EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018L0645

Direttiva (UE) 2018/645 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' April 2018 li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

OJ L 112, 2.5.2018, p. 29–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/645/oj

2.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/29


DIRETTIVA (UE) 2018/645 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' April 2018

li temenda d-Direttiva 2003/59/KE dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri u d-Direttiva 2006/126/KE dwar il-liċenzji tas-sewqan

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-White Paper tagħha tat-28 ta' Marzu 2011, bit-titolu “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti”, il-Kummissjoni tistabbilixxi objettiv ta' “viżjoni żero” skont liema l-Unjoni toqrob lejn pożizzjoni ta' rata żero ta' fatalitajiet fit-trasport stradali sal-2050.

(2)

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza stradali għall-2011-2020, bit-titolu “Lejn Żona Ewropea ta' sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta' politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020”, ipproponiet il-mira li l-għadd globali ta' fatalitajiet fit-toroq fl-Unjoni sal-2020 jerġa' jitnaqqas bin-nofs, b'bidu fl-2010. Bil-ħsieb li tintlaħaq din il-mira, il-Kummissjoni stabbiliet seba' objettivi strateġiċi, inklużi t-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti stradali u l-protezzjoni ta' utenti stradali vulnerabbli.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 sal-24 ta' Ottubru 2014 approva mira vinkolanti biex sal-2030 ikun hemm tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha ta' mill-inqas 40 % meta mqabbel mal-1990. Din il-mira għat-tnaqqis ta' emissjonijiet se tgħin biex jiġu ssodisfati l-għanijiet fit-tul tal-Ftehim ta' Pariġi u jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu biex din tinkiseb. Is-settur tat-trasport jeħtieġ approċċ komprensiv għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-effiċjenza enerġetika. Jenħtieġ li jsir progress lejn mobbilità b'livell baxx ta' emissjonijiet, anke permezz tar-riċerka u tal-introduzzjoni ta' avvanzi teknoloġiċi li huma diġà disponibbli. Is-sewwieqa jeħtieġ li jkunu mħarrġa b'mod xieraq biex isuqu bl-aktar mod effiċjenti.

(4)

Wara li evalwat l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni identifikat għadd ta' nuqqasijiet. In-nuqqasijiet prinċipali identifikati kienu diffikultajiet rigward l-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet u inċertezza legali fl-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet; il-kontenut tat-taħriġ, li nstab li hu biss parzjalment rilevanti għall-ħtiġijiet tas-sewwieqa; diffikultajiet għas-sewwieqa biex jiksbu rikonoxximent reċiproku ta' taħriġ mitmum jew parzjalment mitmum li sar fi Stat Membru ieħor; u inkonsistenzi ta' rekwiżiti ta' età minima bejn id-Direttivi 2003/59/KE u 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Sabiex tittejjeb iċ-ċarezza legali fid-Direttiva 2003/59/KE, jenħtieġ li kull referenza għall-atti tal-Unjoni mħassra jew mibdula titneħħa jew tiġi emendata.

(6)

Sabiex ikunu pprovduti ċ-ċertezza u l-konsistenza ma' atti tal-Unjoni oħrajn, jenħtieġ li jsiru għadd ta' bidliet għall-eżenzjonijiet għad-Direttiva 2003/59/KE, b'kont meħud ta' eżenzjonijiet simili skont ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Xi wħud minn dawk l-eżenzjonijiet jirrigwardaw sitwazzjonijiet meta s-sewqan ma jkunx l-attività prinċipali tas-sewwieq u meta l-ħtieġa li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/59/KE tkun timponi piż sproporzjonat fuq is-sewwieqa. B'mod ġenerali, is-sewqan jitqies li mhux l-attività prinċipali tas-sewwieq meta jkun jokkupa inqas minn 30 % tal-ħin tax-xogħol kontinwu tax-xahar.

(7)

Jekk is-sewqan ma jseħħx b'mod frekwenti, isir f'żoni rurali u jitwettaq minn sewwieqa li jkunu qed ifornu lin-negozju tagħhom stess, jenħtieġ li l-eżenzjonijiet japplikaw, sakemm is-sikurezza stradali tkun żgurata xorta waħda. Minħabba l-kundizzjonijiet differenti fiż-żoni rurali fl-Unjoni f'termini ta' ġeografija, klima u densità tal-popolazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom is-setgħa diskrezzjonali li jiddeterminaw jekk dan is-sewqan jistax jitqies bħala okkażżjonali u jekk eżenzjoni bħal din ikollhiex impatt fuq is-sikurezza stradali: pereżempju abbażi tat-tip ta' triq, il-volum tat-traffiku jew il-preżenza ta' utenti stradali vulnerabbli.

(8)

Peress li d-distanzi li jridu jkopru waqt ix-xogħol tagħhom il-persuni li jaħdmu fl-agrikoltura, l-ortikultura, il-forestrija, il-biedja u s-sajd, li huma eżenti minn din id-Direttiva, ivarjaw minn pajjiż għal ieħor fl-Unjoni, jenħtieġ li titħalla f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw, fil-liġi nazzjonali tagħhom, distanzi massimi permessibbli, ikkalkulati mill-bażi tal-impriża, li għalihom japplikaw l-eżenzjonijiet.

(9)

Filwaqt li jkomplu jibbenefikaw minn din l-eżenzjoni, jenħtieġ li dawk is-sewwieqa li kienu eżentati mir-rekwiżit tal-kwalifika inizjali xorta jintalbu jieħdu taħriġ perjodiku biex jiġi żgurat li l-għarfien tagħhom, li huwa essenzjali għal xogħolhom, jibqa' jiġi aġġornat.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jaqsmu b'mod elettroniku informazzjoni dwar iċ-ċertifikati ta' kompetenza professjonali (CPC). Jenħtieġ li dawn jiżviluppaw il-pjattaforma elettronika meħtieġa, billi jqisu l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji magħmula mill-Kummissjoni, inkluża l-possibbiltà li jiġi estiż in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE stabbilit bid-Direttiva 2006/126/KE. Fost benefiċċji oħra, dan jippermetti lill-Istati Membri aċċess faċli għal informazzjoni dwar taħriġ mitmum li ma jkunx dokumentat fuq il-liċenzja tas-sewqan tas-sewwieq. Huwa importanti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw ulterjorment din il-funzjonalità, b'għan ta' aċċess f'ħin reali waqt il-kontrolli mal-ġenb tat-triq.

(11)

B'kunsiderazzjoni tal-iżviluppi fit-taħriġ u fl-edukazzjoni, u sabiex tittejjeb il-kontribuzzjoni tad-Direttiva 2003/59/KE għas-sikurezza stradali u r-rilevanza tat-taħriġ għas-sewwieqa, jenħtieġ li s-suġġetti relatati mas-sikurezza stradali jissaħħu fil-korsijiet ta' taħriġ, bħall-perċezzjoni tal-perikli; il-protezzjoni tal-utenti stradali vulnerabbli, b'mod partikolari l-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u l-persuni b'mobbiltà limitata; is-sewqan effiċjenti fl-użu tal-fjuwil; sewqan f'kundizzjonijiet estremi tat-temp u l-ġarr ta' piżijiet mhux tas-soltu. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-korsijiet jirreferu wkoll għas-sistemi ta' trasport intelliġenti u jenħtieġ li jevolvu sabiex ilaħħqu mal-iżviluppi teknoloġiċi.

(12)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw għażla ċara biex itejbu u jimmodernizzaw il-prattiki ta' taħriġ bl-użu tal-għodda tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), bħat-tagħlim elettroniku u t-tagħlim imħallat, għal parti mit-taħriġ, filwaqt li tkun żgurata l-kwalità tat-taħriġ. Waqt it-titjib u l-immodernizzar tal-prattiki tat-taħriġ bl-użu ta' għodod tal-ICT, huwa importanti li jitqies il-fatt li xi temi speċifiċi jirrikjedu taħriġ prattiku u ma jistgħux jiġu indirizzati sew b'dawn l-għodod tat-tagħlim: pereżempju, l-iffittjar tal-ktajjen tal-borra jew l-irbit tal-piżijiet, jew elementi oħra ta' taħriġ fejn l-aspett prattiku huwa importanti. It-taħriġ prattiku jista' jikkonsisti f'sewqan, iżda mhux bilfors. Jenħtieġ li ammont sostanzjali mit-taħriġ mitlub minn din id-Direttiva jsir f'ċentru tat-taħriġ approvat.

(13)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-forom differenti ta' taħriġ mitluba skont il-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jikkombinaw tipi differenti ta' taħriġ rilevanti: pereżempju, jenħtieġ li jkun possibbli għalihom li jikkombinaw taħriġ dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża, dwar is-sensibilizzazzjoni għad-diżabbiltà jew dwar it-trasport tal-annimali, mat-taħriġ previst fid-Direttiva 2003/59/KE.

(14)

Sabiex prattiki differenti bejn l-Istati Membri ma jitħallewx ifixklu r-rikonoxximent reċiproku u jillimitaw id-dritt tas-sewwieqa li jwettqu t-taħriġ perjodiku fl-Istat Membru fejn jaħdmu, jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri, jekk it-taħriġ ikkompletat ma jkunx jista' jiġi mmarkat fuq il-liċenzja tas-sewqan, ikunu obbligati joħorġu kard ta' kwalifika tas-sewqan, fil-forma preskritta mill-mudelli standard, li jiżgura rikonoxximent reċiproku għal kull sewwieq li jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/59/KE.

(15)

L-użu tal-attestazzjonijiet tas-sewqan bħala evidenza ta' konformità mar-rekwiżiti ta' taħriġ minn sewwieqa minn pajjiżi terzi jista' jkun ta' xkiel għas-sewwieqa meta t-trasportatur irodd lura l-attestazzjoni lill-awtoritajiet emittenti, speċjalment meta dawk is-sewwieqa jkunu jixtiequ jibdew jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn, f'ċirkostanzi bħal dawn, is-sewwieqa jkollhom jirrepetu t-taħriġ tagħhom meta jibdew impjieg ġdid, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar il-kwalifiki tas-sewwieqa.

(16)

Sabiex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel, jenħtieġ li l-attestazzjonijiet tas-sewqan u l-kards ta' kwalifika tas-sewqan validi maħruġa skont ir-regoli applikabbli qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati minn din id-Direttiva, ikunu rikonoxxuti għall-perijodu sad-data tal-iskadenza tagħhom. Dawk l-emendi ma jinvalidawx it-taħriġ meħud jew il-liċenzji tas-sewqan maħruġa biex jiċċertifikaw tali taħriġ, qabel l-applikazzjoni tagħhom.

(17)

Sabiex ikun hemm ċarezza legali u sabiex ikunu żgurati rekwiżiti ta' età minima armonizzati għall-finijiet stabbiliti fid-Direttiva 2003/59/KE, jenħtieġ li tiġi stabbilita deroga ċara fid-Direttiva 2006/126/KE, fejn jiġi stipulat li l-liċenzji tas-sewqan jistgħu jinħarġu fl-etajiet minimi previsti fid-Direttiva 2003/59/KE. Din il-kjarifika tikkonċerna l-età minima ġenerali tas-sewwieqa ta' ċerti kategoriji ta' vetturi li jkollhom CPC u ma taffettwax l-għażliet eżistenti li jnaqqsu dawn ir-rekwiżiti ta' età minima jew jipprovdulhom eżenzjonijiet.

(18)

Jenħtieġ li l-emendi għad-Direttiva 2006/126/KE jkunu limitati għal dawk li huma relatati direttament mar-reviżjoni tad-Direttiva 2003/59/KE u biex jiġi ffaċilitat l-użu ta' vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv. Jidher li hemm xewqa ta' analiżi aktar bir-reqqa tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/126/KE, inkluż id-delinjament bejn ċerti kategoriji ta' vetturi, u jkun tajjeb li din tiġi inkluża fi kwalunkwe rieżami fil-futur tad-Direttiva 2006/126/KE.

(19)

Sabiex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-titjib fil-kwalità tal-arja, billi jiffaċilitaw l-użu ta' vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jippermettu, fit-territorju tagħhom, li d-detenturi ta' liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B isuqu ċerti tipi ta' vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv li l-massa massima awtorizzata tagħhom tkun ta' aktar minn 3 500 kg iżda li ma taqbiżx l-4 250 kg. Jenħtieġ li dik il-possibbiltà li jinqabeż it- 3 500 kg tkun kundizzjonali fuq il-fatt li din il-massa addizzjonali permessa tkun esklużivament riżultat tal-eċċess tal-piż li jirriżulta mis-sistemi ta' propulsjoni alternattivi u jenħtieġ li tkun soġġetta għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet maħsuba biex jiġu evitati effetti negattivi fuq is-sikurezza stradali.

(20)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tal-istandard mifrux madwar l-UE kollha ta' kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku għas-sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba n-natura transkonfinali tat-trasport stradali u minħabba l-kwistjonijiet li din id-Direttiva hija maħsuba li tindirizza, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(21)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttivi 2003/59/KE u 2006/126/KE jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/59/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal xogħol ta' sewqan magħmul minn:

(a)

ċittadini ta' Stat Membru; u

(b)

ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma impjegati jew dipendenti ta' kumpannija stabbilita fi Stat Membru,

minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘sewwieqa’, li jagħmlu xogħol ta' trasport stradali fi ħdan l-Unjoni, f'toroq miftuħa għall-pubbliku, billi jużaw:

vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1, C1+E, C jew C+E, kif definit fid-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti,

vetturi li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1, D1+E, D jew D+E, kif iddefinit fid-Direttiva 2006/126/KE, jew liċenzja tas-sewqan rikonoxxuta bħala ekwivalenti.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għall-kategoriji ta' liċenzji tas-sewqan li fihom sinjal pożittiv (“+”) għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrispondenza stabbilita fl-Anness III.

(*1)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).”."

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Eżenzjonijiet

1.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal sewwieqa ta' vetturi:

(a)

b'veloċità massima awtorizzata li ma taqbiżx il-45 km fis-siegħa;

(b)

użati mill-forzi armati, id-difiża ċivili, is-servizz tat-tifi tan-nar, il-forzi responsabbli għaż-żamma tal-ordni pubbliku, u s-servizzi ta' emerġenza bl-ambulanza, jew taħt il-kontroll tagħhom, meta l-ġarr isir bħala konsegwenza tal-kompiti assenjati lil dawk is-servizzi;

(c)

li jkunu qed isirulhom testijiet stradali għal żvilupp tekniku, tiswija jew manutenzjoni, jew is-sewwieqa ta' vetturi ġodda jew mibnija mill-ġdid li għadhom ma bdewx jintużaw;

(d)

li għalihom hija meħtieġa liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D jew D1 u li huma misjuqa mingħajr passiġġieri minn persunal tal-manutenzjoni lejn jew minn ċentru ta' manutenzjoni li jkun jinsab fil-viċinanza tal-eqreb bażi ta' manutenzjoni li tintuża mill-operatur tat-trasport, bil-kundizzjoni li l-vettura ma tikkostitwixxix l-attività prinċipali tas-sewwieq;

(e)

użati fi stati ta' emerġenza jew assenjati għal missjonijiet ta' salvataġġ, inklużi vetturi użati fit-trasport mhux kummerċjali ta' għajnuna umanitarja;

(f)

użati għall-istruzzjoni fis-sewqan u l-eżami tiegħu għal kwalunkwe persuna li tkun tixtieq tikseb liċenzja tas-sewqan jew Ċertifikat ta' Kompetenza Professjonali (CPC), f'konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(1), sakemm ma jkunux qed jintużaw għall-ġarr kummerċjali ta' merkanzija u passiġġieri;

(g)

użati għall-ġarr mhux kummerċjali ta' passiġġieri jew merkanzija;

(h)

li jkunu qed iġorru materjal, tagħmir jew makkinarju li jkun se jintuża mis-sewwieqa matul il-ħidma tagħhom, sakemm is-sewqan tal-vetturi mhux l-attività prinċipali tas-sewwieqa.

Fir-rigward tal-punt (f) ta' dan il-paragrafu, din id-Direttiva ma tapplika għall-ebda persuna li tkun tixtieq tikseb liċenzja tas-sewqan jew ċertifikat ta' kompetenza professjonali (CPC), f'konformità mal-Artikolu 6 u l-Artikolu 8(1), meta dik il-persuna tkun qed tieħu taħriġ addizzjonali fis-sewqan waqt tagħlim ibbażat fuq il-post tax-xogħol, dment li dik il-persuna tkun akkumpanjata minn persuna oħra ċċertifikata b'CPC, jew minn għalliem tas-sewqan, għall-kategorija tal-vettura użata għall-iskop stabbilit f'dak il-punt.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sewwieqa tal-vetturi joperaw f'żoni rurali biex ifornu lin-negozju tas-sewwieq stess,

(b)

is-sewwieqa ma joffrux servizzi ta' trasport, u

(c)

l-Istati Membri jikkunsidraw li t-trasport ikun okkażżjonali u ma jħallix impatt fuq is-sikurezza stradali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għas-sewwieqa ta' vetturi użati, jew mikrija mingħajr sewwieq, minn impriżi agrikoli, ortikulturali, tal-forestrija, tal-biedja jew tas-sajd għall-ġarr ta' merkanzija bħala parti mill-attività intraprenditorjali proprja tagħhom, ħlief jekk is-sewqan ikun parti mill-attività prinċipali tas-sewwieq jew is-sewqan jaqbeż id-distanza stabbilita fil-liġi nazzjonali mill-bażi tal-impriża li tippossjedi jew tikri l-vettura.”.

(3)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Taħriġ perjodiku

It-taħriġ perjodiku għandu jikkonsisti f'taħriġ biex id-detenturi ta' CPC jkunu jistgħu jaġġornaw l-għarfien li huwa essenzjali għax-xogħol tagħhom, b'enfasi speċifika fuq is-sikurezza stradali, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u t-tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-sewqan.

Dak it-taħriġ għandu jiġi organizzat minn ċentru ta' taħriġ approvat, f'konformità mat-taqsima 5 tal-Anness I. It-taħriġ għandu jikkonsisti f'tagħlim fil-klassi, taħriġ prattiku u, jekk ikun disponibbli, taħriġ permezz ta' għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) jew fuq simulaturi tal-aqwa kwalità. Jekk sewwieq imur jaħdem ma' kumpannija oħra, għandu jitqies it-taħriġ perjodiku li jkun għamel.

It-taħriġ perjodiku għandu jkun imfassal biex jespandi fuq, u jirrevedi, uħud mis-suġġetti msemmija fit-taqsima 1 tal-Anness I. Dan għandu jkopri varjetà ta' suġġetti u għandu dejjem jinkludi mill-inqas suġġett wieħed relatat mas-sikurezza stradali. Is-suġġetti tat-taħriġ għandhom iqisu l-iżviluppi fil-leġislazzjoni u t-teknoloġija rilevanti, u għandhom, kemm jista' jkun, iqisu l-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi tas-sewwieq.”.

(4)

Fl-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Is-sewwieqa msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva għandhom jiksbu l-kwalifika inizjali msemmija fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva fl-Istat Membru fejn ikollhom ir-residenza normali tagħhom, kif definit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/126/KE.”.

(5)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Kodiċi tal-Unjoni

1.   Abbażi tas-CPC li jiċċertifika kwalifika inizjali u s-CPC li jiċċertifika taħriġ perjodiku, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) u (3) ta' din id-Direttiva u l-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva, jimmarkaw il-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ‘95’, previst fl-Anness I tad-Direttiva 2006/126/KE, flimkien mal-kategoriji ta' liċenzja korrispondenti:

fuq il-liċenzja tas-sewqan, jew

fuq il-kard ta' kwalifika tas-sewqan imħejjija f'konformità mal-mudell muri fl-Anness II f'din id-Direttiva.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn inkiseb is-CPC ma jkunux jistgħu jimmarkaw il-kodiċi tal-Unjoni fuq il-liċenzja tas-sewqan, huma għandhom joħorġu kard ta' kwalifika tas-sewqan lis-sewwieq.

Il-kard ta' kwalifika ta' sewwieq maħruġa minn Stat Membru għandha tkun rikonoxxuta reċiprokament. Meta tinħareġ il-kard, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkontrollaw il-validità tal-liċenzja tas-sewqan għall-kategorija tal-vettura kkonċernata.

2.   Sewwieq imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 1 li jsuq vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija bit-triq għandu wkoll jitħalla jipprovdi evidenza li għandu l-kwalifika u t-taħriġ previsti f'din id-Direttiva permezz tal-attestazzjoni tas-sewqan prevista fir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), dment li fuqha jkollha l-kodiċi tal-Unjoni, “95”. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istat Membru emittenti għandu jindika l-kodiċi tal-Unjoni, “95” fit-taqsima tar-rimarki tal-attestazzjoni jekk is-sewwieq ikkonċernat ikun issodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika u r-rekwiżiti għat-taħriġ previsti f'din id-Direttiva.

3.   L-attestazzjonijiet tas-sewqan li ma jkollhomx il-kodiċi tal-Unjoni, “95”, maħruġ qabel it-23 ta' Mejju 2020 f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, u b'mod partikolari l-paragrafu 7 tiegħu, fid-dawl taċ-ċertifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tat-taħriġ skont din id-Direttiva, għandhom jiġu aċċettati bħala evidenza tal-kwalifika sad-data tal-iskadenza tagħhom.

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72).”."

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Netwerk ta' infurzar

1.   Għal skopijiet ta' infurzar, l-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni dwar is-CPCs maħruġa jew irtirati. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżviluppaw netwerk elettroniku jew jaħdmu fuq estensjoni ta' netwerk eżistenti, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aktar għażla kosteffikaċi.

2.   In-netwerk jista' jkun fih l-informazzjoni inkluża fis-CPCs kif ukoll informazzjoni dwar il-proċeduri amministrattivi relatati mas-CPCs.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali jitwettaq biss għall-finijiet ta' verifika ta' konformità ma' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti tat-taħriġ stabbiliti f'din id-Direttiva, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

4.   L-aċċess għan-netwerk għandu jkun sigur. L-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess biss lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, u għall-kontroll tal-konformità magħha.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”."

(7)

L-Annessi I u II huma emendati f'konformità mal-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Id-Direttiva 2006/126/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fil-punt (e), it-tielet inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-età minima għall-kategoriji C1 u C1E hija ta' 18-il sena;”;

(ii)

fil-punt (g), it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-età minima għall-kategoriji C u CE hija ta' 21 sena;”;

(iii)

fil-punt (i), it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-età minima għall-kategoriji D1 u D1E hija ta' 21 sena;”;

(iv)

fil-punt (k), it-tieni inċiż huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

l-età minima għall-kategoriji D u DE hija ta' 24 sena;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   B'deroga mill-etajiet minimi stabbiliti fil-punti (g), (i) u (k) tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, l-età minima għall-ħruġ ta' liċenzja tas-sewqan fil-kategorija C u CE; D1 u D1E; u D u DE rispettivament għandha tkun l-età minima preskritta għas-sewqan ta' tali vetturi għal detenturi ta' CPC stabbilita fl-Artikolu 5(2), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(i), l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) jew il-punt (b) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) kif applikabbli.

Fejn, f'konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(i) jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(3)(a)(ii) tad-Direttiva 2003/59/KE, Stat Membru jawtorizza s-sewqan fi ħdan it-territorju tiegħu minn età aktar baxxa, il-validità tal-liċenzja tas-sewqan għandha tkun limitata għat-territorju tal-Istat Membru emittenti sakemm id-detentur tal-liċenzja jilħaq l-età minima rilevanti msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u jkollu CPC.

(*4)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).”."

(2)

Fl-Artikolu 6(4), jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

il-vetturi li jaħdmu bi fjuwil alternattiv imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (*5) b'massa massima awtorizzata ta' aktar minn 3 500 kg iżda mhux aktar minn 4 250 kg għat-trasport ta' merkanzija, operati mingħajr karru minn detenturi ta' liċenzja tas-sewqan tal-kategorija B li tkun inħarġet mill-inqas sentejn qabel, dment li l-massa li taqbeż it-3 500 kg tkun dovuta esklużivament għall-eċċess ta' massa tas-sistema ta' propulsjoni meta mqabbla mas-sistema ta' propulsjoni ta' vettura tal-istess dimensjonijiet, mgħammra b'magna tal-kombustjoni interna konvenzjonali bi tqabbid bl-ispark plaggs jew bil-kompressjoni, u bil-kundizzjoni li ma tiżdiedx il-kapaċità tat-tagħbija fir-rigward tal-istess vettura.

(*5)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59).”;"

(3)

L-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Assistenza reċiproka

1.   L-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u għandhom jaqsmu informazzjoni dwar il-liċenzji li jkunu ħarġu, skambjaw, issostitwixxew, ġeddew jew ikkanċellaw. Huma għandhom jużaw in-netwerk tal-liċenzji tas-sewqan tal-UE stabbilit għal dawn il-finijiet, hekk kif dan in-netwerk isir operattiv.

2.   In-netwerk jista' jintuża wkoll għall-iskambju ta' informazzjoni għall-iskopijiet ta' kontroll previsti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva jitwettaq esklużivament għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-Direttivi 2003/59/KE u (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*6). Kwalunkwe pproċessar ta' data personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jkun f'konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 (*7) u (KE) Nru 45/2001 (*8) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.   L-aċċess għan-netwerk għandu jkun sigur. L-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess biss lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti responsabbli mill-implimentazzjoni u l-kontroll ta' konformità ma' din id-Direttiva u d-Direttivi 2003/59/KE u (UE) 2015/413.

(*6)  Id-Direttiva (UE) 2015/413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 li tiffaċilita l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar reati tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq (ĠU L 68, 13.3.2015, p. 9);"

(*7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il- moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il- Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1);"

(*8)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).”."

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-23 ta' Mejju 2020, għajr għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mal-punt 6 tal-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ sat-23 ta' Mejju 2021. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta' April 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 115.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' April 2018.

(3)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta' sewwieqa ta' ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta' merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).

(4)  Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85, (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1).


ANNESS

L-Annessi għad-Direttiva 2003/59/KE huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

It-taqsima 1 hija emendata kif ġej:

(i)

it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-livell minimu tal-kwalifika għandu jkun komparabbli sa tal-inqas il-livell 2 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki kif previst fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 (*1).

(*1)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1).”;"

(ii)

il-punt 1.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.2.   Objettiv: biex ikunu magħrufa l-karatteristiċi tekniċi u l-operat tal-kontrolli tas-sikurezza, sabiex ikun hemm kontroll tal-vettura, jitnaqqas it-tkagħbir bl-użu, u biex il-vettura ma taħdimx ħażin:

limiti għall-użu tal-brejkijiet u r-retarder, użu kkombinat tal-brejkijiet u r-retarder, isir użu aħjar tal-proporzjon bejn il-veloċità u l-gerijiet, isir użu tal-inerzja tal-vettura, jintużaw modi biex tonqos il-veloċità u jintużaw il-brejkijiet fuq il-mogħdijiet għan-niżla, azzjoni fil-każ ta' falliment, użu tal-apparat elettroniku u mekkaniku bħall-Programm Elettroniku tal-Istabbiltà (ESP), is-Sistema Avvanzata tal-Brejk ta' Emerġenza (AEBS), is-Sistema Antilokk tal-Ibbrejkjar (ABS), is-Sistemi ta' Kontroll tat-Trazzjoni (TCS) u s-Sistemi ta' Monitoraġġ fil-Vettura (IVMS) u oħrajn, approvati għall-użu, apparat ta' assistenza għas-sewwieq jew awtomatizzazzjoni.”;

(iii)

il-punt 1.3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.3.   Objettiv: kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil:

ottimizzazzjoni tal-konsum tal-fjuwil permezz tal-applikazzjoni tal-għarfien fir-rigward tal-punti 1.1 u 1.2, l-importanza li jiġi antiċipat il-fluss tat-traffiku, id-distanza xierqa minn vetturi oħra u l-użu tal-momentum tal-vettura, veloċità stabbli, stil ta' sewqan kalm u pressjoni tat-tajers adattata, u familjarità mas-sistemi tat-trasport intelliġenti li jtejbu l-effiċjenza fis-sewqan u jassistu fl-ippjanar tar-rotta.”;

(iv)

il-punt li ġej jiddaħħal qabel l-intestatura “Liċenzji C, C + E, C1, C1 + E”:

1.3a.   Objettiv: kapaċità ta' antiċipazzjoni, valutazzjoni u adattament għar-riskji tat-traffiku:

 

li wieħed ikun konxju u jadatta għal kundizzjonijiet differenti tat-triq, it-traffiku u t-temp, jantiċipa l-avvenimenti futuri; li wieħed jifhem kif iħejji u jippjana vjaġġ f'kundizzjonijiet tat-temp mhux tas-soltu; li wieħed ikun familjari ma' kif jintuża t-tagħmir ta' sikurezza relatat u jifhem meta vjaġġ ikun irid jiġi pospost jew ikkanċellat minħabba kundizzjonijiet tat-temp estremi; li wieħed jadatta għar-riskji tat-traffiku, inkluża l-imġiba perikoluża jew distratta waqt is-sewqan (l-użu ta' apparat elettroniku, l-ikel, ix-xorb, eċċ.); li wieħed jinduna b'sitwazzjonijiet perikolużi u jadatta għalihom, u li wieħed ikun kapaċi jikkontrolla t-tensjoni li tirriżulta minn dawn is-sitwazzjonijiet, b'mod partikolari b'rabta mad-daqs u l-piż tal-vetturi u l-vulnerabbiltà tal-utenti stradali, bħall-persuni mexjin, iċ-ċiklisti u s-sewwieqa tal-muturi;

 

li wieħed jidentifika s-sitwazzjonijiet perikolużi possibbli u jinterpreta sew kif dawn is-sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi jistgħu jirriżultaw f'sitwazzjonijiet fejn wieħed ma jkunx jista' jevita ħabta u jagħżel u jimplimenta azzjonijiet li jżidu l-marġni tas-sikurezza sa tali punt li ħabta xorta waħda tista' tiġi evitata fil-każ li jkun hemm okkorrenza tal-perikli potenzjali.”;

(v)

il-punt 1.4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.4.   Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

 

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta' rapporti tal-gearbox skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta' sistemi ta' trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li jista' jinġarr minn vettura jew grupp ta' vetturi, kalkolu tal-volum totali, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta' tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru tal-gravità, tipi ta' imballaġġ u paletti;

 

kategoriji ewlenin ta' merkanzija li jeħtieġu jkunu stivati, u metodi ta' rbit bil-klamp u stivar, użu ta' ċineg għall-istivar, kontroll ta' tagħmir ta' stivar, użu ta' tagħmir ta' tqandil, tqegħid u tneħħija ta' inċirajjet.”;

(vi)

il-punt 1.5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.5.   Objettiv: kapaċità li jkunu assigurati l-kumdità u s-sigurtà tal-passiġġieri:

adattament tal-movimenti trasversali u lonġitudinali, tqassim tat-triq, pożizzjoni fit-triq, użu bil-mod tal-brejks, id-dinamika tal-isporġenti, l-użu ta' infrastrutturi speċifiċi (żoni pubbliċi, linji tat-triq riżervati), kontroll ta' konflitt bejn sigurtà fis-sewqan u funzjonijiet oħra tas-sewwieq, interazzjoni mal-passiġġieri, speċifiċitajiet ta' ċerti gruppi ta' passiġġieri (persuni b'diżabbiltà, tfal).”;

(vii)

il-punt 1.6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1.6.   Objettiv: kapaċità li l-vettura titgħabba skont ir-regoli tas-sikurezza u l-użu korrett tal-vettura:

forzi li jaffettwaw lill-vetturi mexjin, użu ta' rapporti tal-gearbox skont it-tagħbija tal-vettura u l-għamla tat-triq, użu ta' sistemi tat-trażmissjoni awtomatika, kalkolu tat-tagħbija li tista' ġġorr vettura jew grupp ta' vetturi, distribuzzjoni tat-tagħbija, konsegwenzi ta' tagħbija żejda fuq il-fus, stabbiltà tal-vettura u ċentru ta' gravità.”;

(viii)

il-punt 2.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.1.   Objettiv: għarfien tal-ambjent soċjali tat-trasport stradali u r-regoli li jirregolawh:

perijodi massimi ta' xogħol speċifiċi għall-industrija tat-trasport; prinċipji, applikazzjoni u konsegwenzi tar-Regolamenti (KE) Nru 561/2006 (*2) u (UE) Nru 165/2014 (*3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; penali għan-nuqqas ta' użu, użu skorrett u tbagħbis tat-takografu; tagħrif dwar l-ambjent soċjali tat-trasport stradali: drittijiet u dmirijiet tas-sewwieqa fir-rigward tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku.

(*2)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1).”;"

(ix)

il-punt 2.2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

2.2.   Objettiv: għarfien tar-regolamenti li jirregolaw il-ġarr ta' merkanzija:

liċenzji għal operazzjonijiet ta' trasport, dokumenti li jridu jinġarru fil-vettura, projbizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti toroq, tariffi għall-użu tat-toroq, obbligi taħt kuntratti standard għall-ġarr ta' merkanzija, tfassil ta' abbozzi ta' dokumenti li jikkostitwixxu l-kuntratt ta' trasport, permessi ta' trasport internazzjonali, obbligi taħt il-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt għall-Ġarr Internazzjonali ta' Merkanzija bit-Triq, abbozz tan-nota ta' kunsinna internazzjonali, qsim ta' fruntieri, kummissjonarji ta' trasport, dokumenti partikolari li jakkumpanjaw il-merkanzija.”;

(x)

il-punt 3.7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

3.7.   Objettiv: għarfien tal-ambjent ekonomiku tat-trasport stradali tal-merkanzija u l-organizzazzjoni tas-suq:

trasport stradali b'rabta ma' metodi oħra ta' trasport (kompetizzjoni, spedituri), attivitajiet differenti ta' trasport stradali (trasport għall-kiri jew bi ħlas, f'isem il-persuna, attivitajiet ta' trasport awżiljari), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta' kumpannija tat-trasport u attivitajiet ta' trasport awżiljari, speċjalizzazzjonijiet differenti ta' trasport (bawżer, temperatura kkontrollata, merkanzija perikoluża, trasport ta' annimali, eċċ.), tibdil fl-industrija (diversifikazzjoni ta' servizzi mogħtija, trasport stradali u ferrovjarju kkombinat, sottokuntrattar, eċċ.).”;

(xi)

il-punt 3.8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

3.8.   Objettiv: għarfien tal-ambjent ekonomiku tal-ġarr ta' passiġġieri bit-triq u l-organizzazzjoni tas-suq:

ġarr ta' passiġġieri bit-triq b'rabta ma' metodi oħra ta' trasport ta' passiġġieri (ferrovija, karozza privata), attivitajiet differenti li jinvolvu ġarr ta' passiġġieri bit-triq, sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà, qsim ta' fruntieri (trasport internazzjonali), organizzazzjoni tat-tipi ewlenin ta' kumpanniji għall-ġarr ta' passiġġieri bit-triq.”;

(b)

It-taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt 2.1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.1.   Opzjoni li tikkombina kemm l-attendenza għall-kors kif ukoll eżami

Il-kwalifika inizjali trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha fil-lista tat-taqsima 1. Id-durata ta' din il-kwalifika inizjali trid tkun ta' 280 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 20 siegħa individwalment f'vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-testijiet kif stabbilit fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru tat-taħriġ approvat. Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ jista' jsuq għal massimu ta' tmien sigħat mill-20 siegħa li jsuq individwalment fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ fis-sewqan razzjonali bbażat fuq regolamenti tas-sikurezza, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f'kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod ta' kif dawn jinbidlu skont kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li parti mit-taħriġ tingħata miċ-ċentru tat-taħriġ approvat permezz tal-għodod tal-ICT, bħat-tagħlim elettroniku, filwaqt li jiżguraw li jinżammu l-kwalità għolja u l-effikaċja tat-taħriġ, u billi jagħżlu s-suġġetti fejn l-għodod tal-ICT ikunu jistgħu jintużaw bl-aktar mod effikaċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-identifikazzjoni affidabbli tal-utent u mezzi ta' kontroll xierqa. L-Istati Membri jistgħu jgħoddu taħriġ speċifiku meħtieġ skont leġislazzjoni tal-Unjoni oħra bħala parti mit-taħriġ. Dan jinkludi, iżda mhux ristrett għal, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4) dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża, taħriġ dwar sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) u taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (*6).

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 5(5) it-tul tal-kwalifika inizjali jrid ikun ta' 70 siegħa, inklużi ħames sigħat ta' sewqan mis-sewwieq individwali.

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-taqsima 1.

(*4)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta' merkanzija perikoluża (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13)."

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1)."

(*6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li jemenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).”;"

(ii)

fil-punt 2.2(b), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Il-vettura użata għall-eżami prattiku trid tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-test stabbiliti fid-Direttiva 2006/126/KE.”;

(c)

It-Taqsimiet 3 u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Taqsima 3: Kwalifika inizjali aċċellerata prevista fl-Artikolu 3(2)

Il-kwalifika inizjali aċċellerata trid tinkludi t-tagħlim tas-suġġetti kollha li jidhru fil-lista fit-taqsima 1. Id-durata tagħha trid tkun ta' 140 siegħa.

Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid isuq għal mill-anqas 10 sigħat individwalment f'vettura tal-kategorija kkonċernata li tissodisfa mill-anqas ir-rekwiżiti għall-vetturi tat-test stabbilit fid-Direttiva 2006/126/KE.

Waqt li jkun qed isuq individwalment, is-sewwieq li jkun qed jitħarreġ irid ikun akkumpanjat minn għalliem, impjegat minn ċentru tat-taħriġ approvat. Kull sewwieq li jkun qed jitħarreġ jista' jsuq għal massimu ta' erba' sigħat mill-10 sigħat ta' sewqan individwali fuq art speċjali jew fuq simulatur tal-aqwa kwalità sabiex ikun ivvalutat it-taħriġ f'sewqan razzjonali bbażat fuq regolamenti tas-sikurezza, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-vettura f'kundizzjonijiet differenti tat-triq u l-mod kif dawk il-kundizzjonijiet tat-triq jinbidlu skont kundizzjonijiet atmosferiċi differenti, il-ħin tal-jum jew tal-lejl, u l-kapaċità li jiġi ottimizzat il-konsum tal-fjuwil.

Id-dispożizzjonijiet tar-raba' paragrafu tal-punt 2.1 għandhom japplikaw ukoll għall-kwalifika inizjali aċċellerata.

Għas-sewwieqa msemmija fl-Artikolu 5(5), it-tul tal-kwalifika inizjali aċċellerata jrid ikun ta' 35 siegħa, inklużi sagħtejn u nofs ta' sewqan individwali.

Fi tmiem dak it-taħriġ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-entità maħtura minnhom għandhom jagħmlu eżami bil-miktub jew orali lis-sewwieq. L-eżami jrid jinkludi mill-anqas mistoqsija waħda dwar kull wieħed mill-għanijiet li jidhru fil-lista tas-suġġetti fit-taqsima 1.

Taqsima 4: Taħriġ perjodiku obbligatorju previst fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1)

Ċentru approvat tat-taħriġ irid jorganizza korsijiet ta' taħriġ perjodiku obbligatorji. Id-durata tagħhom trid tkun ta' 35 siegħa kull ħames snin, mogħtija f'perijodi ta' mill-anqas seba' sigħat, li jistgħu jinqasmu fuq mhux inqas minn jumejn konsekuttivi. Kull meta jintuża t-tagħlim elettroniku, iċ-ċentru tat-taħriġ approvat għandu jiżgura li tinżamm il-kwalità xierqa tat-taħriġ, inkluż billi jagħżel is-suġġetti fejn l-għodod tal-ICT jistgħu jintużaw bl-aktar mod effikaċi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-identifikazzjoni affidabbli tal-utent u mezzi ta' kontroll xierqa. Id-durata massima tat-taħriġ permezz tat-tagħlim elettroniku ma għandhiex taqbeż 12-il siegħa. Tal-inqas wieħed mill-perijodi tal-kors tat-taħriġ għandu jkopri suġġett marbut mas-sikurezza stradali. Il-kontenut tat-taħriġ għandu jqis il-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi għall-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa mis-sewwieq u l-iżviluppi legali u teknoloġiċi rilevanti u għandu, kemm jista' jkun, iqis il-ħtiġijiet tat-taħriġ speċifiċi tas-sewwieq. Fuq medda ta' 35 siegħa għandha tiġi koperta firxa ta' suġġetti differenti, inkluż taħriġ ripetut fejn jintwera li s-sewwieq ikun jeħtieġ taħriġ korrettiv speċifiku.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw jgħoddu t-tlestija tat-taħriġ speċifiku meħtieġ minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni għal massimu ta' wieħed mill-perijodi stipulati ta' seba' sigħat. Dan jinkludi, iżda mhux ristrett għal, taħriġ meħtieġ skont id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża, taħriġ dwar it-trasport tal-annimali skont ir-Regolament (KE) Nru 1/2005, u, għall-ġarr tal-passiġġieri, taħriġ fis-sensibilizzazzjoni dwar id-diżabbiltà skont ir-Regolament (UE) Nru 181/2011. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li t-taħriġ speċifiku mitmum kif meħtieġ mid-Direttiva 2008/68/KE għat-trasport ta' merkanzija perikoluża jgħodd għal tnejn mill-perijodi ta' seba' sigħat, dment li dan ikun l-uniku taħriġ ieħor meqjus fit-taħriġ perjodiku.”.

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“ARRANĠAMENTI GĦALL-MUDELL TAL-UNJONI EWROPEA GĦAL KARD TA' KWALIFIKA TAS-SEWQAN”;

(b)

It-taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(i)

rigward in-naħa 1 tal-kard ta' kwalifika tas-sewqan:

fil-punt (d), il-punt (9) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.

il-kategoriji ta' vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;”;

fil-punt (e), l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“it-titolu “Mudell tal-Unjoni Ewropea” fil-lingwa jew lingwi tal-Istat Membru li joħroġ il-kard u l-intestatura “kard ta' kwalifika tas-sewqan” fil-lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-Unjoni, stampati bil-blu biex jiffurmaw l-isfond tal-kard:”;

(ii)

fir-rigward tan-naħa 2 tal-kard ta' kwalifika tas-sewqan, fil-punt (a), il-punti (9) u (10) huma sostitwiti b'dan li ġej:

“9.

il-kategoriji ta' vetturi li għalihom is-sewwieq jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalifika inizjali u t-taħriġ perjodiku;

10.

il-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ‘95’, previst fl-Anness I għad-Direttiva 2006/126/KE;”;

(c)

It-Taqsima 4 hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“MUDELL TAL-UNJONI EWROPEA GĦAL KARD TA' KWALIFIKA TAS-SEWQAN”;

(ii)

fuq in-naħa 2 tal-mudell, taħt in-numru 10, “Kodiċi tal-Komunità” hija sostitwita b'“Kodiċi tal-Unjoni”;

(d)

Tiżdied it-taqsima li ġejja:

“5.   Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kards ta' kwalifika tas-sewqan maħruġa qabel it-23 ta' Mejju 2020 għandhom jibqgħu validi sad-data tal-iskadenza tagħhom.”.

(3)

Jiżdied l-Anness li ġej:

ANNESS III

TABELLA TA' KORRISPONDENZA GĦAR-REFERENZI GĦAL ĊERTI KATEGORIJI TA' LIĊENZJI TAS-SEWQAN

Referenza f'din id-Direttiva

Referenza fid-Direttiva 2006/126/KE

C + E

CE

C1 + E

C1E

D + E

DE

D1 + E

D1E.



Top