Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0852

Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/12/2018/REV/2

OJ L 150, 14.6.2018, p. 141–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/852/oj

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/141


DIRETTIVA (UE) 2018/852 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni jenħtieġ li jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u tiżdied il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni prudenti, effiċjenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, jiġu promossi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, jissaħħaħ l-użu tal-enerġija rinnovabbli, tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq ir-riżorsi importati, jiġu pprovduti opportunitajiet ekonomiċi ġodda u jingħata kontribut għall-kompetittività fit-tul. L-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi jġib ukoll iffrankar nett sostanzjali għan-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-konsumaturi tal-Unjoni, filwaqt li jnaqqas l-emissjonijiet annwali totali ta’ gassijiet serra.

(2)

Il-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għall-irkupru u r-riċiklaġġ tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ jenħtieġ li jiġu emendati billi jiżdied ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ, bil-għan li tiġi riflessa aħjar l-ambizzjoni tal-Unjoni li timxi lejn ekonomija ċirkolari.

(3)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata aktar koerenza fil-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart, jenħtieġ li d-definizzjonijiet fid-Direttiva 94/62/KE jiġu allinjati, fejn rilevanti, ma’ dawk tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li huma applikabbli għall-iskart b’mod ġenerali.

(4)

Il-prevenzjoni tal-iskart hija l-iktar mod effiċjenti ta’ kif tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ta’ kif jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-iskart. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu żieda fis-sehem ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li jitqiegħed fis-suq u l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ sistemi ta’ imballaġġ ritornabbli u inċenviti oħra, bħall-iffissar ta’ miri kwantitattivi, filwaqt li jitqies l-użu mill-ġdid għall-kisba tal-miri ta’ riċiklaġġ, u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji differenzjati għal imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża taħt skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi għall-imballaġġ. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jinċentivaw l-użu ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża u biex jiksbu tnaqqis fil-konsum ta’ imballaġġ mhux riċiklabbli u ta’ imballaġġ eċċessiv.

(5)

Peress li l-użu mill-ġdid jinvolvi l-evitar ta’ tqiegħed ta’ imballaġ ġdid fis-suq u ta’ żieda fil-volumi ta’ skart ta’ imballaġġ iġġenerat, jenħtieġ li imballaġġ tal-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża li jiġi mqiegħed fis-suq għall-ewwel darba u imballaġġ tal-injam li huwa msewwi għall-użu mill-ġdid jitqies għall-finijiet tal-ilħiq tal-miri rispettivi dwar ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu inċentivi adegwati għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart, inklużi strumenti ekonomiċi u miżuri oħra. Jenħtieġ li tali miżuri jimmiraw li jimminimizzaw l-impatti ambjentali tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġ minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li jitqiesu, fejn xieraq, il-benefiċċji mill-użu ta’ materjali b’bażi bijoloġika u materjali adatti għal riċiklaġġ multiplu. Miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-benefiċċji li jirriżultaw minn imballaġġ magħmul minn materjali riċiklati jistgħu jikkontribwixxu għall-espansjoni tas-settur tar-riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ. Fejn imballaġġ li jintuża darba biss huwa indispensabbli biex jiggarantaxxi l-iġjene tal-ikel u s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw ir-riċiklaġġ ta’ tali imballaġġ.

(7)

It-trawwim ta’ bijoekonomija sostenibbli jista’ jikkontribwixxi biex tonqos id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-materja prima importata. Imballaġġ riċiklabbli b’bażi bijoloġika u imballaġġ kompostabbli bijodegradabbli jistgħu jirrappreżentaw opportunità biex jiġu promossi sorsi rinnovabbli għall-produzzjoni tal-imballaġġ, fejn intwera li huma ta’ benefiċċju minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

(8)

L-iskart, sew fil-bliet, fuq l-art, fix-xmajjar u fl-ibħra, jew kwalunkwe post ieħor, għandu impatti detrimentali diretti u indiretti fuq l-ambjent, il-benessri taċ-ċittadini u l-ekonomija, u l-ispejjeż biex jitneħħa jirrappreżentaw piż ekonomiku bla bżonn fuq is-soċjetà. Il-biċċa l-kbira tal-oġġetti li jinstabu l-aktar fil-bajjiet jinkludu l-iskart mill-imballaġġ u għandhom impatti fit-tul fuq l-ambjent filwaqt li jaffettwaw it-turiżmu u t-tgawdija pubblika ta’ dawn iż-żoni naturali. Barra minn hekk, il-preżenza tal-iskart mill-imballaġġ fl-ambjent tal-baħar timmina l-ordni tal-prijorità tal-ġerarkija tal-iskart, b’mod partikolari billi tiġi evitata l-preprazzjoni għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u rkupru ieħor.

(9)

Iż-żieda tal-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ tissarraf f’benefiċċji ċari mil-lat ambjentali, ekonomiku u soċjali. Jenħtieġ li jiġi żgurat li l-materjali tal-iskart ta’ valur ekonomiku jiġu rkuprati progressivament u b’mod effettiv, b’immaniġġjar tajjeb tal-iskart u f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart kif stipulat fid-Direttiva 2008/98/KE, u jerġgħu lura fl-ekonomija Ewropea, biex b’hekk isir progress fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Novembru 2008 dwar “L-inizjattiva tal-materja prima: nilħqu l-ħtiġijiet kritiċi tagħna għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa” u fit-tiswir ta’ ekonomija ċirkolari.

(10)

Għadd ta’ Stati Membri għadhom ma żviluppawx għalkollox l-infrastruttura meħtieġa għall-immaniġġjar tal-iskart. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ politika ċari u fit-tul sabiex jiġi evitat li l-materjali riċiklabbli jeħlu fil-livelli baxxi tal-ġerarkija tal-iskart.

(11)

Din id-Direttiva tistipula għanijiet fit-tul għall-immaniġġjar tal-iskart tal-Unjoni, u tagħti lill-operaturi ekonomiċi u lill-Istati Membri direzzjoni ċara għall-investimenti meħtieġa sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Waqt li jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-immaniġġjar tal-iskart u jippjanaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw b’mod għaqli l-investimenti, inkluż permezz ta’ fondi tal-Unjoni, billi jipprijoritizzaw il-prevenzjoni inkluż l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, f’konformità mal-ġerarkija tal-iskart.

(12)

Bħala riżultat tat-taħlita ta’ miri tar-riċiklaġġ u restrizzjonijiet għar-rimi f’landfills stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (6), m’għadhomx meħtieġa l-iffissar ta’ miri għall-irkupru u miri massimi għar-riċiklaġġ tal-iskart mill-imballaġġ.

(13)

Jenħtieġ li jiġu stipulati miri ta’ riċiklaġġ separati għall-metalli ferrużi u għall-aluminju, bil-għan li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi u ambjentali sinifikanti, billi iktar aliminju jiġi riċiklat u dan iwassal għal ffrankar sinifikanti fl-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Għalhekk jenħtieġ li l-mira eżistenti tat-tħejjija għar-riċiklaġġ għall-imballaġġ tal-metall tinqasam f’miri separati għal dawk iż-żewġ tipi ta’ skart.

(14)

Il-miri ta’ riċiklaġġ għall-2030 għall-imballaġġ jenħtieġ li jiġu eżaminati bil-ħsieb li jinżammu jew, jekk xieraq, jiżdiedu. Matul dak ir-rieżami, jenħtieġ li tingħata wkoll attenzjoni għal flussi speċifiċi ta’ skart mill-imballaġġ bħal skart mill-imballaġġ domestiku, kummerċjali u industrijali kif ukoll skart mill-imballaġġ imħallat.

(15)

Jenħtieġ li l-kalkolu tal-miri ta’ riċiklaġġ ikun ibbażat fuq il-piż tal-iskart mill-imballaġġ li jidħol fir-riċiklaġġ. Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-kejl attwali tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ magħdud bħala riċiklat ikun fil-punt fejn l-iskart mill-imballaġġ jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ. Madankollu, sabiex jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi, jenħtieġ li l-Istati Membri, taħt kundizzjonijiet stretti u b’deroga mir-regola ġenerali, ikunu awtorizzati jistabbilixxu l-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat abbażi tal-kejl tal-output ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ separazzjoni. Telf ta’ materjali li jseħħ qabel ma l-iskart jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ, pereżempju minħabba s-separazzjoni jew operazzjoni preliminari oħra, jenħtieġ li ma jkunx inkluż fl-ammonti ta’ skart irrappurtati bħala riċiklati. Dak it-telf jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ reġistri elettroniċi, speċifikazzjonijiet tekniċi, regoli dettaljati dwar il-kalkolu tar-rati medji ta’ telf għal diversi flussi ta’ skart jew miżuri ekwivalenti oħra. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar dawn il-miżuri fir-rapporti tal-verifika tal-kwalità li jakkumpanjaw id-data li jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart. Jenħtieġ li r-rati ta’ telf preferibbilment ikunu stabbiliti fil-livell ta’ faċilitajiet ta’ separazzjoni individwali u jenħtieġ li jkunu marbuta ma’ tipi differenti ewlenin ta’ skart, sorsi differenti (bħal domestiċi jew kummerċjali), skemi ta’ ġbir differenti u tipi differenti ta’ proċessi ta’ separazzjoni. Jenħtieġ li r-rati medji ta’ telf jintużaw biss f’każijiet fejn mhijiex disponibbli ebda data affidabbli oħra, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ vjeġġi u esportazzjoni tal-iskart. Jenħtieġ li t-telf fil-piż tal-materjali jew tas-sustanzi minħabba proċessi ta’ trasformazzjoni fiżiċi jew kimiċi inerenti fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ fejn l-iskart mill-imballaġġ huwa fil-fatt ipproċessat mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi ma jitnaqqasx mill-piż tal-iskart irrappurtat bħala riċiklat.

(16)

Meta l-materjali tal-iskart mill-imballaġġ jieqfu milli jkunu skart b’riżultat ta’ operazzjoni ta’ tħejjija qabel ma jiġu fil-fatt ipproċessati mill-ġdid, materjali bħal dawn jistgħu jingħaddu bħala skart riċiklat sakemm ikunu maħsubin għal ipproċessar mill-ġdid sussegwenti fi prodotti, materjali jew sustanzi, kemm jekk għall-użu oriġinali tagħhom jew għal skopijiet oħra. Il-materjali ta’ tmiem tal-istadju tal-iskart li għandhom jiġu użati bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, li jiġu mirduma, jew mormija, jew li jridu jiġu użati fi kwalunkwe operazzjoni li jkollha l-istess skop ta’ rkupru tal-iskart minbarra r-riċiklaġġ, jenħtieġ li ma jingħaddux lejn l-ilħiq tal-miri tar-riċiklaġġ.

(17)

Meta l-kalkolu tar-rata ta’ riċiklaġġ jiġi applikat għat-trattament aerobiku jew anerobiku tal-iskart mill-imballaġġ bijodegradabbli, l-ammont ta’ skart li jidħol għat-trattament aerobiku jew anerobiku jista’ jingħadd bħala skart riċiklat kemm-il darba dan it-trattament jiġġenera output li jrid jintuża bħala prodott, materjal jew sustanza riċiklati. Filwaqt li l-output ta’ trattament bħal dan ħafna drabi huwa kompost jew diġestat, output ieħor jista’ wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni sakemm dan ikun fih kwantitajiet komparabbli ta’ kontenut riċiklat meta mqabbel mal-ammont tal-iskart mill-imballaġġ bijodegradabbli trattat. F’każijiet oħra, f’konformità mad-definizzjoni ta’ riċiklaġġ, l-ipproċessar mill-ġdid tal-iskart mill-imballaġġ bijodegradabbli f’materjali li għandhom jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, li jintremew, jew jridu jiġu użati fi kwalunkwe operazzjoni oħra li mhix ir-riċiklaġġ, jenħtieġ li ma jingħaddx lejn l-ilħiq tal-miri tar-riċiklaġġ.

(18)

Fil-każ ta’ esportazzjonijiet ta’ skart mill-imballaġġ mill-Unjoni għar-riċiklaġġ, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu effettiv mis-setgħat ta’ spezzjoni previsti fl-Artikolu 50(4c) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jitolbu evidenza dokumentata biex jiġi aċċertat jekk vjeġġ ikunx maħsub għal operazzjonijiet ta’ rkupru li jkunu f’konformità mal-Artikolu 49 ta’ dak ir-Regolament u għalhekk jiġu ġestiti b’mod li jirrispetta l-ambjent f’faċilità li topera skont l-istandards tas-saħħa tal-bniedem u tal-protezzjoni ambjentali li huma ekwivalenti b’mod wiesa’ għall-istandards stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fit-twettiq ta’ dak il-kompitu, l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw ma’ atturi rilevanti oħra, bħalma huma l-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, korpi indipendenti ta’ verifika minn parti terza jew organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-obbligi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi f’isem produtturi ta’ prodotti stabbiliti taħt skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, li jistgħu jwettqu verifiki ta’ faċilitajiet fiżiċi u oħrajn f’pajjiżi terzi. Fir-rapport ta’ verifika tal-kwalità li jakkumpanja d-data dwar il-kisba tal-miri, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw dwar il-miżuri li jimplimentaw l-obbligu li jiżguraw li l-iskart esportat mill-Unjoni huwa ttrattat f’kundizzjonijiet li huma ekwivalenti b’mod wiesa’ għal dawk imposti skont il-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

(19)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, aktar f’waqtha u aktar uniformi ta’ din id-Direttiva, u sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe dgħufija fl-implimentazzjoni, jenħtieġ li titwaqqaf sistema ta’ rapporti ta’ twissija bikrija sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u tkun tista’ tittieħed azzjoni qabel l-iskadenzi għall-ilħiq tal-miri.

(20)

Peress li l-ammont u t-tip ta’ imballaġġ użat ġeneralment jiddependu fuq l-għażliet magħmula mill-produttur minflok mill-konsumatur, jenħtieġ li jiġu stabbiliti skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Skemi effikaċi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur jista’ jkollhom impatt ambjentali pożittiv billi jnaqqsu l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ u jżidu l-ġbir separat u r-riċiklaġġ. Filwaqt li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-imballaġġ diġà jeżistu f’ħafna Stati Membri, hemm differenzi kbar fil-mod ta’ kif jiġu stabbiliti, fl-effiċjenza tagħhom u fl-ambitu tar-responsabbiltà tal-produtturi. Għalhekk, jenħtieġ li r-regoli dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur stipulati fid-Direttiva 2008/98/KE japplikaw għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għal produtturi tal-imballaġġ.

(21)

Sabiex tingħata spinta lill-prevenzjoni tal-iskart mill-imballaġġ, jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u jiġi promoss ir-riċiklaġġ ta’ materjali ta’ kwalità għolja filwaqt li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, jiġu evitati ostakli għall-kummerċ u jiġu evitati d-distorsjoni u r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 94/62/KE u l-Anness II tagħha jiġu rieżaminati, u jekk meħtieġ emendati, biex jissaħħu r-rekwiżiti bil-għan li jittejjeb id-disinn għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja tal-imballaġġ.

(22)

Id-data li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tad-data jenħtieġ li jittejbu billi jiġi introdott punt ta’ dħul wieħed għad-data kollha dwar l-iskart, billi jitħassru rekwiżiti ta’ rappurtar li m’għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta’ verifika tal-kwalità tad-data.

(23)

Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità jew żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piżijiet amministrattivi żejda. Għaldaqstant, jixraq li jitħassru ċerti dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti. Minflok il-monitoraġġ tal-konformità jenħtieġ li jissejjes esklussivament fuq id-data li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni.

(24)

Ir-rappurtar affidabbli tad-data dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa kruċjali għal implimentazzjoni effiċjenti u biex tkun żgurata l-paragunabbiltà tad-data fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jirrappurtaw dwar l-ilħiq tal-miri stipulati fid-Direttiva 94/62/KE kif emendata b’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw ir-regoli l-aktar riċenti li jkunu żviluppaw il-Kummissjoni u l-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(25)

Sabiex id-Direttiva 94/62/KE tiġi supplimentata jew emendata, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikoli 11(3), u 19(2) u l-Artikolu 20 ta’ dik id-Direttiva, kif emendati b’din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(26)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/62/KE, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikoli 5(4), 6a(9), 12(3d) u 19(1) tagħha kif emendati b’din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(27)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva jiġifieri, fuq naħa, li jiġi evitat kull impatt mill-imballaġġ u mill-iskart mill-imballaġġ fuq l-ambjent, jew li tali impatt jitnaqqas, u b’hekk jiġi pprovdut livell għolji ta’ protezzjoni ambjentali, u fuq in-naħa l-oħra, li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiġu evitati ostakli għall-kummerċ u distorzjoni u restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformita’ mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(28)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 94/62/KE tiġi emendata skont dan.

(29)

Skont il-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta’ Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni tal-atti legali (10), it-teknika ta’ riformulazzjoni hija mezz xieraq li jiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tinqara fuq bażi permanenti u universali billi jevita l-proliferazjoni ta’ atti emendatorji iżolati li ħafna drabi jagħmlu l-atti legali diffiċli ħafna biex jinftiehmu. Barra minn hekk, fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016, it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw l-impenn tagħhom li jużaw it-teknika leġiżlattiva ta’ riformulazzjoni għall-modifika tal-leġiżlazzjoni eżistenti b’mod aktar frekwenti. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li d-Direttiva 94/62/KE diġà ġiet emendata sitt darbiet, ikun xieraq li tiġi riformulata d-Direttiva 94/62/KE fil-futur qrib.

(30)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (11), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 94/62/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Għal dak il-għan, din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati, bħala l-ewwel prijorità, lejn il-prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fundamentali addizzjonali, l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ, lejn ir-riċiklaġġ u lejn forom oħra tal-irkupru tal-iskart mill-imballaġġ u, għalhekk, lejn it-tnaqqis tal-qerda finali ta’ dan l-iskart sabiex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1 jitneħħa l-kliem li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha, kif xieraq, teżamina u, fejn meħtieġ, tirrevedi l-eżempji illustrattivi dwar id-definizzjoni ta’ imballaġġ mogħtija fl-Anness I. L-oġġetti li ġejjin għandhom jiġu indirizzati bħala prijorità: kaxxi tas-CD u l-vidjo, qsari, tubi u ċilindri li magħhom jiddawwar materjal flessibbli, karta approprjata għal tikketti bi twaħħil proprju u karti għat-tgeżwir. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(3).”;

(b)

il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

“skart mill-imballaġġ” tfisser kull imballaġġ jew materjal tal-imballaġġ li tkopri d-definizzjoni ta’ skart stipulata fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE, esklużi residwi ta’ produzzjoni;”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“2a.

“imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża” tfisser imballaġġ li nħoloq, li ġie ddisinjat u li tqiegħed fis-suq biex matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu jwettaq diversi vjaġġi jew rotazzjonijiet billi jimtela mill-ġdid jew jintuża mill-ġdid għall-istess skop li għalih kien inħoloq;

2b.

“imballaġġ imħallat” tfisser imballaġġ magħmul minn żewġ saffi jew aktar ta’ materjali differenti, u li ma jistax jiġi separat bl-idejn u jiffurma unità integrali waħda, li tikkonsisti minn reċipjent intern u interkjużura esterna, li hija mimlija, maħżuna, trasportata u żvujtjata bħala tali;

2c.

id-definizzjonijiet ta’ “skart”, “maniġġar tal-iskart”, “ġbir”, “ġbir separat”, “prevenzjoni”, “użu mill-ġdid”, “trattament”, “irkupru”, “riċiklaġġ”, “rimi”, u “skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” stipulati fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE għandhom japplikaw.”;

(d)

jitħassru l-punti (3) sa (10);

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, flimkien mal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 9, huma implimentati miżuri oħra preventivi biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ u jimminimizzaw l-impatt ambjentali tal-imballaġġ.

Dawn il-miżuri preventivi differenti jistgħu jikkonsistu fi programmi nazzjonali, inċentivi permezz ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, sabiex jonqos kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali tal-imballaġġ, jew azzjonijiet simili li jiġu adottati, jekk xieraq, f’konsultazzjoni mal-operaturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk ambjentali, u maħsubin biex jiġbru flimkien u jiġu sfruttati l-bosta inizjattivi meħudin fi ħdan l-Istati Membri fejn tidħol il-prevenzjoni.

L-Istati Membri għandhom jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk imsemmija fl-Anness IVa għad-Direttiva 2008/98/KE jew strumenti u miżuri oħra xierqa.”;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(4)

L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Użu mill-ġdid

1.   F’konformità mal-ġerarkija tal-iskart stipulata fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu żieda fis-sehem ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li jitqiegħed fis-suq u ta’ sistemi għall-użu mill-ġdid tal-imballaġġ b’mod ambjentalment korrett u f’konformità mat-Trattat, mingħajr ma jikkompromettu l-iġjene tal-ikel jew is-sikurezza tal-konsumaturi. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, inter alia:

(a)

l-użu ta’ skemi ta’ imballaġġ ritornabbli;

(b)

l-istabbiliment ta’ miri kwalitattivi jew kwantitattivi;

(c)

l-użu ta’ inċentivi ekonomiċi;

(d)

l-istabbiliment ta’ perċentwal minimu ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li jitqiegħed fis-suq kull sena għal kull fluss ta’ imballaġġ.

2.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jilħaq livell aġġustat tal-miri msemmija fil-punti (f) sa (i) tal-Artikolu 6(1) għal dik is-sena billi jitqies is-sehem medju, fit-tliet snin preċedenti, tal-imballaġġ tal-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża mqiegħed fis-suq għall-ewwel darba u użat mill-ġdid bħala parti minn sistema biex l-imballaġġ jintuża mill-ġdid.

Il-livell aġġustat għandu jiġi kkalkolat billi jitnaqqas:

(a)

mill-miri stabbiliti fil-punti (f) u (h) tal-Artikolu 6(1), is-sehem tal-imballaġġ tal-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fl-imballaġġ tal-bejgħ kollu mqiegħed fis-suq, u

(b)

mill-miri stabbiliti fil-punti (g) u (i) tal-Artikolu 6(1), is-sehem tal-imballaġġ tal-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, magħmul mill-materjal tal-imballaġġ rispettiv, fl-imballaġġ tal-bejgħ kollu magħmul mill-materjal imqiegħed fis-suq.

Mhux aktar minn ħames punti perċentwali ta’ sehem bħal dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-livell aġġustat rispettiv.

3.   Stat Membru jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-ammonti tal-imballaġġ tal-injam li huwa msewwi għall-użu mill-ġdid fil-kalkolu tal-miri stabbiliti fil-punt (f), il-punt (g)(ii), il-punt (h) u l-punt (i)(ii) tal-Artikolu 6(1).

4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi fl-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta sal-31 ta’ Marzu 2019 atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data, u għall-kalkolu tal-miri skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha teżamina d-data dwar imballaġġ li jista’ jintuża mill-ġdid pprovduta mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12 u l-Anness III bil-ħsieb li tiġi kkunsidrata l-fattibbiltà tal-issettjar ta’ miri kwantitattivi dwar l-użu mill-ġdid tal-imballaġġ, inklużi r-regoli tal-kalkolu, u kwalunkwe miżura oħra għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-imballaġġ. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva,”;

(5)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(f)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, minimu ta’ 65 % skont il-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ se jkun riċiklat;

(g)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2025, il-miri minimi li ġejjin, skont il-piż, għar-riċiklaġġ se jintlaħqu fir-rigward tal-materjali speċifiċi li ġejjin, li jinstabu fl-iskart mill-imballaġġ:

(i)

50 % tal-plastik;

(ii)

25 % tal-injam;

(iii)

70 % tal-metall ferruż;

(iv)

50 % tal-aluminju;

(v)

70 % tal-ħġieġ;

(vi)

75 % tal-karta u tal-kartun;

(h)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2030 minimu ta’ 70 % skont il-piż tal-iskart kollu mill-imballaġġ se jiġi riċiklat;

(i)

sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2030, il-miri minimi li ġejjin, skont il-piż, għar-riċiklaġġ, se jintlaħqu fir-rigward tal-materjali speċifiċi li ġejjin, li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ:

(i)

55 % tal-plastik;

(ii)

30 % tal-injam;

(iii)

80 % tal-metall ferruż;

(iv)

60 % tal-aluminju;

(v)

75 % tal-ħġieġ;

(vi)

85 % tal-karta u tal-kartun.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   Mingħajr preġudizzju għall-punti (f) u (h) tal-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jipposponi l-iskadenzi biex jintlaħqu l-miri msemmija fil-punt (g)(i) sa (vi) u l-punt (i)(i) sa (vi) tal-paragrafu 1 sa massimu ta’ ħames snin, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-deroga hija limitata għal massimu ta’ 15-il punt perċentwali minn mira unika jew maqsuma bejn żewġ miri,

(b)

bħala riżultat tad-deroga, ir-rata ta’ riċiklaġġ għal mira unika ma titnaqqasx taħt it-30 %;

(c)

bħala riżultat tad-deroga, ir-rata ta’ riċiklaġġ għal mira unika msemmija fil-punt (g)(v) u (vi) u l-punt (i)(v) u (vi) tal-paragrafu 1 ma titnaqqasx taħt is-60 %, u

(d)

sa mhux aktar tard minn 24 xahar qabel l-iskadenza rispettiva stabbilita fil-punt (g) jew (i) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li jipposponi l-iskadenza rispettiva u jissottometti pjan ta’ implimentazzjoni skont l-Anness IV ta’ din id-Direttiva. L-Istat Membru jista’ jgħaqqad dak il-pjan flimkien ma’ pjan ta’ implimentazzjoni sottomess skont il-punt (b) tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/98/KE.

1b.   Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-pjan ta’ implimentazzjoni ppreżentat skont il-punt (d) tal-paragrafu 1a, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru jirrevedi dak il-pjan jekk il-Kummissjoni tqis li l-pjan ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness IV. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta pjan rivedut fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi t-talba tal-Kummissjoni.

1c.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-miri stabbiliti fil-punti (h) u (i) fil-paragrafu 1, bil-ħsieb li jinżammu jew, jekk ikun il-każ, iżżidhom. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq minn proposta leġiżlattiva.”;

(c)

il-paragrafi 2, 3, 5, 8 u 9 jitħassru;

(6)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

Regoli għall-kalkolu tal-ilħiq tal-miri

‘1.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ jekk intlaħqux il-miri stipulati fil-punti (f) sa (i) u l-Artikolu 6(1):

(a)

L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-piż tal-iskart mill-imballaġġ iġġenerat u riċiklat f’sena kalendarja partikolari. Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ fi Stat Membru tista’ titqies li tkun daqs l-ammont ta’ imballaġġ li jitpoġġa fis-suq fl-istess sena, fi ħdan dak l-Istat Membru;

(b)

il-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat għandu jiġi kkalkulat bħala l-piż tal-iskart mill-imballaġġ li sar skart li, wara li jkun għadda mill-verifiki, is-separazzjonijiet u operazzjonijiet preliminari oħra kollha meħtieġa biex jitneħħew il-materjali tal-iskart li mhumiex immirati mir-riproċessar sussegwenti u biex jiġi żgurat riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ fejn il-materjali tal-iskart huma fil-fatt ipproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat għandu jitkejjel meta l-iskart jidħol fl-operazzjoni ta’ riċiklaġġ.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-piż tal-iskart mill-imballaġġ riċiklat jista’ jitkejjel fl-output ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ separazzjoni, sakemm:

(a)

tali output ta’ skart huwa sussegwentement riċiklat;

(b)

il-piż tal-materjali jew tas-sustanzi li jitneħħew minn operazzjonijiet ulterjuri qabel l-operazzjoni ta’ riċiklaġġ u mhumiex sussegwentement riċiklati mhuwiex inkluż fil-piż tal-iskart rrappurtat bħala riċiklat.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema effettiva ta’ kontroll tal-kwalità u ta’ traċċabbiltà tal-iskart mill-imballaġġ, sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Biex tiġi żgurata affidabbiltà u akkuratezza fid-data miġbura dwar l-iskart mill-imballaġġ riċiklat, is-sistema tista’ tikkonsisti minn reġistri elettroniċi maħluqin skont l-Artikolu 35(4) tad-Direttiva 2008/98/KE, speċifikazzjonijiet tekniċi għar-rekwiżiti ta’ kwalità tal-iskart separat, jew rati medji ta’ telf għall-iskart isseparat għal diversi tipi ta’ skart u prattiki ta’ mmaniġġjar tal-iskartrispettivament. Ir-rati medji ta’ telf għandhom jintużaw biss f’każijiet fejn id-data affidabbli ma tistax tinkiseb b’mod ieħor u għandhom jiġu kkalkolati abbażi tar-regoli ta’ kalkolu stabbiliti fl-att delegat adottat skont l-Artikolu 11a (10) tad-Direttiva 2008/98/KE.

4.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ jekk il-miri stipulati fil-punti (f) sa (i) tal-Artikolu 6(1) intlaħqux, l-ammont ta’ skart mill-imballaġġ bijodegradabbli li jsirlu trattament aerobiku u anerobiku jista’ jingħadd bħala riċiklat meta dak it-trattament jiġġenera kompost, diġestat jew output ieħor bi kwantità simili ta’ kontenut riċiklat meta mqabbel mal-input, li għandu jintuża bħala prodott, materjal jew sustanza riċiklati. Meta l-output huwa użat fuq l-art, l-Istati Membri jistgħu jgħodduh bħala riċiklat biss jekk dan l-użu jirriżulta f’benefiċċji għall-agrikoltura jew titjib ekoloġiku.

5.   L-ammont ta’ materjali tal-iskart mill-imballaġġ li waqaf milli jkun skart b’riżultat ta’ operazzjoni ta’ tħejjija qabel ma jiġi pproċessat mill-ġdid, jista’ jingħadd bħala skart riċiklat sakemm tali materjali jkunu maħsuba għal ipproċessar sussegwenti mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi li huma destinati għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Madankollu, materjali tat-tmiem tal-iskart li jintużaw bħala fjuwils jew mezzi oħra biex tiġi ġġenerata l-enerġija, jew sabiex ikunu inċinerati, jintradmu jew jintremew f’landfills, ma għandhomx jingħaddu fil-kalkolu tal-kisba tal-miri tar-riċiklaġġ.

6.   Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ jekk ikunu intlaħqu l-miri stipulati fil-punti (f) sa (i), fl-Artikolu 6(1), l-Istati Membri jistgħu jqisu r-riċiklaġġ tal-metalli separati wara l-inċinerazzjoni tal-iskart proporzjonalment mas-sehem tal-iskart mill-imballaġġ inċinerat, sakemm il-metalli riċiklati jilħqu ċerti kriterji ta’ kwalità stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 11a(9) tad-Direttiva 2008/98/KE.

7.   L-iskart mill-imballaġġ mibgħut lil Stat Membru ieħor għall-finijiet ta’ riċiklaġġ f’dak l-Istat Membru l-ieħor jista’ jingħadd biss lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fil-punti (f) sa (i) tal-Artikolu 6(1) mill-Istat Membru fejn l-iskart mill-imballaġġ ikun inġabar.

8.   L-iskart mill-imballaġġ esportat mill-Unjoni għandu jingħadd lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva mill-Istat Membru fejn ikun inġabar biss jekk ikunu ġew issodisfati r-rekwiżiti tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u jekk, skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), l-esportatur jista’ jagħti prova li l-vjeġġ tal-iskart jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament u li t-trattament tal-iskart mill-imballaġġ barra mill-Unjoni jkun sar f’kundizzjonijiet ġeneralment ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-liġi ambjentali rilevanti tal-Unjoni.

9.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta sal-31 ta’ Marzu 2019 atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli għall-kalkolu, il-verifika u r-rappurtar tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tal-piż tal-iskart mill-imballaġġ iġġenerat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).”;"

(7)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 6b

Rapport ta’ twissija bikrija

1.   Bi sħab mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, il-Kummissjoni għandha tfassal rapporti dwar il-progress lejn l-ilħiq tal-miri stipulati fil-punti (f) sa (i) fl-Artikolu 6(1), sa mhux aktar tard minn tliet snin qabel kull skadenza stipulata hemm.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu li ġej:

(a)

stima dwar l-ilħiq tal-miri minn kull Stat Membru;

(b)

lista tal-Istati Membri bir-riskju li ma jiksbux il-miri fl-iskadenzi rispettivi, akkumpanjata minn rakkomandazzjonijiet xierqa għall-Istati Membri kkonċernati;

(c)

eżempji tal-aħjar prattiki li jintużaw fl-Unjoni kollha li jistgħu jipprovdu gwida għall-ipproċessar lejn l-ilħiq tal-miri.”;

(8)

l-Artikolu 7 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Is-sistemi tar-ritorn, tal-ġbir u tal-irkupru

1.   Sabiex jilħqu l-objettivi stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

(a)

għar-ritorn u/jew għall-ġbir tal-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-ġabra finali tal-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi tal-immaniġġjar tal-iskart l-aktar addattati;

(b)

għall-użu mill-ġdid jew l-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ tal-imballaġġ u/jew tal-iskart mill-imballaġġ miġbur.

Dawk is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tas-setturi interessati u għall-partiċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kundizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti għall-imballaġġ kollu skont l-Artikoli 8 u 8a tad-Direttiva 2008/98/KE.

3.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiffurmaw parti minn politika li tkopri l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ kollu u għandha tqis, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza u l-iġjene, il-protezzjoni tal-kwalità, l-awtentiċità u l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti imballati u materjali użati, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu riċiklaġġ ta’ kwalità għolja tal-iskart mill-imballaġġ u biex jissodisfaw l-istandards ta’ kwalità meħtieġa għas-setturi rilevanti tar-riċiklaġġ. Għal dak il-għan, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/98/KE għandu japplika għall-iskart mill-imballaġġ, inkluż mill-imballaġġ imħallat.”;

(9)

fl-Artikolu 9, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha teżamina l-fattibbiltà li ssaħħaħ mill-ġdid ir-rekwiżiti essenzjali bil-ħsieb li, inter alia, ittejjeb id-disinn għall-użu mill-ġdid u tippromwovi riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, kif ukoll issaħħaħ l-infurzar tagħhom. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill”;

(10)

l-Artikolu 11(3) jinbidel b’li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tiddetermina l-kundizzjonijiet skont liema l-livelli tal-konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għal materjali riċiklati u ċrieki ta’ prodotti li jkunu f’katina magħluqa u ikkontrollata, kif ukoll billi tiddetermina t-tipi ta’ imballaġġ li huma eżenti mir-rekwiżit imsemmi fit-tielet inċiż tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(11)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titlu jinbidel bi “Sistemi ta’ informazzjoni u rappurtar”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-bażijiet tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-data bbażata fuq l-Anness III, u għandhom jipprovdu b’mod partikolari informazzjoni dwar id-daqs, il-karatteristiċi u l-evoluzzjoni tal-flussi tal-imballaġġ u tal-iskart mill-imballaġġ fil-livell tal-Istati Membri individwali, inkluża l-informazzjoni dwar it-tossiċità jew il-periklu tal-materjali tal-imballaġġ u l-komponenti użati għall-manifattura tagħhom.”;

(c)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(d)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 6(1) u d-data dwar l-imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża.

Għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data għandha tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni abbażi tal-Anness III skont il-paragrafu 3d ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel perijodu ta’ rappurtar, fir-rigward tal-miri stabbiliti fil-punti (f) sa (i) fl-Artikolu 6(1) u d-data dwar l-imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża, għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 3d ta’ dan l-Artikolu, u għandu jkopri d-data għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

3b.   Id-data rrappurtata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandha tkun akkumpanjata minn rapport ta’ verifika tal-kwalità, u rapport dwar il-miżuri meħuda skont l-Artikolu 6a(3) u (8), inkluża informazzjoni dettaljata dwar ir-rati medji ta’ telf meta applikabbli.

3c.   Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid id-data rrappurtata skont dan l-Artikolu, u tippubblika rapport dwar ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid tagħha. Ir-rapport għandu jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

3d.   Sal-31 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format għar-rappurtar tad-data skont il-paragrafu 3a ta’ dan l-Artikolu. Għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom juzaw il-format stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE (*2). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2) ta’ din id-Direttiva.

(*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/270/KE tat-22 ta’ Marzu 2005 li tistabbilixxi l-formati relatati mas-sistema tad-bażi tad-dejta skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 86, 5.4.2005, p. 6).”;"

(e)

jitħassar il-paragrafu 5;

(12)

jitħassar l-Artikolu 17;

(13)

l-Artikolu 19 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 19

L-addattament għall-progress xjentifiku u tekniku

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni li jkun hemm bżonn biex tadatta s-sistema ta’ identifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu, is-sitt inċiż, għall-progress xjentifiku u tekniku. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a li jemendaw l-eżempji illustrattivi mogħtija għad-definizzjoni tal-imbalaġġ elenkati fl-Anness I.”;

(14)

l-Artikolu 20 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 20

Miżuri speċifiċi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21a sabiex temenda din id-Direttiva meta jkun meħtieġ biex tindirizza xi diffikultajiet li jinqalgħu fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari, għall-materjali tal-imballaġġ inerti li jitqiegħdu fis-suq fi kwantitajiet żgħar ħafna (jiġifieri ta’ madwar 0,1 % bil-piż) fl-Unjoni, għall-imballaġġ primarju tal-apparat mediku u l-prodotti farmaċewtiċi, għall-imballaġġ żgħir u għall-imballaġġ lussuż.”;

(15)

l-Artikolu 21 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 21

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit bl-Artikolu 39 tad-Direttiva Nru 2008/98/KE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(16)

jiżdied l-artikolu li ġej:

“Artikolu 21a

L-eżerċitar tad-delega

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 11(3) u 19(2) u l-Artikolu 20, għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 11(3) u 19(2) u l-Artikolu 20 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Tali deċiżjoni ma tolqotx il-validità ta’ xi atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta ma’ esperti nominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*4).

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 11(3) u 19(2) u l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(17)

L-Annessi II u III huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva;

(18)

Jiżdied l-Anness IV kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Lulju 2020. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 46.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018.

(4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).

(5)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  ĠU C 77, 28.3.2002, p. 1.

(11)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

1.   

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt 1, it-tieni inċiż jinbidel b’dan li ġej:

“—

L-imballaġġ għandu jiġi ddisinjat, prodott u kummerċjalizzat b’mod li jippermetti l-użu mill-ġdid jew l-irkupru tiegħu, inkluż ir-riċiklaġġ, skont il-ġerarkija tal-iskart, u li jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent meta jinqerdu l-iskart mill-imballaġġ jew ir-residwi minn operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-iskart mill-imballaġġ.”;

(b)

fil-punt 3, il-punti (c) u (d) jinbidlu b’dan li ġej:

“(c)

L-imballaġġ li jista’ jiġi rkuprat fil-forma ta’ kompostjar

L-iskart mill-imballaġġ ipproċessat għall-iskop tal-kompostjar għandu jkun ta’ natura bijodegradabbli li ma jfixkilx il-ġbir separat u l-proċess jew l-attività tal-kompostjar li fihom jiddaħħal.

(d)

Imballaġġ bijodegradabbli

L-iskart mill-imballaġġ bijodegradabbli għandu jkun ta’ natura li jkun kapaċi jgħaddi minn dekompożizzjoni fiżika, kimika, termali jew bijoloġika tant li l-biċċa l-kbira mill-kompost li jibqa’ fl-aħħar jiddekomponi f’diossidu tal-karbonju, bijomassa u ilma. L-imballaġġ tal-plastik ossodegradabbli m’għandux jitqies bħala bijodegradabbli.”.

2.   

L-Anness III tad-Direttiva 94/62/KE huwa emendat kif ġej:

(a)

Fit-Tabelli 1 u 2, ir-ringieli intitolati “Metall” huma sostitwiti b’żewġ ringieli intitolati “Metall ferruż” u “Aluminju”;

(b)

It-Tabella 2 hija emendata kif ġej:

(i)

fit-tieni kolonna, it-titolu “Tunnellaġġ ta’ imballaġġ kkunsmat” huwa sostitwit bi “Tunnellaġġ ta’ imballaġġ imqiegħed fis-suq għall-ewwel darba”;

(ii)

fit-tielet kolonna, it-titolu “Imballaġġ użat mill-ġdid” huwa sostitwit bi “Imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża”;

(iii)

wara t-tielet kolonna, jiżdied dan li ġej:

“Imballaġġ tal-bejgħ li jista’ jerġa’ jintuża

Tunnellaġġ

Perċentwal”

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

(c)

fit-Tabelli 3 u 4, ir-ringieli intitolati “Imballaġġ tal-metall” huma kull waħda sostitwiti b’żewġ ringieli intitolati “Imballaġġ tal-metall ferruż” u “Imballaġġ tal-aluminju”.

3.   

Jiżdied l-anness li ġej:

“ANNESS IV

PJAN TA’ IMPLIMENTAZZJONI LI GĦANDU JIĠI PPREŻENTAT SKONT IL-PUNT (D) TAL-ARTIKOLU 6(1 A)

Il-pjan ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi ppreżentat skont il-punt (d) tal-Artikolu 6(1a) għandu jinkludi dan li ġej:

1.

valutazzjoni tar-rati passati, attwali u mbassra tar-riċiklaġġ, tar-rimi f’landfills u trattament ieħor tal-iskart mill-imballaġġ u l-flussi li huwa kompost minnhom;

2.

valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart fis-seħħ skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE;

3.

ir-raġunijiet li għalihom l-Istat Membru jikkunsidra li jista’ ma jirnexxilux jilħaq il-mira rilevanti stipulati fil-punti (g) u (i) fl-Artikolu 6(1) fi żmien l-iskadenza stipulati hemmhekk u valutazzjoni tal-estensjoni taż-żmien meħtieġa biex tintlaħaq dik il-mira;

4.

miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-miri stipulati fil-punti (g) u (i) tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva li huma applikabbli għall-Istat Membru matul l-estensjoni taż-żmien, li jinkludu strumenti ekonomiċi xierqa u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart kif stipulata fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98/KE u l-Anness IVa tagħha;

5.

skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni tal-miżuri identifikati fil-punt 4, id-determinazzjoni tal-korp kompetenti għall-implimentazzjoni tagħhom u valutazzjoni tal-kontribuzzjoni individwali tagħhom biex jintlaħqu l-miri applikabbli fil-każ ta’ estensjoni taż-żmien;

6.

informazzjoni dwar il-finanzjament għall-immaniġġjar tal-iskart f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas;

7.

miżuri biex titjieb il-kwalità tad-data, kif xieraq, bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ippjanar u tal-monitoraġġ tal-immaniġġjar tal-iskart.”.


Top