EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0604(01)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

ST/9009/2018/INIT

OJ C 189, 4.6.2018, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 189/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Mejju 2018

dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 189/01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (1) jistipula li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġa b’suċċess transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Dan jistipula wkoll li “kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjiegi jew il-prospetti ta’ impjiegi indipendenti”, għal “taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ xogħol”, għal “edukazzjoni kontinwa” u għal “appoġġ għal tfittxija [ta’ xogħol]”. It-trawwim tal-iżvilupp tal-kompetenzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-viżjoni lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li permezz tagħha “nużaw il-potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala muturi tal-impjiegi, tal-ġustizzja soċjali, taċ-ċittadinanza attiva kif ukoll bħala mezz biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha” (2).

(2)

Il-persuni jenħtieġu l-ħiliet u l-kompetenzi korretti biex isostnu l-istandards attwali ta’ għajxien, jappoġġaw ir-rati għolja ta’ impjiegi u jrawmu l-koeżjoni soċjali fid-dawl tas-soċjetà u d-dinja tax-xogħol tal-futur. L-appoġġ tal-persuni fl-Ewropa kollha biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għas-sodisfazzjoni personali, is-saħħa, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali, jgħin biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa fi żmien ta’ bidla rapida u profonda.

(3)

Fl-2006, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw Rakkomandazzjoni dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja. F’dik ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri ntalbu jiżviluppaw il-provvista ta’ kompetenzi ewlenin għal kulħadd bħala parti mill-istrateġiji tagħhom tat-tagħlim tul il-ħajja, inklużi l-istrateġiji tagħhom biex jiksbu litteriżmu universali u jużaw il-‘Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja — Qafas ta’ Referenza Ewropew’ (3). Mill-adozzjoni tagħha, ir-Rakkomandazzjoni kienet dokument ewlieni ta’ referenza għall-iżvilupp tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim orjentati lejn il-kompetenzi.

(4)

Illum il-ġurnata, ir-rekwiżiti ta’ kompetenza nbidlu, fejn aktar impjiegi qed ikunu soġġetti għal awtomazzjoni, it-teknoloġiji qed ikollhom rwol akbar fl-oqsma kollha tax-xogħol u tal-ħajja, u l-kompetenzi intraprenditorjali, soċjali u ċiviċi qed isiru aktar rilevanti sabiex tiġi żgurata r-reżiljenza u l-kapaċità li jadattaw għall-bidla.

(5)

Fl-istess waqt, stħarriġ internazzjonali bħall-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) jew il-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC) jindikaw sehem dejjem għoli ta’ adoloxxenti u adulti b’ħiliet bażiċi insuffiċjenti. Fl-2015, wieħed minn kull ħames studenti kellu diffikultajiet kbar fl-iżvilupp ta’ ħiliet suffiċjenti fil-qari, fil-matematika jew fix-xjenza. (4) F’xi pajjiżi, sa terz tal-adulti huma profiċjenti biss fil-livelli l-aktar baxxi tal-litteriżmu u n-numeriżmu (5). 44 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni għandhom ħiliet diġitali baxxi ħafna jew ineżistenti (19 %) (6).

(6)

B’hekk, l-investiment fil-ħiliet bażiċi sar aktar rilevanti minn qatt qabel. L-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, inklużi l-attivitajiet extrakurrikulari u approċċ wiesa’ għall-iżvilupp tal-kompetenzi, itejbu l-livelli ta’ kisbiet fil-ħiliet bażiċi. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu esplorati modi ġodda ta’ tagħlim għal soċjetà li qed issir dejjem aktar mobbli u diġitali. (7) It-teknoloġiji diġitali għandhom impatt fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim bl-iżvilupp ta’ ambjenti ta’ tagħlim aktar flessibbli adattati għall-ħtiġijiet ta’ soċjetà mobbli ħafna (8).

(7)

Fl-ekonomija tal-għarfien, il-memorizzazzjoni tal-fatti u l-proċeduri hija l-qofol, iżda mhux biżżejjed għall-progress u s-suċċess. Ħiliet, bħas-soluzzjoni tal-problemi, il-ħsieb kritiku, il-kapaċità għall-kooperazzjoni, il-kreattività, il-ħsieb komputazzjonali, l-awtoregolamentazzjoni huma aktar essenzjali minn qatt qabel fis-soċjetà tagħna li qed tinbidel rapidament. Huma l-għodod biex it-tagħlim mislut jiffunzjona fil-ħin reali, għall-ġenerazzjoni ta’ ideat ġodda, teoriji ġodda, prodotti ġodda, u għarfien ġdid.

(8)

L-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (9) ħabbret ir-rieżami tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li tirrikonoxxi li l-investiment fil-ħiliet u l-kompetenzi u f’fehim kondiviż u aġġornat tal-kompetenzi ewlenin, huwa l-ewwel pass biex jitrawmu l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim mhux formali fl-Ewropa.

(9)

B’reazzjoni għall-bidliet fis-soċjetà u fl-ekonomija, li jirriflettu d-diskussjonijiet dwar il-futur tax-xogħol, u wara l-konsultazzjoni pubblika dwar ir-rieżami tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 dwar il-Kompetenzi Ewlenin, jeħtieġ li kemm ir-Rakkomandazzjoni kif ukoll il-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja jiġu eżaminati mill-ġdid u aġġornati.

(10)

Jenħtieġ li l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin, il-validazzjoni tagħhom u l-forniment ta’ edukazzjoni, taħriġ u tagħlim orjentati lejn il-kompetenzi, jiġu appoġġati bl-istabbiliment ta’ prattiki tajba għall-appoġġ aħjar tal-persunal edukattiv fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, u t-titjib tal-edukazzjoni tiegħu għall-aġġornament tal-metodi u l-għodod ta’ valutazzjoni u validazzjoni u għall-introduzzjoni ta’ forom ġodda u innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment (10). Għalhekk, abbażi tal-esperjenzi ta’ dawn l-aħħar għaxar snin, jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza l-isfidi fl-implimentazzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim orjentati lejn il-kompetenzi.

(11)

L-appoġġ għall-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba f’kuntesti differenti ser jippermetti li l-individwi jkollhom il-kompetenzi tagħhom rikonoxxuti u jiksbu kwalifiki sħaħ, jew fejn applikabbli, kwalifiki parzjali (11). Dan jista’ jibni fuq l-arranġamenti eżistenti għall-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali kif ukoll fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (12), li jipprovdi qafas ta’ referenza komuni biex jitqabblu l-livelli tal-kwalifiki, billi jindika l-kompetenzi meħtieġa biex dawn jinkisbu. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tista’ tgħin fl-istrutturar tal-proċessi ta’ tagħlim u fl-għoti ta’ gwida biex tgħin lill-persuni jtejbu l-kompetenzi tagħhom anke fir-rigward tar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol li jinbidlu (13).

(12)

Id-definizzjoni ta’ sett ta’ kompetenzi ewlenin meħtieġa għas-sodisfazzjoni personali, is-saħħa, l-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali ssawret mhux biss mill-iżviluppi soċjetali u ekonomiċi, iżda wkoll mid-diversi inizjattivi fl-Ewropa li saru matul dawn l-aħħar għaxar snin. Ingħatat attenzjoni speċjali għat-titjib tal-ħiliet bażiċi, l-investiment fit-tagħlim lingwistiku, it-titjib tal-kompetenzi diġitali u intraprenditorjali, ir-rilevanza tal-valuri komuni għall-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna, u l-motivazzjoni ta’ aktar żgħażagħ biex jibdew karriera relatata max-xjenza. Jenħtieġ li dawn l-iżviluppi jkunu riflessi fil-Qafas ta’ Referenza.

(13)

Mira 4.7 tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tenfasizza l-ħtieġa li “jiġi żgurat li l-istudenti kollha jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, inkluż, fost l-oħrajn, permezz tal-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli u stili ta’ ħajja sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi u nonvjolenza, ċittadinanza globali u apprezzament tad-diversità kulturali u tal-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp sostenibbli” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Programm ta’ Azzjoni Globali dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Unesco jafferma li l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli hija element integrali ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u mutur ewlieni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli kollha oħra. Dan l-għan huwa rifless fir-rieżami tal-Qafas ta’ Referenza.

(14)

Il-forniment tat-tagħlim tal-lingwi, li qed isir dejjem aktar importanti għas-soċjetajiet moderni, għall-fehim interkulturali u għall-kooperazzjoni, jibbenifika mill-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (QKERL). Dan il-Qafas jgħin biex jiġu identifikati l-elementi prinċipali ta’ kompetenza u jappoġġa l-proċess ta’ tagħlim. Dan jistabbilixxi wkoll il-pedament tad-definizzjoni tal-kompetenzi lingwistiċi, b’mod partikolari dwak li jirreferu għal-lingwi barranin u huwa rifless fl-aġġornament tal-Qafas ta’ Referenza.

(15)

L-iżvilupp tal-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali u l-Qafas għall-Kompetenza Intraprenditorjali jappoġġa l-iżvilupp tal-kompetenzi. Bl-istess mod, il-Qafas ta’ Referenza tal-Kompetenzi għal Kultura Demokratika tal-Kunsill tal-Ewropa jippreżenta sett komprensiv ta’ valuri, ħiliet u attitudnijiet għal parteċipazzjoni xierqa fis-soċjetajiet demokratiċi. Dawn kollha ġew debitament ikkunsidrati għall-aġġornament tal-Qafas ta’ Referenza.

(16)

Biex aktar żgħażagħ jkunu motivati jinvolvu ruħhom f’karrieri relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), l-inizjattivi madwar l-Ewropa bdew jorbtu l-edukazzjoni xjentifika aktar mill-qrib mal-arti u ma’ suġġetti oħra, bl-użu tal-pedagoġija induttiva (inquiry-based pedagogy) u jinvolvu firxa wiesgħa ta’ atturi tas-soċjetà u l-industriji. Għalkemm id-definizzjoni ta’ dawk il-kompetenzi ma nbidlitx ħafna matul is-snin, l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kompetenzi fi STEM qed isir dejjem aktar rilevanti u jenħtieġ li jiġi rifless f’din ir-Rakkomandazzjoni.

(17)

L-importanza u r-rilevanza tat-tagħlim mhux formali u informali huwa evidenti mill-esperjenzi miksuba permezz tal-kultura, il-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-volontarjat kif ukoll l-isport tal-massa. It-tagħlim mhux formali u informali għandu rwol importanti fis-sostenn għall-iżvilupp essenzjali ta’ ħiliet interpersonali, ħiliet konjittivi u komunikattivi, bħal dawn li ġejjin: il-ħsieb kritiku, il-ħiliet analitiċi, il-kreattività, is-soluzzjoni tal-problemi u r-reżiljenza li jiffaċilitaw it-transizzjoni taż-żgħażagħ lejn l-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol (15). L-istabbiliment ta’ kooperazzjoni aħjar bejn kuntesti differenti ta’ tagħlim jgħin fil-promozzjoni ta’ varjetà ta’ approċċi u kuntesti ta’ tagħlim (16).

(18)

L-indirizzar tal-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, jenħtieġ li l-appoġġ ikun żgurat fil-livelli kollha tal-perkorsi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim: biex jiġu żviluppati s-sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità (17), biex tissaħħaħ aktar l-edukazzjoni skolastika u jiġi żgurat it-tagħlim eċċellenti (18), biex jiġu pprovduti perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet (19) u biex jiġu żviluppati aktar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwi u tiġi mmodernizzata l-edukazzjoni għolja (20).

(19)

Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim, kemm formali kif ukoll mhux formali u informali f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. Jenħtieġ li tistabbilixxi fehim komuni tal-kompetenzi li jistgħu jappoġġaw it-transazzjonijiet u l-kooperazzjoni bejn dawn il-kuntesti differenti ta’ tagħlim. Din tistabbilixxi prattiki tajba li jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persunal edukattiv li jinkludi l-għalliema, il-ħarrieġa, l-edukaturi tal-għalliema, il-mexxejja tal-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjegati inkarigati mit-taħriġ tal-kollegi, ir-riċerkaturi u l-lekċerers universitarji, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, l-edukaturi tal-adulti kif ukoll l-impjegaturi u l-partijiet ikkonċernati fis-suq tax-xogħol. Din ir-Rakkomandazzjoni tindirizza wkoll l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tiggwida u tappoġġa lill-persuni biex itejbu l-kompetenzi tagħhom minn età żgħira u matul ħajjithom.

(20)

Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI

Jenħtieġ li l-Istati Membri:

1.

jappoġġaw id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużiv u jiżguraw opportunitajiet għal kulħadd biex jiġu żviluppati kompetenzi ewlenin billi jintużaw bis-sħiħ “il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja — Qafas ta’ Referenza Ewropew” kif stabbilit fl-Anness, u

1.1.

jappoġġaw u jsaħħu l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin minn età bikrija u matul il-ħajja, għall-individwi kollha, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali għat-tagħlim tul il-ħajja;

1.2.

jappoġġaw lil kull min qed jitgħallem, inkluż dawk li qed jiffaċċaw żvantaġġi, jew li jkollhom bżonnijiet speċjali, biex jisfruttaw il-potenzjal tagħhom;

2.

jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin b’attenzjoni speċjali għal dan li ġej:

2.1.

iż-żieda fil-livell tal-kisba ta’ ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali bażiċi) u l-appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ tagħlim dwar kif titgħallem kompetenza bħala bażi li dejjem qed titjieb għat-tagħlim u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja;

2.2.

iż-żieda fil-livell ta’ kompetenzi personali, soċjali u tal-kapaċità ta’ tagħlim dwar kif titgħallem biex titjieb il-kapaċità ta’ ġestjoni tal-ħajja b’mod konxju dwar is-saħħa u orjentat lejn il-futur;

2.3.

it-trawwim tal-kisba ta’ kompetenzi fix-xjenzi, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), b’kont meħud tar-rabta tagħhom mal-arti, il-kreattività u l-innovazzjoni u l-motivazzjoni ta’ aktar żgħażagħ, speċjalment il-bniet u t-tfajliet, biex jipparteċipaw fil-karrieri STEM;

2.4.

iż-żieda u t-titjib fil-livell ta’ kompetenzi diġitali fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fost il-gruppi kollha tal-popolazzjoni;

2.5.

it-trawwim tal-kompetenza intraprenditorjali, il-kreattività u s-sens ta’ inizjattiva, speċjalment fost iż-żgħażagħ, pereżempju permezz tal-promozzjoni ta’ opportunitajiet għall-istudenti żgħażagħ biex tal-anqas iwettqu tal-anqas esperjenza intraprenditorjali prattika waħda matul l-edukazzjoni skolastika tagħhom;

2.6.

iż-żieda fil-livell tal-kompetenzi lingwistiċi kemm fil-lingwi uffiċjali kif ukoll f’lingwi oħrajn u l-appoġġ lill-istudenti fit-tagħlim ta’ lingwi differenti rilevanti għas-sitwazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tagħhom u li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni u l-mobilità transfruntiera;

2.7.

it-trawwim tal-iżvilupp ta’ kompetenzi ta’ ċittadinanza bil-għan li tissaħħaħ s-sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni, kif espressi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.8.

iż-żieda fis-sensibilizzazzjoni tal-istudenti kollha u l-persunal edukattiv dwar l-importanza tal-kisba tal-kompetenzi ewlenin u r-relazzjoni tagħhom mas-soċjetà;

3.

jiffaċilitaw il-kisba tal-kompetenzi ewlenin bl-użu ta’ prattiki tajba biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin kif stabbilit fl-Anness, b’mod partikolari:

3.1.

bil-promozzjoni ta’ varjetà ta’ approċċi u ambjenti ta’ tagħlim, inkluż l-użu adegwat tat-teknoloġiji diġitali, fil-kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim;

3.2.

bl-għoti ta’ appoġġ lill-persunal edukattiv kif ukoll lil partijiet interessati oħra li jappoġġaw l-proċessi tat-tagħlim, inklużi l-familji, biex jissaħħu l-kompetenzi ewlenin tal-istudenti bħala parti mill-approċċ għat-tagħlim tul il-ħajja fil-kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim;

3.3.

bl-appoġġ u l-iżvilupp ulterjuri tal-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi ewlenin miksuba f’kuntesti differenti f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-Istati Membri;

3.4.

bit-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim fil-livelli kollha, u f’oqsma differenti, biex titjieb il-kontinwità tal-iżvilupp tal-kompetenzi tal-istudenti u l-iżvilupp ta’ approċċi ta’ tagħlim innovattivi;

3.5.

bit-tisħiħ tal-għodod, ir-riżorsi u l-gwida fl-edukazzjoni, it-taħriġ, l-impjiegi u ta’ kuntesti oħra ta’ tagħlim biex jappoġġaw lill-persuni fil-ġestjoni tal-perkorsi tagħhom tat-tagħlim tul il-ħajja;

4.

jintegraw l-ambizzjonijiet tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) tan-NU, b’mod partikolari fi ħdan l-SDG4.7 fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim, inkluż bit-trawwim tal-kisba tal-għarfien dwar il-limitar tan-natura multidimensjonali tat-tibdil fil-klima u l-użu tar-riżorsi naturali b’mod sostenibbli;

5.

jirrappurtaw permezz tal-oqfsa u l-għodod eżistenti tal-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Ewropea fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020) u kwalunkwe qafas suċċessiv dwar l-esperjenzi u l-progress fil-promozzjoni tal-kompetenzi ewlenin fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim mhux formali, u sa fejn ikun possibbli, it-tagħlim informali;

B’DAN JILQA’ L-FATT LI L-KUMMISSJONI B’KUNSIDERAZZJONI DEBITA TAL-KOMPETENZI TAL-ISTATI MEMBRI:

6.

tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni u l-użu tal-Qafas ta’ Referenza Ewropew billi tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tiżviluppa materjal u għodod bħal:

6.1.

fejn adatt, oqfsa għall-kompetenzi speċifiċi li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-kompetenzi (21);

6.2.

materjal ta’ gwida bbażat fuq l-evidenza dwar forom ġodda ta’ tagħlim u l-approċċi ta’ appoġġ;

6.3.

għodod ta’ appoġġ għall-persunal edukattiv, u partijiet ikkonċernati oħra, bħal korsijiet ta’ taħriġ onlajn, għodod ta’ awtovalutazzjoni (22), netwerks, li jinkludu l-eTwinning u l-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE);

6.4.

approċċi għall-valutazzjoni u l-appoġġ għall-validazzjoni tal-kompetenzi ewlenin miksuba b’segwitu għal ħidma preċedenti fil-kuntest tal-ET2020 (23) u kwalunkwe qafas suċċessiv ieħor;

7.

tappoġġa inizjattivi biex ikomplu jiżviluppaw u jippromwovu l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli fir-rigward tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 4 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-edukazzjoni ta’ kwalità li tkun inklużiva u ġusta u l-opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd;

8.

tirrapporta dwar esperjenzi u prattiki tajba għat-tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin tal-istudenti bħala parti mill-approċċ għat-tagħlim tul il-ħajja fil-kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim fl-Unjoni permezz tal-oqfsa u l-għodod eżistenti.

Din ir-Rakkomandazzjoni tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

K. VALCHEV


(1)  COM(2017)250

(2)  COM(2017)673

(3)  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.

(4)  OECD (2016), ir-riżultati tal-istħarriġ PISA 2015

(5)  Il-Kummissjoni Ewropea (2016), Education and Training Monitor 2016 (Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2016)

(6)  Digital Scoreboard 2017 (It-Tabella ta’ Valutazzjoni Diġitali tal-2017), tal-Kummissjoni Ewropea

(7)  Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġestjoni tal-Globalizzazzjoni, COM(2017) 240 final

(8)  Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar, COM(2012) 669 final

(9)  COM(2016) 381 final

(10)  Ir-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020) (ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25).

(11)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(12)  ĠU C 189, 15.6.2017, p. 15.

(13)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2008 dwar l-integrazzjoni aħjar tal-gwida tul il-ħajja fl-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 319, 13.12.2008, p. 4).

(14)  Ir-Riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti adottata mill-Assemblea Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2015 Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.

(15)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-ħidma fost iż-żgħażagħ għall-appoġġ liż-żgħażagħ fl-iżvilupp ta’ ħiliet essenzjali għall-ħajja li jiffaċilitaw it-transizzjoni b’suċċess tagħhom għall-ħajja adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol (ĠU C 189, 15.6.2017, p. 30).

(16)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-politika ta’ kooperazzjoni transettorjali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 3).

(17)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17).

(18)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-iskola u t-tagħlim eċċellenti (ĠU C 421, 8.12.2017, p. 2).

(19)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1).

(20)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja (ĠU C 429, 14.12.2017, p. 3).

(21)  Abbażi tal-esperjenzi miksuba u tal-għarfien espert żviluppat waqt il-ħolqien tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali u l-Qafas għall-Kompetenza Intraprenditorjali

(22)  Bħall-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali

(23)  Valutazzjoni ta’ Kompetenzi Ewlenin fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali: Gwida ta’ Politika, SWD (2012) 371


ANNESS

KOMPETENZI EWLENIN GĦAT-TAGĦLIM TUL IL-ĦAJJA

QAFAS EWROPEW TA’ REFERENZA

Sfond u miri

Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxi b’suċċess transizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.

Kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ impjieg jew il-prospetti ta’ impjieg indipendenti. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jirċievi appoġġ għal tfittxija, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ xogħol.

Dawn il-prinċipji huma definiti fil-“Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”.

F’dinja interkonnessa ħafna u li qed tinbidel malajr, kull persuna ser ikollha bżonn firxa wiesgħa ta’ ħiliet u kompetenzi u li tiżviluppahom kontinwament tul il-ħajja. Il-kompetenzi ewlenin kif definiti f’dan il-Qafas ta’ Referenza għandhom il-mira li jistabbilixxu s-sisien biex jinkisbu soċjetajiet aktar indaqs u aktar demokratiċi. Dawn jirreaġixxu għall-ħtieġa ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli, koeżjoni soċjali u aktar żvilupp tal-kultura demokratika.

Il-miri prinċipali tal-Qafas ta’ Referenza huma li:

(a)

jidentifika u jiddefinixxi l-kompetenzi ewlenin meħtieġa għall-impjegabbiltà, is-sodisfazzjoni personali u s-saħħa, iċ-ċittadinanza attiva u responsabbli u l-inklużjoni soċjali;

(b)

jipprovdi għodda Ewropea ta’ referenza għal min ifassal il-politika, l-edukaturi u l-ħarrieġa, il-persunal edukattiv, l-ispeċjalisti fil-qasam tal-gwida vokazzjonali, l-impjegaturi, is-servizzi pubbliċi tal-impieg u l-istudenti stess;

(c)

jappoġġa l-isforzi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, biex jitrawwem l-iżvilupp tal-kompetenzi f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Kompetenzi Ewlenin

Għall-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, il-kompetenzi huma ddefiniti bħala taħlita ta’ għarfien, ħiliet u attitudnijiet, fejn:

(d)

l-għarfien huwa magħmul minn fatti u ċifri, kunċetti, ideat u teoriji li huma diġà stabbiliti u li jappoġġaw il-fehim ta’ ċertu qasam jew suġġett;

(e)

il-ħiliet huma definiti bħala l-abbiltà u l-kapaċità li jitwettqu proċessi u l-użu ta’ għarfien eżistenti sabiex jinkisbu r-riżultati;

(f)

l-attitudnijiet jiddeskrivu d-dispożizzjonijiet jew il-mentalitajiet biex wieħed jaġixxi jew jirreaġixxi għal ideat, persuni jew sitwazzjonijiet.

Il-kompetenzi ewlenin huma dawk li l-individwi kollha jeħtieġu għas-sodisfazzjoni u l-iżvilupp personali, l-impjegabilità, l-inklużjoni soċjali, stil ta’ ħajja sostenibbli, ħajja ta’ suċċess f’soċjetajiet paċifiċi, ġestjoni ta’ ħajja konxja dwar is-saħħa u ċittadinanza attiva. Dawn jiġu żviluppati f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja, minn kmieni fit-tfulija tul il-ħajja adulta, u permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali fil-kuntesti kollha, inklużi l-familja, l-iskola, il-post tax-xogħol, il-viċinat u komunitajiet oħra.

Jitqies li kull kompetenza ewlenija għandha l-istess importanza; kull waħda minnhom tikkontribwixxi għal ħajja ta’ suċċess fis-soċjetà. Il-kompetenzi jistgħu jiġu applikati f’ħafna kuntesti differenti u f’varjetà ta’ kombinamenti. Dawn jikkoinċidu u jorbtu ma’ xulxin; aspetti essenzjali f’qasam wieħed ikunu ta’ appoġġ għall-kompetenzi f’qasam ieħor. Ħiliet bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, ix-xogħol f’tim, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u nnegozjar, il-ħiliet analitiċi, il-kreattività u l-ħiliet interkulturali huma inkorporati fil-kompetenzi ewlenin kollha.

Il-Qafas ta’ Referenza jiddefinixxi tmien kompetenzi ewlenin:

Il-kompetenza fil-litteriżmu;

Il-kompetenza multilingwi;

Il-kompetenza fil-matematika u l-kompetenza fix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija;

Il-kompetenza diġitali;

Il-kompetenza personali, soċjali u tat-tagħlim;

Il-kompetenza ta’ ċittadinanza;

Il-kompetenza intraprenditorjali;

Il-kompetenza fil-ħolqien ta’ kuxjenza u l-espressjoni kulturali.

1.   Il-kompetenza fil-litteriżmu

Il-litteriżmu huwa l-kapaċità li wieħed jidentifika, jifhem, jesprimi joħloq u jinterpreta kunċetti, sentimenti, fatti u opinjonijiet kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, bl-użu ta’ materjal viżiv, awdjo u diġitali fid-dixxiplini u fil-kuntesti. Dan jimplika l-kapaċità li wieħed jikkomunika u li jinteraġixxi b’mod effettiv mal-oħrajn, b’mod adatt u kreattiv.

L-iżvilupp tal-litteriżmu jifforma l-bażi għal aktar tagħlim u interazzjoni lingwistika. Skont il-kuntest, il-kompetenza fil-litteriżmu tista’ tiġi żviluppata fil-lingwa materna, fil-lingwa tat-tagħlim u/jew fil-lingwa uffiċjali f’pajjiż jew reġjun.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Din il-kompetenza tinvolvi l-għarfien tal-qari u l-kitba u fehim sod ta’ informazzjoni bil-miktub u b’hekk teħtieġ li individwu jkollu għarfien tal-vokabolarju, tal-grammatika funzjonali u l-funzjonijiet tal-lingwa. Jinkludi konoxxenza tat-tipi ewlenin tal-interazzjoni verbali, firxa ta’ testi letterarji u mhux letterarji, u l-karatteristiċi ewlenin tal-istili u r-reġistri differenti tal-lingwa.

L-individwi għandu jkollhom il-ħiliet sabiex jikkomunikaw kemm oralment kif ukoll bil-miktub f’varjetà ta’ sitwazzjonijiet u li jimmonitorjaw u jadattaw il-komunikazzjoni tagħhom skont kif titlob is-sitwazzjoni. Din il-kompetenza tinkludi wkoll l-abbiltajiet li wieħed jiddistingwi u juża sorsi differenti fit-tfittix, fil-ġbir u fl-ipproċessar tal-informazzjoni, li juża l-għajnuniet, u li jifformula u jesprimi l-argumenti orali u miktubin tiegħu b’mod konvinċenti u xieraq skont il-kuntest. Hija tinkludi l-ħsieb kritiku u l-kapaċità tal-valutazzjoni u tal-użu tal-informazzjoni.

Attitudni pożittiva lejn il-litteriżmu tinvolvi dispożizzjoni lejn djalogu kritiku u kostruttiv, apprezzament tal-kwalitajiet estetiċi u interess fl-interazzjoni mal-oħrajn. Dan jimplika konoxxenza tal-impatt tal-lingwa fuq l-oħrajn u l-ħtieġa li wieħed jifhem u juża l-lingwa b’mod pożittiv u soċjalment responsabbli.

2.   Il-kompetenza multilingwi (1)

Din il-kompetenza tiddefinixxi l-kapaċità li jintużaw lingwi differenti b’mod adatt u effettiv għall-komunikazzjoni. B’mod ġenerali, hija tikkondividi l-ħiliet prinċipali tal-litteriżmu: hija ibbażata fuq l-kapaċità ta’ komprensjoni, espressjoni u interpretazzjoni ta’ kunċetti, ħsibijiet, sentimenti, fatti, u opinjonijiet kemm oralment kif ukoll bil-kitba (smigħ, taħdit, qari u kitba), u f’firxa adatta ta’ kuntesti soċjali u kulturali skont ix-xewqat u l-ħtiġijiet individwali. Il-kompetenzi fil-lingwi jintegraw dimensjoni storika u kompetenzi interkulturali. Huma jibbażaw fuq il-kapaċità ta’ medjazzjoni bejn lingwi u mezzi differenti, kif deskritt fil-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi. Skont iċ-ċirkostanzi, jistgħu jinkludu ż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetenzi fil-lingwa materna, kif ukoll il-kisba tal-lingwa/i uffiċjali ta’ pajjiż (2).

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Din il-kompetenza teħtieġ għarfien ta’ vokabularju u grammatika funzjonali ta’ lingwi differenti u konoxxenza tat-tipi ewlenin tal-interazzjoni verbali u tar-reġistri tal-lingwi. L-għarfien tal-konvenzjonijiet soċjali, u l-aspetti kulturali u l-varjabbiltà tal-lingwi huwa importanti.

Il-ħiliet essenzjali għal din il-kompetenza jikkonsistu fil-kapaċità li persuna tifhem messaġġi orali, li tibda, żżomm u tikkonkludi konverżazzjoni u li taqra, tifhem u tipproduċi testi b’livelli differenti ta’ profiċjenza fil-lingwi differenti, skont il-ħtiġijiet tal-individwu. L-individwi għandhom ikunu kapaċi jużaw l-għodod sew, u jitgħallmu l-lingwi b’mod formali, mhux formali u informali matul ħajjithom.

Attitudni pożittiva tinvolvi l-apprezzament tad-diversità kulturali, u interess u kurżità dwar il-lingwi differenti u l-komunikazzjoni interkulturali. Tinvolvi wkoll rispett għall-profil lingwistiku individwali ta’ kull persuna, inkluż kemm ir-rispett lejn il-lingwa materna ta’ persuni li jagħmlu parti mill-minoranzi u/jew li għandhom sfond ta’ migrazzjoni kif ukoll l-apprezzament għal-lingwa/i uffiċjali ta’ pajjiż bħala qafas komuni għall-interazzjoni.

3.   Il-kompetenza fil-matematika u l-kompetenza fix-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija

A.

Il-kompetenza matematika hija l-kapaċità li persuna tiżviluppa u tapplika ħsieb u intuwitu matematiku sabiex issolvi firxa ta’ problemi f’sitwazzjonijiet ta’ kuljum. Filwaqt li tissejjes fuq padrunanza soda tan-numeriżmu, l-enfasi huwa fuq il-proċess u l-attività, kif ukoll fuq l-għarfien. Il-kompetenza matematika tinvolvi, fi gradi differenti, il-kapaċità u r-rieda li persuna tuża metodi matematiċi ta’ ħsieb […] u preżentazzjoni (formoli, mudelli, ideat, graffs, ċarts).

B.

Il-kompetenza fix-xjenza tirreferi għall-kapaċità u r-rieda li tispjega d-dinja naturali, bl-użu tal-għarfien u l-metodoloġiji kollha li jintużaw, inklużi l-osservazzjoni u l-esperimentazzjoni, sabiex tidentifika l-mistoqsijiet u tasal għal konklużjonijiet ibbażati fuq l-evidenza. Il-kompetenzi fit-teknoloġija u fl-inġinerija huma l-applikazzjoni ta’ dak l-għarfien u l-metodoloġija bħala reazzjoni għal dawk li jidhru bħala xewqat jew ħtiġijiet tal-bniedem. Il-kompetenza fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-inġinerija tinvolvi fehim tal-bidliet ikkawżati mill-attività umana u r-responsabbiltajiet bħala ċittadin individwali.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

A.

L-għarfien neċessarju fil-matematika jinkludi għarfien sod tan-numri, il-kejl u l-istrutturi, l-operazzjonijiet bażiċi u l-preżentazzjonijiet matematiċi bażiċi, fehim tat-termini u tal-kunċetti matematiċi, u konoxxenza tal-mistoqsijiet li għalihom il-matematika tista’ tipprovdi risposta.

Kull individwu għandu jkollu l-ħiliet li japplika l-prinċipji u l-proċessi bażiċi tal-matematika fil-kuntesti ta’ kuljum fuq ix-xogħol u d-dar (eż. ħiliet finanzjarji), u li jsegwi u jivvaluta l-argumenti. Individwu għandu jkun kapaċi li jirraġuna b’mod matematiku, jifhem evidenza matematika u jikkomunika bil-lingwa tal-matematika, u juża l-għajnuniet adatti inklużi data tal-istatistika u graffs u jifhem l-aspetti matematiċi tad-diġitalizzazzjoni.

Attitudni pożittiva fil-matematika hija bbażata fuq ir-rispett lejn il-verità u r-rieda li persuna tfittex ir-raġunijiet u tivvaluta l-validità tagħhom.

B.

Għax-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija, l-għarfien essenzjali jinkludi l-prinċipji bażiċi tad-dinja naturali, kunċetti xjentifiċi, teoriji, prinċipji u metodi fundamentali, teknoloġija u prodotti u proċessi teknoloġiċi, kif ukoll fehim tal-impatt tax-xjenza, tat-teknoloġija, tal-inġinerija, u tal-attività tal-bniedem b’mod ġenerali fuq id-dinja naturali. B’dawn il-kompetenzi l-individwi għandhom ikunu kapaċi jifhmu aħjar l-avvanzi, il-limitazzjonijiet u r-riskji tat-teoriji, tal-applikazzjonijiet u tat-teknoloġija xjentifiċi fis-soċjetà inġenerali (b’relazzjoni mat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-valuri, il-kwistjonijiet morali, il-kultura, eċċ).

Il-ħiliet jinkludu l-fehim tax-xjenza bħala proċess għall-investigazzjoni permezz ta’ metodoloġiji speċifiċi, inkluż osservazzjoni u esperimenti kontrollati, il-kapaċità li wieħed juża l-ħsieb loġiku u razzjonali għall-verifika ta’ ipoteżi u r-rieda li wieħed ikun lest li jabbanduna l-konvinzjonijiet proprji meta dawn jikkontradixxu sejbiet esperimentali ġodda. Hija tinkludi l-kapaċità li persuna tuża u jużaw għodod u magni teknoloġiċi kif ukoll tagħrif xjentifiku sabiex tilħaq għan jew tasal għal deċiżjoni jew konklużjoni bbażata fuq ix-xhieda. L-individwi għandhom ikunu kapaċi wkoll jagħrfu l-karatteristiċi essenzjali ta’ inkjesta xjentifika u jkollhom il-kapaċità li jikkomunikaw il-konklużjonijiet u r-raġunar li jkun wassal għalihom.

Il-kompetenza tinkludi attitudni ta’ apprezzament kritiku u kurżità, tħassib dwar kwistjonijiet etiċi u appoġġ kemm għas-sikurezza kif ukoll għas-sostenibbiltà ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-progress xjentifiku u teknoloġiku b’rabta mal-individwu stess, mal-familja, mas-soċjetà u ma’ kwistjonijiet globali.

4.   Il-kompetenza diġitali

Il-kompetenza diġitali tinvolvi l-użu kunfidenti, kritiku u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali u l-involviment tagħhom għat-tagħlim, fuq il-post tax-xogħol, u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Din tinkludi litteriżmu fl-informazzjoni u d-data, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni, il-litteriżmu fil-media, il-ħolqien ta’ kontenut diġitali (inkluż l-ipprogrammar), is-sikurezza (inklużi l-benesseri diġitali u l-kompetenzi relatati maċ-ċibersigurtà), kwistjonijiet relatati mal-propjetà intellettwali, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħsieb kritiku.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

L-individwi għandhom jifhmu kif it-teknoloġiji diġitali jistgħu jappoġġaw il-komunikazzjoni, il-kreattività u l-innovazzjoni, u jkunu konxji tal-opportunitajiet, il-limitazzjonijiet, l-effetti u r-riskji tagħhom. Għandhom jifhmu l-prinċipji ġenerali, il-mekkaniżmi u l-loġika li fuqhom jissejsu t-teknoloġiji diġitali li qed jevolvu u jkunu jafu l-funzjoni bażika u l-użu ta’ tagħmir, softwer, u netwerks differenti. L-individwi għandhom jieħdu approċċ kritiku lejn il-validità, l-affidabbiltà u l-impatt tal-informazzjoni u tad-data li jsiru disponibbli permezz ta’ mezzi diġitali u jkunu konxji tal-prinċipji legali u etiċi involuti fl-użu tat-teknoloġiji diġitali.

L-individwi għandhom ikunu kapaċi jużaw it-teknoloġiji diġitali biex jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali tagħhom, il-kollaborazzjoni mal-oħrajn, u l-kreattività tagħhom lejn l-għanijiet personali, soċjali jew kummerċjali. Il-ħiliet jinkludu l-kapaċità li persuna tuża, taċċessa, tiffiltra, tevalwa, toħloq, tipprogramma u tikkondividi kontenut diġitali. L-individwi għandhom ikunu kapaċi jimmaniġġaw u jipproteġu l-informazzjoni, il-kontenut, id-data u l-identitajiet diġitali, kif ukoll jirrikonoxxu s-softwer, it-tagħmir, l-intelliġenza artifiċjali jew ir-robots u jinteraġixxu magħhom b’mod effettiv.

L-interazzjoni ma’ teknoloġiji u kontenut diġitali tirrikjedi attitudni riflettiva u kritika, iżda xorta waħda kurjuża, miftuħa u b’interess lejn il-futur tal-iżvilupp tagħhom. Tirrikjedi wkoll approċċ etiku, sikur u responsabbli għall-użu ta’ dawn l-għodod.

5.   Il-kompetenza personali, soċjali u l-kapaċità ta’ tagħlim dwar kif titgħallem

Il-kompetenza personali, soċjali u l-kapaċità ta’ tagħlim dwar kif titgħallem huma l-kapaċità li wieħed jirrifletti fuqu nnifsu, iqassam ħinu u jiġġestixxi l-informazzjoni b’mod effettiv, jaħdem ma’ oħrajn b’mod kostruttiv, jibqa’ reżiljenti u jmexxi t-tagħlim u l-karriera tiegħu stess. Hija tinkludi l-kapaċità ta’ ġestjoni tal-inċertezza u l-kumplessità, ta’ tagħlim dwar kif titgħallem, ta’ appoġġ għall-benessri fiżiku u emozzjonali proprju, l-kapaċità li wieħed jieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħu, u li jkun jista’ jgħix ħajja orjentata lejn il-futur u b’mod konxju dwar is-saħħa, il-kapaċità ta’ empatija u ta’ ġestjoni tal-kunflitti f’kuntest inklużiv u ta’ appoġġ.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Sabiex ikun hemm relazzjonijiet interpersonali u parteċipazzjoni soċjali tajba, huwa essenzjali li wieħed jifhem il-kodiċi tal-kondotta u r-regoli tal-komunikazzjoni ġeneralment aċċettati f’soċjetajiet u ambjenti differenti. Il-kompetenza personali, soċjali u l-kapaċità ta’ tagħlim dwar kif titgħallem teħtieġ ukoll l-għarfien tal-komponenti ta’ moħħ, ġisem u stil ta’ ħajja li jkunu tajbin għas-saħħa. Tinvolvi li wieħed ikun jaf l-istrateġiji proprji tat-tagħlim ippreferuti, x’inhuma l-ħtiġijiet proprji tal-żvilupp tal-kompetenzi u d-diversi modi kif jiżviluppa l-kompetenzi u t-tfittxija għall-opportunitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u ta’ karriera u t-tfittxija ta’ gwida jew appoġġ disponibbli.

Il-ħiliet jinkludu l-kapaċità li wieħed jidentifika l-kapaċitajiet proprji, jikkonċentra, jittratta l-kumplessità, jirrifletti b’mod kritiku u jieħu d-deċiżjonijiet. Dan jinkludi l-kapaċità li wieħed jitgħallem u jaħdem kemm b’mod kollaborattiv u kemm b’mod awtonomu u li jorganizza u jippersevera fit-tagħlim proprju, jevalwa u jikkondividih, ifittex appoġġ meta jkun adatt u jimmaniġġa l-karriera u l-interazzjonijiet soċjali tiegħu stess b’mod effettiv. L-individwi għandhom ikunu reżiljenti u kapaċi jaffaċċjaw inċertezza u stress. Għandhom ikunu kapaċi jikkomunikaw b’mod kostruttiv f’ambjenti differenti, jikkollaboraw f’timijiet u jinnegozjaw. Fosthom juru tolleranza, jesprimu opinjonijiet differenti u jifhmuhom, kif ukoll il-kapaċità li jispiraw fiduċja u jempatizzaw.

Il-kompetenza hija bbażata fuq attitudni pożittiva lejn il-benessri personali, soċjali u fiżiku proprju u t-tagħlim tul il-ħajja. Tissejjes fuq attitudni ta’ kollaborazzjoni, assertività u integrità. Din tinkludi r-rispett għad-diversità tal-oħrajn u l-ħtiġijiet tagħhom u r-rieda kemm li jingħelbu l-preġudizzji u li jintlaħqu l-kompromessi. L-individwi għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw u jistabbilixxu għanijiet, jimmotivaw lilhom infushom, u jiżviluppaw ir-reżiljenza u l-fiduċja biex isegwu t-tagħlim matul ħajjithom u jirnexxu. Jekk wieħed ikollu attitudni favur it-tiftix tas-soluzzjonijiet, din tgħinu kemm fil-proċess tat-tagħlim u kemm fil-kapaċità li jiffaċċa l-ostakli u l-bidla. Tinkludi x-xewqa li t-tagħlim preċedenti, l-esperjenzi tal-ħajja u l-kurżità li l-individwu jfittex l-opportunitajiet, jiġu applikati biex wieħed jitgħallem u jiżviluppa f’diversi kuntesti tal-ħajja.

6.   Il-kompetenza ta’ ċittadinanza

Il-kompetenza ta’ ċittadinanza hija l-kapaċità li wieħed jaġixxi bħala ċittadin responsabbli u jipparteċipa b’mod sħiħ fil-ħajja soċjali u ċivika, abbażi tal-fehim tal-kunċetti u tal-istrutturi soċjali, ekonomiċi, legali u politiċi, kif ukoll tal-iżviluppi globali u tas-sostenibbiltà.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Il-kompetenza ta’ ċittadinanza hija bbażata fuq l-għarfien tal-kunċetti u l-fenomeni bażiċi relatati ma’ individwi, gruppi, organizzazzjonijiet tax-xogħol, mas-soċjetà, mal-ekonomija u mal-kultura. Tinvolvi l-fehim tal-valuri komuni Ewropej, kif espressi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Tinkludi l-għarfien ta’ avvenimenti kontemporanji, kif ukoll fehim kritiku tal-iżviluppi ewlenin fl-istorja nazzjonali, Ewropea u dinjija. Barra minn hekk, tinkludi konoxxenza tal-miri, tal-valuri u tal-linji politiċi ta’ movimenti soċjali u politiċi, kif ukoll tas-sistemi sostenibbli, b’mod partikolari tat-tibdil fil-klima u t-tibdil demografiku fil-livell globali u l-kawżi sottostanti tagħhom. L-għarfien tal-integrazzjoni Ewropea kif ukoll kuxjenza tad-diversità u tal-identitajiet kulturali fl-Ewropa u fid-dinja huwa essenzjali. Dan jinkludi l-fehim tad-dimensjonijiet multikulturali u soċjoekonomiċi tas-soċjetajiet Ewropej u kif l-identità kulturali nazzjonali tikkontribwixxi għall-identità Ewropea.

Il-ħiliet għall-kompetenza ta’ ċittadinanza jirrelataw mal-kapaċità li individwu jinteraġixxi b’mod effettiv mal-oħrajn f’interess komuni jew pubbliku, inkluż l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetà. Dan jinvolvi l-kapaċità ta’ ħsieb kritiku u ħiliet integrati għas-soluzzjoni tal-problemi, kif ukoll li wieħed jiżviluppa argumenti u li jipparteċipa b’mod kostruttiv fl-attivitajiet tal-komunità, kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha, minn lokali u nazzjonali sal-livell Ewropew u dak internazzjonali. Dan jinvolvi wkoll il-kapaċità li wieħed jaċċedi kemm għal forom tradizzjonali kif ukoll għal forom ġodda tal-media, ikollu fehim kritiku tagħhom, u jinteraġixxi magħhom u jifhem ir-rwol u l-funzjonijiet tal-media fis-soċjetajiet demokratiċi.

Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem li fuqu tissejjes id-demokrazija jistabbilixxi s-sisien għal attitudni responsabbli u kostruttiva. Il-parteċipazzjoni kostruttiva tinvolvi r-rieda li wieħed jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod demokratiku f’kull livell u attività ċivika. Tinkludi appoġġ għad-diversità soċjali u kulturali, għall-ugwaljanza bejn is-sessi u għall-koeżjoni soċjali, għall-istili ta’ ħajja sostenibbli, il-promozzjoni ta’ kultura ta’ paċi u nonvjolenza, u r-rieda li wieħed jirrispetta l-privatezza tal-oħrajn, u li jkun responsabbli għall-ambjent. Jenħtieġ l-interess fl-iżviluppi politiċi u soċjoekonomiċi, fl-umanistika u fil-komunikazzjoni interkulturali biex wieħed jitħejja kemm biex jegħleb il-preġudizzji kif ukoll biex jasal għal kompromess fejn meħtieġ u biex jiġu żgurati l-ġustizzja u l-imparzjalità soċjali.

7.   Il-kompetenza intraprenditorjali

Il-kompetenza intraprenditorjali tirreferi għall-kapaċità li wieħed jieħu azzjoni dwar l-opportunitajiet u l-ideat u jittrasformahom f’valuri għall-oħrajn. Tissejjes fuq il-kreattività, il-ħsieb kritiku u s-soluzzjoni tal-problemi, l-inizjattiva u l-perseveranza u l-kapaċità li wieħed jaħdem f’kollaborazzjoni biex jippjana u jimmaniġġa proġetti li huma ta’ valur kulturali, soċjali jew finanzjarju.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Il-kompetenza intraprenditorjali teħtieġ li wieħed ikun jaf li hemm kuntesti u opportunitajiet differenti biex isarraf l-ideat f’azzjoni f’attivitajiet personali, soċjali u professjonali, u li jifhem kif dawn jitfaċċaw. L-individwi għandhom ikunu jafu u jifhmu l-approċċi għall-ippjanar u għall-ġestjoni ta’ proġetti, li jinkludu kemm proċessi u kemm riżorsi. Għandu jkollhom fehim tal-ekonomija u tal-opportunitajiet soċjali u ekonomiċi u l-isfidi li jiffaċċjaw l-impjegaturi, l-organizzazzjonijiet jew is-soċjetà. Għandhom ikunu konxji wkoll tal-prinċipji etiċi u l-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli, u jkollhom għarfien tal-punti sodi u tad-dgħufijiet tagħhom stess.

Il-ħiliet intraprenditorjali huma msejsa fuq il-kreattività li tinkludi l-immaġinazzjoni, il-ħsieb strateġiku, is-soluzzjoni tal-problemi, u r-riflessjoni kritika u kostruttiva fil-proċessi kreattivi u fl-innovazzjoni. Dawn jinkludu l-kapaċità li wieħed jaħdem kemm bħala individwu kif ukoll f’kollaborazzjoni f’timijiet, li jimmobilizza r-riżorsi (nies u affarijiet) u li jsostni l-attività. Fosthom il-kapaċità li jieħu deċiżjonijiet finanzjarji marbuta mal-ispiża u mal-valur. Il-kapaċità li wieħed jikkomunika u jinnegozja b’mod effettiv mal-oħrajn, u li jaffronta l-inċertezza, l-ambigwità u r-riskju fit-teħid ta’ deċiżjonijiet informati hija essenzjali.

Attitudni intraprenditorjali hija karatterizzata minn sens ta’ inizjattiva u aġenzija, proattività, kuraġġ u perseveranza, u l-abbiltà li wieħed iħares ’il quddiem fit-twettiq tal-objettivi. Tinkludi xewqa li wieħed jimmotiva lill-oħrajn u jagħti valur lill-ideat tagħhom, jempatizza u jinteressah mill-persuni u mid-dinja, u jassumi r-responsabbiltà b’approċċi etiċi matul il-proċess kollu.

8.   Il-kompetenza fil-ħolqien ta’ kuxjenza u l-espressjoni kulturali

Il-kompetenza fil-ħolqien ta’ kuxjenza u l-espressjoni kulturali tinvolvi l-fehim u r-rispett lejn kif l-ideat u t-tifsiriet jiġu espressi u kkomunikati b’mod kreattiv f’kulturi differenti u permezz ta’ firxa ta’ arti u ta’ forom kulturali oħra. Tinvolvi l-impenn ta’ dak li jkun fil-fehim, fl-iżvilupp u fl-espressjoni tal-ideat tiegħu stess u s-sens tal-post u tar-rwol fis-soċjetà f’modi u kuntesti differenti.

Tagħrif, ħiliet u attitudnijiet essenzjali relatati ma’ din il-kompetenza

Din il-kompetenza teħtieġ l-għarfien ta’ kulturi u espressjonijiet lokali, nazzjonali, reġjonali, Ewropej u globali fosthom il-lingwi, il-wirt u t-tradizzjonijiet, u l-prodotti kulturali tagħhom, u l-fehim ta’ kif dawn l-espressjonijiet jistgħu jinfluwenzaw lil xulxin kif ukoll lill-ideat tal-individwu. Tinkludi li wieħed jifhem il-modi differenti li bihom l-ideat jiġu kkomunikati bejn l-awtur, il-parteċipant u l-udjenza f’testi miktuba, stampati u diġitali, it-teatru, il-films, iż-żfin, il-logħob, il-mużika, l-arti u d-disinn, ir-ritwali, u l-arkitettura, kif ukoll forom ibridi. Teħtieġ li wieħed jifhem l-identità li qed jiżviluppa hu stess u l-wirt kulturali f’dinja ta’ diversità kulturali u kif l-arti u forom kulturali oħra jistgħu jkunu mezz kemm biex iħares lejn id-dinja u kemm biex isawwarha.

Il-ħiliet jinkludu l-kapaċità li persuna tkun tista’ tesprimi u tinterpreta ideat figurattivi u astratti, esperjenzi u emozzjonijiet b’empatija, u l-kapaċità li tagħmel hekk f’firxa ta’ forom tal-arti u ta’ forom kulturali oħra. Il-ħiliet jinkludu wkoll l-kapaċità li wieħed jidentifika u jwettaq opportunitajiet personali, soċjali jew ta’ valur kummerċjali permezz tal-arti u ta’ forom kulturali oħra u l-kapaċità li jinvolvi ruħu fi proċessi kreattivi, kemm bħala individwu kif ukoll b’mod kollettiv.

Huwa importanti li persuna jkollha attitudni miftuħa lejn id-diversità tal-espressjoni kulturali u rispett lejha, flimkien ma’ approċċ etiku u responsabbli lejn il-proprjetà intellettwali u kulturali. Attitudni pożittiva tinkludi wkoll li wieħed ikollu kurżità dwar id-dinja, li jkun lest jimmaġina possibbiltajiet ġodda, u lest jipparteċipa f’esperjenzi kulturali.

Appoġġ għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin

Il-kompetenzi ewlenin huma taħlita dinamika tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-attitudnijiet li student jeħtieġ li jiżviluppa tul il-ħajja, li jibdew minn età żgħira ’l quddiem. Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja li jkunu ta’ kwalità għolja u inklużivi jipprovdu opportunitajiet biex kulħadd jiżviluppa l-kompetenzi ewlenin, għalhekk l-approċċi orjentati lejn il-kompetenzi jistgħu jintużaw f’kull kuntest ta’ edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja.

Ġew identifikati tliet sfidi b’appoġġ għal approċċ orjentat lejn il-kompetenzi fil-kuntest tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim tul il-ħajja: l-użu ta’ varjetà ta’ approċċi tat-tagħlim u kuntesti; appoġġ għall-għalliema u għal persunal edukattiv ieħor; u l-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi. Biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, ġew identifikati ċerti eżempji ta’ prattiki tajba.

(a)   Varjetà ta’ approċċi u ambjenti tat-tagħlim

(a)

It-tagħlim interdixxiplinari, is-sħubijiet bejn livelli edukattivi differenti, l-atturi fit-taħriġ u fit-tagħlim, inkluż mis-suq tax-xogħol, kif ukoll kunċetti bħall-approċċi għall-iskola kollha bl-enfasi tiegħu fuq it-tagħlim kollaborattivi u l-parteċipazzjoni attiva u t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istudenti jista’ jsaħħaħ it-tagħlim. It-tagħlim interdixxiplinari jippermetti wkoll it-tisħiħ tal-konnettività bejn is-suġġetti differenti fil-kurrikulu, kif ukoll l-istabbiliment ta’ rabta soda bejn dak li qed jiġi mgħallem u t-tibdil soċjali u r-rilevanza għas-soċjetà. Il-kooperazzjoni transettorjali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u l-atturi esterni min-negozju, l-arti, l-isport u l-komunità taż-żgħażagħ, l-istituti tal-edukazzjoni għolja jew tar-riċerka tista’ tkun kruċjali għall-iżvilupp tal-kompetenza effettiva.

(b)

Il-kisba tal-ħiliet bażiċi kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenza usa’ jistgħu jitrawmu billi jiġi kkomplementat sistematikament it-tagħlim akkademiku permezz tat-tagħlim soċjali u emozzjonali, l-arti, l-attivitajiet fiżiċi li jtejbu s-saħħa u li jappoġġaw stili ta’ ħajja konxji dwar is-saħħa, orjentati lejn il-futur u fiżikament attivi. It-tisħiħ tal-kompetenzi personali, soċjali u tat-tagħlim minn età żgħira jista’ jipprovdi s-sisien għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi.

(c)

Metodoloġiji tat-tagħlim, bħal dak imsejjes fuq l-inkwiżittività, fuq il-proġetti, it-tagħlim imħallat, it-tagħlim ibbażat fuq l-arti u fuq il-logħob, jistgħu jkattru l-motivazzjoni u l-impenn. Bl-istess mod, it-tagħlim sperimentali, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u metodi xjentifiċi fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) jistgħu jrawmu l-iżvilupp ta’ firxa ta’ kompetenzi.

(d)

L-istudenti, il-persunal edukattiv u dawk li jipprovdu t-tagħlim jistgħu jiġu mħeġġa biex jużaw it-teknoloġiji diġitali biex itejbu t-tagħlim u biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali. Ngħidu aħna, billi jipparteċipaw f’inizjattivi tal-Unjoni bħal “Il-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar”. L-użu ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni, bħall-għodda SELFIE, jista’ jtejjeb il-kapaċità diġitali ta’ dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim.

(e)

L-opportunitajiet speċifiċi għall-esperjenzi intraprenditorjali, l-apprendistati fil-kumpaniji jew l-imprendituri li jżuru l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ inklużi l-esperjenzi intraprenditorjali prattiċi, bħall-isfidi ta’ kreattività, start-ups, l-inizjattivi komunitarji mmexxija mill-istudenti, is-simulazzjonijiet ta’ negozju jew t-tagħlim intraprenditorjali bbażat fuq il-proġetti, jistgħu jkunu partikolarment ta’ benefiċċju għaż-żgħażagħ, iżda wkoll għall-adulti u għall-għalliema. Iż-żgħażagħ jistgħu jingħataw l-opportunità li jkollhom tal-inqas esperjenza intraprenditorjali waħda matul l-edukazzjoni skolastika tagħhom. Sħubijiet u pjattaformi bejn l-iskejjel, il-komunità u n-negozji fil-livell lokali, b’mod partikolari f’żoni rurali, jistgħu jkunu atturi ewlenin fit-tixrid tal-edukazzjoni intraprenditorjali. Taħriġ u appoġġ xieraq għall-għalliema u għall-kapijiet tal-iskejjel jaf ikun kruċjali biex jinħolqu progress u tmexxija sostnuti.

(f)

Il-kompetenza multilingwi tista’ tiġi żviluppata b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ kuntesti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim barra mill-pajjiż, bil-mobbiltà tal-persunal edukattiv u tal-istudenti, u bl-użu tal-eTwinning, tal-EPALE u/jew portali online simili.

(g)

L-istudenti kollha, inklużi dawk li qed jiffaċċaw żvantaġġi, jew dawk bi bżonnijiet speċjali, jistgħu jingħataw appoġġ adegwat f’kuntesti inklużivi biex jilħqu l-potenzjal edukattiv tagħhom. Tali appoġġ jista’ jikkonsisti f’appoġġ lingwistiku, akkademiku jew soċjo-emozzjonali, tagħlim bejn il-pari, attivitajiet extrakurrikulari, gwida dwar il-karriera jew appoġġ materjali.

(h)

Il-kollaborazzjoni bejn il-kuntesti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim fil-livelli kollha tista’ tkun kruċjali biex titjieb il-kontinwità tal-iżvilupp tal-kompetenzi tal-istudenti u għall-iżvilupp ta’ approċċi ta’ tagħlim innovattivi.

(i)

Il-kooperazzjoni bejn is-sħab fl-edukazzjoni, it-taħriġ u s-sħab li mhumiex fil-qasam edukattiv fil-komunitajiet lokali, u mal-impjegaturi, flimkien ma’ tagħlim formali, mhux formali u informali tista’ tappoġġa l-iżvilupp tal-kompetenzi u tista’ tħaffef it-transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol kif ukoll mix-xogħol għall-edukazzjoni.

(b)   Appoġġ għal persunal edukattiv

(a)

L-integrazzjoni tal-approċċi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tat-tagħlim orjentati lejn il-kompetenzi fl-edukazzjoni tal-bidu u fl-iżvilupp professjonali kontinwu tista’ tgħin lill-persunal edukattiv fit-tibdil tat-tagħlim fl-ambjenti tagħhom u biex ikunu kompetenti fl-implimentazzjoni tal-approċċ.

(b)

Il-persunal edukattiv jista’ jingħata appoġġ biex jiżviluppa approċċi orjentati lejn il-kompetenzi fil-kuntesti speċifiċi tagħhom permezz ta’ skambji tal-persunal u tagħlim bejn il-pari u l-konsultazzjoni bejn il-pari li jippermettu flessibilità u awtonomija fl-organizzazzjoni tat-tagħlim, permezz ta’ netwerks, kollaborazzjoni u komunitajiet ta’ prattika.

(c)

Il-persunal edukattiv jista’ jingħata għajnuna fil-ħolqien ta’ prattiki innovattivi, fil-parteċipazzjoni fir-riċerka u fl-użu adatt ta’ teknoloġiji ġodda, inklużi dawk diġitali, għal approċċi orjentati lejn il-kompetenzi fit-tagħlim.

(d)

Il-persunal edukattiv jista’ jingħata gwida, aċċess għal ċentri ta’ esperti, filwaqt li l-għodod u l-materjali adatt jistgħu jtejbu l-kwalità tal-metodi u l-prattika tat-tagħlim.

(c)   Valutazzjoni u validazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi

(a)

Id-deskrizzjonijiet tal-kompetenzi ewlenin jistgħu jissarrfu f’oqfsa ta’ eżiti tat-tagħlim li jistgħu jiġu megħjuna b’għodod xierqa għall-valutazzjoni dijanjostika, formattiva, u sommattiva u għall-validazzjoni f’livelli adatti (3).

(b)

B’mod partikolari, it-teknoloġiji diġitali jistgħu jikkontribwixxu biex jaħfnu d-diversi dimensjonijiet tal-avvanzi tal-istudenti, inkluż it-tagħlim intraprenditorjali.

(c)

Jistgħu jiġu żviluppati approċċi differenti għall-valutazzjoni tal-kompetenzi ewlenin f’xenarji ta’ tagħlim mhux formali u informali, fosthom attivitajiet relatati tal-impjegaturi, il-professjonisti tal-orjentament u s-sħab soċjali. Dawn għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd, u speċjalment għal individwi b’livell baxx ta’ ħiliet biex jappoġġawhom fil-progressjoni lejn tagħlim ulterjuri.

(d)

Il-validazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim miksubin permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali tista’ tespandi u tissoda aktar, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali, fosthom proċessi ta’ validazzjoni differenti. Ukoll l-użu ta’ għodod bħall-Europass u l-Youthpass, li jservu bħala għodod għad-dokumentazzjoni u l-awtovalutazzjoni, jista’ jappoġġa l-proċess ta’ validazzjoni.


(1)  Waqt li l-Kunsill tal-Ewropa juża t-terminu ‘plurilingwiżmu’ biex jirreferi għal kompetenzi ta’ individwi f’għadd ta’ lingwi, id-dokumenti uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jużaw ‘multilingwiżmu’ biex jiddeskrivu kemm l-kompetenzi individwali kif ukoll is-sitwazzjonijiet fis-soċjetà. Dan hu parzjalment minħabba d-diffikultajiet biex issir distinzjoni bejn plurilingwi u multilingwi f’lingwi oħra minbarra l-Ingliż u l-Franċiż.

(2)  Il-kisba ta’ lingwi klassiċi bħall-Grieg Antik u l-Latin hija wkoll inkluża. Il-lingwi klassiċi huma s-sors ta’ bosta lingwi moderni u għalhekk jistgħu jiffaċilitaw l-apprendiment tal-lingwi inġenerali.

(3)  Ngħidu aħna l-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, il-Qafas ta’ Kompetenza Diġitali, il-Qafas għall-Kompetenza Intraprenditorjali kif ukoll id-deskrizzjonijiet tal-kompetenza PISA jipprovdu materjal ta’ appoġġ għall-valutazzjoni tal-kompetenzi.


Top