz ta’ regoli aktar stretti li jissupplimentaw u li jmorru lil hinn minn dawk stabbiliti fl-Att u fl-Ordni tal-Kabinett. Għalhekk, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali, bħala l-awtorità kompetenti li tirregola l-amministrazzjoni ġenerali tal-Att, għandha s-setgħa li tistabbilixxi, skont l-Artikolu 6 tal-Att, regolamenti aktar stretti billi tifformula r-Regoli Supplimentari ta' bħalissa li jipprevedu livell ogħla ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ individwu fir-rigward tat-trattament ta’ data personali li tasal mill-UE abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza, inkluż fir-rigward tad-definizzjoni ta’ informazzjoni personali li teħtieġ attenzjoni speċjali skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 3, tal-Att u data personali miżmuma skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 7, tal-Att (inkluż fir-rigward tal-perjodu taż-żamma rilevanti).

Abbażi ta' dan, ir-Regoli Supplimentari huma vinkolanti fuq operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali, li jirċievi data personali trasferita mill-UE abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza li għalhekk tkun meħtieġa tikkonforma magħhom. Bħala regoli legalment vinkolanti, kull dritt u obbligu huwa infurzabbli mill-Kummissjoni tal-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali bl-istess mod li huma infurzabbli d-dispożizzjonijiet tal-Att li jissupplimentaw b'regoli aktar stretti u / jew aktar dettaljati. F’każ ta’ ksur tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-Regoli Supplimentari, l-individwi jistgħu wkoll jiksbu rimedju mill-qrati bl-istess mod li jistgħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Att li jissupplimentaw b’regoli aktar stretti u / jew aktar dettaljati.

Fir-rigward tal-infurzar mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali, f’każ li operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali ma jikkonformax ma’ obbligu wieħed jew ma' bosta obbligi skont ir-Regoli Supplimentari, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali għandha s-setgħa li tadotta miżuri skont l-Artikolu 42 tal-Att. Rigward informazzjoni ġeneralment personali li tasal mill-UE abbażi ta' deċiżjoni ta’ adegwatezza, nuqqas minn operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali milli jieħu azzjoni b'konformità ma' rakkomandazzjoni li tasallu skont l-Artikolu 42, il-paragrafu 1, tal-Att, mingħajr raġuni leġittima (2), huwa kkunsidrat bħala ksur serju ta’ natura imminenti tad-drittijiet u l-interessi ta’ individwu skont it-tifsira tal-Artikolu 42, il-paragrafu 2, tal-Att.

(1)   Informazzjoni personali li teħtieġ attenzjoni speċjali (l-Artikolu 2, il-paragrafu 3 tal-Att)

L-Artikolu 2, (il-paragrafu 3), tal-Att

3

Informazzjoni personali li teħtieġ attenzjoni speċjali" f'dan l-Att tfisser informazzjoni personali li tinkludi r-razza, it-twemmin, l-istatus soċjali, l-istorja medika, ir-rekord kriminali, il-fatt li wieħed ikun sofra dannu minħabba att kriminali, jew deskrizzjonijiet oħrajn, eċċ. stabbilita minn ordni tal-kabinett bħala dik li t-trattament tagħha jkun jeħtieġ attenzjoni speċjali sabiex ma jiġux ikkawżati diskriminazzjoni inġusta, preġudizzju jew żvantaġġi oħrajn lis-suġġett tad-data.

L-Artikolu 2 tal-Ordni tal-Kabinett

Dawk id-deskrizzjonijiet eċċ. stabbiliti minn ordni tal-kabinett skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 3 tal-Att għandhom ikunu dawk id-deskrizzjonijiet, eċċ. li fihom xi waħda minn dawn il-kwistjonijiet stabbiliti f’dan li ġej (esklużi dawk koperti mill-istorja medika jew mir-rekord kriminali tas-suġġett tad-data)

(i)

il-fatt li jkun hemm diżabilitajiet fiżiċi, diżabilitajiet intellettwali, diżabilitajiet mentali (inklużi diżabilitajiet żviluppatorji), jew diżabilitajiet funzjonali fiżiċi u mentali oħrajn stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali;

(ii)

ir-riżultati ta' eżami mediku jew eżami ieħor (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “eżami mediku eċċ.” fil-punt li jmiss) għall-prevenzjoni u d-detezzjoni bikrija ta’ marda mwettaq fuq suġġett tad-data minn tabib jew persuna oħra bi dmirijiet relatati mal-mediċina (minn hawn 'il quddiem “tabib eċċ.” fil-punt li jmiss);

(iii)

il-fatt li tabib eċċ. ikun ta gwida għat-titjib tal-kundizzjonijiet mentali u fiżiċi, jew kura medika jew riċetta lil suġġett tad-data abbażi tar-riżultati ta' eżami mediku eċċ. jew għal raġuni ta' mard, korriment jew bidliet fiżiċi u mentali oħrajn;

(iv)

il-fatt li jkun sar arrest, tfittxija, sekwestru, detenzjoni, istituzzjoni ta’ prosekuzzjoni jew proċeduri oħra relatati ma’ kawża kriminali fil-konfront ta' suġġett tad-data bħala suspettat jew intimat;

(v)

il-fatt li tkun saret investigazzjoni, miżura għal osservazzjoni u protezzjoni, smigħ u deċiżjoni, miżura protettiva jew proċeduri oħra relatati ma’ kawża ta’ protezzjoni ta' minorenni kontra suġġett tad-data bħala delinkwent minorenni jew persuna suspettata skont l-Artikolu 3, il-paragrafu 1 tal-Att dwar il-Minorenni.

L-Artikolu 5 tar-Regoli

Diżabilitajiet funzjonali fiżiċi u mentali stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali skont l-Artikolu 2, il-punt (i) tal-Ordni għandhom ikunu dawn id-diżabilitajiet stabbiliti kif ġej.

(i)

diżabilitajiet fiżiċi stabbiliti fit-tabella mehmuża tal-Att dwar il-Benessri tal-Persuni b’Diżabilitajiet Fiżiċi (l-Att Nru 283 tal-1949)

(ii)

diżabilitajiet intellettwali msemmija fl-Att dwar il-Benessri ta’ Persuni b’Diżabilitajiet Intellettwali (l-Att Nru 37 tal-1960)

(iii)

diżabilitajiet mentali msemmija fl-Att dwar is-Saħħa Mentali u l-Benessri tal-Persuni b’Diżabilitajiet Mentali (l-Att Nru 123 tal-1950) (inklużi diżabilitajiet żviluppatorji stabbiliti fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 tal-Att dwar l-Appoġġ għal Persuni b’Diżabilitajiet Żviluppatorji, u bl-esklużjoni ta’ diżabilitajiet intellettwali skont l-Att dwar il-Benessri tal-Persuni b’Diżabilitajiet Intellettwali)

(iv)

marda li ma għandha l-ebda metodu ta’ kura stabbilit għaliha jew mard partikolari ieħor li s-severità tiegħu, kif stabbilit mill-ordni tal-kabinett skont l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 tal-Att dwar l-Appoġġ Komprensiv għall-Ħajja Soċjali u ta' Kuljum ta’ Persuni b’Diżabilitajiet (l-Att Nru 123 tal-2005), tkun daqs dawk stabbiliti mill-Ministru tas-Saħħa, ix-Xogħol u l-Benessri skont il-paragrafu msemmi

Jekk id-data personali li tasal mill-UE li tkun ibbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza tkun tinkludi data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali jew is-sħubija fi trade union ta’ persuna fiżika, li tkun definita bħala kategoriji speċjali ta’ data personali skont il-GDPR, l-operaturi tan-negozju li jittrattaw informazzjoni personali jkunu meħtieġa jittrattaw dik id-data personali bl-istess mod bħall-informazzjoni personali li teħtieġ attenzjoni speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 3 tal-Att.

(2)   Data personali miżmuma (l-Artikolu 2, il-paragrafu 7 tal-Att)

L-Artikolu 2 (il-paragrafu 7) tal-Att

(7)

Data personali miżmuma” f'dan l-Att tfisser data personali li operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali jkollu l-awtorità li jiżvelaha, jikkoreġiha, iżid jew iħassar il-kontenut tagħha, itemm l-utilizzazzjoni tagħha, iħassarha, u jtemm il-forniment tagħha lil terzi, u li ma għandha tkun la dik stabbilita mill-ordni tal-kabinett bħala li x'aktarx toħloq dannu lill-pubbliku jew lil interessi oħrajn jekk tkun magħrufa l-preżenza jew l-assenza tagħha u lanqas dik li tkun se titħassar fi żmien ta' mhux iktar minn sena li tkun stabbilita b'Ordni tal-Kabinett.

L-Artikolu 4 tal-Ordni tal-Kabinett

Dik stabbilita mill-ordni tal-kabinett skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 7 għandha tkun dik stabbilita kif ġej.

(i)

dik li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tkun magħrufa l-preżenza jew l-assenza tal-imsemmija data personali, din tkun ta’ dannu għall-ħajja, għall-persuna jew għall-għajxien ta’ suġġett tad-data jew ta’ terz;

(ii)

dik li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tal-imsemmija data personali, tkun tħeġġeġ jew tinduċi att illegali jew inġust;

(iii)

dik li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tal-imsemmija data personali, toħloq problemi għas-sigurtà nazzjonali, teqred relazzjoni ta’ fiduċja ma’ pajjiż barrani jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali, jew iġġib żvantaġġ fin-negozjati ma’ pajjiż barrani jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali;

(iv)

dik li fir-rigward tagħha jkun hemm possibbiltà li jekk tiġi żvelata l-preżenza jew l-assenza tal-imsemmija data personali, tkun ta’ xkiel għaż-żamma tas-sikurezza u tal-ordni pubbliċi bħall-prevenzjoni, it-trażżin jew l-investigazzjoni ta’ reat.

L-Artikolu 5 tal-Ordni tal-Kabinett

Perjodu stabbilit minn Ordni tal-Kabinett skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 7 tal-Att għandu jkun ta' sitt xhur.

Data personali li tasal mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza trid tiġi ttrattata bħala data personali miżmuma skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 7 tal-Att, indipendentement mill-perjodu li tkun se titħassar fih.

Jekk data personali li tasal mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza tkun koperta mill-ambitu tad-data personali stabbilita minn Ordni tal-Kabinett bħala li “x'aktarx toħloq dannu lill-pubbliku jew lil interessi oħrajn jekk tkun magħrufa l-preżenza jew l-assenza tagħha,” dik id-data ma tkunx meħtieġa li tinżamm bħala data personali miżmuma (ara l-Artikolu 4 tal-Ordni tal-Kabinett; Linji Gwida tar-Regoli Ġenerali, “2-7. Data personali miżmuma”).

(3)   Speċifikazzjoni ta' fini ta' utilizzazzjoni, restrizzjoni minħabba fini ta' utilizzazzjoni (l-Artikolu 15, il-paragrafu 1, l-Artikolu 16, il-paragrafu 1 u l-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 3 tal-Att)

L-Artikolu 15 (il-paragrafu 1) tal-Att

(1)

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali għandu, meta jittratta informazzjoni personali, jispeċifika l-fini tal-utilizzazzjoni tal-informazzjoni personali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “fini ta' utilizzazzjoni”) bl-iktar mod espliċitu possibbli.

L-Artikolu 16 (il-paragrafu 1) tal-Att

1

Operatur tan-negozju li jittratta l-informazzjoni personali ma għandux jittratta informazzjoni personali mingħajr ma l-ewwel jikseb il-kunsens tas-suġġett tad-data, lil hinn mill-ambitu neċessarju biex jinkiseb fini tal-utilizzazzjoni speċifikat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu preċedenti.

L-Artikolu 26 (il-paragrafi 1 u 3) tal-Att

1

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali għandu, meta jirċievi l-forniment ta' data personali mingħand terz, jikkonferma dawn il-kwistjonijiet stabbiliti f'dan li ġej skont ir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali. (ommess)

(i)

(ommess)

(ii)

iċ-ċirkostanzi li dak it-terz ikun kiseb dik id-data personali fihom

3

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali għandu, meta jkun ikkonferma skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, iżomm rekord skont ir-regoli tal-Kummissjoni tal-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali dakinhar li jkun irċieva l-forniment ta’ data personali, tal-kwistjoni li tikkonċerna dik il-konferma, u ta' kwistjonijiet oħra stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni tal-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali.

Jekk operaturi tan-negozju li jittrattaw informazzjoni personali jittrattaw informazzjoni personali lil hinn mill-ambitu neċessarju biex jinkiseb fini ta' utilizzazzjoni speċifikat skont l-Artikolu 15, il-paragrafu 1 tal-Att, huma għandhom l-ewwel jiksbu l-kunsens tas-suġġett tad-data rilevanti (l-Artikolu 16, il-paragrafu 1 tal-Att). Meta jirċievu l-forniment ta' data personali mingħand terz, l-operaturi tan-negozju li jittrattaw informazzjoni personali, skont ir-Regoli, għandhom jikkonfermaw kwistjonijiet bħaċ-ċirkostanzi li dak it-terz ikun kiseb dik id-data personali fihom, u jirreġistra dawk il-kwistjonijiet (l-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 3 tal-Att).

Meta operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali jirċievi data personali mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza, iċ-ċirkostanzi li jirrigwardaw l-akkwiżizzjoni ta' dik id-data personali li għandhom ikunu kkonfermati u rreġistrati kif stabbilit fl-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 3, jinkludu l-fini tal-utilizzazzjoni li ngħatat għaliha mill-UE.

Bl-istess mod, meta operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali jirċievi data personali mingħand operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni ieħor li qabel tkun ġiet ittrasferita mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza, iċ-ċirkostanzi li jirrigwardaw l-akkwiżizzjoni tad-data personali msemmija li għandha tkun ikkonfermata u rreġistrata kif stabbilit fl-Artikolu 26 il-paragrafi 1 u 3, jinkludu l-fini tal-utilizzazzjoni li ngħatat għaliha.

Fil-każijiet imsemmija hawn fuq, l-operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali huwa meħtieġ jispeċifika il-fini tal-utilizzazzjoni ta' dik id-data personali fl-ambitu tal-fini tal-utilizzazzjoni li d-data kienet oriġinarjament jew sussegwentement ingħatat għaliha, kif ikkonfermat u rreġistrat skont l-Artikolu 26, il-paragrafi 1 u 3, u juża dik id-data f'dak l-ambitu (kif stabbilit mill-Artikoli 15, il-paragrafu 1 u l-Artikolu 16, il-paragrafu 1 tal-Att).

(4)   Restrizzjoni fuq il-forniment lil terz f'pajjiż barrani (l-Artikolu 24 tal-Att; l-Artikolu 11-2 tar-Regoli)

L-Artikolu 24 tal-Att

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali, ħlief f’dawk il-każijiet stabbiliti f’kull punt tal-Artikolu preċedenti, il-paragrafu 1, f’każ ta' forniment ta' data personali lil terz (għajr persuna li tistabbilixxi sistema li tikkonforma mal-istandards stabbiliti minn regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali kif meħtieġ biex kontinwament tittieħed azzjoni ekwivalenti għal dik li għandu jieħu operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali fir-rigward tat-trattament ta’ data personali skont id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima; minn hawn 'il quddiem l-istess f’dan l-Artikolu) f'pajjiż barrani (jiġifieri pajjiż jew reġjun li mhux fit-territorju tal-Ġappun; minn hawn 'il quddiem l-istess) (għajr dawk stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali bħala pajjiż barrani li jistabbilixxi sistema ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali rikonoxxuta li jkollha standards ekwivalenti għal dawk tal-Ġappun fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ individwu; minn hawn 'il quddiem l-istess f'dan l-Artikolu), għandu l-ewwel jikseb il-kunsens tas-suġġett tad-data b'tali mod li japprova li tingħata lil terz f'pajjiż barrani. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu preċedenti ma għandhomx japplikaw.

L-Artikolu 11-2 tar-Regoli

L-istandards stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali skont l-Artikolu 24 tal-Att iridu jkunu koperti minn kwalunkwe waħda minn dawn il-punti li ġejjin.

(i)

operatur tan-negozju li jittratta l-informazzjoni personali u persuna li tirċievi l-forniment ta’ data personali jkunu żguraw b’rabta mat-trattament tad-data personali mill-persuna li tirċievi l-forniment tal-implimentazzjoni tal-miżuri b'konformità mal-fini tad-dispożizzjonijiet skont il-Kapitolu IV, it-Taqsima 1 tal-Att b’metodu xieraq u raġonevoli

(ii)

persuna li tirċievi l-forniment ta’ data personali kisbet rikonoxximent ibbażat fuq qafas internazzjonali li jikkonċerna t-trattament ta’ informazzjoni personali

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali, f'każijiet fejn jagħti lil terz f'pajjiż barrani data personali li tkun waslet mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta' adegwatezza, għandu l-ewwel jikseb il-kunsens tas-suġġett tad-data b'tali mod li japprova l-forniment lil terz f'pajjiż barrani skont l-Artikolu 24 tal-Att, wara li jkun ipprovda informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tat-trasferiment neċessarju lis-suġġett tad-data biex jieħu deċiżjoni dwar il-kunsens tiegħu, għajr f'każijiet koperti minn waħda minn dawn li ġejjin minn (i) sa (iii).

(i)

meta t-terz ikun f'pajjiż stabbilit mir-Regoli bħala pajjiż barrani li jistabbilixxi sistema ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali rikonoxxuta li jkollha standards ekwivalenti għal dawk tal-Ġappun fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ individwu

(ii)

meta operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali u t-terz li jirċievi l-forniment ta’ data personali, fir-rigward tat-trattament ta’ data personali mit-terz, ikunu implimentaw flimkien miżuri li jipprovdu livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għall-Att, moqrija flimkien mar-Regoli preżenti, permezz ta’ metodu xieraq u raġonevoli (li jfisser kuntratt, forom oħra ta’ ftehimiet vinkolanti, jew arranġamenti vinkolanti fi grupp korporattiv).

(iii)

f'każijiet koperti minn kull punt tal-Artikolu 23, il-paragrafu 1 tal-Att

(5)   Informazzjoni pproċessata anonimament (l-Artikolu 2, il-paragrafu 9 u l-Artikolu 36, il-paragrafi 1 u 2 tal-Att)

L-Artikolu 2 (il-paragrafu 9) tal-Att

(9)

“Informazzjoni pproċessata anonimament” f'dan l-Att tfisser informazzjoni relatata ma’ individwu li tista’ tiġi prodotta mill-ipproċessar ta’ informazzjoni personali sabiex la tkun tista’ tidentifika individwu speċifiku billi tieħu azzjoni stabbilita f’kull punt li ġej b'konformità mal-oqsma ta’ informazzjoni personali stabbiliti f’kull wieħed minn dawn il-punti u lanqas ma tkun tista’ treġġa’ lura l-informazzjoni personali.

(i)

informazzjoni personali koperta mill-paragrafu 1, il-punt (i);

It-tħassir ta’ parti mid-deskrizzjonijiet eċċ. li jinsabu f'l-informazzjoni personali msemmija (inkluża s-sostituzzjoni ta' dik il-parti tad-deskrizzjonijiet eċċ. b’deskrizzjonijiet oħrajn eċċ. bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jreġġa' lura l-parti msemmija tad-deskrizzjonijiet, eċċ.)

(ii)

informazzjoni personali koperta mill-paragrafu 1, il-punt (ii);

It-tħassir tal-kodiċijiet ta' identifikazzjoni individwali kollha li jinsabu fl-informazzjoni personali msemmija (inkluż is-sostituzzjoni tal-kodiċijiet ta' identifikazzjoni individwali b'deskrizzjonijiet oħrajn eċċ. bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jreġġa' lura dawk il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni personali)

L-Artikolu 36 (il-paragrafu 1) tal-Att

1

L-operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali, meta jkun qed jipproduċi b'mod anonimu informazzjoni pproċessata (limitata għal dik li tikkostitwixxu bażi ta’ data ta’ informazzjoni pproċessata b’mod anonimu, eċċ.; minn hawn 'il quddiem l-istess), għandu jipproċessa l-informazzjoni personali skont l-istandards stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali bħala dawk neċessarji biex ikun impossibbli li jiġi identifikat individwu speċifiku u titreġġa' lura l-informazzjoni personali użata għall-produzzjoni.

L-Artikolu 19 tar-Regoli

L-istandards stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 1 tal-Att għandhom ikunu kif ġej.

(i)

it-tħassir ta’ parti minn dawn id-deskrizzjonijiet eċċ. jew ta' kollha hemm huma, li jistgħu jidentifikaw individwu speċifiku li jinsabu fl-informazzjoni personali (inkluża s-sostituzzjoni ta' tali deskrizzjonijiet eċċ. b’deskrizzjonijiet oħrajn eċċ. bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jreġġa' lura din il-parti tad-deskrizzjonijiet eċċ. jew id-deskrizzjonijiet kollha)

(ii)

it-tħassir tal-kodiċijiet ta' identifikazzjoni individwali kollha li jinsabu f'din l-informazzjoni personali (inkluż is-sostituzzjoni ta' dawk il-kodiċijiet ta' identifikazzjoni l-oħrajn eċċ. bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jreġġa' lura l-kodiċijiet ta' identifikazzjoni individwali)

(iii)

it-tħassir ta’ dawk il-kodiċijiet (limitati għal dawk il-kodiċijiet li jgħaqqdu informazzjoni plurali reċiproka li tkun effettivament qed tiġi ttrattata minn operatur tan-negozju li jittratta l-informazzjoni personali) li jorbtu l-informazzjoni personali u l-informazzjoni miksuba billi jkunu ttieħdu miżuri fil-konfront tal-informazzjoni personali (inkluża s-sostituzzjoni ta' dawk il-kodiċijiet b’dawk il-kodiċijiet l-oħrajn li ma jistgħux jorbtu din l-informazzjoni personali msemmija u din l-informazzjoni miksuba billi jkunu ttieħdu miżuri fil-konfront tal-informazzjoni personali bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jreġġa’ lura l-kodiċijiet imsemmija)

(iv)

it-tħassir tad-deskrizzjonijiet idjosinkratiċi eċċ. (inkluża s-sostituzzjoni ta’ deskrizzjonijiet bħal dawn eċċ. b’deskrizzjonijiet oħrajn eċċ. bl-użu ta’ metodu mingħajr regolarità li jista’ jirrestawra d-deskrizzjonijiet idjosinkratiċi eċċ.)

(v)

minbarra l-azzjonijiet stabbiliti f’kull punt preċedenti, it-teħid ta' azzjoni xierqa bbażata fuq ir-riżultati mill-kunsiderazzjoni tal-attributi eċċ. ta’ bażi ta' data ta’ informazzjoni personali eċċ. bħal differenza bejn deskrizzjonijiet eċċ. li jinsabu f’informazzjoni personali u deskrizzjonijiet eċċ. li jinsabu f’informazzjoni personali oħra li tikkostitwixxi l-bażi ta' data ta’ informazzjoni personali eċċ. li tinkludi din l-informazzjoni personali

L-Artikolu 36 (il-paragrafu 2) tal-Att

(2)

Operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali, meta jkun ipproduċa informazzjoni pproċessata b’mod anonimu, b’konformità mal-istandards stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali bħala dawk meħtieġa biex jiġi evitat il-ħruġ ta’ informazzjoni relatata ma’ dawk id-deskrizzjonijiet, eċċ. u kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali mħassra minn informazzjoni personali użata biex tiġi prodotta l-informazzjoni pproċessata b'mod anonimu, u informazzjoni relatata mal-metodu ta’ pproċessar użat skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, għandu jieħu azzjoni għall-kontroll tas-sigurtà ta’ informazzjoni bħal din.

L-Artikolu 20 tar-Regoli

L-istandards stabbiliti mir-regoli tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali skont l-Artikolu 36, il-paragrafu 2 tal-Att għandhom ikunu kif ġej.

(i)

jiddefinixxu b’mod ċar l-awtorità u r-responsabbiltà ta’ persuna li tittratta informazzjoni relatata ma’ dawn id-deskrizzjonijiet eċċ. u kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali li tħassru minn informazzjoni personali użata biex tiġi prodotta b'mod anonimu informazzjoni pproċessata u informazzjoni relatata ma’ metodu ta’ pproċessar imwettaq skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36, il-paragrafu 1 (limitat għal dawk li jistgħu jreġġgħu lura l-informazzjoni personali bl-użu ta’ informazzjoni relatata bħal din) (minn hawn ’il quddiem imsejħa “informazzjoni relatata ma' metodu ta’ pproċessar eċċ.” f’dan l-Artikolu.)

(ii)

jistabbilixxu regoli u proċeduri dwar it-trattament ta informazzjoni relatata ma' metodu ta' pproċessar eċċ., tittratta b’mod xieraq informazzjoni relatata ma' metodu ta' pproċessar skont ir-regoli u l-proċeduri, tevalwa s-sitwazzjoni tat-trattament, u abbażi ta' riżultati ta’ evalwazzjoni bħal dawn, tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tipprova tikseb titjib

(iii)

jieħdu l-azzjoni meħtieġa u xierqa biex jipprevjenu persuna li ma jkollhiex l-awtorità leġittima biex tittratta informazzjoni relatata ma' metodu ta' pproċessar eċċ. milli tittratta informazzjoni relatata ma' metodu ta' pproċessar

Informazzjoni personali li tasal mill-UE bbażata fuq deċiżjoni ta’ adegwatezza għandha titqies biss bħala informazzjoni pproċessata b’mod anonimu skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-paragrafu 9 tal-Att jekk l-operatur tan-negozju li jittratta informazzjoni personali jieħu miżuri li jagħmlu d-deidentifikazzjoni tal-individwu irriversibbli għal kulħadd, inkluż billi jħassar l-informazzjoni relatata mal-metodu ta' pproċessar eċċ. (jiġifieri informazzjoni relatata ma’ dawk id-deskrizzjonijiet eċċ. u kodiċijiet ta’ identifikazzjoni individwali li tħassru minn informazzjoni personali użata biex tiġi prodotta b'mod anonimu informazzjoni pproċessata u informazzjoni relatata ma’ metodu ta’ pproċessar użat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36, il-paragrafu 1 tal-Att (limitat għal dawk li jistgħu jreġġgħu lura l-informazzjoni personali bl-użu ta’ informazzjoni relatata bħal din)).


(1)  L-Artikolu 4, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8, l-Artikolu 24, l-Artikolu 60 u l-Artikolu 78 tal-Att, u l-Artikolu 11 tar-Regoli.

(2)  Raġuni leġittima għandha tinftiehem li tfisser avveniment ta’ natura straordinarja barra mill-kontroll tal-operatur tan-negozju li jittratta l-informazzjoni personali u li ma jistax jiġi previst b’mod raġonevoli (pereżempju, diżastri naturali) jew meta l-ħtieġa li tittieħed azzjoni dwar rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta' Informazzjoni Personali skont l-Artikolu 42, il-paragrafu 1, tal-Att ma tkunx għadha teżisti minħabba li l-operatur tan-negozju li jittratta l-informazzjoni personali jkun ħa azzjoni alternattiva li tirrimedja għalkollox il-ksur


ANNESS 2

L-Eċċellenza Tagħha, is-Sa Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-Kummissjoni Ewropea

Eċċellenza,

Nilqa’ bi pjaċir id-diskussjonijiet kostruttivi bejn il-Ġappun u l-Kummissjoni Ewropea bl-għan li jinbena l-qafas għat-trasferiment reċiproku ta’ data personali bejn il-Ġappun u l-UE).

Wara talba mill-Kummissjoni Ewropea lill-gvern tal-Ġappun, qed nibgħatlek dokument mehmuż ma’ din l-ittra li jipprovdilek ħarsa ġenerali lejn il-qafas legali li jikkonċerna l-aċċess għall-informazzjoni mill-gvern tal-Ġappun.

Dan id-dokument jikkonċerna ħafna ministeri u aġenziji tal-gvern tal-Ġappun, u rigward il-kontenuti tad-dokument, il-ministeri u l-aġenziji rilevanti (is-Segretarjat tal-Kabinett, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali, il-Ministeru għall-Intern u l-Komunikazzjoni, il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Aġenzija tal-Intelliġenza dwar is-Sigurtà Pubblika, il-Ministeru tad-Difiża) huma responsabbli għas-siltiet li jaqgħu fil-kompetenzi rispettivi tagħhom. Iktar ’l isfel tista’ ssib l-ismijiet tal-ministeri u l-aġenziji rilevanti u l-firem rispettivi tagħhom.

Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali tilqa’ kull domanda dwar dan id-dokument u se tikkoordina t-tweġibiet neċessarji bejn il-ministeri u l-aġenziji rilevanti.

Nawgura li dan id-dokument ikun ta’ għajnuna biex jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Kummissjoni Ewropea. ·

Napprezza ħafna l-kontribut kbir tiegħek li tajtna sal-lum dwar din il-kwistjoni.

Dejjem tiegħek,

Yoko Kamikawa

Il-Ministru tal-Ġustizzja

Dan id-dokument tfassal mill-Ministeru tal-Ġustizzja u mill-ministeri u aġenziji kkonċernati li ġejjin.

Koichi Hamano

Konsulent, is-Segretarjat tal-Kabinett

Schunichi Kuryu

Il-Kummissarju Ġenerali tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija

Mari Sonoda

Is-Segretarja Ġenerali, Il-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali

Mitsuru Yasuda

Il-Viċi Ministru, il-Ministeru għall-Intern u l-Komunikazzjoni

Seimei Nakagawa

L-Aġenzija tal-Intelliġenza dwar is-Sigurtà Pubblika

Kenichi Takahashi

Il-Viċi Ministru Amministrattiv tad-Difiża

l-14 ta’ Settembru 2018

Il-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni personali mill-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi kriminali u tas-sigurtà nazzjonali

Id-dokument li ġej jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-qafas legali għall-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni (elettronika) personali mill-awtoritajiet pubbliċi Ġappuniżi għall-infurzar tal-liġi kriminali u għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "aċċess mill-gvern"), b’mod partikolari fir-rigward tal-bażijiet legali disponibbli, il-kundizzjonijiet applikabbli (limitazzjonijiet) u s-salvagwardji, inklużi sorveljanza indipendenti u possibbiltajiet ta’ rimedju individwali. Din ir-rappreżentazzjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni Ewropea bil-ħsieb li tesprimi l-impenn u tipprovdi l-assigurazzjonijiet li l-aċċess mill-gvern ta’ informazzjoni personali trasferita mill-UE lill-Ġappun se jkun limitat għal dak li hu meħtieġ u proporzjonali, suġġett għal sorveljanza indipendenti u li l-individwi kkonċernati jkunu jistgħu jiksbu rimedju f’każ ta’ kwalunkwe ksur possibbli tad-dritt fundamentali tagħhom għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Din ir-rappreżentazzjoni tipprevedi wkoll il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ġdid ta’ rimedju, amministrat mill-Kummissjoni għall-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (PPC), li jittratta l-ilmenti minn individwi tal-UE li jikkonċernaw l-aċċess mill-gvern għad-data personali trasferita mill-UE lill-Ġappun.

I.   Il-prinċipji legali ġenerali rilevanti għall-aċċess mill-gvern

Bħala eżerċizzju tal-awtorità pubblika, aċċess mill-gvern irid isir bir-rispett sħiħ tal-liġi (il-prinċipju ta’ legalità). Fil-Ġappun, l-informazzjoni personali hija protetta kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku minn mekkaniżmu b’diversi saffi.

A.   Il-qafas Kostituzzjonali u l-prinċipju ta’ riżerva mil-liġi

L-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni u l-ġurisprudenza jagħrfu d-dritt għall-privatezza bħala dritt kostituzzjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Suprema indikat li huwa naturali li l-individwi ma jkunu jridu lil ħadd li jkun jaf l-informazzjoni personali tagħhom mingħajr raġuni valida, u li din il-preżunzjoni jenħtieġ li tkun protetta. (1) Protezzjonijiet oħrajn huma minquxa fl-Artikolu 212 tal-Kostituzzjoni, li jiżgura r-rispett għas-segretezza tal-komunikazzjonijiet, u fl-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni, li jiggarantixxi d-dritt li ħadd ma jkun suġġett għal tiftix u qbid mingħajr mandat, jiġifieri li l-ġbir ta’ informazzjoni personali, inkluż l-aċċess, minn mezzi obbligatorji jrid ikun dejjem ibbażat fuq mandat ġudizzjarju. Mandat bħal dan jista’ jinħareġ biss għal investigazzjoni ta’ delitt li jkun diġà twettaq. Għalhekk, fil-qafas legali tal-Ġappun, mhux permess il-ġbir ta’ informazzjoni b’mezzi obbligatorji għall-fini ta’ sigurtà nazzjonali (mhux ta’ investigazzjoni kriminali).

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ riżerva mil-liġi, il-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni jrid ikun speċifikament awtorizzat bil-liġi. Fil-każ ta’ ġbir volontarju / mhux obbligatorju, l-informazzjoni tinkiseb minn sors li jista’ jkun aċċessat liberament abbażi ta’ talba għal żvelar volontarju, jiġifieri talba li ma tistax tiġi infurzata fil-konfront tal-entità ġuridika jew fiżika li qed iżżomm l-informazzjoni. Madankollu, dan hu permissibbli biss sal-punt li l-awtorità pubblika tkun kompetenti li twettaq l-investigazzjoni, peress li kull awtorità pubblika tista’ taġixxi biss fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni amministrattiva tagħha stabbilita mil-liġi (irrispettivament minn jekk l-attivitajiet tagħha jinterferux mad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi). Dan il-prinċipju japplika għall-kapaċità tal-awtorità li tiġbor informazzjoni personali.

B.   Regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali

L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali (APPI) u l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informazzjoni Personali miżmuma minn Organi Amministrattivi (APPIHAO), li huma msejsa fuq id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u jipprovduhom b’aktar dettall, jiggarnatixxu d-dritt għall-informazzjoni personali kemm fis-settur privat kif ukoll f’dak pubbliku.

L-Artikolu 7 tal-APPI jistipula li l-PPC għandha tifformula l-“Politika Bażika fir-rigward tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali” (Politika Bażika). Il-Politika Bażika, li tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kabinett tal-Ġappun bħala l-organu ċentrali tal-gvern Ġappuniż (il-Prim Ministru u l-Ministri tal-Istat), għandha tagħti d-direzzjoni fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni personali fil-Ġappun. B’dan il-mod il-PPC, fir-rwol tagħha ta’ awtorità superviżorja indipendenti, isservi ta’ “ċentru ta’ kmand” tas-sistema tal-protezzjoni tal-informazzjoni personali tal-Ġappun.

Kull meta l-organi amministrattivi jiġbru informazzjoni personali, u irrispettivament minn jekk jagħmlux dan b’mezz obbligatorju jew le, fil-prinċipju (2) jridu jżommu konformi mar-rekwiżiti tal-APPIHAO. L-APPIHAO hija liġi ġenerali applikabbli għall-ipproċessar ta’ “Informazzjoni personali miżmuma” (3) minn “organi amministrattivi” (kif definit fl-Artikolu 21 tal-APPIHAO). Għaldaqstant din tkopri wkoll l-ipproċessar tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi krimianli u tas-sigurtà nazzjonali. Fost l-awtoritajiet pubbliċi li huma awtorizzati li jimplimentaw l-aċċess tal-gvern, l-awtoritajiet kollha, għajr il-Pulizija tal-Prefatturi, huma awtoritajiet nazzjonali tal-gvern li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “organi amministrattivi”. It-trattament tal-informazzjoni personali mill-Pulizija tal-Prefatturi huwa rregolat mill-ordinanzi prefatturali (4) li jistipulaw il-prinċipji dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, id-drittijiet u l-obbligi li huma ekwivalenti għall-APPIHAO.

II.   L-aċċess tal-gvern għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kriminali

A)   Bażijiet u limitazzjonijiet ġuridiċi

1)   Il-ġbir ta’ informazzjoni personali b’mezzi obbligatorji

(a)   Bażijiet ġuridiċi

Skont l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni, id-dritt tal-persuni kollha li jkunu sikuri f’darhom, u d-dokumenti u l-proprjetà tagħhom imħarsa minn kull tiftix u qbid, ma jistax jinkiser għajr jekk jinħareġ mandat minħabba “kawża ġusta” li b’mod partikolari tkun tiddeskrivi l-post fejn ikun se jsir it-tiftix u l-affarijiet li jkunu se jinqabdu. Konsegwentement, il-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni elettronika minn awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali jista’ jsir biss jekk jinħareġ mandat. Dan japplika kemm għall-ġbir ta’ rekords elettroniċi li jkun fihom informazzjoni (personali) kif ukoll għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet f’ħin reali (l-hekk imsejħa interċezzjoni telefonika). L-unika eċċezzjoni għal din ir-regola (li madankollu mhijiex rilevanti fil-kuntest tat-trasferiment elettroniku ta’ informazzjoni personali minn barra ’l pajjiż) tinsab fl-Artikolu 2201 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (5) li jistipula li, jekk neċessarju, meta jsir l-arrest ta’ suspettat jew “trasgressur flagranti”, prosekutur pubbliku, uffiċjal assistent ta’ prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jistgħu jwettqu tiftix u qbid “fil-post tal-arrest”.

L-Artikolu 1971 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi li l-miżuri obbligatorji tal-investigazzjoni “ma għandhomx jiġu applikati sakemm ma jkunux ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali f’dan il-Kodiċi”. Fir-rigward tal-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni elettronika, il-bażijiet ġuridiċi rilevanti dwar dan huma l-Artikolu 2181 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (li jistipula li prosekutur pubbliku, uffiċjal assistent ta’ prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jista’, jekk dan ikun meħtieġ għall-investigazzjoni ta’ reat, iwettaq tfittxija, qbid jew spezzjoni jekk imħallef joħroġ mandat għal dan il-għan) u l-Artikolu 222-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (li jistipula li l-miżuri obbligatorji fir-rigward tal-interċezzjoni ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mingħajr il-kunsens ta’ ebda parti minnhom għandhom jiġu eżegwiti fuq il-bażi ta’ Atti oħra). Id-dispożizzjoni li ssemmiet l-aħħar tirreferi għall-Att dwar l-Interċettazzjonijiet Telefoniċi għal Investigazzjonijiet Kriminali (l-Att dwar l-Interċetazzjonijiet Telefoniċi), li fl-Artikolu 31 jistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw meta l-komunikazzjonijiet marbuta ma’ ċerti reati serji jistgħu jiġu interċettati fuq il-bażi ta’ mandat għal interċettazzjoni telefonika maħruġ minn imħallef (6).

Fir-rigward tal-pulizija, l-awtorità investigattiva fil-każi kollha taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Pulizija tal-Prefatturi, filwaqt li l-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija (National Police Agency - NPA) ma twettaqx investigazzjonijiet kriminali abbażi tal-Proċedura tal-Kodiċi Kriminali.

(b)   Limitazzjonijiet

Il-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni elettronika huwa limitat mill-Kostituzzjonijiet u mill-istatuti tal-għoti tas-setgħa, kif inhu interpretat fil-każistika, li b’mod partikolari tipprevedi l-kriterji li jridu jiġu applikati mill-qrati fil-ħruġ ta’ mandat. Barra minn hekk, l-APPIHAO jimponi għadd ta’ limitazzjonijiet li huma applikabbli kemm għall-ġbir kif ukoll għat-trattament ta’ informazzjoni (filwaqt li l-ordinanzi lokali essenzjalment jirriproduċu l-istess kriterji tal-Pulizija tal-Prefatturi).

(1)   Il-limitazzjonijiet li jsegwu mill-Kostituzzjonijiet u mill-istatut tal-għoti tas-setgħa

Skont l-Artikolu 1971 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-miżuri obbligatorji ma għandhomx jiġu applikati sakemm ma jkunux ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali f’dan il-Kodiċi. L-Artikolu 2181 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali mbagħad jistipula li l-qbid, eċċ. jista’ jsir fuq il-bażi ta’ mandat maħruġ minn imħallef biss “jekk ikun meħtieġ għall-investigazzjoni ta’ reat”. Għalkemm il-kriterji sabiex tiġi stabbilita l-ħtieġa mhumiex speċifikati aktar fil-liġi statutorja, il-Qorti Suprema (7) ddeċidiet li, fil-valutazzjoni tal-ħtieġa tad-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-imħallef jagħmel valutazzjoni kumplessiva, notevolment billi jikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(a)

Is-serjetà tar-reat u kif ikun twettaq;

(b)

Is-siwi u l-importanza tal-materjal maqbud bħala evidenza;

(c)

Il-probabbiltà tal-ħabi jew il-qerda tal-materjal maqbud;

(d)

il-limiti tal-iżvantaġġi ikkawżati mill-qbid;

(e)

Kundizzjonijiet relatati oħra.

Il-limitazzjonijiet isegwu mir-rekwiżit fl-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni dwar “kawża ġusta”. Skont l-istandard ta’ “kawża ġusta”, jistgħu jinħarġu mandati jekk: [1] ikun hemm bżonn li ssir investigazzjoni kriminali (ara s-Sentenza tal-Qorti Suprema fit-18 ta’ Marzu 1969 (1968 (Shi) No.100) imsemmija aktar ’il fuq), [2] ikun hemm sitwazzjoni fejn is-suspettat (l-imputat) jitqies li jkun wettaq reat (l-Artikolu 1561 tar-Regoli tal-Proċedura Kriminali) (8)[3] Il-mandat għall-investigazzjoni fuq persuna, oġġetti u residenza jew kwalunkwe post ieħor ta’ persuna oħra għajr l-imputat, jenħtieġ li jinħareġ biss fejn ikun hemm suppożizzjoni raġonevoli li l-oġġetti li jenħtieġ li jinqabdu tassew jeżistu. (L-Artikolu 102 2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Fejn imħallef iqis li l-evidenza dokumentarja mressqa mill-awtoritajiet investigattivi ma tkunx biżżejjed li persuna tiġi suspettata b’reat, huwa / hija jiċħad / tiċħad it-talba għal mandat. F’dan ir-rigward jenħtieġ li jiġi nnutat li skont l-Att dwar il-Piena għal Kriminalità Organizzata u għal Kontroll tar-Rikavati mill-Kriminalità, “l-atti preparatorji għat-twettiq” ta’ reat ippjanat (pereżempju t-tħejjija ta’ flus għat-twettiq ta’ reat terroristiku) infushom jikkostitwixxu reat u għaldaqstant jistgħu jkunu suġġetti għal investigazzjoni obbligatorja bbażata fuq mandat.

Fl-aħħar nett, fejn il-mandat ikun jikkonċerna l-investigazzjoni ta’ persuna, oġġetti, residenza jew kwalunkwe post ta’ persuna, għajr is-suspettat jew l-imputat, dan għandu jinħareġ biss fejn tkun tista’ ssir is-suppożizzjoni raġonevoli li l-oġġetti li jkunu se jinqabdu jkunu tassew jeżistu (l-Artikolu 1022 u 2221 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Speċifikament fir-rigward tal-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet għall-iskopijiet ta’ investigazzjonijiet kriminali msejsa fuq l-Att dwar l-Interċettazzjoni Telefonika, din tista’ ssir biss meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stretti previsti fl-Artikolu 31. Skont din id-dispożizzjoni, l-interċettazzjoni dejjem tirrekjedi mandat ġudizzjarju minn qabel, li jista’ jinħareġ f’sitwazzjonijiet limitati (9).

2   Il-limitazzjonijiet li ġejjin mill-APPIHAO

Fir-rigward tal-ġbir (10) u t-trattament ulterjuri (notevolment fosthom iż-żamma, il-ġestjoni u l-użu) ta’ informazzjoni personali minn organi amministrattivi, l-APPIHAO jistipula b’mod partikolari l-limitazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Skont l-Artikolu 31 tal-APPIHAO, l-organi amministrattivi jistgħu jżommu informazzjoni personali biss meta ż-żamma tkun meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom kif previst mil-liġijiet u r-regolamenti. Meta tinżamm, huma jkunu obbligati wkoll li jispeċifikaw (sa fejn possibbli) l-għan tal-użu tal-informazzjoni personali. Skont l-Artikolu 32, 3 tal-APPIHAO, l-organi amministrattivi ma għandhomx iżommu informazzjoni personali lil hinn mill-ambitu neċessarju għall-ksib tal-iskop tal-użu speċifikat, u ma għandhomx jibdlu l-iskop tal-użu lil hinn minn dak li jista’ jkun raġonevolment meqjus bħala adegwatament xieraq għall-iskop oriġinali.

(b)

L-Artikolu 5 tal-APPIHAO jipprevedi li l-kap tal-organu amministrattiv għandu jagħmel ħiltu biex iżomm l-informazzjoni personali miżmuma preċiża u aġġornata, fil-limitu tal-ambitu neċessarju għall-ksib tal-iskop tal-użu.

(c)

L-Artikolu 61 tal-APPIHAO jipprevedi li l-kap tal-organu amministrattiv għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kxif, it-telf, id-dannu, kif ukoll il-ġestjoni xierqa tal-informazzjoni personali miżmuma.

(d)

Skont l-Artikolu 7 tal-APPIHAO, l-ebda (inkluż: eks) impjegat ma għandu jiżvela l-informazzjoni personali miksuba lil persuna oħra mingħajr raġuni ġustifikata, jew juża tali informazzjoni għal skop inġust.

(e)

Barra minn hekk, l-Artikolu 81 tal-APPIHAO jipprevedi li l-kap ta’ organu amministrattiv ma għandux, għajr jekk il-liġijiet u r-regolamenti jipprevedu b’mod ieħor, juża jew jagħti informazzjoni personali miżmuma lil persuna oħra għal skopijiet għajr għal l-iskop speċifiku tal-użu. Filwaqt li l-Artikolu 82 jinkludi eċċezzjonijiet għal din ir-regola f’sitwazzjonijiet speċifiċi, dawn jistgħu japplikaw biss jekk tali kxif eċċezzjonali x’aktarx li ma jikkawżax dannu “inġust” għad-drittijiet u l-interessi tas-suġġett tad-data jew ta’ parti terza.

(f)

Skont l-Artikolu 9 tal-APPIHAO, meta l-informazzjoni personali miżmuma tingħata lil persuna oħra, il-kap tal-organu amministrattiv għandu, jekk dan ikun meħtieġ, jimponi restrizzjonijiet fuq l-iskop jew il-metodu tal-użu, jew kwalunkwe restrizzjoni meħtieġa oħra; jista’ jitlob ukoll lill-persuna riċeventi tieħu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kxif għall-ġestjoni adegwata tal-informazzjoni.

(g)

L-Artikolu 48 tal-APPIHAO jipprevedi li l-kap ta’ korp amministrattiv għandu jagħmel ħiltu biex jipproċessa kull ilment rigward it-trattament ta’ informazzjoni personali b’mod xieraq u minnufih.

2)   Il-ġbir ta’ informazzjoni personali permezz ta’ talbiet għal kooperazzjoni volontarja (Investigazzjoni volontarja)

a)   Bażi ġuridika

Minbarra l-użu ta’ mezzi obbligatorji, l-informazzjoni personali tinkiseb jew minn sors li jista’ jiġi aċċessat liberament jew inkella abbażi ta’ żvelar volontarju, fosthom minn operaturi ta’ negozji li jkollhom tali informazzjoni.

Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, l-Artikolu 1972 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jagħti s-setgħa lill-prosekuzzjoni u lill-pulizija ġudizzjarja li jagħmlu “domandi bil-miktub dwar kwistjonijiet investigattivi” (hekk imsejħa “skedi ta’ inkjesta”). Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-persuni li jsirulhom mistoqsijiet huma mitluba jirrapportaw lill-awtoritajiet investigattivi. Madankollu, ma jistgħux jiġu sfurzati li jirrapportaw jekk l-uffiċċji pubbliċi, jew l-organizzazzjonijiet pubbliċi u / jew dawk privati, li jirċievu l-mistoqsijiet, jirrifjutaw li jwieġbu. Ma tista’ tiġi imposta l-ebda piena kriminali jew sanzjoni oħra jekk ma jirrapportawx għall-inkjesti. Jekk l-awtoritajiet investigattivi jqisu li l-informazzjoni li jkunu qed jitolbu bħala indispensabbli, huma jkollhom jiksbu l-informazzjoni permezz ta’ tiftix u qbid abbażi ta’ mandat ġudizzjarju.

Fid-dawl tas-sensibilizzazzjoni dejjem akbar fost l-individwi dwar id-drittijiet tal-privatezza tagħhom, kif ukoll fid-dawl tal-volum tax-xogħol maħluq minn tali talbiet, l-operaturi ta’ negozji qed joqogħdu dejjem aktar attenti qabel ma jwieġbu talbiet bħal dawn (11). Fid-deċiżjoni tagħhom dwar jekk jikkooperawx jew le, l-operaturi tan-negozji jqisu n-natura tal-informazzjoni mitluba, ir-relazzjoni tagħhom mal-persuna li jkunu qed isiru mistoqsijiet dwarha, ir-riskji għar-reputazzjoni tagħhom, ir-riskji ta’ litigazzjoni, eċċ.

b)   Limitazzjonijiet

Fir-rigward tal-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni elettronika, l-investigazzjoni volontarja hija limitata mill-Kostituzzjoni, kif inhu interpretat fil-każistika u fl-istatut Barra minn hekk, l-operaturi ta’ negozji mhumiex legalment permessi jiżvelaw informazzjoni f’ċerti sitwazzjonijiet. Fl-aħħar nett, l-APPIHAO jipprevedi għadd ta’ limitazzjonijiet li huma applikabbli kemm għall-ġbir kif ukoll għat-trattament ta’ informazzjoni (filwaqt li l-ordinanzi lokali essenzjalment jirriproduċu l-istess kriterji tal-Pulizija tal-Prefatturi).

1   Il-limitazzjonijiet li jsegwu mill-Kostituzzjonijiet u mill-istatut tal-għoti tas-setgħa

B’kunsiderazzjoni tal-iskop tal-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni, fiż-żewġ sentenzi tal-24 ta’ Diċembru 1969 (1965 (A) No.1187) u l-15 ta’ April 2008 (2007 (A) No.839) il-Qorti Suprema imponiet limiti fuq l-investigazzjonijiet volontarji mwettqa mill-awtoritajiet investigattivi. Filwaqt li dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw każi fejn l-informazzjoni personali (fil-forma ta’ immaġni) inġabret permezz ta’ fotografija / ffilmjar, is-sejbiet huma rilevanti għal investigazzjonijiet volontarji (mhux obbligatorji) li jinterferixxu mal-privatezza tal-individwu inġenerali. Għaldaqstant huma japplikaw u jridu jiġu segwiti fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni personali permezz ta’ investigazzjoni volontarja, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ.

Skont dawn is-sentenzi, il-legalità tal-investigazzjoni volontarja tiddependi fuq l-issodisfar ta’ tliet kriterji, jiġifieri:

“suspett ta’ reat” (jiġifieri jrid jiġi vvalutat jekk ikunx twettaq reat jew le);

“neċessità għall-investigazzjoni” (jiġifieri jrid jiġi vvalitat jekk it-talba taqax fl-ambitu ta’ dak li huwa neċessarju għall-iskopijiet tal-investigazzjoni); kif ukoll

“ix-xerqien tal-metodu” (jiġifieri jrid jiġi vvalutat jekk investigazzjoni volontarja tkunx “xierqa” jew raġonevoli sabiex jinkiseb l-iskop tal-investigazzjoni). (12)

B’mod ġenerali, meta jitqiesu t-tliet kriterji ta’ hawn fuq, il-legalità tal-investigazzjoni volontarja hija ġġudikata mill-perspettiva ta’ jekk tistax titqies raġonevoli f’paragun ma’ konvenzjonijiet li huma aċċettati mis-soċjetà.

Dan ir-rekwiżit li investigazzjoni tkun “neċessarja” joħroġ dirattment mill-Artikolu 197 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, u ġie kkonfermat fl-istruzzjonijiet tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija (NPA) lill-Pulizija tal-Prefatturi fir-rigward tal-użu tal-“formoli ta’ inkjesta”. In-Notifika tal-NPA tas-7 ta’ Diċembru 1999 tistipula għadd ta’ limitazzjonijiet proċedurali, fosthom ir-rekwiżit li l-“formoli ta’ inkjesta” jintużaw biss jekk dan ikun neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 1971 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali huwa limitat għal investigazzjonijiet kriminali, u għaldaqstant jista’ jiġi applikat biss fejn ikun hemm suspett konkret ta’ reat li jkun diġà twettaq. Min-naħa l-oħra, din il-bażi ġuridika mhijiex disponibbli fir-rigward tal-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni personali fejn ma jkun għadu twettaq ebda ksur tal-liġi.

2   Limitazzjonijiet fir-rigward ta’ ċerti operaturi ta’ negozji

Japplikaw ukoll limitazzjonijiet addizzjonali f’ċerti oqsma abbażi tal-protezzjonijiet minn liġijiet oħrajn.

L-ewwel, l-awtoritajiet investigattivi kif ukoll tal-operaturi tat-telekomunikazzjoni li jkollhom informazzjoni personali għandhom id-dmir li jirrispettaw is-segretezza tal-komunikazzjonijiet kif inhu garantit mill-Artikolu 212 tal-Kostituzzjoni. (13) Barra minn dan, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni għandhom l-istess dmir skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar in-Negozju tat-Telekomunikazzjoni (14). Skont il-“Linji gwida dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali fin-Negozju tat-Telekomunikazzjoni”, li nħarġu mill-Ministeru tal-Affarijiet Interni u tal-Affarijiet Interni u l-Komunikazzjonijiet (MIC) fuq il-bażi tal-Kostituzzjoni u tal-Att dwar in-Negozji tat-Telekomunikazzjoni, f’każijiet fejn kwistjoni tkun dwar is-segretezza tal-komunikazzjoni, l-operaturi tat-telekomunikazzjoni ma jistgħux jiżvelaw informazzjoni personali dwar is-segretezza tal-komunikazzjoni lil partijiet terzi, għajr fejn dawn ikunu kisbu l-kunsens individwali jew jekk ikunu jistgħu jistrieħu fuq waħda mill-“kawżi ġustifikabbli” għan-nuqqas ta’ konformità mal-Kodiċi Penali. Dawn tal-aħħar jirreferu għall-“atti ġustifikabbli” (l-Artikolu 35 tal-Kodiċi Penali), “Awtodifiża” (l-Artikolu 36 tal-Kodiċi Penali) u l-“Prevenzjoni ta’ Periklu Attwali” (l-Artikolu 37 tal-Kodiċi Penali). Skont il-Kodiċi Penali “atti ġustifikabbli” huma biss dawk l-atti ta’ operatur tat-telekomunikazzjoni li permezz tagħhom huwa jikkonforma mal-miżuri obbligatorji tal-Istat, li jeskludu l-investigazzjoni volontarja. Għaldaqstant, jekk l-awtoritajiet investigattivi jitolbu informazzjoni personali fuq il-bażi ta’ “formola ta’ inkjesta” (l-Artikolu 1972 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), operatur tat-telekomunikazzjoni ikun ipprojbit milli jiżvela d-data.

It-tieni, l-operaturi tan-negozju huma obbligati jirrifjutaw talbiet għal kooperazzjoni volontarja fejn il-liġi tkun tipprojbixxihom milli jiżvelaw informazzjoni personali. Bħala eżempju, dan jinkludi każi fejn l-operatur ikollu dmir li jirrispetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, pereżempju skont l-Artikolu 134 tal-Kodiċi Penali (15).

3   Limitazzjonijiet ibbażati fuq l-APPIHAO

Fir-rigward tal-ġbir u t-trattament ulterjuri ta’ informazzjon personali minn organi amministrattivi, l-APPIHAO jipprevedi l-limitazzjonijiet li huma spjegati fit-taqsima II.A.1) b) 2. Limitazzjonijiet ekwivalenti jsegwu mill-ordinanzi prefatturali applikabbli għall-Pulizija tal-Prefatturi.

B)   Sorveljanza

1)   Sorveljanza ġudizzjarja

Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni personali permezz ta’ mezzi obbligatorji, din għandha tkun ibbażata fuq mandat (16) u għalhekk tkun suġġetta għall-eżami minn qabel minn imħallef. Fil-każ ta’ investigazzjoni illegali, imħallef jista’ jeskludi tali evidenza fil-proċess kriminali sussegwenti tal-każ. Individwu jista’ jitlob għal tali esklużjoni fil-proċess kriminali tiegħu / tagħha filwaqt li jiddikjara li l-investigazzjoni kienet illegali.

2)   Sorveljanza bbażata fuq l-APPIHAO

Fil-Ġappun, il-Ministru jew il-Kap ta’ kull ministeru jew aġenzija għandhom l-awtorità ta’ sorveljanza jew infurzar fuq il-bażi tal-APPIHAO, filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Interni u l-Komunikazzjonijiet jista’ jinvestiga l-infurzar tal-APPIHAO mill-ministeri l-oħra kollha.

Jekk il-Ministru tal-Affarijiet Interni u l-Komunikazzjonijiet - pereżempju fuq il-bażi tal-investigazzjoni dwar l-istatus tal-infurzar tal-APPIHAO (17), l-ipproċessar ta’ ilmenti, jew inkjesti fil-konfront ta’ wieħed miċ-Ċentri ta’ Informazzjoni Komprensivi - jara/tara li jkun meħtieġ għall-ksib tal-finijiet tal-APPIHAO, huwa/hija jista’/tista’ jitlob/titlob lill-kap ta’ organu amministrattiv iressaq/tressaq materjal u spjegazzjonijiet rigward it-trattament ta’ informazzjoni personali mill-organu amministrattiv ikkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 50 tal-APPIHAO. Il-Ministru jista’/tista’ jindirizza/tindirizza l-opinjoni tal-organu amministrattiv dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali fl-organu amministrattiv meta huwa jew hija jara/tara li dan ikun meħtieġ għall-ksib tal-finijiet ta’ dan l-Att. Barra minn hekk, il-Ministru jista’/tista’, pereżempju, jitlob/titlob għal reviżjoni tal-miżuri permezz tal-azzjonijiet li huwa/hija jista’/tista’ tieħu skont l-Artikolu 50 u 51 tal-Att meta jkun hemm is-suspett li jkunu seħħew ksur jew applikazzjoni mhux xierqa tal-Att. Dan jgħin fl-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tal-APPIHAO u l-konformità miegħu.

3)   Sorveljanza mill-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika fir-rigward tal-pulizija

Fir-rigward tal-pulizija amministrattiva, l-NPA hija ssorveljata mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika, filwaqt li l-Pulizija tal-Prefatturi hija ssorveljata minn waħda mill-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi stabbiliti f’kull prefattura. Kull waħda mill-korpi ta’ sorveljanza tiżgura l-ġestjoni demokratika u n-newtralità politika tal-amministrazzjoni tal-pulizija.

Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika hija responsabbli mill-affarijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha f’konformità mal-Liġi tal-Pulizija u liġijiet oħra. Dan jinkludi l-ħatra tal-Kummissarju Ġenerali tal-NPA u ta’ uffiċjali għolja tal-pulizija lokali kif ukoll il-ħolqien ta’ politiki komprensivi li jistabbilixxu d-direzzjoni jew il-miżuri bażiċi fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-NPA.

Il-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi huma magħmula minn membri li jirrappreżentaw lin-nies fil-prefattura rispettiva fuq il-bażi tal-Liġi tal-Pulizija u jamministraw lill-Pulizija tal-Prefatturi bħala sistema ta’ kunsill indipendenti. Il-membri jinħatru mill-gvern tal-prefatturi bil-kunsens tal-assemblea tal-prefatturi fuq il-bażi tal-Artikolu 39 tal-Liġi tal-Pulizija. Il-mandat tagħhom huwa ta’ tliet snin u jistgħu jitkeċċew kontra r-rieda tagħhom għal raġunijiet speċifiċi biss li jinsabu fil-liġi (bħall-inkapaċità li jaqdu dmirijiethom, ksur fir-rigward tal-kompiti tagħhom, imġiba ħażina eċċ.), u b’hekk l-indipendenza tagħhom hija żgurata (ara l-Artikoli 40, 41 tal-Liġi tal-Pulizija). Barra minn hekk, sabiex in-newtralità politika tagħhom tkun garantita, l-Artikolu 42 tal-Liġi tal-Pulizija jipprojbixxi membru tal-Kummissjoni milli jservi bħala membru ta’ korp leġiżlattiv, li jsir membru eżekuttiv ta’ partit politiku jew ta’ kwalunkwe korp politiku ieħor, jew li jinvolvi ruħu b’mod attiv f’movimenti politiċi fl-istess ħin. Filwaqt li l-Kummissjoni taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-gvernatur tal-prefattura rispettiv, il-gvernatur ma għandu l-ebda awtorità li jagħti struzzjonijiet rigward it-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

Skont l-Artikolu 383 meħud flimkien mal-Artikoli 2 u 362 tal-Liġi tal-Pulizija, il-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi huma responsabbli mill-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertà ta’ kull individwu”. Għal dan il-għan, huma għandhom jirċievu rapporti mingħand il-Kapijiet tal-Pulizija tal-Prefatturi dwar l-attivitajiet fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, fosthom fil-laqgħat regolari li jsiru tliet darbiet jew erba’ darbiet fix-xahar. Il-Kummissjonijiet jipprovdi gwida dwar dawn il-kwistjonijeit permezz tal-ħolqien ta’ politiki komprensivi.

Barra minn hekk, bħala parti mill-funzjoni ta’ sorveljanza, il-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefatturi jistgħu jagħtu struzzjonijiet lill-Pulizija tal-Prefatturi f’każijiet konkreti u individwali meta jqisu li dan ikun meħtieġ fil-kuntest ta’ spezzjoni tal-attivitajiet tal-Pulizija tal-Prefatturi jew imġiba ħażina tal-persunal tagħha. Barra minn hekk, meta jqisu li dan ikun meħtieġ,il-Kummissjonijiet jistgħu jaħtru membru tal-Kummissjoni biex jagħmel rieżami tal-istat tal-implimentazzjoni tal-istruzzjoni mogħtija (l-Artikolu 43-2 tal-Liġi tal-Pulizija).

4)   Sorveljanza mid-Diet

Id-Diet tista’ twettaq investigazzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi u għal dan il-għan tista’ titlob li jingħataw dokumenti u t-testimonjanza ta’ xhieda (l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni). F’dan il-kuntest, il-kumitat kompetenti fid-Diet jista’ jeżamina l-adegwatezza tal-attivitajiet tal-ġbir tal-informazzjoni min-naħa tal-Pulizija.

Dawn is-setgħat huma speċifikati aktar fl-Att dwar id-Diet. B’konformità mal-Artikolu 104, id-Diet jista’ jitlob lill-Kabinett u lill-aġenziji pubbliċi jagħtu r-rapporti u r-reġistri meħtieġa biex twettaq l-investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-membri tad-Diet jistgħu jressqu “domandi bil-miktub” skont l-Artikolu 74 tal-Att dwar id-Diet. Tali domandi jridu jiġu approvati mill-President tal-Kamra u, fil-prinċipju, iridu jitwieġbu mill-Kabinett bil-miktub fi żmien sebat ijiem (fejn ikun impossibbli li tingħata tweġiba sal-iskadenza, dan għandu jiġi ġġustifikat u tiġi stabbilita skadenza ġdida, Artikolu 75 tal-Att dwar id-Diet). Fil-passat, id-domandi bil-miktub min-naħa tad-Diet koprew ukoll it-trattament ta’ informazzjoni personali mill-amministrazzjoni. (18)

C)   Rimedju individwali

Skont l-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni tal-Ġappun, l-ebda persuna ma għandha tiġi miċħuda d-dritt ta’ aċċess għall-qrati. Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tal-Kostituzzjoni jiggarantixxi lil kull persuna d-dritt li jieħu / tieħu passi legali għal rimedju (kif previst mil-liġi) fil-każ li huwa / hija jkunu sofrew dannu b’riżultat ta’ att illegali min-naħa ta’ uffiċjal pubbliku.

1)   Rimedju ġudizzjarju kontra l-ġbir obbligatorju ta’ informazzjoni abbażi ta’ mandat (l-Artikolu 430 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

Skont l-Artikolu 4302 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, individwu li ma jkunx sodisfatt bil-mizuri mittieħda minn uffiċjal tal-pulizija dwar il-qbid ta’ oġġetti (inkluż jekk dawn ikunu jinkludu informazzjoni personali) fuq il-bażi ta’ mandat jista’ jippreżenta talba (l-hekk imsejħa “kważi-ilment”) lill-qorti kompetenti għall-miżuri li jkunu jridu “jiġu “revokati jew mibdula”.

Tali rikuża tista’ titressaq mingħajr mal-individwu jkollu jistenna l-konklużjoni tal-każ. Jekk il-qorti ssib li l-qbid ma kienx neċessarju, jew li hemm raġunijiet oħra sabiex tali qbid illegali jiġi kkunsidrat, hija tista’ tordna li tali miżuri jiġu revokati jew mibdula.

2)   Rimedju ġudizzjarju skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Att dwar ir-Rimedju Statali

Jekk iqisu li d-dritt ttal-privatezza tagħhom skont l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni jkun inkiser, individwi jistgħu jressqu azzjoni ċivili li titlob it-tħassir tal-informazzjoni personali li tkun inġabret permezz ta’ investigazzjoni kriminali.

Barra minn hekk, individwu jista’ jressaq azzjoni għall-kumpens ta’ danni fuq il-bażi tal-Att dwar ir-Rimedju mill-Istat flimkien mal-artikoli rilevanti tal-Kodiċi Ċivili jekk huwa / hija jqis / tqis li d-dritt tiegħu / tagħha għall-privatezza jkun inkiser u huwa/hija jkun/tkun sofra/sofriet dannu b’riżultat tal-ġbir tal-informazzjoni personali tiegħu / tagħha jew ta’ sorveljanza (19). Meta jitqies li d-“dannu” li jkun is-suġġett għal talba għal kumpens mhuwiex limitat għal dannu fuq proprjetà (l-Artikolu 710 tal-Kodiċi Ċivili), dan jista’’ jkopri wkoll “tbatija mentali”. L-ammont tal-kumpens għal tali dannu morali jiġi vvalutat mill-imħallef fuq il-bażi ta’ “evalwazzjoni ħielsa b’kunsiderazzjoni ta’ diversi fatturi f’kull każ” (20).

L-Artikolu 11 tal-Att dwar ir-Rimedju Statali jagħti d-dritt ta’ kumpens meta (i) uffiċjal pubbliku li jeżerċita l-awtorità pubblika tal-Istat jew ta’ entità pubblika (ii) matul il-qadi ta’ dmirijietu/dmirijietha (iii) b’mod intenzjonat jew b’negliġenza (iv) u b’mod illegali (v) jkun għamel ħsara lil persuna oħra.

L-individwu jrid iressaq il-kawża b’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Skont ir-regoli applikabbli, huwa / hija jista’ / tista’ jagħmel / tagħmel dan mal-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fejn ikun twettaq id-delitt.

3)   Rimedju individwali kontra investigazzjonijiet illegali / mhux xierqa mill-Pulizija: ilment lill-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefetturi (l-Artikolu 79 tal-Liġi tal-Pulizija)

Skont l-Artikolu 79 tal-Liġi tal-Pulizija (21), kif iċċarat ulterjorment fi struzzjoni mill-Kap tal-NPA lill-Pulizija tal-Prefetturi u l-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefettura (22), l-individwi jistgħu jressqu lment bil-miktub (23) lill-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefettura kompetenti kontra kwalunkwe mġiba illegali jew mhux xierqa minn uffiċjal tal-pulizija fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu / tagħha; dan jinkludi d-dmirijiet fir-rigward tal-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni personali. Il-Kummissjoni timmaniġġja b’diliġenza tali lmenti skont il-liġijiet u l-ordinanzi lokali u għandha tinnotifika lill-kwerelant bil-miktub dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni.

Abbażi tal-awtorità superviżorja tagħha skont l-Artikolu 383 tal-Liġi tal-Pulizija, il-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefettura għandha toħroġ struzzjoni lill-Pulizija tal-Prefetturi biex tinvestiga l-fatti, timplimenta l-miżuri meħtieġa skont ir-riżultat tal-eżami u tirrapporta r-riżultati lill-Kummissjoni. Fejn tqis li dan ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ wkoll toħroġ struzzjoni dwar it-trattament tal-ilment, pereżempju jekk tqis li l-investigazzjoni mwettqa mill-pulizija ma tkunx biżżejjed. Din l-implimentazzjoni hija deskritta fl-Avviż maħruġ mill-NPA lill-kapijiet tal-Pulizija tal-Prefetturi.

In-notifika tal-kwerelant dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni tintbagħat ukoll fid-dawl tar-rapporti mill-pulizija dwar l-investigazzjoni u l-miżuri meħuda fuq talba tal-Kummissjoni.

4)   Rimedju individwali skont l-APPIHAO u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

a)   APPIHAO

Skont l-Artikolu 48 tal-APPIHAO, l-organi amministrattivi għandhom jagħmlu ħilithom biex jipproċessaw kif xieraq u malajr kwalunkwe lment dwar it-trattament ta’ informazzjoni personali. Bħala mezz biex tingħata informazzjoni konsolidata lill-individwi (eż. dwar id-drittijiet disponibbli għall-iżvelar, il-korrezzjoni u s-sospensjoni tal-użu skont l-APPIHAO) u bħala punt ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet, il-MIC stabbilixxa Ċentri ta’ Informazzjoni Komprensivi dwar id-Divulgazzjoni tal-Informazzjoni / Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali f’kull waħda mill-prefetturi bbażati fuq l-Artikolu 472 tal-APPIHAO. Inkjesti minn persuni mhux residenti huma wkoll possibbli. Bħala eżempju, fil-FY2017 (minn April 2017 sa Marzu 2018), l-għadd totali ta’ każijiet li fihom iċ-ċentri ta’ informazzjoni komprensivi wieġbu għall-mistoqsijiet, eċċ. kien ta’ 5,186.

L-Artikoli 12 u 27 tal-APPIHAO jagħtu lill-individwi d-dritt li jitolbu d-divulgazzjoni u l-korrezzjoni tal-informazzjoni personali miżmuma. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 36 tal-APPIHAO, l-individwi jistgħu jitolbu s-sospensjoni tal-użu jew tat-tħassir tal-informazzjoni personali miżmuma tagħhom meta l-organu amministrattiv ma jkunx kiseb l-informazzjoni personali miżmuma b’mod legali, jew meta jżommu jew jużaw tali informazzjoni bi ksur tal-liġi.

Madankollu, fir-rigward ta’ informazzjoni personali miġbura (jew ibbażata fuq mandat jew permezz ta’ “karta ta’ informazzjoni”) u miżmuma għal investigazzjonijiet kriminali (24), din l-informazzjoni ġeneralment taqa’ taħt il-kategorija ta’ “informazzjoni personali rreġistrata f’dokumenti relatati ma’ provi u oġġetti maqbuda”. Tali informazzjoni personali hija għalhekk eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet individwali fil-Kapitolu 4 tal-APPIHAO skont l-Artikolu 53–2 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (25). L-ipproċessar ta’ tali informazzjoni personali u d-drittijiet tal-individwu għal aċċess u korrezzjoni huma minflok soġġetti għal regoli speċjali skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Att dwar ir-Reġistru ta’ Każijiet Kriminali Finali (ara hawn taħt). (26) Din l-esklużjoni hija ġġustifikata minn diversi fatturi bħall-protezzjoni tal-privatezza tal-persuni kkonċernati, is-segretezza tal-investigazzjonijiet u t-tmexxija xierqa tal-proċess kriminali. Minkejja dan, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 tal-APPIHAO li jirregolaw il-prinċipji għat-trattament ta’ tali informazzjoni jibqgħu applikabbli.

b)   Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-possibbiltajiet ta’ aċċess għal informazzjoni personali miġbura għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali jiddependu kemm fuq l-istadju tal-proċedura kif ukoll fuq ir-rwol tal-individwu fl-investigazzjoni (suspett, imputat, vittma, eċċ.).

Bħala eċċezzjoni għar-regola fl-Artikolu 47 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li d-dokumenti relatati mal-proċess ma għandhomx isiru pubbliċi qabel il-bidu tal-prova (peress li dan jista’ jikser il-unur u / jew il-privatezza tal-individwi kkonċernati u jfixkel l-investigazzjoni / il-proċess), l-ispezzjoni ta’ tali informazzjoni mill-vittma ta’ reat hija fil-prinċipju permessa sal-punt li jitqies raġonevoli billi jitqies l-għan tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 47 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (27).

Fir-rigward tas-suspettati, dawn tipikament se jintebħu bil-fatt li huma soġġetti għal investigazzjoni kriminali meta jkunu interrogati jew mill-pulizija ġudizzjarja jew mill-prosekutur pubbliku. Jekk sussegwentement il-prosekutur pubbliku jiddeċiedi li ma jibdiex prosekuzzjoni, hu għandu jinnotifika minnufih lill-persuna ssuspettata b’dan il-fatt fuq talba tiegħu (l-Artikolu 259 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).

Barra minn hekk, wara l-istituzzjoni tal-prosekuzzjoni, il-prosekutur pubbliku għandu jagħti lill-imputat jew lill-avukat tiegħu l-opportunità li jispezzjona l-evidenza minn qabel qabel ma jitlob l-eżami mill-qorti (l-Artikolu 299 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali). Dan jippermetti lill-imputat jivverifika l-informazzjoni personali tiegħu / tagħha miġbura permezz ta’ investigazzjoni kriminali.

Fl-aħħar nett, il-protezzjoni tal-informazzjoni personali miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, kemm jekk tkun ta’ persuna suspettata, kemm jekk tal-imputat kif ukoll ta’ kwalunkwe persuna oħra (eż. ta’ vittma ta’ reat) hija garantita permezz tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità (l-Artikolu 100 tal-Att dwar is-Servizz Pubbliku Nazzjonali) u t-theddida ta’ penali f’każ li xi ta’ informazzjoni kunfidenzjali tiġi żvelata matul l-eżerċizzju tad-dmirijiet ta’ servizz pubbliku (l-Artikolu 109 (xii) tal-Att dwar is-Servizz Pubbliku Nazzjonali).

5)   Rimedju individwali kontra investigazzjonijiet illegali / mhux xierqa mill-awtoritajiet pubbliċi: ilment lill-PPC

Skont l-Artikolu 6 tal-APPI, il-Gvern għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa f’kollaborazzjoni mal-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex jibni sistema konformabbli internazzjonalment li tikkonċerna informazzjoni personali permezz tat-trawwim ta’ kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u oqfsa internazzjonali oħra. Fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Politika Bażika dwar il-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali (adottata permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kabinett) tiddelega lill-PPC, bħala l-awtorità kompetenti għall-amministrazzjoni ġenerali tal-APPI, is-setgħa li tieħu l-azzjoni neċessarja biex tneħħi d-differenzi bejn is-sistemi u l-operazzjonijiet bejn il-Ġappun u l-pajjiż terz kkonċernat fuq il-bażi tal-Artikolu 6 tal-Att fid-dawl tal-iżgurar tal-immaniġġjar xieraq ta’ informazzjoni personali riċevuta mingħand it-tali pajjiż.

Barra minn hekk, kif previst fl-Artikolu 61, il-punti (i) u (ii) tal-APPI, il-PPC hija fdata bil-kompitu li tifformula u tippromwovi politika bażika, kif ukoll bil-medjazzjoni ta’ lmenti mressqa kontra operaturi tan-negozju. Fl-aħħar nett, l-organi amministrattivi għandhom jikkomunikaw u jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin (l-Artikolu 80 tal-APPI).

Abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-PPC se tittratta l-ilmenti mressqa minn individwi kif ġej:

a)

Individwu li jissuspetta li d-data tiegħu / tagħha ttrasferita mill-UE ġiet miġbura jew użata mill-awtoritajiet pubbliċi fil-Ġappun, inklużi l-awtoritajiet responsabbli għall-attivitajiet imsemmija fil-Kapitolu II u l-Kapitolu III ta’ din ir-“Rappreżentanza”, bi ksur tar-regoli applikabbli, inklużi dawk soġġetti għal din ir-“Rappreżentanza”, jista’ jressaq ilment lill-PPC (individwalment jew permezz tad-DPA tiegħu / tagħha).

b)

Il-PPC tittratta l-ilment, inkluż billi tuża s-setgħat tagħha skont l-Artikolu 6, 61(ii) u 80 tal-APPI, u tinforma lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, inklużi l-korpi ta’ sorveljanza rilevanti, dwar l-ilment.

Dawn l-awtoritajiet huma meħtieġa jikkooperaw mal-PPC skont l-Arikolu 80 tal-APPI, inkluż billi jipprovdu l-informazzjoni neċessarja u l-materjal rilevanti, biex il-PPC tkun tista’ tevalwa jekk il-ġbir jew l-użu sussegwenti ta’ informazzjoni personali seħħx f’konformità mar-regoli applikabbli. Fit-twettiq tal-evalwazzjoni tagħha, il-PPC se tikkoopera mal-MIC.

c)

Jekk l-evalwazzjoni turi li seħħ ksur tar-regoli applikabbli, il-kooperazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati mal-PPC tinkludi l-obbligu ta’ rimedju tal-ksur.

F’każ ta’ ġbir illegali ta’ informazzjoni personali skont ir-regoli applikabbli, dan għandu jinkludi t-tħassir tal-informazzjoni personali miġbura.

Fil-każ ta’ ksur tar-regoli applikabbli, il-PPC se tikkonferma wkoll, qabel ma tikkonkludi l-evalwazzjoni, li l-ksur ikun ġie rimedjat bis-sħiħ.

d)

Ladarba tiġi konkluża l-evalwazzjoni, il-PPC għandha tinnotifika lill-individwu, fi ħdan perjodu ta’ żmien raġonevoli, dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni, inkluża kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda fejn applikabbli. Permezz ta’ din in-notifika, il-PPC għandha tinforma wkoll lill-individwu dwar il-possibbiltà li jfittex konferma tal-eżitu mingħand l-awtorità pubblika kompetenti u dwar l-awtorità li lilha għandha ssir talba għall-konferma.

Informazzjoni dettaljata dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tista’ tkun ristretta dment li jkun hemm motivazzjonijiet raġonevoli biex jiġi kkunsidrat li l-komunikazzjoni tat-tali informazzjoni aktarx li tirrappreżenta riskju għall-investigazzjoni kurrenti.

Meta l-ilment ikun jikkonċerna l-ġbir jew l-użu tad-data personali fi-qasam tal-infurzar tal-liġi kriminali, fil-każ li l-evalwazzjoni tiżvela li jkun infetaħ każ li kien jinvolvi l-informazzjoni personali tal-individwu u li l-każ ġie konkluż, il-PPC se tinforma lill-individwu li r-rekord tal-każ jista’ jiġi spezzjonat skont l-Artikolu 53 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Artikolu 4 tal-Att dwar ir-Rekords Finali tal-Każ Kriminali.

Fejn l-evalwazzjoni tiżvela li individwu huwa suspettat f’każ kriminali, il-PPC se tinforma lill-individwu dwar dan il-fatt u dwar il-possibbiltà li ssir talba skont l-Artikolu 259 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.

e)

Jekk individwu jkun għadu mhux sodisfatt bir-riżultat ta’ din il-proċedura, huwa jista’ jindirizza lill-PPC li tinforma lill-individwu dwar id-diversi possibbiltajiet u l-proċeduri dettaljati biex jinkiseb rimedju skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Ġappun. Il-PPC se tipprovdi lill-individwu b’appoġġ, inklużi b’konsulenza u b’assistenza biex tittieħed kwalunkwe azzjoni ulterjuri kontra l-korp amministrattiv jew ġudizzjarju rilevanti.

III.   L-aċċess tal-Gvern għall-finijiet ta’ sigurtà nazzjonali

A.   Bażijiet legali u limitazzjonijiet għall-ġbir ta’ informazzjoni personali

1)   Bażijiet legali għall-ġbir ta’ informazzjoni minn ministeru / aġenzija kkonċernati

Kif indikat hawn fuq, il-ġbir ta’ informazzjoni personali għall-fini ta’ sigurtà nazzjonali minn organi amministrattivi jeħtieġ li jkun fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni amministrattiva tagħhom.

Fil-Ġappun, ma teżisti l-ebda liġi li tippermetti l-ġbir ta’ informazzjoni b’mezzi obbligatorji għall-fini ta’ sigurtà nazzjonali biss. Skont l-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni, huwa possibbli li tinġabar informazzjoni personali bil-forza biss abbażi ta’ mandat maħruġ minn qorti għall-investigazzjoni ta’ reat. Tali mandat jista’ għalhekk jinħareġ biss għall-iskop ta’ investigazzjoni kriminali. Dan ifisser li, fis-sistema legali Ġappuniża, il-ġbir ta’ / l-aċċess għall-informazzjoni b’mezzi obbligatorji għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali mhuwiex permess. Minflok, fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, il-ministeri jew l-aġenziji kkonċernati jistgħu jiksbu biss informazzjoni minn sorsi li jistgħu jiġu aċċessati b’mod ħieles, jew jirċievu informazzjoni mingħand operaturi kummerċjali jew individwi permezz ta’ żvelar volontarju. L-operaturi tan-negozju li jirċievu talba għal kooperazzjoni volontarja ma għandhom l-ebda obbligu legali li jipprovdu din l-informazzjoni u, għalhekk, ma jiffaċċjaw l-ebda konsegwenzi negattivi jekk jirrifjutaw li jikkooperaw.

Għadd ta’ dipartimenti ministerjali differenti u aġenziji għandhom responsabbiltajiet fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.

(1)   Is-Segretarjat tal-Kabinett

Is-Segretarjat tal-Kabinett imexxi l-ġbir tal-informazzjoni u r-riċerka dwar politiki importanti tal-Kabinett (28) preskritti fl-Artikolu 12-2 tal-Liġi tal-Kabinett. (29) Madankollu, is-Segretarjat tal-Kabinett m’għandu l-ebda setgħa biex jiġbor informazzjoni personali direttament mingħand l-operaturi kummerċjali. Huwa jiġbor, jinkorpora, janalizza u jivvaluta informazzjoni minn materjal ta’ sors miftuħ, awtoritajiet pubbliċi oħrajn, eċċ.

(2)   L-NPA / il-Pulizija tal-Prefetturi

F’kull prefettura, il-Pulizija tal-Prefetturi għandha s-setgħa li tiġbor informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 2 tal-Liġi tal-Pulizija. Jista’ jiġri li l-NPA tiġbor l-informazzjoni direttament fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha skont il-Liġi tal-Pulizija. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-attivitajiet tal-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-NPA u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u tal-Intelligence. Skont l-Artikolu 24 tal-Liġi tal-Pulizija, l-Uffiċċju tas-Sigurtà huwa inkarigat minn kwistjonijiet li jikkonċernaw il-pulizija tas-sigurtà (30) u d-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u tal-Intelligence huwa responsabbli mill-affarijiet li jikkonċernaw iċ-ċittadini barranin kif ukoll ċittadini Ġappuniżi li l-bażi tal-attività tagħhom tinsab f’pajjiżi barranin.

(3)   L-Aġenzija tal-Intelligence tas-Sigurtà Pubblika (PSIA)

L-applikazzjoni tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Attivitajiet Sovversivi (SAPA) u l-Att dwar il-Kontroll tal-Organizzazzjonijiet Li Jkunu Wettqu Atti ta’ Qtil Massiv Indiskriminat (ACO) jaqgħu prinċipalment taħt l-awtorità tal-Aġenzija tal-Intelligence tas-Sigurtà Pubblika (PSIA). Din hija aġenzija tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Is-SAPA u l-ACO jistipulaw li dispożizzjonijiet amministrattivi (jiġifieri miżuri li jordnaw il-limitazzjoni tal-attivitajiet ta’ tali organizzazzjonijiet, ix-xoljiment tagħhom, eċċ.) jistgħu jiġu adottati, taħt kundizzjonijiet stretti, kontra organizzazzjonijiet li jwettqu ċerti atti serji (“Attività Terroriżista Sovversiva” jew “Att ta’ Qtil Massiv Indiskriminat”) bi ksur tas-“sigurtà pubblika” jew tas-“sistema fundamentali tas-soċjetà” skont il-Kostituzzjoni. “Attivitajiet Terroriżistiċi Sovversivi” jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-SAPA (ara l-Artikolu 4 li jkopri attivitajiet bħall-insurrezzjoni, l-instigazzjoni ta’ aggressjoni barranija, l-omiċidju b’intenzjoni politika, eċċ.), filwaqt li l-ACO jindirizza l-“Atti ta’ Qtil Massiv Indiskriminat” (ara l-Artikolu 4 tal-ACO). Huma biss dawk l-organizzazzjonijiet identifikati b’mod preċiż li jippreżentaw theddid speċifiku intern jew estern għas-sigurtà pubblika li jistgħu jkunu soġġetti għal dispożizzjonijiet taħt is-SAPA jew l-ACO.

Għal dan il-għan, is-SAPA u l-ACO jipprovdu awtorità legali ta’ investigazzjoni. Is-setgħat investigattivi fundamentali tal-uffiċjali tal-PSIA (PSIO) huma stabbiliti fl-Artikolu 27 tas-SAPA u l-Artikolu 29 tal-ACO. L-investigazzjonijiet mill-PSI skont dawn id-dispożizzjonijiet isiru sa fejn ikunu meħtieġa fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ kontroll ta’ organizzazzjoni msemmija hawn fuq (eż. il-Gruppi Xellugin Radikali, is-setta Aum Shinrikyo u ċertu grupp domestiku marbut mill-qrib mal-Korea ta’ Fuq ġew eżemplifikati bħala suġġett ta’ investigazzjoni fil-passat). Madankollu, dawn l-investigazzjonijiet ma jistgħux jiddependu fuq mezzi obbligatorji u għalhekk organizzazzjoni li jkollha informazzjoni personali ma tistax tiġi mġiegħla tipprovdi tali informazzjoni.

Il-ġbir u l-użu ta’ informazzjoni żvelata lill-PSIA fuq bażi volontarja hija soġġetta għas-salvagwardji u l-limitazzjonijiet rilevanti pprovduti mil-liġi bħal, fost l-oħrajn, is-segretezza ta’ komunikazzjoni garantita mill-Kostituzzjoni u r-regoli dwar it-trattament ta’ informazzjoni personali taħt l-APPIHAO.

(4)   Il-Ministeru tad-Difiża (MOD)

Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni mill-Ministeru tad-Difiża (MOD), il-MOD jiġbor informazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 3 u 4 tal-Att għat-Twaqqif tal-MOD sa fejn dan ikun meħtieġ għall-eżerċizzju ta’ kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni amministrattiva, inkluż fir-rigward tad-difiża u l-gwardja, azzjoni li għandha tittieħed mill-Forzi Awtodifiża kif ukoll l-iskjerament tal-Forzi ta’ Awtodifiża tal-Art, Marittima u tal-Ajru. Il-MOD jista’ jiġbor biss informazzjoni għal dawn l-iskopijiet permezz ta’ kooperazzjoni volontarja u minn sorsi aċċessibbli b’mod ħieles. Ma jiġborx informazzjoni dwar il-pubbliku ġenerali.

2)   Limitazzjonijiet u salvagwardji

a)   Limitazzjonijiet statutorji

(1)   Limitazzjonijiet ġenerali fuq il-bażo tal-APPIHAO

L-APPIHAO hija liġi ġenerali li tapplika għall-ġbir u t-trattament tal-informazzjoni personali minn organi amministrattivi fi kwalunkwe qasam ta’ attività ta’ organi bħal dawn. Għalhekk, il-limitazzjonijiet u s-salvagwardji deskritti fit-taqsima II.A.1) b)2 japplikaw ukoll għaż-żamma, il-ħażna, l-użu eċċ. tal-informazzjoni personali fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.

(2)   Il-limitazzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-pulizija (kemm l-NPA kif ukoll il-Pulizija tal-Prefetturi)

Kif speċifikat hawn fuq fit-taqsima li tittratta l-ġbir tal-informazzjoni għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, il-pulizija tista’ tiġbor informazzjoni biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha u meta tagħmel dan tista’, skont l-Artikolu 22 tal-Liġi tal-Pulizija, taġixxi biss sa fejn “strettament limitat” għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha u b’mod li jkun “imparzjali, mhux partiġġjan, mhux ippreġudikat u ġust”. Barra minn hekk, is-setgħat tagħha “m’għandhom qatt jiġu abbużati b’tali mod li jinterferixxu fid-drittijiet u l-libertajiet ta’ individwu ggarantit fil-Kostituzzjoni tal-Ġappun”.

(3)   Il-limitazzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-PSIA

Kemm l-Artikolu 3 tas-SAPA u l-Artikolu 3 tal-ACO jistipulaw li l-investigazzjonijiet imwettqa skont dawn l-atti għandhom jitwettqu biss sal-limitu minimu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan segwit u m’għandhomx jitwettqu b’tali mod li jillimitaw b’mod mhux raġonevoli d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 45 tas-SAPA u l-Artikolu 42 tal-AMO, jekk uffiċjal tal-PSIA jabbuża mill-awtorità tiegħu/tagħha, dan jikkostitwixxi reat li huwa punibbli b’sanzjonijiet kriminali eħrex minn abbużi “ġenerali” ta’ awtorità f’oqsma oħra tas-settur pubbliku.

(4)   Il-limitazzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-MOD

Fir-rigward tal-ġbir / organizzazzjoni ta’ informazzjoni mill-MOD, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Att dwar l-Istabbiliment tal-MOD, l-attività ta’ dan il-Ministeru biex jiġbor l-informazzjoni hija limitata għal dak li huwa “neċessarju” biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu fir-rigward ta’ 1 difiża u gwardja, 2 l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Forzi ta’ Awtodifiża, 3 l-organizzazzjonijiet, in-numru tal-persunal, l-istruttura, it-tagħmir, u l-iskjerament tal-Forzi ta’ Awtodifiża tal-Art, dawk Marittimi u tal-Ajru.

(b)   Limitazzjonijiet oħra

Kif spjegat aktar kmieni fit-Taqsima II.A.2) b) 1 dwar investigazzjonijiet kriminali, jirriżulta mill-każistika tal-Qorti Suprema li, sabiex tiġi indirizzata talba għal kooperazzjoni volontarja lil operatur ta’ negozju, talba bħal din trid tkun neċessarja għall-investigazzjoni ta’ reat suspettat u għandha tkun raġonevoli sabiex jintlaħaq l-għan tal-investigazzjoni.

Għad li l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet investigattivi fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali jvarjaw mill-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet investigattivi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi rigward kemm il-bażi ġuridka tagħhom kif ukoll l-iskop, il-prinċipji ċentrali ta’ “neċessità għall-investigazzjoni” u “xerqien tal-metodu” japplikaw b’mod simili fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali u jridu jiġu rispettati b’kunsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

Il-kombinazzjoni tal-limitazzjonijiet ta’ hawn fuq tiżgura li l-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni jsiru biss sal-punt meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet speċifiċi tal-awtorità pubblika kompetenti kif ukoll abbażi ta’ theddid speċifiku. Dan jeskludi l-ġbir massiv u mingħajr distinzjoni jew aċċess għall-informazzjoni personali għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali.

B.   Sorveljanza

1)   Sorveljanza ibbażata fuq l-APPIHAO

Kif spjegat hawn fuq fit-Taqsima II.B.2), fis-settur pubbliku tal-Ġappun, il-Ministru jew il-Kap ta’ kull ministeru jew aġenzija għandu s-setgħa li jissorvelja u jinforza l-konformità mal-APPIHAO fil-ministeru jew l-aġenzija tiegħu / tagħha. Barra minn hekk, il-Ministru tal-Affarijiet Interni u l-Komunikazzjoni jista’ jinvestiga l-istatus tal-infurzar tal-Att, jitlob lil kull Ministru biex jissottometti materjal u spjegazzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 49 u 50 tal-Att, jindirizza opinjonijiet lil kull Ministru abbażi tal-Artikolu 51 tal-Att. Pereżempju, jista’ / tista’ j/titlob reviżjoni tal-miżuri permezz tal-azzjonijiet skont l-Artikolu 50 u 51 tal-Att.

2)   Sorveljanza fuq il-pulizija mill-Kummissjonijiet tas-Sikurezza Pubblika

Kif spjegat fit-Taqsima ta’ hawn fuq "II. Ġbir ta’ informazzjoni għal skop ta’ infurzar tal-liġi kriminali", il-Kummissjonijiet indipendenti tas-Sikurezza Pubblika jagħmlu superviżjoni tal-attivitajiet mill-Pulizija tal-Prefetturi.

Fir-rigward tal-Aġenzija tal-Pulizija Nazzjonali (NPA), il-funzjonijiet superviżorji jiġu eżerċitati mill-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika. Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-Pulizija, din il-Kummissjoni hija responsabbli, b’mod partikolari, għall-“protezzjoni tad-drittijiet u l-libertà ta’ individwu”. Għal dan il-għan, hija għandha tistabbilixxi b’mod partikolari politiki komprensivi li jistabbilixxu regolamenti għall-amministrazzjoni tal-kwistjonijiet preskritti f’kull punt tal-Artikolu 5(4) tal-Liġi tal-Pulizija u tistabbilixxi direzzjonijiet jew miżuri bażiċi oħra li wieħed jintħtieġ li joqgħod fuqhom biex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija. Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika (NPSC) għandha l-istess livell ta’ indipendenza bħall-Kummissjonijiet tal-Prefettura tas-Sikurezza Pubblika (PPSCS).

3)   Sorveljanza tal-MOD mill-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Konformità Legali

L-Uffiċċju tal-Ispettur Ġenerali tal-Konformità Legali (IGO) huwa uffiċċju indipendenti fil-Ministeru tad-Difiża (MOD), li huwa taħt is-superviżjoni diretta tal-Ministru tad-Difiża skont l-Artikolu 29 tal-Att għat-Twaqqif tal-MOD. L-IGO jista’ jwettaq spezzjonijiet ta’ konformità ma’ liġijiet u regolamenti minn uffiċjali tal-MOD. Dawn l-ispezzjonijiet jissejħu “Spezzjonijiet ta’ Difiża”.

L-IGO jagħmel spezzjonijiet mill-perspettiva ta’ uffiċċju indipendenti sabiex tiġi żgurata konformità legali madwar il-ministeru kollu, inklużi l-Forzi tal-Awtodifiża (SDF). Jaqdi dmirijietu b’mod indipendenti mid-dipartimenti operattivi tal-MOD. Wara l-ispezzjoni, l-IGO jirrapporta s-sejbiet tiegħu, flimkien mal-miżuri neċessarji ta’ titjib, direttament lill-Ministru tad-Difiża mingħajr dewmien. Fuq il-bażi tar-rapport tal-IGO, il-Ministru tad-Difiża jista’ joħroġ ordnijiet biex jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex jirrimedja s-sitwazzjoni. Id-Deputat Viċi Ministru huwa responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u għandu jirrapporta lill-Ministru tad-Difiża dwar l-istatus ta’ tali implimentazzjoni.

Bħala miżura ta’ trasparenza volontarja, is-sejbiet tal-Ispezzjonijiet tad-Difiża issa saru pubbliċi fuq is-sit web tal-MOD (għalkemm dan mhux mitlub mil-liġi).

Hemm tliet kategoriji ta’ Spezzjonijiet tad-Difiża:

(i)

Spezzjonijiet tad-Difiża Regolari, li jsiru perjodikament (31);

(ii)

Spezzjonijiet ta’ Difiża għall-kontrolli, li jsiru biex jiġi vverifikat jekk ikunux ittieħdu b’mod effettiv miżuri ta’ titjib; kif ukoll

(iii)

Spezzjonijiet ta’ Difiża Speċjali, li jsiru għal kwistjonijiet speċifiċi ordnati mill-Ministru tad-Difiża.

Fil-kuntest ta’ spezzjonijiet bħal dawn, l-Ispettur Ġenerali jista’ jitlob rapporti mill-uffiċċju kkonċernat, jitlob is-sottomissjoni ta’ dokumenti, jidħol fis-siti biex iwettaq l-ispezzjoni, jitlob spjegazzjonijiet mingħand id-Deputat Viċi Ministru, eċċ. B’kunsiderazzjoni tan-natura tal-kompiti ta’ spezzjoni tal-IGO, dan l-uffiċċju huwa mmexxi minn esperti legali għolja ħafna (eks Supretendent Prokuratur).

4)   Sorveljanza tal-PSIA

Il-PSIA twettaq kemm spezzjonijiet regolari kif ukoll speċjali fuq l-operazzjonijiet tal-uffiċċji individwali tagħha u uffiċċji oħra (l-Uffiċċju tal-Intelligence tas-Sigurtà Pubblika, l-Uffiċċji ta’ Intelligence tas-Sigurtà Pubblika u s-Sub Uffiċċji, eċċ.). Għall-finijiet tal-ispezzjoni regolari, jinħatar Assistent Direttur Ġenerali u / jew Direttur bħala spettur(i). Dawn l-ispezzjonijiet jikkonċernaw ukoll il-ġestjoni ta’ informazzjoni personali.

5)   Sorveljanza mid-Diet

Fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi, id-Diet, permezz tal-kumitat kompetenti tiegħu, jista’ jeżamina l-legalità ta’ attivitajiet tal-ġbir tal-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali. Is-setgħat investigatorji tad-Diet huma bbażati fuq l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni u l-Artikoli 74 u 104 tal-Att dwar id-Diet.

C.   Rimedju individwali

Rimedju individwali jista’ jiġi eżerċitat permezz tal-istess mezzi bħal fil-qasam tal-infurzar tal-liġi kriminali. Dan jinkludi wkoll il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ rimedju, amministrat u ssorveljat mill-PPC, għall-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-ilmenti mressqa minn individwi tal-UE. F’dan ir-rigward, jekk jogħġbok ara l-partijiet rilevanti tat-Taqsima II.C.

Barra minn hekk, hemm mezzi speċifiċi ta’ rimedju individwali disponibbli fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.

L-informazzjoni personali miġbura mill-organu amministrattiv għal skopijiet tas-sigurtà nazzjonali hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4 tal-APPIHAO. Dan jinkludi d-dritt li jintalab id-divulgazzjoni (l-Artikolu 12), il-korrezzjoni (inklużi ż-żieda jew it-tħassir) (l-Artikolu 27) tal-informazzjoni personali miżmuma tal-individwu kif ukoll id-dritt li tintalab is-sospensjoni tal-użu tal-informazzjoni personali fil-każ li l-organu amministrattiv ikun kiseb l-informazzjoni kkonċernata illegalment (l-Artikolu 36). Madankollu, fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, l-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawn huwa soġġett għal ċerti restrizzjonijiet: talbiet għal żvelar, korrezzjoni jew sospensjoni ma jingħatawx meta jikkonċernaw “informazzjoni li għaliha jkun hemm bażi raġonevoli biex il-kap ta’ organu amministrattiv isib li d-divulgazzjoni x’aktarx li jikkawża ħsara lis-sigurtà nazzjonali, jikkawża ħsara lir-relazzjoni ta’ fiduċja reċiproka ma’ pajjiż ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, jew jikkawża żvantaġġ fin-negozjati ma’ pajjiż ieħor jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali” (l-Artikolu 14 (iv)). Għalhekk, mhux il-ġbir volontarju kollu tal-informazzjoni relatata mas-sigurtà nazzjonali jaqa’ f’din l-eżenzjoni, peress li dan tal-aħħar dejjem jeħtieġ valutazzjoni konkreta tar-riskji involuti fid-divulgazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, jekk it-talba tal-individwu tiġi miċħuda għar-raġuni li l-informazzjoni kkonċernata ma tkunx tista’ tiġi żvelata skont it-tifsira tal-Artikolu 14 (iv), l-individwu jista’ jressaq appell amministrattiv għar-rieżami ta’ tali deċiżjoni, billi jiddikjara pereżempju li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14 (iv) mhumiex issodisfati fil-każ inkwistjoni. F’dan il-każ, qabel ma jieħu deċiżjoni, il-Kap tal-organu amministrattiv ikkonċernat għandu jikkonsulta lill-Bord għar-Rieżami tal-Informazzjoni dwar id-Divulgazzjoni u l-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali. Dan il-Bord jirrevedi l-appell minn perspettiva indipendenti. Il-Bord huwa korp speċjalizzat u indipendenti ħafna li l-membri tiegħu jinħatru mill-Prim Ministru, bi qbil maż-żewġ Kmamar tad-Diet, fost nies b’għarfien espert eċċellenti. (32) Il-Bord igawdi minn setgħat investigattivi qawwija, inkluża l-possibbiltà li jitlob dokumenti u li jiżvela l-informazzjoni personali inkwistjoni, li jiddelibera in camera, u li japplika l-proċedura tal-indiċi Vaughn (33). Il-Bord imbagħad jistabbilixxi rapport bil-miktub li jiġi kkomunikat lill-individwu kkonċernat. (34) Is-sejbiet li jinsabu fir-rapport isiru pubbliċi. Għalkemm ir-rapport mhuwiex legalment vinkolanti fis-sens tal-kelma, l-organu amministrattiv ikkonċernat jikkonforma mar-rapporti kważi kollha huma (35).

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 33 tal-Att dwar it-Tilwim fil-Każ Amministrattiv, l-individwu jista’ jressaq kawża l-qorti li titlob ir-revoka tad-deċiżjoni meħuda mill-Organu Amministrattiv biex ma tiġix żvelata l-informazzjoni personali.

IV.   Rieżami Perjodiku

Fil-qafas tar-rieżami perjodiku tad-deċiżjoni ta’ adegwatezza, il-PPC u l-Kummissjoni Ewropea se jiskambjaw informazzjoni dwar il-proċessar ta’ data skont il-kundizzjonijiet tal-konstatazzjoni ta’ adegwatezza, inklużi dawk stabbiliti f’din ir-Rappreżentazzjoni.


(1)  Il-Qorti Suprema, Sentenza tat-12 ta’ Settembru 2003 (2002 (Ju) Nru 1656)

(2)  Għall-eċċezzjonijiet fir-rigward tal-Kapitolu 4 tal-APPIHAO, ara aktar ’l isfel f’p.16.

(3)  Informazzjoni Personali Miżmuma” fl-Artikolu 2(5) tal-APPIHAO tfisser informazzjoni personali mħejjija jew miksuba minn impjegat ta’ organu amministrattiv fil-qadi tad-dmirijiet ta’ dak l-impjegat u miżmuma minn dak l-organu amministrattiv għal użu organizattiv mill-impjegati tiegħu.

(4)  Kull prefattura għandha l-“ordinanza prefatturali” applikabbli għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali mill-Pulizija tal-Prefatturi. Ma teżisti l-ebda traduzzjoni bl-Ingliż ta’ dawn l-ordinanzi prefatturali.

(5)  L-Artikolu 2201 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi li meta prosekutur pubbliku, uffiċjal assistent ta’ prosekutur pubbliku jew uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja jarresta suspettat, huwa/hija, jieħdu dawn il-miżuri jekk ikun meħtieġ: (a) jidħol fir-residenza ta’ persuna oħra eċċ. biex ifittex lis-suspettat; (b) ifittex, jaqbad jew jispezzjona fil-post tal-arrest.

(6)  B’mod aktar speċifiku, din id-dispożizzjoni tistipula li “l-prosekutur pubbliku jew il-pulizija ġudizzjarja jistgħu, f’każijiet li jaqgħu taħt kwalunkwe waħda mill-każijiet li ġejjin, f’sitwazzjoni fejn ikun biżżejjed li tqajjem suspetti li jkunu se jseħħu komunikazzjonijiet dwar it-twettiq, it-tħejjijiet, komplotti u azzjonijiet ta’ segwitu bħat-tneħħija ta’ evidenza, eċċ., struzzjonijiet u interkomunikazzjoni oħra tar-reat preskritt f’kull wieħed mill-każi msemmija (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘sensiela ta’ reati’ fit-tieni u t-tielet każi, kif ukoll komunikazzjonijiet li jkunu fihom kwistjonijiet relatati mar-reat imsemmi (minn hawn ’il quddiem imsejħa f’dan il-paragrafu ‘komunikazzjonijiet dwar ir-reat’) u f’każi fejn ikun estremament diffiċli li jiġi identifikat il-kriminal jew li jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet/id-dettalji tat-twettiq bi kwalunkwe mod ieħor, jinterċettaw il-komunikazzjoni marbuta mar-reat, fuq il-bażi ta’ mandat ta’ interċettazzjoni maħruġ minn imħallef tal-qorti, fir-rigward ta’ mezz ta’ komunikazzjoni, li jkun speċifikat minn numru tat-telefown u numri/kodiċi oħra għall-identifikazzjoni tas-sors jew tad-destinazzjoni tat-telefown u jintuża mis-suspettat fuq il-bażi ta’ kuntratt ma’ operaturi tat-telekomunikazzjoni, eċċ. (għajr dawk li jistgħu jitqiesu mingħajr suspett ta’ ‘komunikazzjonijiet dwar reat’), jew fir-rigward ta’ dawk fejn ikun hemm il-bażi ta’ suspetti li jintużaw bħala ‘komunikazzjonijiet dwar reat’, u tista’ sseħħ l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet dwar reat b’dawn il-mezzi ta’ komunikazzjonijiet.”

(7)  is-Sentenza tat-18 ta’ Marzu, 1969 (1968 (Shi) Nru 100).

(8)  L-Artikolu 156 1 tal-Regoli tal-Proċedura Kriminali jipprevedi: “Fil-preżentazzjoni tat-talba stipulata fil-paragrafu 1 tal-Artikolu preċedenti, ir-rikjedent għandu jipprovdi materjal biżżejjed li fuqu s-suspettat, jew l-imputat, jenħtieġ li jitqies li jkun wettaq reat.”

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6.

(10)  L-Artikolu 31 u 2 tal-APPIHAO jirrestrinġu l-limitu sa fejn tista’ tinżamm, u allura sa fejn tista’ wkoll tinġabar l-informazzjoni personali.

(11)  Ara wkoll in-notifika maħruġa mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Pulizija fis-7 ta’ Diċembru 1999 (aktar ’l isfel f’paġna 9) li tistqarr l-istess punt.

(12)  Is-serjetà tar-reat u l-urġenza huma fatturi rilevanti fil-valutazzjoni tax-“xerqien tal-metodi”.

(13)  L-Artikolu 212 tal-Kostituzzjoni jiddikjara: “Ma għandu jkun hemm l-ebda ċensura, u lanqas ma għandu jkun hemm ksur tas-segretezza ta’ xi mezzi ta’ komunikazzjoni.”

(14)  L-Artikolu 4 tal-Att dwar in-Negozji tat-Telekomunikazzjoni jiddikjara: “1 Is-segretezza tal-komunikazzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu trattati minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet ma għandhiex tinkiser. 2 Kwalunkwe persuna li tkun involuta fin-negozju tat-telekomunikazzjonijiet ma għandhiex tiżvela s-sigrieti miksuba waqt l- tkun qed tokkupa l-pożizzjoni tagħha, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet li jkunu qegħdin jiġu trattati mill-operatur tat-telekomunikazzjonijiet. L-istess għandu japplika anke wara li huwa / hija jitlaq / titlaq mill-kariga tiegħu/tagħha.”

(15)  L-Artikolu 134 tal-Kodiċi Penali jiddikjara: “1 Meta tabib, spiżjar, distributur farmaċewtiku, qabla, avukat, avukat difensur, nutar pubbliku jew kwalunkwe persuna oħra li preċedentement kienet involuta f’tali professjoni tiżvela, mingħajr ebda bażi ġustifikabbli, l-informazzjoni kunfidenzjali dwar persuna oħra li hija tkun saret taf fl-iżvolġiment ta’ tali professjoni, għandha tiġi imposta piena ta’ priġunerija b’xogħol għal mhux aktar minn 6 xhur jew multa ta’ mhux aktar minn 100 000 yen. 2 L-istess għandu japplika fil-każ fejn persuna li tkun involuta jew li kienet involuta fil-passat f’kariga reliġjuża u tikxef, mingħajr ebda bażi ġustifikabbli, l-informazzjoni kunfidenzjali ta’ persuna oħra li tkun saret magħrufa waqt attivitajiet reliġjużi.”

(16)  Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal din ir-regola ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.

(17)  Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tal-MIC, il-kap tal-organu amministrattiv huwa meħtieġ, f’konformità mal-Artikolu 11 tal-APPIHAO, jirreġistra kull oġġett preskritt mill-Artikolu 101 tal-APPIHAO, bħall-isem tal-organu amministrattiv li jkun żamm il-fajl, l-iskop u l-użu tal-fajl, il-metodu tal-ġbir tal-informazzjoni personali, eċċ. (l-hekk imsejjaħ “ir-Reġistru tal-Fajl tal-Informazzjoni Personali”). Madankollu, il-fajls tal-informazzjoni personali li jkunu jaqgħu taħt l-Artikolu 102 tal-APPIHAO, bħal pereżempju dawk li jkunu tħejjew jew inkisbu bħala parti minn investigazzjoni kriminali jew li jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet rilevanti għas-sigurtà nazzjonali, huma eżentati mill-obbligu tan-notifika lill-MIC u milli jiġu inklużi fir-reġistru pubbliku. Madankollu, skont l-Artikolu 7 tal-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi u l-Ġestjoni tal-Arkivji, il-kap ta’ organu amministrattiv huwa dejjem obbligat li jirreġistra l-klassifikazzjoni, it-titolu, il-perjodu taż-żamma u l-post fejn jinżammu, eċċ. d-dokumenti amministrattivi (“Ir-Reġistru tal-Ġestjoni tal-Fajls ta’ Dokumenti Amministrattivi”). L-informazzjoni tal-indiċi għaż-żewġ reġistri hija ppubblikata fl-internet u tippermetti lil individwi biex jiċċekkjaw x’tip ta’ informazzjoni personali jkun hemm fil-fajl u liema organu amministrattiv ikollu l-informazzjoni.

(18)  Ara, pereżempju, id-domanda bil-miktub nru 92 tal-Kamra tal-Kunsillieri tas-27 ta’ Marzu 2009 dwar it-trattament tal-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet kriminali inkluż ksur tal-obbligi tal-kunfidenzjalità min-naħa tal-pulizija u l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni.

(19)  Eżempju ta’ tali azzjoni huwa “L-Kawża dwar il-Lista tal-Aġenzija tad-Difiża” (il-Qorti Distrettwali ta’ Niigata, id-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2006 (2002(Wa) Nru.514)). F’dan il-każ, uffiċjal tal-Aġenzija tad-Difiża ħejja, żamm u qassam lista ta’ dawk l-individwi li kienu ressqu talbiet għall-iżvelar ta’ dokumenti amministrattivi lill-Aġenzija tad-Difiża. Fuq din il-lista kien hemm deskrizzjonijiet tal-informazzjoni personali tar-rikorrent. Ir-rikorrent insista li l-privatezza, id-dritt ta’ persuna li tkun taf, eċċ. inkisru u talab lill-konvenut biex iħallas id-danni skont l-Artikolu 11 tal-Att dwar ir-Rimedji Statali. Din it-talba intlaqgħet parzjalment mill-qorti li tat kumpens parzjali lir-rikorrent.

(20)  Id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Qorti Suprema tat-5 ta’ April 1910 (1910(O) No.71).

(21)  L-Artikolu 79 tal-Liġi tal-Pulizija (estratt):

1.

Kull min ikollu lment kontra l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet mill-Pulizija tal-Prefettura jista’ jressaq ilment bil-miktub lill-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefettura permezz tal-proċedura preskritta fl-Ordinanza tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Sikurezza Pubblika.

2.

Il-Kummissjoni tas-Sikurezza Pubblika tal-Prefetturi li rċeviet ilment previst fil-paragrafu preċedenti għandha tamministraha b’mod leali skont il-liġijiet u l-ordinanzi lokali, u għandha tavża r-riżultat tagħha lill-kwerelant bil-miktub, ħlief fil-każijiet li ġejjin:

1

L-ilment jista’ jiġi rikonoxxut bħala wieħed li jinġieb sabiex jostakola l-eżekuzzjoni legali tad-dmirijiet mill-Pulizija tal-Prefetturi;

2

Ir-residenza attwali tal-kwerelant mhijiex magħrufa;

3

L-ilment jista’ jiġi rikonoxxut li sar b’mod konġunt ma’ kwerelanti oħra u l-kwerelanti l-oħra diġà ġew innotifikati bir-riżultat tal-ilment konġunt.

(22)  NPA, Avviż dwar it-trattament xieraq tal-ilmenti dwar l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet mill-uffiċjali tal-pulizija, 13 ta’ April 2001, bid-Dokument mehmuż 1 “Standards dwar l-interpretazzjoni / l-implimentazzjoni tal-Artikolu 79 tal-Att dwar il-Pulizija”.

(23)  Skont l-Avviż tal-NPA (ara n-nota preċedenti), individwi b’diffikultajiet fil-formulazzjoni ta’ lment bil-miktub għandhom jirċievu assistenza. Dan jinkludi b’mod ċar il-każ ta’ barranin.

(24)  Min-naħa l-oħra, ikun hemm dokumenti li mhumiex klassifikati bħala “dokumenti relatati ma’ ġurijiet” peress li huma stess ma jkunux informazzjoni miksuba permezz ta’ mandat jew inkjesti bil-miktub dwar kwistjonijiet investigattivi iżda maħluqa fuq il-bażi ta’ dawn id-dokumenti. Dan ikun każ fejn l-informazzjoni privata ma tkunx soġġetta għall-Artikolu 45 1 tal-APPIHAO, u għalhekk din l-informazzjoni ma tkunx eskluża mill-applikazzjoni tal-Kapitolu 4 tal-APPIHAO.

(25)  L-Artikolu 53-22 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jippreskrivi li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-APPIHAO m’għandhomx japplikaw għall-informazzjoni personali rreġistrata fid-dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-provi u l-oġġetti maqbuda.

(26)  Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Att dwar ir-Rekords Kriminali Finali, l-aċċess u l-korrezzjoni tal-oġġetti sekwestrati kif ukoll dokumenti / informazzjoni personali dwar proċessi kriminali huma soġġetti għal sistema unika u distintiva ta’ regoli li għandha l-għan li tipproteġi l-privatezza tal-persuni kkonċernati, is-segretezza tal-investigazzjonijiet u t-tmexxija xierqa tal-proċess kriminali, eċċ.

(27)  B’mod aktar speċifiku, l-ispezzjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ evidenza oġġettiva fil-prinċipju hija permessa għal vittmi tal-kriminalità fir-rigward tar-rekords mhux ta’ prosekuzzjoni dwar il-każijiet soġġetti għall-parteċipazzjoni tal-vittmi stipulati fl-Artikolu 316–33 sussegwenti tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali sabiex il-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità tkun aktar sodisfaċenti.

(28)  Dan huwa mmexxi mill-Uffiċċju għall-Intelligence u r-Riċerka tal-Kabinett ibbażat fuq l-Artikolu 4 tal-Ordni tal-Organizzazzjoni tas-Segretarjat tal-Kabinett.

(29)  Dan jinkludi “il-ġbir u r-riċerka tal-intelligence dwar politiki importanti tal-Kabinett”.

(30)  Il-pulizija tas-sigurtà hija responsabbli għall-attivitajiet ta’ kontroll tal-kriminalità marbuta mas-sikurezza pubblika u l-interess tan-Nazzjon. Dan jinkludi l-kontroll tal-kriminalità u l-ġbir tal-informazzjoni dwar atti illegali relatati ma’ gruppi xellugin estremi, gruppi tal-lemin u attivitajiet ta’ ħsara kontra l-Ġappun.

(31)  Bħala eżempju ta’ spezzjoni rilevanti għall-kwistjonijiet koperti minn din ir-Rappreżentanza, tista’ ssir referenza għall-Ispezzjoni tad-Difiża Regolari tal-2016 fir-rigward tal-“Għarfien / Tħejjija għal Konformità Legali” peress li l-protezzjoni tal-informazzjoni personali kienet waħda mill-punti fokali tal-ispezzjoni. B’mod aktar speċifiku, l-ispezzjoni tikkonċerna l-istatus ta’ ġestjoni, ħżin, eċċ. ta’ informazzjoni personali. Fir-rapport tiegħu, l-IGO identifika diversi aspetti mhux xierqa fil-ġestjoni tal-informazzjoni personali li jenħtieġ li jittejbu, bħan-nuqqas li tiġi protetta d-data permezz ta’ password. Ir-rapport huwa disponibbli fuq is-sit web tal-MOD.

(32)  Ara l-Artikolu 4 tal-Att għall-Istabbiliment tal-Bord għar-Rieżami tad-Divulgazzjoni tal-Informazzjoni u għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali.

(33)  Ara l-Artikolu 9 tal-Att għall-Istabbiliment tal-Bord għar-Rieżami tad-Divulgazzjoni tal-Informazzjoni u għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali.

(34)  Ara l-Artikolu 16 tal-Att għall-Istabbiliment tal-Bord għar-Rieżami tad-Divulgazzjoni tal-Informazzjoni u għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni Personali.

(35)  Matul l-aħħar 3 snin, ma nstab l-ebda preċedent fejn l-organu amministrattiv ikkonċernat ħa deċiżjoni li kienet differenti mill-konklużjonijiet tal-Bord. Meta wieħed imur lura fis-snin, hemm veru ftit każijiet fejn dan seħħ: żewġ istanzi biss minn total ta’ 2 000 każ bejn l-2005 (is-sena li fiha daħal fis-seħħ l-APIHAO). Meta l-organu amministrattiv jagħmel determinazzjoni / deċiżjoni li tkun differenti mill-konklużjonijiet tal-Bord, skont l-Artikolu 501, il-partita 4 tal-Att dwar ir-Rieżami tal-Ilment Amministrattiv kif applikat bis-sostituzzjoni tal-Artikolu 422 tal-APPIHAO, għandu jindika b’mod ċar ir-raġunijiet għal dan.


Top