Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2018

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta' Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta' pjanti b'riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/8876

ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2018/oj

19.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 323/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2018

tat-18 ta' Diċembru 2018

li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta' pjanti b'riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 42(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li l-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 titwettaq f'perjodu ta' żmien raġonevoli u abbażi tal-ipproċessar fil-waqt tad-dossiers tekniċi.

(2)

Sabiex dik il-valutazzjoni tar-riskju titwettaq, jenħtieġ li titressaq applikazzjoni lill-Kummissjoni biss mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, fis-sens tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, tal-pajjiż terz. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-elementi kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju assoċjat mal-pjanti, il-prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra li jridu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni, huma ċertifikati mill-awtorità uffiċjali tal-pajjiż terz. Dan ikun meħtieġ għall-kredibbiltà u għall-ġustifikazzjoni tal-valutazzjoni tar-riskju bħala bażi tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031. Dawn id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tissottometti talbiet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) li toħroġ opinjonijiet xjentifiċi skont l-Artikoli 29 u tipprovdi għajnuna xjentifika jew teknika skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewopew u tal-Kunsill (2).

(3)

Id-dossier tekniku jenħtieġ ikun fih id-data dwar il-prodotti li jridu jiġu introdotti fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll d-data dwar l-identifikazzjoni tal-pesti li huma potenzjalment assoċjati mal-komodità fil-pajjiż esportatur, id-data dwar miżuri nazzjonali ta' mitigazzjoni fitosanitarji, spezzjonijiet u trattamenti u pproċessar tal-komodità bażika u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna fiżika responsabbli milli tikkomunika mal-Kummissjoni u l-EFSA. Dan it-tip ta' data hu indispensabbli sabiex titwettaq valutazzjoni tar-riskju tal-komodità u biex tiġi identifikata l-ispeċi tal-pesti li għaliha jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' miżuri ta' mitigazzjoni fitosanitarji.

(4)

Sabiex l-EFSA jingħatawlha l-elementi neċessarji kollha biex twettaq il-valutazzjoni tar-riskju, jenħtieġ li d-dossier tekniku jkun fih l-informazzjoni speċifikata fid-dokument tal-EFSA intitolat “Information required for dossiers to support demands for import of high risk plants, plant products and other objects as foreseen in Article 42 of Regulation (UE) 2016/2031 (3)”.

(5)

Huwa xieraq li, wara li tirrikonoxxi li tkun irċeviet id-dossier tekniku, il-Kummissjoni teżamina jekk ikunx fih l-informazzjoni meħtieġa u, fejn meħtieġ, tista' titlob għal aktar informazzjoni jew kjarifiki sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni jkun fiha l-elementi kollha meħtieġa u xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju.

(6)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar it-twettiq ta' valutazzjoni tar-riskju mill-EFSA, il-komunikazzjoni tagħha mal-applikant u l-pubblikazzjoni ta' dik il-valutazzjoni, sabiex tiġi żgurata proċedura trasparenti, effiċjenti u proċess tal-valutazzjoni tar-riskju f'waqtu.

(7)

Sabiex jiġi evitat li l-iżvelar ta' ċerta informazzjoni jagħmel ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva ta' ċerti partijiet terzi, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 japplikaw kif meħtieġ.

(8)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data bħar-Regolament (UE) 2016/2031.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju previsti skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031 bil-għan li jiġi żgurat li tali valutazzjoni titwettaq f'perjodu ta' żmien raġonevoli u abbażi ta' domanda għall-importazzjoni akkumpanjata mid-dossier tekniku komprensiv u soġġett għal proċess definit.

Artikolu 2

Preżentazzjoni tad-dossiers tekniċi

Dossier tekniku għat-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031, jista' jitressaq biss lill-Kummissjoni minn Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti ta' pajjiż terz.

Id-dossier tekniku għandu jkun akkumpanjat minn elementi li jindikaw li teżisti domanda għall-importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 42(5) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 3

Kontenut tad-dossier tekniku

Id-dossier tekniku għandu jkun fih għal kull pjanta, prodott mill-pjanti jew oġġetti oħra kollha mill-elementi li ġejjin:

(a)

l-informazzjoni dwar il-komodità, inklużi t-trattamenti u l-ipproċessar tal-komodità;

(b)

l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tal-pesti li huma potenzjalment assoċjati mal-komodità fil-pajjiż tal-esportazzjoni;

(c)

l-informazzjoni dwar il-miżuri ta' mitigazzjoni fitosanitarji u spezzjonijiet;

(d)

id-dettalji ta' kuntatt tal-punt ta' kuntatt tal-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti tal-pajjiż terz responsabbli milli tikkomunika mal-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).

Id-dossier tekniku għandu jkun fih ukoll l-elementi kollha msemmija fid-dokument intitolat “Information required for dossiers to support demands for import of high risk plants, plant products and other objects as foreseen in Article 42 of Regulation (UE) 2016/2031”.

L-applikant jista' jindika l-informazzjoni, li l-kxif tagħha jista' jkun ta' ħsara għall-pożizzjoni kompetittiva ta' ċerta parti terza u li għalhekk jenħtieġ li titqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament. Għandha tingħata ġustifikazzjoni li tista' tiġi vverifikata f'każijiet bħal dawn.

Id-dossier jitressaq f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Artikolu 4

Id-dossier tekniku jasal għand il-Kummissjoni u teżaminah

Il-Kummissjoni għandha tirrikonoxxi li tkun irċeviet id-dossier tekniku.

Hija għandha teżamina jekk id-dossier tekniku fihx l-informazzjoni deskritta fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3, u tista' titlob lill-applikant għal aktar informazzjoni jew kjarifiki, kif meħtieġ skont il-kontenut u s-suġġett ta' dan id-dossier tekniku.

Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk ir-rekwiżiti ġew sodisfati, hi għandha tibgħat id-dossier tekniku lill-EFSA u tinforma lill-Istati Membri b'dan.

Artikolu 5

Twettiq u tlestija tal-valutazzjoni tar-riskju

L-EFSA għandha tivverifika li d-dossier tekniku jikkonforma mad-dokument tagħha msemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, u tista' titlob lill-applikant għal aktar informazzjoni jew kjarifiki, kif meħtieġ skont il-kontenut u s-suġġett tad-dossier tekniku.

Wara dik il-verifika, l-EFSA għandha tipproċedi bil-valutazzjoni tar-riskju.

Matul it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riskju, l-EFSA tista' tikkomunika b'mod dirett mal-applikant biex titlob aktar informazzjoni jew kjarifiki.

L-EFSA għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar kull komunikazzjoni mal-applikant.

L-EFSA għandha tlesti l-valutazzjoni tar-riskju f'perjodu ta' żmien raġonevoli, u tippreżentaha lill-Kummissjoni. L-EFSA għandha tippubblika l-valutazzjoni tar-riskju fil-Ġurnal tal-EFSA.

Abbażi ta' dik il-valutazzjoni tar-riskju, il-Kummissjoni għandha, skont il-ħtieġa, timmodifika l-lista tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti b'riskju għoli oħra msemmija, fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031 skont l-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sottomessa mill-applikant għandhom japplikaw kif inhu xieraq.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.

(2)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(3)  European Food Safety Authority (EFSA), Dehnen-Schmutz K, Jaques Miret JA, Jeger M, Potting R, Corini A, Simone G, Kozelska S, Munoz Guajardo I, Stancanelli G u Gardi C, 2018. Information required for dossiers to support demands for import of high risk plants, plant products and other objects as foreseen in Article 42 of Regulation (UE) 2016/2031. EFSA supporting publication 2018:EN-1492, 22pp. doi:10.2903/sp.efsa.2018.1492


Top