EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0334

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/334 tal-1 ta' Marzu 2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online

C/2018/1177

OJ L 63, 6.3.2018, p. 50–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2018/334/oj

6.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 63/50


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/334

tal-1 ta' Marzu 2018

dwar miżuri biex jiġi indirizzat b'mod effettiv il-kontenut illegali online

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-fornituri tas-servizz tal-internet attivi fuq l-Internet jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni. Ħafna minn dawk li jipprovdu s-servizz għandhom rwol essenzjali fl-ekonomija diġitali billi jikkollegaw in-negozji u ċ-ċittadini u billi jiffaċilitaw id-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u r-riċeviment ta' informazzjoni fattwali, opinjonijiet u ideat. Madankollu, is-servizzi tagħhom huma f'ċerti każijiet abbużati minn terzi persuni li jwettqu attivitajiet illegali online, pereżempju billi jxerrdu ċerta informazzjoni dwar it-terroriżmu, l-abbuż sesswali tat-tfal, diskors ta' mibegħda illegali jew ksur ta' liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, li jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-utenti tagħhom u jagħmlu ħsara lill-mudelli tan-negozju tagħhom. F'ċerti każijiet, il-fornituri tas-servizz konċernati jistgħu saħansitra jieħdu xi vantaġġi minn tali attivitajiet, pereżempju bil-konsegwenza tad-disponibbiltà ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-dritt.

(2)

Il-preżenza ta' kontenut illegali online għandha konsegwenzi negattivi serji għall-utenti, għal ċittadini u l-kumpaniji affettwati l-oħra u fuq is-soċjetà b'mod ġenerali. Fid-dawl tar-rwol ċentrali tagħhom u l-mezzi teknoloġiċi u l-kapaċitajiet assoċjati mas-servizzi li jipprovdu, il-fornituri tas-servizzi online għandhom responsabbiltajiet soċjali partikolari biex jgħinu biex jiġi indirizzat kontenut illegali mxerred permezz tal-użu tas-servizzi tagħhom.

(3)

Billi bit-tneħħija ta' malajr jew tal-ibblokkar tal-aċċess għal kontenut illegali huwa spiss essenzjali sabiex jiġi limitat it-tixrid aktar wiesa' u d-dannu, dawn ir-responsabiltajiet jimplikaw, fost affarijiet oħra, li l-fornituri ta' servizzi kkonċernati jinħtieġ li jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet malajr dwar azzjonijiet possibbli fir-rigward tal-kontenut illegali online. Dawn ir-responsabbiltajiet jimplikaw ukoll li huma jinħtieġ li jdaħħlu fis-seħħ salvagwardji adegwati u effettivi, b'mod partikolari bil-għan li jiżguraw li huma jaġixxu b'mod diliġenti u b'mod proporzjonat u biex tkun evitata t-tneħħija mhux intenzjonata ta' kontenut li mhuwiex illegali.

(4)

Ħafna fornituri tas-servizz online rrikonoxxew u ħadu azzjoni fuq dawk ir-responsabbiltajiet. Fuq livell kollettiv, sar progress importanti permezz ta' arranġamenti volontarji ta' diversi tipi, inkluż il-Forum tal-Internet tal-UE dwar il-kontenut terroristiku fuq l-internet, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda illegali online u l-Memorandum ta' Qbil dwar il-Bejgħ ta' Oġġetti Ffalsifikati. Madankollu, minkejja dan l-impenn u l-progress, il-kontenut illegali online għadu problema serja fl-Unjoni.

(5)

Imħasseb minn sensiela ta' attakki terroristiċi fl-UE u l-proliferazzjoni ta' propaganda terroristika online, il-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta' Ġunju 2017 stqarr li “jistenna li l-industrija… tiżviluppa teknoloġija ġdida u l-għodod li jtejbu d-detezzjoni awtomatika u t-tneħħija tal-kontenut li jinċita l-atti terroristiċi. …” Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017, ħeġġeġ dawk il-pjattaformi online “biex issaħħu l-miżuri li jittrattaw il-kontenut illegali u ta' ħsara”. Is-sejħa lill-kumpaniji biex jieħdu approċċ aktar proattiv fil-protezzjoni tal-utenti tagħhom minn kontenut terroristiku ġiet imtennija mill-Ministri tal-Istati Membri fil-Forum tal-UE dwar l-Internet. Fir-rigward tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fil-Konklużjonijiet tagħha tal-4 ta' Diċembru 2014 dwar l-infurzar ta' dawn id-drittijiet, il-Kunsill appella lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-użu ta' għodod disponibbli biex jidentifikaw min iwettaq il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-rwol ta' intermedjarji biex jassistu fil-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

(6)

Fit-28 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni bi gwida dwar ir-responsabbiltajiet fir-rigward ta' fornituri ta' servizzi online rigward kontenut illegali online (1). F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni spjegat li hija kienet tevalwa jekk kinux meħtieġa miżuri addizzjonali, fost l-oħrajn permezz tal-monitoraġġ tal-progress fuq il-bażi ta' arranġamenti volontarji. Din ir-rakkomandazzjoni ssegwi fuq din il-Komunikazzjoni, tirrifletti l-livell ta' ambizzjoni stabbilit hemmhekk, u tagħtiha effett, filwaqt li tqis u tibni fuq il-progress importanti li sar permezz ta' dawk l-arranġamenti volontarji.

(7)

Din ir-Rakkomandazzjoni tagħraf li jinħtieġ li jittieħed kont dovut għall-partikolaritajiet tal-indirizzar ta' tipi differenti ta' kontenut illegali online u reazzjonijiet speċifiċi li jistgħu jkunu meħtieġa, inkluż permezz ta' miżuri leġislattivi apposta. Pereżempju, b'rikonoxximent tal-ħtieġa għal tali miżuri leġiżlattivi speċifiċi, fit-25 ta' Mejju 2016 il-Kummissjoni adottat proposta għall-emenda tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (2). Fl-14 ta' Settembru 2016, hija adottat ukoll proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali (3), li jipprevedi obbligu għal ċerti fornituri tas-servizzi li jieħdu, b'kooperazzjoni mad-detenturi tad-drittijiet, miżuri biex jiżguraw il-funzjonament ta' ftehimiet mad-detenturi tad-drittijiet għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' materji oħra jew biex jipprevjenu d-disponibbiltà fuq is-servizzi tagħhom ta' xogħlijiet jew materji oħra identifikati mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta' kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizz. Din ir-Rakkomandazzjoni tħalli dawn il-miżuri leġiżlattivi u proposti mhux affettwati.

(8)

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fiha l-eżenzjonijiet ta' responsabbiltà li huma, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, disponibbli għal ċerti fornituri tas-servizzi online, inklużi l-fornituri ta' servizzi ta' “hosting” fis-sens tal-Artikolu 14 tagħha. Sabiex wieħed ikun jista' jibbenefika minn din l-eżenzjoni tar-responsabbiltà, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jaġixxu b'ħeffa biex ineħħu jew iwaqqfu l-aċċess għal informazzjoni illegali li jaħżnu malli jiksbu tagħrif attwali u, fir-rigward tat-talbiet għad-danni, għarfien ta' fatti jew ċirkustanzi li minnhom l-attività illegali jew l-informazzjoni tkun apparenti. Huma jistgħu jiksbu dan l-għarfien u kuxjenza, fost l-oħrajn, permezz ta' avviżi sottomessi lilhom. Bħala tali, id-Direttiva 2000/31/KE tikkostitwixxi l-bażi għall-iżvilupp ta' proċeduri għat-tneħħija u ż-żamma ta' aċċess għal informazzjoni illegali. Din id-Direttiva tippermetti wkoll il-possibbiltà għall-Istati Membri li jobbligaw lil dawk il-fornituri tas-servizzi milquta li japplikaw l-obbligu ta' diliġenza fir-rigward ta' kontenut illegali li jistgħu jaħżnu.

(9)

Jekk jittieħdu miżuri fir-rigward ta' kontenut illegali online, l-Istati Membri jridu jirrispettaw il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini stabbilit fid-Direttiva 2000/31/KE. Għaldaqstant, huma ma jistgħux, għal raġunijiet li jaqgħu fil-qasam ikkoordinat kif speċifikat f'din id-Direttiva, jillimitaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mis-soċjetà tal-informazzjoni minn fornituri stabbiliti fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni madankollu tal-possibbiltà ta' derogazzjonijiet b'ċerti kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(10)

Barra minn hekk, bosta atti oħra tal-liġi tal-Unjoni jipprevedu qafas legali fir-rigward ta' ċerti tipi partikolari ta' kontenut illegali li huma disponibbli u mxerrda fuq l-internet. B'mod partikolari, id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex ineħħu paġni web li jkun fihom jew ixerrdu pedopornografija u tippermettilhom li jimblokkaw l-aċċess għal tali paġni tal-Internet, suġġett għal ċerti salvagwardji. Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), li għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sat-8 ta' Settembru 2018, tinkludi dispożizzjonijiet simili fir-rigward ta' kontenut online li jikkostitwixxi provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku. Id-Direttiva (UE) 2017/541 tistabbilixxi wkoll regoli minimi dwar id-definizzjoni ta' reati kriminali fil-qasam ta' reati terroristiċi, reati relatati ma' grupp terroristiku u reati relatati ma' attivitajiet terroristiċi. Skont id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), huwa possibbli li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti joħorġu inġunzjonijiet kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom qed jintużaw minn terza persuna sabiex tikser dritt ta' proprjetà intelletwali.

(11)

B'mod partikolari fuq dan l-isfond, minbarra miżuri volontarji meħuda minn ċerti fornituri tas-servizzi online, xi Stati Membri adottaw regoli dwar mekkaniżmi ta' “avviż u azzjoni” minn meta ġiet adottata d-Direttiva 2000/31/KE. Stati Membri oħra qed jikkunsidraw li jadottaw dawn ir-regoli. Dawn il-mekkaniżmi ġeneralment ifittxu li jiffaċilitaw in-notifika ta' kontenut li l-parti notifikanti tikkunsidra bħala illegali lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat (“l-avviż”), skont liema dan il-fornitur jista' jiddeċiedi jekk jaqbilx jew le ma' din l-evalwazzjoni u jixtieqx li jneħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dan il-kontenut (“l-azzjoni”). Qed ikun hemm dejjem aktar differenzi bejn dawn ir-regoli nazzjonali. B'konsegwenza ta' dan, il-fornituri ta' servizzi kkonċernati jistgħu jkunu soġġetti għal firxa ta' rekwiżiti legali li huma diverġenti fir-rigward tal-kontenut u tal-ambitu tagħhom.

(12)

Fl-interess tas-suq intern u għall-effettività tal-indirizzar tal-kontenut illegali online, u sabiex tissalvagwardja l-approċċ ibbilanċjat li d-Direttiva 2000/31/KE għandha l-għan li tiżgura, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti prinċipji ewlenin li jinħtieġ li jiggwidaw l-attivitajiet tal-Istati Membri u tal-fornituri ta' servizzi kkonċernati f'dan ir-rigward.

(13)

Dawn il-prinċipji jinħtieġ li jkunu stabbiliti u applikati b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, b'mod partikolari, dawk iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Jinħtieġ li l-kontenut illegali online jiġi ttrattat kif suppost u b'salvagwardji b'saħħithom biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali differenti inkwistjoni tal-partijiet kollha kkonċernati. Dawn id-drittijiet jinkludu, skont kif ikun il-każ, il-libertà tal-espressjoni, inkluża l-libertà li wieħed jirċievi u jaqsam informazzjoni, id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata ta' persuna u l-protezzjoni ta' data personali kif ukoll id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-utenti tas-servizzi kkonċernati. Huma jistgħu jinkludu wkoll il-libertà ta' intrapriża, inkluża l-libertà ta' kuntratt, ta' servizzi ta' hosting, kif ukoll id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet għal protezzjoni ta' proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali, għad-dinjità tal-bniedem u n-nondiskriminazzjoni ta' ċerti partijiet oħra kkonċernati. B'mod partikolari, deċiżjonijiet meħuda minn min joffri servizzi ta' hosting biex ineħħu jew iwaqqfu l-aċċess għall-kontenut li jaħżnu jinħtieġ li jqisu d-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-utenti tagħhom kif ukoll tar-rwol ċentrali li dawk il-fornituri għandhom it-tendenza li jkollhom fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u d-distribuzzjoni u l-akkoljenza ta' fatti, opinjonijiet u ideat f'konformità mal-liġi.

(14)

B'konformità mal-approċċ orizzontali sottostanti l-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, jinħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tkun applikata għal kull tip ta' kontenut li ma jkunx f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi tal-Istati Membri, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta' dawk il-liġijiet. Huwa biżżejjed li jittieħed kont tal-liġijiet tal-Istati Membri li huma kkonċernati mis-servizz inkwistjoni, b'mod partikolari dawk l-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa dak li fih hu stabbilit il-fornitur ta' servizz ta' hosting jew dak li fih jiġu pprovduti s-servizzi. Barra minn hekk, meta jkun qiegħed jingħata effett lil din ir-Rakkomandazzjoni, jinħtieġ li jittieħed kont debitu tas-serjetà, u kull tip ta' ħsara potenzjali kkawżata, minn kontenut illegali, li jista' jkun relatat mill-qrib mal-ħeffa ta' kwalunkwe azzjoni li tittieħed, u ta' dak li jista' jkun raġonevolment mistenni minn fornituri ta' servizzi ta' hosting, filwaqt li tikkunsidra fejn ikun rilevanti l-istat tal-iżvilupp u l-użu possibbli ta' teknoloġiji. Jinħtieġ li jitqiesu wkoll id-differenzi rilevanti li jistgħu jeżistu bejn diversi tipi ta' kontenut illegali u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu indirizzati.

(15)

Fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom rwol partikolarment importanti fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, minħabba li huma jaħżnu informazzjoni provduta minn u b'talba tal-utenti tagħhom u jagħtu lil utenti oħrajn aċċess għaliha, ta' spiss fuq skala kbira. Din ir-Rakkomandazzjoni għalhekk primarjament tirrigwarda l-attivitajiet u r-responsabbiltajiet ta' dawk il-fornituri. Madankollu, fejn xieraq, ir-rakkomandazzjonijiet li saru jistgħu jiġu applikati wkoll, mutatis mutandis, fir-rigward ta' fornituri ta' servizzi online oħra affettwati. Minħabba li l-għan ta' din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jindirizza riskji marbuta ma' kontenut illegali online li jaffettwa lill-konsumaturi fl-Unjoni, hija relatata mal-attivitajiet kollha li joffru fornituri ta' servizzi ta' hosting, irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti fl-Unjoni jew f'pajjiż terz, dment li dawn jindirirzzaw l-attivitajiet tagħhom lejn konsumaturi residenti fl-Unjoni.

(16)

Il-mekkaniżmi biex jintbagħtu avviżi lil min joffri servizzi ta' hosting dwar kontenut li huwa meqjus bħala kontenut illegali huma mezz importanti biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali online. Jinħtieġ li tali mekkaniżmi jiffaċilitaw in-notifika minn kull individwu jew entità li jixtiequ jagħmlu dan. Għalhekk, jinħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jkunu faċli biex jiġu aċċessati u użati mill-utenti kollha. Madankollu, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jibqgħu flessibbli, pereżempju fir-rigward tal-format tar-rappurtar jew it-teknoloġija li se tintuża, sabiex jippermettu soluzzjonijiet effiċjenti u biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati fuq dawk il-fornituri.

(17)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, jinħtieġ li l-avviżi jkunu suffiċjentement preċiżi u sostanzjati b'mod adegwat sabiex jippermettu lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting li jirċevuhom biex jieħu deċiżjoni informata u diliġenti fir-rigward tal-effett li għandu jingħata lill-avviż. Jinħtieġ li għalhekk jiġi żgurat, kemm jista' jkun possibbli, li dan l-istandard jintlaħaq. Madankollu, jekk l-avviż iwassalx għal għarfien jew kuxjenza jew le fis-sens tal-Artikolu 14 ta' dik id-Direttiva għandu jiġi vvalutat fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li dan l-għarfien jew kuxjenza jista' jinkiseb ukoll f'modi oħra milli permezz ta' avviżi.

(18)

Il-pussess tad-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur tal-avviż ġeneralment ma jkunx meħtieġ għall-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex ikun jista' jieħu deċiżjoni informata u diliġenti dwar is-segwitu li għandu jingħata avviż riċevut. Il-forniment ta' dettalji ta' kuntatt bħala prerekwiżit għall-preżentazzjoni ta' avviż ikun jinvolvi ostaklu għal avviż. Madankollu, l-inklużjoni ta' dettalji ta' kuntatt hija neċessarja għall-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex ikun jista' jipprovdi feedback. L-inklużjoni tad-dettalji ta' kuntatt tiegħu jew tagħha jinħtieġ li għalhekk ikun possibbli għall-fornitur tal-avviż, mingħajr ma dan ikun meħtieġ.

(19)

Sabiex jitjiebu t-trasparenza u l-preċiżjoni u tal-mekkaniżmi ta' “avviż u azzjoni” u biex jingħata lok għal rimedju fejn meħtieġ, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting, meta jkollhom dettalji ta' kuntatt ta' fornituri tal-avviż u / jew fornituri ta' kontenut, jinformaw b'mod adegwat u fil-ħin lil dawk il-persuni bil-passi li ttieħdu fil-kuntest ta' dawn il-mekkaniżmi, b'mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tagħhom dwar it-tneħħija jew it-twaqqif mitlub ta' aċċess għall-kontenut ikkonċernat. L-informazzjoni li għandha tingħata jinħtieġ li tkun proporzjonata, fis-sens li jinħtieġ li tikkorrispondi mas-sottomissjonijiet magħmula mill-persuni kkonċernati fl-avviżi jew kontra-avviżi tagħhom, filwaqt li jippermettu soluzzjonijiet xierqa u differenzjati u mingħajr ma dan iwassal għal piż eċċessiv fuq il-fornituri.

(20)

Sabiex tkun żgurata t-trasparenza u l-imparzjalità u biex tiġi evitata t-tneħħija mhux intenzjonata ta' kontenut li mhuwiex kontenut illegali, jinħtieġ li l-fornituri tal-kontenut, bħala prinċipju, jiġu infurmati bid-deċiżjoni biex ineħħu jew iwaqqfu l-aċċess għall-kontenut maħżun fuq talba tagħhom u jingħataw il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni permezz ta' kontroavviż, bil-ħsieb li wara din id-deċiżjoni titreġġa' lura, fejn xieraq, irrispettivament minn jekk dik id-deċiżjoni ttieħditx fuq il-bażi ta' avviż jew referenza jew skont miżuri proattivi mill-fornitur ta' servizzi ta' hosting.

(21)

Madankollu, fid-dawl tan-natura tal-kontenut inkwistjoni, l-għan ta' tali proċedura ta' kontroavviż, u l-piż addizzjonali li dan jinvolvi għal fornituri ta' servizzi ta' hosting, ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex jiġi rakkomandat li jipprovdu tali informazzjoni dwar dik id-deċiżjoni u li l-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni fejn huwa ċar li l-kontenut inkwistjoni huwa kontenut illegali u huwa relatat ma' reati kriminali serji li jinvolvu theddida għall-ħajja jew is-sikurezza ta' persuni, bħal reati speċifikati fid-Direttiva (UE) 2017/541 u d-Direttiva 2011/93/UE. Barra minn hekk, f'ċerti każijiet, raġunijiet ta' politika pubblika u sigurtà pubblika, u b'mod partikolari raġunijiet marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, jistgħu jiġġustifikaw li dik l-informazzjoni ma tingħatax direttament lill-fornitur tal-kontenut ikkonċernat. Għalhekk, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ma jagħmlux dan meta awtorità kompetenti tkun għamlet talba f'dan is-sens, ibbażata fuq raġunijiet ta' politika pubblika u sigurtà pubblika, għat-tul ta' żmien li dik l-awtorità talbet fid-dawl ta' dawn ir-raġunijiet. Sa fejn dan jinvolvi restrizzjoni fuq id-dritt li jiġu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data personali, jinħtieġ li l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jiġu rrispettati.

(22)

Jinħtieġ li l-mekkaniżmi ta' notifika u azzjoni bl-ebda mod ma jaffettwaw id-drittijiet tal-partijiet involuti biex jibdew proċedimenti legali, skont il-liġi applikabbli, fir-rigward ta' kwalunkwe kontenut li jkun meqjus bħala kontenut illegali jew ta' kwalunkwe miżura meħuda f'dan ir-rigward minn fornituri ta' servizzi ta' hosting. Mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qorti li jinqala' f'dan ir-rigward jista' jkun kompliment importanti għal proċedimenti ġudizzjarji, speċjalment meta dawn jippermetti riżoluzzjoni effettiva, affordabbli u rapida ta' tilwim bħal dan. Jinħtieġ li s-soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qorti għalhekk tkun imħeġġa, sakemm il-mekkaniżmi rilevanti jissodisfaw ċerti standards, b'mod partikolari f'termini ta' ġustizzja proċedurali, li l-aċċess tal-partijiet għall-qorti jibqa' mhux affettwat u li l-abbuż jiġi evitat.

(23)

Sabiex tiġi vvalutata aħjar l-effettività tal-mekkaniżmi ta' “avviż u azzjoni” u attivitajiet oħra ta' fornituri ta' servizzi ta' hosting dwar kontenut meqjus bħala kontenut illegali u biex tiġi żgurata r-responsabbiltà, jinħtieġ li jkun hemm trasparenza vis-à-vis l-pubbliku inġenerali. Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting għalhekk jippubblikaw regolarment rapporti dwar dawn il-mekkaniżmi u attivitajiet oħra, li jinħtieġ li jkunu suffiċjentement kompluti u dettaljati biex jippermettu li jkun hemm għarfien adegwat. Jinħtieġ li huma jipprovdu wkoll ċarezza ex ante, fit-termini ta' servizz tagħhom, dwar il-politiki tagħhom dwar it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal kull kontenut li jaħżnu, inkluż kontenut illegali.

(24)

Minbarra l-mekkaniżmi ta' avviż u azzjoni, miżuri proattivi speċifiċi u proporzjonati meħuda b'mod volontarju minn fornituri ta' servizzi ta' hosting, inkluż bl-użu ta' mezzi awtomatizzati f'ċerti każi, jista' jkun ukoll element importanti fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE. B'rabta ma' tali miżuri protettivi, jinħtieġ li jittieħed kont tal-qagħda ta' fornituri ta' servizzi ta' hosting li, minħabba d-daqs tagħhom jew l-iskala li fiha joperaw, għandhom riżorsi u għarfien espert limitati u tal-ħtieġa għal salvagwardji adegwati u effettivi li jakkumpanjaw tali miżuri.

(25)

Jista', b'mod partikolari, ikun xieraq li jittieħdu tali miżuri proattivi meta n-natura illegali tal-kontenut diġà tkun ġiet stabbilita jew fejn it-tip tal-kontenut huwa tali li kuntestwalizzazzjoni mhijiex essenzjali. Dan jista' jiddependi wkoll fuq in-natura, l-iskala u l-iskop tal-miżuri previsti, it-tip ta' kontenut inkwistjoni, dwar jekk il-kontenut ikunx ġie nnotifikat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mill-Europol u fuq jekk azzjoni tkunx diġà ttieħdet fir-rigward tal-kontenut, għaliex jitqies li hija kontenut illegali. Fir-rigward ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal b'mod partikolari, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħdu miżuri proattivi biex jidentifikaw u jipprevjenu t-tixrid ta' materjal bħal dan, f'konformità mal-impenji meħuda fil-kuntest tal-Alleanza Globali kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal Online.

(26)

F'dan il-kuntest, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' Settembru 2017 dwar l-indirizzar tal-kontenut illegali fuq l-internet, il-Kummissjoni stipulat il-fehma tagħha li t-tehid ta' tali miżuri proattivi volontarji ma jwassalx awtomatikament għal li fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat jitlef il-benefiċċju tal-eżenzjoni mir-responsabbiltà prevista fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE.

(27)

Huwa essenzjali li kull miżura biex jiġi indirizzat kontenut illegali fuq l-internet tkun soġġetta għal salvagwardji adegwati u effettivi mmirati biex jiżguraw li fornitur ta' servizzi ta' hosting jaġixxi b'mod diliġenti u b'mod proporzjonat meta jiddefinixxi u jinfurza l-politiki tiegħu fir-rigward ta' kwalunkwe kontenut li jaħżen, inkluż kontenut illegali, sabiex jiżgura, b'mod partikulari, li l-utenti jkunu jistgħu jirċievu u jagħtu informazzjoni online f'konformità mal-liġi applikabbli. Minbarra s-salvagwardji stabbiliti fil-liġi applikabbli, pereżempju rigward il-protezzjoni tad-data personali, salvagwardji partikolari, b'mod partikolari sorveljanza umana u verifiki, jinħtieġ li jiġu previsti u applikati fejn huwa xieraq fir-rigward ta' l-użu ta' mezzi awtomatizzati, sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet żbaljati u mhux intenzjonati.

(28)

Jinħtieġ li tiġi żgurata kooperazzjoni xierqa, bla xkiel u effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting meta jiġi ttrattat kontenut illegali fuq l-internet. Tali kooperazzjoni tista' tibbenefika mill-assistenza tal-Europol fejn xieraq, pereżempju fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, il-pedopornografija u s-solleċitazzjoni tat-tfal. Biex jiffaċilitaw tali kooperazzjoni, jinħtieġ li l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi ta' hosting jaħtru punti ta' kuntatt, u jinħtieġ li jistabbilixxu proċeduri għall-ipproċessar ta' notifiki ppreżentati minn dawn l-awtoritajiet bħala kwistjoni ta' prijorità u b'livell xieraq ta' fiduċja fir-rigward tal-preċiżjoni, b'kont meħud tal-għarfien espert partikolari u r-responsabbiltajiet ta' dawn l-awtoritajiet. Sabiex tindirizza b'mod effettiv ċerti reati kriminali serji, bħalma huma r-reati speċifikati fid-Direttiva (UE) 2017/541 u d-Direttiva 2011/93/UE, li jistgħu jiġu għall-attenzjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' hosting meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom, jinħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa li jużaw il-possibbiltà stipulata fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2000/31/KE biex jistabbilixxu fil-liġi l-obbligi ta' rappurtar, b'mod konformi mal-liġi applikabbli, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679.

(29)

Barra mill-awtoritajiet kompetenti, ċerti individwi jew entitajiet, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi u assoċjazzjonijiet kummerċjali, jista' jkollhom ukoll kompetenza partikolari u jixtiequ li jkollhom, fuq bażi volontarja, ċerti responsabbiltajiet relatati mal-indirizzar tal-kontenut illegali fuq l-internet. Fid-dawl tal-valur miżjud tagħhom u xi kultant l-għadd kbir ta' avviżi involuti, jinħtieġ li l-kooperazzjoni bejn tali senjalaturi ta' fiduċja u fornituri ta' servizzi ta' hosting tkun imħeġġa, b'mod partikolari billi jittrattaw in-notifiki li huma jippreżentaw ukoll bħala kwistjoni ta' prijorità u b'livell xieraq ta' fiduċja rigward l-eżattezza tagħhom. Madankollu, skont l-istatus partikolari tagħhom, jinħtieġ li din il-kooperazzjoni tkun miftuħa biss għal individwi u entitajiet li jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet xierqa, li jinġtieġ li barra minn hekk ikunu ċari u oġġettivi u jkunu disponibbli pubblikament.

(30)

Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq l-internet, teħtieġ approċċ olistiku, billi dan il-kontenut ta' spiss jemigra faċilment minn fornitur ta' servizzi ta' hosting għal ieħor u għandu t-tendenza li jisfrutta l-aktar ħoloq dgħajfa tal-katina. Hija għalhekk essenzjali l-kooperazzjoni, b'mod partikolari l-kondiviżjoni fuq bażi volontarja ta' esperjenzi, l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet teknoloġiċi. Kooperazzjoni bħal din hija partikolarment importanti fir-rigward ta' fornituri ta' servizzi ta' hosting li, minħabba d-daqs tagħhom jew l-iskala li fiha joperaw, ikollhom riżorsi limitati u għarfien espert limitat.

(31)

It-terroriżmu jinvolvi l-użu illegali u b'mod indiskriminat ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra ċ-ċittadini. It-terroristi saru dejjem aktar dipendenti fuq l-internet biex ixerrdu l-propaganda terroristika, ħafna drabi jintużaw metodi sofistikati biex jiżguraw id-disseminazzjoni rapida u wiesgħa. Filwaqt li sar progress, speċjalment fil-kuntest tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, għad hemm bżonn urġenti ta' rispons aktar fil-pront u aktar effettiv għall-kontenut terroristiku fuq l-internet, flimkien mal-ħtieġa għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting li jieħdu sehem fil-Forum tal-UE dwar l-Internet biex jissodisfaw b'mod sħiħ l-impenji tagħhom dwar rapportar effettiv u komprensiv.

(32)

Fid-dawl tal-partikularitajiet marbutin mal-indirizzar ta' kontenut terroristiku online, jinħtieġ li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-kontenut illegali ġeneralment ikunu kkumplimentati minn ċerti rakkomandazzjonijiet li huma relatati b'mod speċifiku mal-indirizzar ta' kontenut terroristiku online, li jibnu fuq u jikkonsolidaw l-isforzi li saru fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet.

(33)

Meta wieħed iqis b'mod partikolari r-riskji kbar assoċjati ma' kontenut terroristiku u r-rwol ċentral tal-fornituri ta' servizzi ta' hosting fit-tixrid ta' kontenut bħal dan, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha sabiex ma jippermettux kontenut terroristiku u jekk ikun possibbli jipprevjenu milli jospitawh, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tagħhom li jistabilixxu u jinfurzaw it-termini tagħhom ta' servizz u l-ħtieġa għal koordinazzjoni effettiva u salvagwardji xierqa u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE.

(34)

Jinħtieġ li dawn il-miżuri, b'mod partikolari, jikkonsistu f'li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u l-Europol fir-rigward ta' referenzi, li huma mezzi speċifiċi għall-fornituri ta' servizzi ta' hosting adattati għan-notifikar tal-partikularitajiet tal-indirizzar ta' kontenut terroristiku. L-awtoritajiet kompetenti u l-Europol, meta jippreżentaw referenzi, jinħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu għat-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal kontenut li huma jqisu li għandu kontenut terroristiku jew b'referenza għal-liġijiet rilevanti applikabbli jew mat-termini ta' servizz ta' hosting ikkonċernat. Jinħtieġ li dawn il-mekkaniżmi ta' riferiment jeżistu flimkien mal-mekkaniżmi għall-preżentazzjoni ta' notifiki, inkluż minn senjalaturi kredibbli, li jistgħu jintużaw ukoll għan-notifika ta' kontenut meqjus bħala kontenut terroristiku.

(35)

Billi kontenut terroristiku tipikament huma l-aktar dannuż fl-ewwel siegħa tad-dehra tiegħu online u minħabba l-għarfien espert speċifiku u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti u l-Europol, jinħtieġ li r-riferimenti jiġu vvalutati u, jekk ikun il-każ, tittieħed azzjoni dwarhom fi żmien siegħa, bħala regola ġenerali.

(36)

Jinħtieġ li dawn il-miżuri għall-ġlieda kontra kontenut terroristiku jikkonsistu wkoll f'miżuri proporzjonati u speċifiċi proattivi, inkluż bl-użu ta' mezzi awtomatizzati, sabiex isibu, jidentifikaw u jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut terroristiku u biex ikun żgurat li kontenut terroristiku ma jerġax jitfaċċa, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE. F'dan ir-rigward jinħtieġ li jittieħed kont tal-ħtieġa għal salvagwardji adegwati u effettivi li jakkumpanjaw dawn il-miżuri, b'mod partikolari dawk rakkomandati fil-Kapitolu II ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

(37)

Il-kooperazzjoni kemm bejn il-fornituri ta' servizzi ta' hosting kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti, hija ta' importanza kbira meta jkunu qed jippruvaw jindirizzaw kontenut terroristiku online. B'mod partikolari, l-għodod teknoloġiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-kontenut awtomatizzati, bħall-Bażi ta' Ddtaaej ta' Hashes, jistgħu jgħinu biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi evitat it-tixrid ta' kontenut terroristiku bejn servizzi ta' hosting differenti. Jinħtieġ li dawn it-tipi ta' kooperazzjoni u żvilupp, operazzjoni u l-kondiviżjoni ta' għodod teknoloġiċi jiġu mħeġġa, filwaqt li jsir użu mill-ħila esperta tal-Europol fejn xieraq. Dawn l-isforzi huma partikolarment importanti biex jippermettu li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting li, minħabba d-daqs tagħhom jew l-iskala li joperaw fiha, għandhom riżorsi u għarfien espert limitati, iwieġbu b'mod effettiv u b'mod urġenti għal riferimenti u biex jieħdu miżuri proattivi, kif rakkomandat.

(38)

Kemm jista' jkun jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting rilevanti jingħaqdu ma' dawn l-isforzi kooperattivi u jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting parteċipanti kollha jgħinu biex jiġi ottimizzat u mmassimizzat l-użu ta' dawn l-għodod. It-twettiq ta' arranġamenti ta' xogħol bejn il-partijiet rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq, il-Europol, jinħtieġ ukoll jiġi inkoraġġit, billi tali arranġamenti jistgħu jgħinu biex ikun żgurat approċċ konsistenti u effettiv u li jippermetti l-iskambju ta' esperjenzi rilevanti u ta' għarfien espert.

(39)

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali, kif ukoll il-moviment liberu ta' data personali, l-ipproċessar ta' data personali fil-kuntest ta' xi miżura meħuda biex tagħti effett lil din ir-Rakkomandazzjoni jinħtieġ li jsir f'konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u jinħtieġ jiġi sorveljat mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

(40)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta. B'mod partikolari, din ir-Rakkomadazzjoni tfittex li tassigura rispett sħiħ tal-Artikoli 1, 7, 8, 10, 11, 16, 17, 21, 24 u 47 tal-Karta.

(41)

Il-Kummissjoni biħsiebha tissorvelja mill-qrib kull azzjoni meħuda b'rispons għal din ir-Rakkomandazzjoni. Jinħtieġ li l-Istati Membri u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting għalhekk ikunu ppreparati biex jippreżentaw lill-Kummissjoni, b'talba tagħha, l-informazzjoni kollha rilevanti li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jipprovdu sabiex ikun jista' jsir tali monitoraġġ. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni miġbura u l-informazzjoni kollha l-oħra disponibbli, inkluż ir-rappurtar abbażi tad-diversi arranġamenti volontarji, il-Kummissjoni tivvaluta l-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni u tiddetermina jekk għandhomx jittieħdu passi addizzjonali, inkluż billi tipproponi atti vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni. Minħabba l-karatteristiċi partikolari u l-urġenza tat-trattament ta' kontenut terroristiku online, jinħtieġ li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni jitwettqu fuq il-bażi ta' informazzjoni dettaljata u b'mod partikolari malajr, fi żmien tliet xhur mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni, filwaqt li għal kontenut illegali ieħor, huwa xieraq li jsir hekk sitt xhur wara l-pubblikazzjoni.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

KAPITOLU I

Skop u terminoloġija

1.

L-Istati Membri u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting, fir-rigward ta' kontenut ipprovdut mill-fornituri tal-kontenut li jaħżnu fuq talba ta' dawn tal-aħħar, huma mħeġġa biex jieħdu miżuri effettivi, xierqa u proporzjonati biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali online, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti f'din ir-Rakkomandazzjoni u f'konformità sħiħa mal-Karta, b'mod partikolari d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u dispożizzjonijiet applikabbli oħra tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' data personali, il-kompetizzjoni u l-kummerċ elettroniku.

2.

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq u tikkonsolida l-progress li sar fil-qafas ta' arranġamenti volontarji miftiehma bejn fornituri ta' servizzi ta' hosting u fornituri oħra affettwati fir-rigward ta' tipi differenti ta' kontenut illegali. Fil-qasam tat-terroriżmu, tibni fuq u tikkonsolida l-progress li sar fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet.

3.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri li jieħdu miżuri fir-rigward ta' kontenut illegali online f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, inkluża l-possibbiltà għall-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri, skont is-sistemi legali tagħhom, li jirrikjedu li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting li jneħħu jew iwaqqfu l-aċċess għall-kontenut illegali. Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni ta' fornituri ta' servizzi ta' hosting skont id-Direttiva 2000/31/KE u l-possibbiltà tagħhom li jistabbilixxu u jinfurzaw it-termini tagħhom ta' servizz skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri.

4.

Għall-iskopijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, jintużaw it-termini li ġejjin:

(a)

“fornitur ta' servizzi ta' hosting” tfisser fornitur ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-ħażna ta' informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz fuq talba tiegħu jew tagħha, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31/KE, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment tiegħu, li jindirizza l-attivitajiet tiegħu lejn konsumaturi residenti fl-Unjoni;

(b)

“kontenut illegali” tfisser kull informazzjoni li ma tkunx f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru kkonċernat;

(c)

“utent” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li tkun ir-reċipjent tas-servizzi pprovduti minn fornitur ta' servizzi ta' hosting;

(d)

“fornitur ta' kontenut” tfisser utent li jkun issottometta informazzjoni li hija, jew li kienet, maħżuna b'talba tiegħu jew tagħha minn fornitur ta' servizzi ta' hosting;

(e)

“avviż” tfisser kull komunikazzjoni indirizzata lil fornitur ta' servizzi ta' hosting ippreżentata minn fornitur tal-avviż rigward kontenut maħżun minn dan il-fornitur ta' servizz li l-fornitur tal-avviż jikkunsidrah bħala kontenut illegali u jitlob it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal dak il-kontenut minn dan il-fornitur ta' servizzi ta' hosting fuq bażi volontarja;

(f)

“fornitur ta' avviż” tfisser individwu jew entità li ppreżentat avviż lil fornitur ta' servizzi ta' hosting;

(g)

“senjalatur fdat” tfisser individwu jew entità li huwa meqjus minn fornitur ta' servizzi ta' hosting li għandu għarfien partikolari u r-responsabbiltajiet għall-finijiet tal-indirizzar tal-kontenut illegali online;

(h)

“kontenut terroristiku” tfisser kull informazzjoni li t-tixrid tagħhom jammonta għal reati speċifikati fid-Direttiva (UE) 2017/541 jew reati terroristiċi speċifikati fil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, inkluż it-tixrid ta' informazzjoni rilevanti prodotta minn jew attribwibbli għal gruppi terroristiċi jew entitajiet inklużi fil-listi rilevanti stabbiliti mill-Unjoni jew min-Nazzjonijiet Uniti;

(i)

“awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi” tfisser l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali tagħhom biex iwettqu l-kompiti tal-infurzar tal-liġi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali f'konnessjoni għal kontenut illegali fuq l-internet;

(j)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri skont il-liġi nazzjonali tagħhom biex iwettqu kompiti li jinkludu l-indirizzar tal-kontenut illegali fuq l-internet, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet amministrattivi inkarigati mill-infurzar tal-liġi, irrispettivament min-natura jew suġġett speċifiku ta' din il-liġi, applikabbli f'ċerti oqsma partikolari;

(k)

“riferiment” tfisser kull komunikazzjoni indirizzata lil fornitur ta' servizzi ta' hosting ippreżentata minn awtorità kompetenti jew mill-Europol fir-rigward ta' kontenut maħżun minn dak il-fornitur ta' servizz ta' hosting li dik l-awtorità jew il-Europol jikkunsidrawh bħala kontenut terroristiku u jitolbu t-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal dak il-kontenut minn dak il-fornitur ta' servizzi ta' hosting fuq bażi volontarja.

KAPITOLU II

Rakkomandazzjonijiet ġenerali relatati mat-tipi kollha ta' kontenut illegali

Sottomissjoni u proċessar ta' avviżi

5.

Jinħtieġ li jiġu previsti mekkaniżmi biex jiġu ppreżentati l-avviżi. Jinħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jkunu faċilment aċċessibbli, faċli għall-utent u jippermettu l-preżentazzjoni tal-avviżi b'mezzi elettroniċi.

6.

Jinħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jippermettu u jinkoraġġixxu l-preżentazzjoni ta' avviżi li jkunu biżżejjed preċiżi u sostanzjati b'mod adegwat biex jippermettu lill-fornitur tal-hosting konċernat jieħu deċiżjoni informata u diliġenti fir-rigward tal-kontenut li għalih jirrelata l-avviż, b'mod partikolari jekk dak il-kontenut għandux jiġi kkunsidrat kontenut illegali jew le u jekk għandux jitneħħa jew jiġi diżattivat l-aċċess għalih. Jinħtieġ li dawn il-mekkaniżmi jkunu tali li jiffaċilitaw l-għoti ta' avviżi li jkun fihom spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-fornitur tal-avviż iqis li l-kontenut huwa illegali u indikazzjoni ċara tal-lok fejn jinsab dak il-kontenut.

7.

Jinħtieġ li fornitur tal-avviż ikollu l-possibbiltà, iżda mhux meħtieġ, li jinkludi d-dettalji ta' kuntatt tiegħu f'avviż. Jekk jiddeċiedi li jagħmel hekk, jinħtieġ li l-anonimità tiegħu tkun żgurata mill-fornitur tal-kontenut.

8.

Jekk id-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur avviż jkunu magħrufa mill-fornitur ta' servizzi ta' hosting, jinħtieġ li l-fornitur ta' servizzi ta' hosting jibgħat konferma tal-irċevuta lill-fornitur tal-avviż u jinħtieġ li, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lil dan tal-aħħar b'mod proporzjonat bid-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-kontenut li għalih jirrelata l-avviż.

L-informar lill-fornituri tal-kontenut u kontro-avviżi

9.

Jekk fornitur ta' servizzi ta' hosting jiddeċiedi li jneħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal xi kontenut li huwa jaħżen għaliex huwa jqis li l-kontenut huwa kontenut illegali, irrispettivament mill-mezzi użati għas-sejbien, l-identifikazzjoni jew it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal dak il-kontenut, u jekk id-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur tal-kontenut jkunu magħrufa lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting, jinħtieġ li l-fornitur tal-kontenut, mingħajr dewmien bla bżonn, jiġi infurmat b'mod proporzjonat b'dik id-deċiżjoni u r-raġunijiet għaliex ġiet meħuda, kif ukoll dwar il-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni msemmija fil-punt 11.

10.

Madankollu, jinħtieġ li l-punt 9 ma japplikax jekk ikun ċar li l-kontenut ikkonċernat huwa kontenut illegali u huwa relatat ma' reati kriminali serji li jinvolvu theddida għall-ħajja jew is-sikurezza ta' persuni. Barra minn hekk, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ma jipprovdux l-informazzjoni msemmija f'dak il-punt fejn, u sakemm, l-awtorità kompetenti titlob dan għal raġunijiet ta' politika pubblika u sigurtà pubblika u, b'mod partikolari, il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

11.

Jinħtieġ li l-fornituri tal-kontenut jingħataw il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-fornitur ta' servizzi ta' hosting imsemmija fil-punt 9 f'perjodu ta' żmien raġonevoli, permezz tal-preżentazzjoni ta' kontroavviż, lil dan il-fornitur tal-hosting. Jinħtieġ li l-mekkaniżmu biex jiġi preżentat tali kontravviż ikun faċli biex jintuża mill-utent u jippermetti s-sottomissjoni permezz ta' mezzi elettroniċi.

12.

Jinħtieġ li jiġi żgurat li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħu kont debitu ta' xi kontroavviż li jirċievu. Jekk il-kontroavviż ikun fih raġunijiet għall-fornitur ta' servizzi ta' hosting biex jikkunsidra li l-kontenut relatat mal-kontroavviż, ma għandux jitqies bħala kontenut illegali, jinħtieġ li huwa jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu sabiex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dak il-kontenut mingħajr dewmien żejjed, mingħajr preġudizzju għall-possibiltajiet tiegħu li jistabbilixxi u jinfurza t-termini ta' servizz skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri.

13.

Il-fornitur tal-kontenut li jkun ippreżenta l-kontroavviż, kif ukoll il-fornitur tal-avviż ikkonċernat, jinħtieġ li, jekk id-dettalji ta' kuntatt tagħhom ikunu magħrufa mill-fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat, jiġu infurmati, mingħajr dewmien bla bżonn, bid-deċiżjoni li jkun ħa l-fornitur tas-servizzi ta' hosting rigward il-kontenut ikkonċernat.

Ftehim barra mill-qorti

14.

L-Istati Membri huma mħeġġa jiffaċilitaw, fejn ikun xieraq, is-soluzzjonijiet ta' tilwim barra mill-qorti biex isolvu tilwim relatat mat-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal kontenut illegali. Jinħtieġ li kwalunkwe mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bħal dawn ikunu aċċessibbli faċilment, ikunu effettivi, trasparenti u imparzjali u jinħtieġ li jiżguraw li s-soluzzjonijiet huma ġusti u f'konformità mal-liġi applikabbli. Jinħtieġ li tentattivi biex isolvu t-tilwim barra l-qorti ma jaffettwawx l-aċċess għall-qorti tal-partijiet ikkonċernati.

15.

Jekk disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting huma mħeġġa li jippermettu l-użu ta' mekkaniżmi ta' soluzzjoni ta' tilwim barra mill-qorti.

Trasparenza

16.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu mħeġġa biex jippubblikaw spjegazzjonijiet ċari, li jinftiehmu faċilment u dettaljati biżżejjed dwar il-politika tagħhom rigward it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għall-kontenut li jaħżnu, inkluż kontenut meqjus bħala kontenut illegali.

17.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu mħeġġa biex jippubblikaw f'intervalli regolari, preferibbilment tal-inqas darba fis-sena, rapporti dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mat-tneħħija u tat-twaqqif ta' kontenut meqjus bħala kontenut illegali. Jinħtieġ li dawn ir-rapporti jinkludu, b'mod partikolari, informazzjoni dwar l-ammont u t-tip ta' kontenut imneħħi, dwar in-numru ta' avviżi u kontroavviżi riċevuti u ż-żmien meħtieġ biex tittieħed azzjoni.

Miżuri proattivi

18.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu mħeġġa biex jieħdu, fejn ikun xieraq, miżuri proattivi adatti, proporzjonati u speċifiċi fir-rigward tal-kontenut illegali. Tali miżuri proattivi jistgħu jinvolvu l-użu ta' mezzi awtomatiċi għad-detezzjoni ta' kontenut illegali biss meta jkun xieraq u proporzjonat u soġġett għal salvagwardji effettivi u adegwati, b'mod partikolari s-salvagwardji msemmija fil-punti 19 u 20.

Salvagwardji

19.

Sabiex tiġi evitata t-tneħħija ta' kontenut li mhuwiex kontenut illegali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting li jistabbilixxu u jinfurzaw it-termini tagħhom ta' servizz skont il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri, jinħtieġ li jkun hemm salvagwardji effettivi u adegwati biex jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jaġixxu b'mod diliġenti u b'mod proporzjonat fir-rigward tal-kontenut li jaħżnu, b'mod partikolari waqt l-ipproċessar ta' avviżi u kontroavviżi u meta jkunu qed jiddeċiedu dwar it-tneħħija possibbli jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal kontenut meqjus bħala kontenut illegali.

20.

Jekk fornituri ta' servizzi ta' hosting jużaw mezzi awtomatizzati rigward il-kontenut li jaħżnu, jinħtieġ li jiġu pprovduti salvagwardji adegwati u effettivi biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' dak il-kontenut, b'mod partikolari deċiżjonijiet li jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut meqjus bħala kontenut illegali, huma preċiżi u b'bażi soda. Jinħtieġ li tali salvagwardji jinkludu, b'mod partikolari, verifiki ta' sorveljanza umana, fejn xieraq u, f'kull każ, fejn valutazzjoni dettaljata tal-kuntest rilevanti hija meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kontenut għandux jiġi kkunsidrat kontenut illegali.

Protezzjoni kontra mġiba abbużiva

21.

Jinħtirġ li miżuri effettivi u adegwati jittieħdu biex tiġi evitata l-preżentazzjoni ta', jew it-teħid ta' azzjoni fuq, avviżi jew kontravviżi li jiġu ppreżentati in mala fede u forom oħra ta' mġiba abbużiva relatata mal-miżuri rrakkomandati biex jiġi indirizzat kontenut illegali fuq l-internet stipulat f'din ir-Rakkomandazzjoni.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting

22.

Jinħtieġ li l-Istati Membri u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jaħtru punti ta' kuntatt għal kwistjonijiet relatati ma' kontenut illegali online.

23.

Jinħtieġ li jiġu previsti proċeduri rapidi biex jipproċessaw l-avviżi sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti.

24.

L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu obbligi legali għal fornituri ta' servizzi ta' hosting biex jinfurmaw immedjatament l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, kwalunkwe prova ta' allegazzjonijiet ta' reati kriminali serji li jinvolvu theddida għall-ħajja jew is-sikurezza ta' persuni miksuba fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom, it-tneħħija jew it-twaqqif ta' aċċess għal kontenut illegali, f'konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, inkluż ir-Regolament (UE) 2016/679.

Il-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizzi ta' hosting u senjalaturi fdati

25.

Jinħtieġ li tkun imħeġġa l-kooperazzjoni bejn il-fornituri ta' servizzi ta' hosting u senjalaturi fdati. Jinħtieġ li b'mod partikolari jiġu previsti proċeduri rapidi biex jipproċessaw l-avviżi sottomessi minn senjalaturi fdati.

26.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu mħeġġa biex jippubblikaw kundizzjonijiet ċari u oġġettivi għad-determinazzjoni ta' liema individwi jew entitajiet huma jikkunsidraw bħala senjalaturi fdati.

27.

Jinħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet jimmiraw li jiżguraw li l-individwi jew l-entitajiet ikkonċernati għandhom l-għarfien espert meħtieġ u jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala senjalaturi fdati b'mod diliġenti u oġġettiv, ibbażat fuq ir-rispett għall-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni.

Kooperazzjoni bejn fornituri ta' servizzi ta' hosting

28.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting, fejn ikun xieraq, jaqsmu l-esperjenzi, is-soluzzjonijiet teknoloġiċi u l-aħjar prattiki, biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali online bejniethom u b'mod partikolari ma' fornituri ta' servizzi ta' hosting li, minħabba d-daqs tagħhom jew l-iskala li joperaw fiha, għandhom riżorsi limitati u għarfien espert limitat, inkluż fil-kuntest ta' kooperazzjoni kontinwa bejn fornituri ta' servizzi ta' hosting permezz ta' kodiċijiet ta' kondotta, memoranda ta' ftehim u arranġamenti volontarji oħra.

KAPITOLU III

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-kontenut terroristiku

Ġenerali

29.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relatati ma' kontenut terroristiku stabbiliti f'dan il-Kapitolu japplikaw flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu II.

30.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting espressament jistipulaw fit-termini ta' servizz tagħhom li huma mhux se jaħżnu kontenut terroristiku.

31.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħdu miżuri sabiex ma jaħżnux kontenut terroristiku, b'mod partikolari fir-rigward tar-riferimenti, miżuri proattivi u l-kooperazzjoni skont il-punti minn 32 sa 40.

Sottomissjoni u proċessar ta' riferimenti

32.

Jinħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikollhom il-kapaċità u r-riżorsi suffiċjenti biex b'mod effettiv jikxfu u jidentifikaw kontenut terroristiku u jippreżentaw riferimenti lill-fornitur ta' servizzi ta' hosting ikkonċernat, b'mod partikolari permezz tal-unitajiet nazzjonali ta' riferimenti tal-internet nazzjonali u f'kooperazzjoni mal-Unità ta' Riferimenti fuq l-Internet tal-Europol.

33.

Jinħtieġ li ssir dispożizzjoni għal mekkaniżmi li jippermettu l-preżentazzjoni ta' riferimenti. Jinħtieġ li jiġu pprovduti proċeduri rapidi biex jipproċessaw riferimenti, b'mod partikolari riferimenti ppreżentati minn unitajiet ta' riferiment tal-internet nazzjonali u l-Unità ta' Riferimenti fuq l-Internet tal-Europol.

34.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting, mingħajr dewmien żejjed, jibagħtu konfermi tal-irċevuta ta' riferimenti u jinformaw lill-awtorità kompetenti jew lill-Europol bid-deċiżjonijiet tagħhom fir-rigward tal-kontenut tar-riferimenti tagħhom, fejn jindikaw, skont il-każ, meta l-kontenut tneħħa jew ġie diżattivat l-aċċess għalih, jew għaliex iddeċidew li ma jneħħux jew ma jiddiżattivawx l-aċċess għal dan il-kontenut.

35.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jivvalutaw u, fejn meħtieġ, ineħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut identifikat f'riferimenti, bħala regola ġenerali, fi żmien siegħa mill-mument li fih huma jirċievu r-riferiment.

Miżuri proattivi

36.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħdu miżuri proattivi proporzjonati u speċifiċi, inkluż permezz ta' mezzi awtomatizzati, sabiex isibu, jidentifikaw u jneħħu jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut terroristiku.

37.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jieħdu miżuri proattivi proporzjonati u speċifiċi, inkluż permezz ta' mezzi awtomatizzati, sabiex immedjatament iwaqqfu l-fornituri tal-kontenut milli jissottomettu mill-ġdid kontenut li jkun diġà ġie mneħħi jew li l-aċċess għalih ikun diġà ġie diżattivat minħabba li huwa meqjus bħala kontenut terroristiku.

Kooperazzjoni

38.

Sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' kontenut terroristiku fuq servizzi ta' hosting differenti, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu mħeġġa jikkooperaw permezz tal-kondiviżjoni u l-aħjar użu għodod teknoloġiċi effettivi, adatti u proporzjonati, inklużi għodod li jippermettu l-identifikazzjoni tal-kontenut awtomatizzat. Jekk ikun teknoloġikament possibbli, jinħtieġ li l-formati rilevanti kollha li bihom jiġi mxerred kontenut terroristiku jiġu koperti. Jinħtieġ li kooperazzjoni bħal din tinkludi b'mod partikolari, fornituri ta' servizzi ta' hosting li, minħabba d-daqs tagħhom jew l-iskala li fiha joperaw, ikollhom riżorsi limitati u għarfien espert limitat.

39.

Jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting ikunu inkoraġġuti jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-funzjonament tajjeb u titjib tal-għodod imsemmija fil-punt 38, b'mod partikolari billi jipprovdu identifikaturi li jirrigwardaw il-kontenut kollu meqjus bħala kontenut terroristiku u bl-użu sħiħ tal-possibbiltajiet ta' dawn l-għodod.

40.

Jinħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jikkonkludi arranġamenti ta' ħidma, fejn xieraq bl-appoġġ tal-Europol, dwar kwistjonijiet relatati ma' kontenut terroristiku online, inkluż it-titjib tal-fehim tal-attivitajiet terroristiċi fuq l-internet, titjib tal-mekkaniżmi ta' riferiment, il-prevenzjoni ta' duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-isforzi u faċilitar tat-talbiet mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għall-finijiet ta' investigazzjonijiet kriminali b'rabta mat-terroriżmu.

KAPITOLU IV

Il-forniment tal-informazzjoni

41.

Jinħtieġ li l-Istati Membri, f'intervalli regolari u preferibbilment kull tliet xhur, jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq riferimenti ppreżentati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u d-deċiżjonijiet meħuda minn min joffri servizzi ta' hosting fuq dawk ir-riferimenti, kif ukoll dwar il-kooperazzjoni tagħhom ma' fornituri ta' servizzi ta' hosting dwar l-indirizzar ta' kontenut terroristiku.

42.

Sabiex jippermettu l-monitoraġġ tal-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni fir-rigward tal-kontenut terroristiku mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, jinħtieġ li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jippreżentaw lill-Kummissjoni, b'talba tagħha, l-informazzjoni kollha rilevanti biex tippermetti monitoraġġ bħal dan. Din l-informazzjoni tista' tinkludi, b'mod partikolari, informazzjoni dwar l-ammont ta' kontenut li tneħħa jew ġie diżattivat l-aċċess għalih, jew wara riferimenti jew avviżi jew permezz tat-teħid ta' miżuri proattivi u l-użu ta' mezzi awtomatizzati. Dan jista' jinkludi wkoll in-numru ta' riferimenti riċevuti u ż-żmien meħtieġ biex tittieħed azzjoni, kif ukoll l-ammont ta' kontenut ostakolat milli jiġi sottomess jew sottomessi mill-ġdid permezz tal-użu ta' sejbien tal-kontenut awtomatizzat u għodod teknoloġiċi oħra.

43.

Sabiex jippermettu l-monitoraġġ tal-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni fir-rigward tal-kontenut illegali, apparti kontenut terroristiku, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, jinħtieġ li l-Istati Membri u l-fornituri ta' servizzi ta' hosting jippreżentaw lill-Kummissjoni, b'talba tagħha, l-informazzjoni kollha rilevanti biex tippermetti monitoraġġ bħal dan.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Andrus ANSIP

Viċi President


(1)  COM(2017) 555 final tat-28 ta' Settembru 2017.

(2)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1). COM(2016) 287.

(3)  COM(2016) 593 final tal-14 ta' Settembru 2016.

(4)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6).

(7)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-Infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).


Top