EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0014(01)

Deċiżjoni (UE) 2019/976 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Mejju 2019 li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback fi ħdan it-timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2019/14)

OJ L 157, 14.6.2019, p. 61–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/976/oj

14.6.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/61


DEĊIŻJONI (UE) 2019/976 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tad-29 ta' Mejju 2019

li tistabbilixxi l-prinċipji għad-definizzjoni ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback fi ħdan it-timijiet superviżorji konġunti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2019/14)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u (7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jistipula li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Il-premessa 79 ta' dak ir-Regolament tistabbilixxi li persunal b'motivazzjoni għolja, imħarreġ sew u imparzjali huwa indispensabbli għal superviżjoni effettiva.

(2)

Skont l-Artikoli 3 sa 6 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (2), il-BĊE huwa inkarigat mill-istabbiliment u l-kompożizzjoni ta' timijiet superviżorji konġunti li huma komposti minn membri tal-persunal mill-BĊE u mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Koordinatur ta' tim superviżorju konġunt (TSK), assistit minn subkoordinatur wieħed jew iżjed tal-awtorità nazzjonali kompetenti (ANK), jiżgura l-koordinazzjoni tax-xogħol fi ħdan it-TSK.

(3)

Fid-dawl tar-rwoli importanti tal-koordinaturi tat-TSK u s-subkoordinaturi tal-ANK fil-koordinazzjoni tax-xogħol tal-membri tat-TSK mill-ANK, huwa neċessarju u proporzjonat li jiddaħħal proċess uniformi għad-definizzjoni tal-objettivi u l-kondiviżjoni tal-feedback fi ħdan it-TSK.

(4)

Il-feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-ANK kien ipprovdut qabel matul perijodu ta' prova inizjali bbażat fuq id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/36) (3), u mbagħad matul perijodu ta' prova sussegwenti skont il-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni (UE) 2017/274 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2017/6) (4). Peress li dak il-perijodu ta' prova sussegwenti ġie konkluż, id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) għandha tiġi rrevokata fl-interessi taċ-ċertezza legali.

(5)

L-esperjenza akkwistata matul dak il-perijodu ta' prova sussegwenti indikat li mekkaniżmu ta' feedback fi ħdan it-TSK jista' jkun utli biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tagħhom, kollaborazzjoni u djalogu aħjar, u sabiex ikomplu jinbnew aktar il-fiduċja u l-ftuħ fi ħdan dawk it-timijiet. Il-mekkaniżmu ta' feedback għalhekk għandu jitkompla u jintuża fuq bażi regolari. Madankollu, sabiex jiġu akkomodati reviżjonijiet li għandhom isiru għall-mekkaniżmu tal-feedback, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ġdida. Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) għandha titħassar u tiġi ssostitwita b'din id-Deċiżjoni.

(6)

L-ANK huma weħidhom responsabbli għall-evalwazzjoni tal-persunal tagħhom, u l-BĊE huwa responsabbli biss għall-evalwazzjoni tal-persunal tiegħu. Fil-ġestjoni tal-persunal, l-ANK jistgħu jużaw il-feedback mogħti mill-koordinaturi tat-TSK lis-subkoordinaturi tal-ANK, jekk jitħallew jagħmlu dan taħt il-liġi nazzjonali relevanti, u l-BĊE jista' juża l-feedback mogħti mill-koordinatur tat-TSK, f'kull każ b'mod konformi ma' din id-Deċiżjoni.

(7)

Is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u huwa ta opinjoni fis-7 ta' April 2015 li rrikonoxxiet li l-feedback huwa meħtieġ għall-ġestjoni tat-TSK, u filwaqt li approva l-mekkaniżmu tal-feedback ta parir li l-operazzjoni preċiża tiegħu tiġi ddefinita fi strument legali xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

Artikolu 2

Iffissar ta' objettivi u kondiviżjoni ta' feedback

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà unika tal-ANK bħala l-impjegatur tas-subkoordinaturi tal-ANK, il-koordinaturi tat-TSK għandhom, wara konsultazzjoni ma' kull subkoordinatur tal-ANK, jistabbilixxu l-kompiti u l-objettivi ewlenin ta' dak is-subkoordinatur tal-ANK.

2.   L-objettivi u l-kompetenzi tar-rwol tal-koordinatur tat-TSK huma ddefiniti fi ħdan il-kuntest tal-proċess ta' ġestjoni u żvilupp tal-prestazzjoni tal-BĊE. Għall-finijiet tal-feedback fi ħdan it-TSK, is-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jiġu infurmati dwar dawk il-kompetenzi stipulati u ddefiniti fil-qafas ta' kapaċità tal-BĊE (6) li huma applikabbi għar-rwol ta' koordinatur tat-TSK.

3.   Il-feedback għandu jkun reċiproku: il-koordinaturi tat-TSK għandhom jipprovdu feedback lis-subkoordinaturi tal-ANK u s-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jipprovdu feedback lill-koordinaturi tat-TSK, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.

4.   Il-koordinatur relevanti tat-TSK u s-subkoordinaturi relevanti tal-ANK għandhom jipprovdu feedback konġuntament lit-TSK tagħhom bħala ħaġa sħiħa dwar kif dak it-tim ikun laħaq l-objettivi tiegħu skont il-prinċipji stabbiliti fl-Anness I.

5.   Il-koordinaturi tat-TSK u s-subkoordinaturi tal-ANK għandhom jimmiraw li jipprovdu feedback fil-kuntest ta' laqgħa wiċċ imb'wiċċ.

6.   Il-perijodu ta' referenza li għalih jiġu ddefiniti objettivi u jingħata feedback għandu jkun il-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru ta' kull sena.

7.   Il-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema li jintuża biex jimmaniġġja l-proċess tal-feedback għandu jiġi aċċessat biss minn persuni li jissodisfaw il-kriterji tal-ħtieġa ta' tagħrif kif stipulati fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Kategoriji speċifiċi ta' persuni interessati li jkollhom ħtieġa ta' tagħrif tal-feedback għandhom jiġu stipulati fir-rekord relevanti tal-operazzjoni tal-ipproċessar u l-avviż ta' privatezza pprovdut lis-suġġetti tad-dejta.

Artikolu 3

Revoka

Id-Deċiżjoni (UE) 2017/274 (BĊE/2017/6) hija b'dan imħassra.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet finali

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   B'deroga mill-Artikolu 2(6), l-ewwel perijodu ta' referenza li għalih huma ddefiniti l-objettivi u li għalih jingħata l-feedback għandu jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni u għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess sena.

Magħmul fi Frankfurt am Main, id-29 ta' Mejju 2019.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2016/3 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-prinċipji għall-għoti ta' feedback dwar il-prestazzjoni tas-subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (BĊE/2015/36) (ĠU L 1, 5.1.2016, p. 4).

(4)  Deċiżjoni (UE) 2017/274 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi prinċipji biex jingħata feedback dwar il-prestazzjoni lil subkoordinaturi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/3 (BĊE/2017/6) (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 72).

(5)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu[individwi] fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(6)  Ara d-dokument bit-titolu “The ECB capability framework: the competencies”, disponibbli fuq https://www.ecb.europa.eu/careers/pdf/leadership_competencies.en.pdf.

(7)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS I

Prinċipji għad-definizzjoni tal-objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback f'timijiet superviżorji konġunti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku

Prinċipju 1

Iffissar ta' objettivi

1.

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà unika tal-ANK bħala l-impjegatur ta' subkoordinaturi ta' ANK fil-bidu ta' kull perijodu ta' referenza jew meta subkoordinatur ta' ANK ikun ingħaqad ma' TSK, il-koordinatur tat-TSK, wara konsultazzjoni mas-subkoordinatur tal-ANK, għandu jistabbilixxi l-kompiti ewlenin u l-objettivi għal kull subkoordinatur ta' ANK.

2.

Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jiddefinixxu konġuntament l-objettivi tat-tim u jikkomunikaw dawn l-objettivi lit-TSK annwalment matul laqgħa tat-TSK li għandha sseħħ fil-bidu ta' kull perijodu ta' referenza jew meta jkun ġie stabbilit TSK ġdid.

3.

Il-kompiti u l-objettivi miftiehma għas-subkoordinaturi tal-ANK jistgħu jiġu rreġistrati fl-għodda tas-sistema użata għal-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback.

Prinċipju 2

Kondiviżjoni ta' feedback

1.

Il-koordinatur tat-TSK jipprovdi ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, feedback wiċċ imb'wiċċ lis-subkoordinatur tal-ANK dwar kif huma u t-timijiet tagħhom laħqu l-objettivi rispettivi tagħhom. Dan il-feedback iqis il-kompetenzi stabbiliti fl-Anness II.

2.

Is-subkoordinatur tal-ANK jipprovdi ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, feedback wiċċ imb'wiċċ lill-koordinatur tat-TSK dwar il-koordinazzjoni tagħhom tat-TSK. Dan il-feedback iqis il-kompetenzi stipulati fil-qafas tal-kapaċità tal-BĊE.

3.

Il-feedback kondiviż bejn il-koordinatur tat-TSK u s-subkordinatur tal-ANK kif deskritt fil-Prinċipju 2.1 u 2.2 jiġi rreġistrat, fuq talba mir-riċevitur tal-feedback permezz tal-għodda tas-sistema, fl-għodda tas-sistema, li tintuża għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback.

4.

Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jipprovdu feedback konġuntament lit-TSK tagħhom dwar kif it-tim laħaq l-objettivi tiegħu. Dan il-feedback jingħata lit-TSK ta' mill-inqas darba fis-sena, fi kwalunkwe każ, wara t-tmiem ta' perijodu ta' referenza, matul laqgħa tat-TSK.

5.

Sabiex jiġi żgurat djalogu kontinwu, il-koordinatur tat-TSK jipprovdi lil kull subkoordinatur tal-ANK bi gwida u feedback kontinwu matul is-sena.

6.

Il-koordinatur tat-TSK u s-subkoordinatur tal-ANK jipprovdu gwida u feedback kontinwu lit-tim tagħhom matul is-sena.

Prinċipju 3

Aċċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema

1.

Aċċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback jingħata lill-koordinatur tat-TSK u lis-subkoordinatur tal-ANK.

2.

Aċċess mill-persunal tal-BĊE, minbarra l-koordinatur tat-TSK u l-amministratur tal-proċess għall-feedback irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-ġestjoni tal-proċess tal-feedback jista' jiġi pprovdut fuq il-bażi tal-ħtieġa ta' tagħrif skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

3.

Fuq talba tal-ANK relevanti, din għandha tingħata aċċess u titħalla tuża l-feedback dwar is-subkoordinatur tal-ANK irreġistrat fl-għodda tas-sistema użata għall-immaniġġjar tal-proċess tal-feedback, jekk dan ikun disponibbli:

(a)

għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ġestjoni tal-persunal tagħha, jekk dan ikun awtorizzat mil-liġi nazzjonali applikabbli;

(b)

bħala input biex jiġu identifikati ħtiġijiet ta' żvilupp professjonali, inklużi ħtiġijiet ta' taħriġ, tas-subkoordinaturi tat-TSK, b'mod konformi mar-regoli interni tal-ANK.

(c)

għall-ħolqien/tħejjija ta' valutazzjonijiet, jekk dan ikun awtorizzat taħt il-liġi nazzjonali relevanti.

4.

L-aċċess għall-feedback, inkluż it-trasferiment tiegħu, jingħata lill-ANK skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1725. Jekk jiġu riċevuti talbiet għal feedback u jsir trasferiment, is-subkoordinatur tal-ANK ikkonċernat jiġi infurmat kif meħtieġ.

Prinċipju 4

Protezzjoni ta' dejta personali pproċessata fil-kuntest tal-kondiviżjoni ta' feedback

1.

Kull dejta personali relatata mal-iffissar ta' objettivi u l-kondiviżjoni ta' feedback dwar kif għandhom jintlaħqu dawn l-objettivi tiġi pproċessata mill-BĊE b'mod konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.

Dejta personali relatata mal-iffissar tal-objettivi u l-kondiviżjoni tal-feedback dwar kif jintlaħqu dawk l-objettivi tintuża biss għall-finijiet deskritti fil-Prinċipju 3, u tista' tinżamm għal perijodu massimu ta' ħames snin.

ANNESS II

Lista ta' kompetenzi partikolarment rilevanti għall-persunal li jaħdem fl-MSU (kompetenzi MSU)

 

Tagħrif professjonali: Tagħrif dwar politiki, metodoloġiji u regolamenti superviżorji, speċjalment fil-kuntest tal-MSU, kif ukoll dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Wieħed għandu jżomm aġġornat dwar żviluppi f'dawk l-oqsma u japplika l-għarfien għall-oqsma ta' xogħol relevanti.

 

Komunikazzjoni: Wieħed għandu jagħti informazzjoni b'mod ċar u konċiż lil gruppi jew individwi, jew verbalment jew bil-miktub, sabiex jiġi żgurat li huma jifhmu l-informazzjoni u l-messaġġ. Wieħed għandu jisma' u jirrispondi b'mod xieraq lil ħaddieħor.

 

Kooperazzjoni u kollaborazzjoni: Wieħed għandu jibni u jiżviluppa relazzjonijiet ta' ħidma kontinwi u kollaborattivi mal-kollegi tiegħu sabiex jitwettqu l-kompiti tal-MSU tat-tim bid-dimensjoni Ewropea tagħhom. Wieħed għandu jiżviluppa u jżomm relazzjonijiet effettivi ma' ħaddieħor sabiex tiġi mħeġġa u appoġġata l-ħidma bejn tim. Wieħed għandu jaqsam b'mod proattiv dejta, informazzjoni u tagħrif fi ħdan it-tim.

 

Determinazzjoni fil-kisba ta' objettivi: Wieħed għandu jwettaq kompiti b'tenaċità u perseveranza, isegwi soluzzjonijiet ta' suċċess waqt li jadatta l-imġiba tiegħu stess biex jinstab approċċ adattat għall-kisba ta' eżitu ta' suċċess.

 

Ġudizzju u intrużività: Wieħed għandu janalizza u jivvaluta sitwazzjonijiet, dejta u informazzjoni sabiex jiġu żviluppati strateġiji, pjanijiet u politiki xierqa. Wieħed għandu jifhem u jifformula perspettivi differenti u kuntrarji dwar kwistjoni, jekk meħtieġ, jadatta l-approċċi hekk kif jinbidlu l-ħtiġijiet ta' sitwazzjoni, waqt li jikkunsidra l-problemi minn perspettivi ġodda u jespandi fuq il-ħsieb jew is-soluzzjonijiet proposti minn ħaddieħor. Wieħed għandu jipprova jifhem bis-sħiħ il-kwistjonijiet qabel ma jagħmel rakkomandazzjoni jew jilħaq konklużjoni, waqt li jiġbor informazzjoni sħiħa u preċiża hekk kif meħtieġ, u jasal għal ġudizzju sod billi jistaqsi b'rispett serje ta' domandi intrużivi u billi jfittex kontinwament għal kwistjonijiet potenzjali u informazzjoni varja.

 

Kuxjenza wiesgħa u li wieħed ikun iħares 'il quddiem: Wieħed għandu jħares lil hinn mir-rwol tiegħu stess sabiex jistabbilixxi l-kuntest usa' li fih jopera, billi jifhem bis-sħiħ id-diversi funzjonijiet/oqsma, billi juri kuxjenza dwar diversi kuntesti kulturali u perspettivi, u billi jevalwa l-implikazzjonijiet tad-deċiżjonijiet tiegħu fuq ħaddieħor. Wieħed għandu jħares 'il quddiem u jantiċipa opportunitajiet u theddid fil-futur, jieħu azzjoni biex joħloq opportunitajiet jew biex jevita kwistjoni fil-futur.

 

Aġir oġġettiv b'integrità u indipendenza: Wieħed għandu jaġixxi b'mod indipendenti u oġġettiv, fl-interess tal-Unjoni bħala ħaġa sħiħa, fuq il-bażi tal-istandards professjonali tal-MSU, waqt li jivverifika ċ-ċirkustanzi biex jikseb stampa sħiħa u realistika ta' sitwazzjoni. Wieħed għandu jaħdem biex inaqqas jew jelimina preferenzi, preġudizzji jew evalwazzjonijiet soġġettivi billi jibbaża fuq dejta u fatti verifikabbli.

 

Immaniġġjar ta' timijiet tal-MSU (applikabbli għal maniġers biss): Wieħed għandu jidderieġi lit-timijiet (virtwali/remoti) u jiggwidahom lejn l-objettivi tat-tim. Wieħed għandu jikkoordina l-attivitajiet tat-tim bejn fruntieri, billi jipprovdi direzzjoni u billi juża l-kompetenzi u d-diversità tagħhom bl-aktar mod effettiv u effiċjenti. Wieħed għandu jnaqqas u jimmaniġġja l-ambigwità u jsib mod kif jidderieġi u jwassal ir-riżultati taħt inċertezza.


Top