EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1307

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1307 tas-27 ta' Settembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2018) 6382) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/6382

OJ L 244, 28.9.2018, p. 117–120 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1307/oj

28.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/117


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1307

tas-27 ta' Settembru 2018

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2018) 6382)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 (3) ġiet adottata wara t-tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 f'għadd ta' Stati Membri (“l-Istati Membri kkonċernati”), u l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (4).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE għandhom jinkludu mill-anqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll li l-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE, iridu jinżammu mill-inqas sad-dati għal dawk iż-żoni stabbiliti fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(3)

Mid-data tal-adozzjoni tagħha 'l hawn, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata diversi drabi biex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 (5) sabiex jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-dispaċċ tal-konsenji ta' flieles ta' jum miż-żoni elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247. Dik l-emenda qieset il-fatt li hemm riskju baxx ħafna li l-flieles ta' jum ixerrdu l-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja meta mqabbla ma' prodotti bażiċi oħra tat-tjur.

(4)

Sussegwentement id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata wkoll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 (6) sabiex jissaħħu l-miżuri ta' kontroll tal-mard applikabbli fejn hemm riskju akbar li tinxtered l-influenza avjarja b'patoġeniċità għolja. Għaldaqstant, issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta' żoni ristretti oħra fl-Istati Membri kkonċernati, kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE, wara tifqigħa jew tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja, u kemm idumu l-miżuri li jridu jiġu applikati fihom. Issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll ir-regoli għad-dispaċċ tat-tjur ħaj, tal-flieles ta' jum u tal-bajd għat-tifqis miż-żoni ristretti l-oħra lejn Stati Membri oħra, skont ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Barra minn hekk, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat diversi drabi, l-aktar biex jitqiesu l-bidliet fil-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE.

(6)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1044 (7), wara n-notifika mill-Bulgarija ta' tifqigħa ġdida ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'azjenda tat-tjur li tinsab fir-reġjun ta' Dobrich ta' dak l-Istat Membru. Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħet dik it-tifqigħa, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda tat-tjur infettata.

(7)

Mid-data li fiha saret l-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1044 'l hawn, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 f'azjenda tat-tjur li tinsab fir-reġjun ta' Plovdiv ta' dak l-Istat Membru.

(8)

Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħet dik it-tifqigħa l-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda tat-tjur infettata f'dak l-Istat Membru.

(9)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri f'kollaborazzjoni mal-Bulgarija, u l-Kummissjoni hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Bulgarija, jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-azjenda tat-tjur fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa l-ġdida.

(10)

Biex ikun evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex ikunu evitati l-ostakli għall-kummerċ mhux ġustifikati u imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-Bulgarija, jiġu deskritti malajr iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi aġġornata sabiex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika aġġornata fil-Bulgarija, fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja. B'mod partikolari, jenħtieġ li fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġu elenkati ż-żoni l-ġodda ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija li ġew stabbiliti u li issa huma soġġetti għar-restrizzjonijiet skont id-Direttiva 2005/94/KE.

(12)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tapplika sal-31 ta' Diċembru 2018. Minħabba li għadom qed jinstabu okkorrenzi tal-vajrus tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'għasafar selvaġġi u b'mod partikolari t-tifqigħa attwali kkonfermata f'azjenda tat-tjur li tinsab fir-reġjun ta' Plovdiv fil-Bulgarija, hemm riskju dejjem akbar ta' aktar tifqigħat fit-tjur u fl-għasafar ikkatturati. Għalhekk, huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2019. Din l-estensjoni tqis l-iżviluppi attwali fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja, u r-riskji korrispondenti għas-saħħa tal-annimali li jirriżultaw minn aktar tifqigħat possibbli ta' dik il-marda, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' miżuri protettivi f'epidemiji reċenti li wrew li kienu ta' suċċess f'li jillimitaw it-tixrid laterali bejn azjendi tat-tjur għall-minimu ħlief għal xi tixrid fi ftit Stati Membri b'ċerti sistemi tal-produzzjoni tal-għasafar tal-ilma domestiċi.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi emendat bl-aġġornament tar-reġjonalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jinkludi ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru, kif ukoll kemm se jdumu r-restrizzjonijiet applikabbli fihom.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi emendata skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 5, id-data “il-31 ta' Diċembru 2018” hija sostitwita bid-data “il-31 ta' Diċembru 2019”.

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16)

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 tal-11 ta' April 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 101, 13.4.2017, p. 80).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 261, 11.10.2017, p. 26).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1044 tat-23 ta' Lulju 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 188, 25.7.2018, p. 12).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti A, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

Stat Membru: Il-Bulgarija

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

Ir-reġjun ta' Plovdiv:

Il-muniċipalità ta' Maritsa

Trilistnik

12.10.2018”

Il-muniċipalità ta' Rakovski

L-art ta' Stryama — Farm tal-kaċċa tal-Istat il-‘Chekeritsa’

(2)

Fil-Parti B, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

Stat Membru: Il-Bulgarija

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

Ir-reġjun ta' Plovdiv:

Il-muniċipalità ta' Maritsa

Trilistnik

L-art ta' Stryama — Farm tal-kaċċa tal-Istat il-‘Chekeritsa’

Minn 12.10.2018 sa 21.10.2018

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Rogosh

Skutare

Manole

Manolsko Konare

Yasno pole

Dink

Krislovo

Kalekovets

Zhelyazno

Voivodino

Sadovo

21.10.2018”

Il-muniċipalità ta' Rakovski

Rakovski

Shishmatsi

Stryama


Top