Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1251

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1251 tat-18 ta' Settembru 2018 li ma tapprovax l-empentrin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 18 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/5457

OJ L 235, 19.9.2018, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1251/oj

19.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 235/24


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1251

tat-18 ta' Settembru 2018

li ma tapprovax l-empentrin bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta' prodott 18

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 89(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati bil-ħsieb li possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-empentrin (Nru tal-KE: mhux disponibbli, Nru tal-CAS: 54406-48-3).

(2)

L-empentrin ġiet evalwata għall-użu fi prodotti tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta' artropodi oħra, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Il-Belġju inħatar bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u ppreżenta r-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-24 ta' Ġunju 2016.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1062/2014, l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġiet fformulata fit-13 ta' Diċembru 2017 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, filwaqt li tqiesu l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni (3).

(5)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali li jintużaw għat-tip ta' prodott 18 u li fihom l-empentrin ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(6)

B'mod partikolari, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, l-applikant jeħtieġ jipprovdi biżżejjed dejta sabiex ikun possibbli li jiġi determinat jekk sustanza attiva tissodisfax il-kriterji ta' esklużjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) ta' dak ir-Regolament. L-applikant intalab diversi drabi mill-awtorità kompetenti ta' evalwazzjoni biex jipprovdi informazzjoni dwar karċinoġenità sabiex issir din il-valutazzjoni, u dan ma pprovdiex dejta suffiċjenti fi żmien xieraq, b'tali mod li jagħmilha impossibbli li wieħed jivvaluta l-kriterju ta' esklużjoni stipulat fl-Artikolu 5(1)(a) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, ix-xenarji evalwati fil-valutazzjonijiet tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u dawk ambjentali identifikaw riskji inaċċettabbli u ma seta' jiġi identifikat l-ebda użu sikur.

(8)

Għalhekk, mhuwiex xieraq li l-empentrin tiġi approvata għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Empentrin (Nru tal-KE: mhux disponibbli, Nru tal-CAS: 54406-48-3) mhijiex approvata bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta' Awwissu 2014 dwar il-programm ta' ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).

(3)  L-Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali (BPC) dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Empentrin, Tip ta' prodott: 18, ECHA/BPC/182/2017, adottata fit-13 ta' Diċembru 2017.


Top