EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1724

Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/41/2018/REV/2

OJ L 295, 21.11.2018, p. 1–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/09/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1724/oj

21.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/1


REGOLAMENT (UE) 2018/1724 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-2 ta’ Ottubru 2018

li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Is-suq intern hu wieħed mill-kisbiet l-aktar tanġibbli tal-Unjoni. Peress li jippermetti lin-nies, lill-oġġetti, lis-servizzi u lill-kapital jiċċaqilqu b’mod liberu, joffri opportunitajiet ġodda liċ-ċittadini u lin-negozji. Dan ir-Regolament huwa element essenzjali tal-Istrateġija tas-Suq Uniku stabbilita mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015 intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”. Dik l-istrategija għandha l-għan li joħroġ il-potenzjal sħiħ tas-suq intern billi jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u għan-negozji li jiċċaqilqu fl-Unjoni u li jinnegozjaw, jistabbilixxu lilhom infushom u jespandu n-negozju tagħhom bejn il-fruntieri.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015 intitolata “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” irrikonoxxiet ir-rwol tal-Internet u tat-teknoloġiji diġitali fit-trasformazzjoni tal-ħajja tagħna, billi jbiddlu l-mod kif iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess għall-informazzjoni, jiksbu għarfien, jixtru oġġetti u servizzi, jipparteċipaw fis-suq u jaħdmu, b’hekk jiffaċilitaw opportunitajiet għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjiegi. Dik il-komunikazzjoni, flimkien ma’ bosta riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew, irrikonoxxiet li l-bżonnijiet taċ-ċittadini u tan-negozji f’pajjiżhom stess u b’mod transfruntier jintlaħqu aħjar bl-estensjoni u l-integrazzjoni ta’ portali, siti web, netwerks, servizzi u sistemi fuq livell Ewropew eżistenti u billi dawn jintrabtu ma’ soluzzjonijiet nazzjonali differenti, biex b’hekk tinħoloq “gateway diġitali unika” li sservi bħala punt tad-dħul uniku Ewropew (“il-gateway”). Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ April 2016 intitolata “Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Gvern elettroniku għall-2016-2020 – Inħaffu t-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjoni pubblika” elenkat il-gateway fost waħda mill-azzjonijiet tagħha għall-2017. Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2017, intitolat “It-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini f’Unjoni ta’ tibdil demokratiku – Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE” kkunsidra l-gateway bħala prijorità għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni.

(3)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu ripetutament għal pakkett ta’ informazzjoni u assistenza aktar komprensiv u aktar faċli għall-utent biex jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jinnavigaw is-suq intern u biex isaħħaħ u jissimplifika l-għodod tas-suq intern sabiex jissodisfa l-bżonnijiet taċ-ċittadini u tan-negozji fl-attivitajiet transfruntiera tagħhom.

(4)

Dan ir-Regolament iwieġeb għal dawk it-talbiet billi joffri liċ-ċittadini u lin-negozji aċċess faċli għall-informazzjoni, għall-proċeduri, u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fis-suq intern. Il-gateway tista’ tikkontribwixxi għal trasparenza akbar ta’ regoli u regolamenti relatati ma’ negozji u avvenimenti tal-ħajja differenti, f’oqsma bħall-ivvjaġġar, l-irtirar, l-edukazzjoni, l-impjieg, il-kura tas-saħħa, id-drittijiet tal-konsumaturi u d-drittijiet tal-familja. Barra minn hekk, dan jista’ jgħin biex tittejjeb il-fiduċja tal-konsumaturi, jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għarfien dwar ir-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur u r-regoli tas-suq intern u jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji. Dan ir-Regolament jistabbilixxi gateway faċli għall-utent u interattiv li, abbażi tal-ħtiġijiet tal-utenti, jenħtieġ li tiggwidahom lejn is-servizzi l-aktar xierqa. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom rwol importanti fil-kisba ta’ dawn l-objettivi.

(5)

Il-gateway jenħtieġ li tiffaċilita l-interazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u n-negozji, minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti, min-naħa l-oħra, billi tipprovdi aċċess għal soluzzjonijiet online li jiffaċilitaw l-attivitajiet ta’ kuljum taċ-ċittadini u tan-negozji u jimminimizzaw l-ostakli li jiltaqgħu magħhom fis-suq intern. L-eżistenza ta’ gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess online għal informazzjoni preċiża u aġġornata, għal proċeduri u għal servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi tista’ tgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-utenti dwar is-servizzi online differenti eżistenti u tista’ tiffrankalhom il-ħin u l-ispejjeż.

(6)

Dan ir-Regolament għandu tliet għanijiet, jiġifieri li jnaqqas kwalunkwe piż amministrattiv addizzjonali fuq iċ-ċittadini u n-negozji li jeżerċitaw jew li jridu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern, inkluż il-moviment liberu taċ-ċittadini, b’konformità sħiħa mar-regoli u l-proċeduri nazzjonali, li jelimina d-diskriminazzjoni u li jiżgura l-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-għoti ta’ informazzjoni, tal-proċeduri u tas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi. Minħabba li jkopri l-moviment liberu taċ-ċittadini, li ma jistax jitqies li huwa biss inċidentali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Artikoli 21(2) u 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(7)

Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jgawdu d-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fis-suq intern, jenħtieġ li l-Unjoni tadotta miżuri speċifiċi u nondiskriminatorji li jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni suffiċjentement komprensiva u affidabbli dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni u għal informazzjoni dwar ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali applikabbli li jkollhom jikkonformaw magħhom meta jittrasferixxu ruħhom, jgħixu jew jistudjaw, jew meta jistabbilixxu ruħhom jew jagħmlu negozju, fi Stat Membru minbarra pajjiżhom stess. L-informazzjoni jenħtieġ li titqies bħala suffiċjentement komprensiva jekk tinkludi l-informazzjoni kollha li hija neċessarja għall-utenti biex jifhmu x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u tidentifika r-regoli li japplikaw għalihom b’rabta mal-attivitajiet li jridu jwettqu bħala utenti transfruntiera. L-informazzjoni jenħtieġ li tiġi ddikjarata b’mod ċar, konċiż u li jinftiehem u tkun operattiva u adattata sew għall-grupp tal-utenti fil-mira. L-informazzjoni dwar il-proċeduri jenħtieġ li tkopri l-passi proċedurali previsti kollha li huma rilevanti għall-utenti. Huwa importanti li ċittadini u negozji li jiffaċċjaw ambjenti regolatorji kumplessi, bħal dawk li huma attivi fil-kummerċ elettroniku u l-ekonomija kollaborattiva, ikunu jistgħu jiskopru faċilment ir-regoli applikabbli u kif dawn japplikaw għall-attivitajiet tagħhom. Aċċess faċli, li jkun ukoll faċli għall-utent, għall-informazzjoni jfisser li jippermetti li l-utent isib l-informazzjoni faċilment, ikun jista’ jidentifika faċilment liema partijiet mill-informazzjoni huma rilevanti għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu u jkun jista’ jifhem faċilment l-informazzjoni rilevanti. L-informazzjoni li trid tingħata fil-livell nazzjonali jenħtieġ li ma tirrigwardax biss ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni, iżda wkoll kwalunwke regola oħra nazzjonali li tapplika kemm għal utenti li ma humiex transfruntiera kif ukoll għall-utenti transfruntiera.

(8)

Regoli dwar l-għoti ta’ informazzjoni f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma tapplikax għal sistemi ġudizzjarji nazzjonali, minħabba li l-informazzjoni f’dak il-qasam rilevanti għall-utenti transfruntiera hija diġà inkluża fil-portal tal-Ġustizzja elettronika. F’xi sitwazzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, il-qrati jenħtieġ li jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti, pereżempju meta l-qrati jkunu qed jamministraw reġistri kummerċjali. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jenħtieġ li japplika wkoll għal proċeduri online li jagħtu aċċess għal proċedimenti fil-qrati.

(9)

Huwa ċar li ċ-ċittadini u n-negozji minn Stati Membri oħrajn jistgħu jkunu fi żvantaġġ minħabba n-nuqqas ta’ familjarità tagħhom mar-regoli nazzjonali u mas-sistemi amministrattivi, il-lingwi differenti użati u n-nuqqas ta’ prossimità ġeografika għall-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru li ma huwiex tagħhom. L-aktar mod effiċjenti kif jitnaqqsu l-ostakli riżultanti għas-suq intern huwa li l-utenti transfruntiera u l-utenti mhux transfruntiera jingħataw aċċess għal informazzjoni online f’lingwa li jistgħu jifhmu sabiex ikunu jistgħu jwettqu proċeduri għall-konformità mar-regoli nazzjonali kompletament online u joffrulhom l-assistenza fejn ir-regoli u l-proċeduri mhumiex ċari biżżejjed jew fejn jiltaqgħu ma’ ostakli fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom.

(10)

Għadd ta’ atti tal-Unjoni mmiraw li jipprovdu soluzzjonijiet billi joħlqu one-stop shops settorjali, fosthom punti ta’ kuntatt waħdieni stabbiliti bid-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li joffru informazzjoni, servizzi ta’ assistenza u aċċess għal proċeduri online rilevanti għall-forniment ta’ servizzi; Punti ta’ Kuntatt tal-Prodott stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti għall-Bini, stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jipprovdu aċċess għal regoli tekniċi speċifiċi għall-prodotti; u ċentri ta’ assistenza nazzjonali għall-kwalifiki professjonali, stabbiliti mid-Direttiva Nru 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li jgħinu lill-professjonisti li jkunu se jmorru pajjiż ieħor. Barra minn hekk, ġew stabbiliti netwerks, bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, sabiex jippromwovu l-fehim tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-Unjoni u sabiex jgħinuhom isolvu l-ilmenti tagħhom dwar akkwisti magħmula fi Stati Membri oħrajn fi ħdan in-netwerk, meta jivvjaġġjaw jew meta jkunu qegħdin jixtru online. Barra minn hekk, SOLVIT kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE (7) jipprova jwassal soluzzjonijiet mgħaġġla, effettivi u informali lil individwi u negozji meta d-drittijiet tas-suq intern tagħhom jiġu miċħuda mill-awtoritajiet pubbliċi. Fl-aħħar nett, diversi portali ta’ informazzjoni bħall-Ewropa Tiegħek, fir-rigward tas-suq intern, u l-portal tal-Ġustizzja elettronika, b’rabta mal-qasam tal-ġustizzja, kienu stabbiliti sabiex jinformaw lill-utenti dwar regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

(11)

Bħala riżultat tan-natura settorjali ta’ dawk l-atti tal-Unjoni, il-provvista attwali ta’ informazzjoni u ta’ servizzi ta’ assistenza online u ta’ soluzzjoni tal-problemi flimkien mal-proċeduri online għaċ-ċittadini u għan-negozji għadha frammentata ħafna. Hemm diskrepanzi fid-disponibbiltà ta’ informazzjoni u proċeduri online, hemm nuqqas ta’ kwalità b’rabta mas-servizzi u n-nuqqas ta’ għarfien fir-rigward ta’ dik l-informazzjoni u dawk is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi. Utenti transfruntiera jesperjenzaw ukoll problemi sabiex isibu dawk is-servizzi u sabiex ikollhom aċċess għalihom.

(12)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tikkostitwixxi l-punt ta’ dħul uniku li minnu ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni dwar ir-regoli u r-rekwiżiti li jkollhom jikkonformaw magħhom, skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. Jenħtieġ li l-gateway tissimplifika l-kuntatt taċ-ċittadini u tan-negozji mas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali u tagħmel dak il-kuntatt aktar effettiv. Il-gateway jenħtieġ ukoll li tiffaċilita l-aċċess għall-proċeduri online u t-twettiq tagħhom. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwa bl-ebda mod id-drittijiet u l-obbligi skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali f’dawk l-oqsma ta’ politika. Għall-proċeduri elenkati fl-Anness II għal dan ir-Regolament u l-proċeduri previsti fid-Direttivi 2005/36/KE u 2006/123/KE, u fid-Direttivi 2014/24/UE (8) u 2014/25/UE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dan ir-Regolament jenħtieġ li jappoġġa l-użu tal-prinċipju ta’ “darba biss”, u jenħtieġ li jirrispetta bis-sħiħ id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, għall-fini tal-iskambju ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti.

(13)

Il-gateway u l-kontenut tagħha jenħtieġ li jkunu iċċentrati madwar l-utent u faċli biex jintużaw. Il-gateway jenħtieġ li jkollha l-għan li tevita xogħol doppju u jenħtieġ li tipprovdi links għal servizzi eżistenti. Hija jenħtieġ li tippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jinteraġixxu mal-korpi pubbliċi fuq livell nazzjonali u tal-Unjoni billi tipprovdilhom l-opportunità li jagħtu feedback dwar l-esperjenza tagħhom kemm tas-servizzi offruti mill-gateway kif ukoll tal-funzjonament tas-suq intern. L-għodda tal-feedback jenħtieġ li tippermetti lill-utent jindika, b’mod li jagħmilha possibbli għall-utent li jibqa’ anonimu, il-problemi perċepiti, in-nuqqasijiet u l-ħtiġijiet sabiex tħeġġeġ it-titjib kontinwu tal-kwalità tas-servizzi.

(14)

Is-suċċess tal-gateway jiddependi mill-isforz konġunt tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. Il-gateway jenħtieġ li tinkludi interfaċċa komuni tal-utent integrata fil-portal eżistenti L-Ewropa Tiegħek, li se jkun immexxi mill-Kummissjoni. L-interfaċċa komuni tal-utent jenħtieġ li tipprovdi links għal informazzjoni, għal proċeduri u għal servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi disponibbli fuq portali ġestiti mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u mill-Kummissjoni. Sabiex tiffaċilita l-użu tal-gateway, l-interfaċċa komuni tal-utent jenħtieġ li tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (“lingwi uffiċjali tal-Unjoni”). Il-portal eżistenti L-Ewropa Tiegħek u s-sit web ewlieni għall-aċċess tiegħu, adattat għar-rekwiżiti tal-gateway, jenħtieġ li jżomm dan l-approċċ multilingwistiku għall-informazzjoni pprovduta. Il-funzjonament tal-gateway jenħtieġ li jkun appoġġat minn għodod tekniċi żviluppati mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

(15)

Fil-Karta għall-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni elettroniċi skont id-Direttiva 2006/123/KE, li ġiet approvata mill-Kunsill fl-2013, l-Istati Membri għamlu impenn volontarju li jassumu approċċ iċċentrat fuq l-utent fl-għoti ta’ informazzjoni permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni, sabiex ikopru oqsma ta’ importanza partikolari għan-negozji fosthom il-VAT, it-taxxi fuq l-introjtu, is-sigurtà soċjali jew ir-rekwiżiti tal-liġi tax-xogħol. Skont il-Karta u fid-dawl tal-esperjenza mill-portal L-Ewropa Tiegħek, dik l-informazzjoni jenħtieġ li tinkludi wkoll deskrizzjoni tas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi. Iċ-ċittadini u n-negozji jenħtieġ li jkunu jistgħu jirreferu għal dawn is-servizzi meta jkollhom problemi biex jifhmu l-informazzjoni, biex japplikaw dik l-informazzjoni għas-sitwazzjoni tagħhom jew biex jikkompletaw proċedura.

(16)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jelenka l-oqsma ta’ informazzjoni li huma rilevanti għaċ-ċittadini u n-negozji li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fis-suq intern. Għal dawk l-oqsma, jenħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni suffiċjentement komprensiva fil-livell nazzjonali, inklużi fil-livelli reġjonali u lokali, u fil-livell tal-Unjoni, u jiġu spjegati r-regoli u l-obbligi applikabbli u l-proċeduri li jridu jitwettqu miċ-ċittadini u min-negozji sabiex jikkonformaw ma’ dawk ir-regoli u l-obbligi. Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi offruti, l-informazzjoni mogħtija permezz tal-gateway jenħtieġ li tkun ċara, preċiża u aġġornata, l-użu ta’ terminoloġija kumplessa jenħtieġ li jiġi minimizzat u l-użu ta’ akronomi jenħtieġ li jkun limitat għal dawk li jipprovdu termini simplifikati u faċli biex jinftiehmu u li ma jirrikjedux għarfien eżistenti minn qabel tal-kwistjoni jew tal-qasam tal-liġi. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tingħata b’tali mod li l-utenti jistgħu jifhmu faċilment ir-regoli u r-rekwiżiti bażiċi applikabbli għas-sitwazzjoni tagħhom f’dawn l-oqsma. L-utenti jenħtieġ li jiġu wkoll infurmati dwar in-nuqqas, f’ċerti Stati Membri, ta’ regoli nazzjonali fl-oqsma ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness I, speċjalment meta dawn l-oqsma jkunu soġġetti għar-regoli nazzjonali fi Stati Membri oħra. Tali informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ regoli nazzjonali tista’ tiġi inkluża fil-portal L-Ewropa Tiegħek.

(17)

Kull meta jkun possibbli, l-informazzjoni diġà miġbura mill-Kummissjoni mingħand l-Istati Membri skont il-liġi tal-Unjoni eżistenti jew arranġamenti volontarji – bħal informazzjoni għall-portal EURES, stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), il-portal tal-Ġustizzja Elettronika, stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (11), jew il-bażi tad-data tal-Professjonijiet Regolati, stabbilita mid-Direttiva 2005/36/KE – jenħtieġ li tintuża biex tkopri parti mill-informazzjoni li tkun aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri jenħtieġ li ma jiġux rikjesti jipprovdu fuq is-sit web tagħhom informazzjoni li tkun diġà disponibbli fil-bażijiet ta’ data rilevanti ġestiti mill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri diġà jkollhom jipprovdu informazzjoni online skont atti oħra tal-Unjoni bħad-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jenħtieġ li jkun suffiċjenti għall-Istati Membri li jipprovdu links għal informazzjoni eżistenti online. Meta ċerti oqsma politiċi jkunu diġà ġew totalment armonizzati permezz tal-liġi tal-Unjoni, pereżempju d-drittijiet tal-konsumatur, l-informazzjoni pprovduta fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ġeneralment biżżejjed għall-utenti sabiex ikunu jistgħu jifhmu d-drittijiet jew l-obbligi rilevanti tagħhom. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jkunux obbligati li jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza amministrattivi nazzjonali tagħhom jew kwalunkwe regola amministrattiva nazzjonali oħra ħlief jekk hija rilevanti għall-utenti. Informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur, pereżempju, jenħtieġ li ma tinterferix mad-dritt kuntrattwali, iżda pjuttost jenħtieġ li tinforma lill-utenti dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE u dik nazzjonali fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali.

(18)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jtejjeb id-dimensjoni tas-suq intern ta’ proċeduri online, u b’hekk jikkontribwixxi għad-diġitalizzazzjoni tas-suq intern, billi jisħaq fuq il-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni inter alia b’rabta mal-aċċess miċ-ċittadini jew min-negozji għal proċeduri online diġà stabbiliti fil-livell nazzjonali u fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u mal-proċeduri li għandhom isiru disponibbli kompletament online f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fejn utent, f’sitwazzjoni esklużivament ristretta għal Stat Membru uniku, ikun jista’ jaċċessa u jiffinalizza proċedura online f’dak l-Istat Membru f’qasam kopert minn dan ir-Regolament, utent transfruntier jenħtieġ li jkun ukoll jista’ jaċċessa u jiffinalizza dik il-proċedura online, jew permezz tal-istess soluzzjoni teknika jew alternattivament, soluzzjoni teknikament separata li twassal għall-istess eżitu, mingħajr ebda ostakli diskriminatorji. Tali ostakli jistgħu jikkonsistu minn soluzzjonijiet imfassla fil-livell nazzjonali, bħal pereżempju l-użu ta’ partijiet ta’ formoli li jeħtieġu numri tat-telefon nazzjonali, prefissi nazzjonali għal numri tat-telefon jew kodiċijiet postali nazzjonali, pagamenti ta’ miżati li jistgħu jsiru biss permezz ta’ sistemi li ma jipprovdux għal pagamenti transfruntiera, in-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet dettaljati f’lingwa oħra għajr lingwa miftiehma minn utenti transfruntiera, in-nuqqas ta’ possibbiltajiet ta’ preżentazzjoni ta’ evidenza elettronika minn awtoritajiet li jinsabu fi Stat Membru ieħor u n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi maħruġa fi Stati Membri oħrajn. L-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu soluzzjonijiet għal dawk l-ostakoli.

(19)

Meta l-utenti jkunu qed jiffinalizzaw il-proċeduri online bejn il-fruntieri, dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jirċievu l-ispjegazzjonijiet rilevanti kollha f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li l-aktar tinftiehem mill-akbar numru possibbli ta’ utenti transfruntiera. Dan ma jkunx ifisser li l-Istati Membri huma meħtieġa li jittraduċu l-formoli amministrattivi tagħhom relatati mal-proċedura, jew l-eżitu ta’ dik il-proċedura, f’dik il-lingwa. Madankollu, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu lill-utenti jiffinalizzaw il-proċeduri f’kemm jista’ jkun każijiet possibbli, f’dik il-lingwa, filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-Istati Membri dwar l-użu tal-lingwi.

(20)

Il-proċeduri nazzjonali online li huma rilevanti għall-utenti transfruntiera li jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern jiddependu fuq jekk dawn humiex residenti jew stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, jew jixtiqux ikollhom aċċess għal proċeduri ta’ dak l-Istat Membru waqt li jkunu residenti jew stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jżommx l-Istati Membri milli jirrikjedu li utenti transfruntiera li huma residenti jew stabbiliti fit-territorju tagħhom jiksbu numru tal-identifikazzjoni nazzjonali sabiex jiksbu aċċess għall-proċeduri nazzjonali online, dment li dan ma jinvolvix spiża jew piż mhux ġustifikabbli għal dawk l-utenti. Għal utenti transfruntiera li ma jkunux residenti jew stabbiliti fl-Itat Membru kkonċernat, proċeduri nazzjonali online li mhumiex rilevanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fis-suq intern, pereżempju reġistrazzjoni biex jirċievu servizzi lokali, bħall-ġbir tal-iskart u l-permessi tal-ipparkjar, ma għandhomx għalfejn ikunu kompletament aċċessibbli online.

(21)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jibni fuq ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jirrikonoxxu ċerti mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għal persuni fiżiċi u ġuridiċi suġġetti għal skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor. Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom l-utenti jkunu jistgħu jużaw il-mezzi tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettronika tagħhom sabiex jaċċessaw servizzi pubbliċi f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni huma mħeġġa jaċċettaw mezzi ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika għall-proċeduri li huma responsabbli għalihom.

(22)

Għadd ta’ atti settorjali tal-Unjoni bħad-Direttivi, 2005/36/KE, 2006/123/KE, 2014/24/UE u 2014/25/UE jeħtieġu li l-proċeduri jkunu magħmula kompletament disponibbli online. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jesiġi li għadd ta’ proċeduri oħra ta’ importanza ewlenija għall-maġġoranza taċ-ċittadini u n-negozji li jeżerċitaw id-drittijiet u li josservaw l-obbligi transfruntiera tagħhom ikunu kompletament disponibbli online.

(23)

Sabiex jippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji jgawdu direttament mill-benefiċċji tas-suq intern mingħajr ma jġarrbu piż amministrattiv addizzjonali bla bżonn, dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrikjedi diġitalizzazzjoni sħiħa tal-interfaċċa tal-utenti ta’ ċerti proċeduri ewlenin għall-utenti transfruntiera, li huma elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ ukoll jistabbilixxi l-kriterji sabiex jiġi stabbilit kif dawk il-proċeduri jikkwalifikaw bħala kompletament online. L-obbligu sabiex tali proċedura tkun kompletament disponibbli online jenħtieġ li japplika biss meta il-proċedura tkun ġiet stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat. Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkoprix ir-reġistrazzjoni inizjali ta’ attività ta’ negozju, il-proċeduri li jwasslu għall-kostituzzjoni ta’ kumpaniji jew ditti bħala entitajiet legali jew kwalunkwe preżentazzjoni sussegwenti minn dawn il-kumpaniji jew ditti, peress li proċeduri bħal dawn jeħtieġu approċċ komprensiv li jiffaċilita s-soluzzjonijiet diġitali tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ kumpanija. Meta n-negozji jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor, ikunu meħtieġa jirreġistraw fi skema tas-sigurtà soċjali u fi skema ta’ assigurazzjoni sabiex jirreġistraw lill-impjegati tagħhom u jħallsu kontribuzzjonijiet liż-żewġ skemi. Jistgħu jkunu meħtieġa jinnotifikaw l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom, jiksbu permessi jew jirreġistraw bidliet fl-attività ta’ negozju tagħhom. Dawn il-proċeduri huma komuni għan-negozji li joperaw f’ħafna setturi tal-ekonomija, u għalhekk huwa xieraq li dawk iż-żewġ proċeduri ta’ reġistrazzjoni jkunu magħmula disponibbli online.

(24)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkjarifika x’jirrekjedi li offerta ta’ proċedura tkun kompletament online. Proċedura jenħtieġ li tkun meqjusa li hija kompletament online jekk l-utent ikun jista’ jieħu l-passi kollha, mill-aċċess sal-finalizzazzjoni, billi jikkomunika mal-awtorità kompetenti, il-“front office”, b’mod elettroniku, mill-bogħod u permezz ta’ servizz online. Dan is-servizz online jenħtieġ li jiggwida lill-utent permezz ta’ lista tar-rekwiżiti kollha li għandhom jiġu ssodisfati u l-evidenza kollha ta’ sostenn li għandha tiġi pprovduta, jenħtieġ li jippermetti lill-utent jipprovdi l-informazzjoni u l-evidenza ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti kollha u jenħtieġ li jipprovdi sistema awtomatika ta’ konferma tar-riċevuta lill-utent, dment li l-eżitu tal-proċedura ma jingħatax minnufih. Jenħtieġ li dan ma jżommx lill-awtoritajiet kompetenti milli jikkuntattjaw lill-utenti direttament, meta jkun neċessarju sabiex jiksbu kjarifiki addizzjonali għall-proċedura. Ir-riżultat tal-proċedura, kif stipulat f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġi pprovdut ukoll mill-awtoritajiet kompetenti lill-utent b’mod elettroniku, fejn possibbli skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.

(25)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax is-sustanza tal-proċeduri elenkati fl-Anness II li huma stabbiliti fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u ma jistabbilix regoli materjali jew proċedurali fi ħdan l-oqsma koperti mill-Anness II, inkluż il-qasam tat-tassazzjoni. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi sabiex jiġi żgurat li tali proċeduri, fejn ikunu ġew stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, isiru disponibbli kompletament online.

(26)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax il-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali fi kwalunkwe proċedura, inklużi l-verifika tal-eżatezza u l-validità tal-informazzjoni jew tal-evidenza ppreżentati u l-verifika tal-awtentiċità meta evidenza tkun ippreżentata b’mezzi li ma jkunux is-sistema teknika bbażata fuq il-prinċipju ta’ “darba biss”. Dan ir-Regolament jenħtieġ ukoll li ma jaffettwax il-flussi ta’ ħidma proċedurali fl-awtoritajiet kompetenti u bejniethom, il-“back office”, kemm jekk ikunu diġitalizzati kif ukoll jekk le. Fejn meħtieġ, bħala parti minn xi proċeduri għar-reġistrazzjoni tat-tibdil ta’ attivitajiet kummerċjali, l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jkunu jistgħu jirrikjedu l-involviment ta’ nutara jew avukati li jistgħu jkunu jridu jużaw mezzi ta’ verifika inklużi l-vidjokonferenza jew mezzi oħra online li jipprovdu konnessjoni awdjoviżiva f’ħin reali. Madankollu, tali involviment jenħtieġ li ma jipprevjenix it-twettiq ta’ proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ tali bidliet fl-intier tagħhom online.

(27)

F’ċerti każijiet, l-utenti jistgħu jintalbu jippreżentaw evidenza biex jipprovaw il-fatti li ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti b’mezzi online. Tali evidenza tista’ tinkludi ċertifikat mediku, prova li wieħed għadu ħaj u prova tal-affidabilità stradali ta’ vetturi bil-mutur jew konferma tan-numri tax-chassis tagħhom. Sakemm l-evidenza tista’ tiġi ppreżentata f’format elettroniku, jenħtieġ li dan ma jikkostitwix eċċezzjoni għall-prinċipju li proċedura jenħtieġ li tiġi offruta kompletament online. F’każijiet oħra, xorta waħda jista’ jkun hemm il-bżonn li l-utenti ta’ proċedura jidhru personalment quddiem awtorità kompetenti bħala parti mill-proċedura online. Kwalunkwe eċċezzjoni bħal din, għajr dawk li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li tkun limitata għal sitwazzjonijiet li huma ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku fl-oqsma tas-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-ġlieda kontra l-frodi. Sabiex jiżguraw trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkondividu mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħra informazzjoni dwar tali eċċezzjonijiet u r-raġunijiet li għalihom, u ċ-ċirkostanzi li fihom, huma jistgħu jiġu applikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jirrapportaw dwar kull każ individwali fejn, eċċezzjonalment, preżenza fiżika kienet meħtieġa, iżda minflok jenħtieġ li jikkomunikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għal każijiet bħal dawn. Jenħtieġ li l-aqwa prattiki fil-livell nazzjonali u żviluppi tekniċi li jippermettu aktar diġitalizzazzjoni jiġu diskussi regolarment fi grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

(28)

F’sitwazzjonijiet transfruntiera, il-proċedura biex tiġi rreġistrata bidla ta’ indirizz tista’ tikkonsisti f’żewġ proċeduri separati, waħda fl-Istat Membru ta’ oriġini biex tintalab dereġistrazzjoni tal-indirizz l-antik, u l-oħra fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni biex ikun hemm talba għal reġistrazzjoni fl-indirizz il-ġdid. Iż-żewġ proċeduri jenħtieġ li jiġu koperti minn dan ir-Regolament.

(29)

Minħabba li d-diġitalizzazzjoni tar-rekwiżiti, tal-proċeduri u tal-formalitajiet relatati mar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali hija diġà koperta mid-Direttiva 2005/36/KE, dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri biss id-diġitalizzazzjoni tal-proċedura li titlob ir-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi, ċertifikati jew xhieda oħra ta’ korsijiet li jkunu tlestew fir-rigward ta’ persuna li tixtieq tkompli jew tibda tistudja, jew biex tuża titolu akkademiku minbarra l-formalitajiet relatati mar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

(30)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwax ir-regoli ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (14) u (KE) Nru 987/2009 (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ persuni assigurati u tal-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-proċeduri applikabbli fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

(31)

Ġew stabbiliti diversi netwerks u servizzi fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali sabiex jassistu liċ-ċittadini u lin-negozji fl-attivitajiet transfruntiera tagħhom. Huwa importanti li dawk is-servizzi, inklużi s-servizzi kollha ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi eżistenti stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, bħaċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, il-helpdesk għad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali, Europe Direct u n-Netwerk Enterprise Europe, jifformaw parti mill-gateway sabiex ikun żgurat li l-utenti potenzjali kollha jkunu jistgħu jsibuhom. Is-servizzi elenkati fl-Anness III kienu stabbiliti permezz ta’ atti vinkolanti tal-Unjoni filwaqt li servizzi oħrajn joperaw fuq bażi volontarja. Servizzi stabbiliti minn atti vinkolanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkunu marbutin bir-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti f’dan ir-Regolament. Servizzi operati fuq bażi volontarja jenħtieġ li jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti tal-kwalità jekk l-intenzjoni hija li tagħmilhom aċċessibbli mill-gateway. L-għan u n-natura ta’ dawk is-servizzi, l-arranġament ta’ governanza tagħhom, l-iskadenzi eżistenti, u l-bażi volontarja, kuntrattwali jew oħra li joperaw abbażi tagħha jenħtieġ li ma jiġux mibdula minn dan ir-Regolament. Pereżempju, meta l-assistenza li jipprovdu hija ta’ natura informali, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkollux l-effett li jibdel din l-assistenza f’konsulenza legali ta’ natura vinkolanti.

(32)

Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jżidu lill-gateway servizzi oħrajn ta’ assistenza nazzjonali jew ta’ soluzzjoni tal-problemi pprovduti minn awtoritajiet kompetenti jew minn entitajiet privati jew semiprivati, jew korpi pubbliċi, bħal kmamar tal-kummerċ jew servizzi ta’ assistenza mhux governattivi għaċ-ċittadini, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fil-prinċipju, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkunu responsabbli biex jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji fi kwalunkwe problema li jkollhom rigward ir-regoli applikabbli u l-proċeduri li ma jistgħux ikunu indirizzati għal kollox mis-servizzi online. Madankollu, f’oqsma speċjalizzati ħafna u fejn is-servizz ipprovdut minn korpi privati jew semiprivati jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti, l-Istati Membri jistgħu jipproponu lill-Kummissjoni biex hija tinkludi dawn is-servizzi fil-gateway, dment li dawk is-servizzi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament u ma jidduplikawx is-servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi li jkunu diġà inklużi.

(33)

Biex jassisti lill-utenti jidentifikaw is-servizz xieraq, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi faċilità għas-sejbien ta’ servizzi ta’ assistenza li awtomatikament tiggwida lill-utenti lejn is-servizz it-tajjeb.

(34)

Il-konformità ma’ lista minima ta’ rekwiżiti tal-kwalità hija essenzjali għas-suċċess tal-gateway sabiex ikun żgurat li l-għoti ta’ informazzjoni jew servizzi huwa affidabbli, peress li nkella, il-kredibbiltà tal-gateway inġenerali tiġi mminata serjament. L-objettiv sovrastanti tal-konformità huwa li jiġi żgurat li l-informazzjoni jew is-servizz jiġu ppreżentati b’mod ċar u faċli għall-utent. Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeterminaw kif l-informazzjoni tiġi ppreżentata matul il-vjaġġ tal-utent sabiex jintlaħaq dan l-objettiv. Pereżempju, filwaqt li huwa utli għall-utenti li jkunu infurmati, qabel it-tnedija ta’ proċedura, dwar il-mezzi ġeneralment disponibbli ta’ rimedju meta proċedura tagħtia riżultat negattiv, huwa ħafna aktar faċli għall-utent biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni speċifika dwar passi possibbli li għandhom jittieħdu f’każ bħal dan fi tmiem il-proċedura.

(35)

L-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għall-utenti transfruntiera tista’ tittejjeb b’mod sostanzjali meta l-informazzjoni tkun disponibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ġeneralment tinftiehem mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din il-lingwa jenħtieġ li tkun il-lingwa barranija l-iktar studjata mill-utenti madwar l-Unjoni, iżda f’xi każijiet speċifiċi, b’mod aktar partikolari fil-każ ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-livell lokali minn muniċipalitajiet żgħar qrib il-fruntiera ta’ Stat Membru, l-iktar lingwa adattata tista’ tkun użata bħala l-ewwel lingwa minn utenti transfruntiera fl-Istati Membri ġirien. It-traduzzjoni mil-lingwa jew mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat f’din il-lingwa uffiċjali l-oħra tal-Unjoni jenħtieġ li tirrifletti perfettament il-kontenut tal-informazzjoni pprovduta fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali. It-traduzzjoni tista’ tiġi limitata għall-informazzjoni li jeħtieġu l-utenti sabiex jifhmu r-regoli u r-rekwiżiti bażiċi li japplikaw għas-sitwazzjoni tagħhom. Filwaqt li l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jittraduċu kemm jista’ jkun informazzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li hija ġeneralment mifhuma mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, il-volum ta’ informazzjoni li għandu jiġi tradott skont dan ir-Regolament se jiddependi fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dan l-għan, b’mod partikolari dawk mill-baġit tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-arranġamenti xierqa biex tiżgura t-twassil effiċjenti tat-traduzzjonijiet lill-Istati Membri fuq talba tagħhom. Il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway jenħtieġ li jiddiskuti u jipprovdi gwida dwar il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li minnhom tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi tradotta.

(36)

Skont id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li s-siti web tal-korpi pubbliċi tagħhom jkunu aċċessibbli skont il-prinċipji ta’ perċezzjoni, operabbiltà, komprensibbiltà u robustezza u li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 21 tagħha, u, sabiex iħeġġu l-aċċess għall-informazzjoni għal persuni b’diżabilità intellettwali, jenħtieġ li jiġu pprovduti kemm jista’ jkun skont il- prinċipju ta’ proporzjonalità’ alternattivi f’lingwaġġ li jinqara faċilment. L-Istati Membri, billi jirratifikaw, u l-Unjoni, billi tikkonkludi, (17) dik il-Konvenzjoni, impenjaw ruħhom li jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw l-aċċess għall-persuni b’diżabilità, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, għal teknoloġiji u sistemi ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, inkluż l-Internet, billi jiffaċilitaw l-aċċess għall-informazzjoni għal persuni b’diżabilità intellettwali, u jipprovdu alternattivi f’lingwaġġ li jinqara faċilment kemm jista’ jkun u b’mod proporzjonat.

(37)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 ma tapplikax għal siti web u applikazzjonijiet mobbli tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, iżda l-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-interfaċċa komuni tal-utent u s-siti web taħt ir-responsabbiltà tagħha li għandhom ikunu inklużi fil-gateway ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, jiġifieri li jkunu perċepibbli, operattivi, li jinftiehmu u robusti. Il-perċezzjoni tfisser li l-informazzjoni u l-komponenti komunital-interfaċċa tal-utent jeħtieġu jkunu preżentabbli għall-utenti f’diversi modi li jistgħu jipperċepixxu; l-operabbiltà tfisser li l-komponenti komuni tal-interfaċċa tal-utenti u n-navigazzjoni jeħtieġu jkunu operabbli; il-fehim tfisser li dik l-informazzjoni u t-tħaddim ta’ interfaċċa komuni tal-utent jeħtieġu jkunu jinftiehmu; u r-robustezza tfisser li l-kontenut jeħtieġ ikun b’saħħtu biżżejjed li jkun jista’ jiġi interpretat b’mod affidabbli permezz ta’ varjetà kbira ta’ aġenti għall-utenti, inklużi teknoloġiji ta’ assistenza. Fir-rigward tat-termini perċepibbli, operattivi, li jinftiehmu u robusti, il-Kummissjoni hija mħeġġa tikkonforma mal-istandards armonizzati rilevanti.

(38)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas ta’ tariffi rikjest bħala parti minn proċeduri online jew għall-għoti ta’ servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi, l-utenti transfruntiera jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti kif speċifikat fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament u tal-Kunsill (18) jew mezzi oħrajn ta’ ħlas transfruntier li ġeneralment jintużaw, inklużi karti ta’ debitu jew ta’ kreditu.

(39)

Ikun siewi li l-utenti jkunu infurmati dwar iż-żmien mistenni li proċedura tista’ tieħu. Għaldaqstant, jenħtieġ li jkunu infurmati l-utenti dwar l-iskadenzi applikabbli jew arranġamenti ta’ approvazzjoni taċita jew ta’ silenzju amministrattiv, jekk dawn ma jkunux applikabbli, tal-inqas iż-żmien medju, approssimattiv jew indikattiv, li normalment tieħu l-proċedura inkwistjoni. Dawn l-approssimazzjonijiet jew indikazzjonijiet jenħtieġ li unikament jgħinu lill-utenti meta jippjanaw l-attivitajiet tagħhom jew kwalunkwe pass amministrattiv sussegwenti u jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda effett legali.

(40)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi wkoll il-verifika tal-evidenza pprovduta mill-utenti fil-format elettroniku, fejn dik l-evidenza tiġi ppreżentata mingħajr siġill elettroniku jew ċertifikazzjoni mill-awtorità kompetenti emittenti, jew fejn l-għodda teknika stabbilita minn dan ir-Regolament jew sistema oħra li tippermetti l-iskambju dirett jew il-verifika ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti ma jkunux disponibbli. Għal dawn il-każijiet, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi mekkaniżmu effettiv għal kooperazzjoni amministrattiva fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bbażat fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19). F’dawn il-każijiet, id-deċiżjoni ta’ awtorità kompetenti li tuża l-IMI jenħtieġ li tkun volontarja, iżda ladarba dik l-awtorita’ tkun ippreżentat talba għal informazzjoni jew kooperazzjoni permezz tal-IMI, l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba jenħtieġ li tkun obbligata tikkoopera u tipprovdi risposta. It-talba tista’ tintbagħat permezz tal-IMI kemm lill-awtorità kompetenti li tipprovdi l-evidenza jew lill-awtorità ċentrali li għandha tiġi ddeżinjata mill-Istati Membri f’konformità mar-regoli amministrattivi proprji tagħhom. Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn u peress li r-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) ikopri parti mill-evidenza rilevanti għall-proċeduri koperti minn dan ir-Regolament, l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għall-IMI stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/1191 jistgħu jintużaw ukoll għall-finijiet ta’ evidenza oħra rikjesta fi proċeduri koperti minn dan ir-Regolament. Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jenħtieġ li jkun emendat sabiex jippermetti lill-korpi, lill-uffiċċji jew lill-aġenziji tal-Unjoni jsiru atturi fi ħdan l-IMI.

(41)

Is-servizzi online ipprovduti mill-awtoritajiet kompetenti huma kruċjali biex tiżdied il-kwalità u s-sigurtà tas-servizzi mogħtija liċ-ċittadini u lin-negozji. L-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri aktar ma jmur qegħdin jaħdmu lejn l-użu mill-ġdid tad-data u ma għadhomx jeħtieġu li ċ-ċittadini u n-negozji jipprovdu l-istess informazzjoni diversi drabi. L-użu mill-ġdid tad-data jenħtieġ li jkun iffaċilitat għall-utenti transfruntiera biex jonqos il-piż addizzjonali.

(42)

Sabiex tippermetti l-iskambju transfruntier legali tal-evidenza u tal-informazzjoni permezz tal-applikazzjoni fl-Unjoni kollha tal-prinċipju ta’ “darba biss”, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-prinċipju ta’ “darba biss”jenħtieġ li tikkonforma mar-regoli applikabbli kollha dwar il-protezzjoni tad-data, inklużi l-prinċipji ta’ minimizzazzjoni tad-data, il-preċiżjoni, il-limitazzjoni tal-ħżin, l-integrità u l-kunfidenzjalità, in-neċessità, il-proporzjonalità u l-limitazzjoni tal-iskop. Jenħtieġ ukoll li l-implementazzjoni tiegħu tikkonforma kompletament mal-prinċipji ta’ sigurtà u ta’ privatezza fid-disinn, u jenħtieġ ukoll li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-individwi, inklużi dawk relatati mas-sens ta’ ġustizzja u t-trasparenza.

(43)

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-utenti tal-proċeduri jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara dwar kif id-data personali relatata magħhom se tiġi pproċessata skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) u l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (22).

(44)

Sabiex ikompli jiġi ffaċilitat l-użu ta’ proċeduri online, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi l-bażi għall-ħolqien u l-użu ta’ sistema teknika kompletament operattiva u sikura għall-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ evidenza bejn l-atturi involuti fil-proċedura, fejn dan jiġi mitlub b’mod espliċitu miċ-ċittadini u tan-negozji. Meta l-iskambju ta’ evidenza jinkludi data personali, it-talba jenħtieġ li titqies bħala waħda espliċita jekk ikun fiha indikazzjoni mogħtija b’mod ħieles, speċifika, informata u mhux ambigwa tax-xewqat tal-individwu li jiskambja d-data personali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew ta’ azzjoni affermattiva. Jekk l-utent ma jkunx il-persuna kkonċernata mid-data, il-proċedura online jenħtieġ li ma taffettwax id-drittijiet tiegħu jew tagħha kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2016/679. L-applikazzjoni transfruntiera tal-prinċipju ta’ “darba biss” jenħtieġ li twassal għall-fatt li ċ-ċittadini u n-negozji ma jkollhomx għalfejn jipprovdu l-istess data lill-awtoritajiet pubbliċi aktar minn darba, u li jenħtieġ li jkun possibbli li dik id-data tintuża wkoll fuq it-talba tal-utent għall-finijiet tat-tlestija ta’ proċeduri online transfruntiera li jinvolvu utenti transfruntiera. Għall-awtorità kompetenti emittenti, l-obbligu li tintuża sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat ta’ evidenza bejn Stati Membri differenti jenħtieġ li japplika biss meta l-awtoritajiet joħorġu b’mod legali, fl-Istat Membru tagħhom stess, evidenza f’format elettroniku li jrendi possibbli tali skambju awtomatizzat.

(45)

Kwalunkwe skambju transfruntier ta’ evidenza jenħtieġ li jkollu bażi legali xierqa bħad-Direttiva 2005/36/KE, 2006/123/KE, 2014/24/UE jew 2014/25/UE jew għall-proċeduri elenkati fl-Anness II, liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli oħra.

(46)

Huwa xieraq li dan ir-Regolament jistabbilixxi, bħala regola ġenerali, li l-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ evidenza jseħħ fuq it-talba espliċita tal-utent. Madankollu, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li ma japplikax fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali tippermetti l-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ data mingħajr talba espliċita tal-utent.

(47)

Jenħtieġ li l-użu ta’ sistema teknika stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament jibqa’ volontarju u l-utent jenħtieġ li jibqa’ liberu li jippreżenta evidenza b’mezzi oħra barra mis-sistema teknika. L-utent jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jara l-evidenza u d-dritt li jagħżel li ma jkomplix bl-iskambju tal-evidenza f’każijiet li fihom l-utent, wara li jkun ra l-evidenza li se tkun skambjata, jiskopri li l-informazzjoni mhijiex preċiża, mhijiex aġġornata, jew tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-proċedura inkwistjoni. Id-data inkluża fil-previżjoni jenħtieġ li ma tibqax miżmuma għal perjodu itwal ta’ żmien milli huwa teknikament meħtieġ.

(48)

Is-sistema teknika sigura li jenħtieġ li tiġi stabbilita sabiex tippermetti l-iskambju ta’ evidenza skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tagħti wkoll lill-awtoritajiet kompetenti rikjedenti ċ-ċertezza li l-evidenza ġiet ippreżentata mill-awtorità emittenti t-tajba. Qabel ma taċċetta l-informazzjoni pprovduta minn utent fil-kuntest ta’ proċedura, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun kapaċi tivverifika l-informazzjoni fejn din toħloq dubji, u li tikkonkludi li hija eżatta.

(49)

Jeżistu għadd ta’ elementi kostitwenti li joffru kapaċitajiet bażiċi li jistgħu jintużaw biex tiġi stabbilita s-sistema teknika, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), u l-elementi kostitwenti tal-eDelivery u tal-eID li jiffurmaw parti minn dik il-faċilità. Dawk l-elementi kostitwenti jikkonsistu minn speċifikazzjonijiet tekniċi, kampjun ta’ software u servizzi ta’ sostenn, u għandhom l-għan li jiżguraw l-interoperabbiltà fost is-sistemi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) eżistenti fi Stati Membri differenti sabiex iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet, kull fejn ikunu fl-Unjoni, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi diġitali mingħajr xkiel.

(50)

Is-sistema teknika stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun disponibbli minbarra sistemi oħrajn li jipprovdu mekkaniżmi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, bħall-IMI, u jenħtieġ li ma taffettwax lil sistemi oħrajn, inkluż is-sistema prevista fir-Regolament (KE) Nru 987/2009, id-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist, skont id-Direttiva 2014/24/UE, l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali, skont ir-Regolament (KE) Nru 987/2009, il-Karta Professjonali Ewropea, skont id-Direttiva 2005/36/KE, l-interkonnessjoni ta’ reġistri nazzjonali u l-interkonnessjoni ta’ reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji, skont id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24), u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-insolvenza, taħt ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(51)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ sistema teknika li tippermetti l-iskambju awtomatizzat ta’ evidenza, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex din tistabbilixxi, b’mod partikolari l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi ta’ sistema għall-ipproċessar ta’ talba tal-utent għall-iskambju ta’ evidenza u għat-trasferiment ta’ tali evidenza, kif ukoll sabiex tistabbilixxi r-regoli meħtieġa biex tiġi żgurata l-integrità u l-kunfidenzjalità tat-trasferiment. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

(52)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li s-sistema teknika tipprovdi livell għoli ta’ sigurta’ fl-applikazzjoni transfruntiera tal-prinċipju ta’ “darba biss”, il-Kummissjoni jenħtieġ, meta jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din is-sistema teknika, li tikkunsidra l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla mill-organizzazzjonijiet u l-entitajiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali, partikolarment il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT), kif ukoll l-istandards ta’ sigurta’ msemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(53)

Meta jkun neċessarju, sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni, is-superviżjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tas-sigurtà tal-partijiet tas-sistema teknika li għalija l-Kummissjoni hija responsabbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li titlob il-parir tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

(54)

L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi li għalihom huma responsabbli jikkonformaw mal-kriterji tal-kwalita’. Il-koordinaturi nazzjonali maħtura skont dan ir-Regolament u l-Kummissjoni jenħtieġ li, f’intervalli regolari, jissorveljaw il-konformità mal-kriterji tal-kwalità u tas-sigurtà fil-livell nazzjonali u Ewropew rispettivament, u jindirizzaw kwalunkwe problema li titfaċċa. Barra minn hekk, il-koordinaturi nazzjonali jenħtieġ li jassistu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-funzjonament tas-sistema teknika li tippermetti skambju ta’ evidenza transfruntier. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprovdi lill-Kummissjoni firxa ta’ mezzi sabiex tindirizza kull deterjorament fil-kwalità tas-servizzi offruti mill-gateway, skont is-serjetà u l-persistenza ta’ dan id-deterjorament, li jinvolvu, fejn meħtieġ, il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway. Dan jenħtieġ li ma jippreġudikax ir-responsabbiltà ġenerali tal-Kummissjoni rigward il-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

(55)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika l-funzjonalitajiet ewlenin tal-għodod tekniċi li jappoġġjaw il-funzjonament tal-gateway, b’mod partikolari l-interfaċċa komuni tal-utent, ir-repożitorju għal-links, u l-faċilità ta’ sejbien tas-servizzi ta’ assistenza komuni. L-interfaċċa komuni tal-utent jenħtieġ li tiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jsibu l-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fuq is-siti web fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollhom l-għan li jipprovdu links għal sors uniku tal-informazzjoni meħtieġa għall-gateway sabiex tiġi evitata konfużjoni fost l-utenti minħabba d-diversi sorsi jew li jidduplikaw l-istess informazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali. Dan jenħtieġ li ma jeskludix il-possibbilita’ li jiġu pprovduti links għall-istess informazzjoni offruta minn awtoritajiet kompetenti lokali jew reġjonali fir-rigward ta’ żoni ġeografiċi differenti. Dan jenħtieġ li ma jimpedix lanqas xi duplikazzjoni ta’ informazzjoni fejn din tkun inevitabbli jew mixtieqa, pereżempju meta xi drittijiet, obbligi u regoli tal-Unjoni jkunu ripetuti jew deskritti fuq il-paġni web nazzjonali biex titjieb il-faċilità tal-użu. Sabiex jitnaqqas l-intervent mill-bniedem fl-aġġornament tal-links li għandhom jintużaw mill-interfaċċa komuni tal-utent, meta jkun teknikament possibbli, jenħtieġ li tiġi stabbilita konnessjoni diretta bejn is-sistemi tekniċi rilevanti tal-Istati Membri u r-repożitorju għal-links. L-għodod komuni ta’ appoġġ tal-ICT jistgħu jużaw il-Vokabularju Bażiku tas-Servizzi Pubbliċi (CPSV) biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà mal-katalgi u s-semantika tas-servizzi fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jużaw il-Vokabularju Bażiku tas-Servizzi Pubbliċi (CPSV), iżda huma liberi li jiddeċiedu li jużaw soluzzjonijiet nazzjonali. L-informazzjoni inkluża fir-repożitorju għal-links jenħtieġ li ssir disponibbli għall-pubbliku f’format ta’ data miftuħa, ta’ użu komuni u li tinqara minn magna, pereżempju minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs), biex tkun tista’ tintuża mill-ġdid.

(56)

Il-faċilità ta’ tiftix tal-interfaċċa komuni tal-utent jenħtieġ li twassal lill-utenti għall-informazzjoni li jkollhom bżonn kull fejn tkun fis-siti web tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, bħala mod alternattiv biex jiggwida lill-utenti għall-informazzjoni utli, se jibqa’ jkun ta’ għajnuna li jinħolqu links bejn siti web jew paġni web eżistenti u komplementari, li jiġu ssimplifikati u li jingħaqdu kemm jista’ jkun, u li jinħolqu links bejn paġni web u siti web fuq livell tal-Unjoni u nazzjonali li jipprovdu aċċess għal servizzi u informazzjoni online.

(57)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jispeċifika wkoll ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-interfaċċa komuni tal-utent. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-interfaċċa komuni tal-utent tkun konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, u l-interfaċċa jenħtieġ b’mod partikolari tkun disponibbli u aċċessibbli online permezz ta’ diversi mezzi, kif ukoll tkun faċli biex tintuża.

(58)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi li jappoġġjaw lill-gateway, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex din tistabbilixxi, meta jkun neċessarju, l-istandards applikabbli u rekwiżiti ta’ interoperabbiltà sabiex ikun iktar faċli li tinstab l-informazzjoni dwar ir-regoli u l-obbligi, dwar proċeduri u dwar servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li għalihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(59)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jalloka wkoll b’mod ċar ir-responsabbiltà għall-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni u s-sigurtà tal-applikazzjonijiet tal-ICT li jappoġġjaw lill-gateway bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Bħala parti mill-kompiti ta’ manutenzjoni tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li b’mod regolari jimmonitorjaw il-funzjonament xieraq ta’ dawk l-applikazzjonijiet tal-ICT.

(60)

Sabiex jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-oqsma differenti ta’ informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li jenħtieġ li jkunu inklużi fil-gateway, jenħtieġ li jittejjeb ħafna aktar l-għarfien tal-udjenzi fil-mira dwar l-eżistenza u l-operat tagħhom. L-inklużjoni tagħhom fil-gateway jenħtieġ li tagħmilha ħafna aktar faċli għall-utenti li jsibu l-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li huma jeħtieġu, anki meta ma jkunux familjari magħhom. Barra minn hekk, se jkunu meħtieġa attivitajiet promozzjonali kkoordinati biex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji madwar l-Unjoni jsiru jafu bl-eżistenza tal-gateway u l-vantaġġi li joffri. Tali attivitajiet ta’ promozzjoni jenħtieġ li jinkludu l-ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix u azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni online oħrajn, peress li huma l-aktar kosteffettivi u għandhom il-potenzjal li jilħqu l-akbar udjenza destinatarja possibbli. Għal effiċjenza massima, dawk l-attivitajiet ta’ promozzjoni jenħtieġ li jkunu kkoordinati fil-qafas tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway u l-Istati Membri jenħtieġ li jaġġustaw l-isforzi promozzjonali tagħhom sabiex ikun hemm referenza komuni għall-marka f’kull kuntest rilevanti, bil-possibbiltà li jirreklamaw il-gateway ma’ inizjattivi nazzjonali.

(61)

L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu mħeġġa jippromwovu l-gateway billi jinkludu l-logo tagħha u l-links għaliha fil-paġni web rilevanti kollha li għalihom huma responsabbli.

(62)

L-isem li l-gateway għandu jkun magħruf bih u rreklamat mal-pubbliku inġenerali jenħtieġ li jkun “Your Europe”. L-interfaċċa komuni tal-utent jenħtieġ li tkun prominenti u li tinstab faċilment, partikolarment fil-paġni web rilevanti tal-Unjoni u f’dawk nazzjonali. Il-logo tal-gateway jenħtieġ li jkun viżibbli fil-paġni web rilevanti tal-Unjoni u f’dawk nazzjonali.

(63)

Sabiex tinkiseb informazzjoni adegwata għall-kejl u t-titjib tal-prestazzjoni tal-gateway, dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni biex jiġbru u janalizzaw id-data relatata mal-użu tad-diversi oqsma ta’ informazzjoni, proċeduri u servizzi offruti mill-gateway. Il-ġbir ta’ statistika dwar l-utenti, bħad-data relatata mal-għadd ta’ żjarat f’paġni web speċifiċi, l-għadd ta’ utenti fi ħdan Stat Membru meta mqabbel mal-għadd ta’ utenti minn Stati Membri oħra, it-termini użati għat-tiftix, il-paġni web l-aktar miżjura, il-paġni web ta’ riferiment, jew l-għadd, l-oriġini u s-suġġett tat-talbiet għall-assistenza, jenħtieġ li jtejjeb il-ħidma tal-gateway billi jgħin fl-identifikazzjoni tal-udjenza, fl-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni u fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi offruti. Il-ġbir ta’ tali data jenħtieġ li jqis il-Valutazzjoni Komparattiva annwali tal-gvern elettroniku li tagħmel il-Kummissjoni sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni.

(64)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi regoli uniformi dwar il-metodu ta’ ġbir u skambju ta’ statistika dwar l-utenti. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(65)

Il-kwalità tal-gateway tiddependi fuq il-kwalità tas-servizzi tal-Unjoni u nazzjonali pprovduti permezz tal-gateway. Ghalhekk, il-kwalità tal-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi disponibbli mill-gateway jenħtieġ li tkun ukoll immonitorjata b’mod regolari permezz ta’ għodda għall-feedback mill-utenti li titlob lill-utenti jivvalutaw u jagħtu feedback dwar il-kopertura u l-kwalità tal-informazzjoni, il-proċedura jew is-servizz ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li użaw. Dan il-feedback jenħtieġ li jinġabar f’għodda komuni li għaliha l-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-koordinaturi nazzjonali jenħtieġ li jkollhom aċċess. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament b’konnessjoni mal-funzjonalitajiet komuni ta’ għodod għall-feedback mill-utenti u l-arranġamenti dettaljati għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-feedback tal-utenti. Dawn is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika, f’forma anonima, ħarsiet ġenerali fil-qosor online tal-problemi li joħorġu mill-informazzjoni miġbura, l-istatistika ewlenija dwar l-utenti u l-feedback ewlieni tal-utenti miġbura skont dan ir-Regolament.

(66)

Barra minn hekk, il-gateway jenħtieġ li tinkludi għodda għal feedback li tippermetti lill-utenti jinnotifikaw, b’mod volontarju u anonimu, kwalunkwe problema u diffikultà li jiltaqgħu magħha waqt li jeżerċitaw id-drittijiet tas-suq intern tagħhom. Din l-għodda jenħtieġ li titqies biss bħala kumplimentari għall-mekkaniżmi ta’ indirizzar tal-ilmenti, peress li ma tistax toffri tweġibiet personalizzati lill-utenti. L-input li jidħol jenħtieġ li jkun ikkombinat ma’ informazzjoni aggregata mis-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi dwar il-każijiet li jkunu ttrattaw sabiex tinħareġ ħarsa ġenerali fuq is-suq intern kif perċepit mill-utenti u sabiex jiġu identifikati oqsma ta’ problemi għal azzjonijiet futuri possibbli biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern. Dik il-ħarsa ġenerali jenħtieġ li tkun konnessa mal-għodod ta’ rapportar eżistenti, bħat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku.

(67)

Id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu min għandu jwettaq ir-rwol ta’ koordinatur nazzjonali jenħtieġ li ma jkunx affettwat minn dan ir-Regolament. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċi jaddattaw il-funzjonijiet u responsabbiltajiet tal-koordinaturi nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-gateway għall-istrutturi amministrattivi interni tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru koordinaturi nazzjonali addizzjonali biex iwettqu l-kompiti skont dan ir-Regolament waħidhom jew flimkien ma’ oħrajn, b’responsabbilta’ għal diviżjoni tal-amministrazzjoni jew reġjun ġeografiku, jew skont kriterji oħrajn. L-Istati Membri jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-identita’ tal-koordinatur nazzjonali uniku li jkunu ħatru għal kuntatti mal-Kummissjoni.

(68)

Jenħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway magħmul mill-koordinaturi nazzjonali u ppresedut mill-Kummissjoni bl-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, speċjalment bl-iskambju tal-aħjar prattiki u b’ħidma konġunta biex tittejjeb il-konsistenza tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni kif meħtieġ minn dan ir-Regolament. Il-ħidma tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway jenħtieġ li tqis l-objettivi stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali, li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta lilu għal konsiderazzjoni. Il-programm ta’ ħidma annwali jenħtieġ li jieħu l-forma ta’ linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, li ma humiex vinkolanti fuq l-Istati Membri. Il-Kummissjoni, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tista’ tiddeċiedi li tistieden lill-Parlament biex jibgħat esperti jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

(69)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiċċara liema partijiet tal-gateway għandhom jiġu ffinanzjati permezz tal-baġit tal-Unjoni u liema partijiet huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tassisti lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni ta’ elementi kostitwenti tal-ICT li jistgħu jintużaw mill-ġdid u finanzjament disponibbli permezz ta’ diversi fondi u programmi fil-livell tal-Unjoni li jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ adattamenti u żviluppi fl-ICT meħtieġa fil-livell nazzjonali biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Il-baġit meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali applikabbli.

(70)

L-Istati Membri huma mħeġġa jikkoordinaw, jiskambjaw u jikkollaboraw aktar ma’ xulxin sabiex iżidu l-kapaċitajiet strateġiċi, operazzjonali, ta’ riċerka u żvilupp tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, kif imsemmi fid-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), biex issaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza tal-amministrazzjoni u s-servizzi pubbliċi tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jżidu s-sigurtà tat-transazzjonijiet u jiżguraw livell suffiċjenti ta’ fiduċja fil-mezzi elettroniċi billi jużaw il-qafas eIDAS stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u b’mod partikolari livelli adegwati ta’ assigurazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri skont il-liġi tal-Unjoni biex jissalvagwardjaw iċ-ċibersigurtà u jipprevjenu frodi tal-identità jew forom oħra ta’ frodi.

(71)

Meta l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, din jenħtieġ li titwettaq skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725. Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28) jenħtieġ li tapplika wkoll fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament. Kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu aktar kundizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa, u jistgħu jipprovdu wkoll regoli aktar speċifiċi dwar l-ipproċessar tad-data personali tal-impjegati fil-kuntest tal-impjiegi.

(72)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippromwovi u jiffaċilita s-simplifikazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza għas-servizzi koperti mill-gateway. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni jenħtieġ li, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, teżamina mill-ġdid l-arranġamenti ta’ governanza eżistenti u tadattahom fejn neċessarju, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-ineffiċjenzi.

(73)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiżgura li l-utenti li joperaw fi Stati Membri oħrajn ikollhom aċċess online għal informazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali komprensiva, affidabbli, aċċessibbli u li tinftiehem dwar id-drittijiet, ir-regoli u l-obbligi, għal proċeduri online li huma għal kollox tranżazzjonali bejn il-fruntieri u għal servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi. Minħabba li dak l-għan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(74)

Sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżviluppaw u jimplimentaw l-għodod meħtieġa għall-finijiet ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu japplikaw minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. L-awtoritajiet muniċipali jenħtieġ li jingħataw sa erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sabiex jimplimentaw ir-rekwiżit li jagħtu informazzjoni dwar ir-regoli, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-proċeduri li għandhom jiġu offruti kompletament online, l-aċċess transfruntier għal proċeduri online u s-sistema teknika għall-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ evidenza skont il-prinċipju ta’ “darba biss” jenħtieġ li jiġu implimentati sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(75)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li jiġi implimentat b’konformità ma’ dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

(76)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29) u ta l-opinjoni tiegħu fl-1 ta’ Awwissu 2017 (30).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għal:

(a)

l-istabbiliment u l-operat ta’ gateway diġitali unika li tipprovdi liċ-ċittadini u lin-negozju aċċess faċli għal informazzjoni ta’ kwalità għolja, għal proċeduri effiċjenti u għal servizzi effettivi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fir-rigward ir-regoli tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli għaċ-ċittadini u għan-negozji li jeżerċitaw jew għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mogħtija mil-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern, skont it-tifsira tal-Artikolu 26(2) tat-TFUE;

(b)

l-użu ta’ proċeduri minn utenti transfruntiera u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” b’rabta mal-proċeduri elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u l-proċeduri previsti fid-Direttivi 2005/36/KE, 2006/123/KE, 2014/24/UE u 2014/25/UE;

(c)

ir-rapportar dwar l-ostakli fis-suq intern ibbażat fuq il-ġbir ta’ feedback mingħand l-utenti u statistika mingħand is-servizzi koperti mill-gateway.

2.   Meta dan ir-Regolament ikollu kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att ieħor tal-Unjoni li jirregola aspetti speċifiċi tas-suġġett kopert b’dan ir-Regolament, id-dispożizzjoni tal-att l-ieħor tal-Unjoni għandha tipprevali.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa s-sustanza ta’, jew id-drittijiet mogħtija permezz ta’, kwalunkwe proċedura stipulata fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali fi kwalunkwe qasam irregolat minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-miżuri meħuda skont il-liġi tal-Unjoni biex jissalvagwardjaw iċ-ċibersigurtà u jipprevjenu frodi.

Artikolu 2

Stabbiliment tal-gateway diġitali unika

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu gateway diġitali unika (“il-gateway”) skont dan ir-Regolament. Il-gateway għandha tikkonsisti minn interfaċċa komuni tal-utent ġestita mill-Kummissjoni (“l-interfaċċa komuni tal-utent”), li għandha tkun integrata fil-portal L-Ewropa Tiegħek u li għandha tagħti aċċess għall-paġni web tal-Unjoni u dawk nazzjonali rilevanti.

2.   Il-gateway għandha tipprovdi aċċess għal:

(a)

informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli stipulati fil-liġi tal-Unjoni u f’dik nazzjonali li japplikaw għall-utenti li jeżerċitaw, jew għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw, id-drittijiet mogħtija lilhom mil-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq intern fl-oqsma elenkati fl-Anness I;

(b)

informazzjoni dwar proċeduri online u offline u links għal proċeduri online, inklużi proċeduri koperti permezz tal-Anness II, stabbiliti fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali sabiex l-utenti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet u jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi u r-regoli fil-qasam tas-suq intern fl-oqsma elenkati fl-Anness I;

(c)

informazzjoni dwar is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u links għalihom elenkati fl-Anness III jew imsemmija fl-Artikolu 7 b’mod li ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jirreferu għalihom f’każ li jkollhom mistoqsijiet jew problemi relatati mad-drittijiet, l-obbligi, ir-regoli jew il-proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-interfaċċa komuni tal-utent għandha tkun aċċessibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“utent” tfisser jew ċittadin tal-Unjoni, persuna fiżika residenti fi Stat Membru jew persuna ġuridika li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, u li taċċessa l-informazzjoni, il-proċeduri jew is-servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi, imsemmija fl-Artikolu 2(2), permezz tal-gateway;

(2)

“utent transfruntier” tfisser utent f’sitwazzjoni li l-aspetti tagħha mhux kollha jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed;

(3)

“proċedura” tfisser sekwenza ta’ azzjonijiet li jridu jieħdu l-utenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti, jew sabiex jiksbu deċiżjoni mingħand awtorità kompetenti, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom kif imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

(4)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità jew korp ta’ Stat Membru stabbilita f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali b’responsabbiltajiet speċifiċi relatati mal-informazzjoni, mal-proċeduri, mas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi koperti minn dan ir-Regolament;

(5)

“evidenza” tfisser kwalunkwe dokument jew data, inkluża reġistrazzjoni ta’ test jew ta’ ħoss, viżiva jew awdjoviżiva, irrispettivament mill-mezz użat, rikjesti minn awtorità kompetenti sabiex turi fatti jew konformità ma’ rekwiżiti proċedurali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2).

KAPITOLU II

SERVIZZI TAL-GATEWAY

Artikolu 4

Aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jkollhom aċċess faċli u online fuq il-paġni web nazzjonali tagħhom għal dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar dawk id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) li ġejjin mil-liġi nazzjonali;

(b)

informazzjoni dwar dawk il-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) li huma stabbiliti fil-livell nazzjonali;

(c)

informazzjoni dwar dawk is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) li huma pprovduti fil-livell nazzjonali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portal L-Ewropa Tiegħek jipprovdi lill-utenti aċċess online faċli għal dawn li ġejjin:

(a)

informazzjoni dwar dawk id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) li ġejjin mil-liġi tal-Unjoni;

(b)

informazzjoni dwar dawk il-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) li huma stabbiliti fil-livell tal-Unjoni;

(c)

informazzjoni dwar dawk is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2) li huma pprovduti fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 5

Aċċess għall-informazzjoni mhux inkluża fl-Anness I

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jipprovdu links għall-informazzjoni f’oqsma mhux elenkati fl-Anness I li hija offruta mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni jew il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, dment li din l-informazzjoni tkun fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-gateway kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) u tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 9.

2.   Il-links għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu pprovduti skont l-Artikolu 19(2) u (3).

3.   Qabel ma tiġi attivata kwalunkwe link, il-Kummissjoni għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ġew issodisfati u tikkonsulta lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

Artikolu 6

Proċeduri li jridu jiġu offruti kompletament online

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-utenti jistgħu jaċċessaw u jiffinalizzaw kwalunkwe proċedura elenkata fl-Anness II kompletament online, dment li l-proċedura rilevanti tkun ġiet stabbilita fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Il-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala kompletament online meta:

(a)

l-identifikazzjoni tal-utenti, l-għoti ta’ informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn, il-firma u s-sottomissjoni finali jistgħu jsiru kollha b’mod elettroniku mill-bogħod, permezz ta’ kanal ta’ servizz li jippermetti lill-utenti jissodisfaw ir-rekwiżiti marbutin mal-proċedura b’mod strutturat u li jkun faċli għall-utent;

(b)

l-utenti jingħataw konferma tar-riċevuta awtomatika, sakemm l-eżitu tal-proċedura ma jingħatax minnufih:

(c)

l-eżitu tal-proċedura jingħata elettronikament, jew fejn tkun neċessarja għall-finijiet ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, jingħata b’mezzi fiżiċi; u

(d)

l-utenti jingħataw notifika elettronika tat-tlestija tal-proċedura.

3.   Meta, f’kazijiet eċċezzjonali ġġustifikati permezz ta’ raġunijiet prevalenti ta’ interess pubbliku fl-oqsma tas-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-ġlieda kontra l-frodi, l-objettiv imfittex ma jistax jinkiseb kompletament online, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-utent jiġi mitlub jidher personalment quddiem l-awtorità kompetenti bħala pass fil-proċedura. F’tali każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jillimitaw il-preżenza fiżika għal dak li hu strettament meħtieġ u oġġettivament ġustifikat u għandhom jiżguraw li passi oħra tal-proċedura jistgħu jitwettqu kompletament online. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li r-rekwiżiti tal-preżenza fiżika ma jirriżultawx f’diskriminazzjoni kontra utenti transfruntiera.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw u jispjegaw, permezz ta’ repożitorju komuni aċċessibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, ir-raġunijiet li għalihom, u ċ-ċirkostanzi li fihom, tista’ tkun meħtieġa l-preżenza fiżika għall-passi proċedurali msemmija fil-paragrafu 3, u r-raġunijiet li għalihom, u ċ-ċirkostanzi li fihom, konsenja fiżika hija meħtieġa, kif imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

5.   Dan l-Artikolu ma għandux iżomm lill-Istati Membri milli joffru lill-utenti l-possibbiltà addizzjonali li jaċċessaw u jiffinalizzaw il-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) b’mezzi oħrajn minbarra kanal online, jew milli jikkuntattjaw lill-utenti direttament.

Artikolu 7

Aċċess għal servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-utenti, inklużi l-utenti transfruntiera, ikollhom aċċess faċli u online permezz ta’ kanali differenti għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2).

2.   Il-koordinatur nazzjonali msemmija fl-Artikolu 28 u l-Kummissjoni jistgħu jipprovdu links għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi offruti mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni jew il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, minbarra dawk elenkati fl-Anness III, skont l-Artikolu 19(2) u (3), dment li tali servizzi jkunu konformi mar-rekwiżiti tal-kwalità stipulati fl-Artikoli 11 u 16.

3.   Fejn meħtieġ, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti, il-koordinatur nazzjonali jista’ jipproponi lill-Kummissjoni, li links għal servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi pprovduti minn entitajiet privati jew semiprivati jiġu inklużi fil-gateway, fejn dawk is-servizzi tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma joffru informazzjoni jew assistenza fl-oqsma, u għall-finijiet, koperti minn dan ir-Regolament u jikkumplimentaw servizzi diġà inklużi fil-gateway;

(b)

huma offruti bla ħlas jew bi prezz li l-mikrointrapriżi, l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u ċ-ċittadini jifilħu jħallsu; u

(c)

huma jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 8, 11 u 16.

4.   Meta l-koordinatur nazzjonali jkun ippropona l-inklużjoni ta’ link skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u jipprovdi din il-link skont l-Artikolu 19(3), il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu humiex issodisfati mis-servizz li jkun ser jiġi inkluż permezz tal-link, u jekk iva, għandha tattiva l-link.

Meta l-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 3 ma jkunux issodisfati mis-servizz li jkun se jiġi inkluż, hija għandha tinforma lill-koordinatur nazzjonali dwar ir-raġunijiet biex ma tattivax il-link.

Artikolu 8

Rekwiżiti ta’ kwalità relatati mal-aċċessibbiltà għall-web

Il-Kummissjoni għandha tagħmel aktar aċċessibbli dawk s-siti web u l-paġni web tagħha li permezz tagħhom hija tagħti aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fl-Artikolu 7, billi tagħmilhom perċepibbli, operattivi, komprensibbli, u robusti.

KAPITOLU III

REKWIŻITI TAL-KWALITÀ

TAQSIMA 1

Rekwiżiti tal-kwalità relatati mal-informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli, dwar il-proċeduri u dwar is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

Artikolu 9

Kwalità tal-informazzjoni dwar id-drittijiet, l-obbligi u r-regoli

1.   Meta l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu responsabbli f’konformità mal-Artikolu 4 biex jiżguraw l-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2), huma għandhom jiżguraw li tali informazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tkun faċli għall-utenti, u tippermetti lill-utenti sabiex b’mod faċli jsibu u jifhmu l-informazzjoni u jidentifikaw faċilment liema partijiet tal-informazzjoni jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom;

(b)

tkun eżatta u komprensiva biżżejjed biex tkopri l-informazzjoni li l-utenti jridu jkunu jafu sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’konformità sħiħa mar-regoli u l-obbligi applikabbli;

(c)

tinkludi referenzi, links għal atti legali, speċifikazzjonijiet tekniċi u linji gwida, fejn ikun rilevanti;

(d)

tinkludi l-isem tal-awtorità kompetenti jew tal-entità responsabbli mill-kontenut tal-informazzjoni;

(e)

tinkludi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ kwalunkwe servizz ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi, bħal numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika, formola għall-mistoqsijiet online jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika użat b’mod komuni li jkun l-aktar adattat għat-tip ta’ servizz offrut u għall-udjenza fil-mira ta’ dan is-servizz;

(f)

tinkludi d-data tal-aħħar aġġornament tal-informazzjoni, jekk ikun hemm, jew fejn l-informazzjoni ma tkunx ġiet aġġornata, id-data ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni;

(g)

tkun strutturata tajjeb u ppreżentata b’mod li l-utenti jistgħu jsibu malajr l-informazzjoni li jridu;

(h)

tinżamm aġġornata; u

(i)

tkun miktuba f’lingwaġġ ċar u sempliċi adattat għall-ħtiġijiet tal-utenti fil-mira.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu aċċessibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, skont l-Artikolu 12.

Artikolu 10

Kwalità tal-informazzjoni dwar il-proċeduri

1.   Għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 4, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li, qabel mal-utenti jkunu jridu jidentifikaw lilhom infushom qabel it-tnedija tal-proċedura, huma jkollhom aċċess għal spjegazzjoni li tkun komprensiva, ċara u faċli biżżejjed għall-utent tal-elementi li ġejjin, fejn applikabbli, tal-proċeduri msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2):

(a)

il-passi relevanti tal-proċedura li għandhom jittieħdu mill-utent, inkluża kwalunkwe eċċezzjoni, skont l-Artikolu 6(3), għall-obbligu li l-Istati Membri joffru proċedura kompletament online;

(b)

l-isem tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-proċedura, inklużi d-dettalji tal-kuntatt tagħha;

(c)

il-mezzi aċċettati ta’ awtentikazzjoni, identifikazzjoni u ffirmar għall-proċedura;

(d)

it-tip u l-format tal-evidenza li għandha tiġi ppreżentata;

(e)

il-mezzi ta’ rimedju jew appell li huma ġeneralment disponibbli f’każ ta’ tilwim mal-awtoritajiet kompetenti;

(f)

il-miżati applikabbli u l-metodu ta’ ħlas online;

(g)

kwalunkwe skadenza li għandha tiġi osservata mill-utent jew mill-awtorità kompetenti u fejn ma jkun hemm ebda skadenza, iż-żmien medju, approssimattiv jew indikattiv li l-awtorità kompetenti teħtieġ biex tlesti l-proċedura;

(h)

kwalunkwe regola li tikkonċerna nuqqas ta’ tweġiba mill-awtorità kompetenti u l-konsegwenza legali ta’ dan għall-utenti, inklużi l-approvazzjoni taċita jew arranġamenti ta’ silenzju amministrattiv;

(i)

kwalunkwe lingwa oħra li fiha tista’ titwettaq il-proċedura.

2.   Jekk ma jkunu jeżistu l-ebda approvazzjoni taċita, arranġamenti ta’ silenzju amministrattiv jew arranġamenti simili, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fejn applikabbli, jinformaw lill-utenti dwar kwalunkwe dewmien u dwar kwalunkwe estensjoni tal-iskadenzi jew dwar kwalunkwe konsegwenza tagħhom.

3.   Meta l-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun diġà disponibbli għall-utenti li ma humiex transfruntiera, din tista’ tintuża jew terġa’ tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dment li tkun tkopri wkoll is-sitwazzjoni tal-utenti transfruntiera, fejn applikabbli.

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu aċċessibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, skont l-Artikolu 12.

Artikolu 11

Kwalità tal-informazzjoni dwar is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

1.   Għall-finijiet ta’ konformità mal-Artikolu 4, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li, qabel ma jressqu talba għal servizz kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), l-utenti jkollhom aċċess għal spjegazzjoni ċara u faċli għall-utent ta’ dan li ġej:

(a)

it-tip, l-iskop u r-riżultati mistennija mis-servizz offrut;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-entitajiet responsabbli għas-servizz, bħal numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika, formola għall-mistoqsijiet online jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika użat b’mod komuni li jkun l-aktar adattat għat-tip ta’ servizz offrut u għall-udjenza fil-mira ta’ dan is-servizz;

(c)

fejn rilevanti, il-miżati applikabbli u l-metodu ta’ ħlas online;

(d)

kwalunkwe skadenza applikabbli li għandha tiġi rrispettata u, fejn ma jkunx hemm skadenzi, il-medja jew l-istima taż-żmien meħtieġ biex jitwassal is-servizz;

(e)

kwalunkwe lingwa oħra li fiha tista’ ssir it-talba u li tista’ tintuża f’kuntatti sussegwenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-ispjegazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu aċċessibbli f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, skont l-Artikolu 12.

Artikolu 12

Traduzzjoni tal-informazzjoni

1.   Fejn Stat Membru ma jipprovdix l-informazzjoni, l-ispjegazzjonijiet u l-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11, u fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2), f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi traduzzjonijiet f’dik il-lingwa, fil-limiti tal-baġit tal-Unjoni disponibbli msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 32(1).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-testi ppreżentati għat-traduzzjoni skont l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopru tal-inqas l-informazzjoni bażika fl-oqsma kollha elenkati fl-Anness I u li, fejn ikun hemm baġit tal-Unjoni suffiċjenti disponibbli, huma jkopru kwalunkwe informazzjoni, spjegazzjoni u struzzjoni ulterjuri msemmi fl-Artikoli 9, 10 u 11, u fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2), filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet l-aktar importanti tal-utenti transfruntiera. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lir-repożitorju għal-links imsemmija fl-Artikolu 19 il-links għal dik l-informazzjoni tradotta.

3.   Il-lingwa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tkun l-aktar studjata bħala lingwa barranija mill-utenti madwar l-Unjoni. Eċċezzjonalment, meta l-informazzjoni, l-ispjegazzjonijiet jew l-istruzzjonijiet li jkunu jridu jiġu tradotti huma mistennija li jkunu ta’ interess predominanti għall-utenti transfruntiera li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, il-lingwa msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tkun il-lingwa uffiċjali tal-Unjoni użata bħala l-ewwel lingwa minn dawk l-utenti transfruntiera.

4.   Meta Stat Membru jitlob traduzzjoni f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li ma tkunx il-lingwa l-aktar studjata bħala lingwa barranija mill-utenti madwar l-Unjoni, huwa għandu jipprovdi raġunijiet għat-talba tiegħu. Meta l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għall-għażla ta’ tali lingwa oħra ma jkunux issodisfati, hija tista’ tirrifjuta t-talba u għandha tinforma lill-Istat Membru bir-raġunijiet għal dan ir-rifjut.

TAQSIMA 2

Rekwiżiti relatati mal-proċeduri online

Artikolu 13

Aċċess transfruntier għal proċeduri online

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta proċedura msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) u stabbilita fil-livell nazzjonali, tista’ tiġi aċċessata u ffinalizzata online mill-utenti li ma humiex transfruntiera, din tista’ tkun aċċessata u ffinalizzata wkoll mill-utenti transfruntiera b’mod nondiskriminatorju permezz tal-istess soluzzjoni teknika jew waħda alternattiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tal-inqas il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfati:

(a)

l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw l-istruzzjonijiet biex iwettqu l-proċedura f’lingwa uffiċjali tal-Unjoni li tinftiehem b’mod ġenerali mill-akbar għadd possibbli ta’ utenti transfruntiera, skont l-Artikolu 12;

(b)

l-utenti transfruntiera jkunu jistgħu jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa, inkluż fejn l-istruttura ta’ din l-informazzjoni tvarja minn informazzjoni simili fl-Istat Membru kkonċernat;

(c)

l-utenti transfruntiera jkunu jistgħu jidentifikaw u jawtentikaw lilhom infushom, jiffirmaw jew jissiġillaw dokumenti elettronikament, kif previst fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fil-każijiet kollha fejn dan ikun possibbli wkoll għall-utenti mhux transfruntiera;

(d)

l-utenti transfruntiera jistgħu jipprovdu evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli u jistgħu jirċievu l-eżitu tal-proċeduri f’format elettroniku fil-każijiet kollha fejn dan ikun possibbli wkoll għall-utenti mhux transfruntiera;

(e)

fejn it-twettiq ta’ proċedura jeħtieġ pagament, l-utenti jistgħu jħallsu kwalunkwe miżata online permezz ta’ servizzi ta’ pagamenti transfruntiera disponibbli b’mod wiesa’, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont tal-ħlas fl-Unjoni.

3.   Meta l-proċedura ma tkunx tirrikjedi l-identifikazzjoni jew l-awtentikazzjoni elettronika kif imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 2, u meta l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jaċċettaw, skont il-liġi jew il-prattiki amministrattivi nazzjonali applikabbli, kopji diġitali ta’ evidenza ta’ identità li mhijiex elettronika, bħal karti tal-identità jew passaporti, fir-rigward tal-utenti mhux transfruntiera, dawk l-awtoritajiet għandhom ukoll jaċċettaw dawn il-kopji diġitali fir-rigward tal-utenti transfruntiera.

Artikolu 14

Sistema teknika għall-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss”

1.   Għall-finijiet ta’ skambju ta’ evidenza għall-proċeduri online elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u l-proċeduri previsti fid-Direttivi 2005/36/KE, 2006/123/KE, 2014/24/UE u 2014/25/UE il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti (“is-sistema teknika”).

2.   Meta l-awtoritajiet kompetenti joħorġu legalment, fl-Istat Membru tagħhom stess u f’format elettroniku li jippermetti l-iskambju awtomatizzat, evidenza li tkun rilevanti għall-proċeduri online msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom jagħmlu din l-evidenza disponibbli wkoll għall-awtoritajiet kompetenti rikjedenti minn Stati Membri oħrajn f’format elettroniku li jippermetti l-iskambju awtomatizzat.

3.   Is-sistema teknika għandha, b’mod partikolari:

(a)

tippermetti l-ipproċessar ta’ talbiet għal evidenza fuq it-talba espliċita tal-utent;

(b)

tippermetti l-ipproċessar ta’ talbiet biex tiġi aċċessata jew skambjata l-evidenza;

(c)

tippermetti t-trażmissjoni ta’ evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti;

(d)

tippermetti l-ipproċessar tal-evidenza mill-awtorità kompetenti rikjedenti;

(e)

tiżgura l-kunfidenzjalità u l-integrità tal-evidenza;

(f)

tippermetti l-possibbiltà li l-utent ikun jista’ jara minn qabel l-evidenza li se tiġi użata mill-awtorità kompetenti rikjedenti u li jagħżel jekk jipproċedix jew inqas bl-iskambju ta’ evidenza;

(g)

tiżgura livell adegwat ta’ interoperabbiltà ma’ sistemi rilevanti oħrajn;

(h)

tiżgura livell għoli ta’ sigurtà għat-trażmissjoni u l-ipproċessar tal-evidenza;

(i)

ma tipproċessax evidenza lil hinn minn dik li hija teknikament meħtieġa għall-iskambju ta’ evidenza, u biss għat-tul ta’ żmien meħtieġ għal dak il-għan.

4.   L-użu tas-sistema teknika m’għandux ikun obbligatorju għall-utenti u għandu jitħalla jsir biss fuq it-talba espliċita tagħhom, sakemm ma jkunx previst mod ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali. L-utenti għandhom jitħallew jippreżentaw l-evidenza b’mezzi oħrajn apparti s-sistema teknika u direttament lill-awtorità kompetenti rikjedenti.

5.   Il-possibbiltà li tingħata ħarsa minn qabel lejn l-evidenza, imsemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 3, ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tkun rikjesta għall-proċeduri fejn l-iskambju transfruntier awtomatizzat ta’ data mingħajr din il-ħarsa minn qabel ikun permess skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Dik il-possibbiltà li tingħata ħarsa minn qabel lejn l-evidenza għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li tingħata l-informazzjoni skont l-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

6.   L-Istati Membri għandhom jintegraw is-sistema teknika kompletament operattivabħala parti mill-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1.

7.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-proċeduri online msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitolbu evidenza direttament mingħand l-awtoritajiet kompetenti li joħorġu l-evidenza fi Stati Membri oħrajn, fuq talba espliċita, mogħtija b’mod ħieles, speċifika, informata u mhux ambigwa tal-utent ikkonċernat, permezz tas-sistema teknika. F’konformitá mal-punt (e) tal-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti emittenti, imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jagħmlu din l-evidenza disponibbli permezz tal-istess sistema.

8.   L-evidenza magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti rikjedenti għandha tkun limitata għal dak li ġie mitlub u għandha tintuża biss minn dik l-awtorità għall-fini tal-proċedura li għaliha ġiet skambjata l-evidenza. L-evidenza skambjata permezz tas-sistema teknika għandha, għall-iskopijiet tal-awtorità kompetenti rikjedenti, tkun meqjusa bħala awtentika.

9.   Sat-12 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi tas-sistema teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37(2).

10.   Il-paragrafi 1 sa 8 ma għandhomx japplikaw għall-proċeduri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni li jipprovdu għal mekkaniżmi differenti għall-iskambju ta’ evidenza, sakemm is-sistema teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma tkunx integrata f’dawk il-proċeduri skont ir-regoli tal-atti tal-Unjoni li jistabbilixxu dawk il-proċeduri.

11.   Il-Kummissjoni u kull wieħed mill-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-manutenzjoni, is-superviżjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tas-sigurtà tal-partijiet rispettivi tagħhom tas-sistema teknika.

Artikolu 15

Il-verifika ta’ evidenza bejn l-Istati Membri

Meta s-sistema teknika, jew sistemi oħrajn għall-iskambju jew il-verifika ta’ evidenza bejn l-Istati Membri ma jkunux disponibbli jew ma jkunux applikabbli, jew meta l-utent ma jitlobx l-użu tas-sistema teknika, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) fejn dan huwa meħtieġ sabiex jivverifikaw l-awtentiċità tal-evidenza li tkun ġiet ippreżentata lil waħda minn fosthom f’format elettroniku mill-utent għall-fini ta’ proċedura online.

TAQSIMA 3

Rekwiżiti ta’ kwalità relatati mas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

Artikolu 16

Rekwiżiti ta’ kwalità relatati mas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi

L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, jiżguraw li s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi elenkati fl-Anness III u dawk li ġew inklużi fil-gateway skont l-Artikolu 7(2), (3) u (4) jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità li ġejjin:

(a)

huma jingħataw f’perjodu ta’ żmien raġonevoli billi titqies il-kumplessità tat-talba;

(b)

meta l-iskadenzi jiġu estiżi, l-utenti jiġu informati minn qabel dwar ir-raġunijiet għal dan u dwar l-iskadenza ġdida mogħtija;

(c)

fejn l-għoti ta’ servizz jeħtieġ pagament, l-utenti jistgħu jħallsu kwalunkwe miżata online permezz ta’ servizzi ta’ pagamenti transfruntier disponibbli b’mod wiesa’ mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq il-post ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizzi ta’ pagament, il-post tal-ħruġ tal-istrument ta’ pagament jew il-post tal-kont tal-ħlas fl-Unjoni.

TAQSIMA 4

Monitoraġġ tal-kwalità

Artikolu 17

Monitoraġġ tal-kwalità

1.   Il-koordinaturi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 28 u l-Kummissjoni għandhom, fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jimmonitorjaw regolarment il-konformità tal-informazzjoni, tal-proċeduri u tas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi disponibbli fuq il-gateway, mar-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 13 u 16. Il-monitoraġġ għandu jsir fuq il-bażi tad-data miġbura skont l-Artikoli 24 u 25.

2.   F’każ ta’ deterjorament fil-kwalità tal-informazzjoni, tal-proċeduri u tas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fil-paragrafu 1 ipprovduti mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni għandha, waqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-serjetà u l-persistenza tad-deterjorament, tieħu miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

tinforma lill-koordinatur nazzjonali rilevanti u titlob azzjoni ta’ rimedju;

(b)

tissottometti għad-diskussjoni fil-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway azzjonijiet irrakkomandati biex ittejjeb il-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalità;

(c)

tibgħat ittra bir-rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat;

(d)

taqta’ temporanjament l-informazzjoni, il-proċedura, jew is-servizz ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi mill-gateway.

3.   Fejn servizz ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi li għalih hemm ipprovduti links skont l-Artikolu 7(3) b’mod konsistenti ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 11 u 16, jew ma jibqax jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti kif indikat mid-data miġbura skont l-Artikoli 24 u 25, il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-koordinatur nazzjonali rilevanti u, fejn meħtieġ, mal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, taqtal-konnessjoni tiegħu mill-gateway.

KAPITOLU IV

SOLUZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 18

Interfaċċa komuni tal-utent

1.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tipprovdi interfaċċa komuni tal-utent, integrat fil-portal “L-Ewropa Tiegħek”, sabiex tiżgura l-funzjonament xieraq tal-gateway.

2.   L-interfaċċa komuni tal-utent għandha tagħti aċċess għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi permezz ta’ links għas-siti web jew paġni web fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali rilevanti inklużi fir-repożitorju għal-links imsemmi fl-Artikolu 19.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni, waqt li jaġixxu skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 4, għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-regoli u l-obbligi, dwar il-proċeduri u dwar is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi tkun organizzata u mmarkata b’mod li tiffaċilita s-sejbien tagħha permezz tal-interfaċċa komuni tal-utent.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-interfaċċa komuni tal-utent tikkonforma mar-rekwiżiti tal-kwalità li ġejjin:

(a)

hija faċli li tintuża;

(b)

hija aċċessibbli online permezz ta’ diversi apparati elettroniċi;

(c)

hija żviluppata u ottimizzata għal brawżers tal-Internet differenti;

(d)

hija tissodisfa dawn ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-web: il-perċettibilità, l-operabbiltà, il-komprensibbiltà u r-robustezza.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà biex tiffaċilita s-sejbien tal-informazzjoni dwar ir-regoli u l-obbligi, dwar il-proċeduri u dwar is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi permezz tal-interfaċċa komuni tal-utent. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f”konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 19

Repożitorju għal-links

1.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tistabbilixxi u żżomm repożitorju elettroniku għal links għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fl-Artikolu 2(2) li jippermetti l-konnessjoni bejn dawn is-servizzi u l-interfaċċa komuni tal-utent.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi r-repożitorju għal-links bil-links għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi aċċessibbli fuq il-paġni web ġestiti fil-livell tal-Unjoni, u għandha żżomm dawk il-links preċiżi u aġġornati.

3.   Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jipprovdu r-repożitorju għal-links bil-links għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi aċċessibbli fuq il-paġni web ġestiti mill-awtoritajiet kompetenti, jew mill-entitajiet privati jew semiprivati kif imsemmi fl-Artikolu 7(3) u għandhom iżommu dawk il-links preċiżi u aġġornati.

4.   Meta jkun teknikament possibbli, l-għoti, imsemmijin fil-paragrafu 3, tal-links jista’ jsir awtomatikament bejn is-sistemi rilevanti tal-Istati Membri u r-repożitorju għal-links.

5.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni mdaħħla fir-repożitorju għal-links għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’format miftuħ u li jinqara minn magna.

6.   Il-Kummissjoni u l-koordinaturi nazzjonali għandhom jiżguraw li l-links għall-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi offruti permezz tal-gateway ma jinkludux duplikazzjoni u sovrappożizzjonijiet sħaħ jew parzjali bla bżonn li aktarx ifixklu lill-utenti.

7.   Meta d-disponibbiltà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tkun ipprovduta f’dispożizzjonijiet oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, il-Kummissjoni u l-koordinaturi nazzjonali jistgħu jipprovdu links għal dik l-informazzjoni sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu.

Artikolu 20

Faċilità ta’ sejbien komuni għas-servizzi ta’ assistenza

1.   Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi elenkati fl-Anness III jew imsemmija fl-Artikolu 7(2) u (3), l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-utenti jistgħu jaċċessawhom permezz ta’ faċilità tas-sejbien tas-servizz ta’ assistenza komuni u ta’ soluzzjoni tal-problemi (“il-faċilità tas-sejbien tas-servizz tal-assistenza komuni”) disponibbli permezz tal-gateway.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tiġġestixxi l-faċilità ta’ sejbien komuni ta’ servizzi ta’ assistenza, u tiddeċiedi fuq l-istruttura u l-format li bihom għandhom jingħataw id-deskrizzjonijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tas-servizzi ta’ assistenza u soluzzjoni tal-problemi, sabiex il-faċilità ta’ sejbien komuni għas-servizzi ta’ assistenza tkun tista’ taħdem kif xieraq.

3.   Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-deskrizzjonijiet u d-dettalji ta’ kuntatt kif imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 21

Responsabbiltajiet għall-applikazzjonijiet tal-ICT li jappoġġaw lill-gateway

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-monitoraġġ, l-aġġornament, il-manutenzjoni, is-sigurtà u l-ospitar ta’ dawn l-applikazzjonijiet tal-ICT u paġni tal-web li ġejjin:

(a)

il-portal L-Ewropa Tiegħek, imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(b)

l-interfaċċa komuni tal-utent, imsemmija fl-Artikolu 18(1), inkluża l-magna tat-tiftix jew kwalunkwe għodda oħra tal-ICT li tippermetti t-tiftix tal-informazzjoni u s-servizzi tal-web;

(c)

ir-repożitorju għal-links, imsemmi fl-Artikolu 19(1);

(d)

il-faċilità ta’ sejbien komuni tas-servizzi ta’ assistenza, imsemmija fl-Artikolu 20(1);

(e)

l-għodod ta’ feedback mingħand l-utent, imsemmija fl-Artikolu 25(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 26(1).

Il-Kummissjoni għandha taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżviluppa l-applikazzjonijiet tal-ICT.

2.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-monitoraġġ, l-aġġornament, il-manutenzjoni u s-sigurtà tal-applikazzjonijiet tal-ICT relatati mas-siti web u mal-paġni web nazzjonali li jmexxu u li huma konnessi mal-interfaċċa komuni tal-utent.

KAPITOLU V

PROMOZZJONI

Artikolu 22

Isem, logo u tikketta tal-kwalità

1.   L-isem li l-gateway għandu jkun magħruf bih u rreklamat mal-pubbliku inġenerali għandu jkun “Your Europe”.

Il-logo li l-gateway ser jkun magħruf bih u rreklamat mal-pubbliku inġenerali għandu jiġi deċiż mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Ġunju 2019.

Il-logo tal-gateway u link għall-gateway għandhom jiġu magħmula viżibbli u disponibbli fuq is-siti web rilevanti fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali li huma konnessi mal-gateway.

2.   Bħala prova ta’ aderenza mar-rekwiżiti tal-kwalità msemmija fl-Artikoli 9, 10 u 11, l-isem u l-logo tal-gateway għandhom iservu wkoll bħala tikketta tal-kwalità. Madankollu, il-logo tal-gateway għandu jintuża biss bħala tikketta tal-kwalità mill-paġni web u mis-siti web inklużi fir-repożitorju għal-links imsemmi fl-Artikolu 19.

Artikolu 23

Promozzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-għarfien u l-użu tal-gateway fost iċ-ċittadini u n-negozji u għandhom jiżguraw li l-gateway u l-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi tiegħu huma viżibbli għall-pubbliku u jistgħu jinstabu permezz ta’ magni tat-tiftix li huma aċċessibbli għall-pubbliku.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ promozzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jirreferu għall-gateway u jużaw il-logo tagħha f’attivitajiet bħal dawn, flimkien ma’ kwalunkwe isem ta’ marka oħra, kif xieraq.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-gateway tista’ tinstab faċilment mis-siti web relatati li għalihom huma responsabbli u li jkun hemm disponibbli links ċari għall-interfaċċa komuni tal-utent f’kull sit web rilevanti fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali.

4.   Il-koordinaturi nazzjonali għandhom jippromwovu l-gateway mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

KAPITOLU VI

ĠBIR TA’ FEEDBACK U TA’ STATISTIKA MINGĦAND L-UTENTI

Artikolu 24

Statistika dwar l-utenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li tinġabar statistika relatata maż-żjarat tal-utenti fuq il-gateway u fuq il-paġni web li magħhom hija marbuta l-gateway b’mod li jiggarantixxi l-anonimità tal-utenti, sabiex il-gateway tiffunzjona aħjar.

2.   L-awtoritajiet kompetenti, il-fornituri ta’ servizzi ta’ assistenza jew ta’ servizzi ta’ soluzzjoni tal-problemi kif imsemmija fl-Artikolu 7(3) u l-Kummissjoni għandhom jiġbru u jiskambjaw, b’mod aggregat, in-numru, l-oriġini u s-suġġett tat-talbiet għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u l-ħinijiet ta’ rispons tagħhom.

3.   L-istatistika miġbura skont il-paragrafi 1 u 2, b’rabta mal-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi li magħhom hija konnessa l-gateway għandha tinkludi l-kategoriji ta’ data li ġejjin:

(a)

data marbuta man-numru, l-oriġini u t-tip ta’ utenti tal-gateway;

(b)

data marbuta mal-preferenzi tal-utenti u l-vjaġġi tal-utenti;

(c)

data marbuta mal-faċilità ta’ użu, is-sejbien u mal-kwalità tal-informazzjoni, il-proċeduri u s-servizzi ta’ assistenza u soluzzjoni tal-problemi.

Dik id-data għandha tkun disponibbli għall-pubbliku f’format miftuħ u użat b’mod komuni u li tinqara minn magna.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-metodu ta’ ġbir u skambju tal-istatistika dwar l-utenti msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 25

Feedback mingħand l-utenti dwar is-servizzi tal-gateway

1.   Sabiex tiġbor informazzjoni diretta mingħand l-utenti dwar is-sodisfazzjon tagħhom bis-servizzi pprovduti permezz tal-gateway u l-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni fih, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-utenti permezz tal-gateway għodda tal-feedback faċli li biha jkunu jistgħu, minnufih wara li jużaw kwalunkwe wieħed mis-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2), jikkummentaw b’mod anonimu dwar il-kwalità u d-disponibbiltà tas-servizzi pprovduti fuq il-gateway, tal-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni fih u tal-interfaċċa komuni tal-utent.

2.   L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-utenti jista’ jkollhom aċċess għal din l-għodda msemmija fil-paragrafu 1 mill-paġni web kollha li huma parti mill-gateway.

3.   Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-koordinaturi nazzjonali għandu jkollhom aċċess dirett għall-feedback tal-utenti miġbur permezz tal-għodda msemmija fil-paragrafu 1 sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw kwalunkwe problema mqajma.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu meħtieġa, fuq il-paġni web tagħhom li jkunu parti mill-gateway, li jagħtu lill-utenti l-aċċess għall-għodda tal-feedback tal-utent imsemmija fil-paragrafu 1, meta fuq il-paġni web tagħhom diġà jkun hemm għodda oħra għall-feedback tal-utent b’funzjonalitajiet simili għall-għodda tal-feedback tal-utent imsemmija fil-paragrafu 1 sabiex tiġi mmonitorjata l-kwalità tas-servizz. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġbru l-feedback tal-utenti riċevuti permezz tal-għodda għall-feedback tal-utenti tagħhom stess u għandhom jaqsmuh mal-Kummissjoni u l-koordinaturi nazzjonali tal-Istati Membri l-oħrajn.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li tistabbilixxi regoli għall-ġbir u l-qsim tal-feedback tal-utenti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37(2).

Artikolu 26

Rapportar dwar il-funzjonament tas-suq intern

1.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

tipprovdi lill-utenti tal-gateway għodda faċli għall-utent sabiex jinnotifikaw u jagħtu feedback b’mod anonimu dwar kwalunkwe ostaklu li huma jiltaqgħu miegħu waqt li jkunu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tas-suq intern tagħhom;

(b)

tiġbor informazzjoni aggregata mingħand is-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi inklużi fil-gateway dwar is-suġġett tat-talbiet u r-rispons.

2.   Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-koordinaturi nazzjonali għandu jkollhom aċċess dirett għall-feedback miġbur skont il-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom janalizzaw u jinvestigaw il-problemi mqajma mill-utenti skont dan l-Artikolu u jindirizzawhom, kull fejn ikun possibbli, bil-mezzi xierqa.

Artikolu 27

Ħarsiet ġenerali fil-qosor online

Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’forma anonima ħarsiet ġenerali fil-qosor online tal-problemi li joħorġu mill-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 26(1), l-istatistika ewlenija dwar l-utenti msemmija fl-Artikolu 24, u l-feedback ewlieni tal-utenti msemmi fl-Artikolu 25.

KAPITOLU VII

GOVERNANZA TAL-GATEWAY

Artikolu 28

Koordinaturi nazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar koordinatur nazzjonali. Minbarra l-obbligi tagħhom skont l-Artikoli 7, 17, 19, 20, 23 u 25, il-koordinaturi nazzjonali għandhom:

(a)

jaġixxu bħala punt ta’ kuntatt għall-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-gateway;

(b)

jippromwovu l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 9 sa 16 mill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom;

(c)

jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 14(2) jiġu implimentati kif xieraq.

2.   Kull Stat Membru jista’, skont l-istruttura amministrattiva interna tiegħu, jaħtar koordinatur wieħed jew aktar sabiex iwettaq kwalunkwe kompitu elenkat fil-paragrafu 1. Koordinatur nazzjonali wieħed għal kull Stat Membru għandu jkun responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-gateway.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-koordinatur nazzjonali tiegħu.

Artikolu 29

Grupp ta’ koordinazzjoni

B’dan qed jiġi stabbilit grupp ta’ koordinazzjoni (“il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway”). Għandu jkun magħmul minn koordinatur nazzjonali wieħed minn kull Stat Membru u għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat.

Artikolu 30

Kompiti tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway

1.   Il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, għandu:

(a)

jiffaċilita l-iskambju u l-aġġornament regolari tal-aqwa prattiki;

(b)

iħeġġeġ l-użu ta’ proċeduri li jitwettqu kompletament online apparti dawk inklużi fl-Anness II għal dan ir-Regolament, u ta’ mezzi ta’ awtentikazzjoni, identifikazzjoni u firma online, kif previst b’mod partikolari dawk ipprovduti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(c)

jiddiskuti titjib fil-preżentazzjoni tal-informazzjoni li tkun faċli għall-utent fl-oqsma elenkati fl-Anness I, b’mod partikolari fuq il-bażi tad-data miġbura skont l-Artikoli 24 u 25;

(d)

jgħin lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet komuni tal-ICT li jappoġġaw il-gateway;

(e)

jiddiskuti l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali;

(f)

jgħin lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-twettiq tal-programm ta’ ħidma annwali;

(g)

jiddiskuti informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 5 bil-ħsieb li tinkoraġġixxi lil Stati Membri oħrajn jipprovdu informazzjoni simili, fejn ikun rilevanti għall-utenti;

(h)

jgħin lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 16, skont l-Artikolu 17;

(i)

jinforma dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1);

(j)

jiddiskuti u jirrakkomanda azzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni bl-għan li tiġi evitata jew eliminata d-duplikazzjoni tas-servizzi disponibbli permezz tal-gateway;

(k)

jagħti opinjonijiet dwar proċeduri jew miżuri sabiex kwalunkwe problema rigward il-kwalità tas-servizzi mqajma mill-utenti jew suġġeriment biex din titjieb tiġi indirizzata b’mod effiċjenti;

(l)

jiddiskuti l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sigurtà fid-disinn u l-privatezza fid-disinn fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament;

(m)

jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-ġbir tal-feedback u tal-istatistika tal-utenti msemmija fl-Artikoli 24 u 25, sabiex is-servizzi offruti fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali jittejbu b’mod kontinwu;

(n)

jiddiskuti kwistjonijiet relatati mar-rekwiżiti tal-kwalità tas-servizzi offruti permezz tal-gateway;

(o)

jiskambja l-aħjar prattiki u jgħin lill-Kummissjoni fl-organizzazzjoni, fl-istruttura u fil-preżentazzjoni tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(2), biex jippermetti l-funzjonament xieraq tal-interfaċċa komuni tal-utent;

(p)

jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-promozzjoni koordinata;

(q)

jikkoopera mal-korpi ta’ governanza jew netwerks ta’ servizzi ta’ informazzjoni, u tas-servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi;

(r)

jipprovdi gwida dwar il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali addizzjonali tal-Unjoni li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 9(2), 10(4) u 11(2), u l-punt (a) tal-Artikolu 13(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Programm ta’ ħidma annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-programm ta’ ħidma annwali li b’mod partikolari għandu jispeċifika:

(a)

l-azzjonijiet sabiex titejjeb il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni speċifika fl-oqsma elenkati fl-Anness I u azzjonijiet sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni f’waqtha, mill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha, inkluż fil-livell muniċipali, tar-rekwiżit li tingħata informazzjoni;

(b)

l-azzjonijiet biex jiffaċilitaw il-konformità mal-Artikoli 6 u 13;

(c)

l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi żgurata konformità konsistenti mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 12;

(d)

l-attivitajiet relatati mal-promozzjoni tal-gateway skont l-Artikolu 23.

2.   Meta tkun qed tħejji l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali, il-Kummissjoni għandha tqis l-istatistika u l-feedback tal-utenti miġbura skont l-Artikoli 24 u 25 u ta’ kull suġġeriment magħmul mill-Istati Membri. Qabel ma tadottah, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-abbozz tal-programm ta’ ħidma annwali lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway għad-diskussjoni.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 32

Spejjeż

1.   Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkopri l-ispejjeż ta’:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tal-ICT li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell tal-Unjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-gateway fil-livell tal-Unjoni;

(c)

it-traduzzjoni ta’ informazzjoni, spjegazzjonijiet u struzzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 12 sa volum annwali massimu għal kull Stat Membru, mingħajr preġudizzju għal riallokazzjoni possibbli fejn din tkun neċessarja sabiex ikun jista’ jsir użu sħiħ mill-baġit disponibbli.

2.   L-ispejjeż relatati mal-portali web nazzjonali, mal-pjattaformi tal-informazzjoni, servizzi ta’ assistenza u proċeduri stabbiliti fil-livell tal-Istat Membru għandhom jitħallsu mill-baġits rispettivi tal-Istati Membri, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Artikolu 33

Protezzjoni tad-data personali

L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti fil-qafas ta’ dan ir-Regolament għandu jikkonforma mar-Regolament (UE) 2016/679. L-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 34

Kooperazzjoni ma’ netwerks oħrajn ta’ informazzjoni u assistenza

1.   Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi liema arranġamenti ta’ governanza informali li jeżistu għal kwalunkwe wieħed mis-servizzi ta’ assistenza jew ta’ soluzzjoni tal-problemi elenkati fl-Anness III jew għal kwalunkwe wieħed mill-oqsma ta’ informazzjoni koperti mill-Anness I għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

2.   Fejn is-servizzi jew in-netwerks ta’ informazzjoni u ta’ assistenza nħolqu permezz ta’ att legalment vinkolanti tal-Unjoni għal kwalunkwe qasam ta’ informazzjoni kopert mill-Anness I, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-ħidma tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway u tal-korpi ta’ governanza ta’ dawn is-servizzi jew netwerks bl-għan li tikseb sinerġiji u tevita d-duplikazzjoni.

Artikolu 35

Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern

1.   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012, għandha tintuża għall-finijiet tal-Artikolu 6(4) u tal-Artikolu 15 u f’konformità magħhom

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tuża l-IMI bħala r-repożitorju elettroniku għal-links imsemmi fl-Artikolu 19(1).

Artikolu 36

Rapportar u rieżami

Sat-12 ta’ Diċembru 2022 u darba kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni dwar il-funzjonament tal-gateway u dwar il-funzjonament tas-suq intern fuq il-bażi tal-istatistika u l-feedback miġbur skont l-Artikoli 24, 25 u 26. Ir-rieżami għandu, b’mod partikolari, jevalwa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 waqt li jikkunsidra l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u dawk legali li jirrigwardaw l-iskambju tal-evidenza bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 37

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 38

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-użu ta’ Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (‘IMI’) għal kooperazzjoni amministrattiva fost l-atturi tal-IMI, inkluż l-ipproċessar ta’ data personali.”;

(2)

fl-Artikolu 3, paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-IMI għandha tintuża għall-iskambji ta’ informazzjoni, inkluż ta’ data personali, fost l-atturi tal-IMI u għall-ipproċessar ta’ dik l-informazzjoni għall-finijiet ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kooperazzjoni amministrattiva meħtieġa skont l-atti elenkati fl-Anness;

(b)

kooperazzjoni amministrattiva soġġetta għal proġett pilota mwettaq skont l-Artikolu 4.”;

(3)

fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘IMI’ tfisser l-għodda elettronika pprovduta mill-Kummissjoni sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-atturi tal-IMI;”;

(b)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘kooperazzjoni amministrattiva’ tfisser il-kollaborazzjoni bejn l-atturi tal-IMI bl-iskambju u bl-ipproċessar ta’ informazzjoni għall-fini ta’ applikazzjoni aħjar tal-liġi tal-Unjoni;”;

(c)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

‘l-atturi tal-IMI’ tfisser l-awtoritajiet kompetenti, il-koordinaturi tal-IMI, il-Kummissjoni u l-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;”;

(4)

fl-Artikolu 8(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

“tiżgura l-koordinazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni u tagħtihom aċċess għall-IMI.”;

(5)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Għandhom jiġu implimentati mezzi adatti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u minn korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-utenti tal-IMI jkunu permessi jaċċessaw data personali pproċessata fl-IMI biss fuq il-bażi tal-ħtieġa tal-għarfien u fil-qasam jew l-oqsma tas-suq intern li għalihom ingħataw id-drittijiet ta’ aċċess skont il-paragrafu 3.”;

(6)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ u jiżgura li dan ir-Regolament jiġi applikat meta l-Kummissjoni jew korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, fir-rwol tagħhom bħala atturi tal-IMI, jipproċessaw data personali. Id-dmirijiet u s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 (*1) għandhom japplikaw b’konsegwenza.

(*1)  Regolament (UE) 2018/1725tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39)”;"

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza Nazzjonali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kull wieħed jaġixxi fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tiegħu, għandhom jikkooperaw flimkien sabiex jiżguraw is-superviżjoni kkoordinata tal-IMI u l-użu tagħha mill-atturi tal-IMI skont l-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa mħassar;

(7)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 1 huwa mħassar;

(8)

Fl-Anness, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“11.

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (*2): l-Artikolu 56, l-Artikoli 60 sa 66 u l-Artikolu 70(1).

12.

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (*3): L-Artikoli 6(4), u l-Artikoli 15 u 19.

(*2)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1."

(*3)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.”."

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2, l-Artikolu 4, l-Artikoli 7 sa 12, l-Artikolu 16, l-Artikolu 17, l-Artikolu 18(1) sa (4), l-Artikolu 19, l-Artikolu 20, l-Artikolu 24(1), (2) u (3), l-Artikolu 25(1) sa (4), l-Artikolu 26 u l-Artikolu 27 għandhom japplikaw mit-12 ta’ Diċembru 2020.

L-Artikolu 6, l-Artikolu 13, l-Artikolu 14(1) sa (8) u (10) u l-Artikolu 15 għandhom japplikaw mit-12 ta’ Diċembru 2023.

Minkejja d-data tal-applikazzjoni tal-Artikoli 2, 9, 10 u 11, l-awtoritajiet muniċipali għandhom jagħmlu l-informazzjoni, l-ispjegazzjonijiet u l-istruzzjonijiet msemmija f’dawk l-Artikoli disponibbli sa mhux aktar tard mit-12 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-2 ta’ Ottubru 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 88.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Settembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2018.

(3)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

(6)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta’ Settembru 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw SOLVIT (ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10).

(8)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(9)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25).

(12)  Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(16)  Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).

(17)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 200, 26.7.2016, p. 1).

(21)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(22)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ara paġna 39 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(23)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE)Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 19).

(26)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(27)  Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1).

(28)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(29)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(30)  ĠU C 340, 11.10.2017, p. 6.


ANNESS I

Lista ta’ oqsma ta’ informazzjoni li huma rilevanti għaċ-ċittadini u għan-negozji li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tas-suq intern imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2)

Oqsma ta’ informazzjoni relatati maċ-ċittadini:

Area

INFORMAZZJONI LI TIRRIGWARDA D-DRITTIJIET, L-OBBLIGI U R-REGOLI LI JIRRIŻULTAW MIL-LIĠI TAL-UNJONI U DIK NAZZJONALI

A.

L-ivvjaġġar fl-Unjoni

1.

dokumenti meħtieġa miċ-ċittadini tal-Unjoni, mill-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini tal-Unjoni, mill-minuri li jivvjaġġaw waħedhom u ċittadini li mhumiex tal-Unjoni meta jivvjaġġaw bejn il-fruntieri fl-Unjoni (karta tal-identità, viża, passaport)

2.

id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk li jivvjaġġaw fl-Unjoni u li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni bl-ajruplan, bil-ferrovija, bil-vapur u bix-xarabank, u ta’ dawk li jixtru pakketti tal-ivvjaġġar jew arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta

3.

l-assistenza f’każ ta’ mobbiltà mnaqqsa waqt l-ivvjaġġar fl-Unjoni u waqt it-tluq mit-territorju tal-Unjoni

4.

it-trasport ta’ annimali, pjanti, alkoħol, tabakk, sigaretti u oġġetti oħrajn waqt l-ivvjaġġar fl-Unjoni

5.

it-telefonati bil-vuċi u l-bgħit u r-riċezzjoni ta’ messaġġi elettroniċi u ta’ data elettronika fl-Unjoni

B.

Ix-xogħol u l-irtirar fl-Unjoni

1.

it-tiftix ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor

2.

il-bidu ta’ impjieg fi Stat Membru ieħor

3.

ir-rikonoxximent tal-kwalifiki biex wieħed jaħdem fi Stat Membru ieħor

4.

it-tassazzjoni fi Stat Membru ieħor

5.

ir-regoli dwar ir-responsabbiltà u l-assigurazzjoni obbligatorji marbuta mar-residenza jew impjieg fi Stat Membru ieħor

6.

it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, inkluż għall-ħaddiema stazzjonati, kif stipulati bil-liġi jew permezz ta’ strument statutorju (inkluż informazzjoni dwar is-sigħat tax-xogħol, il-liv imħallas, l-intitolamenti għall-btajjel, id-drittijiet u l-obbligi rigward is-sahra, il-kontrolli tas-saħħa, it-terminazzjoni tal-kuntratti, it-tkeċċijiet u s-sensji)

7.

it-trattament indaqs (regoli li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, regoli dwar paga indaqs għan-nisa u l-irġiel u dwar paga indaqs għall-impjegati b’kuntratt fiss jew b’kuntratti ta’ impjieg permanenti)

8.

l-obbligi tas-saħħa u tas-sigurtà b’rabta ma’ tipi differenti ta’ attività

9.

id-drittijiet u l-obbligi tas-sigurtà soċjali fl-Unjoni inklużi dawk relatati mat-teħid ta’ pensjonijiet

C.

Il-vetturi fl-Unjoni

1.

it-teħid ta’ vettura bil-mutur fuq bażi temporanja jew permanenti fi Stat Membru ieħor

2.

l-akkwist u t-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan

3.

ix-xiri ta’ assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur obbligatorja

4.

ix-xiri u l-bejgħ ta’ vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor

5.

ir-regoli dwar it-traffiku nazzjonali u r-rekwiżiti għas-sewwieqa, inklużi r-regoli ġenerali għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq nazzjonali: it-tariffi bbażati fuq il-ħin (vinjetta), it-tariffi bbażati fuq id-distanza (pedaġġ), l-istikers tal-emissjonijiet

D.

Ir-residenza fi Stat Membru ieħor

1.

iċ-ċaqliq temporanju jew permanenti lejn Stat Membru ieħor

2.

ix-xiri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli, inkluża kull kundizzjoni u obbligu relatati mat-tassazzjoni, is-sjieda, jew l-użu ta’ tali proprjetà, inkluż l-użu tagħha bħala residenza sekondarja

3.

il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew

4.

ir-rekwiżiti għall-karti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għall-membri tal-familja tagħhom, inklużi l-membri tal-familja li mhumiex ċittadini tal-Unjoni

5.

ir-rekwiżiti applikabbli għan-naturalizzazzjoni għal ċittadini minn Stat Membru ieħor

6.

ir-regoli applikabbli f’każ ta’ mewt, inkluż regoli dwar ir-ripatrijazzjoni tal-mejjet lejn Stat Membru ieħor

E.

L-edukazzjoni jew it-taħriġ fi Stat Membru ieħor

1.

is-sistema edukattiva fi Stat Membru ieħor, inklużi l-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija, l-edukazzjoni primarja u sekondarja, l-edukazzjoni għolja u t-tagħlim tal-adulti

2.

il-volontarjat fi Stat Membru ieħor

3.

it-taħriġ fi Stat Membru ieħor

4.

ir-riċerka fi Stat Membru ieħor bħala parti minn programm edukattiv

F.

Il-kura tas-saħħa

1.

it-trattament mediku fi Stat Membru ieħor

2.

ix-xiri online jew fiżiku ta’ prodotti farmaċewtiċi bir-riċetta fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet ir-riċetta

3.

ir-regoli tal-assigurazzjoni tas-saħħa applikabbli fil-każ ta’ soġġorn qasir jew fuq perjodu twil fi Stat Membru ieħor, inkluż kif wieħed japplika għal Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea

4.

informazzjoni ġenerali għad-drittijiet jew l-obbligi tal-aċċess għall-parteċipazzjoni f’miżuri pubbliċi disponibbli dwar il-kura tas-saħħa preventiva

5.

is-servizzi pprovduti permezz ta’ numri nazzjonali ta’ emerġenza, inklużi n-numri “112” u “116”

6.

id-drittijiet u l-kundizzjonijiet biex wieħed imur joqgħod f’dar residenzjali tal-kura

G.

Id-drittijiet taċ-ċittadini u tal-familja

1.

it-twelid, il-kustodja għall-minuri, ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri, ir-regoli dwar il-maternità surrogata u l-adozzjoni, inkluża l-adozzjoni mit-tieni ġenitur, l-obbligi ta’ manteniment b’konnessjoni mat-tfal f’sitwazzjoni ta’ familja transfruntiera

2.

il-ħajja f’koppja ta’ nazzjonalitajiet differenti, inklużi l-koppji tal-istess sess (iż-żwieġ, is-sħubija ċivili jew irreġistrata, is-separazzjoni, id-divorzju, id-drittijiet tal-proprjetà matrimonjali, id-drittijiet tal-koabitanti)

3.

ir-regoli dwar ir-rikonoxximent tal-ġeneru

4.

id-drittijiet u l-obbligi b’rabta mas-suċċessjoni fi Stat Membru ieħor, inklużi r-regoli tat-taxxa

5.

id-drittijiet u r-regoli applikabbli f’każ ta’ ħtif transfruntier tat-tfal mill-ġenituri

H.

Id-drittijiet tal-konsumaturi

1.

ix-xiri online u fiżiku ta’ oġġetti, kontenut diġitali jew servizzi (inklużi servizzi finanzjarji) minn Stat Membru ieħor

2.

il-pussess ta’ kont tal-bank fi Stat Membru ieħor

3.

il-konnessjoni mal-utilitajiet, bħall-gass, l-elettriku, l-ilma, ir-rimi tal-iskart tad-djar, it-telekoms u l-Internet

4.

il-pagamenti, inklużi t-trasferimenti ta’ kreditu, id-dewmien fil-pagamenti transfruntiera

5.

id-drittijiet tal-konsumatur u l-garanziji relatati max-xiri ta’ oġġetti u servizzi, inklużi l-proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim tal-konsumaturi u kumpens

6.

is-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti għall-konsumatur

7.

il-kiri ta’ vettura bil-mutur

I.

Il-protezzjoni tad-data personali

1.

l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali

Oqsma ta’ informazzjoni marbuta man-negozji:

Qasam

INFORMAZZJONI RIGWARD DRITTIJIET, OBBLIGI U REGOLI

J.

Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju

1.

ir-reġistrazzjoni, il-bdil tal-forma legali jew l-għeluq ta’ negozju (il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u l-formoli legali għat-twettiq ta’ negozju)

2.

it-trasferiment ta’ negozju lejn Stat Membru ieħor

3.

id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (l-applikazzjoni għal privattiva, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark, ta’ tpinġija jew disinn, il-kisba ta’ liċenzja għar-riproduzzjoni)

4.

il-korrettezza u t-trasparenza fil-prattiki kummerċjali, inklużi d-drittijiet tal-konsumatur u l-garanziji relatati mal-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi

5.

l-offerta’ ta’ faċilitajiet online għall-pagamenti transfruntiera meta wieħed ibiegħ oġġetti u servizzi online

6.

id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kuntratti, inklużi l-imgħaxijiet fuq pagamenti tardivi

7.

il-proċedimenti ta’ insolvenza u l-likwidazzjoni tal-kumpaniji

8.

l-assigurazzjoni tal-krediti

9.

l-amalgamazzjoni tal-kumpaniji jew il-bejgħ ta’ negozju

10.

ir-responsabbiltà ċivili tad-diretturi ta’ kumpanija

11.

ir-regoli u l-obbligi li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data personali

K.

Impjegati

1.

it-termini tal-impjieg stipulati bil-liġi jew permezz ta’ strument statutorju (inklużi s-sigħat tax-xogħol, il-liv imħallas, l-intitolamenti għall-btajjel, id-drittijiet u l-obbligi rigward is-sahra, il-kontrolli tas-saħħa, it-terminazzjoni tal-kuntratti, it-tkeċċijiet u s-sensji)

2.

id-drittijiet u l-obbligi tas-sigurtà soċjali fl-Unjoni (ir-reġistrazzjoni bħala impjegatur, ir-reġistrazzjoni tal-impjegati, in-notifika ta’ tmiem ta’ kuntratt ta’ impjegat, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet soċjali, id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-pensjonijiet)

3.

l-impjieg tal-ħaddiema fi Stati Membri oħrajn (il-kollokament tal-ħaddiema, ir-regoli dwar il-libertà tal-forniment ta’ servizzi, ir-rekwiżiti ta’ residenza għall-ħaddiema)

4.

it-trattament indaqs (regoli li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, regoli dwar paga indaqs għan-nisa u l-irġiel u paga indaqs għall-impjegati b’kuntratt fiss jew b’kuntratti ta’ impjieg permanenti)

5.

ir-regoli dwar ir-rappreżentazzjoni tal-persunal

L.

Taxxi

1.

VAT: informazzjoni dwar ir-regoli ġenerali, ir-rati u l-eżenzjonijiet, ir-reġistrazzjoni għall-VAT u l-ħlas tal-VAT, u kif tikseb rifużjoni

2.

id-dazji tas-sisa: informazzjoni dwar ir-regoli ġenerali, ir-rati u l-eżenzjonijiet, ir-reġistrazzjoni għall-finijiet tat-taxxa tas-sisa u l-ħlas tat-taxxa tas-sisa, u kif tikseb rifużjoni

3.

id-dazji doganali u taxxi u dazji oħrajn li jinġabru fuq l-importazzjonijiet

4.

il-proċeduri doganali għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

5.

taxxi oħrajn: pagamenti, rati, dikjarazzjonijiet tat-taxxa

M.

Oġġetti

1.

il-kisba ta’ markar CE

2.

ir-regoli u r-rekwiżiti tal-prodott

3.

l-identifikazzjoni ta’ standards applikabbli, speċifikazzjonijiet tekniċi u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti

4.

ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodotti li mhumiex soġġetti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-Unjoni

5.

ir-rekwiżiti rigward il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ għas-sustanzi kimiċi perikolużi

6.

il-bejgħ mill-bogħod/barra mill-post tan-negozju: l-informazzjoni li trid tingħata lill-klijenti minn qabel, il-konferma tal-kuntratt bil-miktub, l-irtirar minn kuntratt, il-konsenja tal-oġġetti, obbligi speċifiċi oħrajn

7.

il-prodotti difettużi: id-drittijiet u l-garanziji tal-konsumatur, ir-responsabbiltajiet ta’ wara l-bejgħ, il-mezzi ta’ rimedju għal parti li ssofri dannu

8.

iċ-ċertifikazzjoni, it-tikketti (EMAS, it-tikketti tal-enerġija, l-Ekodisinn, l-Ekotikketta tal-UE)

9.

ir-riċiklaġġ u l-ġestjoni tal-iskart

N.

Servizzi

1.

il-kisba ta’ liċenzji, awtorizzazzjonijiet jew permessi għall-bidu u l-operat ta’ negozju

2.

in-notifika lill-awtoritajiet dwar attivitajiet transfruntiera

3.

ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

O.

Il-finanzjament tan-negozju

1.

il-kisba ta’ aċċess għal finanzjament fil-livell tal-Unjoni, inklużi l-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-għotjiet għan-negozju

2.

il-kisba ta’ aċċess għal finanzjament fil-livell nazzjonali

3.

inizjattivi indirizzati lill-imprendituri (skambji organizzati għall-imprendituri l-ġodda, programmi ta’ mentoraġġ eċċ.)

P.

Kuntratti pubbliċi

1.

il-parteċipazzjoni f’sejħiet għall-offerti pubbliċi: regoli u proċeduri

2.

il-preżentazzjoni ta’ offerta online bi tweġiba għal sejħa għall-offerti pubblika

3.

ir-rapportar ta’ irregolaritajiet fir-rigward tal-proċess ta’ sejħiet għall-offerti

Q.

Is-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol

1.

l-obbligi dwar is-saħħa u s-sikurezza fir-rigward ta’ tipi differenti ta’ attività, inklużi l-prevenzjoni tar-riskji, l-informazzjoni u t-taħriġ


ANNESS II

Proċeduri msemmija fl-Artikolu 6(1)

Avvenimenti tal-ħajja

Proċeduri

Ir-riżultat mistenni soġġett għal valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-liġi nazzjonali, fejn rilevanti

Twelid

Talba għal prova tar-reġistrazzjoni tat-twelid

Prova tar-reġistrazzjoni tat-twelid jew ċertifikat tat-twelid

Residenza

Talba għal prova ta’ residenza

Konferma tar-reġistrazzjoni fl-indirizz attwali

Studju

Applikazzjoni għal finanzjament ta’ studju fl-edukazzjoni terzjarja, bħal għotjiet u self ta’ studju minn korp jew istituzzjoni pubblika

Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal finanzjament jew konferma tar-riċevuta

Tressiq ta’ applikazzjoni inizjali għall-ammissjoni f’istituzzjoni tal-edukazzjoni terzjarja pubblika

Konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni

Talba għar-rikonoxximent akkademiku ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn ta’ studji jew korsijiet

Deċiżjoni dwar it-talba għar-rikonoxximent

Xogħol

Talba għad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli f’konformità mat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1)

Deċiżjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli

In-notifika ta’ bidliet fiċ-ċirkustanzi personali jew professjonali tal-persuna li tkun qed tirċievi benefiċċji tas-sigurtà soċjali, rilevanti għat-tali benefiċċji

Konferma tal-irċevuta tan-notifika ta’ tali bidliet

Applikazzjoni għal Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC)

Il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC)

Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul

Konferma tal-irċevuta tad-dikjarazzjoni

Ċaqliq

Reġistrazzjoni ta’ bidla tal-indirizz

Konferma ta’ dereġistrazzjoni fl-indirizz preċedenti u tar-reġistrazzjoni tal-indirizz il-ġdid

Reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur li toriġina minn Stat Membru, jew li hija diġà rreġistrata fih, fi proċeduri standard (2)

Prova tar-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur

L-akkwist ta’ stikers għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq nazzjonali: it-tariffi bbażati fuq il-ħin (vinjetta), it-tariffi bbażati fuq id-distanza (pedaġġ), maħruġa minn korp pubbliku jew istituzzjoni pubblika

Ir-riċevuta ta’ stiker tal-pedaġġ jew ta’ vinjetta jew prova oħra ta’ ħlas

L-akkwist ta’ stikers tal-emissjonijiet maħruġa minn korp pubbliku jew istituzzjoni pubblika

Ir-riċevuta ta’ stiker tal-emissjonijiet jew prova oħra ta’ ħlas

Irtirar

Talba għall-pensjoni u għall-benefiċċji ta’ qabel l-irtirar minn skemi obbligatorji

Konferma tal-irċevuta tat-talba jew id-deċiżjoni rigward it-talba għal pensjoni jew għal benefiċċji ta’ qabel l-irtirar

Talba għal informazzjoni dwar id-data relatata mal-pensjoni minn skemi obbligatorji

Dikjarazzjoni tad-data tal-pensjoni personali

Il-bidu, it-tmexxija u l-għeluq ta’ negozju

Notifika tal-attività ta’ negozju, permess għall-eżerċizzju ta’ attività ta’ negozju, bidliet fl-attività ta’ negozju u t-terminazzjoni ta’ attività ta’ negozju li ma tinvolvix proċeduri ta’ insolvenza jew ta’ likwidazzjoni, bl-esklużjoni tar-reġistrazzjoni inizjali ta’ attività ta’ negozju mar-reġistru tan-negozji u minbarra l-proċeduri li jirrigwardaw il-kostituzzjoni ta’ kumpaniji jew ditti, jew kwalunkwe preżentazzjoni sussegwenti minnhom, skont it-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE

Konferma tar-riċevuta tan-notifika jew bidla, jew tat-talba għal permess għal attività tan-negozju

Reġistrazzjoni ta’ impjegatur (persuna fiżika) mal-iskemi obbligatorji tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni

Konferma tar-reġistrazzjoni jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali

Reġistrazzjoni ta’ impjegati mal-iskemi obbligatorji tal-pensjoni u tal-assigurazzjoni

Konferma tar-reġistrazzjoni jew in-numru ta’ reġistrazzjoni tas-sigurtà soċjali

Preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva

Konferma tal-irċevuta tad-dikjarazzjoni

Notifika lill-iskemi tas-sigurtà soċjali tat-tmiem ta’ kuntratt ma’ impjegat, minbarra l-proċeduri għat-tmiem kollettiv tal-kuntratti tal-impjegati

Konferma tal-irċevuta tan-notifika

Pagament ta’ kontribuzzjonijiet soċjali għall-impjegati

Wasla jew forma oħra ta’ konferma ta’ pagament ta’ kontribuzzjonijiet soċjali għall-impjegati


(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(2)  Dan ikopri l-vetturi li ġejjin: (a) kwalunkwe vettura bil-mutur jew karru kif imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1) u (b) kwalunkwe vettura bil-mutur b’żewġ roti jew tlieta, kemm jekk rota doppja jew xort’oħra, maħsuba għall-ivvjaġġar fit-triq, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).


ANNESS III

Lista tas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2)

(1)

Punti ta’ kuntatt waħdieni (1)

(2)

Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti (2)

(3)

Punti ta’ Kuntatt għall-Prodotti għall-Bini (3)

(4)

Ċentri ta’ assistenza nazzjonali għall-kwalifiki professjonali (4)

(5)

Punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-kura tas-saħħa transkonfinali (5)

(6)

Netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES) (6)

(7)

Soluzzjoni online għal tilwim (ODR) (7)


(1)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 764/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi l-proċeduri relatati mal-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tekniċi nazzjonali għal prodotti legalment kummerċjalizzati fi Stat Membru ieħor u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 3052/95/KE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 21).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5).

(4)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22–142).

(5)  Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2016 dwar netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 107, 22.4.2016, p. 11).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1).


Top