EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0306

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306 tat-18 ta' Frar 2019 li tawtorizza lill-Awstrija taċċetta, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

ST/14947/2018/INIT

OJ L 51, 22.2.2019, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/306(1)/oj

22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/306

tat-18 ta' Frar 2019

li tawtorizza lill-Awstrija taċċetta, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika.

(2)

Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (“ir-Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.

(3)

Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

(4)

L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(5)

L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

(6)

Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

(7)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

(8)

Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.

(9)

Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (3), id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni.

(10)

L-Ekwador iddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-22 ta' Jannar 1992. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ fl-Ekwador, fl-1 ta' April 1992.

(11)

L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija u d-Danimarka, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. L-Ekwador aċċettat l-adeżjoni tal-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ekwador wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Ekwador skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(12)

L-Ukrajna ddepożitat l-istrument tagħha tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-2 ta' Ġunju 2006. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Ukrajna, fl-1 ta' Settembru 2006.

(13)

L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija u d-Danimarka, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Ukrajna skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

(14)

Għalhekk jenħtieġ li l-Awstrija tiġi awtorizzata tiddepożita d-dikjarazzjonijiet tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

(15)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(16)

B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Awstrija hija b'dan awtorizzata li taċċetta l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.

2.   L-Awstrija għandha, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Frar 2020, tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej:

“[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306”.

3.   L-Awstrija għandha tgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandha tikkomunika t-test ta' dik id-dikjarazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

N. BĂDĂLĂU


(1)  Opinjoni tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).

(3)  ECLI:EU:C:2014:2303.


Top