Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(11)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Italja

ST/9440/2018/INIT

OJ C 320, 10.9.2018, p. 48–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/48


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tal-Italja

(2018/C 320/11)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Italja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn isfel.

(3)

Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2018 għall-Italja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport vvaluta l-progress tal-Italja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Italja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B'mod partikolari, il-livell għoli tad-dejn pubbliku u d-dinamiċi tal-produttività dgħajfin fit-tul jimplikaw riskji b'rilevanza transfruntiera, f'kuntest ta' stokk għoli imma li qed jonqos ta' self improduttiv u qgħad għoli minkejja li qed jonqos. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti avversi fuq l-ekonomija Taljana u fuq l-unjoni ekonomika u monetarja, minħabba d-daqs u r-rilevanza transfruntiera tal-ekonomija tal-Italja hija partikolarment importanti.

(4)

Fis-16 ta' Mejju 2018, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(6)

L-Italja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Il-programm ta' Stabbiltà tal-2018, ippreżentat mill-Gvern preċedenti huwa bbażat fuq xenarju ta' tendenza bis-suppożizzjoni ta' ebda tibdil fil-leġiżlazzjoni. Id-defiċit nominali qed jiġi proġettat mill-awtoritajiet Taljani li jitjieb minn 2,3 % tal-PDG fl-2017 għal 1,6 % fl-2018, 0,8 % fl-2019, u pożizzjoni ta' baġit ġeneralment ibbilanċjat sal-2020. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f'termini strutturali, hu ppjanat li jintlaħaq sal-2020 u jinżamm fl-2021, filwaqt li l-bilanċ strutturali kkalkulat (6) mill-ġdid juri defiċit strutturali żgħir (0,2 % tal-PDG) f'dawk is-sentejn. Wara li naqas ftit fl-2017 (sa 131,8 % tal-PDG, minn 132,0 % fl-2016), id-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG huwa proġettat fil-Programm ta' Stabbiltà għall-2018 li jonqos b'punt perċentwali wieħed tal-PDG għal 130,8 % fl-2018 u jilħaq 122,0 % tal-PDG fl-2021 bis-saħħa wkoll tad-dħul ipproġettat minn privatizzazzjoni ta' 0,3 % fis-sena bejn l-2018-20. Madankollu, il-miri tal-privatizzazzjoni ma kinux qegħdin jintlaħqu f'dawn l-aħħar snin. Fuq il-bażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla fil-politika, it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni jistenna tkabbir reali tal-PDG aktar baxx u defiċit ogħla għall-2019 milli fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Il-previżjoni tal-Kummissjoni ma tinkorporax l-effett taż-żieda fil-VAT (0,7 % tal-PDG), li daħlet fil-liġi bħala “klawżola ta' salvagwardja” biex jinkisbu l-miri baġitarji fl-2019.

(7)

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f'konformità mal-Artikolu 126(3) TFUE, minħabba nuqqas ta' konformità prima facie tal-Italja mar-regola tad-dejn fl-2016 u fl-2017. Ir-rapport ikkonkluda li, wara l-valutazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha, il-kriterju tad-dejn kif iddefinit fit-Trattat u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (7) jenħtieġ li jitqies bħala li qed jiġi rrispettat fil-preżent, u li l-ftuħ ta' proċedura tad-defiċit eċċessiv mhijiex ġustifikata, b'mod partikolari fid-dawl tal-konformità ex post tal-Italja mal-parti preventiva fl-2017. Il-Kummissjoni se terġa' tivvaluta l-konformità fuq il-bażi ta' data ex post għall-2018 li għandha tiġi notifikata fir-rebbiegħa tal-2019.

(8)

Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 jindika li l-impatt baġitarju marbut mal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati u l-protezzjoni kontra riskji sismiċi huwa sinifikanti, u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta' dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa eliġibbli addizzjonali fl-2017 ammontat għal 0,16 % tal-PDG b'rabta mal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati u 0,19 % tal-PDG rigward riskji relatati ma' riskji sismiċi. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati, u r-riskji sismiċi huma avvenimenti eċċezzjonali, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Italja huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju għall-2017 tnaqqas biex jitqiesu dawn l-ispejjeż addizzjonali.

(9)

Fil-11 ta' Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lill-Italja biex tiżgura rata ta' tnaqqis nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (8) mill-inqas b' 0,2 % fl-2018, li tikkorrespondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li jinsab għaddej kif ukoll biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tal-irkupru fl-Italja filwaqt li tqis b'mod xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà tagħha, imwettqa fil-kuntest tal-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 tal-Italja, l-isforz fiskali strutturali ta' mill-inqas 0,3 % tal-PDG huwa meħtieġ għal 2018, mingħajr ebda marġni addizzjonali ta' devjazzjoni matul sena. Dan jikkorrispondi ma' rata ta' tkabbir nominali ta' nfiq pubbliku primarju nett li ma jaqbiżx il-0,5 %. Filwaqt li titqies il-valutazzjoni globali, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2018.

(10)

Fl-2019, fid-dawl tal-fatt li d-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG tal-Italja jaqbeż is-60 % tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni hija ta' 0,5 %, ir-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma għandhiex taqbeż 0,1 %, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 0,6 % tal-PDG li joriġina minn matriċi tar-rekwiżiti taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti minn dan ir-rekwiżit fl-2019 u għall-2018 u l-2019 meħuda flimkien. L-Italja prima facie mhix imbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2018 u l-2019. Aktar minn hekk, f'madwar 130 % tal-PDG, il-proporzjon tad-dejn pubbliku tal-Italja jimplika li hemm riżorsi kbar allokati biex ikopru l-ispejjeż tas-servizz tad-dejn, għad-detriment ta' oqsma li jżidu t-tkabbir inklużi l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-infrastruttura. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa fl-2018 biex l-Italja tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta' xi gwadann mhux previst biex jitnaqqas iktar il-proporzjon ta' dejn tal-gvern ġenerali jkun rispons prudenti.

(11)

In-nefqa tal-pensjonijiet tax-xjuħija fl-Italja, bħalissa madwar 15 % tal-PDG, issa hija fost l-ogħla fl-Unjoni. Ir-responsabbiltajiet impliċiti li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni kienu mrażżna mill-aħħar riformi fil-pensjonijiet, u tejbu s-sostenibbiltà fit-tul tal-Italja kif ukoll billi aġġustaw bil-mod il-mod l-età tal-irtirar mal-istennija tal-għomor. Madankollu, kemm il-baġit tal-2017 kif ukoll tal-2018 kien fihom dispożizzjonijiet li parzjalment reġġgħu lura dawk ir-riformi. L-Italja għandha sehem ikbar ta' popolazzjoni li għandha aktar minn 65 sena, mill-medja tal-Unjoni. Dan huwa mistenni li jiżdied aktar maż-żmien, li se jiddeterjora l-proporzjon tad-dipendenza tax-xjuħija tal-Italja. Għalhekk, l-infiq fuq il-pensjonijiet huwa pproġettat li jiżdied matul il-perjodu medju. Is-sehem għoli ta' pensjonijiet tax-xjuħija fl-infiq pubbliku jillimita wkoll l-infiq soċjali l-ieħor, inkluż fil-ġlieda kontra l-faqar, u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir bħall-edukazzjoni, li s-sehem tagħha fin-nefqa ilu jonqos sa mill-bidu tas-snin 2000. Filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta' ekwità u proporzjonalità, iffrankar imdaqqas jista' jinkiseb billi ssir intervenzjoni fuq l-intitolamenti għoljin tal-pensjoni mhux milħuqa b'kontribuzzjonijiet.

(12)

Is-sistema tat-taxxa tal-Italja tistrieħ ħafna fuq il-kapital u x-xogħol, li għandha effetti negattivi fuq it-tkabbir ekonomiku. Minkejja l-estensjoni reċenti ta' inċentivi tat-taxxa mmirati, il-piż tat-taxxa fuq il-fatturi tal-produzzjoni għadu fost l-ogħla fl-Unjoni, u jiskoraġġixxi l-investiment u l-impjiegi. Hemm lok biex dan jitnaqqas b'mod baġitarju newtrali billi dan jitmexxa fuq bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħat-taxxi fuq il-proprjetà u l-konsum. Taxxa rikorrenti fuq l-ewwel proprjetà ġiet revokata fl-2015, inkluż għal familji aktar sinjuri. Barra minn hekk, il-valuri tal-proprjetà kadastrali huma fil-biċċa l-kbira skaduti, u r-riforma sabiex jiġu allinjati ma' valuri attwali tas-suq għadha pendenti. L-għadd u d-daqs ta' nefqiet tat-taxxa, b'mod partikolari fil-każ ta' rati ta' taxxa mnaqqsa fuq il-valur miżjud, huma partikolarment għolja u s-simplifikazzjoni tagħhom ġiet posposta għal darb'oħra minkejja li huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Hemm ukoll lok biex jitnaqqas il-piż fuq kumpaniji konformi u l-unitajiet domestiċi billi titnaqqas il-kumplessità tal-kodiċi tat-taxxa u jiżdied il-livell ġenerali ta' konformità fiskali. L-estensjoni ta' fatturazzjoni elettronika obbligatorja għat-tranżazzjonijiet kollha fis-settur privat mill-2019 hija pass pożittiv f'din id-direzzjoni. Madankollu, il-limiti legali għal ħlasijiet fi flus kontanti żdiedu, li jista' jiskoraġġixxi l-użu ta' pagamenti elettroniċi li n-natura obbligatorja tagħhom tista' ttejjeb il-konformità fiskali. L-Istitut Nazzjonali Taljan tal-Istatistika jistma li l-ekonomija klandestina tammonta għal madwar 12,6 % tal-PDG fl-2015 iżda ma ġiet ippjanata l-ebda azzjoni strateġika biex tindirizza din l-isfida. Madwar 15,9 % tal-impjiegi totali huwa parzjalment jew kompletament mhux iddikjarati, b'massimi li joqorbu lejn il-50 % f'xi setturi.

(13)

L-investiment naqas drastikament waqt il-kriżi u għadu ma rritornax għal-livelli tal-2007. Minkejja żieda fl-2017, il-livell ta' investiment għadu baxx meta mqabbel ma' pajjiżi oħra tal-Unjoni. L-investiment privat kien partikolarment baxxu miżmum lura minħabba fatturi strutturali. Dawn jinkludu ambjent tan-negozju anqas favorevoli, restrizzjonijiet finanzjarji relatati ma' swieq kapitali sottożviluppati, indeboliment tas-self bankarju, u nuqqas ta' ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet minħabba, fost raġunijiet oħra, l-eżodu ta' mħuħ u tagħlim tul il-ħajja limitat. Assi intanġibbli, bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema, huma kruċjali għall-produttività u t-tkabbir ekonomiku u jistgħu jgħinu biex jispjegaw id-differenzi fil-produttività bejn il-pajjiżi. Madankollu, l-investiment f'dawn l-assi jibqa' taħt il-medja tal-Unjoni. Dan huwa minħabba n-numru kbir ta' kumpaniji ċkejkna, in-nuqqas ta' speċjalizzazzjoni tal-Italja f'setturi intensivi fl-għarfien, diġitizzazzjoni u ħiliet diġitali limitati. Fl-istess ħin, b'mod ġenerali l-infiq pubbliku fir-riċerka u l-iżvilupp ġie mnaqqas. Il-finanzjament ta' kumpaniji żgħar u ta' daqs medju għadu dipendenti bil-kbir fuq is-settur bankarju, u s-self għadu baxx minkejja l-ispejjeż ta' finanzjament f'livelli storikament baxxi. Hemm ukoll differenzi reġjonali kbar fl-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, fit-teħid ta' inċentivi reċenti ta' politika għal kumpaniji innovattivi u fil-kwalità tal-edukazzjoni. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni kurrenti tar-riżultati tal-miżuri industrijali differenti stabbiliti taħt “Finanzi għat-Tkabbir” u l-“Industrija/Intrapriża 4.0”, jidher li huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas ta' politika fit-tul biex isostni l-investiment li huwa kapaċi jsaħħaħ il-fatturi differenti li jappoġġaw l-innovazzjoni, bħad-disponibbiltà tal-kreditu, il-bażi ta' riċerka b'saħħitha, il-livell għoli ta' edukazzjoni u l-kwalifiki adatti. Jidher ukoll xieraq li jiġu kkunsidrati d-differenzi eżistenti reġjonali fl-industrija u s-sistemi edukattivi.

(14)

L-effiċjenza ta' sistema tal-ġustizzja tal-Italja tjiebet biss ftit f'dawn l-aħħar snin, u t-tul tal-proċedimenti għadu sors ta' tħassib, speċjalment fil-livell ogħla tal-istanzi. Pereżempju, fl-2016, it-tul ta' żmien meħtieġ biex jiġu riżolti kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi kien għadu wieħed mill-ogħla fl-Unjoni fl-istanzi kollha. Ix-xogħol b'lura kompla jiżdied fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Corte suprema di Cassazione), fejn għadu fost l-ogħla per capita fl-Unjoni. Liġi abilitanti importanti għas-simplifikazzjoni tar-regoli proċedurali ċivili u l-introduzzjoni ta' deterrenza aktar b'saħħitha kontra litigazzjoni abbużiva ilha pendenti quddiem il-Parlament Taljan għal sentejn. Barra minn hekk, fost il-miżuri adottati biex jevitaw il-litigazzjoni u tissaħħaħ id-dixxiplina proċedurali, il-proċedura simplifikata (“rito sommario”) ma saritx dik awtomatika fil-qrati tal-appell, u l-użu tal-filtru tal-inammissibbiltà għall-appelli għadha inkonsistenti u limitata għat-tieni istanza, u b'hekk naqset milli ddaħħal it-tnaqqis mistenni f'kawżi li jkunu deħlin. Pjuttost, fl-2016, in-numru ta' kawżi ġodda ċivili żdiedu kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza anki minħabba r-rati ta' appell li żdiedu b'mod kostanti. Sehem dejjem jikber ta' appelli tal-Kassazzjoni ġew iddikjarati inammissibbli fl-2016, li jikkonferma t-tendenza reċenti taż-żieda. Il-kapaċità tal-Qorti tal-Kassazzjoni biex tindirizza l-influss tal-każijiet kienet affettwata b'mod negattiv fil-kuntest ta' żieda sinifikanti f'każijiet mhux kriminali f'kawżi li jkunu deħlin primarjament minħabba każijiet ta' tassazzjoni (li jistgħu jikkompromettu r-rwol tagħha). L-infurzar xieraq ta' regoli proċedurali, inkluż kontra l-abbuż ta' litigazzjoni, jista' jikkontribwixxi wkoll għal amministrazzjoni effiċjenti u soda tal-ġustizzja.

(15)

Il-korruzzjoni tibqa' sfida ewlenija fl-ambjent tan-negozju tal-Italja u l-akkwist pubbliku. L-Italja tejbet il-qafas tagħha kontra l-korruzzjoni billi rrevediet l-istatut tal-limitazzjonijiet tagħha, estendiet il-protezzjoni tal-informaturi għall-ħaddiema tas-settur privat u allinjat aħjar ir-reat ta' korruzzjoni fost il-partijiet privati ma' standards internazzjonali. Filwaqt li r-riforma adottata fl-istatut tal-limitazzjonijiet ma twaqqafx it-termini ta' preskrizzjoni wara kundanna fl-ewwel istanza, kif rakkomandat mill-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, din tista' tnaqqas l-ambitu għal litigazzjoni kriminali abbużiva bħala tattika ta' dewmien mill avukati f'każijiet ogħla. Bħala tali, din tista' tnaqqas tħassib għal żmien li każijiet ta' korruzzjoni jiskadilhom iż-żmien wara kundanna fl-ewwel istanza. It-trażżin tal-korruzzjoni tista' tittejjeb billi tiżdied l-effiċjenza tal-ġustizzja kriminali. Fl-2014, l-Italja kellha l-ikbar numru ta' kawżi ġodda u pendenti kriminali fl-Unjoni fit-tieni u t-tielet istanza, ukoll minħabba waħda mill-ogħla rati ta' appelli tal-Kassazzjoni. Dan irriżulta f'wieħed mill-itwal proċessi kriminali. L-inċentivar ta' proċeduri mħaffa u l-iskoraġġiment tal-abbużi fil-proċessi jistgħu jgħinu biex jagħmlu l-ġustizzja kriminali u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni jkunu aktar effikaċi. Barra minn hekk, l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni għandha rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-qafas ġdid kontra l-korruzzjoni.

(16)

Żieda fil-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika Taljana jkollha impatt pożittiv fuq l-ambjent tan-negozju u l-investiment u l-kapaċità tad-ditti biex jisfruttaw l-opportunitajiet ta' innovazzjoni. Il-varjazzjoni reġjonali kbira fis-rispons tal-amministrazzjonijiet lejn il-kumpaniji tissuġġerixxi li l-intraprendituri f'oqsma speċifiċi jiffaċċjaw ostakli kbar meta jsir in-negozju. Fl-2015, ġiet adottata liġi abilitanti għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, li għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza għall-benefiċċju tal-ekonomija. Sa tmiem l-2017, l-implimentazzjoni tar-riforma tlestiet u issa teħtieġ l-infurzar, b'mod partikolari fir-reġjuni bl-inqas prestazzjoni. Dwar l-intrapriżi pubbliċi, ir-riforma għandha l-għan li tiżgura allinjament aħjar bejn ir-regoli li jirregolaw l-intrapriżi pubbliċi u entitajiet privati. L-objettivi ddikjarati jenħtieġ li: jirrazzjonalizzaw l-intrapriżi pubbliċi permezz ta' fużjonijiet, konsolidazzjonijiet ta' dawk mhux profittabbli u privatizzazzjonijiet; żieda fl-effiċjenza tal-intrapriżi li jifdal; u tiġi evitata l-proliferazzjoni futura tal-impriżi pubbliċi mhux essenzjali. L-infurzar ta' qafas ġdid huwa kruċjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, servizzi pubbliċi lokali huma protetti mill-kompetizzjoni (u mis-suq), u dan iħalli impatt fuq l-effiċjenza, il-kwalità tas-servizzi u jwassal għal nuqqas ta' sodisfazzjon tal-konsumaturi. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tal-2015 kienet tipprevedi wkoll qafas ġdid ta' riforma tal-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi lokali. Madankollu, f'Novembru 2016, il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-proċedura segwita biex jiġu adottati xi digrieti leġiżlattivi ma kinitx kostituzzjonali, inkluża dik dwar is-servizzi pubbliċi lokali. Billi l-iskadenza ta' dan id-digriet skadiet f'Novembru 2016, hija meħtieġa inizjattiva leġiżlattiva ġdida.

(17)

It-titjib fl-ambjent tan-negozju għandu jiffaċilita l-intraprenditorija, filwaqt li qafas ta' kondizzjonijiet aħjar għall-kompetizzjoni jiffavorixxi allokazzjoni aktar effiċjenti ta' riżorsi u żieda fil-produttività. Il-liġi tal-kompetizzjoni annwali tal-2015 ġiet adottata f'Awwissu 2017 u trid tiġi implimentata kif suppost. Madankollu, ostakli sinifikanti għall-kompetizzjoni għadhom jippersistu f'ċerti setturi, bħal fis-servizzi professjonali, it-trasport pubbliku lokali, il-ferrovija u l-bejgħ bl-imnut. Iż-żieda tal-proċessi kompetittivi għall-għoti ta' kuntratti ta' servizzi pubbliċi u konċessjonijiet għal aċċess għall-prodotti pubbliċi se jkollu impatt pożittiv fuq il-kwalità tas-servizzi. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-benefiċċji tar-riforma reċenti se jiddependu fuq it-tlestija fil-ħin tar-riforma, applikazzjoni konsistenti tal-pjanijiet għall-akkwist elettroniku u l-aggregazzjoni u l-attivazzjoni tal-korp ċentrali tal-aggregazzjoni għall-koordinazzjoni tal-politika (Cabina di regia per gli appalti pubblici).

(18)

Il-fiduċja tas-suq fil-banek Taljani żdiedet wara l-miżuri meħudin fl-2017 biex jittrattaw id-diversi banek iktar dgħajfa. Bis-saħħa ta' kundizzjonijiet ekonomiċi mtejba u superviżjoni tal-pressjoni, sar progress fit-tnaqqis ta' self improduttiv, iżda l-istokk għadu għoli. Dan jillimita l-profittabbiltà tal-banek u l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw il-kapital internament. Il-pass li bih is-self mhux produttiv qed jiġi dispost, li jinkludi l-approfondiment tas-suq sekondarju għal self mhux produttiv, jeħtieġ li jinżamm sabiex tissaħħaħ aktar l-istabbiltà finanzjarja u l-estensjoni tal-kreditu għall-ekonomija reali. Jinħtieġ ukoll li jkun appoġġat aktar ristrutturar u konsolidazzjoni tal-karta tal-bilanċ, inkluż għall-banek żgħar u banek tat-tieni saff. Dan jinkludi l-indirizzar ta' tal-profittabbiltà strutturalment baxxa tal-banek permezz ta' tnaqqis ta' spejjeż komprensivi u l-mudell tan-negozju ta' ottimizzazzjoni.

(19)

Filwaqt li d-diversi riformi tal-governanza korporattiva għadhom għaddejjin, l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi kbir ta' kooperattivi kbar u banek mutwi żgħar se jirfdu s-saħħa ġenerali tas-settur bankarju. L-oqfsa ta' insolvenza u esklużjoni għadhom mhumiex jappoġġaw biżżejjed ir-ristrutturar tas-self mhux produttiv. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni fil-pront tal-miżuri leġiżlattivi meħtieġa għar-riforma tal-insolvenza għandha tgħin biex tindirizza d-dgħufijiet strutturali. Il-miżuri adottati fl-2016 sabiex jaċċelleraw l-infurzar tal-kollateral mill-banek għadhom mhumiex qed jintużaw. Il-qafas għal infurzar tal-kollateral barra l-qorti għadu mhux kompletament applikabbli għall-familji u sar applikabbli biss reċentement għall-kumpaniji.

(20)

Minkejja l-progress minħabba l-bosta miżuri ta' politika adottati matul dawn l-aħħar snin, l-aċċess għall-finanzjament għadu ostaklu importanti għal investimenti u finanzjamenti għat-tkabbir, b'mod partikolari għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju. Il-finanzjament tal-kumpaniji għadu fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-banek, filwaqt li s-suq kapitali għadu sottożviluppat meta mqabbel ma' pajjiżi oħra tal-Unjoni. Is-sehem ta' finanzjament tal-ekwità fost l-impriżi żgħar u ta' daqs medju huwa partikolarment baxx, meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni. L-introduzzjoni tal-“kwota għall-ekwità korporattiva” kienet riforma importanti, iżda r-rata ta' referenza kienet sussegwentement imnaqqsa, li attenwat l-impatt pożittiv tagħha. It-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzjament ibbażat fuq is-suq għall-kumpaniji jkunu ingredjent essenzjali fid-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' finanzjament tal-kumpaniji sabiex jappoġġa l-investiment u t-tkabbir.

(21)

L-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol ġew modifikati konsiderevolment f'dawn l-aħħar snin. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol qed ikomplu jitjiebu, billi l-għadd ta' impjegati fix-xogħol żdied minn 1,2 % fl-2017 għal aktar minn 23 miljun ruħ, lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi. Ir-rata tal-impjiegi (età 20-64 sena) telgħet għal aktar minn 62 % s-sena li għaddiet, għalkemm fil-biċċa l-kbira xprunata minn impjiegi temporanji. Madankollu, din għadha ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Ir-rata tal-qgħad naqset għal 11,2 % fl-2017 iżda t-total ta' sigħat maħduma huwa konsiderevolment inqas minn dawk ta' qabel ir-reċessjoni. Minkejja t-titjib, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għadu għoli, li jippreżenta riskji għall-koeżjoni soċjali u t-tkabbir. Il-proporzjon ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ, 20,1 % fl-2017, kien għadu fost l-ogħla fl-Unjoni, b'differenzi reġjonali kbar u persistenti.

(22)

L-innegozjar fil-livell territorjali jew tal-kumpanija għadu limitat, ukoll minħabba l-prevalenza ta' negozji żgħar fl-Italja. Dan jista' jevita li l-pagi jadattaw malajr għall-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali. Fi tmiem Frar 2018, Confindustria u t-tliet oqsma prinċipali tat-trejdjunjins Taljani (Cgil, Cisl u Uil) iffirmaw ftehim qafas, li enfasizza r-rwol ta' negozjar tat-tieni livell, billi żied iċ-ċertezza legali permezz tal-istipular ta' regoli aktar ċari għal rappreżentanza tas-sħab soċjali fin-negozjati. Ir-roħs tat-taxxa bbażat fuq żidied fil-paga relatat mal-produttività stabbilit minn ftehimiet tat-tieni livell ġie msaħħaħ fl-2017, iżda huwa diffiċli li tiġi evalwata l-effettività tiegħu. Filwaqt li l-għadd totali ta' ftehimiet kollettivi qed jiżdied, proporzjon żgħir biss minnhom huwa ffirmat mit-trade unions prinċipali u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem.

(23)

Ir-riforma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol deskritti permezz tal-Att dwar l-Impjiegi ftit għamlet progress fl-2017. It-taħriġ u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid huma partikolarment importanti fid-dawl ta' aktar flessibbiltà fis-suq tax-xogħol Taljan u s-sehem li qed jiżdied ta' kuntratti temporanji. Standards tas-servizzi vinkolanti b'mod ġenerali għadhom ma ġewx implimentati u s-servizzi tal-impjiegi għandhom nuqqas ta' persunal u nuqqas ta' monitoraġġ adegwat, għalkemm il-liġi Baġitarja l-ġdida għall-2018 allokat riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali għas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi għar-reġjuni. Żieda fl-għadd ta' persunal u żgurar li huma kwalifikati biżżejjed għas-servizzi tal-impjiegi u s-servizzi soċjali, huma wkoll kruċjali għall-implimentazzjoni korretta tal-iskema introdotta fl-2018 kontra l-faqar u għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li tipprovdi liż-żgħażagħ li jeħtiġilhom l-għajnuna b'offerta ta' impjieg jew taħriġ adegwat f'waqtu.

(24)

Il-proporzjon ta' nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, għalkemm qed jiżdied, għadu wieħed mill-aktar baxxi fl-Unjoni. L-impatt ta' miżuri reċenti, iċċentrati fuq mezzi ta' pagament, mingħajr test tal-mezzi, fi flus għal kull tifel/tifla li titwieled, ma ġiex ivvalutat mill-awtoritajiet Taljani. L-evidenza tissuġġerixxi li dawn it-trasferimenti ta' flus jistgħu ma jkunux effettivi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, x'aktarx mhux se jżidu r-rata tat-twelid, li ilha għal xi żmien tistaġna f'livelli baxxi ħafna matul dawn l-aħħar 20 snin. Strateġija komprensiva biex tirrikonċilja l-ħajja tal-familja u x-xogħol hija nieqsa. Dawn in-nuqqasijiet huma riflessi min-nuqqas ta' bilanċ bejn is-sessi fit-tfassil tal-liv tal-ġenituri, arranġamenti flessibbli tax-xogħol u provvista insuffiċjenti ta' kura tat-tfal adegwata, affordabbli u ta' kwalità u tas-servizzi ta' kura.

(25)

L-introduzzjoni ta' miżuri biex jgħollu l-kapital uman u l-ħiliet, jgħinu fit-titjib tal-impjegabbiltà u biex jilħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni. Il-kwalità ġenerali tal-edukazzjoni skolastika fl-Italja qed titjieb, iżda għad hemm differenzi reġjonali kbar. Il-proporzjon ta' studenti li jitilqu mill-iskola mingħajr kwalifiki għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni, b'mod partikolari fost l-istudenti li twieldu barra l-pajjiż (30,1 % meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni ta' 19,4 %). L-implimentazzjoni tar-riforma skolastika miexja tajjeb, u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali qegħdin jitjiebu. L-edukazzjoni terzjarja, li għandha nuqqas serju ta' finanzi u fejn l-infiq pubbliku jammonta għal anqas minn 0,4 % tal-PDG, hija kkaratterizzata minn rati għolja ta' tluq bikri mill-iskola u perjodi ta' studju mtawwla. Bħala konsegwenza, il-kisba edukattiva hija fost l-aktar baxxi fl-Unjoni (26,9 % tal-popolazzjoni fl-età ta' bejn 30 u 34 sena). Ir-rata ta' parteċipazzjoni fi programmi ta' tagħlim għall-adulti qed tiżdied iżda għadha fost l-aktar baxxi fl-Unjoni, speċjalment għal adulti b'livell baxx ta' ħiliet. Jenħtieġ li jiġu promossi t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, filwaqt li dawk li jħaddmu jinħtieġ li jkunu mħeġġa jipprovdu aktar opportunitajiet ta' tagħlim għall-forza tax-xogħol. L-implimentazzjoni tal-“istrateġija għall-ħiliet” nazzjonali komprensiva li tnediet f'Ottubru 2017 se tkun kruċjali.

(26)

Bil-maqlub tat-tendenza tal-Unjoni, ir-rata ta' nies fir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali kompliet tiżdied u kienet 30 % fl-2016, ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni. Din tolqot b'mod speċjali t-tfal, il-ħaddiema temporanji u l-ħaddiema migranti. L-inugwaljanza fid-dħul hija għolja u qed tiżdied. Fl-2016, l-introjtu tal-ogħla 20 % tal-unitajiet domestiċi kien 6,3 darba ogħla minn tal-20 % l-aktar foqra. Dan il-proporzjon huwa saħansitra ogħla għall-persuni fl-età tax-xogħol, peress li l-impatt ta' ridistribuzzjoni tal-pensjonijiet huwa eskluż. L-introduzzjoni ta' skema ġdida permanenti biex tindirizza l-faqar (Reddito di Inclusione) tirrappreżenta pass kbir 'il quddiem fil-politika soċjali. Imfassla bħala trasferiment universali għall-persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ta' faqar, l-iskema hija mistennija li żżid l-impatt attwalment baxx tal-benefiċċji soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar. L-iskema hija bbażata fuq mekkaniżmi ta' governanza solidi u se tkun suġġetta għal evalwazzjoni sistematika. Fuq kollox, hija tipprevedi wkoll tisħiħ sostanzjali tal-persunal tas-servizzi soċjali tal-pajjiż. Kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi soċjali u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, kif ukoll l-allokazzjoni ta' riżorsi suffiċjenti, se tkun kruċjali għall-implimentazzjoni bla xkiel tar-riforma. L-iskema tinkorpora l-iskema preċedenti tal-assistenza għall-qgħad (ASDI), bħala l-ewwel pass lejn ir-razzjonalizzazzjoni tal-infiq soċjali. L-Italja permezz tas-sistema tal-kura tas-saħħa tipprovdi kopertura universali u s-saħħa tal-popolazzjoni hija ġeneralment tajba; madankollu, il-ħtiġijiet awtodikjarati u mhux issodisfati għall-kura medika huma għoljin, u d-differenzi bejn ir-reġjuni fl-organizzazzjoni u l-kwalità tal-għoti tal-kura jippersistu. L-Italja għamlet xi sforzi biex jiġi żgurat aċċess xieraq għall-kura tas-saħħa, inkluż billi jiġi rivedut u mwessa' l-benefiċċju statutorju minimu tal-pakkett ta' servizzi ta' kura.

(27)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Italja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Italja imma qieset ukoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(28)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (9) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(29)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta' hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.

Tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 0,1 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,6 % tal-PDG. Tuża qligħ mhux mistenni biex tħaffef it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali. Tnaqqas it-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-infiq u tirriforma l-valuri katastali mhux aġġornati. Jiżdiedu l-isforzi biex tiġi indirizzata l-ekonomija klandestina, inkluż billi jissaħħaħ l-użu obbligatorju ta' pagamenti elettroniċi permezz ta' limiti legali aktar baxxi għal ħlasijiet bi flus kontanti. Tnaqqas is-sehem ta' pensjonijiet tax-xjuħija fl-infiq pubbliku sabiex jinħoloq spazju għal infiq soċjali ieħor.

2.

Tnaqqas it-tul ta' proċessi ċivili fl-istanzi kollha billi ssaħħaħ u tissimplifika r-regoli proċedurali, inklużi dawk taħt konsiderazzjoni mil-leġislatur. Tikseb prevenzjoni aktar effettiva u t-trażżin tal-korruzzjoni billi jitnaqqas it-tul tal-proċeduri penali u timplimenta l-qafas ta' kontra l-korruzzjoni l-ġdid. Tiżgura l-infurzar tal-qafas il-ġdid għal impriżi pubbliċi u żżid l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi lokali. Tindirizza r-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni, inkluż fis-servizzi, anki permezz ta' liġi tal-kompetizzjoni annwali ġdida.

3.

Iżżomm il-pass tat-tnaqqis tal-istokk għoli ta' self improduttiv u tappoġġa aktar ristrutturar u konsolidazzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-banek, inkluż għal banek żgħar u ta' daqs medju, u minnufih timplimenta r-riforma tal-insolvenza. Ittejjeb l-aċċess għal finanzi għal kumpaniji bbażati fuq is-suq.

4.

Tħaffef l-implimentazzjoni tar-riforma tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol biex tiżgura aċċess ugwali għal għajnuna effettiva għat-tiftix għal xogħol u għat-taħriġ. Tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta' strateġija komprensiva, tirrazzjonalizza l-politiki għall-appoġġ tal-familji u żżid il-kopertura ta' faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal. Tistimula r-riċerka, l-innovazzjoni, il-ħiliet diġitali u l-infrastruttura permezz ta' investiment immirat aħjar u tiżdied il-parteċipazzjoni f'edukazzjoni terzjarja vokazzjonali.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta' miżuri ta' darba u temporanji, ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni b'metodoloġija miftiehma b'mod komuni.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(8)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(9)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top