EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1121

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1121 tal-10 ta' Awwissu 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

C/2018/5299

OJ L 204, 13.8.2018, p. 33–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/08/2021

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1121/oj

13.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/33


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1121

tal-10 ta' Awwissu 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 tal-14 ta' Settembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(6) tiegħu,

Billi:

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 599/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 (3), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka.

(2)

Fl-investigazzjoni oriġinali, ippreżenta ruħu għadd kbir ta' produtturi esportaturi mill-Istati Uniti tal-Amerka. B'hekk, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta' produtturi esportaturi Amerikani għall-investigazzjoni.

(3)

Il-Kunsill impona rati ta' dazju individwali fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka li jvarja minn EUR 0 sa EUR 198 għal kull tunnellata netta fuq il-kumpaniji fil-kampjun, u dazju medju ponderat ta' EUR 115,6 għal kull tunnellata netta fuq kumpaniji oħrajn li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Barra minn hekk, rata ta' dazju ta' EUR 172,2 għal kull tunnellata netta kienet imposta fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil mill-kumpaniji Amerikani l-oħrajn.

(4)

Wara reviżjoni tal-iskadenza bbażata fuq l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-miżuri oriġinali ttawlu għal ħames snin mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518.

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1598 (4) li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 biex jinkludi l-Artikolu 1(6) li jippermetti lill-produtturi esportaturi jitolbu trattament ġdid ta' produttur esportatur.

(6)

L-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 jgħid li l-Kummissjoni tista' temenda l-Anness I, sabiex tattribwixxi d-dazju applikabbli għall-produtturi li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri EUR 115,6 it-tunnellata netta, meta kwalunkwe parti mill-Istati Uniti tal-Amerika tipprovdi biżżejjed provi lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportatx bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka matul il-perjodu ta' investigazzjoni (l-1 ta' April 2007 - il-31 ta' Marzu 2008);

(b)

ma tiġix minn esportatur jew minn produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; u

(c)

li effettivament esportat il-merkanzija kkonċernata jew daħlet f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li tesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni.

B.   TALBIET GĦAL TRATTAMENT TA' PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518, kumpanija Amerikana, Organic Technologies (“l-applikant”), sostniet li ssodisfat it-tliet kriterji stabbiliti fil-premessa (6) u li jenħtieġ li tingħata trattament ta' produttur esportatur ġdid L-applikant ipprovda informazzjoni u evidenza ta' sostenn bi tweġiba għal kwestjonarju mill-Kummissjoni. Wara analiżi inizjali tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni bagħtet ittra lill-applikant biex titlob iktar informazzjoni. L-applikant wieġeb.

(8)

Għall-kriterju (a), l-applikant sostna li kien jeżisti waqt il-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Huwa sostna wkoll li beda jipproduċi l-bijodiżil fl-2009, jiġifieri wara l-perjodu ta' investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni vverifikat il-kotba tal-bejgħ ipprovduti mill-applikant. L-applikant wera li l-kumpanija bdiet il-produzzjoni tal-bijodiżil fl-2009 u l-ewwel bejgħ barra l-Istati Uniti tal-Amerka ma seħħx qabel l-2016. Għalhekk, il-Kummissjoni aċċettat li l-applikant ma esportax bijodiżil lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. B'hekk, l-applikant huwa konformi mal-kriterju (a).

(9)

Fir-rigward tal-kriterju (b), jiġifieri li l-applikant ma jkun relatat ma' ebda esportatur jew produttur li jkun soġġett għal miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518, il-Kummissjoni stabbiliet, fuq il-bażi tad-dokumenti mibgħuta mill-applikant, li l-applikant ma għandu l-ebda kumpanija relatata soġġetta għall-miżuri. Għalhekk, l-applikant huwa konformi mal-kriterju (b).

(10)

Fir-rigward tal-kriterju (c), il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-applikant kien daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fl-2018. F'dak ir-rigward, l-applikant ipprovda kuntratt ta' bejgħ għall-konsenja tal-prodott ikkonċernat fl-2018, li kien jissodisfa dan il-kriterju. Għalhekk, l-applikant huwa konformi mal-kriterju (c).

(11)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant jissodisfa t-tliet kriterji biex jitqies produttur esportatur ġdid. Għalhekk, jenħtieġ li isimha jiżdied mal-lista ta' kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518.

(12)

Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)

Il-Kummissjoni infurmat lill-applikant u lill-industrija tal-Unjoni bis-sejbiet tagħha u tatu l-opportunità jikkummenta. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment.

(14)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 il-kumpanija li ġejja għandha tiżdied mal-lista ta' produtturi esportaturi mill-Istati Uniti tal-Amerka:

Isem il-kumpanija

Belt

Kodiċi addizzjonali TARIC

“Organic Technologies

Coshocton (Ohio)

C482 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1518 tal-14 ta' Settembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 69).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 599/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 26).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1598 tat-22 ta' Settembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1518 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 245, 23.9.2017, p. 1)


Top