Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1524

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1524 tal-11 ta' Ottubru 2018 li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (notifikata bid-dokument C(2018) 6560) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/6560

OJ L 256, 12.10.2018, p. 108–116 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1524/oj

12.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/108


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1524

tal-11 ta' Ottubru 2018

li tistabbilixxi metodoloġija ta' monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b'konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku

(notifikata bid-dokument C(2018) 6560)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 8(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tistabbilixxi rekwiżiti komuni tal-aċċessibbiltà biex tiżgura li s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku jsiru aktar aċċessibbli billi jkunu perċepibbli, operabbli, komprensibbli u robusti.

(2)

Biex jgħin lill-korpi tas-settur pubbliku jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà, il-monitoraġġ jenħtieġ joħloq sensibilizzazzjoni u jħeġġeġ it-tagħlim fl-Istati Membri. Minħabba f'hekk, u biex tiżdied it-trasparenza, ir-riżultati komprensivi tal-attivitajiet tal-monitoraġġ jenħtieġ ikunu disponibbli għall-pubbliku b'format aċċessibbli.

(3)

Biex tinħareġ data sinifikattiva u komparabbli, hemm bżonn issir preżentazzjoni strutturata tar-riżultati tal-attivitajiet tal-monitoraġġ fejn jiġu identifikati raggruppamenti differenti ta' servizzi pubbliċi u livelli ta' amministrazzjoni.

(4)

Biex jeħfief it-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli li jridu jiġu monitorjati, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jieħdu miżuri biex iżommu listi aġġornati tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

(5)

Biex jissaħħaħ l-impatt soċjali tal-monitoraġġ, waqt l-għażla tal-kampjun jista' jitħaddem approċċ ibbażat fuq ir-riskji, filwaqt li titqies, fost l-oħrajn, l-influwenza ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli speċifiċi, in-notifiki li waslu fil-mekkaniżmu tar-rispons, riżultati preċedenti tal-monitoraġġ, il-kontribut mingħand il-korp ta' infurzar u l-kontribut mingħand il-partijiet konċernati nazzjonali.

(6)

Peress li hu mbassar li se tavvanza t-teknoloġija għall-monitoraġġ awtomatizzat tal-applikazzjonijiet mobbli, l-Istati Membri jenħtieġ iqisu li l-metodu tal-monitoraġġ simplifikat, stabbilit f'din id-Deċiżjoni għas-siti elettroniċi, japplikawh ukoll għall-applikazzjonijiet mobbli, filwaqt li jqisu l-effikaċja u l-affordabbiltà tal-għodod disponibbli.

(7)

L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 jenħtieġ jiffurmaw il-bażi għall-metodoloġija tal-monitoraġġ.

(8)

Jenħtieġ li biex tiġi promossa l-innovazzjoni, tkun evitata l-impożizzjoni ta' ostakli għas-suq u jkun żgurat li l-metodoloġija tal-monitoraġġ hi newtrali mil-lat teknoloġiku, ma jiġux definiti testijiet speċifiċi li jridu jiġu applikati għall-kejl tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli. Minflok, jenħtieġ li l-metodoloġija tal-monitoraġġ tkun limitata għall-istabbiliment tar-rekwiżiti biex il-metodi jivverifikaw il-konformità u jsibu n-nuqqasijiet ta' konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

(9)

Jekk id-dispożizzjonijiet inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru jkunu jaqbżu r-rekwiżiti fl-istandards jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, biex titjieb il-komparabbiltà tal-monitoraġġ, l-Istati Membri jenħtieġ jimmonitorjaw u jirrappurtaw b'tali mod li jagħtu riżultati distingwibbli b'rabta mal-konformità mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

(10)

Jenħtieġ tkun żgurata l-komparabbiltà tar-riżultati tal-monitoraġġ bl-użu tal-metodoloġija tal-monitoraġġ u r-rappurtar stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Biex irawmu l-qsim tal-aqwa prattiki u jippromwovu t-trasparenza, l-Istati Membri jenħtieġ jippubblikaw kif qed iwettqu l-monitoraġġ, u jippubblikaw ukoll immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-monitoraġġ u t-testijiet applikati jkopru r-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

(11)

Jekk l-Istati Membri jużaw il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 1(5) biex jeskludu s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-iskejjel, il-kindergartens u l-iskejjel materni mill-applikazzjoni tad-Direttiva, dawn jenħtieġ jużaw il-partijiet rilevanti tal-metodoloġija biex jimmonitorjaw l-aċċessibbiltà tal-kontenut ta' dawn is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, b'rabta mal-funzjonijiet amministrattivi online essenzjali.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-kumitat stabbilit fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2016/2102,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi metodoloġija biex isir monitoraġġ tal-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti għar-rappurtar dwar l-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl, mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“format aċċessibbli” tfisser dokument elettroniku konformi mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(2)

“perjodu ta' monitoraġġ” tfisser perjodu ta' żmien li matulu l-Istati Membri għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-monitoraġġ biex jivverifikaw il-konformità jew in-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli fil-kampjun. Il-perjodu ta' monitoraġġ jista' jinkludi wkoll id-definizzjoni tal-kampjuni, l-analiżi tar-riżultati tal-monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar lill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Perjodiċità tal-monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tal-metodoloġija stabbilita f'din id-Deċiżjoni.

2.   L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar 2020 u t-22 ta' Diċembru 2021. Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ għandu jsir kull sena.

3.   L-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għall-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn it-23 ta' Ġunju 2021 u t-22 ta' Diċembru 2021. Fl-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jinkludi riżultati bbażati fuq kampjun imnaqqas għall-applikazzjonijiet mobbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-isforzi raġonevoli tagħhom biex jagħmlu monitoraġġ ta' mill-anqas terz tal-għadd stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.

4.   Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-monitoraġġ tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jsir kull sena, abbażi ta' kampjun stabbilit fil-punt 2.1.5 tal-Anness I.

5.   Wara l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ, il-perjodu ta' monitoraġġ annwali għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun bejn l-1 ta' Jannar u t-22 ta' Diċembru.

Artikolu 4

Ambitu u xenarju bażi tal-monitoraġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 abbażi tar-rekwiżiti identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

2.   Jekk ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru jkunu jaqbżu r-rekwiżiti fl-istandards jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, il-monitoraġġ għandu jsir b'tali mod li jagħti riżultati li jiddistingwu bejn il-konformità mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 u r-rekwiżiti li jaqbżuhom.

Artikolu 5

Metodi tal-monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-konformità tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102 permezz ta':

(a)

metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika l-konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.2 tal-Anness I;

(b)

metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib in-nuqqasijiet ta' konformità u li jitħaddem skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.3 tal-Anness I.

Artikolu 6

It-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-teħid tal-kampjuni mis-siti elettroniċi u mill-applikazzjonijiet mobbli li jridu jiġu mmonitorjati, isir skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 u 3 tal-Anness I.

Artikolu 7

Informazzjoni dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ

Jekk jiġu identifikati xi nuqqasijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi tas-settur pubbliku jingħataw data u informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà b'rabta man-nuqqasijiet tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom, fi żmien raġonevoli u b'format li jippermetti lill-korpi tas-settur pubbliku biex jikkoreġuhom.

Artikolu 8

Format tar-rapport

1.   L-Istati Membri għandhom iressqu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 lill-Kummissjoni b'format aċċessibbli u b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi l-eżitu tal-attivitajiet tal-monitoraġġ b'rabta mar-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Ir-rapport jista' jinkludi wkoll ir-riżultati relatati mar-rekwiżiti li jaqbżu dawk ir-rekwiżiti u jekk jiġu inklużi, dawn għandhom jiġu ppreżentati b'mod separat.

Artikolu 9

Kontenut tar-rapport

1.   Ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102 għandu jkun fih:

(a)

deskrizzjoni dettaljata ta' kif sar il-monitoraġġ;

(b)

immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi applikati tal-monitoraġġ jirrelataw mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102, inkluż ukoll xi bidliet sinifikanti fil-metodi;

(c)

l-eżitu tal-monitoraġġ ta' kull perjodu ta' monitoraġġ, inkluż id-data dwar il-kejl;

(d)

l-informazzjoni li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

2.   Fir-rapporti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fl-istruzzjonijiet stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 10

Perjodiċità tar-rappurtar

1.   L-ewwel rapport għandu jkopri l-ewwel perjodu ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli kif stabbilit fl-Artikolu 3(2) u (3).

2.   Imbagħad, ir-rapporti għandhom ikopru l-perjodi ta' monitoraġġ għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli bejn l-iskadenzi tar-rappurtar preċedenti u suċċedenti kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

Artikolu 11

Arranġamenti oħra għar-rappurtar

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-rapport b'format aċċessibbli.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.


ANNESS I

MONITORAĠĠ

1.   METODI TAL-MONITORAĠĠ

1.1.   Dawn il-metodi tal-monitoraġġ la jżidu, la jieħdu post u lanqas ma jieħdu preferenza fuq xi rekwiżiti li hemm fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. Il-metodi huma indipendenti minn kwalunkwe test speċifiku, għodda tal-valutazzjoni tal-aċċessibbiltà, sistema operatorja, brawżer tal-Internet jew teknoloġija assistiva speċifika.

1.2.   Monitoraġġ profond

1.2.1.

L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ profond li jivverifika bir-reqqa jekk sit elettroniku jew applikazzjoni mobbli jissodisfawx ir-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

1.2.2.

Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jivverifika kull pass tal-proċessi użati għall-kampjun, mill-anqas skont is-sekwenza awtomatika għat-tlestija tal-proċess.

1.2.3.

Il-metodu tal-monitoraġġ profond għandu jevalwa mill-anqas l-interazzjoni mal-formoli, il-kontrolli tal-interfaċċja u l-kaxex tad-djalogu, il-konfermi għall-entrati tad-data, il-messaġġi tal-erruri u rispons ieħor iġġenerat mill-interazzjoni mal-utenti meta possibbli, kif ukoll l-imġiba tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli meta jiġu applikati konfigurazzjonijiet jew preferenzi differenti.

1.2.4.

Il-metodu tal-monitoraġġ profond jista' jinkludi, meta xieraq, testijiet dwar l-użabbiltà fosthom osservazzjonijiet u analiżi dwar kif l-utenti b'diżabbiltà jipperċepixxu l-kontenut tas-sit elettroniku jew tal-applikazzjoni mobbli u dwar kemm il-komponenti tal-interfaċċja, bħall-menù tan-navigazzjoni jew il-formoli, isibuhom kumplessi biex jużawhom.

1.2.5.

Il-korp tal-monitoraġġ jista' juża, parzjalment jew għalkollox, ir-riżultati tal-evalwazzjoni mogħtija mill-korp tas-settur pubbliku skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-korp tas-settur pubbliku jkun ta l-aktar rapport tal-evalwazzjoni dettaljat u riċenti li għandu;

(b)

din l-evalwazzjoni tkun saret sa mhux aktar kmieni minn 3 snin qabel iż-żmien tal-monitoraġġ u skont il-punti 1.2.1 sa 1.2.4 u l-punt 3 ta' dan l-Anness;

(c)

il-korp tal-monitoraġġ iqis li r-rapport tal-evalwazzjoni hu validu biex jintuża fil-monitoraġġ profond, abbażi ta'

(i)

ir-riżultati tal-applikazzjoni tal-metodu tal-monitoraġġ simplifikat għas-sit elettroniku jew l-applikazzjoni mobbli; u

(ii)

jekk l-evalwazzjoni tkun saret aktar kmieni minn sena qabel iż-żmien tal-monitoraġġ, analiżi tar-rapport, aġġustat għall-karatteristiċi tagħha, fosthom kemm ilha li saret l-evalwazzjoni u l-livell ta' dettall.

1.2.6.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jingħata aċċess, soġġett għal xi dispożizzjonijiet legali rilevanti, li jimponu ċerti kundizzjonijiet għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, inkluż għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali, għal siti elettroniċi estranet jew intranet lill-korp tal-monitoraġġ għall-finijiet tal-monitoraġġ. Jekk l-aċċess ma jistax jingħata iżda l-korp tas-settur pubbliku jipprovdi r-riżultati tal-evalwazzjoni, il-korp tal-monitoraġġ jista' juża parzjalment jew għalkollox dawn ir-riżultati tal-evalwazzjoni skont dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-korp tas-settur pubbliku jkun ta l-aktar rapport tal-evalwazzjoni dettaljat u riċenti li għandu;

(b)

din l-evalwazzjoni tkun saret sa mhux aktar kmieni minn 3 snin qabel iż-żmien tal-monitoraġġ u skont il-punti 1.2.1 sa 1.2.4 u l-punt 3 ta' dan l-Anness.

1.3.   Monitoraġġ simplifikat

1.3.1.

L-Istati Membri għandhom japplikaw metodu tal-monitoraġġ simplifikat li jsib okkażjonijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' subsett tar-rekwiżiti kollha identifikati fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

1.3.2.

Il-metodu tal-monitoraġġ simplifikat għandu jinkludi testijiet relatati ma' kull wieħed mir-rekwiżiti tal-perċepibbiltà, l-operabbiltà, il-komprensibbiltà u r-robustezza msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2102. It-testijiet għandhom jispezzjonaw is-siti elettroniċi għal xi nuqqas ta' konformità. Il-monitoraġġ simplifikat għandu l-għan li jkopri dawn il-ħtiġijiet tal-utent b'rabta mal-aċċessibbiltà li ġejjin, sa kemm jista' jkun possibbli b'mod raġonevoli, permezz ta' testijiet awtomatizzati:

(a)

użu mingħajr viżjoni;

(b)

użu b'viżjoni limitata;

(c)

użu mingħajr perċezzjoni tal-kulur;

(d)

użu mingħajr smigħ;

(e)

użu bi smigħ limitat;

(f)

użu mingħajr kapaċità vokali;

(g)

użu b'manipulazzjoni jew saħħa limitati;

(h)

il-ħtieġa li jitnaqqsu kemm jistal-istimoli ta' reazzjonijiet fotosensittivi;

(i)

użu b'konjizzjoni limitata.

Għall-monitoraġġ simplifikat, l-Istati Membri jistgħu jużaw testijiet oħra li mhumiex awtomatizzati.

1.3.3.

L-Istati Membri għandhom jirrevedu r-regoli tat-test għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat wara kull skadenza għal sottomissjoni ta' rapport, kif stabbilit fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

2.   IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI MIS-SITI ELETTRONIĊI U MILL-APPLIKAZZJONIJIET MOBBLI

2.1.   Daqs tal-kampjun

2.1.1.

L-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu mmonitorjati waqt kull perjodu ta' monitoraġġ għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-popolazzjoni tal-Istat Membru.

2.1.2.

Fl-ewwel u fit-tieni perjodu ta' monitoraġġ, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 2 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku.

2.1.3.

Fil-perjodi ta' monitoraġġ sussegwenti, id-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat tas-siti elettroniċi għandu jkun 3 għal kull 100 000 abitant magħduda ma' 75 sit elettroniku.

2.1.4.

Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tas-siti elettroniċi għandu jkun mill-anqas 5 % tad-daqs minimu tal-kampjun għall-monitoraġġ simplifikat kif stabbilit fil-punt 2.1.2 magħduda ma' 10 siti elettroniċi.

2.1.5.

Id-daqs tal-kampjun għall-monitoraġġ profond tal-applikazzjonijiet mobbli għandu jkun 1 għal kull 1 000 000 abitant magħduda ma' 6 applikazzjonijiet mobbli.

2.1.6.

Jekk l-għadd ta' siti elettroniċi fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 75 % tas-siti elettroniċi kollha.

2.1.7.

Jekk l-għadd ta' applikazzjonijiet mobbli fi Stat Membru jkun inqas mill-għadd mitlub għall-monitoraġġ, l-Istat Membru għandu jwettaq monitoraġġ ta' mill-anqas 50 % tal-applikazzjonijiet mobbli kollha.

2.2.   Għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi

2.2.1.

L-għażla tal-kampjun għas-siti elettroniċi għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata, rappreżentattiva u ġeografikament bilanċjata.

2.2.2.

Il-kampjun għandu jkopri siti elettroniċi mil-livelli differenti ta' amministrazzjoni li jeżistu fl-Istati Membri. Filwaqt li jqis bħala referenza l-Klassifikazzjoni Komuni tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (NUTS) u l-Unitajiet Amministrattivi Lokali (LAU) stabbiliti fin-NUTS, il-kampjun għandu jinkludi dawn li ġejjin, meta jkunu jeżistu:

(a)

siti elettroniċi tal-istat;

(b)

siti elettroniċi reġjonali (NUTS1, NUTS2, NUTS3);

(c)

siti elettroniċi lokali (LAU1, LAU2);

(d)

siti elettroniċi ta' korpi regolati bil-liġi pubblika li ma jappartjenux għall-kategoriji (a) sa (c).

2.2.3.

Il-kampjun għandu jinkludi siti elettroniċi li jirrappreżentaw kemm jista' jkun il-varjetà ta' servizzi li jagħtu l-korpi tas-settur pubbliku, b'mod partikolari dawn li ġejjin: il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, it-trasport, l-edukazzjoni, ix-xogħol u t-taxxi, il-ħarsien ambjentali, ir-rikreazzjoni u l-kultura, l-akkomodazzjoni u l-ħtiġijiet tal-komunità, l-ordni pubbliku u s-sikurezza.

2.2.4.

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tas-siti elettroniċi li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' siti elettroniċi speċifiċi li jridu jiġu monitorjati.

2.3.   Għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli

2.3.1.

L-għażla tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli għandha l-għan li tikseb distribuzzjoni varjata u rappreżentattiva.

2.3.2.

Fil-kampjun għandhom jitqiesu applikazzjonijiet mobbli li jitniżżlu ta' sikwit.

2.3.3.

Meta jkunu qed jintgħażlu l-applikazzjonijiet mobbli għall-kampjun, għandhom jitqiesu sistemi operatorji differenti. Għal finijiet ta' teħid tal-kampjun, verżjonijiet ta' applikazzjoni mobbli maħluqa għal sistemi operatorji differenti għandhom jitqiesu bħala applikazzjonijiet mobbli distinti.

2.3.4.

Il-kampjun għandu jinkludi biss l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli, minbarra meta l-aħħar verżjoni ta' applikazzjoni mobbli ma tkunx kompatibbli ma' sistema operatorja antika, iżda li għadha tiġi appoġġata. F'dak il-każ, il-kampjun għandu jinkludi wkoll waħda minn dawk il-verżjonijiet preċedenti tal-applikazzjoni mobbli.

2.3.5.

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil partijiet konċernati nazzjonali, b'mod partikolari lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b'diżabbiltà, dwar il-kompożizzjoni tal-kampjun tal-applikazzjonijiet mobbli li għandhom jiġu monitorjati, u jqisu kif xieraq l-opinjoni tal-partijiet konċernati b'rabta ma' applikazzjonijiet mobbli speċifiċi li jridu jiġu mmonitorjati.

2.4.   Kampjun rikorrenti

Mit-tieni perjodu ta' monitoraġġ 'il quddiem, jekk l-għadd ta' siti elettroniċi jew applikazzjonijiet mobbli eżistenti jkun jippermetti, il-kampjun għandu jinkludi mill-anqas 10 % tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli mmonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti u mill-anqas 50 % ta' dawk li ġewx immonitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti.

3.   TEĦID TA' KAMPJUNI TAL-PAĠNI

3.1.   Għall-finijiet ta' dan l-Anness, “paġna” tfisser paġna web jew skrin f'applikazzjoni mobbli.

3.2.   Għall-metodu tal-monitoraġġ profond, għandhom jiġu mmonitorjat dawn il-paġni u dokumenti li ġejjin, jekk ikunu jeżistu:

(a)

il-paġna ewlenija, il-login, il-mappa tas-sit, il-kuntatt, il-paġni tal-għajnuna u tal-informazzjoni legali;

(b)

mill-anqas paġna waħda rilevanti dwar kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha, inkluż il-funzjonalità tat-tiftix;

(c)

il-paġni li fihom il-politika jew id-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà u l-paġni li fihom il-mekkaniżmu tar-rispons;

(d)

eżempji ta' paġni li għandhom apparenza distinta b'mod sostanzjali jew li jippreżentaw tip differenti ta' kontenut;

(e)

mill-anqas dokument wieħed rilevanti li jista' jitniżżel, meta applikabbli, għal kull tip ta' servizz mogħti mis-sit elettroniku jew mill-applikazzjoni mobbli, u kwalunkwe użi primarji oħra maħsuba tagħha;

(f)

kwalunkwe paġna oħra meqjusa rilevanti mill-korp tal-monitoraġġ;

(g)

paġni magħżula b'mod aleatorju li jammontaw għal mill-anqas 10 % tal-kampjun stabbilit mill-punti (a) sa (f) tal-punt 3.2.

3.3.   Jekk xi paġni fil-kampjun magħżul skont il-punt 3.2 jinkludu pass fi proċess, il-passi kollha tal-proċess għandhom jiġu verifikati, kif previst fil-punt 1.2.2.

3.4.   Għall-metodu tal-monitoraġġ simplifikat, minbarra l-paġna ewlenija għandu jiġi mmonitorjat għadd ta' paġni li jixraq skont id-daqs stmat u l-kumplessità tas-sit elettroniku.


ANNESS II

STRUZZJONIJIET DWAR IR-RAPPURTAR

1.   SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT

Ir-rapport għandu jinkludi sommarju tal-kontenut tiegħu.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET TAL-MONITORAĠĠ

Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-attivitajiet tal-monitoraġġ imwettqa mill-Istat Membri, b'separazzjoni ċara tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli, u għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

2.1.   Informazzjoni ġenerali

(a)

id-dati meta sar il-monitoraġġ f'kull perjodu ta' monitoraġġ;

(b)

l-identifikazzjoni tal-korp responsabbli mill-monitoraġġ;

(c)

id-deskrizzjoni tar-rappreżentattività u d-distribuzzjoni tal-kampjun kif stabbilit fil-punti 2.2 u 2.3 tal-Anness I.

2.2.   Kompożizzjoni tal-kampjun

(a)

l-għadd totali ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli inklużi fil-kampjun;

(b)

l-għadd ta' siti elettroniċi monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ simplifikat;

(c)

l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati permezz tal-metodu tal-monitoraġġ profond;

(d)

l-għadd ta' siti elettroniċi mmonitorjati, minn kull waħda mill-erba' kategoriji elenkati fil-punt 2.2.2 tal-Anness I;

(e)

id-distribuzzjoni tal-kampjun għas-siti elettroniċi li turi l-kopertura tas-servizzi pubbliċi (kif jeżiġi l-punt 2.2.3 tal-Anness I);

(f)

id-distribuzzjoni tal-kampjun għall-applikazzjonijiet mobbli minn fost is-sistemi operatorji differenti (kif jeżiġi l-punt 2.3.3 tal-Anness I);

(g)

l-għadd ta' siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli monitorjati fil-perjodu ta' monitoraġġ li ġew inklużi fil-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti (il-kampjun rikorrenti deskritt fil-punt 2.4 tal-Anness I).

2.3.   Korrelazzjoni mal-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-għodod użati għall-monitoraġġ

(a)

immeppjar, fl-għamla ta' tabella ta' korrelazzjoni, li juri kif il-metodi tal-monitoraġġ, inkluż it-testijiet applikati, jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(b)

id-dettalji dwar l-għodod użati, il-verifiki li saru u jekk kinux involuti testijiet tal-użabbiltà.

3.   EŻITU TAL-MONITORAĠĠ

Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-eżitu tal-monitoraġġ li għamel l-Istat Membru.

3.1.   Eżitu dettaljat

Għal kull metodu tal-monitoraġġ applikat (profond u simplifikat, għas-siti elettroniċi u għall-applikazzjonijiet mobbli), ir-rapport għandu jipprovdi dan li ġej:

(a)

deskrizzjoni komprensiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż data dwar il-kejl;

(b)

analiżi kwalitattiva tal-eżitu tal-monitoraġġ, inkluż:

(i)

is-sejbiet b'rabta man-nuqqasijiet ta' konformità frekwenti jew kritiċi mar-rekwiżiti li hemm fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(ii)

meta possibbli, l-iżviluppi minn perjodu ta' monitoraġġ partikolari għall-perjodu li jmiss, fejn tidħol l-aċċessibbiltà ġenerali tas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli monitorjati.

3.2.   Kontenut addizzjonali (fakultattiv)

Ir-rapport jista' jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-eżitu tal-monitoraġġ tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(b)

dettalji dwar il-prestazzjoni tat-teknoloġiji differenti użati mis-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli monitorjati, fejn tidħol l-aċċessibbiltà;

(c)

ir-riżultati tal-monitoraġġ ta' kwalunkwe rekwiżiti li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti fl-istandards u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(d)

it-tagħlimiet miksuba mir-rispons li bagħat il-korp tal-monitoraġġ lill-korpi tas-settur pubbliku monitorjati;

(e)

kwalunkwe aspett rilevanti ieħor tal-monitoraġġ tal-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi jew tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku li jmur lilhinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2016/2102;

(f)

sommarju tal-eżiti tal-konsultazzjoni mal-partijiet konċernati u l-lista ta' dawk ikkonsultati;

(g)

dettalji dwar l-użu tad-deroga minħabba piż sproporzjonat prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

4.   UŻU TAL-PROĊEDURA TA' INFURZAR U R-RISPONS TAL-UTENT FINALI

Ir-rapport għandu jagħti dettalji dwar l-użu u deskrizzjoni tal-proċedura ta' infurzar stabbilita mill-Istati Membri.

Fir-rapport, l-Istati Membri jistgħu jinkludu kwalunkwe data kwalitattiva u kwantitattiva dwar ir-rispons li rċevew il-korpi tas-settur pubbliku permezz tal-mekkaniżmu tar-rispons stabbilit fl-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.

5.   KONTENUT RELATAT MA' MIŻURI ADDIZZJONALI

Ir-rapport għandu jkun fih il-kontenut li jeżiġi l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva (UE) 2016/2102.


Top