Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0900

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/900 tal-25 ta' Ġunju 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma

ST/9551/2018/INIT

OJ L 160I , 25.6.2018, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/900/oj

25.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 160/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/900

tal-25 ta' Ġunju 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma.

(2)

Fis-26 ta' Frar 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jikkundannaw l-abbużi mifruxin, sistematiċi u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li qed isiru mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar/Burma. Fil-konklużjonijiet saret sejħa għal proposti għal miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali għolja militari tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw).

(3)

Fis-26 ta' April 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/655 (2) li tipprovdi għal qafas legali għal miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għax-xkiel għall-għoti ta' assistenza umanitarja lil persuni ċivili fil-bżonn u għax-xkiel għat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti ta' ksur jew abbużi serji allegati tad-drittijiet tal-bniedem.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Myanmar/Burma u r-responsabbiltà għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn partijiet tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera, jenħtieġ li seba' persuni jiddaħħlu fil-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK.

(5)

Jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/655 tas-26 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma (ĠU L 108, 27.4.2018, p. 29).


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2013/184/PESK:

 

“Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

1.

Aung Kyaw Zaw

Data tat-twelid: 20 ta' Awwissu 1961

Numru tal-passaport: DM000826

Data tal-ħruġ: 22 ta' Novembru 2011

Data tal-iskadenza: 21 ta' Novembru 2021

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 17444

Il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw kien il-Kmandant tal-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Awwissu 2015 sa tmiem l-2017. L-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 kellu f'idejh il-Kmand tal-Punent u, f'dak il-kuntest, il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

2.

Maung Maung Soe

Data tat-twelid: Marzu 1964

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: Tatmadaw Kyee 19571

Il-Maġġur Ġeneral Maung Maung Soe kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Punent tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ottubru 2016 sal-10 ta' Novembru 2017 u kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Rakhine. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

3.

Than Oo

Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1973

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 25723

Il-Brigadier Ġeneral Than Oo hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

4.

Aung Aung

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: BC 23750

Il-Brigadier Ġeneral Aung Aung hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

5.

Khin Maung Soe

 

Il-Maġġur Ġenerali Khin Maung Soe hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 15 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), li taħtha hemm il-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 15 tal-Infanterija Ħafifa, b'mod partikolari l-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

6.

Thura San Lwin

Data tat-twelid: 1957

Il-Brigadier Ġenerali Thura San Lwin kien il-Kmandant tal-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera minn Ottubru 2016 sal-bidu ta' Ottubru 2017. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

7.

Thant Zin Oo

 

Thant Zin Oo hu l-Kmandant tat-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. Il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jinkludi qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya. Dak il-ksur twettaq flimkien ma', u bħala appoġġ dirett għal, id-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) immexxija mill-Brigadier Ġeneral Aung Aung. Thant Zin Oo hu għaldaqstant assoċjat mal-persuna elenkata, il-Brigadier Ġeneral Aung Aung.

25.6.2018”


Top