Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R2000

Regolament (UE) 2018/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jew l-allokazzjoni ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali

PE/66/2018/REV/1

OJ L 328, 21.12.2018, p. 78–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/2000/oj

21.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/78


REGOLAMENT (UE) 2018/2000 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jew l-allokazzjoni ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 78(2) u 79(2) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jippermetti l-impenn mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal, li ġew impenjati għall-appoġġa tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (2) u (UE) 2015/1601 (3), kif previst skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jew l-allokazzjoni ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programmi nazzjonali f'konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri f'oqsma speċifiċi tal-asil u l-migrazzjoni. L-għan huwa wkoll li jiżgura li tali impenn mill-ġdid jew allokazzjoni jsiru b'mod trasparenti.

(2)

Il-Kummissjoni impenjat finanzjament lil programmi nazzjonali tal-Istati Membri taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 (5). Dawk id-Deċiżjonijiet issa ma għadhomx japplikaw.

(3)

Il-parti tal-finanzjament allokata taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 fl-2016 u, f'xi każijiet, fl-2017, tibqa' disponibbli fil-programmi nazzjonali tal-Istati Membri.

(4)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-Istati Membri jużaw l-ammonti li jkun għad fadal biex ikomplu jimplimentaw ir-rilokazzjoni billi jerġgħu jimpenjawhom għall-istess azzjoni taħt il-programmi nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jerġgħu jikkommettu jew jittrasferixxu tal-anqas 20 % ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet fi programmi nazzjonali, għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal risistemazzjoni jew ammissjonijiet umanitarji ad hoc oħrajn, kif ukoll għal miżuri preparatorji għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni, inkluż bil-baħar, jew għat-trasferiment ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu biss dawk il-miżuri msemmija fil-punti (a), (b), (e) u (f) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014.

(5)

Fejn ikun ġustifikat debitament fir-reviżjoni tal-programmi nazzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li kun possibbli li l-Istati Membri jistgħu jużaw sa 80 % ta' dawk l-ammonti biex jindirizzaw sfidi oħra fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014. Il-ħtiġijiet tal-Istati Membri f'dawk l-oqsma għadhom sinifikanti. Jenħtieġ li l-impenji mill-ġdid tal-ammonti li jkun għad fadal għall-istess azzjoni, jew it-trasferiment tagħhom għal azzjonijiet oħrajn taħt il-programm nazzjonali, ikunu possibbli biss darba u bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-allokazzjoni tal-fondi ssir b'mod li jirrispetta għalkollox il-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), b'mod partikolari il-prinċipji tal-effiċjenza u tat-trasparenza.

(6)

Il-grupp fil-mira eliġibbli għat-trasferiment, kif ukoll l-għadd ta' Stati Membri minn fejn isiru t-trasferimenti, jenħtieġ li jiġu estiżi biex l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà fit-twettiq tat-trasferimenti, fil-qies tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' minorenni mhux akkumpanjati jew ta' applikanti vulnerabbli oħra, u s-sitwazzjoni speċifika tal-membri tal-familja tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar somom sħaħ għar-risistemazzjoni u t-trasferiment ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor jirriflettu dik l-espansjoni.

(7)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien biex jirrevedu l-programmi nazzjonali ħalli jakkomodaw il-bidliet rilevanti previsti b'dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi applikata deroga mill-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għall-ammonti li jkun għad fadal li ġew impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601, li testendi l-iskadenza għad-diżimpenn b'sitt xhur bil-għan li titlesta l-proċedura għar-reviżjoni tal-programmi nazzjonali, kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

(8)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jużaw l-ammonti impenjati mill-ġdid għall-istess azzjoni jew ittrasferiti għal azzjonijiet oħra qabel id-diżimpenn ta' dawk l-ammonti. Għalhekk, meta tali impenji mill-ġdid jew trasferimenti ta' ammonti taħt il-programm nazzjonali jiġu approvati mill-Kummissjoni, l-ammonti kkonċernati għandhom jitqiesu li kienu twettqu fis-sena tar-reviżjoni tal-programm nazzjonali li japprova l-impenn mill-ġdid jew it-trasferiment ikkonċernat.

(9)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-applikazzjoni ta' riżorsi għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali u ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari rigward it-trasferimenti ta' ammonti għal azzjonijiet taħt il-programm nazzjonali kif previst f'dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-finanzjament disponibbli skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014.

(11)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament jenħtieġ li jintlaħqu mingħajr preġudizzju għan-negozjati li għaddejjin dwar ir-riforma tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(12)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(13)

F'konformità mal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta' ittra tas-7 ta' Diċembru 2018, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(14)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(15)

Bil-ħsieb tal-ħtieġa li jiġi evitat diżimpenn tal-ammonti li jkun għad fadal impenjati għall-appoġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Jekk ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 ma jiġix emendat qabel tmiem l-2018, il-finanzjament rilevanti mhux se jibqa' disponibbli għall-użu tal-Istati Membri taħt il-programmi nazzjonali appoġġati mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Fid-dawl tal-urġenza tal-emenda tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, tqies f'loku li tkun prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(17)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 516/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita b'dan li ġej:

Riżorsi għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali ”;

(b)

fil-paragrafu 1, il-kliem “benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali” huwa sostitwit bil-kliem “applikant għal protezzjoni jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-ammonti addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri għall-ewwel darba fid-deċiżjonijiet individwali ta' finanzjament li japprovaw il-programm nazzjonali tagħhom f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 u aktar tard f'deċiżjoni ta' finanzjament li għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni li tapprova l-programm nazzjonali tagħhom. L-impenji mill-ġdid ta' dawk l-ammonti għall-istess azzjoni taħt il-programm nazzjonali jew it-trasferimenti ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali għandhom ikunu possibbli fejn ikun ġustifikat debitament fir-reviżjoni tal-programm nazzjonali rilevanti. Ammont jista' jiġi impenjat mill-ġdid jew ittrasferit darba biss. Il-Kummissjoni għandha tapprova l-impenn mill-ġdid jew it-trasferiment permezz tar-reviżjoni tal-programm nazzjonali.

Fir-rigward tal-ammonti li joħorġu mill-miżuri proviżorji stabbiliti bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (*1) u (UE) 2015/1601 (*2), bil-ħsieb li tissaħħaħ is-solidarjetà u f'konformità mal-Artikolu 80 TFUE, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jikkommettu jew jittrasferixxu tal-anqas 20 % ta' dawk l-ammonti għal azzjonijiet taħt il-programmi nazzjonali, għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal risistemazzjoni jew ammissjonijiet umanitarji ad hoc oħrajn, kif ukoll għal miżuri preparatorji għat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali wara l-wasla tagħhom fl-Unjoni, inkluż bil-baħar, jew għat-trasferiment ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali. Tali miżuri ma għandhom jinkludu l-ebda miżura relatata mad-detenzjoni. Fejn Stat Membru jerġa' jimpenja jew jittrasferixxi riżorsi taħt dak il-perċentwal minimu, ma għandux ikun possibbli d-differenza bejn l-ammont impenjat mill-ġdid jew ittrasferit u l-perċentwal minimu tiġi ttrasferita għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali;

(*1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146)."

(*2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE)) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).”;"

(d)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Għall-għan tal-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, meta l-ammonti li joriġinaw mill-miżuri proviżorji stabbiliti mid-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 jiġu impenjati mill-ġdid għall-istess azzjoni taħt il-programm nazzjonali jew ittrasferiti għal azzjonijiet oħra taħt il-programm nazzjonali skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-ammonti kkonċernati għandhom jitqiesu li ġew impenjati fis-sena tar-reviżjoni tal-programm nazzjonali li tapprova l-impenn mill-ġdid jew it-trasferiment inkwistjoni.

3b.   B'deroga mill-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014, l-iskadenza għad-diżimpenn tal-ammonti msemmija fil-paragrafu 3a ta' dan l-Artikolu għandu jiġu estiż b'perjodu ta' sitt xhur.

3c.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta ta' kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.”;

(e)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Biex l-objettivi tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 80 TFUE jintlaħqu b'mod effikaċi, u fil-limiti tar-riżorsi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament biex taġġusta s-somma sħiħa msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fil-qies b'mod partikolari tar-rati kurrenti tal-inflazzjoni, l-iżviluppi rilevanti fil-qasam tat-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali u ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor u fil-qasam tar-risistemazzjoni u ta' forom oħra ta' ammissjoni umanitarja ad hoc, kif ukoll il-fatturi li jistgħu jottimizzaw l-użu tal-inċentiv finanzjarju pprovdut mis-somom sħaħ.”;

(2)

fl-intestatura u fil-parti inizjali tal-Artikolu 25, il-kliem “benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali” huma sostitwiti bil-kliem “applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ta' benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014. li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754 tad-29 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 268, 1.10.2016, p. 82).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).


Top