Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0910(08)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2018 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta' Spanja

ST/9451/2018/INIT

OJ C 320, 10.9.2018, p. 33–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 320/33


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Lulju 2018

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta' Spanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta' Spanja

(2018/C 320/08)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta' Marzu 2018. Fl-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (3) (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)

Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Spanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn isfel.

(3)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għal Spanja ġie ppubblikat fis-7 ta' Marzu 2018. Ir-rapport ivvaluta l-progress ta' Spanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2017 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta' Spanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta' Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li Spanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, stokkijiet kbar ta' dejn estern u intern, kemm pubbliku kif ukoll privat, f'kuntest ta' livell għoli ta' qgħad, qed ikomplu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet b'rilevanza transfruntiera. Ir-riekwilibriju estern qed javvanza, bis-saħħa tas-surpluses fil-kont kurrenti rreġistrati mill-2013 'il quddiem, li huma sostnuti minn titjib strutturali fil-prestazzjoni kummerċjali. Madankollu, l-obbligazzjonijiet esterni netti għadhom għoljin. It-tnaqqis fid-dejn tas-settur privat qiegħed ukoll jagħmel progress, appoġġat minn kundizzjonijiet favorevoli tat-tkabbir, imma l-bżonnijiet ta' diżingranaġġ jippersistu. Settur finanzjarju iktar b'saħħtu qed jappoġġa l-attività ekonomika. Minkejja tkabbir b'saħħtu fil-PDG nominali, id-dejn tal-gvern bħala proporzjon mill-PDG qed jonqos bil-mod wisq. Ir-rata tal-qgħad kompliet it-tnaqqis rapidu tagħha, imma għadha għolja ħafna u l-grad għoli ta' segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jimpedixxi tkabbir fil-produttività iktar mgħaġġel. Wara l-momentum qawwi ta' riformi bejn l-2012 u l-2015, il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet sar aktar limitat. Is-sitwazzjoni ekonomika attwali tipprovdi tieqa ta' opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' riforma pendenti bil-għan li l-ekonomija Spanjola ssir iktar reżiljenti u jiżdied it-tkabbir tal-produttività.

(4)

Attwalment, Spanja tinsab fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha, Spanja tippjana li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2018, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/984 li tagħti avviż lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv (5). Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa ppjanat li jkompli jitjieb u jilħaq iż-0,1 % tas-surplus tal-PDG fl-2021. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 jinkorpora l-miżuri kollha inklużi fl-abbozz tal-liġi baġitarja ppreżentata lill-Parlament fit-3 ta' April 2018, kif ukoll miżuri addizzjonali mħabbra sa tmiem April tal-2018. L-objettiv baġitarju fit-terminu medju ta' pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f'termini strutturali mhuwiex ippjanat li jintlaħaq matul iż-żmien tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 jipprevedi li d-dejn pubbliku bħala proporzjon tal-PDG jonqos sa 97,0 % fl-2018, 95,2 % fl-2019, u 89,1 % fl-2021. Is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 huma plawsibbli. B'mod ġenerali, il-kisba ppjanata tal-miri tad-defiċit nominali tibqa' tiddependi fuq perspettiva ekonomika b'saħħitha u nfiq pubbliku li jikber b'inqas mill-PDG nominali. Ir-riskji għall-kisba tal-miri fiskali jirrelataw kemm ma' tkabbir ta' dħul aktar b'saħħtu, kif ukoll ma' żidiet fl-infiq iktar imrażżna minn dawk proġettati mal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, u mal-materjalizzazzjoni possibbli ta' obbligazzjonijiet kontinġenti oħrajn.

(5)

Fid-Deċiżjoni (UE) 2017/984, il-Kunsill talab lil Spanja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv sal-2018 u, b'mod partikolari, biex tnaqqas id-defiċit pubbliku għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, 3,1 % tal-PDG fl-2017 u 2,2 % tal-PDG fl-2018. Skont il-previżjoni aġġornata tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2016, it-titjib fil-bilanċ pubbliku tqies bħala konsistenti ma' deterjorament fil-bilanċ strutturali b'0,4 % tal-PDG fl-2016, u ma' titjib ta' 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Spanja laħqet id-defiċit nominali ta' 3,1 % tal-PDG fl-2017, kif meħtieġ fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/984. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, id-defiċit nominali se jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2018, 0,4 % tal-PDG 'il fuq mill-mira tad-defiċit nominali fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u dik stabbilita mill-Kunsill. Meta mqabbla mal-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni tistenna inqas tkabbir fid-dħul pubbliku u infiq kemxejn ogħla. Fil-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa previst li jiddeterjora b'0,3 % tal-PDG fl-2018, fil-kuntest tal-miżuri li jżidu d-defiċit inklużi fl-abbozz tal-liġi baġitarja għall-2018 li ġew ippreżentati fil-Parlament fit-3 ta' April 2018 u li jitjieb biss ftit fl-2019. Għalhekk, l-isforz fiskali fl-2018, kif ukoll matul il-perjodu 2016-2018, mhuwiex mistenni li jiġi ggarantit. Filwaqt li l-espansjoni ekonomika qed tappoġġa t-tnaqqis tad-defiċit, mhijiex qed tintuża biex issaħħaħ strutturalment il-finanzi pubbliċi. Għalhekk, fl-Opinjoni tagħha dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 ta' Spanja, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan huwa ġeneralment konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, billi skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, id-defiċit eċċessiv se jiġi kkoreġut b'mod f'waqtu, iżda huwa espansjonarju.

(6)

Għall-2019, jekk tikseb korrezzjoni f'waqtha u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, Spanja tkun soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u għar-regola tranżitorja tad-dejn. Bil-ħsieb li d-dejn pubbliku ta' Spanja bħala proporzjon tal-PDG ikun aktar minn 60 % u l-marġni pożittiva tal-potenzjal tal-produzzjoni proġettata hija ta' 2,3 % tal-PDG, l-infiq pubbliku primarju nett (6) jenħtieġ li jonqos b'tal-inqas 0,3 % fl-2019, f'konformità mal-aġġustament strutturali ta' 1,0 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi ta' aġġustament miftiehma b'mod komuni tar-rekwiżiti taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-istess ħin, hemm sinjali li l-kapaċità mhux użata qed tiġi sottovalutata. Fl-2019, Spanja hija mistennija tirreġistra waħda mill-ogħla rati ta' qgħad fl-Unjoni, li għandu jillimita l-pressjonijiet fuq il-pagi, speċjalment fis-settur privat, filwaqt li l-inflazzjoni hija mistennija tibqa' ferm taħt it-2 %. Dan jindika staġnar li jippersisti fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, anki jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-plawżibbiltà tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ma timmarkax id-differenzi fl-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fuq il-bażi ta' metodoloġija miftiehma b'mod komuni bħala implawżibbli, hija tindika firxa pjuttost wiesgħa ta' stimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni għal Spanja. Fuq din il-bażi, aġġustament strutturali annwali ta' 0,65 % tal-PDG, li jikkorrispondi għal rata ta' tkabbir massimu ta' nfiq pubbliku primarju nett ta' 0,6 %, jidher adegwat. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament fiskali meħtieġ fl-2019. Barra minn hekk, Spanja mhijiex prevista tikkonforma mar-rekwiżit tar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2019. B'mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li jeħtieġ li Spanja tkun lesta tieħu miżuri ulterjuri biex tiżgura l-konformità fl-2018 u li l-miżuri meħtieġa jenħtieġ li jittieħdu mill-2019 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta' gwadanni mhux previsti biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn pubbliku jkun prudenti.

(7)

Barra min hekk, fid-Deċiżjoni (UE) 2017/984, il-Kunsill talab ukoll lil Spanja tieħu miżuri biex ittejjeb il-qafas fiskali tagħha, bil-għan li żżid l-awtomatizzazzjoni tal-mekkaniżmi biex tipprevjeni u tikkoreġi d-devjazzjonijiet mill-miri fiskali u biex issaħħaħ il-kontribut tar-regoli tal-infiq tal-Liġi ta' Stabbiltà għall-konsolidazzjoni fiskali. Madankollu, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ma jirrapportax pjanijiet biex jirrinforza r-regoli tal-infiq domestiku. Lanqas ma jirrapporta miżuri biex iżid l-awtomatizzazzjoni tal-mekkaniżmi korrettivi u ta' prevenzjoni fil-liġi. Il-Kunsill talab ukoll lil Spanja tieħu miżuri biex ittejjeb il-qafas politiku ta' akkwist pubbliku tagħha. Spanja għamlet progress bl-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar il-kuntratti tas-settur pubbliku f'Novembru 2017. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ġdida tista' biss ittejjeb l-effiċjenza u t-trasparenza tal-akkwist pubbliku jekk tiġi implimentata malajr u b'mod ambizzjuż billi tistabbilixxi l-istruttura ta' governanza ġdida u ttejjeb il-mekkaniżmi ta' kontroll tal-proċeduri ta' akkwist fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni. B'mod partikolari, l-Istrateġija Nazzjonali ta' Akkwist Pubbliku jenħtieġ li tispeċifika l-kontrolli ex ante u ex post li għandhom jitwettqu mill-istrutturi l-ġodda. F'Ġunju 2017, il-Gvern ikkummissjona lill-awtorità fiskali indipendenti biex twettaq rieżami tal-infiq fuq sussidji magħżula tas-settur pubbliku. Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rieżami, li huwa mistenni jitlesta sal-bidu tal-2019.

(8)

Fis-27 ta' April 2018, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(9)

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta' Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma' governanza ekonomika tajba.

(10)

L-impjiegi komplew jiżdiedu b'ritmu sod fi Spanja, sostnuti bl-effetti tar-riformi fis-suq tax-xogħol li saru fil-passat u bil-moderazzjoni tal-pagi. Ir-rata ta' qgħad qed tkompli tonqos, iżda għadha 'l fuq sew mill-livelli ta' qabel il-kriżi fil-pajjiż u hija fost l-ogħla fl-Unjoni. Dan jinvolvi potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat ta' ħiliet, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ qiegħda. Il-proporzjon ta' persuni li ilhom mingħajr impjieg għal iktar minn sena qed jonqos, iżda għadu jirrappreżenta għal 44,5 % tal-persuni kollha qiegħda. Spanja adottat sett ta' inizjattivi politiċi biex testendi l-appoġġ individwali lil persuni qiegħda fit-tul u biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom, b'mod partikolari billi żżid l-għadd ta' benefiċjarji tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-effettività ta' dawn il-miżuri tiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-impjiegi pubbliċi reġjonali u s-servizzi soċjali li jipprovdu appoġġ personalizzat lil dawk li qed ifittxu x-xogħol, li qed titjieb, iżda bil-mod. Hemm ukoll lok għal aktar kooperazzjoni ma' min iħaddem, b'mod partikolari billi jiżdied il-perċentwal ta' postijiet battala ġestiti mis-servizzi għall-impjieg, u billi jitjieb it-tfassil tal-profili u t-tqabbil ta' dawk li qed ifittxu x-xogħol mal-ħtiġijiet ta' min iħaddem. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jinżammu l-isforzi biex jiġu kkoordinati l-impjiegi u s-servizzi soċjali, fejn sar progress mill-2017.

(11)

Il-proporzjon ta' impjegati b'kuntratti temporanji huwa fost l-ogħla fl-Unjoni, u jinkludi l-iktar ħaddiema żgħażagħ u ħaddiema bi ftit kwalifiki. Il-kuntratti temporanji huma spiss fit-terminu qasir u rari jservu bħala pass 'il quddiem lejn kuntratt permanenti. L-użu mifrux tagħhom, inkluż f'setturi li huma inqas suxxettibbli għal attività staġjonali jew ċiklika, jista' jimpedixxi iktar tkabbir fil-produttività u huwa spiss assoċjat ma' intitolamenti iktar baxxi għall-benefiċċji soċjali u riskji ikbar ta' faqar. Filwaqt li l-kuntratti indefiniti żdiedu bħala perċentwal tat-tkabbir tal-impjieg nett f'dawn l-aħħar sentejn, jeħtieġ azzjoni ulterjuri biex jingħataw inċentivi għal tranżizzjonijiet minn kuntratti temporanji għal dawk indefiniti. Is-sistema ta' inċentivi għar-reklutaġġ għadha frammentata u ma timmirax b'mod effettiv biex jiġu promossi l-impjiegi indefiniti. Spanja adottat pjan biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-impjiegi b'terminu fiss fis-settur pubbliku, iżda l-implimentazzjoni tiegħu għadha kif bdiet, u hemm bżonn li jingħata spinta sabiex tintlaħaq il-mira ta' 8 % stipulata għall-2019. Il-kapaċità u l-effikaċja ikbar tal-ispettorati tax-xogħol biex jiġġieldu kontra l-abbuż tal-kuntratti temporanji rriżultat f'għadd akbar minnhom li qed jiġu kkonvertiti f'kuntratti permanenti, iżda ma jidhirx li qed jiskoraġġixxi lil min iħaddem milli jkompli jużahom b'mod estensiv. Il-mejda tonda tripartitika stabbilita fil-bidu tal-2017 biex tiddiskuti l-kwalità tal-impjiegi għadha ma għamlitx proposti speċifiċi. L-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika żdied riċentement iżda għad hemm lok għal aktar titjib.

(12)

It-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi qed jgħinu biex jonqos il-proporzjon ta' persuni li jgħixu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, li minkejja kollox għadu iktar mill-medja tal-Unjoni, kif ukoll l-inugwaljanza fl-introjtu. Il-faqar fost dawk li jaħdmu huwa ta' tħassib, speċjalment fost unitajiet domestiċi b'membri impjegati b'kuntratti temporanji jew part-time. Ir-rata ta' faqar fost it-tfal, għalkemm qed tonqos, għadha għolja ħafna. L-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar huwa inqas mill-medja tal-Unjoni u qed jonqos. L-iskemi ta' garanzija tal-introjtu għadhom karatterizzati minn differenzi kbar fil-kondizzjonijiet tal-aċċess f'reġjuni differenti u mill-frammentazzjoni tal-ħafna skemi nazzjonali mmirati lejn gruppi differenti ta' persuni li qed ifittxu impjieg u ġestiti minn amministrazzjonijiet differenti. B'riżultat ta' dan, għadd ta' persuni fil-bżonn ma jirċevux appoġġ. Wara l-istudju reċenti li jivvaluta l-effettività tal-iskemi ta' garanzija ta' dħul nazzjonali u reġjonali, għadu ma ġie maqbul l-ebda pjan ta' azzjoni. It-tnedija ta' sistema ta' Karta Soċjali Universali għandha twassal biex il-benefiċċji soċjali mogħtija jsiru iktar trasparenti u tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-miżuri ta' attivazzjoni assoċjati, għalkemm mhijiex se tindirizza direttament id-dgħufiji tal-iskemi eżistenti. L-effettività tal-benefiċċji tal-familja hija wkoll baxxa u l-kopertura mhijiex konsistenti. Is-sistema tal-pensjonijiet Spanjola tilgħab rwol importanti fiż-żamma tal-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, li minħabba dan jiffaċċaw riskju iktar baxxa ta' faqar mill-ġenerazzjonijiet iżgħar. Meta mqabbla mal-pagi, il-pensjonijiet attwali huma fost l-ogħla fl-Unjoni. Il-projezzjonijiet fir-Rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ u r-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet (8) jindika li r-riformi tal-2011 u l-2013 għenu biex jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza relattiva tal-pensjonijiet fit-tul. Madankollu, iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-posponiment tal-fattur ta' sostenibbiltà propost matul il-proċess tal-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit tal-2018 joħolqu dubji dwar l-impenn ta' dawn ir-riformi. Fl-istess ħin, huma ma jindirizzawx l-isfida ewlenija għall-adegwatezza tal-introjtu tal-pensjonanti futuri, li hija pjuttost relatata mal-qgħad għoli u mas-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol.

(13)

L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-kapaċità tal-innovazzjoni tad-ditti Spanjoli jista' jtejjeb il-produttività tagħhom. Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir fil-produttività huma mxekkla minn livelli ta' investiment persistentement dgħajfa fir-riċerka u l-iżvilupp, li jagħmlu l-ilħiq tal-mira nazzjonali tal-intensità tar-riċerka u żvilupp tal-Ewropa 2020 ta' 2 % improbabbli ħafna. Din it-tendenza hija msaħħa permezz tar-rata ta' eżekuzzjoni baxxa u li qed tonqos tal-baġit pubbliku għar-riċerka u żvilupp. Filwaqt li l-governanza tal-politika nazzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni qed tiġi ssemplifikata, parzjalment permezz tal-Aġenzija Statali l-ġdida għar-Riċerka, il-koordinazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika għadha dgħajfa. L-iżvilupp ta' kultura ta' evalwazzjoni biex tivvaluta sistematikament l-effettività tal-programmi u tal-politiki ta' appoġġ se tippermetti t-tagħlim dwar il-politiki u toħloq sinerġiji fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni.

(14)

Il-kapaċità ta' innovazzjoni limitata tad-ditti Spanjoli hija spjegata wkoll mill-ispariġġ fil-ħiliet, li jaffettwa b'mod negattiv il-potenzjal fit-tul tat-tkabbir tal-produttività. Il-kwalifikazzjoni nieqsa u l-kwalifikazzjoni żejda fuq ix-xogħol huma mifruxa fi Spanja. Minkejja li tjiebu b'mod sostanzjali tul dan l-aħħar deċennju, ir-rati ta' tluq bikri mill-iskola huma ogħla sew mill-medja tal-Unjoni. Dawn, flimkien mar-riżultati edukattivi, ivarjaw bil-kbir minn reġjun għal ieħor u jistgħu jaffettwaw l-opportunitajiet indaqs. Programmi mmirati biex jindirizzaw dawn id-differenzi sa issa kellhom biss effetti limitati. Il-Patt Soċjali u Politiku Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni mmirat lejn riforma fil-fond tas-sistema edukattiva, għadu fil-fażi ta' negozjati. Sadanittant, l-iżvilupp professjonali tal-għalliema jrid jiġi sostnut billi jitnaqqsu l-kuntratti temporanji u permezz ta' iktar riżorsi għat-taħriġ tagħhom. Fl-istess ħin, il-gradwati universitarji b'mod partikolari jiffaċċaw diffikultajiet biex isibu impjiegi adegwati, stabbli fis-suq tax-xogħol. Iktar kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozju tista' ssaħħaħ l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-gradwati żgħażagħ, filwaqt li tipprovdi lid-ditti bil-ħiliet meħtieġa biex itejbu l-kapaċità ta' innovazzjoni tagħhom. F'dan il-kuntest, il-proposta għal strateġija diġitali nazzjonali ġdida tirrikonoxxi l-bżonn li jkun hemm titjib fil-ħiliet diġitali. L-isfidi huma marbuta mal-għadd baxx ta' speċjalisti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll biex jiġi promoss ir-rwol tas-sistema edukattiva fl-avvanz tal-ħiliet diġitali. It-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f'ħiliet diġitali jista' jippermetti wkoll lill-kumpaniji Spanjoli biex jibqgħu kompetittivi f'ekonomija dejjem aktar diġitalizzata.

(15)

Id-differenzi regolatorji fl-ambjent tan-negozju ukoll jilagħbu parti f'li jżommu t-tkabbir tal-produttività mrażżan. Fil-kuntest attwali, id-differenzi regolatorji u r-restrizzjonijiet fl-ambjent tan-negozju jikkontribwixxu biex iżommu l-“mark-ups” għoljin, inaqqsu l-mobilità ġeografika tal-kumpaniji u tal-ħaddiema u jrażżnu t-tkabbir tal-produttività. Il-Liġi dwar l-Unità tas-Suq, li kellha l-għan li tilqa' din l-isfida, ġiet implimentata biss b'mod parzjali. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dik il-Liġi fil-livell reġjonali u lokali jrid jitjieb u r-rwol tal-konferenzi settorjali jrid jissaħħaħ. Dik il-Liġi introduċiet il-prinċipju li l-konformità ma' ċerti rekwiżiti f'parti waħda mit-territorju tippermetti lin-negozji joperaw fit-territorju kollu. Fid-diversi sentenzi ppubblikati fl-2017, il-Qorti Kostituzzjonali sostniet li dan il-prinċipju mhuwiex validu fl-assenza ta' standards minimi komuni jew ekwivalenti għall-aċċess għal attività ekonomika jew għall-eżerċizzju tagħha. Fid-dawl ta' dawn is-sentenzi, it-twaqqif ta' standards komuni jew ekwivalenti konsistenti fit-territorju kollu jista' jgħin biex jiġu ssodisfati l-objettivi ta' dik il-Liġi. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta' amministrazzjoni jenħtieġ li titjieb fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni biex l-effetti negattivi tal-frammentazzjoni fuq in-negozji jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv. Il-ħidma tal-Kumitat għal Regolamentazzjoni Aħjar, li ġie stabbilit biex jiżgura li dik il-leġiżlazzjoni kienet allinjata mal-acquis tal-Unjoni dwar is-servizzi, jenħtieġ li tiġi aċċellerata. Ir-restrizzjonijiet li jaffettwaw ċerti professjonijiet regolati bħal periti u inġiniera ċivili kienu enfasizzati wkoll fil-Pakkett għas-Servizzi adottat f'Jannar 2017 u sa issa ma ttieħdet l-ebda miżura speċifika biex jiġu indirizzati.

(16)

B'mod aktar ġenerali, it-titjib fil-kwalità tal-istituzzjonijiet jista' jsaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija Spanjola u jamplifika l-gwadanji mill-miżuri li ġew adottati biex iżidu t-tkabbir tal-produttività. Sar progress fit-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti, u fid-dikjarazzjoni tal-assi u tal-kunflitti ta' interess. L-ambjent tan-negozju gawda wkoll minn progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għalkemm għad fadal xi tħassib f'dan il-qasam. Il-perċezzjonijiet tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tjiebu wkoll fost iċ-ċittadini u n-negozji. L-isforzi biex tkompli tittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja għadhom għaddejjin u jenħtieġ li jitkomplew. Għalkemm sar xi progress f'dan il-qasam wiesa', l-isfida sabiex titrawwem fiduċja fl-istituzzjonijiet fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni għadha hemm.

(17)

Aktar titjib fl-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-ilma se jrawwem koeżjoni territorjali, integrazzjoni aħjar fis-suq komuni u tkabbir tal-produttività. Il-konnessjonijiet transfruntiera tat-trasport u tal-enerġija, kif ukoll l-infrastruttura tal-ilma, jiffaċċaw diskrepanzi fl-investiment. Jista' jsir użu aħjar mill-infrastrutturi ferrovjarji tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Il-gejġijiet differenti li jikkoeżistu fi Spanja, fil-Portugall u fi Franza huma ostaklu kritiku għall-konnettività aħjar tal-ferroviji, għalkemm taqsimiet ġodda li jużaw il-gejġ standard prevalenti ġew kompluti riċentement. Wieħed isib ukoll nuqqasijiet fil-konnessjonijiet ferrovjarji tal-merkanzija bejn il-portijiet prinċipali mal-kosti tal-Atlantiku u tal-Mediterran u ż-żoni industrijali interni. Konnettività insuffiċjenti timpedixxi wkoll integrazzjoni aktar mill-qrib fis-swieq tal-elettriku u tal-gass tal-Unjoni. Hemm bżonn ta' iktar investiment fl-infrastruttura biex titjieb il-ġestjoni tal-ilma, pereżempju biex jiġi trattat l-ilma mormi, jitnaqqsu tnixxijiet fin-netwerks u tittejjeb il-provvista tal-ilma. Dan se jwassal għal benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali fi Spanja.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Spanja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja iżda wkoll sa fejn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(19)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu (9) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn nru (1) sa (3) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.

Tiżgura l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/984 billi tagħti avviż taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv, inkluż permezz ta' miżuri biex issaħħu l-oqfsa fiskali u tal-akkwist pubbliku fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni. Wara dan, tiżgura li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx 0,6 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 0,65 % tal-PDG. Tuża qligħ mhux mistenni biex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku.

2.

Tiżgura li s-servizzi għall-impjieg u soċjali jkollhom il-kapaċità jipprovdu appoġġ effettiv għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, inkluż permezz ta' kooperazzjoni aħjar ma' min iħaddem. Trawwem tranżizzjonijiet lejn kuntratti indefiniti. Ittejjeb l-appoġġ lill-familji u żżid l-effettività fi skemi ta' garanzija tal-introjtu, billi tindirizza diskrepanzi ta' kopertura, tissimplifika s-sistema ta' skemi nazzjonali u tnaqqas id-differenzi fil-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-sistemi reġjonali. Tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u d-disparitajiet reġjonali f'termini ta' riżultati edukattivi, b'mod partikolari billi tappoġġa aħjar lill-istudenti u lill-għalliema.

3.

Iżżid l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni u twettaq b'mod sistematiku evalwazzjonijiet ta' politiki ta' appoġġ f'dan il-qasam biex tiżgura l-effettività tagħhom. Iżżid il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozji bl-għan li jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet eżistenti. Ittejjeb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Unità tas-Suq billi tiżgura li, fil-livelli kollha ta' amministrazzjoni, ir-regoli li jmexxu l-aċċess u l-eżerċizzju għal attivitajiet ekonomiċi, b'mod partikolari għas-servizzi, ikunu konformi mal-prinċipji ta' din il-Liġi u billi ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1.

(4)  ĠU C 261, 9.8.2017, p. 1.

(5)  ĠU L 148, 10.6.2017, p. 38.

(6)  L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta' kapital gross fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Il-miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b'mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(8)  European Commission (2018), The 2018 Pension Adequacy Report: current and future income adequacy in old age in the EU, Volume I and Volume II Joint Report prepared by the Social Protection Committee (SPC) and the European Commission (DG EMPL), Publications Office of the European Union, Luxembourg, 2018.

(9)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top